Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0148

    Kawża T-148/21: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2021 – Paccor Packaging et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 206, 31.5.2021, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 206/30


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2021 – Paccor Packaging et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-148/21)

    (2021/C 206/38)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Paccor Packaging GmbH (Düsseldorf, il-Ġermanja) u 6 rikorrenti oħra (rappreżentanti: P. Kugel u G. Dávid, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2151 tas-17 ta’ Diċembru 2020 (1) fl-intier tiegħu, jew, sussidjarjament, tannulla r-Regolament Nru 2020/2151 parzjalment, sa fejn jikkonċerna l-Artikolu 2(4) tiegħu kif ukoll l-Anness IV tiegħu, jew, sussidjarjament, tannulla r-Regolament Nru 2020/2151 parzjalment, għal dak li jikkonċerna t-tazzi magħmula kompletament mill-plastik;

    tannulla r-Regolament Nru 2020/2151 parzjalment, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 3;

    tannulla, parzjalment, id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-5 ta’ Ġunju 2019 (2), għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 7 sa fejn japplika għal tazzi u l-punt 4 taħt il-Parti D tal-Anness tagħha; u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi u motiv ta’ illegalità:

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-konvenuta, billi adottat ir-Regolament Nru 2020/2051 kisret l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent u eċċediet is-setgħat mogħtija lilha mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq li l-konvenuta, billi adottat ir-Regolament Nru 2020/2051, kisret eżiġenza proċedurali essenzjali billi adottatu wara t-3 ta’ Lulju 2020, u l-verżjonijiet lingwistiċi korretti relatati, iktar minn sitt xhur wara l-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fid-Direttiva 2019/904.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq li l-konvenuta, billi adottat ir-Regolament Nru 2020/2151, kisret l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2019/904 u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-konvenuta, billi adottat ir-Regolament Nru 2020/2051, kisret id-dmir tagħha li tipprovdi raġunijiet.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-konvenuta kisret l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2019/904, wettqet żball ta’ evalwazzjoni u eċċediet il-kompetenza tagħha.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-konvenuta kisret l-Artikolu 7(2)(c) tad-Direttiva 2019/904 u manifestament wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Ir-rikorrenti jqajjmu wkoll motiv ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, billi jallegaw li l-Artikolu 7 u l-punt 4 tal-Parti D tal-Anness għad-Direttiva 2019/904 huma illegali.


    (1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2151 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli dwar l-ispeċifikazzjonijiet armonizzati ta’ mmarkar għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti D tal-Anness tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU 2020 L 428, p. 57).

    (2)  Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU 2019 L 155, p. 1).


    Top