Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0415

    Kawża T-415/21: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2021 – Banca Popolare di Bari vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 401, 4.10.2021, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 401/13


    Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2021 – Banca Popolare di Bari vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-415/21)

    (2021/C 401/14)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrent: Banca Popolare di Bari SpA (Bari, l-Italja) (rappreżentanti: A. Zoppini, G. Roberti, I. Perego u G. Parisi avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tikkundanna lill-Unjoni Ewropa, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 280 miljun bħala kumpens għad-danni materjali, kif ukoll ammont adegwat bħala kumpens għad-danni morali, ikkawżati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat-23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN));

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi li ġejjin.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni.

    F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li dan huwa ksur suffiċjentement ikkaratterizzat peress li, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni: ma kellha ebda marġni diskrezzjonali, ġaladarba l-Artikolu 107(1) TFUE għandu effett dirett, preċiż u inkundizzjonat; wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq qafas probatorju insuffiċjenti u żnaturat il-ġurisprudenza tal-Unjoni, kif ġie kkonstatat l-ewwel mill-Qorti Ġenerali (Kawżi L-Italja et vs Il-Kummissjoni, T-98/16, T-196/16 u T-198/16) u wara mill-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja et, C-425/19 P).

    Ir-regoli miksura mid-Deċiżjoni jikkostitwixxu regoli li jagħtu drittijiet lill-individwi, b’kuntrast mal-libertà ta’ intrapriża u mad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq danni morali u materjali kkawżati lir-rikorrent minħabba l-aġir illegali tal-Kummissjoni.

    F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li l-fattur kawżali li jiddetermina t-tnaqqis fil-fiduċja tal-klijentela tal-Bank u t-telf imġarrab minnu, fl-assenza ta’ fatturi oħra possibbli preżenti, huwa rrappreżentat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni; li pprekludiet il-pjan ta’ integrazzjoni ta’ Tercas u Caripe u l-pjan ta’ intervent tal-Fondo Interbancario di Tutela dei Depositi (FITD) (il-Fond Interbankarju ta’ Ħarsien tad-Depożiti).


    Top