EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0379

Kawża T-379/21: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2021 – Vendrame vs Il-Kummissjoni

ĠU C 401, 4.10.2021, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 401/9


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2021 – Vendrame vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-379/21)

(2021/C 401/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Michele Vendrame (Venezia, l-Italja) (rappreżentant: R. Sciaudone, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li permezz tagħha l-Kummissjoni, filwaqt li kkonfermat id-deċiżjoni preċedenti ta’ ċaħda tat-3 ta’ Marzu 2021, ċaħdet it-talba tar-rikorrent sabiex jikseb aċċess għar-rapport finali, u għall-annessi tiegħu, imfassal mill-Uffiċċju Ewropew għall-ġlieda kontra l-Frodi (OLAF) insegwitu għall-Investigazzjoni OC/2019/0766;

tordna lill-Kummissjoni tipproduċi r-rapport tal-OLAF u l-annessi tiegħu; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ din is-sentenza.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motivi bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-aċċess għar-rapport tal-OLAF.

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu l-aċċess għar-rapport tal-OLAF ma jistax, skont l-Artikoli 10(1) u 2(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), isir ta’ “dominju pubbliku”.

2.

It-tieni motivi bbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li l-konvenuta kisret it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif interpretat mill-ġurisprudenza, li tipprevedi li meta d-destinatarju tar-rapport tal-OLAF ikollu l-intenzjoni li jadotta atti li jikkawża preġudizzju lill-persuni interessata, dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għar-rapport inkwistjoni.

3.

It-tielet motivi bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li r-rikorrent qatt ma talab it-trasferiment ta’ data personali ta’ persuni fiżiċi, u għalhekk l-eventwali data personali li kienet eventwalment tinstab fir-rapport setgħet tabilħaqq tiġi protetta permezz ta’ sempliċi operazzjoni ta’ okkultazzjoni tad-data.

4.

Ir-raba’ motivi bbażat fuq applikazzjoni u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex il-konvenuta ma wettqitx, f’dan il-każ, verifikazzjoni, konkreta, dwar jekk setgħax jingħata aċċess parzjali.

5.

Il-ħames motivi bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li l-konvenuta ma pprovdiet ebda motivazzjoni dwar l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

6.

Is-sitt motivi bbażat fuq l-esklużjoni żbaljata ta’ interess pubbliku li jkun hemm żvelar.

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li l-konvenuta interpretat b’mod żbaljat id-drittijiet tad-difiża bħala sempliċi interess ta’ parti, u naqset milli tqis li d-dritt li wieħed jiddefendi ruħu huwa prinċipju fundamentali tal-istat tad-dritt u, bħala tali, huwa żgurat u ggarantit lill-kollettività u mhux biss lil individwu wieħed.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43).


Top