This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0083
Opinion of Advocate General Medina delivered on 23 March 2023.#RTG v Tuk Tuk Travel SL.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de Primera Instancia de Cartagena.#Reference for a preliminary ruling – Directive (EU) 2015/2302 – Article 5 – Package travel and linked travel arrangements – Termination of a package travel contract – Unavoidable and extraordinary circumstances – COVID-19 pandemic – Right to terminate the contract – Request for full refund – Information obligation on the travel organiser – Article 12 – Application of the principles of the delimitation of the subject matter of an action by the parties and of the correlation between the claims put forward in the action and the rulings contained in the operative part – Effective protection of the consumer – Examination of its own motion by the national court – Conditions.#Case C-83/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2023.
RTG vs Tuk Tuk Travel S.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Cartagena.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 5 – Pakketti tal-ivvjaġġar kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija tal-COVID‑19 – Dritt ta’ xoljiment – Talba għal kumpens sħiħ – Obbligu ta’ informazzjoni tal-organizzatur tal-ivvjaġġar – Artikolu 12 – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv – Protezzjoni effettiva tal-konsumatur – Eżami ex officio mill-qorti nazzjonali – Kundizzjonijiet.
Kawża C-83/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2023.
RTG vs Tuk Tuk Travel S.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Cartagena.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 5 – Pakketti tal-ivvjaġġar kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija tal-COVID‑19 – Dritt ta’ xoljiment – Talba għal kumpens sħiħ – Obbligu ta’ informazzjoni tal-organizzatur tal-ivvjaġġar – Artikolu 12 – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv – Protezzjoni effettiva tal-konsumatur – Eżami ex officio mill-qorti nazzjonali – Kundizzjonijiet.
Kawża C-83/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:245
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )
Kawża C‑83/22
RTG
vs
Tuk Tuk Travel SL
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5, Cartagena, Spanja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Direttiva (UE) 2015/2302 – Vjaġġi kollox kompriż (package travel) u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Artikolu 5(1) – Obbligi prekuntrattwali ta’ informazzjoni – Anness I, Partijiet A u B – Formola ta’ informazzjoni Standard – Artikolu 12(2) – Terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż – COVID‑19 – Dritt għal kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar għall-vjaġġ kollox kompriż – Talba mressqa mill-vjaġġatur għal kumpens parzjali – Qorti nazzjonali – Eżami ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja – Prinċipji ta’ dritt proċedurali nazzjonali”
1. |
Is-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu kien fost is-setturi l-iktar affettwati b’mod serju u immedjat mill-pandemija tal-COVID-19 ( 2 ). L-inċertezza pprovokata mill-pandemija u l-firxa rapida tagħha fost kontinenti differenti wasslu lil ħafna vjaġġaturi sabiex jitterminaw il-kuntratti tagħhom ta’ vjaġġi kollox kompriż (package travel) qabel ma ttieħdu miżuri ta’ emerġenza mill-gvernijiet u ngħalqu l-fruntieri. Dan il-kuntest ta’ inċertezza qajjem dubji dwar il-portata eżatta tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u, iktar speċifikament, għamilha diffiċli għall-vjaġġaturi sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 ( 3 ). |
2. |
F’dan l-isfond, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjoni pura ta’ dritt proċedurali. Hija tikkonċerna s-setgħat tal-qrati li jirrikonoxxu ex officio d-drittijiet tal-konsumaturi li jirriżultaw mid-Direttiva 2015/2302 u, iktar speċifikament, id-dritt tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas xi tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk qorti għandhiex ikollha s-setgħa li tagħti lil konsumatur, ex officio, iktar milli huwa talab sabiex tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li huwa jislet bħala vjaġġatur skont din id-direttiva. |
3. |
Hemm ġurisprudenza stabbilita u abbundanti dwar is-setgħat tal-qrati nazzjonali sabiex jiddeterminaw ex officio jekk klawżola kuntrattwali hijiex inġusta. Din il-linja ta’ ġurisprudenza, iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-parti inferjuri, tinkludi wħud mis-sentenzi l-iktar importanti tad-dritt tal-Unjoni dwar il- konsumatur ( 4 ), bħal dawk tal-kawżi Océano Grupo ( 5 ), Cofidis ( 6 ) jew Aziz ( 7 ). Is-sentenza fil-kawża Océano Grupo tqieset “għodda b’saħħitha sabiex telimina inġustizzja u tistabbilixxi mill-ġdid ġustizzja soċjali fid-dritt tal-kuntratti” [traduzzjoni libera] ( 8 ), filwaqt li s-sentenza fil-kawża Cofidis ispirat anki l-arti ( 9 ). Wara iktar minn żewġ deċennji ta’ żvilupp u konsolidazzjoni ta’ din il-linja ta’ ġurisprudenza, l-iktar sentenzi reċenti jiffokaw fuq il-kjarifika ta’ aspetti tat-teorija tal-ex officio, li jilħqu xi drabi bilanċ delikat bejn il-protezzjoni tal-konsumaturi effettiva u l-prinċipji fundamentali tad-dritt proċedurali ( 10 ). Minn din il-perspettiva, it-teorija tal-ex officio tidher li qiegħda tilħaq stadju ta’ “maturità” fl-iżvilupp tagħha jew, kif awtur b’mod ġust isejħilha, l-“età tar-raġuni” ( 11 ). Din il-kawża hija parti minn dan l-istadju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
Direttiva 2015/2302
4. |
Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2015/2302 huwa intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni u kontenut tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar”. Taħt dan il-kapitolu, l-Artikolu 5, bit-titolu ta’ “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma l-vjaġġatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, l-organizzatur u, fejn il-pakkett jinbiegħ permezz ta’ bejjiegħ bl-imnut, dan tal-aħħar għandu jagħti wkoll lill-vjaġġatur l-informazzjoni standard permezz tal-formula rilevanti kif tinsab fil-Parti A jew Parti B tal-Anness I, u, fejn applikabbli għall-pakkett, bl-nformazzjoni li ġejja:
[…]
[…] 3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprovduta b’mod ċar, li jinftiehem u prominenti. Fejn tali informazzjoni tingħata bil-miktub, din għandha tkun tista’ tinqara.” |
5. |
L-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. […] 2. Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.” |
6. |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, bl-intestatura “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprevedi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. Il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. 3. Kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew kwalunkwe dikjarazzjoni mill-vjaġġatur li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont din id-Direttiva jew li għandha l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.” |
7. |
L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Infurzar”, jiddikjara: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiżguraw konformità ma’ din id-Direttiva.” |
8. |
Il-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, intitolata ‘Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fejn l-użu ta’ ħoloq elettroniċi hu possibbli’, tistabbilixxi, f’kaxxa tal-kliem, il-kontenut ta’ din il-formola u tindika li, billi jsegwi l-ħolqa elettronika, il-vjaġġatur jirċievi l-informazzjoni li ġejja: Drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302 […]
[…]” |
9. |
Il-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, intitolata “Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar f’sitwazzjonijiet oħra għajr dawk koperti fil-Parti A”, tistabbilixxi, f’kaxxa ta’ kliem, il-kontenut ta’ din il-formola, segwita mill-istess drittijiet ewlenin skont din id-direttiva bħal dawk stabbiliti skont il-Parti A tal-Anness I ta’ din id-direttiva. |
Id-dritt Spanjol
Il-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti
10. |
L-Artikoli 5 u 12 tad-Direttiva 2015/2302 huma trasposti fid-dritt Spanjol permezz tal-Artikoli 153 u 160, rispettivament, tar-Real Decreto Legislativo 1/2007, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Leġiżlattiv Reali 1/2007 li Japprova t-Test Ikkonsolidat tal-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti u Liġijiet Komplementari Oħrajn; iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti”) tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181). |
Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili
11. |
L-Artikolu 216 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il‑Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7 tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575; iktar ’il quddiem il-“LEC”) jipprovdi dan li ġej: “Il-qrati ċivili għandhom jiddisponu mill-kawżi li jitressqu quddiemhom abbażi tal-fatti, tal-provi u tat-talbiet imressqa mill-partijiet, ħlief fejn huwa previst mod ieħor mil-liġi f’każijiet speċifiċi.” |
12. |
Skont l-Artikolu 218(1) tal-LEC: “Id-deċiżjonijiet ġuridiċi għandhom ikunu ċari u preċiżi u għandhom jirriflettu r-rikjesti u talbiet oħrajn tal-partijiet, li jkunu saru fil-ħin matul il-proċeduri. Dawn id-deċiżjonijiet għandu jkun fihom id-dikjarazzjonijiet meħtieġa, jaqtgħu favur jew kontra l-konvenut u jiddeċiedu fuq kull punt fit-tilwima li jifforma s-suġġett kontenzjuż. Il-qorti, mingħajr ma titbiegħed mill-kawża tal-azzjoni billi taċċetta punti ta’ fatt jew punti ta’ dritt li jeċċedu dawk li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jqajmu, għandha tagħti d-deċiżjonijiet tagħha skont ir-regoli applikabbli għall-kawża, anki jekk setgħu ma kinux iċċitati b’mod korrett jew imressqa mill-partijiet fil-proċedura.” |
13. |
L-Artikolu 412(1) tal-LEC huwa miktub kif ġej: “Malli s-suġġett tal-proċeduri jkun ġie stabbilit fir-rikors, fir-risposta, u jekk ikun il-każ, fil-kontrotalba, il-partijiet ma jistgħux ivarjawh fi stadju iktar tard.” |
Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14. |
Fl-10 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent xtara mingħand il-konvenuta, Tuk Tuk Travel SL, vjaġġ kollox kompriż għal żewġ persuni lejn il-Vjetnam u l-Kambodja, li jitlaq minn Madrid (Spanja) fit-8 ta’ Marzu 2020 u li jirritorna fl-24 ta’ Marzu 2020. |
15. |
Ir-rikorrent ħallas EUR 2402 fil-mument tal-firma tal-kuntratt, filwaqt li l-ħlas kollu tal-vjaġġ kien ta’ EUR 5208. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ipprovdew informazzjoni dwar l-għażla “li jiġi kkanċellat il-vjaġġ qabel ma jibda, mal-ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni”. L-ebda informazzjoni kuntrattwali jew prekuntrattwali ma kienet inkluża fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi kkanċellat il-vjaġġ fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jiġru fid-destinazzjoni tal-vjaġġ jew fil-viċinanza immedjata tagħha u li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. |
16. |
Fit-12 ta’ Frar 2020, ir-rikorrent innotifika lill-konvenuta bid-deċiżjoni tiegħu sabiex ma jagħmilx dan il-vjaġġ, minħabba l-firxa tal‑COVID‑19 fl-Asja, u talab il-ħlas lura tal-ammonti dovuti lilu bħala riżultat ta’ din id-deċiżjoni. |
17. |
Il-konvenuta rrispondiet lir-rikorrent fl-14 ta’ Frar 2020, billi informatu li, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni, hija kienet ser tħallsu lura EUR 81. Ir-rikorrent ikkontesta l-kalkolu tal-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni. Finalment, il-konvenuta nnotifikat lir-rikorrent li kienet ser tħallsu lura EUR 302. |
18. |
Ir-rikorrent iddeċieda li jressaq azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u li jsostni l-każ tiegħu mingħajr rappreżentazzjoni legali, kif huwa intitolat li jagħmel skont id-dritt proċedurali nazzjonali. Huwa sostna li d-deċiżjoni tiegħu li jikkanċella l-vjaġġ kienet minħabba raġuni ta’ force majeure, jiġifieri l-iżviluppi inkwetanti fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-saħħa bħala riżultat tal-COVID‑19. Huwa talab ħlas lura addizzjonali ta’ EUR 1 500, b’mod li l-aġenzija tkun tista’ żżomm EUR 601 bħala spejjeż tal-amministrazzjoni. |
19. |
Il-konvenuta ssottomettiet li, fid-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt, id-deċiżjoni tar-rikorrent li jikkanċella l-vjaġġ ma kinitx iġġustifikata. Fi Frar 2020, l-ivvjaġġar lejn il-pajjiżi tad-destinazzjoni tkompla b’mod normali. Għalhekk, skont il-konvenuta, ir-rikorrent ma kienx intitolat li jinvoka sitwazzjoni ta’ force majeure sabiex jittermina l-kuntratt. Barra minn hekk, il-konvenuta sostniet li r-rikorrent kien qabel mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt li jikkonċernaw tariffi tal-amministrazzjoni fil-każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-vjaġġ kollox kompriż (li jammontaw għal 15% tal-ispiża totali tal-vjaġġ), u li t-tariffi ta’ terminazzjoni huma dawk applikati minn kull wieħed mill-fornituri tagħha. B’mod addizzjonali, billi naqas milli jikseb assikurazzjoni, ir-rikorrent assuma r-riskji li jikkonċernaw il-kanċellazzjoni. |
20. |
Minħabba li l-partijiet ma talbux seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kawża bdiet l-istadju tad-deliberazzjoni fit-22 ta’ Ġunju 2021. Madankollu, fil-15 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju ħarġet digriet (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-15 ta’ Settembru 2021”) u stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien għaxart’ ijiem dwar il-kwistjonijiet li ġejjin: l-ewwel, il-mistoqsija dwar jekk is-sitwazzjoni tas-saħħa allegata mill-konsumatur tistax titqies bħala riskju eċċezzjonali u inevitabbli, fis-sens tal-Artikolu 160(2) tal-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti; it-tieni, il-konsegwenzi legali tan-nuqqas mill-organizzatur tal-vjaġġ milli jinforma lill-konsumatur dwar id-dritt tiegħu li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni u, iktar preċiżament, il-mistoqsija dwar jekk l-assenza (fil-fehma tal-qorti tar-rinviju) ta’ obbligu li tiġi pprovduta tali informazzjoni skont id-Direttiva 2015/2302 tmurx kontra l-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE; it-tielet, il-mistoqsija dwar jekk il-qorti tistax tinforma lil konsumatur, ex officio, dwar il-portata tad-drittijiet tiegħu, meta jkun jidher mit-talba li huwa ma kienx jaf dwarhom; u, ir-raba’, il-mistoqsija dwar jekk il-protezzjoni tal-konsumaturi tkunx teħtieġ li l-qorti tordna lill-konvenuta sabiex tagħti lill-konsumatur kumpens sħiħ, billi jitwarrbu l-prinċipju li s-suġġett tal-azzjoni huwa delimitat mill-partijiet u l-prinċipju ta’ ne ultra petita, fiċ-ċirkustanzi li fihom il-konsumatur ma kienx informat dwar il-portata tad-drittijiet tiegħu. Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju talbet lill-partijiet jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar in-neċessità li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
21. |
Ir-rikorrent ma ppreżentax osservazzjonijiet. Il-konvenuta reġgħet ikkonfermat il-pożizzjoni tagħha dwar l-assenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li setgħu jiġġustifikaw it-terminazzjoni tal-kuntratt. Fir-rigward tal-kumplament, hija kkunsidrat li ma hemm l-ebda bżonn li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, minħabba li r-rikorrent ma ppreżenta l-ebda osservazzjoni dwar il-kwistjonijiet li tqajmu mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tal-15 ta’ Settembru 2021. |
22. |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, l-ewwel, dwar il-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302. B’mod partikolari, hija ssostni li la d-direttiva u lanqas il-leġiżlazzjoni Spanjola li tittrasponi din id-direttiva ma jinkludu fost l-informazzjoni obbligatorja li għandha tkun ipprovduta mill-organizzaturi lill-vjaġġaturi, id-dritt li jiġi tterminat il-kuntratt tal-vjaġġ kollox kompriż fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni. Minħabba l-assenza ta’ tali rekwiżit, ir-rikorrent ma kienx jaf dwar id-dritt tiegħu li jikseb kumpens sħiħ tal-ħlas li sar. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tqajjem id-domanda dwar jekk l-informazzjoni minima li kienet ipprovduta lir-rikorrent skont id-Direttiva 2015/2302 hijiex suffiċjenti fid-dawl tal-Artikolu 169 TFUE, flimkien mal-Artikolu 114 TFUE. |
23. |
It-tieni, il-qorti tar-rinviju tqajjem id-domanda dwar jekk huwiex possibbli, skont id-dritt tal-Unjoni, li jingħata fis-sentenza, ex officio, ir-rimbors tal-ħlas kollu li sar mill-konsumatur li jeċċedi l-ammont tat-talba tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tispjega li dan l-għoti ex officio jmur kontra l-prinċipju bażiku tad-dritt proċedurali Spanjol, jiġifieri li d-deċiżjoni li tinstab fid-dispożittiv ta’ sentenza għandha tirrifletti t-talbiet li tressqu fl-azzjoni (l-Artikolu 218(1) tal-LEC). |
24. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5, Cartagena, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
25. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Finlandiż, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Finlandiż, il-Parlament u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta li saret fit-12 ta’ Jannar 2022. |
Evalwazzjoni
Osservazzjonijiet preliminari
26. |
Bħala kwistjoni preliminari, il-Gvern Ċek jissottometti li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ b’mod impliċitu fuq il-preżunzjoni li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, ir-rikorrent kien intitolat li jittermina l-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jsiru fid-destinazzjoni tal-vjaġġ, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Madankollu, skont il-Gvern Ċek, din il-preżunzjoni hija żbaljata. Fil-fehma tiegħu, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji għandha tkun evalwata fil-mument tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. Is-sempliċi riskju li jkun hemm tali ċirkustanzi fil-futur ma jistax iwassal għal dritt min-naħa tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. |
27. |
Madankollu, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx il-kwistjoni ta’ jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ speċifiku, ir-rikorrent kellux id-dritt li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas xi tariffa ta’ terminazzjoni skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Għalhekk, din il-kwistjoni ma hijiex ser tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fattwali u legali stabbiliti fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 12 ). |
Fuq l-ewwel domanda preliminari
28. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302, fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 114(3) TFUE. Jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità ta’ din id-dispożizzjoni jinbtu mill-premessa li din id-dispożizzjoni ma tinkludix, fost l-informazzjoni obbligatorja prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi, id-dritt stabbilit fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva. |
29. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif kien ippreżentat mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Finlandiż, mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-premessa li ssostni d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302 hija żbaljata. |
30. |
Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302, li jirregola l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni prekuntrattwali, għandu jinqara fid-dawl tal-kontenut tal-formola ta’ informazzjoni standard ipprovduta fil-Parti A u l-Parti B tal-Anness I. Iktar speċifikament, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302, l-organizzatur għandu jipprovdi lill-vjaġġatur l-informazzjoni standard permezz tal-formola rilevanti kif stabbilita fil-Parti A jew fil-Parti B tal-Anness I, u, fejn applikabbli għall-vjaġġ kollox kompriż, l-informazzjoni li hija stabbilita f’din id-dispożizzjoni. |
31. |
Il-formola ta’ informazzjoni standard, ipprovduta fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, tindika d-drittijiet ewlenin li dwarhom għandhom ikunu informati l-vjaġġaturi. Dawn id-drittijiet jinkludu, skont is-seba’ inċiż fil-Parti A u l-Parti B ta’ dan l-anness, id-dritt tal-vjaġġaturi li “jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni qabel jinbeda l-pakkett f’ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju fejn ikun hemm problemi serji ta’ sigurtà fid-destinazzjoni li x’aktarx jaffettwaw il-pakkett”. Għalkemm id-dispożizzjoni eżatta tad-Direttiva 2015/2302 li tikkonferixxi dan id-dritt, jiġifieri l-Artikolu 12(2), ma hijiex iċċitata b’mod espliċitu fit-test tal-formola ta’ informazzjoni standard, huwa ċar li din il-formola għandha tistabbilixxi l-kontenut ta’ dan id-dritt. |
32. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrimarkat li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 u l-Anness I tagħha ġew trasposti b’mod korrett fid-dritt Spanjol u b’mod iktar partikolari fil-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti. |
33. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302 jinkludi fost l-informazzjoni obbligatorja prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi d-dritt, mogħti lill-vjaġġaturi permezz tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, li jitterminaw il-kuntratt qabel ma jinbeda l-vjaġġ kollox kompriż u li jiksbu rimbors sħiħ tal-ħlas li jkun sar fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. Konsegwentement, il-premessa għall-kuntrarju, li ssostni d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302, fil-fatt ma hijiex korretta. |
34. |
Sa fejn dan huwa l-każ, il-kunsiderazzjoni tal-ewwel domanda preliminari ma żvelat xejn li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302. |
Fuq it-tieni domanda preliminari
35. |
Bħala osservazzjoni preliminari, għandu jitfakkar li, fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE għall-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha, u fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa tifformula mill-ġdid id-domandi preliminari magħmula. Sabiex tipprovdi risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-kliem użat fid-domanda preliminari magħmula ( 13 ). |
36. |
Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jkun osservat, kif il-Gvern Spanjol, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni essenzjalment iddikjaraw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li huwa apparenti mill-kuntest tat-tieni domanda preliminari li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, u li r-riferiment f’din id-domanda preliminari għall-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jista’ jkun minħabba żball ta’ tipografija. |
37. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa neċessarju li t-tieni domanda preliminari tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-Artikoli 114 u 169 TFUE, għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li skonthom qorti nazzjonali li jkollha quddiemha tilwima ma tistax tagħti lill-konsumatur ex officio l-ammont sħiħ tal-ħlas lura li huwa intitolat għalih, f’ċirkustanzi li fihom il-konsumatur ikun talab inqas. |
38. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari, huwa neċessarju li jsiru xi osservazzjonijiet fir-rigward tal-portata tagħha. Kif diġà ġie indikat ( 14 ), permezz tad-digriet tal-15 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet. Dawn il-kwistjonijiet inkludew id-domanda dwar jekk dik il-qorti għandhiex is-setgħa, minn naħa, sabiex tinforma lill-konsumatur, ex officio, dwar il-portata tad-drittijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, sabiex tagħti lill-konsumatur ammont li jeċċedi l-petitum. Il-konsumatur ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet. Fis-seduta, il-Gvern Spanjol issottometta li, skont l-interpretazzjoni tiegħu ta’ dan id-digriet, il-qorti tar-rinviju informat lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu. Madankollu, il-konsumatur baqa’ passiv. Fl-opinjoni tiegħi, id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2021, kif ippreżentat mill-qorti tar-rinviju, u l-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħmluhiex possibbli li ssir inferenza li l-qorti nazzjonali, fil-fatt, informat lill-konsumatur bid-drittijiet tiegħu. |
39. |
Billi jitqiesu dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-istruttura tal-analiżi tiegħi hija kif ġej. L-ewwel, permezz ta’ introduzzjoni, ser nippreżenta l-iktar prinċipji importanti tal-obbligu tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw ex officio d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. It-tieni, ser nanalizza d-domanda dwar jekk qorti nazzjonali għandhiex l-obbligu li tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Fl-aħħar, ser nanalizza d-domanda dwar jekk qorti nazzjonali għandhiex ikollha s-setgħa li tagħti ammont li jeċċedi dak mitlub mill-konsumatur fir-rikors tiegħu. |
(a) L-obbligu tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw ex officio d-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi
40. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fissret, f’diversi okkażjonijiet, il-mod li bih qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-konsumatur u l-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq is-setgħat tal-qrati sabiex japplikaw ex officio d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumatur. |
41. |
L-iktar linja importanti ta’ din il-ġurisprudenza tikkonċerna d-Direttiva 93/13 ( 15 ). Il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio jekk klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 tkunx ta’ natura inġusta, b’mod li tirrimedja għall-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan ( 16 ). |
42. |
Il-prinċipju ta’ kontroll ex officio tal-klawżoli kuntrattwali inġusti huwa bbażat fuq taħlita ta’ prinċipji li huma essenzjalment meħuda mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13, min-natura obbligatorja tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, min-natura u l-importanza tal-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi u mill-kunsiderazzjonijiet ta’ effettività. |
43. |
Iktar speċifikament, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni tagħhom ( 17 ). Hija enfasizzat ukoll li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom ( 18 ). Din id-dispożizzjoni hija meqjusa ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, huma kklassifikati bħala regoli ta’ ordni pubbliku ( 19 ). |
44. |
B’mod addizzjonali, id-Direttiva 93/13, kif jidher mill-Artikolu 7(1) flimkien mal-premessa erbgħa u għoxrin ta’ din id-direttiva, tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex itemmu l-użu kontinwu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri ( 20 ). |
45. |
Il-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw intervent pożittiv minn qorti nazzjonali sabiex jirrimedjaw l-iżbilanċ bejn il-konsumatur u l-operatur ekonomiku ma humiex limitati għad-Direttiva 93/13. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet, abbażi tal-prinċipju ta’ effettività u minkejja r-regoli ta’ dritt intern kunfliġġenti, li l-qrati nazzjonali japplikaw ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi ex officio. Dan ir-rekwiżit ġie ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni introdotta minn dawn id-direttivi hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, f’dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ nnegozjar tiegħu kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni tiegħu, u li jeżisti riskju reali li l-konsumatur, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ għarfien, ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża li tipproteġih ( 21 ). |
46. |
B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni mill-qrati, ex officio, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/44/KE ( 22 ) (sentenzi fil-kawża Duarte Hueros ( 23 ) u fil-kawża Faber ( 24 )), u d-Direttiva 87/102/KEE ( 25 ) (sentenza fil-kawża Rampion u Godard ( 26 )). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’diversi okkażjonijiet l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw, ex officio, ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva 85/577/KEE ( 27 ) (sentenza Martín Martín ( 28 )), u d-Direttiva 2008/48/KE ( 29 ) (sentenzi fil-kawża Radlinger u Radlingerová ( 30 ) u fil-kawża OPR-Finance ( 31 )). |
47. |
Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ intervent pożittiv mill-qrati, dan huwa suġġett għad-disponibbiltà ta’ kull punt ta’ liġi u ta’ fatt neċessarju għal dan l-għan ( 32 ). |
48. |
Barra minn hekk, meta l-qorti nazzjonali tkun ikkonstatat, ex officio, li kien hemm ksur ta’ ċerti obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, hija għandha, mingħajr ma tistenna lill-konsumatur sabiex jippreżenta rikors f’dan is-sens, tiddeduċi l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali minn tali ksur, bil-kundizzjoni li jiġi osservat dejjem il-prinċipju audi alteram partem u li s-sanzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 33 ). |
49. |
L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumatur mill-qrati nazzjonali ex officio jista’ jkollha implikazzjonijiet fuq id-dritt proċedurali nazzjonali. Permezz tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali, fl-assenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-regoli ddettaljati li jirregolaw il-proċeduri għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, mingħajr ħsara għall-prinċipju ta’ ekwivalenza u għall-prinċipju ta’ effettività ( 34 ). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, madankollu, li l-ħtieġa li jiġi osservat dan il-prinċipju ma tistax tiġi estiża sal-punt li tirrimedja b’mod sħiħ għall-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat ( 35 ). |
50. |
B’mod addizzjonali, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li japplika, inter alia, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali ddettaljati relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq dawn id-drittijiet ( 36 ). |
51. |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidher li r-rekwiżit ta’ intervent pożittiv ta’ qrati nazzjonali fil-kontenzjuż tal-konsumatur żviluppa, kif osservat b’mod tajjeb mill-istudjużi, f’“sistema verament Ewropea ta’ applikazzjoni ex officio” ( 37 ) li tintroduċi fid-dritt tal-konsumatur “rimedju proċedurali inklużiv komplet” [traduzzjoni libera] ( 38 ). |
(b) Is-setgħat tal-qrati ex officio fil-kuntest tad-Direttiva 2015/2302
52. |
Il-kompletezza tat-teorija tal-ex officio twassalni sabiex nikkunsidra li r-raġunijiet li jsostnu l-obbligu tal-qrati nazzjonali li japplikaw ex officio id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi huma ugwalment validi fir-rigward tad‑Direttiva 2015/2302. Interpretazzjoni differenti, kif il-Kummissjoni rrimarkat fis-seduta, toħloq nuqqas ta’ konsistenza fil-protezzjoni tal-konsumaturi. |
53. |
Il-partijiet interessati kollha li pparteċipaw fis-seduta rrikonoxxew li l-qrati nazzjonali huma obbligati li japplikaw ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u jirrikonoxxu d-dritt tal-konsumatur li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni, meta l-punti ta’ liġi u l-punti ta’ fatt neċessarji jkunu disponibbli. F’dan ir-rigward, hija, bħala prinċipju, il-qorti nazzjonali li għandha, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tar-regoli ta’ dritt applikabbli għal kawża li titressaq quddiemha, tikklassifika ġuridikament il-fatti u l-atti invokati mill-partijiet insostenn tat-talbiet tagħhom ( 39 ). Fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent bħala bażi għat-talba tiegħu jistgħux jikkwalifikaw bħala “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” li jwasslu għad-dritt previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. |
54. |
Barra minn hekk, il-Partijiet A u B tal-Anness I ta’ din id-direttiva jikkwalifikaw bħala “dritt ewlieni” id-dritt tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt fi kwalunkwe mument qabel ma jinbeda l-vjaġġ kollox kompriż mingħajr il-ħlas ta’ xi tariffa ta’ terminazzjoni. Fid-dawl tal-importanza tiegħu, dan id-dritt jifforma parti mill-informazzjoni prekuntrattwali li l-organizzatur għandu jipprovdi lill-vjaġġatur skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 ( 40 ). Mill-premessa 26 tad-Direttiva 2015/2302 isegwi li tali informazzjoni prekuntrattwali hija “informazzjoni ewlenija” li għandha tkun “vinkolanti”. Għalhekk, id-dritt li jiġi tterminat il-kuntratt mingħajr il-ħlas ta’ xi tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji huwa sinjifikattiv fis-sistema tad-Direttiva 2015/2302. Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti, kif jista’ jidher mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 3 ( 41 ) u 5, fil-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi, ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti bejn vjaġġaturi u operaturi ekonomiċi li jirrigwardaw vjaġġi kollox kompriż. |
55. |
Dan l-għan ma jistax jinkiseb b’mod effettiv jekk il-konsumatur ikun obbligat li jqajjem huwa stess id-drittijiet li jgawdi fil-konfront tal-organizzatur b’mod partikolari minħabba r-riskju reali li l-konsumatur ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu jew jiltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex jeżerċitahom ( 42 ). Fil-fatt, jidher mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fi proċeduri tad-dritt tal-konsumatur hemm riskju reali li l-konsumatur, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ għarfien, ma jinvokax ir-regola tad-dritt intiża għall-protezzjoni tiegħu ( 43 ). Dan ir-riskju jiggrava f’sitwazzjonijiet ta’ awtorappreżentazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. |
56. |
Barra minn hekk, isegwi mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-premessa 46 tagħha, li d-drittijiet tal-vjaġġaturi stipulati fid-direttiva huma imperattivi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet, min-natura vinkolanti tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni dwar il-konsumaturi, ir-rekwiżit tal-applikazzjoni tagħhom mill-qrati ex officio. Din il-konstatazzjoni kienet saret fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ( 44 ), iżda wkoll fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Fis-sentenza fil-kawża Faber ( 45 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat li r-regola dwar id-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova stipulata fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 hija ta’ natura vinkolanti, konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, kemm għall-partijiet, li ma jistgħux jidderogaw minnha permezz ta’ ftehim, kif ukoll għall-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-osservanza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ir-regola kellha tkun applikata mill-qrati ex officio anki jekk ma kinitx invokata espressament mill-konsumatur li jkun jista’ jibbenefika minnha. |
57. |
Għalhekk, permezz ta’ analoġija, għandu jiġi aċċettat li n-natura vinkolanti tad-dritt tal-vjaġġatur sanċit fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, teħtieġ li l-qrati nazzjonali jirrikonoxxu dan id-dritt ex officio u jinformaw regolarment lill-konsumatur anki jekk dan tal-aħħar, li jista’ jibbenefika minnha, ma jkunx invokaha espressament. |
58. |
B’żieda ma’ dan, fil-kawża prinċipali l-organizzatur kien kiser l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur dwar id-dritt tiegħu li jittermina l-kuntratt. Ir-rikonoxximent mill-qorti nazzjonali, ex officio, tad-dritt mogħti lill-konsumatur għalhekk jikkostitwixxi mezz adegwat u effettiv sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-Direttiva 2015/2302, kif meħtieġ mill-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva. |
59. |
Naqbel mal-Gvern Finlandiż, li rrimarka fis-seduta li qorti nazzjonali għandha tinforma lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu malli jkollha dubji li dan tal-aħħar ma talabx għad-drittijiet tiegħu b’mod sħiħ minħabba nuqqas ta’ għarfien. Is-“sempliċi indikazzjoni” ( 46 ) f’dan is-sens għandha tkun suffiċjenti. Tali indikazzjoni għandha titqies li tidher f’ċirkustanzi, bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn l-organizzatur kiser l-obbligu prekuntrattwali tiegħu li jinforma jew jekk l-informazzjoni pprovduta ma ngħatatx “b’mod ċar, li jinftiehem u prominenti” kif meħtieġ mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2015/2302. |
60. |
Il-Gvern Finlandiż irrimarka wkoll fis-seduta li hija miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meta l-qorti nazzjonali tinforma lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu. Huwa pass proċedurali distint indirizzat liż-żewġ partijiet u mwettaq skont rekwiżiti formali stabbiliti f’dan ir-rigward mir-regoli ta’ proċedura nazzjonali ( 47 ). Kif diġà ġie rrimarkat ( 48 ), fejn il-qorti nazzjonali tqajjem motiv ex officio, hija għandha taġixxi skont il-prinċipju ta’ audi alteram partem u tistieden liż-żewġ partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-qorti. |
61. |
Mill-premess isegwi li protezzjoni effettiva tal-konsumaturi tista’ tinkiseb biss jekk il-qorti nazzjonali tkun meħtieġa, fejn ikollha disponibbli l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan, li tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u debitament tinforma lill-konsumatur dwar id-dritt tiegħu li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni, stipulat f’din id-dispożizzjoni, dejjem sakemm jiġi osservat il-prinċipju audi alteram partem. |
(c) Il-limitazzjonijiet tas-setgħat ex officio tal-qrati: dwar il-prinċipju ta’ ne ultra petita
62. |
Il-kwistjoni sussegwenti li tqajmet hija dwar jekk l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u debitament tinforma lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minnha jimplikax ukoll obbligu fuq il-qorti nazzjonali li tordna ex officio rimbors sħiħ li jeċċedi l-ammont mitlub mill-konsumatur. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tal-prinċipju li s-suġġett tal-azzjoni huwa delimitat mill-partijiet u kif ukoll tal-prinċipju ta’ ne ultra petita tmurx kontra l-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi. |
63. |
F’dan ir-rigward, għandu jkun ikkjarifikat li l-qorti tapplika l-liġi ex officio skont il-kompetenza tagħha u fil-limiti tas-suġġett tat-tilwima li għandha quddiemha. Huwa għalhekk importanti li ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti differenti fis-setgħat ġudizzjarji. Huwa mod li tiġi rrikonoxxuta s-setgħa ta’ qorti li tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet intiżi li jipproteġu l-konsumaturi u debitament tinforma lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minnha. Huwa mod ieħor li tiġi rrikonoxxuta s-setgħa tal-qorti, wara li l-konsumatur jkun ġie debitament informat, li teċċedi l-limiti tas-suġġett tat-tilwima u tagħti ex officio iktar minn dak li ntalab mill-konsumatur. |
64. |
Il-partijiet interessati kollha enfasizzaw is-sinjifikattiv tal-prinċipju fundamentali li s-suġġett ta’ azzjoni huwa ddelimitat mill-partijiet ( 49 ). Għandu jiġi indikat li t-teorija tal-applikazzjoni ex officio tad-dritt tal-konsumatur tinvolvi biss l-aġġustamenti neċessarji għal dan il-prinċipju sabiex jiġi rrimedjat l-iżbilanċ bejn il-konsumatur u l-professjonist. Din ma hijiex intiża li tinjora l-prinċipji fundamentali tal-kontenzjuż ċivili jew li tistabbilixxi qorti “paternalista” ( 50 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Lintner ( 51 ), l-effettività tal-protezzjoni li l-qorti nazzjonali hija meqjusa li tagħti lill-konsumaturi, permezz ta’ intervent ex officio“ma tistax tasal sal punt li tinjora jew teċċedi l-limiti tas-suġġett tat-tilwima hekk kif iddefinit mill-partijiet permezz tat-talbiet tagħhom, moqrija fid-dawl tal-motivi invokati minnhom, b’tali mod li l-imsemmija qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li testendi din it-tilwima lil hinn mit-talbiet u mill-motivi mressqa quddiem din il-qorti”. Il-kuntrarju jinjora l-prinċipju ta’ ne ultra petita, għaliex tippermetti lill-imħallef jinjora jew jeċċedi s-suġġett tat-tilwima stabbiliti mit-talbiet u mill-motivi mressqa mill-partijiet ( 52 ). |
65. |
Għandu jiġi rrimarkat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza partikolari lir-rieda espressa mill-konsumatur fil-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara, b’konnessjoni mal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiċħad, jekk meħtieġ ex officio, klawżoli inġusti skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li din il-qorti ma hijiex obbligata ma tapplikax il-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie avżat dwarha mill-qorti, ma jkollux intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta jew mhux vinkolanti tagħha, u għalhekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni ( 53 ). |
66. |
Għalhekk, is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita fid-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumaturi u introdotta għall-benefiċċju tal-konsumaturi ma tistax tasal sal-punt li tkun imposta fuqhom. Għaldaqstant, fejn il-konsumatur jippreferi li ma jinvokahiex, din is-sistema ta’ protezzjoni ma hijiex applikata ( 54 ). Il-konsumatur jista’ jikkontesta l-applikazzjoni tal-liġi ex officio fil-każ tiegħu ( 55 ). |
67. |
L-istess kunsiderazzjonijiet għandhom jipprevalixxu fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni prevista fid-Direttiva 2015/2302. Għalhekk, jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie debitament informat mill-qorti dwar id-drittijiet tiegħu u l-mezzi proċedurali sabiex jinvokahom, ma jkunx jixtieq jinvoka din il-protezzjoni, il-prinċipju ta’ effettività ma jistax jiġi estiż sal-punt li jobbliga lill-qorti nazzjonali testendi t-talba u tikser il-prinċipju ta’ ne ultra petita. |
68. |
Fis-seduta, kien hemm mistoqsijiet u osservazzjonijiet mill-imħallef fir-rigward tar-raġunijiet validi li jistgħu jispjegaw id-deċiżjoni tal-konsumatur li jitlob inqas minn dak li huwa intitolat għalih. Fil-fatt, skont is-sistema ġuridika, din id-deċiżjoni tista’ tiġi attribwita lil kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-proċedura applikabbli ( 56 ). Ma jistax ikun eskluż ukoll li jkun hemm involuti kunsiderazzjonijiet personali ( 57 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-konsumatur jibqa’ passiv wara li jkun informat mill-qorti nazzjonali dwar id-drittijiet tiegħu u l-mezzi sabiex jinvoka dawn it-talbiet, huwa raġonevoli li ssir inferenza li huwa jkun għamel għażla ħielsa u informata sabiex iżomm it-talba oriġinali tiegħu. |
69. |
Madankollu, fil-każ tal-kawża prinċipali, kif il-Kummissjoni rrimarkat fis-seduta, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-konsumatur, li ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet li tqajmu mill-qorti nazzjonali, esprima għażla ħielsa u informata sabiex iżomm it-talba oriġinali tiegħu. Kif osservat iktar ’il fuq ( 58 ), ma jsegwix kjarament mill-proċess jekk il-qorti tar-rinviju kinitx spjegat lill-konsumatur id-drittijiet tiegħu u l-mezz proċedurali li huma disponibbli għalih sabiex jinvokahom. |
70. |
Huwa importanti wkoll li jiġi rrimarkat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li qrati nazzjonali ma għandhom l-ebda obbligu ġenerali li jeċċedu l-ambitu tat-tilwima u li jagħtu iktar jew xi ħaġa differenti minn dak li ntalab. Dan japplika, iktar speċifikament, għad-dritt tal-konsumatur li jikseb ir-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa b’mod żbaljat skont klawżola kuntrattwali inġusta. Għandu jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u eċċezzjonali li jindikaw li l-konsumatur huwa mċaħħad mill-mezzi proċedurali li jippermettulu jinvoka d-drittijiet tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumaturi ( 59 ). |
71. |
Barra minn hekk, b’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali ma humiex obbligati, bħala prinċipju, jipproċedu billi jipprovdu tpaċija ex officio bejn il-pagamenti debitament imħallsa abbażi ta’ klawżola inġusta u l-ammont li jibqa’ dovut abbażi tal-kuntratt, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 60 ). |
72. |
Għalhekk, isegwi mill-ġurisprudenza li l-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jobbligawx lil qrati nazzjonali jinjoraw jew jeċċedu l-limiti tas-suġġett tat-tilwima stabbiliti mit-talbiet tar-rikors ippreżentati mill-partijiet. Dawn il-prinċipji jeħtieġu, madankollu, li mezzi effettivi jkunu disponibbli sabiex jippermettu lill-konsumatur jinvoka d-drittijiet tiegħu u jitlob dak li huwa intitolat għalih. |
73. |
Dan iwassalna għall-mistoqsija dwar jekk mezzi proċedurali effettivi kinux disponibbli fil-każ tal-kawża prinċipali. Id-deċiżjoni tar-rinviju għal domanda preliminari fiha biss id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ nonalterazzjoni tat-tilwima (l-Artikolu 412(1) tal-LEC). Madankollu, il-qorti nazzjonali ma daħlitx fid-dettall dwar l-applikazzjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju fl-ordinament ġuridiku Spanjol ( 61 ). Lanqas ma elaborat dwar jekk amplifikazzjoni li jista’ jkun hemm tat-talba tkunx teħtieġ bidla fil-ġurisdizzjoni kompetenti jew bidla fil-proċedura applikabbli. Għalhekk il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal‑mezzi proċedurali li skonthom il-konsumatur jista’ jeżerċita d-dritt li jitlob l-ammont sħiħ tal-ħlas li jkun sar hija kwistjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Dan jista’ jikkonsisti, pereżempju, billi jitressaq rikors ġdid jew billi jiġi estiż is-suġġett tat-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju fuq stedina minn din tal-aħħar ( 62 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li proċedura partikolari tinkludi ċerti rekwiżiti proċedurali li l-konsumatur ikollu josserva sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu, ma jfissirx li huwa ma jibbenefikax minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 63 ). Madankollu, kif diġà rrimarkajt, il-mezzi proċedurali disponibbli sabiex jiġu invokati dawn id-drittijiet għandhom jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
74. |
Fid-dawl tal-premess, nikkonkludi li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-Artikoli 114 u 169 TFUE, għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li skonthom qorti nazzjonali adita bit-tilwima ma tistax tagħti lill-konsumatur, ex officio, ir-rimbors sħiħ tal-ammonti li għalihom huwa intitolat f’ċirkustanzi li fihom il-konsumatur ikun talab ammont inqas. Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 fejn ikollha disponibbli l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan u sakemm ikun osservat il-prinċipju ta’ audi alteram partem. Iktar speċifikament, il-qorti nazzjonali għandha debitament tinforma lill-konsumatur bid-drittijiet li huwa jislet minn din id-dispożizzjoni u bil-mezzi proċedurali disponibbli għalih sabiex jinvoka dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-mezzi jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
Konklużjoni
75. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5, Cartagena, Spanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara, b’mod ulterjuri, l-UNWTO, Secretary-General’s Policy Brief on Tourism and COVID-19 (disponibbli fuq: https://www.unwto.org/tourism-and-covid-19-unprecedented-economic-impacts).
( 3 ) Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti ta-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).
( 4 ) Ara Terryn, E., Straetmans, G. u Colaert, V. (edituri), Landmark Cases of EU Consumer Law, In Honour of Jules Stuyck, Intersentia, Cambridge – Antwerp – Portland, 2013.
( 5 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, fil-kawża Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Océano Grupo”).
( 6 ) Sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, fil-kawża Cofidis (C‑473/00, EU:C:2002:705).
( 7 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, fil-kawża Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164). Għal analiżi ddettaljata dwar il-kawża fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ ipoteki, ara Fernández Seijo, J.M., La Tutela de los consumidores en los procedimientos judiciales, Especial referencia a las ejecuciones hipotecarias, Wolters Kluwer, Barcelona, 2013.
( 8 ) Nicola, F. u Tichadou, E., Océano Grupo: A Transatlantic Victory for the Consumer and a Missed Opportunity for European Law, f’Nicola, F. u Davies, B. (edituri), EU Law Stories, Contextual and Critical Histories of European Jurisprudence, Cambridge University Press, 2017, p. 390.
( 9 ) In-novella ta’ Emmanuel Carrère, D’autres vies que la mienne (Folio, 2010), tmur lura għall-istorja personali tal-imħallef Franċiż Etienne Rigal, li għamel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fis-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, fil-kawża Cofidis (C-473/00, EU:C:2002:705). Il-ktieb ispira, sussegwentement, il-film Toutes nos envies (2010) (Direttur Philippe Lioret), li kien fih il-parteċipazzjoni prinċipali ta’ Vincent Lindon fl-irwol tal-imħallef.
( 10 ) Ara Werbrouck, J. u Dauw, E., “The national courts’ obligation to gather and establish the necessary information for the application of consumer law – the endgame?”, European Law Review, 46(3), 2021, p. 331 u 337.
( 11 ) Poillot, E., “Cour de justice, 3e ch., 11 mars 2020, Györgyné Lintner c/UniCredit Bank Hungary Zrt., aff.C-511/17, ECLI:EU:C:2020:188 ”, f’Picod, F. (editur), Jurisprudence de la CJUE 2020: décisions et commentaires, Bruylant, 2021, p. 966 (“âge de raison” fil-verżjoni Franċiża oriġinali).
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, fil-kawża Statoil Fuel & Retail (C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 33).
( 13 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, fil-kawża LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Punt 20 iktar ’il fuq.
( 15 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). Għal preżentazzjoni sistematika ta’ din il-linja ta’ ġurisprudenza ara l-Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU 2019, C 323, p. 4), Sezzjoni 5.
( 16 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Ibercaja Banco (C-600/19, EU:C:2022:394, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, fil-kawża Kancelaria Medius (C-495/19, EU:C:2020:431, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawżi magħquda Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:1999:620, punt 26), li jiddikjara li d-Direttiva 93/13 tipproteġi interessi li jifformaw parti mill-“ordni pubbliku ekonomiku” u għalhekk “testendi lil hinn mill-interessi speċifiċi tal-partijiet ikkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif osservat fil-letteratura, l-iżbilanċ kunsiderevoli fir-relazzjoni kuntrattwali li jirriżulta mill-użu ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti jaffettwa mhux biss l-isfera privata tal-konsumatur iżda “jippreġudika… l-ordni ġuridiku u ekonomiku fit-totalità tiegħu” [traduzzjoni libera]; ara Podimata, E., “Standard Contract Terms and Rules on Procedure”, f’Essays in Honour of Konstantinos D. Kerameus, Ant. N. Sakkoulas; Bruylant, Ateni, Brussel, 2009, p. 1079 sa 1093.
( 18 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Ibercaja Banco (C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 24). Ara Fekete, B. u Mancaleoni, A.M., “Application of Primary and Secondary EU Law on the National Courts’ Own Motion”, f’Hartkamp, A., Sieburgh, C. u Devroe, W. (edituri), Cases, Materials and Text on European Law and Private Law, Hart Publishing, Oxford u Portland, Oregon, 2017, p. 440, li jipprovdu li “il-kwistjoni tal-istatus tar-regoli dwar kuntratti konklużi mill-konsumaturi – kemm jekk sempliċement obbligatorji kif ukoll jekk tal-ordni pubbliku – hija kwistjoni partikolarment importanti fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tradizzjonalment jippermetti l-applikazzjoni ex officio biss għar-regoli tal-ordni pubbliku, mhux għal regoli obbligatorji (indipendentement minn jekk għandhomx jew le “biss” għan protettiv).” [traduzzjoni libera]
( 20 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Ibercaja Banco (C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap 15, Vol. 4, p. 223).
( 23 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, fil-kawża Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:637, punt 39).
( 24 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 56).
( 25 ) Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap 15, Vol. 1, p. 326).
( 26 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, fil-kawża Rampion u Godard (C‑429/05, EU:C:2007:575, punt 65).
( 27 ) Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap. 15, Vol. 1, p. 262).
( 28 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, fil-kawża Martín Martín (C‑227/08, EU:C:2009:792, punt 29).
( 29 ) Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66; rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46).
( 30 ) Sentenza tal-21 ta’ April 2016, fil-kawża Radlinger u Radlingerová (C-377/14, EU:C:2016:283, punt 67).
( 31 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, fil-kawża OPR-Finance (C-679/18, EU:C:2020:167, punt 23).
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, fil-kawża OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaċ-ċirkustanzi li fihom qorti nazzjonali tista’ tkun meħtieġa tieħu miżuri investigattivi ex officio sabiex tikkompleta l-proċess, ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, fil-kawża Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punti 35 sa 38).
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, fil-kawża OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara, fid-dettall, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Unicaja Banco (C-869/19, EU:C:2022:397, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Poillot, E., “L’encadrement procédural de l’action des consommateurs” f’Sauphanor-Brouillaud, N. et al., Les contrats de consommation. Règles communes, L.G.D.J, Paris, 2013, p. 971 (“un véritable régime européen du relevé d’office” fl-oriġinal bil-Franċiż).
( 38 ) Micklitz, H., “Theme VIII. Unfair Contract Terms – Public Interest Litigation Before European Courts”, f’Terryn, E., Straetmans, G. u Colaert, V. (edituri), op. cit., nota 4, p. 641.
( 39 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 38).
( 40 ) Ara, fid-dettall, ir-rispons tiegħi għall-ewwel domanda preliminari.
( 41 ) Din il-premessa tirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li għalihom tirreferi t-tieni domanda preliminari, jiġifieri l-Artikolu 169(1) TFUE u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) TFUE, li minnhom isegwi li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 TFUE.
( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, fil-kawża Rampion u Godard (C‑429/05, EU:C:2007:575, punt 65).
( 43 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, fil-kawża OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 44 ) Ara punt 43 iktar ’il fuq.
( 45 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 55).
( 46 ) F’dan is-sens, Werbrouck, J. u Dauw, E., op. cit., nota 10, p. 330.
( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, fil-kawża Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 31).
( 48 ) Punt 48.
( 49 ) Għal analiżi komparattiva ddettaljata tal-prinċipji bażiċi dwar il-proċedura ċivili u l-impatt tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumaturi, ara Hess, B. u Law, S. (edituri), Implementing EU Consumer Rights by National Procedural Law: Luxembourg Report on European Procedural Law, Volume II, Beck, Hart, Nomos, 2019.
( 50 ) Ara Beka, A., The Active Role of Courts in Consumer Litigation, Applying EU Law of the National Courts’ Own Motion, Intersentia, Cambridge, Antwerp, Chicago, 2018, p. 354, li tosserva li l-qorti tal-konsumatur attwali “ma hijiex qorti paternalista” [traduzzjoni libera] u li “topera fil-parametri tal-ġustizzja ċivili, anki jekk adattata għall-ispeċifiċitajiet tal-kontenzjuż tal-konsumatur” [traduzzjoni libera].
( 51 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, fil-kawża Lintner (C-511/17, EU:C:2020:188, punt 30).
( 52 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, fil-kawża Lintner (C-511/17, EU:C:2020:188, punt 31).
( 53 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, fil-kawża Dziubak (C-260/18, EU:C:2019:819, punt 53).
( 54 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, fil-kawża Dziubak (C-260/18, EU:C:2019:819, punt 54).
( 55 ) Ara Biardeaud, G. u Flores, P., “Crédit à la consommation, Protection du consommateur”, Delmas Express, Paris, 2012, p. 300.
( 56 ) Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Finlandiż jirrimarkaw li raġuni possibbli għall-preżentata ta’ talba għal ammont inqas minn dak li rikorrent huwa intitolat għalih tista’ tkun minħabba l-possibbiltà ta’ rappreżentazzjoni tiegħu nnifsu taħt ċertu limitu minimu. Kunsiderazzjoni oħra tista’ tkun, skont x’jipprevedi d-dritt nazzjonali, li s-sentenza mogħtija fi proċeduri tat-talbiet iż-żgħar ma hijiex suġġetta għal appell. Il-Gvern Finlandiż osserva li jekk rikorrent għandu jsostni l-ispejjeż tiegħu stess fil-każ ta’ suċċess parzjali tat-talba u jekk huwa inċert dwar ir-riżultat, jista’ jkun l-każ li huwa jagħżel li jippreżenta talba għal ammont iżgħar.
( 57 ) Pereżempju, minħabba l-pandemija, konsumatur jista’ jikkunsidra li għandu jkun hemm diviżjoni ġusta tar-riskju tat-terminazzjoni tal-kuntratt.
( 58 ) Punt 38.
( 59 ) F’dan ir-rigward jistgħu jingħataw żewġ eżempji. L-ewwel wieħed huwa s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco (C-869/19, EU:C:2022:397; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Unicaja Banco”). Il-kuntest ta’ din is-sentenza huwa tassew speċifiku. Din għandha tinqara fid-dawl tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, fil-kawża Gutiérrez Naranjo et (C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Gutiérrez Naranjo”), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li llimitat ratione temporis l-effetti restitutorji konnessi mal-konstatazzjoni ta’ inġustizzja minn qorti, fir-rigward ta’ tip ta’ klawżola speċifika (“klawżola bażi”), għal ammonti mħallsa b’mod żbaljat skont tali klawżola wara l-għotja tad-deċiżjoni li fiha saret il-konstatazzjoni tal-inġustizzja, hija inkompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Fis-sentenza fil-kawża Unicaja Banco, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ ne ultra petita ma għandux jipprekludi lil qorti li tkun qed tisma’ appell minn sentenza li tillimita ratione temporis il-ħlas mill-ġdid ta’ somom li jkunu tħallsu b’mod żbaljat mill-konsumatur skont klawżola ddikjarata li hija inġusta, milli tqajjem ex officio raġuni li tirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u li tordna l-ħlas mill-ġdid sħiħ ta’ dawn is-somom, fejn in-nuqqas tal-konsumatur ikkonċernat milli jikkontesta din is-sentenza ma jistax ikun attribwit għall-passività totali tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-fatt li konsumatur ma ressaqx proċeduri fi żmien xieraq seta’ kien minħabba l-fatt li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-kawża Gutiérrez Naranjo, il-perijodu li fih kien ikun possibbli li jiġi ppreżentat appell jew kontroappell skont id-dritt nazzjonali kien diġà skada. It-tieni eżempju huwa s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, fil-kawża Duarte Hueros (C-32/12, EU:C:2013:637). F’din il-kawża, il-konsumatur kien talab biss għax-xoljiment tal-kuntratt tal-bejgħ minħabba difett tal-prodott mixtri. Il-qorti nazzjonali kkunsidrat li minħabba li d-difett kien wieħed żgħir, il-konsumatur ma kienx intitolat għax-xoljiment tal-kuntratt iżda, minflok, għal tnaqqis fil-prezz. Madankollu, ir-rimedju tat-tnaqqis fil-prezz ma kienx għadu possibbli li jingħata lir-rikorrent. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, f’dan il-każ speċifiku, l-applikazzjoni tal-prinċipju li deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu ekwivalenti għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi sa fejn id-dritt proċedurali Spanjol ma jippermettix li l-qorti nazzjonali tirrikonoxxi ex officio d-dritt tal-konsumatur li jikseb tnaqqis xieraq fil-prezz tal-prodotti, anki jekk dan il-konsumatur ma huwiex intitolat li jirfina r-rikors inizjali tiegħu jew li jippreżenta rikors ġdid għal dan l-għan.
( 60 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2022, fil-kawża Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio fil-każ ta’ klawżola inġusta) (C-170/21, EU:C:2022:518, punt 44).
( 61 ) Ir-regoli li jirregolaw l-evoluzzjonijiet li jista’ jkun hemm tas-suġġett tat-tilwima jistgħu jvarjaw skont l-ordinament ġuridiku. Pereżempju, skont id-dritt proċedurali ċivili Franċiż, it-talbiet tar-rikors imressqa mill-partijiet, bħala prinċipju, ma jistgħux jinbidlu, ħlief fir-rigward ta’ talbiet anċillari jekk dawn ikunu marbuta b’mod suffiċjenti mat-talbiet oriġinali (l-Artikolu 4 tal-Code de Procédure Civile (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)). Ara Cadiet, L, Normand, J. u Amrani-Mekki, S., Théorie Générale du Procès, it-tielet edizzjoni, Thémis droit, Puf, 2020, p. 741, li jispjegaw li l-prinċipju ta’ nonalterazzjoni tat-tilwima ġie ttrasformat fi prinċipju ta’ alterazzjoni kkontrollata mill-qrati (“principe directeur du procès, l’immutablité du litige s’est muée, au fil du temps, en principe de mutabilité contrôlée du litige”). Fil-proċedura ċivili Ġermaniża, skont l-Artikolu 263 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), malli t-tilwima ssir pendenti, modifiki tat-talba ppreżentata huma ġeneralment dipendenti fuq il-kunsens tal-parti l-oħra jew jekk il-qorti tikkunsidra tali modifika li tkun spedjenti. Madankollu, l-Artikolu 264 taz-ZPO jeskludi ċerti sitwazzjonijiet mir-regoli dwar il-bidla tal-azzjoni previsti fl-Artikolu 263 taz-ZPO u, fl-interess ta’ ekonomija proċedurali, jippermetti lir-rikorrent jagħmel bidliet indipendentement mir-rekwiżiti tad-dispożizzjoni tal-aħħar (Bacher, K., f’Vorwerk, V. U Wolf, C., BeckOK ZPO, is-seba’ u erbgħin edizzjoni, Verlag Beck München, 2022, punt 1 tal-Artikolu 264). L-għan huwa li jiġu evitati tilwimiet legali u sabiex il-partijiet, u kif ukoll il-membri tal-ġudikatura, ma jkollhomx għalfejn jittrattaw ripetutament l-istess suġġett (ara Foerste, U., f’Musielak, H.-J. U Voit, W., ZPO - Zivilprozessordnung, id-dsatax-il edizzjoni, Verlag Franz Vahlen, 2022, punt 1 tal-Artikolu 264).
( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, fil-kawża Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 39).
( 63 ) Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 50).