EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0022

Kawża T-22/21: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2021 – Equinoccio-Compañía de Comercio Exterior vs Il-Kummissjoni

ĠU C 128, 12.4.2021, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/39


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2021 – Equinoccio-Compañía de Comercio Exterior vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-22/21)

(2021/C 128/46)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Equinoccio-Compañía de Comercio Exterior, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: D. Luff u R. Sciaudone, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Novembru 2020 [Ref. Ares(2020)6365704] relatata mal-likwidazzjoni tal-garanzija finanzjarja invokata mill-Ministeru Tork għax-Xjenza, l-Industrija u t-Teknoloġija – Direttorat Ġenerali għall-Unjoni Ewropea u Affarijiet Barranin – Direttorat tal-programm finanzjarju tal-Unjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza, tad-dmir ta’ imparzjalità, tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tal-Artikolu 78 tar-Regolament Finanzjarju (1).

Huwa sostnut li l-Kummissjoni ma vverifikatx id-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Torok li tiġi llikwidata l-garanzija. Fil-fatt, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Torok jivverifikaw huma stess din id-deċiżjoni. Dan l-aġir jikser l-Artikolu 78 tar-Regolament Finanzjarju, moqri flimkien mal-Artikoli 80, 81 u 82 tar-Regolament Delegat (2). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-uffiċjal li jawtorizza tal-Unjoni għandu jivverifika personalment dawn id-dokumenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma pprovditilhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tippermettilha tivverifika jekk l-att inkwistjoni huwiex fondat jew jekk huwiex ivvizzjat b’difett li jista’ jippermettilha tikkontesta l-legalità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex tippermetti lil din l-istess qorti tistħarreġ il-legalità tiegħu.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq id-dritt għal smiegħ.

Huwa sostnut li r-rikorrenti ma pparteċipatx għall-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni wettqet sabiex tiddeċiedi jekk tagħtix jew le l-istruzzjoni lid-delegazzjoni tal-Unjoni f’Ankara li tiffirma hi wkoll il-likwidazzjoni tal-garanzija.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi naqset milli ssib bilanċ bejn it-talba tal-awtoritajiet kontraenti u s-somom dovuti lir-rikorrenti.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ likwidazzjoni tal-garanzija.

Huwa sostnut li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet, kollha marbuta mal-allegat ksur tal-kuntratt ta’ servizz, applikabbli għal-likwidazzjoni tal-garanzija.


(1)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).

(2)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).


Top