Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0066

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-11 ta’ Mejju 2023.
    Infraestruturas de Portugal, SA u Futrifer Indústrias Ferroviárias, SA vs Toscca - Equipamentos em Madeira Lda.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-settur tat-trasport – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 80(1) – Raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni – Obbligu ta’ traspożizzjoni – Konklużjoni minn operatur ekonomiku ta’ ftehimiet intiżi għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni – Setgħa tal-awtorità kontraenti – Effett ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża C-66/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:398

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fil‑11 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

    Kawża C‑66/22

    Infraestruturas de Portugal, S. A,

    Futrifer Indústrias Ferroviárias, S. A

    vs

    Toscca - Equipamentos em Madeira Lda,

    intervenjenti:

    Mota-Engil Railway Engineering, SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall))

    “Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/24/UE – Kuntratti pubbliċi – Raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni – Artikolu 57(4)(d) – Esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti – Sanzjoni għal prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni – Esklużjoni awtomatika bbażata fuq deċiżjoni preċedenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni – Setgħat tal-awtorità kontraenti sabiex tevalwa l-eżistenza tar-raġuni għal esklużjoni – Artikolu 57(6) – Natura xierqa u affidabbiltà tal-offerent – Motivazzjoni – Prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni osservati fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti nnifisha”

    1.

    F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE ( 2 ), li jipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta jkun daħal fi qbil ma’ operaturi oħra sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    2.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tqajmet fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-għoti ta’ kuntratt lil impriża li, preċedentement kienet ġiet issanzjonata talli ftehmet ma’ oħrajn bil-għan li jitwettaq aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ftehimiet dwar il-prezzijiet u l-qsim tas-suq).

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

    1. Id‑Direttiva 2014/24

    3.

    L-Artikolu 56 (“Prinċipji ġenerali”) jipprevedi:

    “1.   Il-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’kriterji stipulati skont l-Artikoli 67 sa 69, sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat f’konformità mal-Artikoli 59 sa 61 li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma ssodisfati:

    […]

    b)

    l-offerta ġejja minn offerent li mhuwiex eskluż skont l-Artikolu 57 […].”

    4.

    L-Artikolu 57 (“Raġunijiet għall-esklużjoni”) jindika:

    “[…]

    4.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (c)

    fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi b’mezz adegwat li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża;

    (d)

    fejn l-awtorità kontraenti ikollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni;

    […]

    5.   […]

    Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu, operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.

    6.   Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

    Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

    Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

    Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ.

    7.   Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tal-kundanna bis-sentenza finali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.”

    2. Id‑Direttiva 2014/25/UE ( 3 )

    5.

    Skont l-Artikolu 80 (“Użu tar-raġunijiet ta’ esklużjoni u l-kritejri tal-għażla previsti fid-Direttiva 2014/24/UE”):

    “1.   “Ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika f’sistema ta’ kwalifika u r-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ kandidati u offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati, fi djalogi kompetittivi jew fi sħubijiet għall-innovazzjoni jistgħu jinkludu r-raġunijiet għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

    Fejn l-entità kontraenti tkun awtorità kontraenti, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

    Jekk l-Istati Membri jesiġu dan, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom, barra minn hekk, jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.”

    […].”

    B.   Id‑dritt Portugiż

    1. Decreto-lei n.o18/2008, Código dos Contratos Públicos ( 4 )

    6.

    L-Artikolu 55 (“Impedimenti”) huwa fformulat kif ġej:

    “L-entitajiet sussegwenti ma jistgħux ikunu kandidati, offerenti jew jiffurmaw parti minn grupp:

    […]

    c) persuni fiżiċi li ġiet imposta fuqhom sanzjoni għal kondotta professjonali serjament skorretta u li, sadanittant, ma ġewx irriabilitati, u persuni ġuridiċi li l-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija jew maniġerjali tagħhom kienu suġġetti għal tali sanzjoni amministrattiva u jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

    […]

    f) entitajiet li kienu s-suġġett ta’ sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni milli jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi previst[a] f’leġiżlazzjoni speċjali, b’mod partikolari fis-sistemi ta’ sanzjonijiet relatati […] mal-kompetizzjoni […], matul il-perijodu stabbilit fid-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni.”

    7.

    L-Artikolu 70 (“Analiżi tal-offerti”) jistipula fil-paragrafu (2) tiegħu:

    “2 –   Offerti għandhom jiġu esklużi meta l-analiżi tagħhom tiżvela:

    […]

    g) L-eżistenza ta’ indizji importanti ta’ atti, ftehimiet, prattiki jew informazzjoni li jistgħu joħolqu distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.”

    2. Lei n.o19/2012 da Concorrência (il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni) ( 5 )

    8.

    L-Artikolu 71 (“Sanzjonijiet anċillari”) jipprevedi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, li, jekk ikun iġġustifikat mill-gravità tal-ksur u mill-ħtija tal-persuna li wettqet il-ksur, l-Autoridade de Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem l-“AC”), tista’ timponi, flimkien mal-multa, is-sanzjoni anċillari ta’ ċaħda tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’ċerti proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bil-kundizzjoni li l-prattika li tikkostitwixxi ksur punibbli b’multa tkun seħħet matul jew bħala konsegwenza tal-proċedura rilevanti.

    II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domandi preliminari

    9.

    Fit‑18 ta’ Jannar 2019, Infraestruturas de Portugal, S. A (iktar ’il quddiem “Infraestruturas”) nediet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ riffieda u binarji tal-arżnu bil-krijożoti, għal prezz bażiku ta’ EUR 2979200 ( 6 ).

    10.

    L-impriżi Toscca – Equipamentos em Madeira, Lda. (iktar ’il quddiem, “Toscca”) u Futrifer, Indústrias Ferroviárias, S. A. (iktar ’il quddiem, “Futrifer”) ipparteċipaw fil-proċedura u għamlu l-offerta tagħhom rispettivament.

    11.

    Fit‑12 ta’ Ġunju 2019, l-AC ikkundannat lil Futrifer għall-ħlas ta’ multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ( 7 ) għas-snin 2014 u 2015 ( 8 ).

    12.

    B’mod partikolari, l-AC qieset li Futrifer u impriżi oħra tal-fergħa kienu ftiehmu sabiex jiffissaw il-prezzijiet u jaqsmu bejniethom is-suq tas-servizzi ta’ manutenzjoni tan-network ferrovjarju, bi ksur tal-Artikolu 9(1) tal-Liġi Nru 19/2012 u tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    13.

    Fid-deċiżjoni tagħha, l-AC qieset li ma kienx neċessarju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tal-proposta ta’ riżoluzzjoni ppreżentata minn Futrifer, li tiġi imposta fuqha s-sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, prevista fl-Artikolu 71(1)(b) tal-Liġi Nru 19/2012 ( 9 ).

    14.

    Fis‑27 ta’ Lulju 2019, Infraestruturas tat il-kuntratt kontenzjuż lil Futrifer.

    15.

    Toscca kkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal administrativo e fiscal de Viseu (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Viseu, il-Portugall, iktar ’il quddiem it-“TAF ta’ Viseu”). Hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni, l-esklużjoni tal-offerta ppreżentata minn Futrifer u l-għoti tal-kuntratt lil Toscca nnifisha. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni tal-AC kontra Futrifer.

    16.

    Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors ta’ Toscca, billi kkunsidrat li l-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP japplika biss meta l-indizji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jqumu fil-proċedura li tkun is-suġġett tat-tilwima.

    17.

    Toscca appellat mis-sentenza tat-TAF ta’ Viseu quddiem it-Tribunal central administrativo norte (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tat-Tramuntana, il-Portugall). Din tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2020, billi qieset li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP imwettqa mill-Qorti Ġenerali kienet żbaljata, annullat is-sentenza appellata u kkundannat lil Infraestruturas sabiex tagħti l-kuntratt lil Toscca.

    18.

    Infraestruturas u Futrifer appellaw mis-sentenza ta’ appell quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), li annullatha minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u ordnat li l-kawżi jintbagħtu lura lit-Tribunal central administrativo norte (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tat-Tramuntana).

    19.

    Fit‑2 ta’ Ġunju 2021, it-Tribunal central administrativo norte (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tat-Tramuntana) tat sentenza li permezz tagħha, għal darba oħra, hija annullat dik tal-ewwel istanza u kkundannat lil Infraestruturas sabiex tagħti l-kuntratt lil Toscca.

    20.

    Infraestruturas u Futrifer appellaw mis-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2021 quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Ir-raġuni għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva [2014/24] tikkostitwixxi ‘riżerva ta’ deċiżjoni’ tal-awtorità kontraenti?

    2)

    Il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jissostitwixxi kompletament id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 57(4)(d) tad-Diretiva [2014/24] b’deċiżjoni (jiġifieri, bl-effetti ta’ deċiżjoni) ġenerika tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni li tapplika sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul perijodu speċifiku, adottata fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni?

    3)

    Id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-‘affidabbiltà’ tal-operatur ekonomiku fid-dawl tal-osservanza (jew in-nuqqas ta’ osservanza) tar-regoli tad-dritt dwar il-kompetizzjoni barra mill-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tinftiehem li teħtieġ evalwazzjoni bbażata fuq in-natura xierqa relattiva ta’ dan l-operatur ekonomiku, li tagħmel parti minn espressjoni konkreta tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

    4)

    Tista’ titqies li hija konformi mad-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva [2014/24] s-soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 55(1)(f) tal-CCP li tissuġġetta l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, ibbażata fuq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ma għandux x’jaqsam mal-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, għal dak li jiġi deċiż mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni meta tapplika s-sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, proċedura li fil-kuntest tagħha hija l-Awtorità għall-Kompetizzjoni li tevalwa r-rilevanza tal-miżuri ta’ self-cleaning adottati?

    5)

    Barra minn hekk, tista’ wkoll titqies bħala konformi mad-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva [2014/24] s-soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 70(2)(g) tal-CCP li jillimita l-possibbiltà ta’ esklużjoni ta’ offerta minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ atti, ftehim, prattiki jew informazzjoni li tista’ toħloq distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha jinstabu dawn il-prattiki?”

    III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti ta‑-Ġustizzja

    21.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2022.

    22.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Futrifer, Toscca, mill-Gvern Ċek, dak Ungeriż u dak Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    23.

    Kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek u dak Ungeriż, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fis‑7 ta’ Marzu 2023.

    IV. Evalwazzjoni

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    1. Id‑direttiva applikabbli

    24.

    Il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob biss l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24, mingħajr ma tirreferi għad-Direttiva 2014/25. Din tal-aħħar tirregola l-kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali.

    25.

    Il-kuntratt li l-għoti tiegħu huwa inkwistjoni għandu bħala għan il-provvista ta’ partijiet infrastrutturali tas-settur ferrovjarju, jiġifieri ta’ settur tat-trasport. Bi tweġiba għal mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervenjenti fis-seduta qiesu b’mod unanimu li dan il-kuntratt jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25, applikabbli speċifikament għal “attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija” (Artikolu 11).

    26.

    Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi jekk, skont il-klawżoli tiegħu, il-kuntratt kontenzjuż huwiex irregolat mid-Direttiva 2014/24 jew inkella, kif kollox jidher li jindika, mid-Direttiva 2014/25.

    27.

    Huwa minnu li, għal skopijiet prattiċi, l-effett ta’ direttiva waħda jew l-oħra mhux ser tvarja b’mod sinjifikattiv fir-rigward tal-punt kontenzjuż: anki jekk id-Direttiva 2014/25 tirriżulta li kienet applikabbli, l-Artikolu 80 tagħha jagħmel riferiment għar-“raġunijiet għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih ( 10 ).”

    28.

    Madankollu, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25 jista’ jkollha xi konsegwenza fuq is-“setgħa” (ikkontestata) tal-Istati Membri li jinkorporaw fid-dritt intern tagħhom ir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni, kif ser nispjega iktar ’il quddiem ( 11 ).

    29.

    Wara li għamilt dawn il-preċiżazzjonijiet, iktar ’il quddiem ser nirreferi għall-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24.

    2. Inkorporazzjoni tal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 fid-dritt Portugiż

    30.

    L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni qajmu dibattitu, li kompla waqt is-seduta sħiħa, dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri sabiex ma jittrasponux ir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24.

    31.

    Il-Kummissjoni tiżviluppa l-argumenti tagħha b’dan il-mod:

    l-Artikolu 57(4) kif ukoll il-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24, jindikaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur li ma jħallix lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu jekk għandhomx jittrasponu jew le d-disa’ raġunijiet għal esklużjoni li jinsabu fih. Din l-għażla tingħata lill-awtoritajiet kontraenti, sakemm l-Istati Membri ma jobbligawhomx japplikawhom. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri ma għandhomx il-possibbiltà li jevitaw it-traspożizzjoni ta’ waħda jew ta’ wħud minn dawn ir-raġunijiet.

    ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ ftehimiet ma’ operaturi ekonomiċi oħra intiżi sabiex joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma ġietx inkluża fid-dritt Portugiż.

    32.

    Il-problema mqajma mill-Kummissjoni tista’ tiġi ttrattata f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari jekk it-tieni waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet kienet korretta: fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ raġuni fakultattiva għal esklużjoni fid-dritt intern, għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija sa issa ( 12 ) dwar il-possibbiltà tal-Istati Membri li jittrasponu jew le din il-kategorija ta’ raġunijiet għal esklużjoni teħtieġx aġġustamenti, jew saħansitra għandhiex tiġi rrettifikata.

    33.

    Kif ser nispjega iktra ’il quddiem, nikkunsidra li din it-tieni dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (sostnuta minn ċerti osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari) ma hijiex konformi mar-realtà.

    34.

    Id-Digriet Liġi Nru 111‑B/2017 emenda s-CCP bil-għan li jittrasponi d-Direttivi 2014/24 u 2014/25. Fl-Artikolu 1 tiegħu, il-leġiżlatur Portuġiż jafferma espressament li, permezz tiegħu, “titwettaq it-traspożizzjoni”, inter alia, tad-Direttivi 2014/24 u 2014/25 ( 13 ).

    35.

    Ir-raġunijiet għal esklużjoni (“impedimenti”) li jinsabu fis-CCP fil-formulazzjoni l-ġdida tiegħu huma elenkati fl-Artikolu 55(1)(a) sa (l) tiegħu, li jirriflettu, b’xi sfumaturi, ir-raġunijiet korrispondenti tal-Artikolu 57(1) u (4) tad-Direttiva 2014/24.

    36.

    Fir-rigward tar-raġuni għal esklużjoni kontroversjali, l-Artikolu 55(1)(f) tas-CCP jinkludiha f’dawn it-termini: “ma jistgħux ikunu kandidati […] [l-]entitajiet li kienu s-suġġett ta’ sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni milli jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi previst[a] fil-leġiżlazzjoni speċjali, b’mod partikolari fis-sistemi ta’ sanzjonijiet relatati […] mal-kompetizzjoni […], matul il-perijodu stabbilit fid-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni”.

    37.

    Barra minn hekk, is-CCP fih dispożizzjoni oħra [l-Artikolu 70(2)(g)] li tipprevedi l-esklużjoni tal-offerti li l-analiżi tagħhom tiżvela “[l]-eżistenza ta’ indizji importanti ta’ atti, ftehimiet, prattiki jew informazzjoni li jistgħu joħolqu distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 14 ).”

    38.

    Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, huwa diffiċli li nifhem ċerti affermazzjonijiet li jinsabu fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Futrifer u tal-Gvern Portugiż innifsu (dan tal-aħħar, f’termini ambigwi li ma ċċarax waqt is-seduta) ( 15 ) dwar l-assenza ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 fis-CCP.

    39.

    Fil-fatt, il-qari ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tas-CCP juri, fl-opinjoni tiegħi, li l-leġiżlatur Portugiż kellu r-rieda inekwivokabbli li jintroduċi (jew li jżomm) ( 16 ) fl-ordinament ġuridiku tiegħu l-klawżola li tinsab fl-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24. Kemm dan tal-aħħar kif ukoll iż-żewġ dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija, huma intiżi li jiġġieldu, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-ftehimiet tal-operaturi ekonomiċi li għandhom l-għan li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    40.

    Kwistjoni differenti hija jekk, meta rregola din ir-raġuni għal esklużjoni bil-mod li għamel, il-leġiżlatur Portugiż ikkonformax ruħu strettament mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 jew, għall-kuntrarju, adottax soluzzjonijiet li jiżnaturawh, jitbiegħdu mill-prinċipji bażiċi tiegħu jew inaqqsu indebitament il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    41.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, “[…] ladarba Stat Membru jiddeċiedi li jintegra wieħed mill-motivi fakultattivi ta’ esklużjoni previsti mid-Direttiva 2014/24, huwa għandu jirrispetta l-karatteristiċi essenzjali tiegħu, kif huma espressi fih. Billi jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu ‘il-kondizzjonijiet [għall-applikazzjoni] ta’ dan l-Artikolu’ ‘b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni’, l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 iwaqqaf lill-Istati Membri milli jiżnaturaw il-motivi fakultattivi ta’ esklużjoni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jew jinjoraw l-għanijiet jew il-prinċipji li jispiraw kull waħda minn dawn il-kawżi ( 17 ).”

    42.

    Minn dak li se nispjega iktar ’il quddiem, nemmen li bl-inkorporazzjoni tal-kontenut tal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 fl-ordinament tagħhom, id-dispożizzjonijiet Portugiżi wettqu traspożizzjoni li ma hijiex kompletament konformi ma’ tali direttiva: speċifikament, l-Artikolu 55(1)(f) tas-CCP jirrestrinġi bla bżonn is-setgħat tal-awtorità kontraenti li teskludi l-offerenti involuti f’akkordji, billi jeżiġi li l-aġir tagħhom kien preċedentement suġġett għal sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, imposta mill-AC.

    43.

    Madankollu, il-fatt li dan huwa minnu, kif qed naħseb jien, ma jfissirx li ma kienx hemm traspożizzjoni, iżda jfisser biss li dik it-traspożizzjoni kienet inkorretta. Barra minn hekk, tali traspożizzjoni inkorretta tista’ eventwalment titwettaq b’interpretazzjoni iktar ġeneruża tal-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP, jiġifieri f’konformità mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 (interpretazzjoni konformi) ( 18 ).

    44.

    Fil-qosor, ma naħsibx li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ideali sabiex tinfetaħ mill-ġdid id-diskussjoni dwar is-setgħat tal-Istati Membri li ma jinkludux ir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni fid-dritt intern, meta, preċiżament, il-leġiżlatur Portugiż għażel is-soluzzjoni opposta (għalkemm din is-soluzzjoni ma hijiex sodisfaċenti daqs kemm għandha tkun, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni).

    45.

    Il-ġurisprudenza li sa issa ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-setgħat tal-Istati Membri f’dan il-qasam ma tinjorax, loġikament, in-natura obbligatorja (l-Artikolu 288 TFUE) tal-fatt li l-Istat Membru jikkonforma ruħu mar-riżultat li għandu jintlaħaq bħala riżultat ta’ direttiva. Abbażi ta’ din il-premessa, id-diversi kulleġġi ġudikanti tal-Qorti tal-Ġustizzja qiesu li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/24, fir-rigward tar-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni, hija osservata fit-termini msemmija iktar ’il fuq ( 19 ).

    46.

    Il-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjoni msemmija iktar ’il fuq ikun, barra minn hekk, partikolarment delikat sa fejn ir-riżultat tagħha:

    jista’ jimplika l-konverżjoni ta’ raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni f’dawk obbligatorji mingħajr l-intervent tal-Istati msemmi fl-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24.

    jista’ jwassal għal frammentazzjoni tas-sistema unitarja li tispira r-riferiment għad-Direttiva 2014/24 tad-dispożizzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal esklużjoni fid-Direttiva 2014/25. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) ta’ din tal-aħħar, il-kriterji u r-regoli applikabbli għall-esklużjoni ta’ kandidati għandhom jinkludu r-raġunijiet fakultattivi elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jekk jiġu mitluba mill-Istati Membri.

    B.   L‑ewwel domanda preliminari

    47.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-raġuni għal esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 tikkostitwixxix “riżerva ta’ deċiżjoni” tal-awtorità kontraenti.

    48.

    Id-domanda diġà ngħatat risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja: “mill-formulazzjoni tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-awtorità kontraenti, u lilha biss, fl-istadju tal-għażla tal-offerenti, il-kompitu li tevalwa jekk kandidat jew offerent għandux jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ( 20 ).”

    49.

    Din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija konsistenti mal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2014/24: l-awtorità kontraenti għandha tivverifika li “l-offerta ġejja minn offerent li mhuwiex eskluż skont l-Artikolu 5.” Għaldaqstant, hija għandha, fi kwalunkwe każ, tiddeċiedi jekk offerent għandux jiġi eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

    50.

    Id-dikjarazzjoni kategorika traskritta iktar ’il fuq għandha madankollu tiġi kkwalifikata meta deċiżjoni preċedenti definittiva tal-awtorità kompetenti tkun ikkonstatat aġir inkompatibbli mal-aċċess għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt jew ipprojbixxiet lill-offerent milli jipparteċipa f’dawn il-proċeduri.

    51.

    Fil-kuntest li fih hija fformulata d-domanda (jiġifieri fil-preżenza ta’ aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni imputabbli lil offerent), huma possibbli tliet xenarji:

    jekk dan l-operatur ikun preċedenti ġie eskluż permezz ta’ sentenza definittiva mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt (l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24), minħabba aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 21 ), l-awtorità kontraenti għandha tosserva tali projbizzjoni. L-operatur ekonomiku kkundannat ma jistax jinvoka l-possibbiltà li juri l-affidabbiltà tiegħu (miżuri korrettivi jew ta’ self-cleaning) matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta mis-sentenza fl-Istat Membru fejn din is-sentenza hija eżekuttiva ( 22 ).

    meta l-projbizzjoni minn parteċipazzjoni ma tkunx ġiet ordnata bis-saħħa ta’ sentenza definittiva, iżda b’deċiżjoni tal-AC, l-awtorità kontraenti ma tkunx inevitabbilment marbuta biha: din tkun tista’ tivverifika jekk dak l-operatur adottax il-miżuri korrettivi li għalihom preċedentement irreferejt u tħallih, minkejja kollox, jipparteċipa fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.

    l-istess jiġri, a fortiori jekk l-AC ma tkun ordnat l-ebda projbizzjoni minn parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, iżda tkun issanzjonat lill-operatur ekonomiku għal aġir kollużiv.

    52.

    Ser nindirizza t-tieni u t-tielet ipoteżijiet li għadni kif esponejt fil-kuntest tal-analiżi tad-domandi preliminari sussegwenti. Sabiex tingħata risposta għall-ewwel waħda, fit-termini wiesgħa li fihom hija fformulata, jidhirli li risposta li tindika r-regola ġenerali hija suffiċjenti, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/24 innifisha.

    C.   It‑tieni domanda preliminari

    53.

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, fil-kuntest tal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlatur nazzjonali jistax “jissostitwixxi kompletament id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti” b’deċiżjoni oħra ta’ AC li timponi fuq operatur, bħala sanzjoni anċillari, il-projbizzjoni milli jipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt.

    54.

    Il-Liġi Nru 19/2012 tippermetti li l-AC timponi fuq l-operaturi li jipparteċipaw fi prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, minbarra l-multa, is-sanzjoni ( 23 ) aniċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul ċertu perijodu (Artikolu 71(1)(b)).

    55.

    Issa, kif diġà spjegajt, l-AC iddeċidiet espressament li ma kienx hemm lok li timponi s-sanzjoni anċillari fuq Futrifer.

    1. Inammissibbiltà

    56.

    Abbażi ta’ din il-premessa, għalkemm il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju tista’ tkun interessanti minn perspettivi oħra u f’termini ġenerali, id-domanda hija ta’ natura ipotetika fir-rigward tal-kawża inkwistjoni.

    57.

    Il-kwistjoni tkun tagħmel sens jekk, fil-preżenza ta’ deċiżjoni tal-AC li timponi projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kellu jiġi eżaminat, kif titlob il-qorti tar-rinviju, sa liema punt din id-deċiżjoni hija suffiċjenti sabiex “tissostitwixxi” dik (sussegwenti) tal-awtorità kontraenti.

    58.

    Meta, għall-kuntrarju, fil-proċeduri kontra Futrifer huwa kkonstatat li l-AC, intenzjonalment, ma imponietx fuqha s-sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ma narax xi tkun l-utilità għat-tilwima ineżami li tittieħed deċiżjoni dwar il-konsegwenzi ta’ tali projbizzjoni (ineżistenti).

    59.

    Għaldaqstant, it-tieni domanda preliminari hija inammissibbli ( 24 ).

    2. Sussidjarjament, fir‑rigward tal‑mertu

    60.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi u tagħżel li tittratta l-mertu ta’ din id-domanda preliminari, ser nesponi l-pożizzjoni tiegħi f’dan ir-rigward.

    61.

    Fil-fehma tiegħi (minbarra l-każijiet li fihom il-projbizzjoni minn parteċipazzjoni ġiet adottata permezz ta’ sentenza definittiva) ( 25 ), id-deċiżjoni tal-AC li tipprojbixxi lil operatur milli jipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt ma torbotx lill-awtorità kontraenti sal-punt li “tissostitwixxi kompletament id-deċiżjoni tagħha.”

    62.

    Fil-fatt, l-awtorità kontraenti tista’, f’din l-ipoteżi wkoll, tivverifika jekk l-operatur ekonomiku ssanzjonat ħax il-miżuri korrettivi msemmija fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 u tippermetti, minkejja kollox, il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.

    63.

    Infakkar li l-operatur ekonomiku għandu dritt mhux ekwivoku sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu permezz ta’ dawn il-miżuri ta’ awtokorrezzjoni, dritt li jirriżulta direttament mill-imsemmi Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 ( 26 ).

    64.

    Is-soluzzjoni li nipproponi (ir-riżerva għall-awtorità kontraenti tas-setgħa li tivverifika l-miżuri korrettivi, minkejja l-projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi imposta mill-awtorità tal-kompetizzjoni) tippermetti li jinstab punt ta’ bilanċ bejn żewġ approċċi:

    minn naħa, dak intiż li jippreżerva l-kompetenzi nnifishom tal-awtorità kontraenti, li għandha tkun libera li tevalwa l-affidabbiltà tal-kandidat mingħajr ma tkun neċessarjament marbuta mill-evalwazzjonijiet ta’ korpi pubbliċi oħra ( 27 ).

    min-naħa l-oħra, dak li josserva l-funzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi responsabbli sabiex jieħdu azzjoni, b’mod partikolari, kontra l-aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 28 ). L-awtorità kontraenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet, għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, “l-eżistenza ta’ aġiri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni tista’ titqies li ġiet stabbilita biss wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, li tikkwalifika ġuridikament il-fatti f’dan is-sens ( 29 ).”

    65.

    Madankollu, huwa minnu li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-premessa 102 tad-Direttiva 2014/24 ( 30 ), l-Istati Membri għandhom “marġni ta’ diskrezzjoni […] fir-rigward tad-definizzjoni tal-awtoritajiet inkarigati bl-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-miżuri ta’ rimedju. F’dan ir-rigward, […] jistgħu jafdaw il-missjoni ta’ evalwazzjoni lil kwalunkwe awtorità li tkun differenti mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti ( 31 ).”

    66.

    Fil-qosor, meta tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57(4)(d) għandhomx japplikaw, l-awtorità kontraenti tista’, alternattivament:

    jew teskludi, hija nnifisha, fin-nuqqas ta’ deċiżjonijiet preċedenti minn awtoritajiet oħra, lil operatur ekonomiku li fir-rigward tiegħu hemm indizji suffiċjentement plawżibbli li jkun ikkonkluda ftehimiet ma’ operaturi oħra bl-għan li tiġi distorta l-kompetizzjoni.

    jew, ladarba dawn il-ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jkunu ġew ikkonstatati mill-awtorità kkonċernata ( 32 ), u kemm jekk din tal-aħħar tkun ordnat jew le l-projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt, tevalwa jekk il-miżuri korrettivi tal-offerent jew tal-kandidat jurux l-affidabbiltà tiegħu u għalhekk, ma għandux jiġi eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, skont l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24. Madankollu, Stat Membru jista’ jafda l-evalwazzjoni tal-miżuri korrettivi lil awtorità differenti mill-awtorità kontraenti, f’liema każ l-awtorità kontraenti trid tikkonforma ma’ din l-evalwazzjoni.

    D.   It‑tielet domanda preliminari

    67.

    Fil-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari, jidher li hemm żewġ domandi, fir-realtà, li jikkoeżistu:

    minn naħa, jekk “[i]d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-‘affidabbiltà’ tal-operatur ekonomiku fid-dawl tal-osservanza (jew in-nuqqas ta’ osservanza) tar-regoli tad-dritt dwar il-kompetizzjoni” tistax titwettaq “indipendentement mill-proċedura kuntrattwali konkreta.”

    min-naħa l-oħra, jekk din l-evalwazzjoni dwar in-natura xierqa tal-operatur ekonomiku għandhiex tkun “suffiċjentement sostnuta” permezz ta’ “evalwazzjoni awtonoma” tal-awtorità kontraenti li tista’ tiġi kkontestata minn kompetituri oħra ( 33 ).

    68.

    Għal darba oħra, il-premessa li minnha tidher li oriġinat din id-domanda tirrigwarda l-fatt li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti kienet ippreċeduta mill-miżura anċillari (projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi) mogħtija mill-AC. Fuq din il-bażi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-miżura anċillari humiex “tal-istess tip u natura” bħall-“evalwazzjoni ta’ affidabbiltà” li għandha titwettaq mill-awtorità kontraenti ( 34 ).

    69.

    Id-domanda hekk mifhuma tiltaqa’ mal-istess problemi ta’ inammissibbiltà (minħabba n-natura ipotetika tagħha) bħal dawk diġà mqajma fir-rigward tat-tieni waħda. Madankollu, fl-argumenti tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tiddeċiedi li taċċetta n-natura xierqa ta’ operatur ekonomiku, minkejja li dan ikun ġie ssanzjonat għal aġir kollużiv, mingħajr ma l-projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tkun inkluża fost dawn is-sanzjonijiet ( 35 ).

    70.

    Għalhekk, ser nirrispondi għaż-żewġ domandi abbażi tal-approċċ tal-qorti tar-rinviju li għadni kif semmejt.

    1. Evalwazzjoni tal‑affidabbiltà jew tan‑natura xierqa mill‑awtorità kontraenti

    71.

    Fir-realtà, ir-risposta għal din il-parti tad-domanda preliminari tirriżulta minn dik li diġà tajt għal dawk it-tnejn preċedenti. L-awtorità kontraenti żżomm kompletament is-setgħa tagħha li tevalwa l-affidabbiltà tal-offerent jew tal-kandidat, wara d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni, fit-termini esposti iktar ’il fuq.

    72.

    Skont il-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24, “[b]arra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli, pereżempju minħabba […] forom oħra ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, bħal ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni ( 36 ).” Din l-istess premessa ssemmi, fit-tieni paragrafu, l-aġir f’kuntratti preċedenti “li [j]qajjem dubji serji dwar l-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku ( 37 ).”

    73.

    Ma huwiex sorprendenti li, fid-dawl ta’ din il-premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li: “il-fakultà li għandha kull awtorità kontraenti li teskludi offerent minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt hija partikolarment intiża li tippermettilha tevalwa l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-offerenti ( 38 ).”

    74.

    Fil-fatt, ir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni jippermettu lill-Istati Membri jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u huma intiżi, fi kwalunkwe każ, sabiex jiżguraw l-affidabbiltà ( 39 ), id-diliġenza, l-onestà professjonali u s-serjetà tal-offerent ( 40 ).

    75.

    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-“għan li huwa l-bażi tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24”, li “l-possibbiltà, u saħansitra l-obbligu, tal-awtorità kontraenti li teskludi lil operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, hija intiża b’mod partikolari sabiex tkun tista’ tevalwa l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi ( 41 ).”

    76.

    Għall-bqija, l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 57(4)(d), tad-Direttiva 2014/24 tirrikjedi li l-verifika tal-integrità u l-affidabbiltà tal-offerent testendi għall-aġir tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-passat, u mhux biss għall-ftehimiet kollużivi prodotti fi ħdan il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt “speċifika” li hija l-awtorità kontraenti li trid issolvi.

    77.

    B’mod partikolari, dan jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(5) tad-Direttiva 2014/24, li skontu l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu operatur ekonomiku jekk jinstab “li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 ( 42 )”.

    78.

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jingħad ukoll li l-awtorità kontraenti tista’, alternattivament, tirrikorri għall-Artikolu 57(4)(c) tad-Direttiva 2014/24 billi tieħu bħala l-bażi għad-deċiżjoni tagħha li teskludi l-offerent il-fatt li dan ikun aġixxa b’kondotta professjonali serjament skorretta.

    79.

    Il-kunċett ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, li l-liġi Portugiża taċċetta bħala raġuni għal esklużjoni ( 43 ), tista’ tinkludi wkoll aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, anki meta jkun hemm tip speċifiku ta’ esklużjoni għal dan tal-aħħar: dan huwa kkonfermat mill-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24, imsemmija iktar ’il fuq, li (f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva preċedenti) ( 44 ) tqis il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħala forma ta’ kondotta professjonali serjament skorretta ( 45 ).

    80.

    Ċertament, kif ġie enfasizzat waqt is-seduta, din il-possibbiltà tippreżupponi ċerta sovrappożizzjoni bejn iż-żewġ raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni. Madankollu, naħseb li, jekk ir-relazzjoni tagħhom titqies bħala ta’ natura komplementari, hija sservi b’mod utli għat-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/24.

    81.

    Fl-ipoteżi tal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24, ikun loġiku li l-awtorità kontraenti tibbaża ruħha fuq din ir-raġuni għal esklużjoni. Għal kwalunkwe aġir ieħor li, filwaqt li jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, ma għandux in-natura ta’ “akkordji ma’ operaturi […] oħrajn”, jista’ jintuża l-kliem iktar ġenerali tal-punt (c).

    82.

    Jekk l-għan huwa li l-awtorità kontraenti tingħata l-ikbar kapaċità sabiex tevalwa l-affidabbiltà tal-offerenti u tal-kandidati, ma narax raġunijiet għalfejn is-setgħat tagħha jiġu limitati meta tiddelimita liema “ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni” twettaq. Il-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24 tawtorizza, mill-ġdid, l-użu tal-Artikolu 57(4)(c) u (d) tagħha fit-termini msemmija iktar ’il fuq. Għalhekk, din tagħti lok għal kompetizzjoni ta’ regoli li min se jinterpretahom ser ikollu jsolvi billi japplika dik l-iktar adatta għaċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

    2. Obbligu ta’ motivazzjoni

    83.

    L-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li “twettaq evalwazzjoni konkreta u individwalizzata tal-aġir tal-entità kkonċernata ( 46 ).” Din l-evalwazzjoni għandha tkun riflessa f’motivazzjoni tal-att adottat li tippermetti lid-destinatarji tiegħu, kif ukoll lill-eventwali kompetituri, jikkontestawh quddiem qorti ( 47 ).

    84.

    Meta (bħal fil-każ ineżami) wieħed mill-kompetituri jkun sostna li ieħor jaqa’ taħt raġuni għal esklużjoni skont l-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti għandha tispjega b’mod konkret għaliex hija taċċetta l-affidabbiltà ta’ dan l-applikant. Jekk ikun il-każ, il-motivazzjoni għandha tiġi estiża għall-evalwazzjoni tal-miżuri korrettivi li l-offerent issanzjonat ikun invoka ( 48 ).

    85.

    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni jista’ jiġi ssodisfatt jekk l-awtorità kontraenti tadotta, direttament jew permezz ta’ riferiment, l-argumenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità settorjali (fil-każ ineżami l-AC) meta tkun iddikjarat li operatur kien ftiehem ma’ oħrajn sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    E.   Ir‑raba domanda preliminari

    86.

    Il-qorti tar-rinviju tiddubita li s-“soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 55(1)(f) tal-CCP” hija konformi mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24.

    87.

    L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tas-CCP mill-qorti tar-rinviju (dik li l-Qorti tal-Ġustizzja trid tosserva, peress illi ġejja mill-ogħla qorti amministrattiva Portugiża) hija din li ġejja: meta l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku tkun dovuta għall-“ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ma għandux x’jaqsam mal-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni”, l-Artikolu 55(1)(f), tas-CCP jagħmel din l-esklużjoni dipendenti fuq dak li tiddeċiedi l-AC “fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ sanzjoni aniċillari li tikkonsisti fil-projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.” Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, f’din il-proċedura, l-AC hija dik li tevalwa r-rilevanza tal-miżuri korrettivi adottati.

    88.

    L-istess raġunijiet indikati fl-analiżi tat-tieni domanda preliminari ( 49 ) jiddeterminaw li din hija ipotetika, peress li:

    minn naħa, l-AC eskludiet, espressament, is-sanzjoni anċillari bħala reazzjoni għall-aġir ta’ Futrifer.

    minn naħa l-oħra, mill-proċess ma jirriżultax li ebda wieħed mill-operaturi inkwistjoni invoka, sabiex jevita projbizzjoni preċedenti (ineżistenti) minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-adozzjoni tal-miżuri korrettivi msemmija fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24.

    89.

    Id-domandi tal-qorti tar-rinviju għalhekk imorru lil hinn mil-limiti tat-tilwima, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni, u jeħtieġu, de facto, opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti li ma humiex relatati ma’ dawn il-fatti.

    90.

    Sabiex tiġi evitata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, id-domanda tista’ tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li din tqum fil-każ li l-AC tikkunsidra l-ftehim kollużiv bħala stabbilit, u tissanzjonah permezz ta’ multa, iżda mingħajr ma tiżdied il-projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    91.

    Fi kwalunkwe każ, kemm jekk bis-saħħa ta’ din ir-riformulazzjoni, jew sussidjarjament, ir-risposta li nipproponi hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi. Għalhekk:

    ma tkunx konformi mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 dispożizzjoni nazzjonali (jew l-interpretazzjoni tagħha) li teħtieġ, bħala rekwiżit essenzjali għall-applikazzjoni tagħha, id-deċiżjoni minn qabel ta’ awtorità tal-kompetizzjoni.

    l-Istati Membri jistgħu jafdaw l-evalwazzjoni tal-miżuri korrettivi lil awtoritajiet għajr l-awtoritajiet kontraenti, bħall-AC. Hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ taħt id-dritt Portugiż u, fl-affermattiv, li tivverifika “li s-sistema nazzjonali implimentata għal dan il-għan tkun tosserva r-rekwiżiti kollha imposti fl-Artikolu [57(6) tad-Direttiva 2014/24] ( 50 ).”

    F.   Il‑ħames domanda preliminari

    92.

    Il-qorti tar-rinviju tiffoka fuq l-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP sabiex tiddetermina jekk il-kontenut tiegħu huwiex konformi mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24.

    93.

    Il-qari li l-qorti tar-rinviju tagħmel ta’ dan l-artikolu tas-CCP iwassalha sabiex tikkonstata li dan “jillimita l-possibbiltà ta’ esklużjoni ta’ offerta minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ atti, ftehim, prattiki jew informazzjoni li tista’ toħloq distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha jinstabu dawn il-prattiki.”

    94.

    L-Artikolu 70 tas-CCP japplika, għall-inqas litteralment, fi stadju sussegwenti tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt: filwaqt li l-Artikolu 55 japplika fil-fażi inizjali (għażla tal-operatur skont kriterji kwalitattivi), l-Artikolu 70 jirreferi għall-fażi sussegwenti (analiżi tal-offerti sottomessi). Sabiex jasal għal din it-tieni fażi, l-offerent jew il-kandidat loġikament kellu jgħaddi mill-ewwel fażi, jiġifieri li ma jkunx ġie esklużi minn qabel mill-proċedura.

    95.

    Issa, ma jkun hemm xejn x’jopponi d-dispożizzjoni nazzjonali jekk l-interpretazzjoni tagħha tħalli mhux mittiefsa, fi kwalunkwe każ, is-setgħa tal-awtorità kontraenti li tevalwa li, qabel il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt speċifika li hija għandha taġġudika, offerent wettaq aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni li jwassal għall-esklużjoni tiegħu.

    96.

    Fi kliem ieħor, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 ma tinkiser jekk l-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP jawtorizza biss li l-awtorità kontraenti nnifisha teskludi l-offerta ta’ offerent meta hija tikkonstata li din kienet ir-riżultat ta’ aġir kollużiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt nnifisha ( 51 ).

    97.

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi l-possibbiltajiet kollha għall-awtorità kontraenti li ssir taf bl-aġir ta’ offerent li jkollu l-għan li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    98.

    Fil-konklużjonijiet tal-kawża Vossloh Laeis, sostnejt li l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24 jirrikonoxxi lill-awtoritajiet kontraenti ċerti funzjonijiet b’konnotazzjonijiet investigattivi ( 52 ), pożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet fis-sentenza mogħtija f’dik il-kawża ( 53 ).

    99.

    Meta jagħmlu użu minn dawn il-funzjonijiet, l-awtoritajiet kontraenti jkollhom is-setgħa li jidentifikaw il-preżenza ta’ ftehimiet tal-offerenti, konklużi fir-rigward tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li tkun għaddejja, li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. Huwa possibbli li, kif tindika l-Kummissjoni, il-prova tal-aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni mill-awtorità kontraenti stess tkun tippreżenta diffikultajiet. Dawn id-diffikultajiet, minbarra li ma humiex insormontabbli fil-prattika, ma jiġġustifikawx li tiġi limitata s-setgħa tal-awtorità kontraenti li tevalwa aġir kollużiv li l-eżistenza tiegħu hija stess tikkonstata.

    V. Konklużjoni

    100.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-tieni u r-raba’ domanda preliminari inammissibbli u tirrispondi lis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) kif ġej:

    “L-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi evalwata mill-awtorità kontraenti mingħajr ma din tal-aħħar tkun marbuta minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet oħra, sakemm operatur ma jkunx ġie eskluż permezz ta’ sentenza definittiva mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta mill-imsemmija sentenza fl-Istat Membru fejn din tal-aħħar hija eżekuttiva.

    l-awtorità kontraenti għandha timmotiva, direttament jew b’riferiment, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija taċċetta l-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ta’ offerent li jkun ġie preċedentement issanzjonat bħala awtur ta’ aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

    ma hijiex prekluża leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-awtorità kontraenti teskludi offerta minħabba li jkunu jeżistu indizji serji ta’ atti, ftehimiet, prattiki jew informazzjoni li jistgħu joħolqu distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha jkun ġie skopert tali aġir.

    Sussidjarjament, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni u għar-raba’ domanda preliminari kif ġej:

    meta awtorità tal-kompetizzjoni tkun imponiet sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul perijodu speċifiku fir-rigward ta’ operatur ekonomiku, l-awtorità kontraenti żżomm is-setgħa li ma teskludihx mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, jekk ikunu ssodisfatti ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24.

    l-operatur ekonomiku għandu d-dritt li jipproduċi provi li jkun ħa miżuri suffiċjenti sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, li l-awtorità kontraenti (jew l-awtorità awtorizzata għal dan l-għan skont id-dritt nazzjonali) għandha tevalwa, inkluż meta awtorità tal-kompetizzjoni tkun imponiet, fir-rigward tiegħu, sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni tiegħu fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.).

    ( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).

    ( 4 ) Digriet-Liġi Nru 18/2008, il-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi; iktar ’il quddiem is-“CCP” (Diário da República Nru 20/2008, Serje I, tad‑29 ta’ Jannar 2008), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ wara r-riforma tiegħu permezz tad-Decreto-lei n 111-B/2017, tal‑31 ta’ Awwissu (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi Nru 111-B/2017”) (Diário da República Nru 168/2017, it-Tieni Suppliment, Serje I, tal‑31 ta’ Awwissu 2017).

    ( 5 ) Lei n.o19/2012, de 8 de maio, aprova o novo regime jurídico da concorrência (il-Liġi Nru 19/2012, tat‑8 ta’ Mejju, li tapprova s-sistema legali l-ġdida tal-kompetizzjoni)(Diário da República, Serje I, Nru°89, tat‑8 ta’ Mejju 2012).

    ( 6 ) Proċedura 2019/S 015–030671, ippubblikata fis-Suppliment għall-ĠU tal-UE tat‑22 ta’ Jannar 2019 (ĠU 2019, S 15, p. 1).

    ( 7 ) Dawn kienu proċeduri mwettqa minn impriża pubblika sabiex tagħti servizzi ta’ manutenzjoni ta’ tagħmir u ta’ linji tal-ferrovija tan-network ferrovjarja Portugiża.

    ( 8 ) Fajl PRC/2016/6. F’dak li jirrigwarda lil Futrifer, din tikkorrispondi għad-“Deċiżjoni finali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni (verżjoni mhux kunfidenzjali”).

    ( 9 ) Punti 231 et seq tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2019.

    ( 10 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Taxi Horn Tours (C‑631/21, EU:C:2022:869, punti 3940).

    ( 11 ) Punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 12 ) It-teżi prevalenti fis-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca (C‑41/18, EU:C:2019:507; iktar ’il quddiem, “is-sentenza Meca”, punt 33), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim (C‑395/18, EU:C:2020:58), punt 34, hija kkonfermata f’dik tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et (C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 28), f’dawn it-termini: “[…] skont l-Artikolu 57(4) u (7) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx ir-raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni indikati hemmhekk jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali bi grad ta’ rigorożità li jista’ jvarja skont il-każ, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali prevalenti fil-livell nazzjonali.”

    ( 13 ) Huwa irrilevanti, għall-iskopijiet preżenti, li d-Digriet Liġi Nru 111‑B/2017 ma emendax ċerti dispożizzjonijiet tas-CCP li kienu fis-seħħ qabel.

    ( 14 ) Hija din id-dispożizzjoni li hija invokata minn Toscca fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha biex issostni li “l-leġiżlatur Portugiż ittraspona l-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24 billi żamm il-formulazzjoni tal-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP (issa fil-verżjoni li tirriżulta mir-riforma tal-2017).” Korsiv miżjud.

    ( 15 ) Punti 80 sa 84 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Moqrija flimkien mal-punti preċedenti, huma jenfasizzaw, b’mod definittiv, li, permezz tal-Artikolu 70 tas-CCP moqri flimkien mal-Artikolu 55(1)(f), il-leġiżlatur Portugiż inkorpora r-raġuni għal esklużjoni kontenzjuża. Il-Gvern Portugiż jesprimi dan b’mod ċar ħafna fil-punt 71 tal-osservazzjonijiet tiegħu: “id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55(1)(f) u tal-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP huma kompletament konformi ma’ dak li huwa indikat fid-Direttiva 2014/24, b’mod partikolari ma’ dak stabbilit fl-Artikolu 57(4)(d) tagħha.”

    ( 16 ) Sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fid-dritt intern, huwa biżżejjed li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi, minn qabel, ir-regoli li jinkorporaw materjalment dawn id-dispożizzjonijiet. It-traspożizzjoni ta’ direttiva ma teħtieġx neċessarjament l-adozzjoni formali u testwali tal-kontenut vinkolanti tagħha f’dispożizzjoni sussegwenti għal din id-direttiva. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punti 33 sa 36). B’mod partikolari, il-punt 35 jiddikjara li sabiex jiġi ċċarat “jekk leġiżlazzjoni nazzjonali timplimentax b’mod suffiċjenti l-obbligi li jirriżultaw minn direttiva speċifika, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-leġiżlazzjoni adottata speċifikament għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-regoli ġuridiċi kollha disponibbli u applikabbli.”

    ( 17 ) Sentenza Meca, punt 33.

    ( 18 ) Din tidher li kienet it-teżi tat-Tribunal central administrativo norte (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tat-Tramuntana) fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Mejju 2020, meta laqgħet it-talba ta’ Toscca. Dan huwa dedott mill-argument ta’ Infraestruturas inklż fid-digriet ta’ rinviju fit-Taqsima 7 tiegħu: għal dik il-qorti, l-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP “jinkludi neċessarjament ukoll il-każijiet passati ta’ indizji ta’ aġir antikompetittiv mill-kompetituri mhux preżenti jew indikati fl-offerta tal-kompetitur” (korsiv miżjud).

    ( 19 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq.

    ( 20 ) Sentenza Meca, punt 34.

    ( 21 ) Il-projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi setgħet ġiet deċiża permezz ta’ sentenza definittiva minħabba ksur imwettaq f’setturi oħra tal-ordinament ġuridiku. Issa ser nirreferi għal dawk imposti minn awtorità tal-kompetizzjoni, bħal kif kien il-każ fil-kawża ineżami.

    ( 22 ) Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni analoga fid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vert Marine (C‑472/19, EU:C:2020:468, punt 20).

    ( 23 ) Il-Liġi Nru 19/2012 tikklassifika din il-projbizzjoni bħala “sanzjoni.” Għaldaqstant, hija ma tagħtix lok għal diskussjoni dwar in-natura ġuridika tagħha, li hija inkwistjoni f’ordinamenti ġuridiċi oħra.

    ( 24 ) Futrifer tqis li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari kollu kemm hu huwa inammissibbli, peress li l-ebda waħda mid-domandi, li hija tqis ġenerali u ipotetiċi, ma hija rilevanti għad-deċiżjoni tat-tilwima. Il-Kummissjoni, b’mod iktar konċiż, tikkritika l-fatt li l-qorti tar-rinviju “tidher li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’mod wiesa’ u kważi astratt, dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24”, iżda ma tasalx sal-punt li tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rinviju. Min-naħa tiegħi, jidhirli li l-kritika ta’ Futrifer hija korretta f’dak li jirrigwarda t-tieni u r-raba’ domanda preliminari.

    ( 25 ) Ara l-punti 50 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 26 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel (C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 48).

    ( 27 ) Qiegħed nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93 (C‑267/18, EU:C:2019:393, punt 30).

    ( 28 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Vossloh Laeis (C‑124/17, EU:C:2018:855; iktar ’il quddiem is-“sentenza Vossloh Laeis”, punti 25 u 26).

    ( 29 ) Sentenza Vossloh Laeis, punt 39.

    ( 30 )

    ( 31 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vert Marine (C‑472/19, EU:C:2020:468, punt 29).

    ( 32 ) Dwar ir-relazzjoni bejn id-deċiżjonijiet tal-awtorità tal-kompetizzjoni u dawk tal-awtoritajiet kontraenti, ara l-punti 25 sa 33 tas-sentenza Vossloh Laeis.

    ( 33 ) Digriet tar-rinviju, it-tielet paragrafu tal-punt 2.2.6.

    ( 34 ) Skont il-qorti tar-rinviju, f’din il-kawża, “l-awtorità kontraenti ma turi l-ebda interess li twettaq evalwazzjoni tagħha stess fuq l-‘affidabbiltà” tal-offerent […]. Għall-kuntrarju, hija tiddefendi l-argument li hija ma għandhiex għalfejn twettaq tali evalwazzjoni, peress li tali evalwazzjoni diġà tinsab fid-deċiżjoni meħuda mill-AC” (ir-raba’ paragrafu tal-punt 2.2.6 tad-digriet tar-rinviju).

    ( 35 ) Jidher li dan jirriżulta, mingħajr wisq ċarezza, mill-punt 2.2.6 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 36 ) Korsiv miżjud.

    ( 37 ) Ara s-sentenza Meca, punt 30.

    ( 38 ) Ibidem, punt 29.

    ( 39 ) Fil-konklużjonijiet tal-kawża Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93 (C‑267/18, EU:C:2019:393, punt 28), diġà indikajt li “[i]d-Direttiva 2014/24 tinkorpora l-affidabbiltà bħala komponent prinċipali tar-relazzjoni” bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti.”

    ( 40 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici (C‑358/12, EU:C:2014:2063, punti 29, 3132).

    ( 41 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim (C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 41).

    ( 42 ) Korsiv miżjud.

    ( 43 ) L-Artikolu 55(1)(c) tas-CCP jimponi l-projbizzjoni li ssir offerta lill-persuna, fiżika jew ġuridika, li ġiet imposta fuqha sanzjoni amministrattiva għal kondotta professjonali serjament skorretta.

    ( 44 ) Digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2019, Consorzio Nazionale Servizi (C‑425/18, EU:C:2019:476), fir-rigward tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    ( 45 ) Dwar il-“kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni għall-esklużjoni relatata mal-kollużjoni: il-kopertura ta’ prattiki miftiehma u l-interazzjoni mar-raġuni għall-esklużjoni minħabba kondotta professjonali ħażina serja”, huwa utli l-qari tal-punt 5.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għodod għall-ġlieda kontra l-kollużjoni fl-akkwist pubbliku u dwar gwida dwar kif tiġi applikata r-raġuni għall-esklużjoni relatata (2021/C 91/01).

    ( 46 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 157), li tiċċita s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 47 ) Ibidem, punt 120.

    ( 48 ) Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, “[f]ejn il-miżuri [meħuda mill-operaturi ekonomiċi] jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.” Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-motivazzjoni tingħata fil-każ oppost, jekk operatur kompetitur ieħor jeżiġi dan sabiex jiddefendi l-esklużjoni tal-kompetitur tiegħu..

    ( 49 ) Id-differenza mit-tieni domanda preliminari tinsab fil-fatt li, din id-darba, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont id-dritt Portugiż, ladarba tiġi imposta s-sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-AC hija kompetenti wkoll sabiex tiddeċiedi dwar ir-riabilitazzjoni tal-operatur ekonomiku ssanzjonat.

    ( 50 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vert Marine (C‑472/19, EU:C:2020:468, punti 3138, u punt 2 tad-dispożittiv).

    ( 51 ) Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk l-Artikolu 70(2)(g) tas-CCP jistax jiġi interpretat fis-sens imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 52 ) C‑124/17, EU:C:2018:316, punti 46 sa 49.

    ( 53 ) Sentenza Vossloh Laeis, punt 24 u et seq

    Top