Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0393

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tat-8 ta’ Mejju 2024 (Estratti).
    Max Heinr. Sutor OHG vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
    Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza.
    Kawża T-393/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:302

     SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

    8 ta’ Mejju 2024 ( *1 )

    “Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

    Fil-Kawża T‑393/21,

    Max Heinr. Sutor OHG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Glos, M. Rätz, H.‑U. Klöppel u M. Meisgeier, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin, C. De Falco u T. Wittenberg, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

    konvenut,

    IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża),

    komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    wara s-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza ( 1 )

    1

    Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Max Heinr. Sutor OHG, qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

    [omissis]

    III. It‑talbiet tal‑partijiet

    25

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-komunikazzjoni kkontestata;

    tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

    26

    Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

    sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata jew sakemm din tiġi ssostitwita jew għal, tal-inqas, perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

    IV. Id‑dritt

    27

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qiegħda titlob ukoll, b’mod preventiv, l-annullament tal-komunikazzjoni kkontestata, fil-każ li, b’risposta għas-sitt motiv, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kontenut tagħha huwa independenti minn dak tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tar-rikorrenti, f’din il-komunikazzjoni, is-SBR jispjega d-deċiżjoni tiegħu li ma jilqax it-talba għal reviżjoni tad-data tiegħu dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodi ta’ kontribuzzjoni 2018 sa 2020.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja t-titolu tal-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tal-komunikazzjoni kkontestata, kif ifformulat mir-rikorrenti, l-argument ta’ din tal-aħħar, fir-realtà, sempliċement jikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata. B’hekk, ir-rikorrenti ma qiegħda tressaq ebda argument awtonomu u speċifiku fir-rigward tal-komunikazzjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi dedott minn dan li s-sitt motiv u r-rikors kollu kemm hu jirrigwardaw, fir-realtà, id-Deċiżjoni kkontestata biss.

    29

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erbatax‑il motiv, ibbażati:

    l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63;

    it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59;

    it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

    ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-libertà ta’ intrapriża, protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”);

    il-ħames wieħed, fuq ksur tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 TFUE, moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 54 TFUE;

    is-sitt wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 17(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2015/63;

    is-seba’ wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ previst fl-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta;

    it-tmien wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 41(1) u (2)(c) tal-Karta, kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE;

    id-disa’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47(1) tal-Karta;

    l-għaxar wieħed, sussidjarjament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9, kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE;

    il-ħdax‑il wieħed, sussidjarjament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9, kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta;

    it-tnax‑il wieħed, sussidjarjament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 14(2) u tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, minħabba ksur tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

    it-tlettax‑il wieħed, sussidjarjament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 14(2) u tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, minħabba ksur tal-libertà ta’ intrapriża protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta;

    l-erbatax‑il wieħed, sussidjarjament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 14(2) u tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, minħabba ksur tal-libertà ta’ stabbiliment protetta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 TFUE, moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 54 TFUE.

    30

    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħda tirrinunzja għall-għaxar u għall-ħdax‑il motiv.

    31

    Qabelxejn, għandhom jiġu eżaminati l-motivi li permezz tagħhom ir-rikorrenti qiegħda teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 14(2) u tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 u, imbagħad, il-motivi li jirrigwardaw b’mod dirett il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata.

    A.   Fuq l‑eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma kontra l‑punt 11 tal‑Artikolu 3, l‑Artikolu 5(1)(e) u l‑Artikolu 14(2) tar‑Regolament Delegat 2015/63

    32

    Bit-titolu tat-tnax, it-tlettax u l-erbatax‑il motiv, ir-rikorrenti qiegħda tqajjem eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra l-Artikolu 14(2) u l-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63. Madankollu, mill-motivi tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti qiegħda essenzjalment tikkontesta wkoll il-legalità tal-Artikolu 5(1)(e) ta’ dan ir-regolament delegat.

    33

    B’hekk, b’mod iktar konkret, ir-rikorrenti ssostni, permezz tat-tnax‑il motiv, li l-punt 11 tal-Artikolu 3, l-Artikolu 5(1)(e) u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Permezz tat-tlettax‑il motiv, ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru wkoll il-libertà ta’ intrapriża protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta. Permezz tal-erbatax‑il motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija dispożizzjonijiet jiksru l-libertà ta’ stabbiliment protetta mill-Artikoli 49 u 54 TFUE.

    34

    Ir-rikorrenti qajmet dawn l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità f’każ li l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 kellu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix l-esklużjoni tal-passiv fiduċjarju mill-kalkolu tal-passiv użat sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet ex ante.

    35

    B’hekk, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix tali esklużjoni. Jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi evalwat, fit-tieni lok, jekk l-Artikolu 14(2) u l-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 humiex konformi mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mal-Artikolu 16 tal-Karta u mal-Artikoli 49 u 54 TFUE.

    1. Fuq il‑portata tal‑Artikolu 5(1)(e) tar‑Regolament Delegat 2015/63

    36

    Skont l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63, huma esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, “fil-każ tad-ditti tal-investiment [impriżi ta’ investiment], obbligazzjonijiet [passiv] li jirriżultaw miż-żamma ta’ assi [attiv] jew flus kontanti [attiv likwidu] tal-klijenti, […] sakemm dak il-klijent ikun protett mil-liġi applikabbli dwar l-insolvenza”.

    37

    Ir-rikorrenti ssostni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li jiġi eskluż l-ammont tal-passiv fiduċjarju tagħha mill-kalkolu tal-passiv tagħha fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, peress li dan il-passiv jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

    38

    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    39

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jagħtix setgħa diskrezzjonali lis-SRB sabiex jeskludi ċertu passiv huwa u jaġġusta l-kontribuzzjonijiet ex ante skont ir-riskju tagħhom, iżda jelenka, għall-kuntrarju, b’mod preċiż il-kundizzjonijiet li fihom passiv ikun suġġett għal tali esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 93). Skont din l-istess ġurisprudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità ma jistax jiġġustifika riżultat ieħor, peress li r-Regolament Delegat 2015/63 iddistingwa sitwazzjonijiet b’karatteristiċi speċifiċi, direttament marbuta mar-riskji inerenti għall-passiv inkwistjoni (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 95).

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu deroga għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punti 3940). B’hekk, peress li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxi deroga mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, billi jippermetti l-esklużjoni ta’ ċertu passiv mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett.

    41

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi għall-esklużjoni tal-passiv ikkonċernat mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jiġifieri, l-ewwel, il-fatt li dan il-passiv għandu jinżamm minn impriża ta’ investiment, it-tieni, il-fatt li dan għandu jirriżulta miż-żamma ta’ attiv jew ta’ attiv likwidu ta’ klijenti u, it-tielet, il-fatt li dawn il-klijenti għandhom jiġu protetti mid-dritt applikabbli fil-qasam tal-insolvenza.

    42

    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha titqies bħala impriża ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63.

    43

    Il-kunċett ta’ “impriżi ta’ investiment” huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 bħala “ditti tal-investiment kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE […]”.

    44

    Huwa stabbilit bejn il-partijiet li, fil-mument li fih ittieħdet id-Deċiżjoni kkontestata, il-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “impriża ta’ investiment” bħala “ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 […]” liema punt kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “impriża ta’ investiment” bħala “persuna kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, li tkun soġġetta għar-rekwiżiti imposti minn dik id-Direttiva, esklużi dawn li ġejjin: (a) istituzzjonijiet ta’ kreditu […]”.

    45

    Mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fil-mument li fih ittieħdet id-Deċiżjoni kkontestata, id-deroga li tinsab fl-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat ma kinitx tapplika għall-entitajiet li kienu fl-istess ħin istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi ta’ investiment, bħalma kien il-każ tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu li għandha awtorizzazzjoni bankarja bħala istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2, moqri flimkien mal-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59.

    46

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li hija għandha awtorizzazzjoni sabiex tipprovdi s-servizzi u twettaq l-attivitajiet ta’ investiment imsemmija fil-punti 1 sa 7 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349).

    47

    Fil-fatt, kif isostni s-SRB, li kieku l-Kummissjoni riedet tirreferi, fl-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63, kemm għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll għall-impriżi ta’ investiment, jew saħansitra għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma wkoll impriżi ta’ investiment, hija kienet tirreferi, f’din id-dispożizzjoni, għall-“istituzzjonijiet” u mhux għall-“impriżi ta’ investiment”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mxiet b’dan il-mod ukoll fil-punti (a), (b) u (f) ta’ din id-dispożizzjoni billi użat il-kelma “istituzzjoni”. Mill-banda l-oħra, meta l-Kummissjoni riedet tillimita l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni taħt l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament delegat għal ċerti entitajiet, hija nqdiet minn formulazzjonijiet iktar preċiżi, bħall-formulazzjonijiet “kontroparti[jiet] ċentrali”, “depożitarji[i] ċentrali tat-titoli” u “ditti tal-investiment”, użati fil-punti (c), (d) u (e) ta’ din id-dispożizzjoni, rispettivament.

    48

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument tar-rikorrenti li r-riferiment mill-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 għall-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1) huwa żball li s-SRB kellu jikkoreġi, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova tanġibbli insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-definizzjoni ta’ “impriża ta’ investiment”, kif attwalment prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, ġiet emendata bil-punt 1 tal-Artikolu 63 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU 2019, L 314, p. 64, rettifiki fil-ĠU 2020, L 405, p. 84, u fil-ĠU L, 2023/90096). Din id-definizzjoni issa tirreferi għall-punt 22 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU 2019, L 314, p. 1), li jirreferi, min-naħa tiegħu, fir-rigward tal-kunċett ta’ “impriża ta’ investiment”, għall-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65, liema punt jiddefinixxi dan il-kunċett fis-sens li japplika għal kull persuna ġuridika li tipprovdi servizzi ta’ investiment lil terzi, mingħajr ma jeskludi minn din id-definizzjoni l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    50

    Madankollu, huwa stabbilit bejn il-partijiet li din l-emenda tad-definizzjoni ta’ “impriża ta’ investiment”, li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 kienet tapplika biss mis‑26 ta’ Ġunju 2021, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2019/2034, moqri fid-dawl tal-premessa 39 ta’ din l-istess direttiva.

    51

    Mill-premess jirriżulta li l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument li fih ittieħdet id-Deċiżjoni kkontestata, fl‑14 ta’ April 2021, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi eskluż il-passiv miżmum minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħalma hija r-rikorrenti, mill-kalkolu tal-passiv użat sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom.

    52

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-passiv fiduċjarju tar-rikorrenti ma jissodisfax l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63.

    53

    Peress li t-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 huma ta’ natura kumulattiva, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra humiex issodisfatti.

    54

    Konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità li r-rikorrenti qajmet fil-kuntest tat-tnax, tat-tlettax u tal-erbatax‑il motiv.

    2. Fuq it‑tnax‑il motiv, ibbażat fuq l‑illegalità tal‑punt 11 tal‑Artikolu 3, tal‑Artikolu 5(1)(e) u tal‑Artikolu 14(2) tar‑Regolament Delegat 2015/63, sa fejn dawn imorru kontra l‑Artikolu 103(7) tad‑Direttiva 2014/59 u l‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

    55

    Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet, ibbażati, tal-ewwel, fuq l-illegalità tal-punt 11 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 5(1)(e) u tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63, minħabba ksur tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u, tat-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawn l-istess dispożizzjonijiet.

    56

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jobbliga lill-istituzzjonijiet jipprovdu lis-SRB, tal-inqas, l-informazzjoni msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament delegat, peress li, skont it-tieni inċiż ta’ dan l-anness, l-istituzzjonijiet huma obbligati jissottomettu lis-SRB id-data dwar il-“obbligazzjonijiet totali”, li l-punt 11 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament delegat jiddefinixxi bħala t-total tal-passiv fis-sens tat-Taqsima 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat‑8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 157), jew fis-sens tal-istandards internazzjonali ta’ rrapportar finanzjarju msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 609).

    a) Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 103(7) tad‑Direttiva 2014/59

    57

    Mill-punti 39 sa 53 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedix l-esklużjoni tal-passiv fiduċjarju mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u jinkludi b’hekk l-imsemmi passiv f’dan il-kalkolu. Tali esklużjoni la hija prevista mill-punt 11 tal-Artikolu 3 u lanqas mill-Artikolu 14(2) ta’ dan l-istess regolament delegat.

    58

    Ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment issostni li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-Artikolu 103(7)(a) tad-Direttiva 2014/59 minħabba li ma jieħdux inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, l-assenza ta’ riskju tal-passiv fiduċjarju.

    59

    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    60

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ddelegati sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”.

    61

    Madankollu, fil-kuntest ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha, setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni meta hija tintalab, b’mod partikolari, twettaq evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Dan huwa l-każ fir-rigward tal-iffissar tal-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju fis-sens tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

    63

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura speċifika ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, fil-garanzija, b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

    64

    F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta mill-premessa 114 tad-Direttiva 2014/59, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-Kummissjoni tispeċifika, permezz ta’ att iddelegat, il-mod kif il-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu aġġustati approporzjon tal-profil ta’ riskju tagħhom.

    65

    Barra minn hekk, il-premessa 107 ta’ din id-direttiva tippreċiża li, sabiex jiġi żgurat kalkolu ġust tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali u sabiex tiġi mħeġġa l-adozzjoni ta’ modi ta’ finanzjament inqas riskjużi, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiddependu mir-riskju tal-kreditu, tal-attiv likwidu u tas-suq tal-istituzzjonijiet.

    66

    Mill-premess jirriżulta li l-Kummissjoni kellha tfassal regoli ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet fid-dawl ta’ żewġ għanijiet marbutin flimkien, jiġifieri, minn naħa, li tiżgura li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi riskji li joħolqu l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, ta’ natura bankarja jew, b’mod iktar wiesa’, ta’ natura finanzjarja, u, min-naħa l-oħra, li tħeġġeġ lil dawn l-istess istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

    67

    Issa, kif jirriżulta mid-dokumenti relatati mal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, b’mod partikolari d-dokumenti “JRC technical work supporting Commission 2 level legislation on risk based contributions to the (single) resolution fund” (Studju tekniku tal-JRC insostenn tal-leġiżlazzjoni tat-tieni livell tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji għall-fond ta’ riżoluzzjoni (uniku)) u “Commission Staff Working Document: estimates of the application of the proposed methodology for the calculation of contributions to resolution financing arrangements” (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: stimi tal-applikazzjoni tal-metodu propost għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjonijiet), it-tfassil ta’ tali regoli kien jinvolvi evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, inkwantu din tal-aħħar kellha teżamina d-diversi elementi li fid-dawl tagħhom kienu ġew ikkunsidrati d-diversi tipi ta’ riskji fis-setturi bankarji u finanzjarji.

    68

    Fid-dawl tal-premess, il-Kummissjoni kellha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tadotta, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, ir-regoli li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”.

    69

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk din tal-aħħar marritx manifestament lil hinn mil-limiti ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60).

    70

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija r-rikorrenti li għandha turi li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq huma vvizzjati bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew li jmorru manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, billi ma jipprevedux l-esklużjoni tal-passiv fiduċjarju mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

    71

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, peress li l-passiv fiduċjarju ma joħloq ebda riskju, fatt li huwa rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, fil-fehma tagħha, li kieku kellha tkun insolventi skont id-dritt Ġermaniż fil-qasam tal-insolvenza, l-attiv likwidu tal-klijenti fiduċjarji tagħha jkun protett. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn hija obbligata tittrasferixxi l-fondi tal-klijenti lill-istituzzjonijiet ta’ investiment, fil-każ ta’ falliment ta’ tali istituzzjoni, dawn il-fondi jkunu wkoll protetti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fis-sens tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149).

    72

    Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi tmien fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet. Issa, għalkemm “l-espożizzjoni għar-riskju tal-istituzzjoni” huwa wieħed minn dawn il fatturi, b’mod li l-Kummissjoni hija obbligata tieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ att iddelegat, bħalma huwa r-Regolament Delegat 2015/63, dan il-fattur jikkostitwixxi biss kriterju wieħed fost it-tmienja li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni hija u tfassal tali att.

    73

    Sussegwentement, ma hemm xejn fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 li jindika li l-Kummissjoni hija marbuta tagħti iktar importanza lil wieħed jew iktar mill-fatturi msemmija fil-punt 72 iktar ’il fuq, bħall-espożizzjoni għar-riskju tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-mod li bih il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni din l-espożizzjoni.

    74

    Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-passiv fiduċjarju kien nieqes minn kull riskju fil-każ ta’ riżoluzzjoni.

    75

    Fil-fatt, fir-rigward, qabelxejn, tal-argument tar-rikorrenti li dan il-passiv ma joħloqx tali riskju fil-każ ta’ insolvenza, peress li l-attiv likwidu ta’ klijenti, miżmum fiduċjarjament, ikun protett mid-dritt Ġermaniż, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestatx id-dikjarazzjoni tas-SRB li dan id-dritt ma jagħtix protezzjoni speċjali lill-fondi tal-klijenti sakemm dawn ikunu fil-kont ta’ tranżitu.

    76

    F’dan ir-rigward, is-SRB spjega, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, li l-fatt li dawn il-fondi jinżammu f’tali kont ta’ tranżitu żied ir-riskju assoċjat mal-passiv fiduċjarju, peress li dawn il-fondi ma ġewx immedjatament isseparati mill-fondi l-oħra tar-rikorrenti u ma kinux għalhekk protetti mid-dritt Ġermaniż fil-każ ta’ insolvenza.

    77

    Barra minn hekk, dwar dan il-punt, mir-rikors jirriżulta, u ġie kkonfermat ukoll mir-rikorrenti waqt is-seduta li, safejn jikkonċerna lilha, dawn il-fondi jiġu ttrasferiti f’kontijiet fiduċjarji kollettivi fi ħdan istituzzjonijiet ta’ investiment fil‑15 jew fit‑30 tax-xahar, u, b’hekk, il-fondi jistgħu jibqgħu fil-kont ta’ tranżitu għal terminu massimu ta’ ħmistax‑il jum mingħajr ma jkunu protetti mid-dritt Ġermaniż f’każ ta’ insolvenza.

    78

    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ssostni, b’mod żbaljat, li l-passiv fiduċjarju ma ppreżenta ebda riskju mill-mument li fih il-fondi tal-klijenti jiġu ttrasferiti mill-kont ta’ tranżitu lill-istituzzjonijiet ta’ investiment, peress li, fil-każ ta’ falliment ta’ waħda minn dawn l-istituzzjonijiet, dawn il-fondi ikunu protetti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti.

    79

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kkontestatx l-argument tas-SRB li, sabiex il-fondi tal-klijenti jkunu protetti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, huwa neċessarju li l-istituzzjonijiet ta’ investiment ikkonċernati jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru u li l-klijenti ma jpoġġux iktar minn EUR 100000 f’tali istituzzjonijiet, b’mod li l-imsemmija protezzjoni tkun limitata kemm fuq il-livell territorjali kif ukoll fuq il-livell kwantitattiv.

    80

    Fid-dawl tal-premess, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-punt 11 tal-Artikolu 3, l-Artikolu 5(1)(e) u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 kienu jmorru kontra l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

    b) Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

    81

    Ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment ssostni li l-assenza ta’ esklużjoni tal-passiv fiduċjarju mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante fil-punt 11 tal-Artikolu 3, fl-Artikolu 5(1)(e) u fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħalma hija hi, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-impriżi ta’ investiment imsemmija f’dan l-Artikolu 5(1)(e) ta’ dan l-istess regolament delegat, iżda qegħdin jiġu ttrattati b’mod differenti.

    82

    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

    83

    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, kemm‑il darba tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 95).

    84

    Billi r-rikorrenti qiegħda tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hija hi li għandha tidentifika b’mod preċiż is-sitwazzjonijiet paragunabbli li hija tqis li ġew ittrattati b’mod differenti jew is-sitwazzjonijiet differenti li hija tqis li ġew ittrattati bl-istess mod (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 311).

    85

    Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura paragunabbli ta’ tali sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att li jagħmel id-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    86

    Fir-rigward tal-għan u tal-iskop tad-Direttiva 806/2014, tar-Regolament 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63, għandu jitfakkar li dawn l-atti jaqgħu fil-qasam tas-SRM, li nħoloq bil-għan li, konformement mal-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014, jiżgura approċċ newtrali fit-trattament tal-istituzzjonijiet fi nkwiet finanzjarju, isaħħaħ l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SRM u jipprevjeni l-possibbiltà ta’ tixrid ta’ kriżijiet lejn l-Istati Membri li ma jipparteċipawx f’dan il-mekkaniżmu, sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern kollu kemm hu.

    87

    Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63 li jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet ex ante, mill-punt 63 iktar ’il fuq jirriżulta li dawn tal-aħħar għandhom l-għan li jiggarantixxu, b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

    88

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u għanijiet li għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati sabiex jeżerċitaw ukoll attivitajiet ta’ investiment, bħalma hija r-rikorrenti, jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-impriżi ta’ investiment imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 (iktar ’il quddiem l-“impriżi ta’ investiment”) fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

    89

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kontribuzzjonijiet ex ante huma intiżi sabiex jiffinanzjaw miżuri ta’ riżoluzzjoni li l-adozzjoni tagħhom hija suġġetta għall-kundizzjoni, li tirriżulta mill-Artikolu 18(1)(c) u (5) tar-Regolament Nru 806/2014, li tali miżura tkun neċessarja fl-interess pubbliku, jiġifieri li tippermetti li jintlaħaq, b’mod partikolari, l-għan — imsemmi fl-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan ir-regolament — li jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi li l-istralċ ta’ istituzzjoni jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari billi tipprevjeni l-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi żżomm id-dixxiplina fis-suq.

    90

    Issa, kif tindika l-premessa 4 tad-Direttiva 2019/2034, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi ta’ investiment ma joħolqux riskju paragunabbli fir-rigward tal-effetti dannużi li l-falliment tagħhom jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja, peress li, għall-kuntrarju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-impriżi ta’ investiment ma għandhomx portafolli kbar ta’ self lill-individwi u lill-impriżi u ma jaċċettawx depożiti. Effettivament, il-fatt li jinżammu portafolli kbar ta’ depożiti u ta’ self lill-individwi u lill-impriżi u ta’ depożiti jwassal għal riskju għall-istabbiltà finanzjarja meta l-individwi jew l-impriżi debituri ma jirnexxilhomx, fuq skala kbira, jirrimborsaw l-ammonti mislufa lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati jew meta jiġi rtirat ammont sinjifikattiv ta’ depożiti.

    91

    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-klijentela tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-impriżi ta’ investiment hija differenti. Fil-fatt, kif isostni s-SRB, mingħajr ma ġie kkontradett dwar dan il-punt, il-klijentela tal-impriżi ta’ investiment hija magħmula minn persuni li jinqdew minn ċerti servizzi speċifiċi marbuta mal-istrumenti finanzjarji, liema konstatazzjoni hija kkonfermata mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “klijent” ta’ tali impriżi, li huwa mfisser fil-punt 9 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65. Mill-banda l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, inklużi dawk awtorizzati sabiex jeżerċitaw ukoll attivitajiet ta’ investiment, jirċievu depożiti u fondi oħra rimborsabbli mingħand il-pubbliku u jagħtu kreditu f’isimhom stess, b’mod li joffru s-servizzi tagħhom lil ċirku usa’ ta’ nies.

    92

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-probabbiltà li istituzzjoni ta’ kreditu tkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 18(1)(c) u (5) tar-Regolament Nru 806/2014, hija ogħla minn dik li impriża ta’ investiment tkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni, b’mod li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ istituzzjonijiet ma jinsabux, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni paragunabbli.

    93

    Bl-istess mod, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet ma hijiex paragunabbli fir-rigward tat-trattament tal-passiv fiduċjarju.

    94

    Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti ma kkontestatx serjament li, skont l-Artikolu 84(2) tal-Wertpapierhandelsgesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ ta’ Titoli) tad‑9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2708), l-impriżi ta’ investiment, li ma humiex awtorizzati jwettqu tranżazzjonijiet ta’ depożitu, huma obbligati li jisseparaw immedjatament il-fondi li jirċievu mingħand il-klijenti f’kontijiet fiduċjarji miftuħa ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, istituzzjoni ta’ kreditu, bħalma hija r-rikorrenti, ma hijiex obbligata li tipproċedi b’dan il-mod fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ investiment peress li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 76 sa 77 iktar ’il fuq, hija ma hijiex marbuta tittrasferixxi l-imsemmija fondi mill-kont ta’ tranżitu lill-istituzzjonijiet ta’ investiment.

    95

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-passiv fiduċjarju miżmum mill-impriżi ta’ investiment kien espost għal livell ta’ riskju paragunabbli ma’ dak tal-passiv fiduċjarju miżmum mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati sabiex jeżerċitaw ukoll attivitajiet ta’ investiment, bħalma hija hi. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax issostni li s-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati sabiex jeżerċitaw ukoll attivitajiet ta’ investiment, bħalma hija hi, hija paragunabbli ma’ dik tal-impriżi ta’ investiment u li, għaldaqstant, dawn iż-żewġ tipi ta’ istituzzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tal-esklużjoni tal-passiv fiduċjarju għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

    96

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-punt 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jintroduċu inugwaljanza fit-trattament bejn l-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja u dawk li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri li nqdew mid-deroga prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635.

    97

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, is-SRB għandu jikkalkola kontribuzzjoni annwali bażika għal kull istituzzjoni, kif indikat fil-punt 17 iktar ’il fuq. Din il-kontribuzzjoni hija approporzjon tal-ammont tal-passiv tal-istituzzjoni kkonċernata, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, imqabbel mat-total tal-passiv, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorji tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SRM — fir-rigward tal-parti minn din il-kontribuzzjoni kkalkolata fuq il-bażi tal-Unjoni — u ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni inkwistjoni għandha s-sede tagħha — fir-rigward tal-parti minn dik il-kontribuzzjoni kkalkolata fuq il-bażi nazzjonali.

    98

    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-passiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, għandu jitfakkar li l-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 jiddefinixxi l-“obbligazzjonijiet totali” bħala l-“obbligazzjonijiet kif definit fit-Taqsima 3 tad-[Direttiva 86/635] […] jew kif definit skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju msemmija fir-Regolament […] Nru 1606/2002 […]”.

    99

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635, li jagħmel parti mit-Taqsima 3 ta’ din id-direttiva, il-fondi li istituzzjoni tamministra f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, għandhom jidhru, bħala regola ġenerali, fil-karta tal-bilanċ ta’ din l-istituzzjoni meta din tal-aħħar tkun detentriċi tal-attiv korrispondenti.

    100

    B’dan premess, it-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635 tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet ikkonċernati jindikaw dawn il-fondi barra l-karta tal-bilanċ bil-kundizzjoni li jkun hemm fis-seħħ sistema speċjali li tippermetti li, fil-każ ta’ stralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, l-imsemmija fondi jiġu esklużi mill-massa.

    101

    F’dan ir-rigward, il-partijiet iddikjaraw li, skont id-dispożizzjonijiet adottati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 86/635, il-passiv fiduċjarju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata sabiex teżerċita attivitajiet ta’ investiment u li għandha s-sede tagħha f’dan l-Istat, bħalma hija r-rikorrenti, kellu jidher fuq il-karta tal-bilanċ ta’ din tal-aħħar.

    102

    Il-partijiet indikaw ukoll li ċerti Stati Membri kienu għamlu użu mill-possibbiltà mogħtija mit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635 sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom f’dawn l-Istati li jindikaw, barra mill-karta tal-bilanċ, il-fondi amministrati f’isimhom stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor.

    103

    Dan ifisser, fil-fehma tar-rikorrenti, li jekk istituzzjoni jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru li jkun għamel użu mill-possibbiltà li toffri t-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635, huwa jista’ jindika l-passiv marbut ma’ tali attivitajiet fiduċjarji barra mill-karta tal-bilanċ, b’tali mod li dan il-passiv ma jitteħidx inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha. Min-naħa l-oħra, il-passiv fiduċjarju tal-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fl-Istati Membri li ma jkunux użaw il-possibbiltà li jindikaw l-attiv u l-passiv fiduċjarju barra mill-karta tal-bilanċ, bħal fil-każ tal-Ġermanja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.

    104

    B’hekk, il-konsegwenza deskritta fil-punt 103 iktar ’il fuq tirriżulta mill-applikazzjoni konġunta tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, moqrija fid-dawl tat-Taqsima 3 tad-Direttiva 86/635, u, b’mod partikolari, tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tagħha, li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “passiv” tal-istituzzjonijiet u tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħżlu regoli differenti fir-rigward tal-inklużjoni tal-passiv fiduċjarju fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet.

    105

    Issa, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    106

    Barra minn hekk, għalkemm l-argument tar-rikorrenti kellu jinftiehem fis-sens li hija qiegħda ssostni, fir-realtà, li l-punt 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet ma jiħdux inkunsiderazzjoni d-differenza li teżisti bejn ir-regoli ta’ kontabbiltà tal-Istati Membri differenti fir-rigward tal-inklużjoni tal-passiv fiduċjarju fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jawtorizza lill-Kummissjoni, hija u tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 TFUE, li taġixxi lil hinn mid-delega mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Konsegwentement, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha ssib soluzzjoni għad-diverġenzi fil-modalitajiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni għal dan il-għan permezz ta’ att leġiżlattiv.

    107

    F’dan il-każ, la d-Direttiva 2014/59 u lanqas ir-Regolament Nru 806/2014 ma awtorizzaw lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli nazzjonali ta’ kontabbiltà li jikkonċernaw l-inklużjoni tal-passiv fiduċjarju fil-karta tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet.

    108

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ma sabitx soluzzjoni għad-diverġenzi eżistenti fir-regoli nazzjonali ta’ kontabbiltà dwar l-inklużjoni ta’ dan il-passiv f’din il-karta tal-bilanċ.

    109

    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet tipprevedi, fil-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, definizzjoni tal-passiv differenti minn dik li tinsab fit-Taqsima 3 tad-Direttiva 86/635, minn dan ma jirriżultax li l-punt 11 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament delegat jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    110

    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma tirrigwardax id-differenzi fit-trattament li jistgħu jirriżultaw, minn Stat Membru għal ieħor, mid-diverġenzi li jeżistu fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti, kemm‑il darba dawn il-leġiżlazzjonijiet ikunu jaffettwaw bl-istess mod lill-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C‑428/07, EU:C:2009:458, punt 55, u tad‑19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 35).

    111

    Għalkemm huwa minnu li dan il-prinċipju ġie żviluppat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, dan, madankollu, ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li abbażi tagħha huma jadottaw l-imsemmija leġiżlazzjonijiet differenti (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 36).

    112

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma sostnietx, u wisq inqas uriet, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkonċernata ma kinitx taffettwa bl-istess mod lill-persuni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    113

    Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’qasam ta’ azzjoni partikolari jista’ jkollha riperkussjonijiet differenti għal ċerti operaturi ekonomiċi fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom jew tar-regoli nazzjonali li huma wkoll suġġetti għalihom, u tali konsegwenza ma tistax titqies li hija ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hija bbażata fuq kriterji oġġettivi u adattati għall-għanijiet imfittxija minnha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    114

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li minnha jirriżulta li l-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, sa fejn jirreferi għat-Taqsima 3 tad-Direttiva 86/635, ma kienx ibbażat fuq kriterji oġġettivi u adattati għall-għanijiet imfittxija mir-Regolament Delegat 2015/63.

    115

    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    116

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ssib ruħha suġġetta għal inugwaljanza fit-trattament meta mqabbla mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jfasslu l-karta tal-bilanċ tagħhom skont l-istandards internazzjonali ta’ kontabbiltà, filwaqt li hija ma tistax tfassal il-karta tal-bilanċ tagħha skont dawn l-istandards, peress li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli, huma biss il-kumpanniji omm li għandhom id-dritt li jfasslu l-karta tal-bilanċ tagħhom esklużivament skont dawn l-istandards.

    117

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li tali allegata inugwaljanza fit-trattament hija l-konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ regola li toriġina mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli u mhux mill-punt 11 tal-Artikolu 3, l-Artikolu 5(1)(e) jew l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63, li r-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-validità tagħhom.

    118

    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, hija setgħet tfassal il-kontijiet skont l-istandards internazzjonali ta’ kontabbiltà, iżda għażlet li ma tagħmilx dan għal raġunijiet amministrattivi u finanzjarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka inugwaljanza fit-trattament għal din ir-raġuni.

    119

    Mill-premess jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-punt 11 tal-Artikolu 3, l-Artikolu 5(1)(e) jew l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 kienu jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    120

    Konsegwentement, it-tnax‑il motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    [omissis]

    B.   Fuq il‑motivi dwar il‑legalità tad‑Deċiżjoni kkontestata

    1. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 5(1)(e) tar‑Regolament Delegat 2015/63

    144

    Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjuta li jeskludi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante l-ammont tal-passiv fiduċjarju tagħha, is-SRB kiser l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63. L-argumenti mressqa insostenn ta’ dan il-motiv jinqasmu f’żewġ partijiet.

    a) Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal‑fatt li r‑rikorrenti tissodisfa l‑kundizzjonijiet kollha previsti fl‑Artikolu 5(1)(e) tar‑Regolament Delegat 2015/63

    145

    Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat li teskludi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante l-ammont tal-passiv fiduċjarju tagħha, id-Deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63.

    146

    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

    147

    Kif jirriżulta mill-punti 39 sa 52 iktar ’il fuq, l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi eskluż il-passiv fiduċjarju tar-rikorrenti mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

    148

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB ma wettaqx żball ta’ liġi meta ma eskludiex l-ammont ta’ dan il-passiv mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti.

    149

    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    b) Fuq it‑tieni parti, dwar l‑applikazzjoni b’analoġija tal‑Artikolu 5(1)(e) tar‑Regolament Delegat 2015/63

    150

    Ir-rikorrenti ssostni li, kemm‑il darba l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delega 2015/63 kellu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix l-esklużjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, l-għan ta’ dan ir-regolament delegat, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kienu jeżiġu li din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’analoġija għas-sitwazzjoni tagħha.

    151

    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

    152

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 għal sitwazzjonijiet li jistgħu jiġi ekwiparati għal dawk koperti minnu, anki jekk dawn ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, hija inkompatibbli mat-test tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 92).

    153

    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, ma kien jagħti setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jeskludu ċertu passiv huma u jaġġustaw skont ir-riskju l-kontribuzzjonijiet ex ante msemmija fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, iżda kien jelenka, għall-kuntrarju, b’mod preċiż il-kundizzjonijiet li fihom ċertu passiv seta’ jiġi eskluż mill-kontribuzzjonijiet ex ante (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 93).

    154

    Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, is-SRB ma wettaqx żball ta’ liġi meta ma applikax b’analoġija l-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63.

    155

    It-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, invokati mir-rikorrenti, ma jistax jiġġustifika riżultat ieħor, peress li r-Regolament Delegat 2015/63 iddistingwa sitwazzjonijiet b’karatteristiċi speċifiċi, direttament marbuta mar-riskji inerenti għall-passiv inkwistjoni (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 95).

    156

    Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 83 sa 120 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-assenza ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    157

    L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    158

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq u li ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm l-għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet previsti (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165, u tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 142; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 51).

    159

    Fir-rigward, qabelxejn, tal-adegwatezza li jittieħed inkunsiderazzjoni l-passiv fiduċjarju tar-rikorrenti fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax, fl-ewwel lok, li l-inklużjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha fil-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni tgħin sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-kontribuzzjonijiet ex ante, deskritti fil-punt 63 iktar ’il fuq, billi tipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu u billi tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

    160

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti għamlet biss dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati.

    161

    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha jgħabbiha b’piż inaċċettabbli u manifestament sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs tagħha. Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 39 sa 52 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’, peress li l-esklużjoni tal-passiv stabbilita fl-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma tiddependix mid-daqs tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, iżda mill-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, liema kundizzjonijiet ma għandhom ebda rabta mad-daqs tagħhom.

    162

    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni tal-ammont tal-passiv fiduċjarju tagħha fil-kalkolu tal-passiv tagħha fil-waqt li tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni ex ante tagħha hija kuntrarja għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma hijiex tispjega, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-rabta bejn dan l-argument u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    163

    Sussegwentement, fir-rigward tan-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-passiv fiduċjarju tar-rikorrenti fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar qiegħda essenzjalment tinvoka żewġ argumenti.

    164

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha ma huwiex neċessarju, peress li l-fondi tal-klijenti diġà jinġabru fil-forma ta’ depożiti mill-istituzzjonijiet ta’ investiment u protetti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tagħhom u li jeżistu garanziji suffiċjenti sabiex dawn il-klijenti jkunu protetti mid-dritt applikabbli fil-qasam tal-insolvenza. Fil-fehma tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha jwassal għall-possibbiltà, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju ta’ dan il-passiv.

    165

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tispjegax, madankollu, liema metodu konkret ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa inqas restrittiv għall-istituzzjonijiet u li jkun xieraq sabiex jintlaħqu, b’mod daqstantieħor effikaċi, l-għanijiet imsemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq, billi jiġi kkumpensat, b’mod partikolari, it-tnaqqis fil-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF ikkawżat minn tali esklużjoni.

    166

    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li tista’ tikkontesta d-dikjarazzjoni tas-SRB, imsemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, li, sabiex il-fondi tal-klijenti jkunu protetti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, huwa neċessarju li l-istituzzjonijiet ta’ investiment ikkonċernati jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru u li l-klijenti ma jpoġġux iktar minn EUR 100000 f’tali istituzzjonijiet.

    167

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha jwassal għal allegat teħid inkunsiderazzjoni doppju ta’ dan il-passiv fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument li jindika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, permezz tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament Delegat 2015/63, telimina kompletament kull forma ta’ għadd doppju tal-passiv.

    168

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha ma jissodisfax il-kriterju ta’ neċessità, peress li, fil-każ ta’ insolvenza, il-klijenti tagħha jkollhom id-dritt għas-separazzjoni tal-attiv fiduċjarju ġestit minnha. Dan juri li jeżistu garanziji suffiċjenti ta’ protezzjoni ta’ dawn il-klijenti.

    169

    Minn naħa, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk imfissra fil-punt 165 iktar ’il fuq.

    170

    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li, fil-każ ta’ insolvenza, l-attiv u l-attiv likwidu tal-klijenti tagħha jkunu koperti minn garanziji paragunabbli ma’ dawk li jkopru l-attiv u l-attiv likwidu tal-klijenti tal-impriżi ta’ investiment, kif indikat fil-punti 75 sa 77 iktar ’il fuq.

    171

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma ppreżentat lill-Qorti Ġenerali ebda prova konkreta intiża sabiex jintwera li l-inklużjoni tal-passiv fiduċjarju tagħha fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha twassal għal inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq.

    172

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel motiv u, għalhekk, dan il-motiv fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

    [omissis]

    2. Fuq il‑motivazzjoni tad‑determinazzjoni tal‑livell fil‑mira annwali

    240

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn dawn jirriżultaw matul il-proċedura.

    241

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li hija għandha teżamina ex officio jekk is-SRB naqasx mid-dmir ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

    242

    Għal dan il-għan, il-partijiet instemgħu, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, dwar kull nuqqas ta’ motivazzjoni li jista’ jivvizzja d-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

    243

    B’dan premess, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ kull Stat Membru li jipparteċipa fis-SRM (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali”).

    244

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod kemm jista’ jkun uniformi fiż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 243 iktar ’il fuq, filwaqt li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jistgħu jħallu fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

    245

    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ kull Stat Membru li jipparteċipa fis-SRM ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

    246

    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena ta’ qabel, ikkalkolat kull tliet xhur, għal kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ kull Stat Membru li jipparteċipa fis-SRM.

    247

    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, liema livell għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali u skont il-metodu spjegat fir-Regolament Delegat 2015/63.

    248

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB iffissa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11287677212,56.

    249

    Fil-premessi 36 u 37 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin ta’ qabel, ta’ kull żvilupp rilevanti fis-sitwazzjoni ekonomika, kif ukoll abbażi ta’ analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u dwar l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies xieraq li jiġi ffissat koeffiċjent ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, sabiex jinkiseb il-livell fil-mira annwali.

    250

    Fil-premessi 38 sa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB fisser il-mod kif ġie ffissat il-koeffiċjent.

    251

    Fil-premessa 38 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonstata tendenza kontinwa ta’ żieda fid-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SRM. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull tliet xhur, għas-sena 2020, kien jammonta għal EUR 6.689 triljun.

    252

    Fil-premessi 40 u 41 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni mbassra tad-depożiti koperti għat-tliet snin li kien jifdal mill-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Huwa qies li r-rati annwali ta’ żieda fid-depożiti koperti sal-aħħar tal-perijodu inizjali kienu bejn 4 % u 7 %.

    253

    Fil-premessi 42 sa 45 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u tal-effett proċikliku li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex isir dan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi indikaturi, bħall-previżjoni taż-żieda fil-prodott domestiku gross tal-Kummissjoni u bħall-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew f’dan ir-rigward, jew bħall-fluss ta’ kreditu tas-settur privat f’perċentwali tal-prodott domestiku gross.

    254

    Fil-premessa 46 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, għalkemm kien raġonevoli li wieħed jistenna li jkomplu jiżdiedu d-depożiti koperti fi ħdan l-unjoni bankarja, ir-ritmu ta’ din iż-żieda jkun inqas minn dak tal‑2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata, li adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ żieda fid-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal‑2023.

    255

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB, fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, iffissa l-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Huwa kkalkola mbagħad l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida bi tmienja r-riżultat ta’ dan il-kalkolu, konformement mal-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni:

    “Mira0 [ammont tal-livell fil-mira annwali] = Total tad-depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11287677212,56”.

    256

    Madankollu, waqt is-seduta, is-SRB indika li huwa kien iddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 bil-mod kif ġej.

    257

    L-ewwel nett, is-SRB iffissa, abbażi ta’ analiżi prospettiva, l-ammont tad-depożiti koperti ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SRM, imbassar sal-aħħar tal-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 triljun. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, jiġifieri EUR 6.689 triljun, rata ta’ żieda annwali fid-depożiti koperti ta’ 4 %, kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad jifdal sa tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta.

    258

    It-tieni nett, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkalkola 1 % ta’ dawn is-EUR 7.5 triljun sabiex jasal għall-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fil‑31 ta’ Diċembru 2023, jiġifieri madwar EUR 75 biljun.

    259

    It-tielet nett, is-SRB naqqas minn dan l-ammont tal-aħħar ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl‑2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, sabiex wasal għall-ammont li kien baqa’ jirċievi matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad fadal qabel tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Dan l-ammont tela’ għal madwar EUR 33 biljun.

    260

    Ir-raba’ nett, is-SRB iddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta sabiex iqassmu b’mod uniformi bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad fadal. B’hekk, il-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 ġie iffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 248 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11.287 biljun.

    261

    Is-SRB iddikjara wkoll, waqt is-seduta, li huwa kien ippubblika informazzjoni li fuqha kien ġie bbażat il-metodu deskritt fil-punti 257 sa 260 iktar ’il fuq u li, abbażi tagħha, ir-rikorrenti seta’ jifhem il-metodu li permezz tiegħu ġie ddeterminat il-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara li ttieħdet id-Deċiżjoni kkontestata, iżda qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors, skeda informattiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem l-“iskeda informattiva”), li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB iddikjara li l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien ukoll disponibbli fuq is-sit internet tiegħu, kif ukoll fuq sorsi pubbliċi oħra, u dan ferm qabel ma ttieħdet id-Deċiżjoni kkontestata.

    262

    Fir-rigward tal-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandha tkun, b’mod partikolari, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet veri għal din id-deċiżjoni u sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 2045 sa 47, u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

    263

    Bl-istess mod, meta, matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, l-awtur tad-Deċiżjoni kkontestata jagħti ċerti spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-kunsiderazzjonijiet imfissra f’din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 5455).

    264

    Fil-fatt, jekk il-kunsiderazzjonijiet imfissra fid-Deċiżjoni kkontestata ma jkunux konsistenti ma’ tali spjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma taqdix il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 217 u 218 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkonsistenza żżomm, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu, qabel il-preżentata tar-rikors, ir-raġunijiet veri għad-Deċiżjoni kkontestata, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward ta’ dawn ir-raġunijiet u żżomm ukoll, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika r-raġunijiet li jkunu servew bħala bażi legali vera għal din id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

    265

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jieħu deċiżjoni li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

    266

    L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis f’dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti fil-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

    267

    Mill-premess jirriżulta li, għalkemm is-SRB huwa marbut jagħti lill-istituzzjonijiet, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u għandhom jirrigwardaw il-metodu effettivament applikat.

    268

    Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

    269

    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-Deċiżjoni kkontestata fissret, fil-premessa 48, formula matematika li hija ppreżentat bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Madankollu, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu effettivament applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 257 sa 260 iktar ’il fuq, is-SRB wasal għall-ammont tal-livell fil-mira annwali, fil-kuntest ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sa tmiem il-perijodu inizjali, u billi ddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ stadji tal-kalkolu ma jissemmew imkien fl-imsemmija formula matematika.

    270

    Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mid-dikjarazzjoni tas-SRB li, f’Mejju 2021, huwa ppubblika l-iskeda informattiva, li kienet tinkludi firxa li tindika l-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li ż-żewġ kalkoli imsemmija fil-punt 269 iktar ’il fuq kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li, barra minn hekk, il-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata lanqas biss semmiethom.

    271

    Inkonsistenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li, madankollu, jaqdi rwol importanti fil-formula matematika msemmija fil-punt 255 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq iż-żieda mbassra fid-depożiti koperti matul is-snin li jifdal mill-perijodu inizjali. Issa, kif irrikonoxxa s-SRB matul is-seduta, dan il-koeffiċjent ġie ffissat b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji mfissra fil-punti 257 sa 260 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, billi jiddividi bi tlieta l-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ b’ebda mod ma jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata.

    272

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-iskeda informattiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien bejn EUR 70 u EUR 75 biljun. Issa, jirriżulta li din il-firxa hija inkonsistenti mal-firxa tar-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fil-premessa 41 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa – u li, b’hekk, kien wasal għal-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien l-ogħla valur tal-ewwel firxa. B’hekk, jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. Fil-fatt, minn naħa, il-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom wasslet, madankollu, għal ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk l-ammonti inklużi fil-firxa relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għaliex is-SRB inkluda ammonti ta’ inqas minn EUR 75 biljun fil-firxa relatata mal-imsemmi livell fil-mira. Fil-fatt, sabiex jasal għalihom, kien meħtieġ li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li, madankollu, ma hijiex inkluża fil-firxa relatata mar-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

    273

    Dan ifisser li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu effettivament applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-Deċiżjoni kkontestata, b’mod li r-raġunijiet veri, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-Deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

    274

    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Konsegwentement, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni.

    C.   Konklużjoni

    275

    Wara eżami ex officio mwettaq mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Peress li dawn il-vizzji huma, waħedhom, ta’ natura li jiġġustifikaw l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, hemm lok li din tal-aħħar tiġi annullata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

    [omissis]

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Max Heinr. Sutor OHG.

     

    2)

    L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, safejn tikkonċerna lil Max Heinr. Sutor OHG, jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’perijodu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data li fiha tingħata din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tiffissa l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għas-sena 2021.

     

    3)

    Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Max Heinr. Sutor OHG.

     

    Kornezov

    De Baere

    Petrlík

    Kecsmár

    Kingston

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Mejju 2024.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    ( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.

    Top