Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0360

    Kawża T-360/21: Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ġunju 2021 – Portigon vs SRB

    ĠU C 320, 9.8.2021, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 320/53


    Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ġunju 2021 – Portigon vs SRB

    (Kawża T-360/21)

    (2021/C 320/59)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrent: Portigon AG (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Bliesener, V. Jungkind u F. Gever, avukati)

    Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet miġbura bil-quddiem għall-fond uniku ta’ riżoluzzjoni għall-2021 (Ref.: SRB/ES/2021/22), sa fejn id-deċiżjoni tikkonċerna lir-rikorrenti;

    tissospendi l-proċedura taħt l-Artikolu 69(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sakemm tingħata deċiżjoni finali jew b’xi mod ieħor jintemmu l-Kawżi T-413/18 (1), T-481/19 (2), T-339/20 (3) u T-424/20 (4), u C-664/20 P (5);

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 (7) u tat-TFUE peress li jrendi lir-rikorrenti responsabbli li tikkontribwixxi għall-fond

    Il-konvenut b’mod żbaljat issuġġetta lir-rikorrenti għall-obbligu li tikkontribwixxi, peress li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) ma jipprovdux għal obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni.

    Il-leġiżlatur ma kellux jibbaża l-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fuq l-Artikolu 114 TFUE minħabba nuqqas ta’ rabta mas-suq intern. Ir-regoli armonizzati ta’ kontribuzzjoni fl-Unjoni kollha la għamluha iktar faċli li jiġu eżerċitati l-libertajiet fundamentali u lanqas ma eliminaw distorsjonijiet notevoli tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ istituzzjonijiet li rtiraw mis-suq.

    Il-konvenut b’mod żbaljat issuġġetta lir-rikorrenti għall-obbligu li tikkontribwixxi, peress li l-istituzzjoni ma kinitx esposta għal riskju, ir-riżoluzzjoni ġiet eskluża taħt ir-Regolament Nru 806/2014 u l-istituzzjoni ma kellha l-ebda importanza għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 (9) jikser l-Artikolu 114 TFUE u l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE bħala regola essenzjali tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet (it-tieni sentenza tal-Artikolu 290(1) TFUE).

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(2)(c) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), peress li l-proċedura ta’ kalkolu ma tippermettix ġustifikazzjoni sħiħa tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet. Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 huwa parzjalment ineffettiv.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta, peress li, minħabba s-sitwazzjoni speċjali tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u d-dritt fundamentali għal-libertà ta’ intrapriża.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali u possibbilment tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81, peress li ma huwiex ċert jekk id-deċiżjoni tas-SRB ġietx stabbilita. Barra minn hekk, il-konvenut ma ċċarax il-fatti b’mod adegwat, ma semgħax lir-rikorrenti qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni tas-SRB u ma mmotivax biżżejjed id-deċiżjoni tiegħu.

    5.

    Il-ħames motiv (sussidjarjament) ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 peress li l-livell fil-mira ġie stmat eċċessivament, minħabba li l-konvenut kellu jqiegħed il-livell ta’ mira għal ammont massimu ta’ EUR 55 000 000 000.

    6.

    Is-sitt motiv (sussidjarjament) ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, peress li l-konvenut kellu jeskludi obbligazzjonijiet mingħajr riskju mill-obbligazzjonijiet rilevanti waqt il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni.

    7.

    Is-seba’ motiv (sussidjarjament) ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, peress li l-konvenut ikkalkola b’mod ħażin il-kontribuzzjonijiet tar-rikorrenti minħabba li ħa inkunsiderazzjoni l-valur gross tal-kuntratti derivattivi tar-rikorrenti.

    8.

    It-tmien motiv (sussidjarjament) ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, peress li l-konvenut b’mod żbaljat qies lir-rikorrenti bħala istituzzjoni fi proċess ta’ ristrutturazzjoni.


    (1)  ĠU 2018, C 294, p. 41.

    (2)  ĠU 2019, C 305, p. 60.

    (3)  ĠU 2020, C 240, p. 34.

    (4)  ĠU 2020, C 279, p. 70.

    (5)  ĠU 2021, C 44, p. 35.

    (6)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

    (7)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).

    (8)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

    (9)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).


    Top