This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021TJ0376
Judgment of the General Court (Third Chamber) of 14 June 2023.#Instituto Cervantes v European Commission.#Public supply contracts – Tendering procedure – Provision of language training for the institutions, bodies and agencies of the European Union – Ranking of a tenderer in the cascade procedure – Obligation to state reasons – Documents in the tender accessible via a hypertext link – Manifest errors of assessment – Misuse of powers.#Case T-376/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2023.
Instituto Cervantes vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ fil-lingwi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji tal-Unjoni – Klassifikazzjoni ta’ offerent fil-proċedura ta’ kaskata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Elementi tal-offerta aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Użu ħażin ta’ poter.
Kawża T-376/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2023.
Instituto Cervantes vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ fil-lingwi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji tal-Unjoni – Klassifikazzjoni ta’ offerent fil-proċedura ta’ kaskata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Elementi tal-offerta aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Użu ħażin ta’ poter.
Kawża T-376/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:331
ABBOZZ TA’ SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
14 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Novembru 2023]
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ fil-lingwi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji tal-Unjoni – Klassifikazzjoni ta’ offerent fil-proċedura ta’ kaskata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Elementi tal-offerta aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Użu ħażin ta’ poter”
Fil-Kawża T‑376/21,
Instituto Cervantes, stabbilit f’Madrid (Spanja), irrappreżentat minn E. van Nuffel d’Heynsbroeck, avukat,
rikorrent,
sostnut minn
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,
intervenjent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Ilkova, bħala aġent,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn F. Schalin, President, I. Nõmm u D. Kukovec (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑13 ta’ Diċembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Instituto Cervantes, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad‑19 ta’ April 2021 li permezz tagħha din tal-aħħar tat il-Lott Nru 3 (Lingwa Spanjola) tal-kuntratt dwar il-Kuntratti Qafas għat-Taħriġ fil-Lingwi għall-Istituzzjonijiet, l-Entitajiet u l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea (HR/2020/OP/0014), fl-ewwel post, lill-grupp CCL Centre de Langues‑Allingua (iktar ’il quddiem il-“grupp CCL”) u, fit-tieni post, lir-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Fl‑20 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni, permezz ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis-Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020/S, 227‑555213), nediet, fi proċedura miftuħa, is-sejħa għal offerti HR/2020/OP/0014, intitolata “Kuntratti Qafas għat-Taħriġ fil-Lingwi għall-Istituzzjonijiet, l-Entitajiet u l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea”. Il-kuntratt kien maqsum fi tmien lottijiet, fosthom il-Lott Nru 3, intitolat “Taħriġ tal-Ispanjol (ES)”. |
3 |
L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għas-sejħa ta’ offerti kontenzjużi kienu jindikaw li, sabiex jingħata l-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tibbaża ruħha fuq l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża, skont il-kriterji ta’ għoti “Prix” (ponderat għal 30 %) u “Kwalità” (ponderat globalment għal 70 %). |
4 |
Il-kriterju ta’ għoti “Kwalità” kien jikkonsisti minn żewġ kriterji, jiġifieri l-Kriterju Nru 1, intitolat “Kwalità tal-korsijiet proposti” u l-Kriterju Nru 2, intitolat “Kontroll tal-kwalità u monitoraġġ tax-xogħlijiet”. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu, fost oħrajn, li l-ogħla punteġġ totali ta’ kwalità kien ta’ 100 punt. |
5 |
Kull wieħed miż-żewġ kriterji jinqasam fi tliet subkriterji, li lkoll kienu wkoll ponderati bil-mod kif ġej:
|
6 |
L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu wkoll li l-offerti kellhom tal-inqas jiksbu l-punteġġ minimu għal kull kriterju u subkriterju, jiġifieri 70 % tal-punti allokati għal dak il-kriterju jew għal dak is-subkriterju. B’hekk, l-offerti kellhom jiksbu tal-inqas 70 punt minn 100. |
7 |
Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ sottomissjoni ta’ offerta, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu, b’mod partikolari, li l-offerti kellhom jiġu sottomessi permezz tal-applikazzjoni eSubmission. |
8 |
Sitt offerenti, fosthom ir-rikorrent, ippreżentaw offerta għal-Lott Nru 3. |
9 |
Fl‑10 ta’ Marzu 2021, ġie mħejji r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerti konformement mal-Artikolu 168(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”). Il-partijiet kontraenti proposti għal-Lott Nru 3 kienu l-grupp CLL, bħala l-ewwel parti kontraenti fil-kaskata, u r-rikorrent, bħala t-tieni parti kontraenti fil-kaskata. |
10 |
Mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirriżulta li l-offerti huma kklassifikati skont l-aqwa proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità. |
11 |
Skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata liż-żewġ offerti li jikklassifikaw fl-ewwel post fil-klassifika, li, l-ewwel, jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi ppreċiżati fid-dokumenti tal-kuntratt u li jsiru minn offerenti li għandhom aċċess għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, it-tieni, ma jkunux f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u, it-tielet, jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni. Il-klassifika tiddetermina l-ordni li fiha l-kuntratti speċifiki jkunu ġew offruti lill-partijiet kontraenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt qafas. |
12 |
Fid‑19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni tat id-deċiżjoni kkontestata skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”). B’hekk, il-Kummissjoni tat il-Lott Nru 3 (Lingwa Spanjola) tal-kuntratt dwar il-Kuntratti Qafas għat-Taħriġ fil-Lingwi għall-Istituzzjonijiet, l-Entitajiet u l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea (HR/2020/OP/0014), fl-ewwel post fil-klassifika, lill-grupp CLL u, fit-tieni post fil-klassifika, lir-rikorrent. |
13 |
Dakinhar stess, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrent ittra ta’ notifika li tinformah bir-riżultati tiegħu fi tmiem il-proċedura. Din l-ittra informatu, b’mod partikolari, li l-offerta tiegħu għal-Lott Nru 3 kienet intgħażlet għall-għoti ta’ kuntratt qafas u li huwa kien ġie fit-tieni post bi skor kwalitattiv ta’ 82 punt minn 100, bi prezz tal-offerta ta’ EUR 2670560 u bi skor totali ta’ 87.40 punti minn 100. L-Anness 1 ta’ din l-ittra kien jippreċiża wkoll ir-raġunijiet għall-evalwazzjoni tal-offerta tiegħu fid-dawl tal-kriterji ta’ kwalità stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Finalment, il-Kummissjoni ppreċiżat, f’din l-ittra, li d-deċiżjoni tagħha tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali u li kienet ser tapplika t-terminu ta’ stennija ta’ għaxart ijiem qabel ma tiffirma l-kuntratt. |
14 |
Dakinhar stess, ir-rikorrent, wara li rċieva l-ittra ta’ notifika, talab lill-Kummissjoni tgħaddilu l-identità, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-entità li ġiet ikklassifikata aħjar. |
15 |
Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ April 2021, il-Kummissjoni, b’risposta għal din it-talba, informat lir-rikorrent bl-identità tal-offerent li ġie fl-ewwel post fil-klassifika għall-għoti tal-kuntratt qafas, kif ukoll bl-iskor kwalitattiv ta’ 94 punt minn 100, bil-prezz tal-offerta (EUR 3469020) u bl-iskor totali ta’ 88.89 punti minn 100 ta’ dan tal-aħħar, fi tmiem l-evalwazzjoni. |
16 |
Mill-komunikazzjonijiet tad‑19 u tas‑26 ta’ April 2021 jirriżulta li l-allokazzjoni tal-punti fil-livell tas-subkriterji tal-kriterju ta’ għoti “Kwalità” hija kif ġej:
|
17 |
Permezz ta’ posta elettronika tal‑10 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni, bi tweġiba għal talba tar-rikorrent tal‑1 ta’ Mejju 2021, li allega komunikazzjoni insuffiċjenti fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju, bagħtet ir-raġunijiet għall-evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL fid-dawl tal-kriterji ta’ kwalità. Din il-posta elettronika kellha annessa magħha l-iskeda ta’ evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL li rriproduċiet il-kummenti tal-Kumitat għal kull wieħed mill-kriterji u mis-subkriterji ta’ għoti kif stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fl-imsemmija posta elettronika, il-Kummissjoni ntrabtet ukoll tosserva terminu ġdid ta’ stennija ta’ għaxart ijiem kalendarji qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt qafas, dekorribbli mill-jum ta’ wara d-data li fiha ntbagħtet din it-tweġiba. |
18 |
Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni, għal darba oħra, tat spjegazzjonijiet billi rriferiet għall-informazzjoni u għall-ispjegazzjonijiet li kienu diġà ntbagħtu u indikat li t-terminu ta’ stennija kien issa skada. |
19 |
Fil-proċedura li wasslet għal din it-tilwima, ir-rikorrent tella’ fuq il-pjattaforma eSubmission ċerti elementi li jispjegaw il-proposta teknika deskritta fl-offerta tiegħu, liema elementi kienu aċċessibbli biss permezz ta’ ħoloq hypertext integrati fl-offerta. Fl-iskeda ta’ evalwazzjoni, li ġiet ikkomunikata fid‑19 ta’ April 2021, kif ukoll fil-posta elettronika tal‑10 u tal‑25 ta’ Mejju 2021, imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent bil-fatt li hija kienet ċaħdet dawn l-elementi u li ma kinitx evalwathom, minħabba li ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li kien hemm riskju li ssir modifika tal-offerta permezz tal-imsemmija ħoloq hypertext wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-offerti. B’hekk, il-Kummissjoni qieset li d-dokumenti aċċessibbli biss permezz tal-imsemmija ħoloq hypertext kienu nieqsa (iktar ’il quddiem in-“nuqqas ta’ dokumenti”). |
20 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ffirmat il-kuntratt qafas HR/2020/OP/0014 – Lott Nru 3 mal-grupp CLL bħala l-ewwel parti kontraenti fil-kaskata. Dakinhar stess, il-Kummissjoni ffirmat il-kuntratt qafas bir-referenza HR/2020/OP/0014 – Lott Nru 3 mar-rikorrent bħala t-tieni parti kontraenti fil-kaskata. |
It‑talbiet tal‑partijiet
21 |
Ir-rikorrent, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
22 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
Fuq l‑ammissibbiltà
23 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibilità minħabba t-tardività tar-rikors. |
24 |
Il-Kummissjoni ssostni li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet innotifikata lir-rikorrent fid‑19 ta’ April 2021, skada fid‑29 ta’ Ġunju 2021, waqt li r-rikors ġie ppreżentat fit‑2 ta’ Lulju 2021. |
25 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent li fid-data li fiha ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata, dan tal-aħħar ma kienx għad kellu biżżejjed informazzjoni sabiex jippreżenta r-rikors tiegħu. |
26 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa ta’ ordni pubbliku u li dan jiggarantixxi kemm iċ-ċarezza kif ukoll iċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali u jevita t-trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. |
27 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni, abbażi tad-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2013, Ellinika Nafpigeia u 2. Hoern vs Il-Kummissjoni (C‑616/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:884), li mill-ġurisprudenza jirriżulta li allegat nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ motivazzjoni ta’ att jaqa’ taħt l-istħarriġ ta’ legalità ta’ dak l-att u mhux taħt l-identifikazzjoni tal-punt tat-tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Barra minn hekk, minn dan id-digriet jirriżulta wkoll li l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv, abbażi tal-għarfien tad-deċiżjoni kif mogħtija, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi suġġettivi, bħal affermazzjonijiet dwar allegati difetti li jivvizzjaw din id-deċiżjoni. |
28 |
B’hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma jistax jibda jiddekorri kemm-il darba l-awtorità kontraenti ma tkunx spjegat b’mod li oġġettivament jinftiehem ir-raġunijiet għall-għażla tagħha. |
29 |
Ir-rikorrent jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni mqajma fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibilità u jitlob li din tal-aħħar ma tintlaqax. |
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri, skont il-każ, jew mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew min-notifika lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata li r-rikorrent jkun sar jaf bih. |
31 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibilità (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), li tikkonċerna r-rikors ippreżentat kontra ittra tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, ma hijiex rilevanti, għaliex ir-regoli applikabbli fi proċeduri ta’ sejħa għal offerti jsegwu loġika ta’ natura differenti mir-regoli dwar l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat. |
32 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn deċiżjoni li tiċħad l-offerta ta’ offerent jew, bħal f’dan il-każ, minn deċiżjoni li tikklassifika din l-offerta f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik ikklassifikata l-ewwel, jibda jiddekorri biss fil-mument li tiġi nnotifikata d-deċiżjoni motivata, kemm-il darba l-offerent ikun ressaq it-talba tiegħu sabiex tinkiseb deċiżjoni motivata f’terminu raġonevoli wara li jkun sar jaf li l-offerta tiegħu ġiet miċħuda jew, bħal f’dan il-każ, li l-offerta tiegħu ġiet ikklassifikata f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik ikklassifikata l-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
B’mod partikolari, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri biss malli jiġu kkomunikati l-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta li ġiet ikklassifikata l-aħjar, billi l-informazzjoni li tingħata fil-bidu dwar iċ-ċaħda tal-offerta tal-offerent inkwistjoni ma tinkludi l-ebda informazzjoni dwar l-offerta li ġiet ikklassifikata aħjar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Direct Way u Direct Way Worldwide vs Il-Parlament, T‑126/13, EU:T:2015:819, punti 34 sa 36, u d-digriet tal‑15 ta’ Novembru 2018, Intercontact Budapest vs CdT, T‑809/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:794, punti 19 sa 24). |
34 |
Sabiex jeżerċita b’mod utli d-dritt għal azzjoni legali, rikorrent jeħtieġ ċertu livell minimu ta’ informazzjoni sabiex ikun jista’ jaċċerta xi irregolarità li seta’ kien hemm fl-għażla tal-awtorità kontraenti jew, jekk l-informazzjoni li tingħata wara li ssir talba tibqa’ insuffiċjenti, iressaq ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑15 ta’ Novembru 2018, Intercontact Budapest vs CdT, T‑809/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:794, punt 25). |
35 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet ikkomunikata lir-rikorrent fid‑19 ta’ April 2021, sempliċement tinforma lil dan tal-aħħar bil-fatt li l-offerta tiegħu ġiet ikklassifikata fit-tieni post u tgħaddilu l-punteġġi li kiseb u l-evalwazzjoni tal-offerta assoċjata (ara punt 13 iktar ’il fuq). Mill-banda l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma għandha l-ebda informazzjoni dwar l-offerta li ġiet ikklassifikata qabel dik tar-rikorrent u l-ebda motivazzjoni li turi r-raġunijiet li għalihom l-offerta ta’ dan tal-aħħar ġiet ikklassifikata f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik tal-ewwel. Billi l-att ikkontestat ma jinkludi l-ebda komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi tal-offerta li ġiet ikklassifikata l-aħjar, dan ma setax, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, iwassal sabiex jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors. |
36 |
L-istess jgħodd għall-ittra tas‑26 ta’ April 2021, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkomunikat biss lir-rikorrent l-isem tal-offerent magħżul, kif ukoll il-prezz tal-offerta tiegħu, il-punteġġ li huwa kiseb skont il-kriterji ta’ kwalità u l-punteġġ finali tiegħu. |
37 |
Kif jirriżulta mill-punti 11 sa 17 iktar ’il fuq, huwa biss permezz tal-komunikazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 2021 li r-rikorrent kiseb informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-kwalitajiet tal-offerta tal-grupp CLL li biha seta’ jeżerċita b’mod utli d-dritt tiegħu għal azzjoni legali. B’hekk, it-terminu beda jiddekorri mill‑10 ta’ Mejju 2021. |
38 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, billi tressaq fit‑2 ta’ Lulju 2021, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, b’mod li għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibilità mqajma mill-Kummissjoni. |
Fuq il‑mertu
39 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem ħames motivi. |
40 |
Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli timmotiva d-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju, billi ma kienx possibbli għalih li jsir jaf il-vantaġġi tal-offerta magħżula. |
41 |
Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni wettqet ksur tal-Artikolu 167(4) tar-Regolament Finanzjarju, billi hija għamlet biss paragun iżolat tal-offerti skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, minflok ma kkomparathom ukoll f’termini ta’ teknika. |
42 |
Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni, billi warrbet l-elementi aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext integrata fl-offerta, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
43 |
Imbagħad, ir-rikorrent iqajjem ir-raba’ motiv, b’mod sussidjarju għall-ewwel motiv. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet:
|
44 |
Permezz tal-ħames u l-aħħar motiv tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi (ftuħ tal-kuntratti għall-kompetizzjoni l-iktar wiesa’, trasparenza u ugwaljanza), kif ukoll tal-Artikolu 160 u tal-Artikolu 167(3) tar-Regolament Finanzjarju, billi l-Kummissjoni tat il-lottijiet kollha lill-istess offerent, jiġifieri l-grupp CLL. |
45 |
Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel motiv jiġi eżaminat flimkien mal-ewwel parti tar-raba’ motiv, billi t-tnejn jaqgħu taħt il-kwistjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Imbagħad, jiġu ttrattati l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-raba’ motiv u, finalment, it-tielet, it-tieni u l-ħames motiv, rispettivament, li lkoll jirrigwardaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq l‑ewwel motiv u l‑ewwel parti tar‑raba’ motiv dwar ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni
46 |
Permezz tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni naqset milli tagħti raġunijiet suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju, dwar, minn naħa, l-analiżi komparattiva tal-vantaġġi tal-offerti u, min-naħa l-oħra, l-analiżi individwali tal-offerta tiegħu. Ir-rikorrent jiffoka fuq il-Kriterju 1 “Kwalità tal-korsijiet proposti” u b’mod iktar preċiż fuq l-evalwazzjonijiet li saru fil-kuntest tas-Subkriterji 1.1 “Kontenut” u 1.2 “Tagħlim”. |
47 |
L-ewwel, permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli r-raġunijiet li hija tat ma jidentifikawx b’mod ċar il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tal-grupp CLL, billi, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL u dik tar-rikorrent juru kwalitajiet, essenzjalment, ekwivalenti jew fil-biċċa l-kbira qrib ta’ xulxin u saħansitra identiċi jew simili, jekk mhux addirittura aħjar għall-offerta tar-rikorrent, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-offerta tar-rikorrent ġiet ikklassifikata b’mod li juri, għall-kuntrarju, differenzi sinjifikattivi fil-kwalità. |
48 |
F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni ma jenfasizzawx nuqqas kwalitattiv sinjifikattiv f’xi element sostanzjali tal-kriterju jew l-akkumulazzjoni ta’ nuqqasijiet kwalitattivi li jistgħu jiġġustifikaw klassifikazzjoni bilkemm sodisfaċenti tal-offerta tar-rikorrent. Bl-istess mod, il-fatt li ċerti dokumenti tal-offerta tiegħu ma ġewx evalwati mill-Kumitat minħabba li dawn saru aċċessibbli permezz ta’ ħoloq hypertext lanqas ma jispjega d-diskrepanza sinjifikattiva fil-klassifikazzjoni, billi l-imsemmija kjarifika fl-iskeda ta’ evalwazzjoni ma tidhirx li hija element distintiv u tikkonċerna biss elementi limitati tal-offerta, jiġifieri l-kontenut tal-eżerċizzji. |
49 |
It-tieni, sa fejn l-ewwel parti tar-raba’ motiv tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrent isostni li l-punteġġ ferm baxx miksub fil-kuntest tas-subkriterji inkwistjoni ma jidhirx li jaqbel mal-evalwazzjoni tiegħu meqjusa waħedha, li hija fil-biċċa l-kbira tassew pożittiva għal kull wieħed mill-elementi ta’ dawn is-subkriterji. F’dan is-sens, ma huwiex possibbli li, fir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni, jiġi identifikat nuqqas kwalitattiv partikolari li jista’ jiġġustifika tnaqqis sinjifikattiv fil-punti. |
50 |
Ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li n-nuqqas ta’ dokumenti seta’ jammonta għal nuqqas kwalitattiv li jista’ jispjega t-tnaqqis ta’ punti. Minn naħa, huwa josserva li, fir-rigward tas-Subkriterju 2.3, l-evalwazzjoni ssemmi wkoll in-nuqqas ta’ dokumenti, imfisser bl-istess kliem bħal dak użat fis-Subkriterju 1.1, iżda li l-evalwazzjoni tal-offerta kienet tonqos biss bi ftit iktar minn wieħed minn għaxra ta’ punt (jiġifieri għal 8 punti minn 9) fir-rigward ta’ dan is-subkriterju. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li, fil-kuntest tas-Subkriterji 1.1 u 1.2, il-Kummissjoni qieset in-nuqqas ta’ dokumenti bħala nuqqas partikolarment importanti li waħdu jiġġustifika l-evalwazzjoni negattiva tal-offerta, billi l-Kummissjoni ma setgħetx tispjega l-impatt differenti tan-nuqqas ta’ dokumenti fuq is-subkriterji l-oħra u lanqas l-impatt relattiv tal-elementi dgħajfin jew negattivi l-oħra fuq il-klassifikazzjoni tas-Subkriterji 1.1 u 1.2. |
51 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni kienet maqsuma għal kull wieħed mill-elementi u subelementi deskritti fir-rigward ta’ kull subkriterju. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ dokumenti kellu impatt fuq wieħed mis-subelementi identifikati kemm fir-rigward tas-Subkriterju 1.1, kif ukoll fir-rigward tas-Subkriterju 1.2 u li kellu b’hekk impatt allegatament marġinali. Ir-rikorrent iqis li, minkejja li l-elementi u s-subelementi tagħhom tas-subkriterji ma humiex ponderati, dan ma jfissirx, madankollu, li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerti, dawn seta’ jkollhom piż relattiv sinjifikattivament differenti, mingħajr ma din tkun iddikjarata fid-dokumenti tal-kuntratt. Barra minn hekk, din kienet tippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-offerenti. Madankollu, l-impatt tan-nuqqas ta’ dokumenti qatt ma jista’ jiġi ddeterminat, peress li ma huwiex possibbli li wieħed jifhem jekk in-nuqqas ta’ dokumenti affettwax l-elementi kollha jew xi wħud minnhom. |
52 |
Ir-rikorrent isostni wkoll li, fir-rigward tas-Subkriterji 1.3, 2.1, 2.2 u 2.3, l-evalwazzjonijiet tal-offerta tiegħu huma, fil-mod kif ġew espressi, ekwivalenti jew simili għall-evalwazzjonijiet fir-rigward tas-Subkriterji 1.1 u 1.2. Madankollu, l-offerta tiegħu ngħatat l-ogħla numru possibbli ta’ punti, jew kważi l-ogħla possibbli, fil-kuntest ta’ dawn l-erba’ subkriterji. |
53 |
Ir-Renju ta’ Spanja, intervenjent insostenn tat-talbiet tar-rikorrent, jaqbel bis-sħiħ mal-argumenti ta’ dan tal-aħħar. |
54 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, barra minn hekk, li huwa impossibbli li wieħed ikun jaf ir-raġunijiet preċiżi li għalihom ikun tnaqqas numru speċifiku ta’ punti fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni ta’ “ċerti dokumenti”. |
55 |
Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-assenza ta’ trasparenza, li ħbiet in-natura arbitrarja tal-motivazzjoni, tinsab fil-fatt li huwa impossibbli li wieħed isir jaf, l-ewwel, liema aspetti speċifiċi tad-dokumenti tal-offerta aċċessibbli permezz ta’ ħoloq hypertext ma ġewx evalwati mill-Kummissjoni, it-tieni, sa liema punt dawn l-aspetti ma jinsabux fl-offerta sottomessa u, it-tielet, għaliex il-fatt li wieħed ma jistax ikollu aċċess għall-kontenut tal-eżerċizzji online jimplika, b’mod konkret, telf ta’ punti. Fi kliem ieħor, huwa impossibbli li wieħed isir jaf għaliex ir-rikorrent tnaqqsulu 8 punti fil-kuntest tas-Subkriterju 1.1, minflok, pereżempju, 5 punti jew 12‑il punt. |
56 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-argumenti tar-rikorrent, kif ukoll dawk tar-Renju ta’ Spanja u titlob li l-ewwel motiv, kif ukoll l-ewwel parti tar-raba’ motiv, jiġu miċħuda. |
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li ma huwiex possibbli għalih li jifhem abbażi ta’ liema elementi speċifiċi tal-proposta teknika tiegħu l-offerta tal-grupp CLL ġiet evalwata bħala aħjar minn tiegħu. |
58 |
Barra minn hekk, sa fejn l-ewwel parti tar-raba’ motiv tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrent isostni li ma huwiex possibbli għalih li jifhem ir-rabta bejn it-tnaqqis sinjifikattiv ta’ punti u l-evalwazzjoni pjuttost pożittiva tal-offerta tiegħu u, b’mod partikolari, sa liema punt in-nuqqas ta’ dokumenti jimplika, b’mod konkret, telf ta’ punti. |
59 |
Ir-rikorrent u r-Renju ta’ Spanja jsostnu wkoll, essenzjalment, li l-motivazzjoni insuffiċjenti ma tħalli li jsir l-ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni. |
60 |
F’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk il-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni hijiex waħda suffiċjenti. |
61 |
Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-iskedi ta’ evalwazzjoni jinkludu motivazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jammetti, fil-punt 11 tar-replika tiegħu, li huwa jista’ mingħajr dubju jifhem li l-offerta tiegħu ġiet meqjusa ta’ kwalità iktar baxxa fir-rigward ta’ diversi kriterji ta’ għoti. |
– Fuq l‑allegata impossibbiltà li wieħed isir jaf il‑vantaġġi tal‑offerta magħżula
62 |
Qabelxejn, għandhom, l-ewwel nett, jiġu mfissra l-prinċipji ġurisprudenzjali dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi u, imbagħad, jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett dawk il-prinċipji f’dan il-każ. |
63 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fejn, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi tassumi importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Ricoh Belgium vs Il-Kunsill, T‑691/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:641, punt 33, u tal‑10 ta’ Frar 2021, Sophia Group vs Il-Parlament, T‑578/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:77, punt 162). |
64 |
Mill-banda l-oħra, l-awtorità kontraenti ma tistax tkun meħtieġa tibgħat lill-offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet, minbarra r-raġunijiet taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, minn naħa, sinteżi dettaljata tal-mod kif kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi tal-offerta magħżula, analiżi komparattiva fid-dettall ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tal-offerent li ma jkunx intgħażel (sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2018, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et, C‑376/16 P, EU:C:2018:299, punt 57; tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Close u Cegelec vs Il-Parlament, C‑447/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:826, punt 37; u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Global Translation Solutions vs Il-Kummissjoni, T‑404/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:654, punt 126). |
65 |
Kif irrelevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eurosupport – Fineurop support vs EIGE (T‑450/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:137), il-punteġġ ta’ offerta li abbażi tiegħu tiġi kklassifikata din tal-aħħar għandu, bħala prinċipju, jirrifletti l-punti tajbin u l-punti dgħajfin li l-evalwaturi jidentifikaw fil-kummenti tagħhom. Madankollu, l-awtorità kontraenti ma tistax tkun meħtieġa tindika kemm punti dgħajfin, kif ukoll punti tajbin. B’mod partikolari, mill-punt 49 tas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA (T‑638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530) jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni ma hijiex neċessarjament marbuta tagħti kummenti speċifiċi negattivi, iżda huwa biżżejjed li l-offerent mhux magħżul ikun jista’ jifhem għaliex l-offerta magħżula hija aħjar mill-offerta mhux magħżula. |
66 |
Il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ b’hekk tivverifika, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti, il-piż rispettiv tal-kriterji u subkriterji ta’ għoti tekniċi differenti fl-evalwazzjoni, jiġifieri fil-kalkolu tal-iskor totali, kif ukoll l-inqas jew l-ogħla numru ta’ punti possibbli għal kull wieħed minn dawk il-kriterji jew subkriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punti 21 u 29, u tas‑27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO, T‑556/11, EU:T:2016:248, punt 250). |
67 |
B’mod partikolari, ġie deċiż li l-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, marbuta tispjega l-punti li tagħti fil-livell tas-subpartijiet tas-subkriterji fejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprevedu piż ikkwantifikat speċifiku għal dawn is-subpartijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 29, u tas‑27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO, T‑556/11, EU:T:2016:248, punt 250). |
68 |
Għalhekk, il-kummenti tal-Kumitat ikkomunikati lir-rikorrent għandhom, minn naħa, jippermettu li wieħed jinferixxi b’mod komparattiv in-numru ta’ punti miksuba minnu u l-offerent magħżul, maqsuma kull darba f’subkriterji, kif ukoll il-piż ta’ kull wieħed mis-subkriterji fl-evalwazzjoni globali u, min-naħa l-oħra, li jiġi spjegat, għal kull kriterju ta’ għoti, abbażi ta’ liema subkriterji l-Kummissjoni qieset li l-offerta tal-offerent magħżul jew dik tar-rikorrent inkwistjoni kienet l-aħjar (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑629/11 P, mhux ippublikata, EU:C:2012:617, punti 21 u 29, u tas‑27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO, T‑556/11, EU:T:2016:248, punti 250 u 251). |
69 |
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dan il-każ. |
70 |
Fl-ewwel lok, qabel ma jiġu analizzati l-iskedi ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Il-kuntratt qafas f’dan il-każ jikkonċerna t-taħriġ fil-lingwi fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni. Fir-rigward tal-Kriterju 1 “Kwalità tal-korsijiet proposti”, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprevedu li l-offerent għandu jippreżenta, abbażi ta’ studju tal-każ, id-deskrizzjoni ta’ kors standard imfassal għall-awtorità kontraenti. Il-kwalità hija evalwata abbażi tas-subkriterji ta’ kwalità, applikati għar-risposta għall-istudju tal-każ li l-offerenti għandhom jissottomettu flimkien mal-offerta tagħhom. |
71 |
Is-Subkriterju 1.1 “Kontenut” jinkludi erba’ subpunti li l-Kumitat għandu jieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni. L-ewwel subpunt, “A. Għanijiet”, jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet relatati mal-kompetenzi koperti mill-kors u l-punt sa fejn l-għanijiet tal-kors propost huma marbuta mar-rekwiżiti ta’ kompetenzi speċifiċi. It-tieni subpunt, “B. Udjenza fil-mira”, ifittex li jivverifika sa liema punt il-kors propost jindirizza l-bżonnijiet tal-udjenza speċifika. It-tielet subpunt, “C. Organizzazzjoni tal-kontenut”, jikkonċerna, essenzjalment, it-tqassim tal-kontenut f’taqsimiet maniġġabbli, is-sekwenzi u l-kontenut tagħhom. Ir-raba’ u l-aħħar subpunt, “D. Kwalità tar-riżorsi ta’ tagħlim”, jirreferi, b’mod partikolari, għall-estent sa fejn ir-riżorsi ta’ tagħlim jirriflettu l-għanijiet, huma maħsuba għall-adulti u huma mingħajr żbalji. Għalhekk, kull subpunt jinkludi numru ta’ paragrafi, jiġifieri elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni. |
72 |
Is-Subkriterju 1.2 “Tagħlim”, min-naħa tiegħu, jinkludi tliet subpunti deskrittivi. L-ewwel wieħed, intitolat “A. Rwol tal-għalliema”, ifittex li jiddetermina l-kwalitajiet pożittivi tal-għalliema. It-tieni wieħed, “B. Evalwazzjoni”, jirreferi, b’mod partikolari, għall-punt sa fejn kummenti kostruttivi u evalwazzjoni jkomplu jagħmlu parti mil-lezzjoni. L-aħħar wieħed, “C. Metodoloġija”, jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar sa liema punt il-metodoloġija hija kooperattiva u komunikattiva u jekk tiffavorixxix l-impenn lejn il-lingwa. |
73 |
Il-kriterji u s-subkriterji l-oħra, li ma humiex koperti minn dan ir-rikors, huma, minn naħa, is-Subkriterju 1.3 “Pjattaformi online”, relatat mal-funzjonament u l-utilità tal-pjattformi ta’ tagħlim online proposti mill-offerenti u, min-naħa l-oħra, il-Kriterju 2 “Kontroll tal-kwalità u monitoraġġ tax-xogħlijiet”, li jinqasam fi tliet subkriterji, jiġifieri, is-Subkriterji 2.1 “Metodu ta’ għażla tal-persunal”, 2.2 “Kontroll tal-kwalità” u 2.3 “Amministrazzjoni tal-proċedura”. |
74 |
Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-ittri tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ April u tal‑10 ta’ Mejju 2021, li ntbagħtu lir-rikorrent wara li ressaq talba sabiex jikseb informazzjoni addizzjonali dwar iċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwa setax tabilħaqq, fid-dawl tal-prinċipji mfissra fil-punti 62 sa 68 iktar ’il fuq, jifhem il-punti tajbin u l-punti dgħajfin tal-offerta tiegħu u tal-offerta tal-grupp CLL, fil-kuntest tas-Subkriterji 1.1 u 1.2. |
75 |
Fir-rigward, qabelxejn, tas-Subkriterju 1.1 “Kontenut”, ir-rikorrent kiseb 22 punt minn 30. L-offerta tar-rikorrent hija deskritta bħala waħda tajba u li, fil-biċċa l-kbira tal-aspetti, tilħaq l-aspettattivi. Il-grupp CLL, min-naħa tiegħu, kiseb 28 punt minn 30. L-offerta tiegħu hija ppreżentata bħala waħda eċċellenti u li, fil-biċċa l-kbira tal-aspetti, teċċedi l-aspettattivi, billi tinkludi fiha wkoll aspetti ferm importanti u rilevanti. |
76 |
Fir-rigward tal-għanijiet tal-kors, il-Kumitat qies li l-offerta tal-grupp CLL kienet aħjar mill-offerta tar-rikorrent, billi hija deskritta li tinkludi fiha “lista ferm rilevanti ta’ temi soċjokulturali”. Mill-perspettiva tal-organizzazzjoni tal-kontenut, il-Kumitat qies li l-offerta tal-grupp CLL kienet aħjar, għaliex hija tipproponi sekwenza ferm tajba ta’ dan il-kontenut, li jinkludi t-tagħlim mill-bogħod li jsaħħaħ u jħejji l-lezzjonijiet wiċċ imb wiċċ. Fil-fehma tal-Kumitat, l-istudju tal-każ jiżgura, b’hekk, il-bilanċ “xieraq” bejn it-teorija u l-prattika. Barra minn hekk, il-Kumitat saħaq li l-istudju tal-każ jinkludi elementi ġodda. Imbagħad, il-Kumitat irrileva li l-pjan tal-lezzjonijiet kien ferm iddettaljat u l-istruttura tiegħu kienet ferm ċara. Fl-aħħar nett, il-Kumitat osserva li l-mudell tal-kors kien ferm rilevanti. Fir-rigward, mill-banda l-oħra, tal-kwalità tar-riżorsi ta’ tagħlim, il-Kumitat sempliċement indika li dawn tal-aħħar kienu jilħqu l-aspettattivi tal-awtorità kontraenti u li jinkludu fihom komponent online li fih “bosta” riżorsi addizzjonali. |
77 |
Fl-istess waqt, il-Kumitat, fir-rigward tal-offerta tar-rikorrent, ikkonstata li din fiha deskrizzjoni rilevanti tad-diversi tipi ta’ riżorsi ta’ tagħlim u li r-rikorrent ippropona manwal aċċessibbli online li jagħti wkoll aċċess għal pjattaforma li tinkludi fiha diversi riżorsi. Fil-fehma tal-Kumitat, ir-rikorrent elenka wkoll diversi għodod diġitali li jinkoraġġixxu l-awtotagħlim. Fir-rigward tal-bqija tar-riżorsi ta’ tagħlim, il-Kumitat iddeċieda li ma setax jevalwa l-kontenut tar-riżorsi ta’ tagħlim f’forma elettronika fl-offerta tar-rikorrent. |
78 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-element tal-pubbliku fil-mira, l-offerta tar-rikorrent hija deskritta bi kliem iktar pożittiv minn dik tal-grupp CLL, billi l-iskeda ta’ evalwazzjoni tindika li l-offerta tapplika valuri simili għall-pubbliku fil-mira u li hija użata sabiex jiġu mgħallma suġġetti speċifiċi, kif ukoll suġġetti ta’ kultura u ta’ ċivilizzazzjoni. Fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-kontenut, l-offerta tar-rikorrent ġiet ukoll meqjusa ta’ kwalità iktar baxxa, billi dan tal-aħħar jipproponi deskrizzjoni “qasira imma ċara” tal-kontenut tagħha fir-rigward tal-lezzjonijiet wiċċ imb wiċċ. Apparti dan, il-Kumitat saħaq li l-kontenut għall-awtotagħlim ma kienx ġiex indikat u li huwa seta’ jinnota elementi ġodda “’l hemm u ’l hawn”. Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kwalità tar-riżorsi ta’ tagħlim, il-Kumitat indika li huwa ma kienx jista’ jevalwa l-kontenut tal-eżerċizzji, li kienu aċċessibbli permezz ta’ ħoloq hypertext. Madankollu, huwa nnota li l-kunċett jinkludi fih lista ta’ għodod diġitali li jinkoraġġixxu l-awtotagħlim. |
79 |
Kif jirriżulta mill-punti 75 sa 78 iktar ’il fuq dwar is-Subkriterju 1.1 “Kontenut”, għandu jiġi osservat li l-Kumitat indika kemm l-aspetti l‑iktar pożittivi tal-offerta tal-grupp CLL, kif ukoll punti dgħajfa jew nuqqasijiet tal-offerta tar-rikorrent. |
80 |
Fir-rigward tas-Subkriterju 1.2 “Tagħlim”, għandu jitfakkar li r-rikorrent kiseb 21 punt minn 30. L-offerta tiegħu hija ppreżentata bħala waħda tajba u konformi mal-aspettattivi. Il-grupp CLL kiseb 27 punt minn 30. L-offerta tal-grupp CLL hija deskritta bħala waħda eċċellenti u li teċċedi l-aspettattivi f’diversi aspetti u tippreżenta wkoll ċerti aspetti addizzjonali u importanti. |
81 |
Fir-rigward tar-rwol tal-għalliema, il-Kumitat irrileva li, fl-offerta tal-grupp CLL, l-irwol tagħhom huwa “partikolarment” definit sew u ċar. L-għalliema jużaw strateġiji diretti u indiretti sabiex jgħinu lill-parteċipanti jiksbu awtonomija lingwistika. Barra minn hekk, l-għalliem joħloq il-kundizzjonijiet rilevanti għal esperjenza pożittiva ta’ tagħlim. Fir-rigward tal-element ta’ evalwazzjoni, il-Kumitat innota li l-grupp CLL żgura evalwazzjoni kontinwa “b’mod ferm professjonali” u ddefinixxa “tajjeb ħafna” il-metodi ta’ evalwazzjoni, li huma “ferm” rilevanti u korretti. |
82 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni, il-Kumitat irrileva li l-offerta tar-rikorrent tippreżenta biss aspett wieħed aħjar, jiġifieri l-fatt li l-evalwazzjoni u l-feedback kontinwi fl-offerta tiegħu “jippermettu li l-kontenut jiġi adattat għall-bżonnijiet” tal-istudenti, għal finijiet ta’ “gwida u promozzjoni” tal-motivazzjoni u l-awtonomija. Madankollu, il-Kumitat irrimarka li l-offerta tar-rikorrent tiddefinixxi l-metodi b’mod “konċiż” u li dawn tal-aħħar kienu biss “rilevanti u korretti”. Barra minn hekk, il-Kumitat innota li l-evalwazzjonijiet kumulattivi finali u l-kriterji tal-evalwazzjonijiet relatati mat-taħriġ kienu ppreżentati f’verżjoni online u ma kinux jistgħu jiġu evalwati. Fir-rigward tal-element finali li jikkonċerna l-metodoloġija, l-evalwazzjonijiet huma identiċi, ħlief għall-kumment dwar l-offerta tar-rikorrent li “l-offerent jiddeskrivi fid-dettall il-metodi ta’ tagħlim”. |
83 |
Għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-evalwazzjonijiet li jikkonċernaw is-Subkriterji 1.1 u 1.2 huma konċiżi, huwa possibbli, qabelxejn, li wieħed jifhem, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfissra fil-punt 65 iktar ’il fuq, li l-offerta tal-grupp CLL tippreżenta diversi kwalitajiet li jmorru lil hinn minn dawk tal-offerta tar-rikorrent, imfissra fil-punti 76 u 81 iktar ’il fuq. Sussegwentement, huwa possibbli li wieħed ikun jaf il-livell ta’ kwalità tal-offerta tar-rikorrent, li hija iktar baxxa. Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi injorat li n-nuqqas ta’ dokumenti li jikkonċerna element importanti ta’ kors tal-lingwa, jiġifieri l-eżerċizzji, huwa ppreżentat bħala punt dgħajjef tal-offerta tar-rikorrent, li jwassal għal telf ta’ punti. L-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-impossibbiltà għalih li jsir jaf bil-vantaġġi tal-offerti magħżula għandu għalhekk jiġi miċħud. |
84 |
Għal din l-istess raġuni, l-argument tar-rikorrent li l-Kummissjoni ma identifikatx, bi preċiżjoni, il-proposta teknika preċiża li tiġġustifika l-evalwazzjoni “eċċellenti” u li tiddistingwi offerta minn oħra għandu jiġi miċħud. |
85 |
F’dan ir-rigward, billi l-Kumitat identifika li l-offerta magħżula kienet, fir-rigward ta’ diversi punti, kwalitattivament aħjar, l-argument tar-rikorrent li n-nuqqas ta’ dokumenti huwa l-unika raġuni li għaliha l-Kummissjoni ppreferiet l-offerta tal-grupp CLL għandu jiġi miċħud ukoll. |
– Fuq l‑allegat obbligu tal‑Kummissjoni li tispjega l‑impatt tan‑nuqqas ta’ dokumenti fuq it‑tnaqqis tal‑punti
86 |
Għandha mbagħad tiġi eżaminata l-ewwel parti tar-raba’ motiv dwar l-impossibbiltà li wieħed isir jaf in-numru preċiż ta’ punti li jkunu tnaqqsu minħabba n-nuqqas ta’ dokumenti. |
87 |
F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi miċħud ir-riferiment għall-ġurisprudenza invokata mir-rikorrent ibbażata fuq is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2019, Yellow Window vs EIGE (T‑439/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:136, punti 73 u 74), u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eurosupport – Fineurop support vs EIGE (T‑450/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:137, punti 49 u 50), li skontha għandha teżisti korrelazzjoni bejn il-kummenti li jelenkaw il-punti tajbin u l-punti dgħajfin, minn naħa, u l-punteġġi li jkunu nkisbu fid-dawl ta’ dawn il-kriterji jew subkriterji, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, dawn ir-riferimenti ġurisprudenzjali ma humiex rilevanti, sa fejn jirreferu għal ċirkustanzi speċifiċi, differenti minn dawk ta’ dan il-każ. Dawn ir-riferimenti jikkonċernaw, b’mod partikolari, sitwazzjoni li fiha l-kummenti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ma jindikawx b’mod ċar jekk l-istess nuqqas iġġustifikax it-tnaqqis ta’ punti fid-dawl tal-kriterju jew tas-subkriterju speċifiku li għalih ikun sar dan it-tnaqqis, li evidentement ma huwiex il-każ hawnhekk, billi teżisti rabta bejn in-nuqqas ta’ dokumenti u l-evalwazzjoni f’dan ir-rigward. |
88 |
Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi eskluż ukoll ir-riferiment għall-ġurisprudenza invokata mir-rikorrent ibbażata fuq is-sentenza tas‑27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO (T‑556/11, EU:T:2016:248), li skontha l-korrelazzjoni bejn il-kummenti speċifiċi negattivi u t-tnaqqis ta’ punti għandha tiġi spjegata fejn l-awtorità kontraenti, minn naħa, tkun ippreċiżat, fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, il-kriterji u subkriterji ta’ għoti li hija tkun ser tapplika, kif ukoll l-elementi jew il-punti li jkunu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni u, min-naħa l-oħra, tagħmel evalwazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-mod kif l-offerta tissodisfa dawn il-kriterji, subkriterji jew elementi. |
89 |
Din il-ġurisprudenza lanqas ma hija rilevanti, billi ċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għal din tal-aħħar huma differenti minn dawk ta’ din il-kawża. F’dan il-każ, l-awtorità kontraenti kkomunikat lir-rikorrent il-punti kollha li ġew attribwiti lilu, maqsuma skont is-subkriterji, flimkien ma’ kummenti speċifiċi. Mill-banda l-oħra, fil-kawża ta’ qabel, l-awtorità kontraenti, minn naħa, kienet applikat formula matematika billi attribwixxiet frazzjonijiet ta’ punt għal kull subkriterju jew kull subpunt u għamlet evalwazzjonijiet speċifiċi negattivi f’dan ir-rigward, filwaqt li, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx ikkomunikat in-numru ta’ punti, maqsuma skont is-subkriterji, li nkisbu mir-rikorrent u l-offerenti magħżula. |
90 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni b’mod ġust il-Kummissjoni fil-punti 56 u 57 tal-kontroreplika tagħha, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jistabbilixxu l-ebda piż bejn l-elementi differenti li jagħmlu parti mid-deskrizzjoni ta’ kull subkriterju, għaliex ma huwiex il-każ ta’ “sottosubkriterji” intiżi sabiex jiġu evalwati b’mod separat, iżda ta’ deskrizzjoni tal-kontenut ta’ kull subkriterju. Minn dan isegwi li, fl-aħħar mill-aħħar, ma huwiex meħtieġ li kull kumment negattiv jew pożittiv fl-evalwazzjoni jingħata piż speċifiku, iżda li r-rikorrent ikun jista’ jifhem ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tattribwixxi għall-offerta tiegħu l-punteġġ li din tkun kisbet għal kull subkriterju, ħaġa li huwa kien tabilħaqq f’pożizzjoni li jagħmel. |
91 |
Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kumitat indika l-vantaġġi tal-offerta magħżula fil-kuntest ta’ kull subkriterju u li l-Kummissjoni ma setgħetx tintalab, f’dan il-każ, tagħti piż speċifiku lil kull kumment pożittiv jew negattiv relatat ma’ ċerti subpunti deskrittivi. |
– Fuq l‑allegata impossibbiltà li l‑Qorti Ġenerali twettaq l‑istħarriġ tal‑evalwazzjoni
92 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi analizzat l-argument tar-rikorrent ibbażat, essenzjalment, fuq il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq u l-argument tar-Renju ta’ Spanja, kif imfisser fil-punt 55 iktar ’il fuq, ibbażat fuq l-allegata impossibbiltà li l-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
93 |
L-ewwel, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-użu ripetut u maħsub ta’ espressjonijiet allegatament impreċiżi, bħal “ċerti partijiet mill-kontenut” jew “ċerti elementi tal-offerta” u, f’sens iktar wiesa’, motivazzjoni ferm lakonika jirrendu impossibbli li jsir kwalunkwe stħarriġ tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. |
94 |
F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ jekk id-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet ikunux ittieħdu b’mod arbitrarju, ma huwiex biżżejjed li wieħed sempliċement jgħid li r-rikorrent seta’ tabilħaqq jifhem li ċ-ċaħda ta’ parti mill-offerta tiegħu wasslet sabiex ma jingħatax il-kuntratt pubbliku, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-ewwel motiv. Għall-kuntrarju, il-motivazzjoni għandha tkun rilevanti u koerenti sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tistħarreġ il-fondatezza tagħha. |
95 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li ġie kkonstatat, fil-punt 83 iktar ’il fuq, li l-evalwazzjonijiet ma humiex identiċi, iżda għandhom differenzi ċari u inekwivoċi, li, minkejja n-natura konċiża tagħhom, juru l-vantaġġi tal-offerta magħżula. |
96 |
Imbagħad, id-differenza li ma hijiex irrilevanti bejn il-punteġġi miksuba mill-offerti tekniċi, jiġifieri differenza ta’ 12‑il punt, lanqas ma twassal għal obbligu ta’ motivazzjoni iktar oneruż, bħal dak li jirriżulta mis-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Ricoh Belgium vs Il-Kunsill (T‑691/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:641, punt 63), u tal‑14 ta’ Diċembru 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Parlament (T‑164/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:906, punt 50). |
97 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 113(2) l-antik tar-Regolament Finanzjarju, li llum sar l-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju, jitlob lill-awtorità kontraenti tagħti lill-offerent mhux magħżul ir-raġunijiet veri għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu. Barra minn hekk, il-motivazzjoni mogħtija għandha tirrifletti l-mod kif il-proċedura ta’ evalwazzjoni tassew żvolġiet. Motivazzjoni li ma tidentifikax il-bażi vera tad-deċiżjoni li tiċħad offerta u li ma tirriflettix b’mod eżatt il-mod kif l-offerta miċħuda tkun ġiet evalwata ma hijiex trasparenti u ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 113(2) l-antik tar-Regolament Finanzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑272/06, EU:T:2008:334, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Ricoh Belgium vs Il-Kunsill, T‑691/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:641, punt 39). |
98 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent u r-Renju ta’ Spanja ma wrewx li l-motivazzjoni ma rriflettietx il-mod kif il-proċedura ta’ evalwazzjoni tassew żvolġiet. Bl-istess mod, għandu jitfakkar, kif ġie kkonstatat fil-punt 83 iktar ’il fuq, li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi fiha motivazzjoni li tikkonċerna l-identifikazzjoni tal-bażi vera tagħha. |
99 |
Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrent u tar-Renju ta’ Spanja li l-motivazzjoni inkwistjoni ma tħalli li jsir l-ebda stħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi miċħud. |
100 |
It-tieni, ir-rikorrent, filwaqt li jisħaq fuq il-mod kif kull subkriterju huwa maqsum f’subpunti u subpartijiet, isostni li l-Kummissjoni ma setgħetx, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerti, tagħti piż relattiv sinjifikattivament differenti lil xi element tal-offerta, mingħajr ma dan il-piż partikolari jkun ġie ddikjarat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Ir-rikorrent josserva li, b’hekk, il-Kummissjoni ppreġudikat l-aspettattivi leġittimi tal-offerenti, b’mod li piż partikolari ta’ xi element tal-offerta seta’ jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-offerta mingħajr ma dan ikun ġie ddikjarat fl-imsemmija dokumenti. |
101 |
Qabelxejn, l-argument tar-rikorrent, ibbażat fuq allegat ksur tal-aspettattivi leġittimi tiegħu, li insostenn tiegħu ma jagħti l-ebda spjegazzjoni u ma jġib l-ebda prova, għandu jiġi miċħud. |
102 |
Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tatx piż partikolari lil xi element tal-offerta, mingħajr ma kienet iddikjarat dan minn qabel fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, għandu sempliċement jiġi kkonstatat li l-piż ta’ subpunt ma ġiex preskritt mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx il-piż li hija kienet tat lil xi element tal-offerta. Fil-fatt, is-subpunti previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jindikaw biss, b’mod deskrittiv, l-aspetti tal-proposta teknika li l-Kumitat ħa inkunsiderazzjoni sabiex jattribwixxi punteġġ globali u mhux ukoll il-piż partikolari tagħhom fil-kuntest ta’ xi subkriterju. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ trasparenza li tikkonċerna l-attribuzzjoni ta’ punti fil-livell tas-subpunti tas-subkriterji għandu jiġi miċħud. |
103 |
Bl-istess mod, minkejja li l-Kummissjoni impliċitament ammettiet il-fondatezza ta’ din il-pożizzjoni tar-rikorrent, billi sostniet li d-dokumenti kienu importanti, filwaqt li żiedet tgħid li n-nuqqas ta’ dokumenti ma kellux l-istess impatt fil-kuntest tas-subkriterji l-oħra, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, l-Kummissjoni ma tistax tintalab tispjega kif hija evalwat kull element tal-offerta. |
104 |
Konsegwentement, l-ewwel motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv, sa fejn tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhom jiġi miċħuda bħala mhux fondati. |
Fuq il-kumplament tar‑raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba n‑natura illoġika, sproporzjonata u mhux trasparenti tar‑rabta bejn l‑evalwazzjoni u l‑punteġġ attribwit fil‑kuntest tas‑Subkriterji 1.1 u 1.2
105 |
Sa fejn il-kumplament tal-ewwel parti tar-raba’ motiv jipprevedi żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrent isostni li ma hemmx rabta loġika bejn l-evalwazzjoni u l-punteġġ attribwit fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tas-Subkriterji 1.1 u 1.2 li huma fil-biċċa l-kbira pożittivi. |
106 |
Permezz tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrent isostni li l-impatt tal-allegat nuqqas ta’ dokumenti fuq il-punteġġ attribwit fil-kuntest tas-Subkriterji 1.1 u 1.2 huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-kliem użat fl-evalwazzjoni. |
107 |
[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Novembru 2023] Minn naħa, ir-rikorrent jispjega li l-evalwazzjoni tal-offerta tiegħu hija, mill-kliem użat, pjuttost pożittiva fir-rigward ta’ kull waħda mill-erba’ subpartijiet tas-Subkriterju 1.1. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-punteġġ ta’ 22 punt minn 30 fir-rigward tas-subkriterju inkwistjoni huwa kemm kemm iktar mil-livell ta’ 70 %, jiġifieri mir-rekwiżit ta’ kwalità minima, minkejja l-evalwazzjonijiet tal-proposta teknika ampjament pożittivi, li, għalhekk, skont dawk l-evalwazzjonijiet, il-proposta teknika teċċedi r-rekwiżit minimu. |
108 |
Din id-diskrepanza bejn l-evalwazzjoni u l-punteġġ attribwit għal dan is-subkriterju tidher li hija ġġustifikata biss min-nuqqas ta’ dokumenti u l-impatt parzjali li dan seta’ kellu fuq il-verifika ta’ ċerti proposti tekniċi. Madankollu, ir-rikorrent jindika li ma jistax jifhem kif in-nuqqas ta’ dokumenti jista’ finalment inaqqas il-kwalità minn waħda għolja għal waħda sodisfaċenti, għaliex in-nuqqas ta’ dokumenti jikkonċerna biss elementi illustrativi tal-proposta teknika, li, barra minn hekk, kienet is-suġġett ta’ evalwazzjonijiet pożittivi taħt l-evalwazzjoni taż-żewġ subpartijiet tas-Subkriterju 1.1. |
109 |
Sussegwentement, ir-rikorrent jippreżenta l-istess analiżi fir-rigward tas-Subkriterju 1.2, li t-tliet komponenti tiegħu huma wkoll evalwati b’mod pożittiv u li n-nuqqas ta’ dokumenti jikkonċerna biss waħda minn dawn it-tliet partijiet. Minkejja li dan in-nuqqas ta’ dokumenti jista’, teknikament, jaffettwa terz tal-ponderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ din il-parti hija ampjament pożittiva, l-offerta kisbet, madankollu, 21 punt minn 30, jiġifieri l-livell minimu għal proposta teknika l-iktar l-iktar sodisfaċenti. |
110 |
Permezz tat-tielet parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trasparenza, billi l-piż speċifiku mogħti lil element tal-kriterju affettwat min-nuqqas ta’ dokumenti ma ġiex iddikjarat fid-dokumenti tal-kuntratt. |
111 |
Ir-Renju ta’ Spanja jaqbel mal-argumenti tar-rikorrent dwar il-kumplament tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, kif ġie mfisser fil-punt 55 iktar ’il fuq. |
112 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud. |
113 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li r-rikorrent bidel l-ewwel parti tar-raba’ motiv, li fil-bidu kienet tikkonċerna ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, f’allegazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrent isostni, fir-rikors tiegħu, li r-rabta loġika bejn l-evalwazzjonijiet u l-punteġġ attribwit ma hijiex motivata biżżejjed. Mill-banda l-oħra, huwa jsostni, fir-replika tiegħu, li l-inkoerenza ta’ din ir-rabta bejn l-evalwazzjoni u l-punteġġ attribwit tammonta għal żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan ġie kkonfermat ukoll mir-rikorrent matul is-seduta wara domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali. |
114 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-argument ġdid dwar l-ewwel parti tar-raba’ motiv, imqajjem fil-kuntest tar-replika, għandu jiġi analizzat jekk dan jammontax għal estensjoni ta’ motiv invokat preċedentement, b’mod dirett jew impliċitu, fir-rikors promotur u li għandu rabta mill-qrib ma’ dan il-motiv, fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Skont il-ġurisprudenza, sabiex ikun jista’ jitqies bħala estensjoni ta’ motiv jew ta’ ilment invokat preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti imfissra inizjalment fir-rikors, rabta mill-qrib biżżejjed sabiex jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvolġiment normali tal-kontradittorju fi proċedura kontenzjuża (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2022, Delifruit vs Il-Kummissjoni, T‑629/20, EU:T:2022:448, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
115 |
F’dan il-każ, għandu jiġu kkonstatat li l-argument ġdid huwa marbut mill-qrib mat-tieni parti tar-raba’ motiv, li tirrigwarda l-kwistjoni tar-rabta bejn l-evalwazzjoni u l-attribuzzjoni tal-punti, kif ukoll, f’sens iktar wiesa’, mat-tielet motiv, ibbażat ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, dan għandu jitqies li huwa ammissibbli. |
116 |
Fir-rigward tal-fondatezza tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, għandu jitfakkar li fil-punt 83 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li l-Kummissjoni kienet spjegat kemm il-vantaġġi u l-karatteristiċi tal-offerta tal-grupp CLL, kif ukoll in-nuqqasijiet tal-offerta tar-rikorrent. Għalhekk, ġie stabbilit li n-nuqqas ta’ dokumenti ma kienx l-uniku nuqqas li jiġġustifika t-telf ta’ punti fl-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrent. Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni semmiet diversi nuqqasijiet fl-offerta tar-rikorrent, it-tnaqqis ta’ punti inkwistjoni ma setax jiġi kklassifikat bħala manifestament inkoerenti fid-dawl tan-nuqqasijiet identifikati. Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv, sa fejn din tallega żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandha tiġi miċħuda. |
117 |
Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni u t-tielet parti tar-raba’ motiv, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 90 iktar ’il fuq, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma pprevedewx piż speċifiku kkwantifikat għal kull sottosubkriterju jew kull element ta’ subkriterju. |
118 |
Fil-fatt, l-importanza speċifika mogħtija lil element tal-offerta u l-attribuzzjoni ta’ punti għal kull sottosubkriterju jew kull element ta’ subkriterju jaqgħu taħt il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax, bħala tali, tistħarreġ l-importanza mogħtija lil ċerti elementi fil-kuntest ta’ sottosubkriterju, iżda hija limitata tistħarreġ jekk ġietx stabbilita jew le l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan il-każ, ir-rikorrent ma weriex tali żball, peress li ġie kkonstatat fil-punti 83 u 90 iktar ’il fuq li n-nuqqas ta’ dokumenti identifikat mill-Kummissjoni jikkonċerna element importanti ta’ kors tal-lingwa u seta’ leġittimament iwassal għal tnaqqis ta’ punti, mingħajr ma ntwera li l-imsemmi tnaqqis ta’ punti huwa manifestament żbaljat. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li t-tieni u t-tielet parti tar-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda. |
119 |
Għaldaqstant, il-kumplament tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat. |
Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba ċ‑ċaħda tal‑elementi tal‑offerta aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext
120 |
Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ċaħdet l-elementi tal-offerti aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext. |
121 |
L-ewwel, ir-rikorrent isostni li huwa seta’ jtella’ fuq eSubmission elementi tal-offerta aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext, billi, minn naħa, id-dispożizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni ma fihiex projbizzjoni espliċita f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ ħoloq hypertext jippermetti li l-funzjonament tal-proposta teknika u l-potenzjal kollu tagħha jiġu vviżwalizzati aħjar. |
122 |
It-tieni, billi r-regola ma hijiex ċara u r-rikorrent seta’ raġonevolment iqis li d-dokument aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext integrata fl-offerta kien ser jittieħed inkunsiderazzjoni, dan tal-aħħar isostni li l-Kummissjoni kellha titolbu li jiġġustifika l-proċess u, jekk hija jidhrilha li jkun utli, li jissottometti dokument addizzjonali. |
123 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis, fl-ewwel lok, li r-riskju ta’ modifika fl-offerta, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tevalwax ċerti dokumenti, kien wieħed ipotetiku. Fil-fehma tar-rikorrent, jista’ teknikament jintwera li ma saret l-ebda modifika fid-dokumenti, sa fejn dawn kienu lkoll diġitalment ibblokkati fid-data tal-preżentata tagħhom. B’hekk, sabiex teżerċita b’mod effettiv is-setgħa diskrezzjonali tagħha, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni kellha tivverifika jekk l-elementi kontenzjużi kinux ġew immodifikati jew tistaqsih dwar id-data li fiha l-element aċċessibbli permezz tal-ħolqa hypertext kien ittella’ fuq il-pjattaforma, b’analoġija mas-sistema li tapplika għall-offerti impreċiżi jew inkompleti, minflok ma tippreżumi l-mala fides tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li l-awtorità kontraenti tista’ titlob li jiġi kkomunikat lilha dokument li l-eżistenza tiegħu qabel id-data stabbilita għas-sottomissjoni tal-offerta tkun “oġġettivament verifikabbli”. |
124 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrent josserva li fi proċedura preċedenti ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, li tirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ testijiet lingwistiċi (Ref. HR/2020/OP/0004), li huwa kien ukoll ipparteċipa fiha u li matulha r-rekwiżiti relatati mal-preżentata tal-fajl kienu fformulati bi kliem identiku, il-kumitat inkarigat jevalwa l-offerti għall-Kummissjoni kien aċċetta li jintużaw ħoloq hypertext fl-offerta tar-rikorrent. Billi d-deċiżjoni tal-għoti ta’ dan il-kuntratt kienet ġiet notifikata lir-rikorrent qabel id-data stabbilita għas-sottomissjoni tal-offerti għall-għoti tal-kuntratt li huwa s-suġġett ta’ din it-tilwima, ir-rikorrent iqis li huwa seta’ leġittimament jaħseb li l-Kummissjoni ser taċċetta l-ħolqa hypertext integrata fl-offerta. Għalhekk, l-approċċ bil-maqlub adottat għall-għoti ta’ dan il-kuntratt ippreġudika l-aspettattivi leġittimi tiegħu u huwa ta’ natura arbitrarja. |
125 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-argument tal-Kummissjoni li jinvoka r-regoli dwar il-preżentata tal-offerti sabiex tiġi ġġustifikata ċ-ċaħda ta’ ċerti elementi tal-offerta tqajjem a posteriori, billi sar riferiment għalih għall-ewwel darba fl-ittra tal‑25 ta’ Mejju 2021. |
126 |
[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Novembru 2023] Fil-fatt, l-imsemmija regola tal-preżentata tal-offerti dwar l-użu tal-applikazzjoni eSubmission tiffunzjona biss bħala mekkaniżmu ta’ esklużjoni tal-offerti u mhux ukoll tad-dokumenti li jagħmlu parti mill-offerta. B’hekk, l-elementi kontenzjużi huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u mhux għal din is-sistema ta’ esklużjoni. |
127 |
Sabiex jintwera li l-iżball leġittimu tar-rikorrent għamluh ukoll l-offerenti l-oħra, dan tal-aħħar talab lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar, l-ewwel, l-estent sa fejn l-offerenti l-oħra tal-Lott Nru 3 u ta’ lottijiet oħra tal-kuntratt issottomettew dokumenti skont l-istess proċess fil-kuntest tal-offerti tagħhom u, it-tieni, il-mod kif il-Kummissjoni ttrattat dan l-iżball fil-kuntest ta’ dawn l-evalwazzjonijiet. |
128 |
Ir-rikorrent ippreżenta wkoll fil-proċess tal-proċedura l-iscreenshots tad-dokumenti kollha aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext, flimkien mal-karatteristiċi tagħhom. |
129 |
Ir-Renju ta’ Spanja jaqbel mal-argumenti tar-rikorrent u jżid elementi ġodda. |
130 |
L-ewwel, ir-Renju ta’ Spanja jippreżenta elementi fattwali ġodda sabiex juri li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma fihom l-ebda projbizzjoni, la espliċita u lanqas impliċita, li tikkonċerna l-ħoloq hypertext. |
131 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, peress li l-Kummissjoni ħasbet għall-użu ta’ ħoloq hypertext xi mkien ieħor fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess mogħti lill-firmatarju tal-offerta u tal-elementi li jinsabu f’dokument irreġistrat b’kodiċi ISBN (International Standard Book Number), ir-Renju ta’ Spanja jqis li hija kellha teskludi b’mod espliċitu l-użu tagħhom fil-kuntest tas-sottomissjoni tad-dokumenti permezz tal-applikazzjoni eSubmission. |
132 |
Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li l-użu ta’ ħolqa hypertext f’dokument sottomess permezz ta’ eSubmission ma jistax jiġi mqabbel man-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ dokument, għall-fatt li l-Kummissjoni kellha aċċess għall-kontenut tad-dokumenti aċċessibbli permezz ta’ ħoloq hypertext, minkejja li hija qisithom bħala “mhux sottomessi”. |
133 |
Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li l-Kummissjoni hija inkonsistenti u tmur kontra għemilha stess. Qabelxejn, il-Kummissjoni tinkludi b’mod naturali għexieren ta’ ħoloq hypertext fid-dokumenti kuntrattwali, iżda hija sorpriża li l-offerenti jużaw l-istess teknika. Sussegwentement, fost l-għanijiet tal-awtorità kontraenti hemm dak li l-metodi ta’ ħidma jiġu adattati għall-iskop tagħhom b’mod flessibbli u li jittejjeb kontinwament, billi jsir użu tajjeb mill-vantaġġi tar-riżorsi. Finalment, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-Subkriterju 1.3, il-Kummissjoni evalwat sewwa l-pjattaforma wara li użat ħolqa hypertext, minkejja li din il-pjattaforma ta’ tagħlim online ma hijiex amministrata mill-applikazzjoni eSubmission. |
134 |
It-tieni, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, billi hija ma talbitx lir-rikorrent juri li hu ma kienx immodifika l-offerta tiegħu u sempliċement ċaħdet id-dokumenti inkwistjoni. |
135 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-argumenti tar-rikorrent u kif ukoll dawk tar-Renju ta’ Spanja u titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud. |
136 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġu rrilevat li, permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa seta’ jippreżenta ċerti dokumenti li jagħmlu parti mill-offerta billi jagħmel użu minn ħoloq hypertext u li l-Kummissjoni kellha tieħu dawn id-dokumenti inkunsiderazzjoni. |
137 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent setax, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jissottometti ċerti partijiet mill-offerta tiegħu billi jagħmel użu minn ħoloq hypertext li jwasslu għal dokument aċċessibbli fuq sit internet taħt il-kontroll tal-offerent. |
138 |
L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprovdu, fil-paġna 79, li “[l]-offerti għandhom jiġu sottomessi permezz tal-applikazzjoni eSubmission, billi jiġu segwiti l-istruzzjonijiet fl-istedina għall-offerti u fil-Gwida Prattika tas-sistema eSubmission”. Huwa indikat ukoll hemmhekk li l-offerta teknika “għandha tipprovdi kull informazzjoni neċessarja” sabiex tiġi evalwata l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u mal-kriterji ta’ għoti. |
139 |
L-użu, mill-awtorità kontraenti, tal-verb “issottometta” u tal-frażi “permezz tal-applikazzjoni” jfisser, minn perspettiva kemm testwali, kif ukoll kuntestwali, li l-“offerta” għandha tittella’ direttament fuq il-pjattaforma eSubmission u li huma biss id-dokumenti li jkunu segwew dan il-proċess li jagħmlu parti mill-imsemmija offerta. Minn dan isegwi li l-ħoloq hypertext, bħal dawk ippreżentati fl-offerta tar-rikorrent, ma jistgħux jiġu permessi, għaliex ma jirrispettawx ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq impost mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dokumenti miksuba permezz tal-ħoloq hypertext inkwistjoni. |
140 |
Għandu jiġi ppreċiżat li dan l-approċċ huwa konformi mal-għan imfittex mill-applikazzjoni eSubmission, li huwa dak li jiffaċilita s-sottomissjoni tal-offerti permezz ta’ applikazzjoni sikura. |
141 |
Bl-istess mod, is-sottomissjoni permezz ta’ din l-applikazzjoni sikura tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti previst fl-Artikolu 160(1) tar-Regolament Finanzjarju, billi tiggarantixxi li l-awtorità kontraenti żżomm kontroll tad-dokumenti li jiġu sottomessi lilha. B’hekk, hija tevita kull riskju li ssir modifika f’dokumenti aċċessibbli biss permezz ta’ ħolqa hypertext u li ma setgħux għalhekk jittellgħu direttament fuq l-applikazzjoni eSubmission. |
142 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li offerent raġonevolment mgħarraf u normalment diliġenti jkun f’pożizzjoni li jkun jaf li huwa obbligat jissottometti l-offerta tiegħu fit-terminu stabbilit u li, lil hinn minn dan it-terminu, din tal-aħħar ma tistax tiġi mmodifikata iktar. Konsegwentement, tali offerent ma jistax jiddeduċi mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni li huwa permess li jinkludi ħoloq hypertext fl-offerta tiegħu li jwasslu għal dokument aċċessibbli fuq sit internet taħt il-kontroll tiegħu. Fil-fatt, din il-proċedura ma hijiex awtorizzata mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, barra minn hekk, ma tiggarantixxix li l-dokumenti inkwistjoni ma jkunux jistgħu jiġu mmodifikati wara t-terminu tal-preżentata tal-offerti. |
143 |
Barra minn hekk, peress li l-inklużjoni ta’ ħoloq hypertext fl-offerta tar-rikorrent ma kinitx permessa, il-Kummissjoni la kienet marbuta tivverifika jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux ġew immodifikati u lanqas li taċċettahom. |
144 |
Wara kollox, u f’kull każ, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti kienu fuq sit internet taħt l-kontroll tal-offerent u li l-provi miġjuba mir-rikorrent ifittxu jipprovaw il-fatt li d-dokumenti inkwistjoni ma ġewx immodifikati u mhux il-fatt li dawn ma setgħux jiġu mmodifikati. B’mod partikolari, la d-dikjarazzjonijiet jew screenshots tal-karatteristiċi tad-dokumenti sottomessi mir-rikorrent u lanqas l-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċertifikat invokat mir-Renju ta’ Spanja fis-sottomissjonijiet tiegħu ma jistgħu juru li d-dokumenti inkwistjoni kienu taħt il-kontroll tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, ma setgħux jiġi mmodifikati. L-istess jgħodd għall-preżentazzjoni magħmula waqt is-seduta mill-persuna responsabbli mill-informatika tar-rikorrent, li matulha din tal-aħħar enfasizzat ukoll li dawn id-dokumenti setgħu jiġu mmodifikati, iżda kull emenda kienet tħalli traċċa fis-sistema informatika tar-rikorrent. |
145 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja, espost fil-punt 133 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet inkonsistenti u marret kontra għemilha stess, għandu jiġi nnotat li, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent irċieva l-ogħla punti possibbli fis-Subkriterju 1.3, dan l-allegat żball tal-Kummissjoni ma seta’ kellu l-ebda impatt f’dan il-każ. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrent ma kkontestax dan is-subkriterju. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
146 |
Fit-tieni lok, il-konklużjoni fil-punt 143 iktar ’il fuq ma tistax titqiegħed f’dubju permezz tal-argument tar-rikorrent li dan jinvolvi dokument “oġġettivament verifikabbli” u li l-Kummissjoni kellha titolbu jissottometti mill-ġdid id-dokumenti li kienu aċċessibbli permezz tal-ħoloq hypertext. |
147 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647), imsemmija mir-rikorrent, tirreferi għall-possibbiltà li tiġi rregolata jew ikkompletata offerta sabiex tingħata sempliċi kjarifika jew sabiex jiġu kkorreġuti żbalji materjali manifesti. F’dan il-każ, din ma hijiex kjarifika jew korrezzjoni tad-dokumenti, iżda sottomissjoni ġdida tad-dokumenti, li, inċidentalment, setgħu jiġu mmodifikati fil-frattemp. B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, b’mod ġenerali, ma huwiex permess li offerent jissottometti d-dokumenti meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li ma jkunux ġew sottomessi fit-terminu stabbilit sabiex isir dan (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 36). Għaldaqstant, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata titlob lir-rikorrent jissottometti mill-ġdid id-dokumenti li kienu saru aċċessibbli permezz ta’ ħoloq hypertext. |
148 |
Fit-tielet lok, għandhom jiġu analizzati l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tiegħu. Qabelxejn, ir-rikorrent ma weriex l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet konsistenti tal-Kummissjoni li jippermettu l-użu ta’ ħoloq hypertext. F’kull każ, operatur ekonomiku ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fil-każ fejn l-assigurazzjonijiet mogħtija ma jkunux konformi mal-istandards applikabbli (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BCE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BCE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 81). Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tiegħu għandhom jiġu miċħuda. |
149 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u mqajjem mir-Renju ta’ Spanja fin-nota ta’ intervent tiegħu, għandu jiġi rrilevat li l-Karta tapplika wkoll għall-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punti 28 sa 31). Fil-fatt, l-offerent għandu jkun f’pożizzjoni li jagħti b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni tkun biħsiebha ssejjes id-deċiżjoni tagħha. Dan id-dritt huwa żgurat fil-mument li tiġi ppreżentata l-offerta tiegħu, kif ukoll mill-possibbiltà tal-offerent li jitlob kjarifiki dwar id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għaldaqstant, il-fatt li, wara l-evalwazzjoni tal-offerti, ma huwa previst ebda stadju sussegwenti sabiex jingħataw spjegazzjonijiet addizzjonali ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. Konsegwentement, l-argument dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi miċħud. |
150 |
Barra minn hekk, kif ġie mfisser fil-punt 127 iktar ’il fuq, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja. Madankollu, din it-talba ma għandhiex tintlaqa’, għaliex, konformement mal-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 139 sa 142, ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima. Fir-rigward, mill-banda l-oħra, tat-talba għal miżura istruttorja mressqa mir-Renju ta’ Spanja, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, tali talba ma tistax tiġi mressqa mir-Renju ta’ Spanja, li huwa intervenjent, peress li hija rriżervata għall-partijiet fil-kawża prinċipali biss. Għalhekk, din it-talba ma għandhiex tintlaqa’. |
151 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat. |
Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 167(4) tar‑Regolament Finanzjarju
152 |
Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli kisret l-Artikolu 167(4) tar-Regolament Finanzjarju, billi ma kkomparatx l-offerti tal-grupp CLL sottomessi separatament għal ċerti lottijiet mal-offerti konkorrenti, skont il-kriterji ta’ kwalità, jiġifieri billi tikkompara l-proposti tekniċi tagħhom. Għalhekk, hija ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod effettiv. |
153 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent josserva li, f’dan il-każ, ma hemm ebda differenza bejn l-evalwazzjoni tal-kwalitajiet tal-offerta tal-grupp CLL għal-Lott Nru 3 u dik għal-Lott Nru 4, minkejja li tal-ewwel tikkonċerna l-Ispanjol u tat-tieni tikkonċerna l-Franċiż, billi dawn l-evalwazzjonijiet huma strettament identiċi, għal kull kriterju, kelma b’kelma. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni naqset milli tikkompara l-kwalitajiet jew valuri oġġettivi tal-offerta tal-grupp CLL ma’ dawk tal-offerti konkorrenti, b’mod partikolari l-offerta tar-rikorrent, sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tagħha u li hija ma spjegatx kif l-offerta tal-grupp CLL kienet aħjar minn tiegħu. |
154 |
[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Novembru 2023] Ir-rikorrent isostni li dan l-obbligu li jiġu kkomparati l-offerti tekniċi sottomessi għal lott partikolari jirriżulta, minn naħa, mill-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65) u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jgħid li l-offerti tekniċi għandhom jiġu sottomessi individwalment għal kull lott, filwaqt li l-evalwazzjoni għandha ssir separatament f’każ li tiġi sottomessa offerta għal diversi lottijiet. Barra minn hekk, l-approċċ tal-Kummissjoni kien sewwasew li l-offerti jitneħħew mill-kamp tal-kompetizzjoni. Finalment, ir-rikorrent jinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li huwa meħtieġ paragun effettiv tal-offerti. |
155 |
Ir-rikorrent isostni li, skont dan l-obbligu, il-valur relattiv tal-offerta tal-grupp CLL għandu neċessarjament ivarja minn lott għal ieħor. Fil-fatt, billi, fl-ewwel lok, kull offerta teknika tal-grupp CLL kienet ġiet evalwata separatament għal kull lott u li, fit-tieni lok, l-offerta tar-rikorrent, għal-Lott Nru 3, kienet differenti minn dawk sottomessi għal lottijiet oħra, l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL, li jirriżultaw minn rabta mal-offerti l-oħra għal kull lott, għandhom għalhekk ivarjaw minn lott għal ieħor. F’kull każ, l-evalwazzjoni għandha wkoll tvarja sa fejn il-kumitat ikun differenti għal kull wieħed mil-lottijiet. |
156 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkontesta l-argument li permezz tiegħu l-Kummissjoni tinvoka l-uniformità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL sabiex tiġi eskluża l-arbitrarjetà mid-deċiżjoni tagħha. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li dan huwa żnaturament tax-xogħol tal-Kumitat u huwa, konsegwentement, anomalija. |
157 |
Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tippreżenta, minn naħa, il-metodoloġija li jiddeċiedi dwarha l-Kumitat sabiex jevalwa l-offerti u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-membri tiegħu tal-offerta tal-grupp CLL għal kull lott u tal-offerta tar-rikorrent. |
158 |
Ir-Renju ta’ Spanja jaqbel mal-argumenti tar-rikorrent. Barra minn hekk, huwa jġib ukoll argumenti dwar l-eżami komparattiv tal-offerti, iżda mill-perspettiva tal-metodoloġija ta’ evalwazzjoni użata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-Subkriterji 1.1, 1.3 u 2.3 tal-offerta tar-rikorrent. L-imsemmija metodoloġija hija differenti minn dik użata fir-rigward ta’ subkriterji oħra, minn naħa, u minn dik użata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istess Subkriterji 1.1, 1.2 u 2.3 tal-offerta tal-grupp CLL, min-naħa l-oħra. |
159 |
F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba. Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni, minn naħa, evalwat b’mod negattiv ċertu elementi tal-kontenut tal-offerta tar-rikorrent mingħajr ma evalwat dawn l-istess elementi fl-offerta tal-grupp CLL u, min-naħa l-oħra, evalwat b’mod pożittiv ċerti aspetti tal-offerta tal-grupp CLL mingħajr ma għamlet evalwazzjoni ta’ dawn l-istess aspetti li jinsabu wkoll fl-offerta tar-rikorrent. |
160 |
Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 88(2) ta’ dawn l-istess regoli, ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi, bħala prova, l-evalwazzjoni kompleta tas-Subkriterji 1.1 u 1.2 tad-dokument li tikkorrispondi għall-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerta tal-grupp CLL, mehmuża mar-rikors bħala Anness A.22, sabiex jintwera li l-Kummissjoni evalwat għodod diġitali speċifiċi sottomessi mill-grupp CLL mingħajr ma evalwat l-għodod diġitali sottomessi mir-rikorrent. |
161 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-argumenti tar-rikorrent kif ukoll dawk tar-Renju ta’ Spanja u titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud. |
162 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tikkompara l-proposta teknika tal-grupp CLL u l-proposta teknika tiegħu, u r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma użatx l-istess metodoloġija sabiex tevalwa ċerti subkriterji tal-offerta tar-rikorrent u dik tal-grupp CLL. |
163 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtorità kontraenti kisritx l-Artikolu 167(4) tar-Regolament Finanzjarju sa fejn jidher, essenzjalment, li hija għamlet paragun tal-offerti abbażi tal-punteġġ globali li jirrifletti l-kunċett tal-“aqwa proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità”. |
164 |
Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem tal-Artikolu 167(4) tar-Regolament Finanzjarju jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha tiddetermina l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża billi tikkompara, b’mod partikolari, il-proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità tal-offerti rispettivi. Dan il-paragun jikkompara l-kwalitajiet tekniċi tal-offerti fid-dawl tal-kriterji li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. |
165 |
F’dan il-każ, xejn ma jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżit li tidentifika l-offerta “l-iktar ekonomikament vantaġġuża” abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, bil-għan li jkun żgurat paragun oġġettiv tal-valur relattiv tal-offerti. L-evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL saret mill-Kumitat fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti tekniċi li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kif proprju saret ukoll l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrent. |
166 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent billi jinvoka l-uniformità tal-evalwazzjonijiet fir-rigward tal-Lott Nru 3 u tal-Lott Nru 4, il-fatt li evalwazzjonijiet identiċi jinsabu fit-tabelli għal żewġ lottijiet differenti (Franċiż u Spanjol) bl-ebda mod ma jikkostitwixxi prova li l-Kummissjoni naqset milli tikkompara l-kwalitajiet jew valuri oġġettivi tal-offerta magħżula ma’ dawk tal-offerti konkorrenti fiż-żewġ lottijiet. Ix-xebh tal-evalwazzjonijiet tal-Kumitat ta’ dawn iż-żewġ lottijiet jista’ jiġi spjegat mill-fatt li dawn huma lottijiet li jirrigwardaw l-istess tip ta’ kuntratt ta’ servizz u mill-fatt li l-kontenut tal-provvisti proposti mill-grupp CLL għal kull wieħed mil-lottijiet jista’ jkun identiku. |
167 |
Barra minn hekk, ġie kkonstatat fil-punt 83 iktar ’il fuq li l-proposti tekniċi tal-offerti konkorrenti kienu jippreżentaw ċerti differenzi, b’mod li setgħu jagħtu lok għal evalwazzjonijiet differenti fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-aqwa proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità. |
168 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli, minn naħa, ma kkomparatx il-proposti tekniċi u, min-naħa l-oħra, ma osservatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 167(4) tar-Regolament Finanzjarju meta kkomparat l-offerti. |
169 |
Fit-tieni lok, għandhom jiġu analizzati l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja dwar l-allegata differenza fit-trattament bejn ir-rikorrent u l-grupp CLL fl-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-evalwazzjoni tal-offerti tagħhom. |
170 |
Filwaqt li jitfakkar li l-iskeda ta’ evalwazzjoni ma għandhiex tkun xi rendikont eżawrjenti ta’ kull dettall tal-offerta teknika li jkun ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kumitat, għandu jiġi analizzat jekk il-Kummissjoni evalwatx l-offerta tal-grupp CLL u dik tar-rikorrent b’mod diskriminatorju. |
171 |
Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja josserva li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kontenut tal-eżerċizzji fil-kuntest tas-Subkriterju 1.1, il-Kummissjoni ma evalwatx il-kontenut tal-eżerċizzji tal-offerta tal-grupp CLL, iżda evalwat biss is-sekwenza ta’ dan il-kontenut billi indikat li r-riżorsi li ġew allokati lilu kienu jirriflettu l-aspettattivi tal-awtorità kontraenti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-offerta tar-rikorrent, il-Kummissjoni kienet marbuta tevalwa l-kontenut tal-eżerċizzji, iżda billi kkonstatat, fl-aħħar mill-aħħar, li hija ma setgħetx tevalwa l-eżerċizzji online minħabba r-riskju ta’ modifika, hija indikat biss l-eżistenza ta’ deskrizzjoni rilevanti tad-diversi tipi ta’ riżorsi, mingħajr ma evalwat jekk dawn kinux jirriflettu l-aspettattivi tal-awtorità kontraenti. |
172 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni sabiex tevalwa ż-żewġ offerti inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, hija evalwat il-materjal ta’ tagħlim fl-offerta tal-grupp CLL u, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa l-kontenut ta’ dan il-materjal ta’ tagħlim fl-offerta tar-rikorrent, peress li l-kontenut inkwistjoni kien aċċessibbli għaliha biss permezz ta’ ħolqa hypertext li twasslek għal sit internet taħt il-kontroll tar-rikorrent, liema fatt kien jinvolvi riskju ta’ modifika tal-offerta. Konsegwentement, dawn ma humiex żewġ sitwazzjonijiet komparabbli li jeżiġu li jiġu ttrattati b’mod ugwali. |
173 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma għamlet evalwazzjoni speċifika tal-kontenut tal-awtotagħlim fl-offerta tal-grupp CLL, filwaqt li, fir-rigward tal-offerta tar-rikorrent, il-Kummissjoni indikat li l-kontenut tal-awtotagħlim ma kienx ġie speċifikat. |
174 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punti 165 sa 168 iktar ’il fuq, li l-offerti tekniċi ġew ikkomparati skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratti u li l-Kummissjoni kkomparat il-proposti tekniċi. F’dan is-sens, il-Kummissjoni effettivament ikkonstatat li l-offerta tar-rikorrent kienet difettuża fir-rigward tal-awtotagħlim. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-offerta ġiet evalwata bħala li hija ta’ inqas kwalità minn dik tal-grupp CLL, peress li ma speċifikatx l-awtotagħlim. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 167(4) tar-Regolament Finanzjarju f’dan ir-rigward. |
175 |
Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fil-kuntest tas-Subkriterju 1.2, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda evalwazzjoni speċifika tal-kontenut tal-evalwazzjonijiet kumulattivi finali u tal-kriterji tal-evalwazzjonijiet formattivi fl-offerta tal-grupp CLL, filwaqt li, fir-rigward tal-offerta tar-rikorrent, hija għamlet evalwazzjoni negattiva minħabba l-fatt li hija ma setgħetx tevalwa dawn l-istess aspetti, li kienu aċċessibbli permezz ta’ ħoloq hypertext. |
176 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn waħda mill-offerti inkwistjoni kienet tippreżenta ċerti elementi li l-oħra ma kinitx tippreżenta, il-Kummissjoni ma evalwatx iż-żewġ offerti b’mod diskriminatorju, billi, minn naħa, il-Kummissjoni indikat dan in-nuqqas fl-offerta tar-rikorrent, mingħajr, min-naħa l-oħra, ma kkummentat b’mod iktar speċifiku dwar dawn l-istess aspetti fl-offerta tal-grupp CLL. |
177 |
Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fl-evalwazzjoni tas-Subkriterju 1.2, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni tal-metodi ta’ awtotagħlim tal-offerta tar-rikorrent, mingħajr ma għamlet, b’mod espliċitu, tali evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL. |
178 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’, sa fejn, fir-realtà, dan jammonta għal trattament iktar favorevoli tar-rikorrent u sa fejn, fir-rigward tal-offerta ta’ dan tal-aħħar, dan jikkostitwixxi kumment pożittiv. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx hemm trattament diskriminatorju. |
179 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-Subkriterju 1.1 li jikkonċerna l-attivitajiet u r-riżorsi diġitali, semmiet u evalwat l-għodod diġitali proposti fl-offerta tal-grupp CLL billi affermat li r-riżorsi ta’ tagħlim jirriflettu l-aspettattivi tal-awtorità kontraenti. Mill-banda l-oħra, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-offerta tar-rikorrent, hija indikat biss li l-offerta kienet tinkludi lista b’għadd ta’ għodod diġitali oħra li jinkoraġġixxu l-awtotagħlim, mingħajr ma semmiethom jew evalwathom. |
180 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għodod diġitali fl-offerta tar-rikorrent tikkostitwixxi, fir-realtà, kumment pożittiv, ekwivalenti għall-affermazzjoni dwar l-offerta tal-grupp CLL. Għalhekk, ma kienx hemm trattament diskriminatorju. |
181 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-kontenut imsemmija fis-Subkriterju 1.1, ir-Renju ta’ Spanja rrileva li l-Kummissjoni kienet iddeskriviet l-offerta tal-grupp CLL bħala waħda ddettaljata u bi struttura ferm ċara, iżda li, fir-rigward tal-offerta tar-rikorrent li kienet tinkludi wkoll tali programm, l-evalwazzjoni kwalitattiva tas-Subkriterju 1.1 imkien ma ssemmi u mkien ma tevalwa l-imsemmi programm ta’ korsijiet. |
182 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-offerta tar-rikorrent, u għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni effettivament indikat li r-rikorrent ta deskrizzjoni konċiża, iżda ċara, tal-kontenut tal-korsijiet tiegħu, liema kumment huwa inqas pożittiv minn dak li sar fir-rigward tal-grupp CLL. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni effettivament evalwat iż-żewġ offerti. |
183 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx hemm differenza fit-trattament taż-żewġ offerti inkwistjoni, peress li d-differenzi, kif indikati mir-Renju ta’ Spanja, jirriflettu d-differenzi li jeżistu bejn l-imsemmija offerti. |
184 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja. Madankollu, din it-talba ma għandhiex tintlaqa’, għaliex, konformement mal-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 168 sa 183 iktar ’il fuq, din ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima. Fir-rigward, mill-banda l-oħra, tat-talba tar-Renju ta’ Spanja għal miżura istruttorja, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, tali talba ma tistax tiġi mressqa mir-Renju ta’ Spanja, li huwa intervenjent, peress li hija rriżervata għall-partijiet fil-kawża prinċipali biss. Għalhekk, din it-talba ma għandhiex tintlaqa’. |
185 |
Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipji fundamentali tad‑dritt tal‑kuntratti pubbliċi
186 |
Permezz tal-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li, billi l-lottijiet kollha tal-kuntratt ta’ taħriġ fil-lingwi ngħataw lil fornitur ta’ servizzi wieħed, jiġifieri l-grupp CLL, il-Kummissjoni naqset milli tfittex l-għan tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi li l-kuntratti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu miftuħa għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa u li dawn il-kuntratti jkunu aċċessibbli għall-impriżi żgħar u medji. |
187 |
Huwa jfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità kontraenti ma tistax ixxekkel il-kompetizzjoni b’mod artifiċjali. Dan huwa obbligu legali dedott mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li għalihom l-awtorità kontraenti hija suġġetta. |
188 |
Fil-fatt, huwa jsostni li s-setgħa diskrezzjonali ġiet eżerċitata b’mod konkret sabiex il-lottijiet kollha tal-kuntratt jingħataw lill-grupp CLL. |
189 |
Minn naħa, ir-rikorrent jagħmel mill-ġdid l-argument imressaq fil-kuntest tat-tieni motiv li l-Kummissjoni ma ssuġġettatx l-offerti tal-grupp CLL għall-proċess ta’ paragun mal-offerti konkorrenti u li b’hekk evitat il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. |
190 |
Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-prattika mhux normali tal-Kummissjoni li tagħmel evalwazzjoni uniformi u kważi ekwivalenti tal-offerti tal-grupp CLL, fil-massimu tal-ponderazzjoni għal żewġ terzi tal-kriterji, tfisser, għall-kuntrarju, nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali, jekk mhux in-newtralizzazzjoni tal-kriterji kwalitattivi. |
191 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li llum il-prattika tal-Kummissjoni hija li ma tħallix li l-kuntratti jinqasmu f’lottijiet u li, fejn jinqasmu b’dan il-mod, il-lottijiet kollha jingħataw lil operatur wieħed. B’mod partikolari, huwa jiġbed l-attenzjoni għas-sejħiet għal offerti għas-servizzi ta’ organizzazzjoni ta’ testijiet lingwistiċi, li ngħataw lil operatur wieħed, għas-sejħiet għal offerti għas-servizzi ta’ organizzazzjoni ta’ testijiet lingwistiċi remoti, li jinsabu f’lott uniku, u għas-sejħiet għal offerti għas-servizzi ta’ appoġġ lingwistiku online fil-kuntest tal-programm Erasmus+, li wkoll ma humiex maqsuma f’diversi lottijiet skont il-lingwa. Fid-dawl ta’ dawn l-indizji, ir-rikorrent isostni li llum il-Kummissjoni tfittex li, fil-qasam tal-lingwi, il-bżonnijiet tagħha jiġu indirizzati b’mod ċentralizzat minn fornitur ta’ servizzi wieħed. |
192 |
Ir-Renju ta’ Spanja jsostni dan il-motiv invokat mir-rikorrent minn perspettiva iktar proċedurali. |
193 |
B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-offerti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, jitolbu li l-evalwazzjoni li tkun teħtieġ ġudizzji ta’ valur issir qabel l-evalwazzjonijiet li huma r-riżultat tal-applikazzjoni ta’ formula matematika, u b’mod separat minn dawn tal-aħħar. |
194 |
F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jqis li, billi tipproċedi b’mod konġunt b’evalwazzjoni li teħtieġ ġudizzji ta’ valur (l-evalwazzjoni tal-offerta teknika) u evalwazzjoni li hija awtomatika (dik tal-offerta ekonomika), il-proċedura ta’ evalwazzjoni implimentata mill-Kummissjoni tippermetti, almenu minn dak li jidher, li l-awtorità kontraenti titħajjar, anki inkonxjament, tadatta l-evalwazzjoni li tiddependi minn ġudizzji ta’ valur sabiex tagħmilha waħda determinanti. |
195 |
B’hekk, fl-assenza ta’ garanzija li l-offerta teknika ġiet evalwata qabel u b’mod separat mill-offerta ekonomika, u fejn il-Kummissjoni ma tagħtix deskrizzjoni ddettaljata ta’ kull wieħed mill-elementi ta’ kull subkriterju, l-awtorità kontraenti dejjem tista’, skont ir-Renju ta’ Spanja, tiġi ssuspettata li ffavorixxiet, anki inkonxjament, l-offerta l-iktar għalja, anki jekk biss minħabba l-preġudizzju ġġeneralizzat li l-prodotti ta’ kwalità aħjar normalment iġibu prezz ogħla. |
196 |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u tar-Renju ta’ Spanja u titlob li l-ħames motiv jiġi miċħud. |
197 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni, b’mod abbużiv, implimentat prattika li wasslitha sabiex tonqos milli tfittex l-għan tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi li l-kuntratti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu miftuħa għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa, billi l-lottijiet tal-kuntratt ta’ taħriġ fil-lingwi tathom kollha lil fornitur ta’ servizzi wieħed, jiġifieri l-grupp CLL. |
198 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni hija biss ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter fejn, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, hija tidher li tkun ittieħdet bil-għan esklużiv jew, tal-inqas, determinanti li jew jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk allegati mill-istituzzjoni jew inkella li tiġi evitata proċedura prevista b’mod speċifiku mit-Trattat sabiex jiġu evitati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il-Kunsill, C‑442/04, EU:C:2008:276, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑8 ta’ Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑266/97, EU:T:1999:144, punt 131; u tat‑13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T‑158/99, EU:T:2004:2, punt 164). |
199 |
Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. |
200 |
L-ewwel, fir-rigward tal-għan tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 160(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti kollha għandhom ikunu miftuħa għal kompetizzjoni l-iktar wiesgħa possibbli. |
201 |
Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, li l-għan tiegħu huwa li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jeżiġi li l-offerenti kollha jkollhom opportunità ndaqs sabiex ifasslu t-termini tal-offerti tagħhom u jimplika għalhekk li dawn tal-aħħar ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 110) |
202 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, awtorità kontraenti ma tistax tinżamm milli tagħti l-lottijiet kollha ta’ kuntratt pubbliku lill-istess offerent, kemm-il darba l-offerti tiegħu, meta mqabbla ma’ dawk tal-offerenti l-oħra, ikunu ekonomikament l-iktar vantaġġużi u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti jiġi osservat, sabiex tkun żgurata kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn il-parteċipanti tal-imsemmija proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. |
203 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma ġab l-ebda prova li tista’ tikkorrobora l-argument tiegħu li l-għan tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni ma ntlaħaqx. |
204 |
It-tieni, mill-atti tal-proċess bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni fittxet li tilħaq għan differenti minn dak li tevalwa ż-żewġ offerti, konformement mas-setgħat li ngħataw lilha sabiex tagħmel dan. Bl-istess mod, ir-rikorrent ma ġab l-ebda prova konkreta li turi xi forma ta’ favoritiżmu min-naħa ta’ din tal-aħħar. |
205 |
It-tielet, l-argument tar-rikorrent li l-kriterji kwalitattivi ġew “newtralizzati” għandu wkoll jiġi miċħud. Il-mala fide tal-awtorità kontraenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-offerti ma tistax tkun preżunta mingħajr ma tinġieb xi forma ta’ prova f’dan ir-rigward. |
206 |
Ir-raba’, fir-rigward tal-indizji misluta mill-proċeduri l-oħra ta’ sejħa għal offerti, ippreżentati mir-rikorrent, huwa ċar li dawn ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ din it-tilwima, peress li kull proċedura għandha l-karatterstiċi speċifiċi tagħha. |
207 |
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta, jitlob li l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerta teknika ssir qabel l-evalwazzjoni tal-prezz, peress li, altrimenti, l-awtorità kontraenti tista’ dejjem tiġi ssuspettata li ffavorixxiet l-offerta l-iktar għalja. |
208 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma ġab l-ebda prova u ma ppreżenta l-ebda indizju li jippermettu li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni l-ewwel evalwat il-prezz u mbagħad il-kwalità tal-offerti sabiex, finalment, tiffavorixxi l-offerta tal-grupp CLL. Fit-tieni lok, l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerta teknika qabel l-evalwazzjoni tal-prezz la jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u lanqas mill-ġurisprudenza. Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja ma ġab l-ebda prova rilevanti li turi li n-nuqqas tal-evalwazzjoni tal-offerti f’żewġ stadji wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti. |
209 |
L-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta għandu wkoll jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ imparzjalità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jkopri żewġ aspetti. Dan ikopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva tal-membri ta’ korp, fis-sens li ebda membru tal-korp kkonċernat ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali, liema imparzjalità hija preżunta sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li dan il-korp għandu jagħti garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 54, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, ir-Renju ta’ Spanja ma invokax il-parzjalità suġġettiva tal-membri tal-Kumitat u, min-naħa l-oħra, ma weriex li n-nuqqas ta’ obbligu li ssir evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerta teknika qabel l-evalwazzjoni tal-prezz, li, inċidentalment, ma kinitx prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, wassal, b’mod partikolari, f’dan il-każ, għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ dubju leġittimu f’dan ir-rigward. |
210 |
Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat. |
211 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
212 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar. |
213 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Schalin Nõmm Kukovec Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Ġunju 2023. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.