Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0054

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. N. Emiliou, ippreżentati l-5 ta’ Ottubru 2023.
    Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Regolament (UE) Nru 211/2011 – Reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Artikolu 4(2)(b) – Proposta li ma taqax manifestament ’il barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea skont liema hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati – Oneru tal-prova – Setgħa tal-Kummissjoni li tipproċedi għal reġistrazzjoni parzjali.
    Kawża C-54/22 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:744

    Edizzjoni Provviżorja

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    EMILIOU

    ippreżentati fil‑5 ta’ Ottubru 2023 (1)

    Kawża C54/22 P

    IrRumanija

    V

    IlKummissjoni Ewropea

    “Appell – Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (‘IĊE’) – IĊE ‘Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali’ – Setgħa tal-Kummissjoni Ewropea li tipproċedi b’reġistrazzjoni parzjali skont ir-Regolament (UE) Nru 211/2011”






    I.      Introduzzjoni

    1.        L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (iktar ’il quddiem l-“IĊE”) hija strument ta’ demokrazija parteċipattiva li issa saret pjuttost żieda magħrufa sew fis-sistema istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-impatt apparentement modest tagħha sa issa (2). Infakkar li dan il-mekkaniżmu ġie introdott mit-Trattat ta’ Lisbona sabiex jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni l-possibbiltà li jinfluwenzaw direttament l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni billi jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tipprepara proposta ta’ att legali tal-Unjoni. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-valur miżjud ta’ dan il-mekkaniżmu “jinsab mhux fiċ-ċertezza tal-eżitu tiegħu, iżda fil-possibbiltajiet u fl-opportunitajiet li dan joħloq għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jingħata bidu għal [jibdew] dibattitu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha [...]” (3).

    2.        Sabiex IĊE tipprogressa, hija għandha tgħaddi, b’suċċess, minn diversi stadji, fejn l-ewwel wieħed minnhom huwa r-“reġistrazzjoni” tagħha. Matul din il-fażi ta’ “ammissibbiltà”, il-Kummissjoni tivverifika, inter alia, jekk il-kwistjoni li dwarha l-Kummissjoni hija mistiedna taġixxi taqax jew ma taqax manifestament ’il barra mill-qafas tas-setgħat tagħha li tressaq proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni. Dan l-ewwel stadju jwassal, bħala prinċipju, għal deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tirreġistra IĊE jew, għall-kuntrarju, tirrifjuta r-reġistrazzjoni tagħha.

    3.        Il-kawża ineżami tikkonċerna dan l-istadju speċifiku u tikkostitwixxi konsegwenza ta’ kontenzjużi preċedenti quddiem il-qrati tal-Unjoni dwar l-IĊE “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”. Din l-IĊE talbet, essenzjalment, il-preparazzjoni ta’ atti ġuridiċi li jipprovdu opportunitajiet indaqs ta’ aċċess għall-fondi tal-Unjoni lir-reġjuni, li l-karatteristiċi nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tagħhom huma differenti minn dawk tar-reġjuni tal-madwar.

    4.        Il-kontenzjuż ineżami beda biċ-ċaħda mill-Kummissjoni tar-reġistrazzjoni ta’ din l-IĊE peress li s-suġġett tagħha kien jaqa’ manifestament ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tagħha li tippreżenta proposta għal att legali. Ir-rikors ippreżentat kontra din iċ-ċaħda ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, fil-kuntest ta’ appell ippreżentat mill-organizzaturi ta’ din l-IĊE, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    5.        Sussegwentement, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li permezz tagħha hija rreġistrat l-IĊE inkwistjoni, u b’hekk fetħet it-triq sabiex jibda jinġabar l-appoġġ min fost iċ-ċittadini tal-Unjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-IĊE biss għal dawk l-elementi inizjali tagħha li, fil-fehma tagħha, ma kinux manifestament “inammissibbli”.

    6.        Madankollu, prima facie, ir-regoli applikabbli, fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti, kienu jagħtu lill-Kummissjoni setgħa “iswed fuq l-abjad” li tirreġistra IĊE jew li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tagħha. Il-kwistjoni li tqum fil-kawża ineżami hija dik dwar jekk din il-loġika binarja pprekludietx lill-Kummissjoni milli tirreġistra l-IĊE inkwistjoni b’mod daqstant “ikklassifikat”.

    II.    Ilkuntest ġuridiku

    7.        Permezz tal-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (iktar ’il quddiem ir-“Regolament IĊE tal‑2011” (4)) stabbilixxa l-proċeduri u l-kundizzjonijiet ddettaljati meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini, skont l-Artikolu 11 TUE u l-Artikolu 24 TFUE (5).

    8.        L-Artikolu 2(1) ta’ dan l-istrument iddefinixxa IĊE bħala “inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont [ir-Regolament IĊE tal‑2011], li tistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha”.

    9.        L-Artikolu 4 tar-Regolament IĊE tal‑2011 kien jistabbilixxi:

    “1.      Qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta, l-organizzaturi għandhom ikunu meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, b’mod partikolari dwar is-suġġett u l-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

    […]

    2.      Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (b)      l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati;

    […]

    3.      Il-Kummissjoni għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jiġux sodisfatti.

    Fejn tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom.

    […]”

    10.      L-Anness II tar-Regolament IĊE tal‑2011 kien jikkonċerna “informazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini” u kien jeżiġi li “[l]-informazzjoni li ġejja għandha tkun provduta sabiex tiġi reġistrata inizjattiva taċ-ċittadini proposta fir-reġistru online tal-Kummissjoni:

    1.      It-titolu tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, f’mhux aktar minn 100 karattru;

    2.      Is-suġġett, f’mhux aktar minn 200 karattru;

    3.      Deskrizzjoni tal-għanijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li fuqha l-Kummissjoni hija mistiedna taġixxi, f’mhux aktar minn 500 karattru;

    4.      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati meqjusa rilevanti mill-organizzaturi għall-azzjoni proposta;

    […]”

    L-Anness jipprevedi wkoll li l-“organizzaturi jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’anness. Jekk jixtiequ, jistgħu wkoll jippreżentaw abbozz ta’ att legali”.

    III. Ilfatti li wasslu għallkawża, ilkawża quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

    11.      Fit‑18 ta’ Ġunju 2013, ġiet ippreżentata għar-reġistrazzjoni quddiem il-Kummissjoni IĊE intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”.

    12.      L-organizzaturi ta’ din l-IĊE pprovdew kemm l-informazzjoni minima meħtieġa, stabbilita fl-Anness II tar-Regolament IĊE tal‑2011 (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni meħtieġa”), u informazzjoni iktar iddettaljata fis-sens ta’ dan l-anness (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni addizzjonali”).

    13.      Mill-elementi pprovduti bħala informazzjoni meħtieġa rriżulta li s-suġġett ta’ din l-inizjattiva kien li l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni li għandhom karatteristiċi nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi differenti minn dawk tar-reġjuni tal-madwar (6).

    14.      L-għanijiet ta’ din l-inizjattiva, deskritti wkoll fil-kuntest tal-informazzjoni meħtieġa, kienu ppreżentati, inter alia, kif ġej: “Għal dawn ir-reġjuni, inklużi żoni ġeografiċi bl-ebda kompetenzi amministrattivi, jenħtieġ li l-prevenzjoni ta’ xogħol ekonomiku b’lura, is-sostenn tal-iżvilupp u l-preservazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jsiru b’mod li jiżguraw li l-karatteristiċi tagħhom jibqgħu l-istess. Għalhekk, dawn ir-reġjuni jridu jkollhom l-istess opportunità biex ikollhom aċċess għal fondi varji tal-UE u l-preservazzjoni tal-karatteristiċi tagħhom u l-iżvilupp ekonomiku xieraq tagħhom jridu jkunu garantiti, sabiex l-iżvilupp tal-UE jkun jista’ jiġi sostnut u d-diversità kulturali tagħha tkun tista’ tinżamm” (7).

    15.      Barra minn hekk, irriżulta mill-informazzjoni addizzjonali (kif sussegwentement miġbura fil-qosor mill-Qorti tal-Ġustizzja) li, skont l-organizzaturi ta’ din l-IĊE, “il-politika ta’ koeżjoni rregolata mill-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE kellha, sabiex tissodisfa l-valuri fundamentali ddefiniti fl-Artikoli 2 TUE u 3 TUE, tikkontribwixxi għaż-żamma tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali, li kienu mhedda mill-integrazzjoni ekonomika Ewropea, u għall-korrezzjoni tal-iżvantaġġi u tad-diskriminazzjonijiet li jaffettwaw l-iżvilupp ekonomiku ta’ dawn ir-reġjuni. Għaldaqstant, l-att propost kellu jagħti lir-reġjuni b’minorità nazzjonali possibbiltà ta’ aċċess għall-fondi, għar-riżorsi u għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni ugwali għall-aċċess tar-reġjuni li attwalment huma eliġibbli, bħalma huma dawk elenkati fl-Anness I tar-[Regolament 1059/2003]. [(8)] Skont l-[organizzaturi], dawn il-garanziji setgħu jinkludu t-twaqqif ta’ istituzzjonijiet reġjonali awtonomi li jkollhom setgħat suffiċjenti sabiex jgħinu lir-reġjuni b’minorità nazzjonali jżommu l-karatteristiċi nazzjonali, lingwistiċi u kulturali tagħhom kif ukoll l-identità tagħhom.” (9)

    16.      Permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni rrifjutat li tirreġistra l-IĊE inkwistjoni, għar-raġuni li l-IĊE proposta kienet manifestament taqa’ ’l barra mill-qafas tas-setgħat tagħha li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati (skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011) (10).

    17.      Ir-rikors li permezz tiegħu l-organizzaturi ta’ din l-IĊE, sostnuti mill-Ungerija, talbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali (11). Madankollu, dik is-sentenza ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet ukoll definittivament il-kawża u annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2013 (12). Jidher illi, inter alia, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala restrittiva wisq l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat lid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, li ġiet analizzata bħala l-bażi legali possibbli għall-atti legali li l-Kummissjoni ntalbet tipprepara (13).

    18.      Fit‑30 ta’ April 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha ġiet irreġistrata l-IĊE inkwistjoni (14).

    19.      Madankollu, filwaqt li din ir-reġistrazzjoni ngħatat effett permezz tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-Artikolu 1(2) tagħha ppreveda li “[d]-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jistgħu jinġabru, abbażi tal-fehim li timmira għal proposti mill-Kummissjoni għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.” (15)

    20.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑8 ta’ Lulju 2019, ir-Rumanija ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi qajmet żewġ motivi. L-ewwel, hija allegat ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011, peress illi, fil-fehma tagħha, l-IĊE inkwistjoni kienet taqa’ manifestament ’il barra mis-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. It-tieni, ir-Rumanija invokat il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    21.      Fl‑10 ta’ Novembru 2021, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata” (16)).

    IV.    Ilproċeduri quddiem ilQorti tal-Ġustizzja u ttalbiet imressqa

    22.      Ir-Rumanija ppreżentat appell minn din is-sentenza fis‑27 ta’ Jannar 2022, fejn talbet l-annullament tagħha, u talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jew tiddeċiedi hija stess il-kawża jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni ġdida. Hija titlob ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    23.      Ir-Rumanija tqajjem aggravju uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) TUE (li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi) (17). Dan l-aggravju huwa, min-naħa tiegħu, maqsum f’żewġ partijiet.

    24.      L-ewwel parti tirrigwarda l-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Kummissjoni “tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE biss jekk [...] hija tasal għall-konklużjoni li jista’ jiġi totalment eskluż li hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. […]” u li għalhekk hija għandha tirreġistra IĊE “anki fil-preżenza ta’ dubji kbar” dwar jekk l-IĊE proposta taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat rilevanti tagħha.

    25.      It-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Rumanija tirrigwarda d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 116 tas-sentenza appellata li skonthom, essenzjalment, l-approċċ tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fir-reġistrazzjoni tal-IĊE inkwistjoni fuq il-bażi ta’ ċertu fehim dwar x’jista’ jkun il-kamp ta’ applikazzjoni possibbli tagħha, kien konsistenti mar-Regolament IĊE tal‑2011 u mal-interpretazzjoni tiegħu mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni.

    26.      Il-Kummissjoni ppreżentat risposta li fiha hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

    27.      Iż-żewġ partijiet ippreżentaw ukoll replika u kontroreplika. Il-Gvern Ungeriż intervjena insostenn tal-Kummissjoni u ppreżenta risposta għall-appell kif ukoll kontroreplika.

    V.      Evalwazzjoni

    28.      Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-argumenti mressqa mir-Rumanija fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku, li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa li “tikkwalifika” (u tirrestrinġi) il-kamp ta’ applikazzjoni tal-IĊE inkwistjoni, filwaqt li tipproċedi bir-reġistrazzjoni tagħha.

    29.      Sabiex nevalwa din il-kwistjoni, ser nikkummenta fuq il-karatteristiċi rilevanti tal-mekkaniżmu tal-IĊE (1) u niddeskrivi l-prattika tal-Kummissjoni (li l-IĊE inkwistjoni tagħmel parti minnha) li tikkonsisti fir-reġistrazzjoni ta’ ċerti IĊE fuq il-bażi ta’ fehim speċifiku ta’ x’jista’ jkun il-kamp ta’ applikazzjoni possibbli tagħhom (2). Wara l-ispjegazzjoni ta’ dawn l-elementi tal-kuntest iktar ġenerali, ser nindirizza l-argumenti tar-Rumanija ppreżentati fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appell tagħha u ser nesponi r-raġunijiet li sejrin iwassluni sabiex nikkonkludi li l-Kummissjoni kellha dritt tirreġistra IĊE filwaqt li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal ċerti aspetti tagħha biss (3).

    1.      Ilkaratteristiċi rilevanti talmekkaniżmu talIĊE

    30.      Il-mekkaniżmu tal-IĊE, introdott fl-Artikolu 11(4) TUE ġie implimentat mir-Regolament IĊE tal‑2011, imħassar sussegwentement bir-Regolament IĊE tal‑2019, li huwa attwalment fis-seħħ. It-tnejn jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi ppreżentata inizjattiva lill-Kummissjoni, kif ukoll il-proċedura li biha l-Kummissjoni għandha tindirizzaha.

    31.      Ta’ min jinnota li, sabiex inizjattiva tibda diskussjoni politika fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, din għandha tgħaddi minn tliet stadji prinċipali suċċessivi.

    32.      L-ewwel, hija għandha tosserva l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni (xi drabi msejħa “ta’ ammissibbiltà” (18)) elenkati speċifikament. It-tieni, ladarba tkun ġiet irreġistrata IĊE, l-organizzaturi tal-IĊE għandhom jiġbru l-appoġġ meħtieġ (bħala minimu, miljun firmatarju li jkunu ġejjin minn mill-inqas kwart tal-Istati Membri) (19). It-tielet, il-Kummissjoni għandha, essenzjalment, tasal għall-konklużjoni li l-adozzjoni ta’ att ġuridiku dwar il-kwistjoni identifikata hija fil-fatt neċessarja – u tibda l-preparazzjoni tagħha – li, madankollu, taqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni totali tagħha (20).

    33.      Fir-rigward tal-istadju ta’ reġistrazzjoni, li huwa s-suġġett tal-kawża ineżami, ir-Regolament IĊE attwali tal‑2019 jissuġġetta r-reġistrazzjoni, inter alia, għall-kundizzjoni (negattiva) li l-ebda waħda mill-partijiet tal-inizjattiva ppreżentata ma tkun taqa’ manifestament ’il barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati (21).

    34.      Meta din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfatta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi u tagħtihom opportunità li jemendaw l-inizjattiva. Meta jżommu l-verżjoni inizjali u meta, fl-istess ħin, parti minn din l-inizjattiva ma tkunx taqa’ manifestament ’il barra mis-setgħat rilevanti tal-Kummissjoni, ir-Regolament IĊE tal‑2019 jipprevedi li l-Kummissjoni għanda tirreġistra tali inizjattiva parzjalment (22).

    35.      Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tar-Regolament IĊE tal‑2019 ma japplikawx ratione temporis għall-kawża ineżami, li hija, f’dan ir-rigward, irregolata mir-Regolament IĊE tal‑2011 (23). Għalkemm l-istrument imsemmi l-aħħar kien jinkludi kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni negattiva simili, din il-kundizzjoni kienet espressa b’mod differenti peress li ma kinitx tippreċiża li l-ebda waħda mill-partijiet tal-inizjattiva proposta ma setgħet taqa’ ’l barra mis-setgħat rilevanti tal-Kummissjoni. L-Artikolu 4(2)(b) tiegħu kien sempliċement jeżiġi li l-inizjattiva proposta (bħala tali) ma tkunx taqa’ manifestament ’il barra mill-qafas ta’ dawk is-setgħat (24). Huwa importanti li jiġi nnotat li r-Regolament IĊE tal‑2011 ma indirizzax is-sitwazzjoni fejn il-proposta ta’ IĊE kienet tissodisfa din il-kundizzjoni negattiva parzjalment biss. Fi kliem ieħor, huwa ma kien jipprevedi ebda konsegwenza speċifika li għandha tinsilet minn proposta li kienet tinkludi taħlita ta’ elementi li wħud minnhom kienu jaqgħu manifestament ’il barra mis-setgħat tal-Kummissjoni, filwaqt li oħrajn ma kinux.

    36.      Il-kawża ineżami tqajjem il-kwistjoni dwar jekk dan is-silenzju tar-Regolament dwar din il-kwistjoni pprekludiex lill-Kummissjoni milli tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha l-IĊE inkwistjoni ġiet irreġistrata fuq il-bażi ta’ fehim speċifiku ta’ x’jista’ jkun il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-IĊE. Qabel ma nindirizza din il-kwistjoni f’iktar dettall, ser nindirizza l-prassi li żviluppat il-Kummissjoni f’dan ir-rigward (u li, fil-fatt, jidher li sussegwentement ispirat is-sistema ta’ reġistrazzjoni parzjali attwalment fis-seħħ).

    2.      Ilprassi ta’ reġistrazzjoni li tillimita lkamp ta’ applikazzjoni talinizjattivi proposti taħt irRegolament IĊE tal2011

    37.      L-IĊE inkwistjoni ma hijiex l-ewwel waħda li ġiet irreġistrata, taħt ir-Regolament IĊE tal‑2011, b’mod “ikklassifikat” – jiġifieri, fejn il-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni tagħha, x’jista’ jkun il-kamp ta’ applikazzjoni possibbli tagħha għall-finijiet tal-istadji ulterjuri tal-proċess.

    38.      Sa fejn naf jiena, il-Kummissjoni pproċediet b’dan il-mod, taħt ir-Regolament IĊE tal‑2011, f’disa’ każijiet oħra (25), li jammonta għal bejn wieħed u ieħor 14 % tar-reġistrazzjonijiet b’suċċess li saru taħt dan l-istrument (26).

    39.      B’eċċezzjoni waħda, id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni adottata f’kull waħda minnhom tinkludi dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li fih il-Kummissjoni tosserva li d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jistgħu jinġabru “abbażi tal-fehim” li skontu l-inizjattiva inkwistjoni timmira għal proposta ta’ att legali tal-Unjoni li jkollu għan speċifiku, kif deskritt fil-qosor f’din id-dispożizzjoni (27). Dan huwa differenti mid-deċiżjonijiet “sħaħ” ta’ reġistrazzjoni, sa fejn l-Artikolu 1 ta’ kull wieħed minnhom jipprevedi sempliċement li l-IĊE inkwistjoni tiġi rreġistrata (28).

    40.      Sa fejn naf jiena, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tirreġistra parzjalment, taħt ir-Regolament IĊE tal‑2011, IĊE “inklużiva ż-żżejjed” (minflok ma tiċħadha kollha kemm hi) ġiet indirizzata mill-qrati tal-Unjoni fir-rigward ta’ IĊE waħda biss, u b’mod pjuttost limitat biss.

    41.      B’mod iktar preċiż, l-IĊE intitolata “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” talbet l-adozzjoni ta’ 11‑il att sabiex titjieb, fil-qosor, il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi (29).

    42.      Il-Kummissjoni l-ewwel qieset li din l-inizjattiva kienet taqa’ manifestament ’il barra mill-qafas tas-setgħat tagħha li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni u ċaħdet ir-reġistrazzjoni tagħha (30). Fil-kontenzjuż sussegwenti, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni ta’ ċaħda minħabba, inter alia, li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħti motivazzjoni dwar liema mill-atti ssuġġeriti manifestament ma kinux jaqgħu taħt is-setgħat tagħha, filwaqt li rrilevat fl-istess ħin li ċerti temi setgħu fil-fatt jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tagħha (31).

    43.      Sussegwentement, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li permezz tagħha hija rreġistrat l-IĊE inkwistjoni, fir-rigward ta’ 9 mill-11‑il att legali li l-Kummissjoni kienet ġiet mistiedna tipprepara (32).

    44.      Ir-Rumanija kkontestat, bla suċċess, din id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni l-ġdida, billi sostniet, l-ewwel, il-ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011 u, it-tieni, in-nuqqas ta’ motivazzjoni.

    45.      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, inter alia, l-argument tar-Rumanija li r-reġistrazzjoni parzjali ppreġudikat l-awtonomija tal-organizzaturi tal-IĊE u biddlet indebitament is-suġġett iddikjarat tagħha. Hija enfasizzat li l-organizzaturi stess kienu esprimew ix-xewqa li l-Kummissjoni twettaq reġistrazzjoni parzjali, jekk tasal għall-konklużjoni li wħud mill-miżuri proposti manifestament ma jaqgħux taħt is-setgħat rilevanti tagħha (33).

    46.      Fil-kuntest tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni li l-IĊE tiġi rreġistrata parzjalment u għamlet riferiment, inter alia, għall-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar bidla fil-prassi tagħha (u għal devjazzjoni mill-pożizzjoni inizjali tagħha li reġistrazzjoni parzjali ma kinitx possibbli skont ir-Regolament IĊE tal‑2011).

    47.      Fl-appell ippreżentat mir-Rumanija, ukoll mingħajr suċċess, dawn il-punti speċifiċi ma tqajmux (34).

    48.      Nirrileva li la s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u lanqas dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzaw espressament il-kwistjoni sottostanti dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa, skont ir-Regolament IĊE tal‑2011, li tirreġistra IĊE parzjalment biss (35). Dan premess, jiena tal-fehma li fil-fatt jeżistu raġunijiet tajbin favur l-approċċ tal-Kummissjoni. Din hija l-kwistjoni li ser neżamina issa, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti mressqa mir-Rumanija insostenn tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha tal-appell ineżami.

    3.      Ilkawża ineżami

    49.      F’din it-taqsima, l-ewwel ser neżamina iktar mill-qrib l-argumenti mressqa mir-Rumanija (a) u niċċara t-terminoloġija użata mill-Qorti Ġenerali sabiex inkun nista’ niddeskrivi l-prassi tal-Kummissjoni inkwistjoni (b). Sussegwentement ser nindirizza dak li jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, is-suġġett prinċipali tat-tieni parti tal-aggravju uniku tar-Rumanija, jiġifieri l-allegata impossibbiltà għall-Kummissjoni li tirreġistra IĊE b’mod “ikklassifikat” taħt ir-Regolament IĊE tal-2011 (c).

    a)      Iddettalji tattieni parti talaggravju uniku

    50.      Bħala tfakkira, permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha (li hija l-unika parti eżaminata f’dawn il-konklużjonijiet, kif spjegat iktar ’il fuq), ir-Rumanija tikkontesta d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li fihom din il-qorti ċaħdet l-argument tar-Rumanija li l-eżistenza ta’ ċerti “riżervi” fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet, essenzjalment, kuntrarja għar-Regolament IĊE tal‑2011 (36).

    51.      B’mod iktar speċifiku, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tirreġistra l-IĊE inkwistjoni fuq il-bażi ta’ ċertu fehim ta’ x’jista’ jkun il-kamp ta’ applikazzjoni possibbli tagħha, bħala konformi mar-Regolament IĊE tal‑2011 u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (37), minħabba li l-Kummissjoni għandha tinterpreta u tapplika l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni b’mod li tiżgura aċċessibbiltà faċli għall-IĊE.

    52.      Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li “[l]-Kummissjoni tista’, għaldaqstant, jekk ikun hemm bżonn, twettaq ‘orjentazzjoni’, ‘klassifikazzjoni’ jew anki reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni sabiex jiġi żgurat l-aċċess faċli għaliha, bil-kundizzjoni li hija tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha u li l-kontenut ta’ din il-proposta ma jkunx żnaturat”.

    53.      Hija kkunsidrat, dejjem fl-istess punt, li “dan il-mod ta’ kif tipproċedi jippermetti lill-Kummissjoni, minflok tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, tirreġistraha b’mod ikklassifikat, sabiex tippreżerva l-effett utli tal-għan li għandu jintlaħaq mir-[Regolament IĊE tal‑2011]”. Hija żiedet illi “[d]in il-konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li l-organizzaturi ta’ tali proposta ma humiex bilfors ġuristi li għandhom preċiżjoni fl-espressjoni bil-miktub u l-għarfien dwar il-kompetenzi tal-Unjoni u l-kompetenzi tal-Kummissjoni. […]” (38).

    54.      Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, ir-Rumanija tallega, essenzjalment, li permezz tal-approvazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistra l-IĊE b’mod “ikklassifikat”, il-Qorti tal-Ġustizzja kisret l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011 (moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) TUE) peress li hija naqset, l-istess bħall-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, milli tieħu inkunsiderazzjoni t-totalità tal-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni mill-organizzaturi tal-IĊE inkwistjoni.

    55.      F’dan ir-rigward, ir-Rumanija tirreferi għal uħud mill-elementi tal-informazzjoni “addizzjonali” (fis-sens tal-Anness II tar-Regolament IĊE tal‑2011) li l-organizzaturi tal-IĊE inkwistjoni kienu ppreżentaw. Hija tirreferi, b’mod iktar speċifiku, għall-istedina sabiex: l-ewwel, jiġu ddefiniti, f’att legali, ir-“reġjuni minoritarji/etniċi”; it-tieni, li din id-definizzjoni ssir applikabbli wkoll għar-reġjuni li ma għandhomx kompetenzi amministrattivi iżda li esprimew ix-xewqa tagħhom ta’ awtonomija; u, it-tielet, li tiġi pprovduta, f’anness mal-att legali li għandu jiġi adottat, lista ta’ dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, ir-Rumanija ssostni li, bl-istess mod, anki r-riferiment għar-Regolament Nru 1059/2003 ġie injorat (39).

    56.      Skont ir-Rumanija, li kieku din l-informazzjoni kollha kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni, l-IĊE inkwistjoni ma kinitx tiġi adottata, għaliex kieku kienet tintlaħaq il-konkluż li azzjoni bbażata fuq l-Artikoli 174 sa 178 TFUE (dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni) ma kinitx tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din l-IĊE.

    57.      Finalment, ir-Rumanija hija tal-fehma li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq argument ġenerali dwar in-neċessità li jiġi żgurat aċċess faċli għall-IĊE. Madankollu, skont ir-Rumanija, tali argument ġenerali ma jistax iwassal, fih innifsu, għar-reġistrazzjoni ta’ IĊE meta l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ma jkunux issodisfatti.

    58.      Bi tweġiba, il-Kummissjoni tosserva, essenzjalment, li huwa preċiżament għaliex hija ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-organizzaturi li hija waslet għad-deċiżjoni li tirreġistra l-IĊE inkwistjoni b’mod “ikklassifikat”.

    59.      Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat, kif tfakkar ġustament ir-Rumanija, li, meta l-organizzaturi jkunu pprovdew lill-Kummissjoni mhux biss l-informazzjoni meħtieġa dwar is-suġġett u l-għan tal-inizjattiva partikolari, iżda wkoll l-informazzjoni addizzjonali, fis-sens tal-Anness II tar-Regolament IĊE tal‑2011, dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-kuntest tal-proposta, il-Kummissjoni għandha teżaminaha (40).

    60.      Fil-fehma tiegħi, meta l-Qorti Ġenerali eżaminat l-informazzjoni li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni qabel ma adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, hija għamlet dan filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi deskritti mir-Rumanija. Kif jirrikonoxxi dan l-Istat Membru stess, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, essenzjalment, għal dawn l-elementi fil-punt 113 tas-sentenza appellata sabiex tqis li dawn jikkostitwixxu mezzi identifikati mill-organizzaturi sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati tal-IĊE inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dan l-element, ma nara, bi qbil mal-pożizzjoni espressa mill-Ungerija (bħala l-intervenjenti) fir-risposta tagħha, l-ebda nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tieħu dawn l-elementi inkunsiderazzjoni.

    61.      Dan espost, jidher li, permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, ir-Rumanija tikkontesta, b’mod iktar fundamentali, il-konferma, mill-Qorti Ġenerali, tal-għażla sottostanti tal-Kummissjoni li tirreġistra l-IĊE inkwistjoni b’mod “ikklassifikat”. Fil-fatt, peress li, skont dan l-Istat Membru, il-preżenza tal-elementi msemmija iktar ’il fuq għamlitha impossibbli li din l-IĊE tiġi rreġistrata mingħajr ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, l-argument tiegħu jfisser, fil-fehma tiegħi, li r-reġistrazzjoni “kklassifikata” li wettqet il-Kummissjoni, u li l-Qorti Ġenerali approvat fil-punt 116 tas-sentenza appellata, sempliċement ma kinitx għażla permessa mill-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011.

    62.      Qabel ma nesponi r-raġunijiet li sejrin iwassluni sabiex nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball f’dan ir-rigward, ser nippreżenta xi osservazzjonijiet qosra dwar il-formulazzjoni użata mill-Qorti Ġenerali sabiex tipprova tiddeskrivi s-sitwazzjoni inkwistjoni.

    b)      Reġistrazzjoni kklassifikata, orjentata jew parzjali?

    63.      Kif diġà ġie rrilevat, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-neċessità li jiġi żgurat aċċess faċli għall-IĊE, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tista’ torjenta, tikklassifika jew anki tirreġistra parzjalment l-IĊE proposta (41). Din il-frażjoloġija u din il-formulazzjoni jidhru li jirreferu għal xenarji differenti.

    64.      Prima facie, jista’ fil-fatt ikun hemm ċerta differenza, b’mod partikolari, bejn ir-reġistrazzjoni parzjali u r-reġistrazzjoni kklassifikata. Tal-ewwel , fil-fehma tiegħi, toqgħod perfettament max-xenarju li kien inkwistjoni fis-sentenza Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni – Minority SafePack. Dik is-sentenza kienet tirrigwarda, kif diġà ġie spjegat, IĊE eventwalment irreġistrata fir-rigward ta’ 9 minn 11‑il att legali inizjalment proposti. Dawn l-atti ġew ippreżentati f’lista li minnha l-Kummissjoni għażlet dawk li ma kinux manifestament ’il barra mis-setgħat tagħha.

    65.      B’kuntrast ma’ dan, l-IĊE inkwistjoni titlob, b’mod iktar ġenerali u essenzjalment, azzjoni intiża li tiżgura li r-reġjuni, imsejħa “reġjuni minoritarji/etniċi”, ikollhom aċċess ugwali għall-fondi tal-Unjoni. L-informazzjoni addizzjonali ssejjaħ, f’diversi sezzjonijiet tat-test ippreżentat, għal qafas regolatorju ġdid dwar ċerti aspetti speċifiċi relatati ma’ dawn ir-reġjuni mingħajr ma tipprovdi lista komparabbli ta’ atti li l-Kummissjoni tkun mistiedna tħejji. F’ċertu sens, din l-IĊE tidher li qiegħda ssejjaħ għal ċerta linja ta’ azzjoni sabiex tiżgura l-promozzjoni u l-preżervazzjoni tar-“reġjuni minoritarji/etniċi nazzjonali”, li fir-rigward tagħhom hija tirreferi għal ċerti miżuri, li huma deskritti f’termini ġenerali. F’tali sitwazzjoni, l-għażla sussegwenti tal-elementi li, skont il-Kummissjoni, jistgħu jaqgħu taħt is-setgħat tagħha li tippreżenta proposta għal att legali tista’ tidher inqas sempliċi, minn tal-inqas formalment, minn dik magħmula fir-rigward tal-IĊE Minority SafePack (42).

    66.      Madankollu, wara eżami iktar fil-fond, inqis li fl-aħħar mill-aħħar ma hemmx differenza kbira bejn dawn iż-żewġ xenarji. Il-mod li bih il-Kummissjoni llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ IĊE msemmija iktar ’il fuq jidher li jirrifletti, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, il-mod kif dawn l-inizjattivi ġew speċifikament abbozzati. Mill-kumplament, iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni jikkondividu l-element bażiku li l-Kummissjoni naqqset, fiż-żewġ każijiet, dan il-kamp ta’ applikazzjoni meta mqabbel ma’ dak li kien ġie inizjalment issuġġerit mill-organizzaturi.

    67.      Għal din ir-raġuni, u tal-inqas fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma narax ħafna benefiċċju li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni “torjenta”, “tikklassifika” jew anki “tirreġistra parzjalment” inizjattiva.

    68.      Fil-fehma tiegħi, dawn it-termini differenti jintużaw b’mod interkambjabbli sabiex jiddeskrivu l-istess sitwazzjoni sottostanti li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ inizjattiva partikolari, meta tipproċedi bir-reġistrazzjoni tagħha, għaliex hija tqis li wħud mill-partijiet tagħha ma jaqgħux manifestament taħt is-setgħat tagħha sabiex tippreżenta proposta għal att legali. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, u sabiex tiġi deskritta s-sitwazzjoni bħala tali, hija għalhekk l-opinjoni tiegħi li jkun xieraq li jintuża wieħed biss minn dawn it-termini. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “reġistrazzjoni parzjali” jidher li huwa l-kandidat naturali peress li huwa preċiżament dan it-terminu li jinsab fir-Regolament IĊE tal‑2019 li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li kkodifika l-prassi li kienet żviluppat il-Kummissjoni (kif ser nispjega, f’iktar dettall, iktar ’il quddiem).

    69.      Fid-dawl ta’ dawn ir-rimarki, issa ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk din il-prassi kinitx effettivament permissibbli qabel din l-emenda leġiżlattiva.

    c)      Iddeċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni li jillimitaw ilkamp ta’ applikazzjoni talinizjattivi proposti taħt irRegolament IĊE tal2011

    70.      Kif diġà rrilevajt, kuntrarjament għall-qafas regolatorju attwalment applikabbli, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament IĊE tal‑2011 ma kienet tipprevedi li reġistrazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ ċertu fehim tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ IĊE. Fil-fatt, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament IĊE tal‑2011 kien jipprevedi sempliċement li l-Kummissjoni “għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni” jekk il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni rispettivi ma jiġux issodisfatti. F’dan id-dawl, jista’ għalhekk jiġi sostnut li din il-bażi regolatorja rabtet idejn il-Kummissjoni fir-rigward tal-għala ta’ waħda biss minn żewġ għażliet: li tirreġistra IĊE inkwistjoni jew li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr il-possibbiltà tat-“tielet għażla”.

    71.      Qabel kollox, għalkemm il-ġurisprudenza diskussa iktar ’il fuq dwar l-IĊE Minority Safe-Package ma indirizzatx espressament is-setgħa tal-Kummissjoni sabiex tirreġistra IĊE parzjalment, kif diġà rrilevajt (43), wieħed jista’ jressaq argument li jgħid li risposta affermattiva kienet impliċita. Fil-fatt, jekk tali setgħa tal-Kummissjoni kellha tiġi eskluża, wieħed jista’ jsostni li ma hemmx wisq utilità fi kritika diretta lejn il-Kummissjoni talli ma spjegatx, fid-deċiżjoni inizjali ta’ ċaħda tagħha, liema mill-ħdax (11)‑il att propost ma kienx jaqa’ manifestament ’il barra mis-setgħat tagħha li tipproponi att legali tal-Unjoni. Madankollu, huwa minnu li l-għoti ta’ motivazzjoni xierqa jservi bħala bażi għal stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri u jippermetti wkoll li l-organizzaturi jabbozzaw proposta ġdida, kompletament “ammissibbli” (44).

    72.      Indipendentement minn dan l-aspett, jiena tal-fehma li l-kunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE, tal-“kuntest intern” tiegħu (magħmul minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament) u, b’mod partikolari, tal-għanijiet speċifiċi mfittxija minn dan ir-regolament, issostni r-reġistrazzjoni parzjali bħala li hija konsistenti ma’ dan ir-regolament (45).

    73.      L-ewwel, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011 ma jgħid xejn dwar il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni parzjali bħala tali, inqis li l-użu tat-terminu “manifest” (sabiex tiġi deskritta l-assenza tas-setgħat rilevanti min-naħa tal-Kummissjoni li twassal għal deċiżjoni ta’ ċaħda) jindika li l-eżami li għandu jiġi applikat għandu jkun “debitament ristrett” (46).

    74.      F’dan il-kuntest, ġie rrilevat li l-użu ta’ dan l-aġġettiv ifisser li l-Kummissjoni tista’ tirreġistra IĊE li possibbilment taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tagħha sabiex tippreżenta proposta għal att ġuridiku, iżda fejn tali konklużjoni ma tkunx “manifesta” (47). Jiena naqbel li din donnha hija l-konsegwenza loġika tal-użu ta’ din il-formulazzjoni. F’dan id-dawl, madankollu, jidher xi ftit inkonsistenti li jiġi sostnut li r-reġistrazzjoni għandha tiġi miċħuda meta parti biss mill-inizjattiva proposta taqa’ manifestament ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni, filwaqt li fir-rigward ta’ aspetti oħra (possibbilment il-maġġoranza tagħhom), din tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn is-setgħat.

    75.      It-tieni, interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011 bħala li jawtorizza reġistrazzjoni parzjali hija sostnuta bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest (intern) rilevanti, u b’mod iktar speċifiku, tal-marġni ta’ evalwazzjoni rispettivi li għandha l-Kummissjoni fiż-żewġ estremitajiet tal-proċess kollu.

    76.      F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament IĊE tal‑2011 dwar l-istadju finali, li fih l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar il-“merti” tal-IĊE partikolari, jagħmluha ċara li d-diskrezzjoni tal-Kummissjoni hija, f’dan l-istadju, wiesgħa ħafna. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE tal‑2011 kien jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, f’komunikazzjoni, il-“konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tieħux dik l-azzjoni” (48). Minn dan isegwi, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li IĊE tkun irnexxiet f’termini ta’ reġistrazzjoni tagħha u ta’ ġbir tal-appoġġ neċessarju għaliha xorta jkun għadu ma jiżgurax li l-Kummissjoni ser tieħu xi azzjoni sussegwenti, peress li l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tal-IĊE mit-Trattat ta’ Lisbona ma affettwax il-kważi monopolju tal-Kummissjoni fuq l-inizjattiva leġiżlattiva (49).

    77.      Dan il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ huwa fundamentalment differenti minn dak li għandha l-Kummissjoni fl-istadju tar-reġistrazzjoni u li huwa ristrett, kif fakkret il-Qorti Ġenerali, li jfisser li l-Kummissjoni għandha tirreġistra kull IĊE proposta li tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti (50).

    78.      Il-marġni ta’ evalwazzjoni ristrett wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tqis li l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża ineżami ma tistax tiġi interpretata b’mod li, essenzjalment, jitqiegħed piż eċċessiv fuq l-organizzaturi. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata f’dik il-kawża, billi indirizzat din il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni bħala kwistjoni ta’ fatti u ta’ provi li għandhom jiġu prodotti mill-organizzaturi (51). B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-profondità tal-verifika tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011 għandha tkun limitata sa fejn “teżamina, [...] jekk, minn perspettiva oġġettiva, tali miżuri kkunsidrati b’mod astratt jistgħux jiġu adottati fuq il-bażi tat-Trattati” (52).

    79.      Jiena tal-fehma li l-marġni ta’ evalwazzjoni ristrett li għandha l-Kummissjoni fl-istadju tar-reġistrazzjoni għandu jipprekludi wkoll li ostakolu simili jitqiegħed f’saqajn l-organizzaturi tal-IĊE fil-kuntest tal-kawża preżenti. Dan ikun il-każ li kieku kellhom josservaw strettament id-delimitazzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni, b’tali mod li anki l-iżgħar żball fir-rigward tal-portata ta’ dawn is-setgħat iwassal għall-iskwalifika tal-IĊE bħala tali.

    80.      It-tielet, dan l-aħħar punt huwa relatat mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament IĊE tal‑2011, li, fil-fehma tiegħi, isostni bil-qawwa l-interpretazzjoni li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011 jippermetti reġistrazzjoni parzjali.

    81.      Dawn l-għanijiet huma espressi fil-premessi 1 u 2 ta’dan ir-regolament u jinkludu “b’mod partikolari, li tiġi inkoraġġuta l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u li l-Unjoni tkun iktar aċċessibbli” (53). Il-premessa 2 issejjaħ ukoll, b’mod partikolari, sabiex il-proċeduri u l-kundizzjonijiet applikabbli jkunu “ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-[IĊE]” (54).

    82.      Dawn l-għanijiet għandhom naturalment jiggwidaw ukoll, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, u kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment fakkret fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni.

    83.      F’dan id-dawl, nirrileva, l-ewwel, li l-mekkaniżmu tal-IĊE kien maħsub bħala strument ta’ demokrazija parteċipattiva disponibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jippromwovu l-adozzjoni ta’ att dwar kull kwistjoni li taqa’ taħt is-setgħat tal-Kummissjoni (55).

    84.      F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni li tingħata l-possibbiltà li jkun hemm aċċess ġenerali għall-proċess politiku tal-preparazzjoni tal-aġenda, għandha, bħala korollarju neċessarju, kif irrilevat, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-fatt li t-testi proposti lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ma jkunux neċessarjament abbozzati minn persuni li jafu mill-qrib l-aspetti ddettaljati u kumplessi tad-dritt tal-Unjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni, b’mod ġenerali, u l-limiti tas-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tipproponi att legali tal-Unjoni, b’mod partikolari.

    85.      Fid-dawl tal-għanijiet deskritti fil-punt 81 iktar ’il fuq u l-għan innifsu tal-mekkaniżmu tal-IĊE li jgħaqqad l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma’ ċittadini tal-Unjoni, jiena tal-fehma li l-fatt li l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament EĊI tal‑2011 tiġi applikata b’mod ristrett iżżejjed iċaħħad lill-mekkaniżmu mill-effettività tiegħu peress li jwassal sabiex ħafna IĊE ifallu fl-ewwel stadju tal-proċess.

    86.      Fi kliem ieħor, li jiġi insistit li l-Kummissjoni setgħet tirreġistra biss, taħt ir-Regolament IĊE tal‑2011, dawk l-IĊE li l-kontenut tagħhom jaqa’, fl-intier tagħhom, taħt is-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta għal att legali, u li l-Kummissjoni kellha tiċħad IĊE li tinkludi elementi li jmorru lil hinn minn dawn is-setgħat, twassal għal formaliżmu eċċessiv u għal riżultati sproporzjonati.

    87.      Pereżempju, dan ikun ifisser li IĊE li tinkludi kemm elementi ammissibbli kif ukoll elementi inammissibbli tiġi neċessarjament miċħuda filwaqt li, għall-partijiet ammissibbli ta’ tali inizjattiva, jinkiseb riżultat differenti jekk l-istess suġġett jiġi ppreżentat formalment, sempliċement, bħala żewġ inizjattivi separati: waħda li s-suġġett tagħha jkun “kompletament barra” u waħda li s-suġġett tagħha jkun “kompletament ġewwa”. Bl-istess mod, il-preżenza ta’ element minuri inammissibbli f’IĊE li tkun altrimenti ammissibbli xorta tkun twassal għal ċaħda kompleta. Barra minn hekk, tali riżultat jiġi ġġenerat anki jekk l-“iżball ta’ skwalifika” jkun jinsab fl-informazzjoni addizzjonali, li, madankollu, skont l-Anness II tar-Regolament IĊE, hija purament fakultattiva.

    88.      Jidher li hija preċiżament rata għolja ta’ rifjut li ispirat il-prassi ta’ reġistrazzjoni parzjali żviluppata mill-Kummissjoni (u li diġà semmejt) (56), billi tbiegħdet mill-pożizzjoni inizjali tagħha li tali approċċ kien inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament IĊE tal‑2011 (57). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tidher li rreaġixxiet għad-diffikultajiet affaċċjati mill-organizzaturi biex jipproponu IĊE li s-suġġett tagħhom jissodisfa l-kundizzjoni speċifika tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011.

    89.      Huwa pjuttost evidenti, fil-fehma tiegħi, li r-reġistrazzjoni parzjali hija għalhekk konformi mal-għanijiet imfittxija mill-mekkaniżmu tal-IĊE, peress li tippromwovi l-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini għaliex tippermetti li numru ikbar ta’ inizjattivi jipproċedu għall-istadji ulterjuri tal-proċess. Jidher li kien ukoll b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-għanijiet li l-prassi ta’ reġistrazzjoni parzjali tal-Kummissjoni ġiet ikkodifikata fir-Regolament IĊE attwali tal‑2019 (58).

    90.      Fl-istess ħin, għalkemm l-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-IĊE għandu jiġi promoss, dan l-approċċ jista’ jkun l-uniku mod kif tissolva l-problema ta’ elementi inammissibbli (fi kliem ieħor IĊE ammissibbli) sa fejn dan jipprevjeni aspettattivi mhux realistiċi min-naħa tas-sostenituri potenzjali u jiżgura li l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi jiġi osservat sa mill-bidu tal-proċess.

    91.      Għalhekk, mhux talli l-approċċ segwit mill-Kummissjoni ma jiksirx il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, kif jidher li ssostni r-Rumanija, iżda talli huwa kompletament konformi miegħu, għaliex dan iwassal sabiex IĊE tiġi rreġistrata biss sa fejn, preċiżament, ma jkunx jidher li l-IĊE tkun manifestament ’il barra mis-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta għal att legali.

    92.      F’dan ir-rigward, il-firmatarji potenzjali jkunu informati dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva, u dwar il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jinġabru biss fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni iktar ristrett tar-reġistrazzjoni (59). Fil-qosor, jidher li d-deċiżjoni li inizjattiva (inklużiva żżejjed) tiġi rreġistrata parzjalment hija mezz effiċjenti għall-Kummissjoni biex tilħaq l-għan li tiżgura aċċessibbiltà faċli għall-mekkaniżmu tal-IĊE, filwaqt li tiżgura li l-appoġġ ma jinkisibx, u li d-diskussjoni ma ssirx bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni, dwar kwistjonijiet li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li taġixxi fuqhom.

    93.      F’dan il-kuntest, inżid li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi reazzjoni għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, li minnha jirriżulta, essenzjalment, u kif diġà rrilevajt, li r-rifjut inizjali tal-Kummissjoni li tirreġistra l-IĊE inkwistjoni kien jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni li kienu msemmija bħala bażi possibbli tal-att(i) legali li l-Kummissjoni kienet mistiedna tipproponi.

    94.      B’mod iktar speċifiku, filwaqt li l-pożizzjoni inizjali tal-Kummissjoni kienet tikkonsisti f’li tqis li l-lista ta’ żvantaġġi li jeħtieġu attenzjoni partikolari fir-rigward ta’ reġjun speċifiku, kif previst fl-Artikolu 174 TFUE, hija eżawrjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq, li din il-lista kienet fil-fatt indikattiva. Nifhem li huwa minn din il-perspettiva li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirreġistra l-IĊE kontenzjuża (60), filwaqt li kkunsidrat ukoll li wħud mill-elementi ppreżentati kienu jaqgħu manifestament ’il barra mill-kompetenzi tagħha sabiex tippreżenta proposta għal att legali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tagħha li r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva inkwistjoni tiġi suġġetta għall-fehim li “[j]immira għal proposti [...] għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni” (61) ċċarat, għall-firmatarji potenzjali ta’ din l-inizjattiva, x’jista’ jkun is-suġġett possibbli tal-azzjoni tal-Kummissjoni. B’dan il-mod, kif diġà rrilevajt, l-intenzjoni tal-Kummissjoni kienet probabbilment dik li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw opportunità sabiex jappoġġjaw din l-inizjattiva u, jekk l-appoġġ neċessarju jinstab (62), li tinbeda d-diskussjoni politika dwar it-tema msemmija iktar ’il fuq. Fl-istess ħin, kif diġà rrilevajt ukoll, billi llimitat l-inizjattiva b’dan il-mod, il-Kummissjoni tidher li fittxet li tevita sitwazzjoni fejn jintalab l-appoġġ u fejn jinħolqu aspettattivi fuq il-bażi ta’ premessi żbaljati, fir-rigward tas-setgħat mogħtija lill-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-inizjattiva proposta inkwistjoni.

    95.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE tal‑2011 korrettament meta ddeċidiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tirreġistra, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-IĊE inkwistjoni fuq il-bażi ta’ fehim speċifiku ta’ x’jista’ jkun il-kamp ta’ applikazzjoni possibbli ta’ din l-IĊE.

    VI.    Konklużjoni

    96.      Bla ħsara għall-mertu tal-parti l-oħra tal-aggravju uniku mressqa mir-Rumanija jew għall-iffissar tal-ispejjeż, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-aggravju uniku fil-Kawża C‑54/22 bħala infondata.



    1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


    2      Jiġifieri, skont in-numri: is-sit internet tal-Kummissjoni ddedikat għall-IĊE jindika li, mill‑2012, meta dan l-istrument daħal fis-seħħ, disa’ inizjattivi laħqu l-istadju fejn kien possibbli li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar ir-riżultat tagħhom. Ara https://europa.eu/citizens-initiative/find-initiative/eci-lifecycle-statistics_mt.


    3      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, iktar ’il quddiem is-“sentenza Puppinck”, punt 70).


    4      ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49. Dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU 2019, L 130, p. 55, rettifika fil-ĠU 2019, L 334, p. 168 u fil-ĠU 2020, L 424, p. 60) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament IĊE tal‑2019”) li skont l-Artikolu 28 tiegħu japplika, bħala prinċipju, b’effett minn Jannar 2020, filwaqt li l-IĊE inkwistjoni fil-kawża preżenti ġiet irreġistrata fit‑30 ta’ April 2019.


    5      Li rispettivament jintroduċu l-IĊE bħala tali u jikkostitwixxu l-bażi legali għar-Regolament IĊE tal‑2011.


    6      Ara l-premessa 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/721 tat‑30 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva proposta taċ-ċittadini bit-titolu “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” (ĠU 2019, L 122, p. 55, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177, iktar ’il quddiem is-“sentenza Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni”, punt 9).


    7      Premessa 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, EU:T:2016:282, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni”, EU:T:2016:282, punt 3).


    8      Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 196). Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, l-għan tiegħu huwa li jistabbilixxi klassifikazzjoni statistika komuni tal-unitajiet territorjali, imsejħa “NUTS”, sabiex jippermetti l-ġbir, il-kumpilazzjoni u t-tixrid ta’ statistiċi reġjonali armonizzati fi ħdan l-Unjoni.


    9      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punti 11 sa 56. Ara, għal deskrizzjoni iktar sħiħa ta’ din l-informazzjoni addizzjonali, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punti 3 u 5 sa 8. Il-kontenut sħiħ tal-informazzjoni meħtieġa u addizzjonali jista’ jiġi aċċessat fuq https://europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2019/000007_mt.


    10      Deċiżjoni C(2013) 4975 finali. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni huma stabbiliti fil-punt 12 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punt 9.


    11      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, imsemmija iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


    12      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, imsemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


    13      Kif jirriżulta mill-punt 64 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, id-deċiżjoni inizjali “ta’ ċaħda” ppreċiżat li l-lista ta’ żvantaġġi li jistgħu jaffettwaw diversi reġjuni u li, fil-qosor, jistgħu jkunu s-suġġett tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, mogħtija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, hija eżawrjenti (u, kif nifhimha jiena, ma tinkludix għalhekk il-karatteristiċi speċifiċi tar-“reġjuni f’minoranza” identifikati mill-organizzaturi tal-IĊE inkwistjoni bħala s-sors għat-tħassib li għandu jiġi indirizzat). Għall-kuntrarju ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din il-lista ma hijiex eżawrjenti iżda indikattiva. Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punt 69.


    14      Id-deċiżjoni kontenzjuża msemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


    15      Enfasi miżjuda minni.


    16      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, IrRumanija vs IlKummissjoni (T‑495/19, EU:T:2021:781).


    17      Sabiex jitfakkar, l-Artikolu 5(2) TUE jistabbilixxi li “[s]kond il-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri”.


    18      Ara, pereżempju, Dougan, M., “What are we to make of the citizens’ initiative?”, Common Market Law Review, Vol. 48, Ħarġa 6, 2011, f’paġna 1839.


    19      Artikoli 2(1) u 7(1) tar-Regolament IĊE tal‑2011u l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament IĊE tal‑2019.


    20      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE tal‑2011 u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament IĊE tal‑2019. Ara wkoll is-sentenza Puppinck, punt 70. Għal eżempju ta’ komunikazzjoni tal-konklużjonijiet politiċi u legali tal-Kummissjoni, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa”, COM (2021) 171 final, 3, p 18 sa 21.


    21      L-Artikolu 6(3)(c) tar-Regolament IĊE tal‑2019. Enfasi miżjuda minni.


    22      L-Artikolu 6(4) tar-Regolament IĊE tal‑2019.


    23      Infakkar li IĊE inkwistjoni ġiet irreġistrata fit‑30 ta’ April 2019, filwaqt li r-Regolament IĊE tal‑2019 japplika, skont l-Artikolu 28 tiegħu, u għal dak li huwa rilevanti, mill‑1 ta’ Jannar 2020.


    24      L-Artikolu 4 tar-Regolament IĊE tal‑2011.


    25      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/599 tat‑22 ta’ Marzu 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “Ċittadinanza tal-UE għall-Ewropej: Magħqudin fid-Diversità Minkejja l-jus soli u l-jus sanguinis” (ĠU 2017, L 81, p. 18), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/652 tad‑29 ta’ Marzu 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” (ĠU 2017, L 92, p. 100); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/877 tas-16 ta’ Mejju 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!” (ĠU 2017, L 134, p. 38); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1002 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta’ “Stop Extremism” (ĠU 2017, L 152, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1254 tal‑4 ta’ Lulju 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta’ “Stop TTIP” (ĠU 2017, L 179, p. 16); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1222 tal‑5 ta’ Settembru 2018 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta’ “End the Cage Age” (ĠU 2018, L 227, p. 7); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1471 tad‑19 ta’ Settembru 2018 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta’ “INWAQQFU L-FRODI u l-abbuż ta’ FONDI TAL-UE — permezz ta’ kontroll aħjar ta’ deċiżjonijiet, implimentazzjoni u penali” (ĠU 2018, L 246, p. 46, rettifika fil-ĠU 2018, L 304, p. 35); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/435 tat‑12 ta’ Marzu 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta’ “Housing for All” (ĠU 2019, L 75, p. 105); u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/569 tat‑3 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (ĠU 2019, L 99, p. 39).


    26      Ir-Regolament IĊE tal‑2011 baqa’ fis-seħħ bejn l‑1 ta’ April 2012 u l‑31 ta’ Diċembru 2019. Is-sit internet tal-Kummissjoni ddedikat għall-IĊE jelenka 70 reġistrazzjoni mwettqa matul dan il-perijodu.


    27      L-eċċezzjoni tirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/877 tas-16 ta’ Mejju 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!” (ĠU 2017, L 134, p. 38), li tuża formulazzjoni ftit differenti.


    28      Matul l-ewwel ftit snin tal-funzjonament tal-IĊE, il-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni ma kienx organizzat f’dispożizzjonijiet. Minflok, dawn id-deċiżjonijiet kellhom il-format ta’ ittra indirizzata lill-organizzaturi rispettivi.


    29      Ara https://europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2017/000004_mt. Din l-inizjattiva hija waħda mid-disa’ IĊE li dwarhom il-kummissjoni ħadet pożizzjoni dwar l-eżitu. Ara iktar ’il fuq, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 2 u 20.


    30      Deċiżjoni C(2013) 5969 finali tat‑13 ta’ Settembru 2013.


    31      Sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs IlKummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59, punti 27, 28 u 34).


    32      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/652 tad‑29 ta’ Marzu 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” (ĠU 2017, L 92, p. 100).


    33      Sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, IrRumanija vs IlKummissjoni (T‑391/17, EU:T:2019:672, punt 58).


    34      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, IrRumanija vs IlKummissjoni (C‑899/19 P, EU:C:2022:41).


    35      Nirrileva li fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59), il-Qorti Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil‑punt 29, li n-nuqqasijiet fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni kienu jgħoddu “anke li kieku t-teżi difiża fuq il-mertu mill-Kummissjoni, fis-sens li proposta ta’ IĊE ma tistax, ikun xi jkun il-kontenut tagħha, tiġi rreġistrata jekk hija titqies parzjalment inammissibbli [...] tkun fondata [...]”.


    36      Punt 115 tas-sentenza appellata.


    37      B’riferiment iktar speċifiku għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 u l-punt 17 iktar ’il fuq.


    38      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet dan il-punt billi ddikjarat li l-“allegazzjoni tar-Rumanija li l-eżistenza ta’ ‘riżerva’ fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tindika l-eżistenza ta’ dubji u ta’ mistoqsijiet min-naħa tagħha [...] mhux biss ma hijiex ipprovata iżda hija wkoll ineffettiva, peress li, kif diġà ġie nnotat, l-eżistenza ta’ tali dubji u ta’ mistoqsijiet ma għandhiex tipprekludi lill-Kummissjoni milli tirreġistra l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża”. Ninnota li din id-dikjarazzjoni hija relatata mal-argumenti mressqa mir-Rumanija fi ħdan l-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha u, bħala tali, ma hijiex indirizzata mir-Rumanija fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha.


    39      Għalkemm ir-Rumanija ma tiżviluppax dan l-argument, jiena nifhmu bħala riferiment għal dak li hija kienet enfasizzat fil-proċedura li wasslet għas-sentenza appellata, jiġifieri li l-IĊE inkwistjoni kienet issuġġeriet rikonfigurazzjoni tas-sistema statistika prevista mir-Regolament Nru 1059/2003 (imsemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8) li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju etniku, reliġjuż, lingwistiku u kulturali. Is-sentenza appellata, punt 97.


    40      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 35) u, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punt 54. Ara wkoll il-premessa 10 tar-Regolament tal-IĊE tal‑2011 li l-aħħar sentenza tagħha tipprevedi li “[i]l-Kummissjoni għandha tittratta r-reġistrazzjoni skont il-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba”. F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2018:816, punti 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    41      Enfasi miżjuda minni.


    42      Ipparaguna wkoll id-deskrizzjoni ta’ dawn l-elementi addizzjonali ma’ dik fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punt 11, ma’ dik li tinsab fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punti 5 sa 8.


    43      Ara il-punt 48 iktar ’il fuq.


    44      Sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59, punt 29).


    45      Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, “hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tal-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha”. Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Mensing (C‑180/22, EU:C:2023:565, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    46      Dougan, M., “What are we to make of the citizens’ initiative?”, Common Market Law Review, Vol. 48, Ħarġa 6, 2011, f’paġna 1840. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2018:816, punt 36).


    47      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2018:816, punti 38 u 57).


    48      Ara wkoll l-Artikolu 15(2) tar-Regolament IĊE tal‑2019. Ara wkoll il-punti 101 sa 105 tas-sentenza appellata.


    49      Sentenza Puppinck, punt 70, ikkwotata fil-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-punti 57 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Puppinck et vs IlKummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:640, punti 34 sa 42).


    50      Ara l-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2022, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑899/19 P, EU:C:2022:41, punt 71).


    51      Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punti 57 sa 60. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-organizzaturi tal-IĊE inkwistjoni ma kinux “stabbilixxew li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni [...] kienet ta’ theddida għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali” u li “l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali setgħu jitqiesu bħala żvantaġġ demografiku gravi u permanenti, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE”.


    52      Sentenza Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punt 62.


    53      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.


    54      Enfasi miżjuda minni.


    55      Ara wkoll il-Green Paper dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, KUMM (2009) 622 finali, p. 3.


    56      Ara, f’dan is-sens, ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, COM(2018)157 final, p. 2. Barra minn hekk, fid-diskussjoni tal-aspetti li jeħtieġu t-titjib, il-Kummissjoni rrilevat, fil-proposta li wasslet għar-Regolament IĊE tal‑2019, li hija “implimentat [...] sensiela ta’ miżuri mhux leġiżlattivi biex tiffaċilita l-użu tal-istrument [IĊE] mill-organizzaturi u ċ-ċittadini [...] inkluża l-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni parzjali tal-inizjattivi”. Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, COM(2017) 482 final, p. 3, ara wkoll p. 10.


    57      Sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, IrRumanija vs IlKummissjoni (T‑391/17, EU:T:2019:672, punt 90, moqrija flimkien mas-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59, punti 14, 21, 28 u 29).


    58      Il-premessa 19 tar-Regolament IĊE tal‑2019 tiddikjara li “huwa xieraq li tiġi parzjalment irreġistrata inizjattiva f’każijiet meta biss parti jew partijiet ta’ inizjattiva jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni [...]” sabiex “jiġi żgurat li jiġu reġistrati kemm jista’ jkun inizjattivi”.


    59      Huwa minnu li skont il-prassi preċedenti, ma kienx jidher li reġistrazzjoni parzjali timxi id f’id ma’ adattament sussegwenti tat-test ippreżentat, iżda din il-lakuna tidher li issa hija indirizzata fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament IĊE tal‑2019. Ara wkoll, f’dan is-sens, Athanasiadou, N., “The European Citizens’ Initiative: Lost in admissibility?” Maastricht Journal of European and Comparative Law, Vol. 26, Ħarġa 2, 2019, f’paġna 269.


    60      Ara wkoll il-punti 117, 125 u 129 tas-sentenza appellata.


    61      Kif iddikjarat fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-punt 19 iktar ’il fuq.


    62      Skont l-informazzjoni li tinsab fis-sit internet tal-Kummissjoni ddedikat għall-IĊE, il-ġbir tal-appoġġ neċessarju jidher li ġie konkluż u l-firem jinsabu fil-proċess li jiġu vverifikati. Ara https://europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2019/000007_mt.

    Top