Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0271

    Kawża T-271/21: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2021 – Ortis vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 263, 5.7.2021, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 263/33


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2021 – Ortis vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-271/21)

    (2021/C 263/44)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Ortis (Bütgenbach, il-Belġju) (rappreżentant: A. de Brosses, avukat)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    taqta’ u tiddeċiedi li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/468 jikser l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006; li huwa għalhekk ivvizzjat bi żbalji ta’ liġi

    taqta’ u tiddeċiedi li r-Regolament (UE) Nru 2021/468 huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter;

    taqta’ u tiddeċiedi li r-Regolament (UE) Nru 2021/468 u l-bażi xjentifiku tiegħu, l-opinjoni tal-EFSA tat-22 ta’ Novembru 2017, huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni;

    taqta’ u tiddeċiedi li r-Regolament (UE) Nru 2021/468 jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali;

    taqta’ u tiddeċiedi li r-Regolament (UE) Nru 2021/468 jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità;

    konsegwentement,

    tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/468 tat-18 ta’ Marzu 2021 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-ispeċijiet botaniċi li fihom derivati tal-idrossiantraċen;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi. Ir-rikorrenti tinvoka f’dan ir-rigward il-fatt li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 (1), li jeżiġi riskju identifikat, bil-klassifikazzjoni fil-Parti A tal-Anness III ta’ dan ir-regolament tas-sustanzi u tal-preparati msemmija, filwaqt li jeżisti inċertezza xjentifiċi u bil-klassifikazzjoni fil-Parti C tal-Anness III ta’ prodotti minbarra sustanzi, u jikser l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (2), minħabba li huwa bbażat fuq evalwazzjoni tar-riskji parzjali u mhux konformi.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, minħabba li diversi indizji, preċiżi, plawżibbli u konkordanti juru li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, allegat mill-Kummissjoni, ma jikkorrispondix għar-realtà. Ir-rikorrent ssostni li r-regolament ikkontestat għandu b’mod partikolari l-effett li jirriżerva unikament għall-prodotti mediċinali d-dritt ta’ użu tal-preparati u sustanzi li fihom derivati tal-idrossiantraċen (iktar ’il quddiem “HAD”) li tqegħdu fil-Parti A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, minkejja li dan ma huwiex l-għan intiż.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Skont ir-rikorrenti, l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat-22 ta’ Novembru 2017 li fuqha huwa bbażat ir-regolament ikkontestat hija vvizzjata b’diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, sa fejn l-EFSA evalwat ir-riskju ġenotossiku u karċinoġenu tal-HAD mingħajr l-osservanza tal-metodi ta’ evalwazzjoni tar-riskju tagħha stess, jew il-metodi ta’ evalwazzjoni tar-riskju tal-OCDE u billi siltet konklużjonijiet li jikkontradixxu l-konklużjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Ir-regolament ikkontestat huwa għalhekk ivvizzjat bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, peress li, minn naħa, il-Kummissjoni inkludiet fil-Parti A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 sustanzi u preparati, minkejja li l-opinjoni tal-EFSA tat-22 ta’ Novembru 2017 juri l-eżistenza ta’ inċertezza xjentifiċi, min-naħa l-oħra, hija ma applikatx il-prinċipju ALARA għall-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u, fl-aħħar nett, hija ma kkunsidratx l-evoluzzjoni tal-għarfien xjentifiku li seħħet wara l-opinjoni tal-EFSA tat-22 ta’ Novembru 2017.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba li t-tfassil tar-regolament ikkontestat huwa inkoerenti sa fejn, minn naħa, huwa jirreferi għall-kelma “preparati” filwaqt li din il-kelma ma hija ddefinita fl-ebda test, min-naħa l-oħra, ċerti sustanzi HAD jidhru li huma fl-istess ħin kemm ipprojbiti kif ukoll awtorizzati, iżda taħt kontroll u, fl-aħħar nett, l-iStanding Committee on Plants, Animals, Food and Feed (il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf), kellu jwettaq kjarifiki għat-test.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn ir-regolament ikkontestat jikklassifika sustanzi fil-Parti A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 mingħajr l-istabbiliment ta’ ebda limitu, li jwassal għall-projbizzjoni tagħhom, filwaqt li din il-projbizzjoni ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra ma’ l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 26).

    (2)  Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifika fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227).


    Top