Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0491

    Kawża T-491/21: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2021 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 401, 4.10.2021, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 401/17


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2021 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-491/21)

    (2021/C 401/18)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrent: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Z. Fehér u G. Koós, aġenti)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/988 tas-16 ta’ Ġunju 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1) sa fejn taffettwa lill-Ungerija billi teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-għajnuna mill-FAEŻR korrispondenti għas-snin finanzjarji tal-2016 sal-2019 billi invokat nuqqas ta’ kontroll fundamentali (FAEŻR – miżuri forestali).

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Skont il-Gvern tal-Ungerija, il-Kummissjoni tinterpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (2) u l-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 (3). Il-Gvern tal-Ungerija jikkunsidra li r-raġunament fil-punt 3.4.2 tad-dokument ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Metodi ta’ kalkolu tal-għajnuna għall-iżvilupp rurali sabiex jiġi eskluż il-finanzjament doppju”, fil-verżjoni tiegħu ta’ Frar 2017, imur kontra d-dispożizzjonijiet iċċitati. Id-dokument ta’ spjegazzjoni ma huwiex legalment vinkolanti u l-interpretazzjoni li jipprovdi lanqas ma hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Gvern tal-Ungerija jinvoka essenzjalment motiv uniku. Fl-opinjoni tiegħu, l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 1306/2013 u l-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament (UE) 809/2014 ma joħolqux l-obbligu li jiġi stabbilit kontroll li jikkorrispondi għall-finanzjament doppju li jista’ joriġina bħala riżultat tal-għajnuna mogħtija għall-ekoloġizzazzjoni u għall-afforestazzjoni, fid-dawl tal-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ tad-dritt tal-Unjoni, ma jeżistix riskju ġustifikat ta’ finanzjament doppju sa fejn isir riferiment għall-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ kunċetti.

    Sabiex jikkorrabora din l-affermazzjoni, il-Gvern tal-Ungerija, l-ewwel, isostni li l-ispejjeż finanzjarji għall-afforestazzjoni u għall-ekoloġizzazzjoni għandhom għan ta’ għajnuna totalment differenti. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Ungerija jindika fir-rikors tiegħu li huma wkoll kompletament differenti ż-żewġ kuntesti ta’ għajnuna. Il-kriterji ta’ ammissibbiltà huma differenti għal dak li jikkonċerna kull waħda mill-għajnuna u l-ambiti tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati ma jikkorrispondux għal xulxin;

    – Fl-aħħar, il-Gvern tal-Ungerija jikkunsidra li l-Kummissjoni Ewropea tinterpreta b’mod żbaljat il-portata tal-projbizzjoni ġenerali ta’ finanzjament doppju li tinsab fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 1306/2013 u ma tieħux inkunsiderazzjoni li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ ma tipprovdix espressament li l-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ afforestazzjoni u ta’ ekoloġizzazzjoni tikkostitwixxi finanzjament doppju.


    (1)  ĠU 2021, L 218, p. 9.

    (2)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549).

    (3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69).


    Top