This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021TJ0053
Judgment of the General Court (Fifth Chamber, Extended Composition) of 20 December 2023 (Extracts).#EVH GmbH v European Commission.#Competition – Concentrations – German electricity and gas markets – Decision declaring a concentration compatible with the internal market – Obligation to state reasons – Concept of ‘single concentration’ – Right to effective judicial protection – Right to be heard – Definition of the market – Period of analysis – Assessment of the effects of the transaction on competition – Manifest errors of assessment – Undertakings – Duty of diligence.#Case T-53/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal-20 ta’ Diċembru 2023 (Estratti).
EVH GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Swieq tal-elettriku u tal-gass Ġermaniżi – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni waħda’ – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal smigħ – Delimitazzjoni tas-suq – Perijodu ta’ analiżi – Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Impenji – Obbligu ta’ diliġenza.
Kawża T-53/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal-20 ta’ Diċembru 2023 (Estratti).
EVH GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Swieq tal-elettriku u tal-gass Ġermaniżi – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni waħda’ – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal smigħ – Delimitazzjoni tas-suq – Perijodu ta’ analiżi – Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Impenji – Obbligu ta’ diliġenza.
Kawża T-53/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:834
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)
20 ta’ Diċembru 2023 (*)
“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Swieq tal-elettriku u tal-gass Ġermaniżi – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni waħda’ – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal smigħ – Delimitazzjoni tas-suq – Perijodu ta’ analiżi – Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Impenji – Obbligu ta’ diliġenza”
Fil-Kawża T‑53/21,
EVH GmbH, stabbilita f’Halle‑sur‑Saale (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn I. Zenke u T. Heymann, avukati,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u J. Szczodrowski, bħala aġenti, assistiti minn T. Funke u A. Dlouhy, avukati,
konvenuta,
sostnuta minn
E.ON SE, stabbilita f’Essen (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn C. Grave, C. Barth u D.‑J. dos Santos Goncalves, avukati,
u minn
RWE AG, stabbilita f’Essen, irrappreżentata minn U. Scholz, J. Ziebarth u J. Siegmund, avukati,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),
komposta minn M. van der Woude, President, J. Svenningsen, C. Mac Eochaidh, J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur) u M. Stancu, Imħallfin,
Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑18 ta’ April 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza (1)
1 Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, EVH GmbH, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 6530 final tas‑17 ta’ Settembru 2019 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ M.8870 – E.ON/Innogy) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
A. Impriżi inkwistjoni
2 E.ON SE hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li, meta saret il-komunikazzjoni tal-konċentrazzjoni proposta, kienet topera tul il-katina kollha tal-provvista tal-enerġija, inkluż fl-oqsma tal-produzzjoni, tal-bejgħ bl-ingrossa, tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tal-bejgħ bl-imnut u tal-attivitajiet marbuta mal-enerġija (bħall-qari tal-arloġġ, l-elettromobbiltà) (iktar ’il quddiem is-“suq tal-enerġija”). E.ON hija attiva f’diversi Stati Ewropej, fosthom ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit.
3 Innogy SE (iktar ’il quddiem, flimkien ma’ E.ON, il-“partijiet fil-konċentrazzjoni”), sussidjarja ta’ RWE AG, fil-maġġoranza proprjetà ta’ din tal-aħħar, hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż attiva tul il-katina kollha tal-provvista tal-enerġija, kemm fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni, fil-bejgħ bl-imnut jew f’attivitajiet relatati mal-enerġija bħall-qari tal-arloġġ jew l-elettromobbiltà. Innogy hija attiva f’diversi Stati Ewropej, fosthom il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit.
4 Ir-rikorrenti hija impriża rregolata mid-dritt Ġermaniż li hija preżenti fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista tal-enerġija. Id-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar hija waħda mill-attivitajiet prinċipali tagħha. Hija topera networks tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass permezz tal-kumpannija EVH Netz.
B. Il‑kuntest tal‑konċentrazzjoni
5 Il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ hija parti minn skambju kumpless ta’ elementi ta’ assi bejn RWE u E.ON, imħabbar fil‑11 u fit‑12 ta’ Marzu 2018 miż-żewġ impriżi kkonċernati (iktar ’il quddiem l-“operazzjoni globali”). B’hekk, permezz tal-ewwel operazzjoni, RWE xtaqet takkwista l-kontroll esklużiv jew il-kontroll konġunt ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON. It-tieni operazzjoni, jiġifieri l-konċentrazzjoni kkontestata f’dan il-każ, kienet tikkonsisti fl-akkwist minn E.ON tal-kontroll esklużiv tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-enerġija u tal-kummerċ bl-imnut kif ukoll ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ innogy, li hija kkontrollata minn RWE. Fir-rigward tat-tielet operazzjoni, hija kienet tipprevedi l-akkwist minn RWE ta’ 16.67 % tal-ishma ta’ E.ON.
6 Fis‑17 ta’ April 2018, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha hija indikatilha li xtaqet tipparteċipa fil-proċedura relatata mal-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni u, konsegwentement, li tirċievi d-dokumenti relatati magħhom. Dakinhar, bagħtet ukoll kummenti kritiċi dwar iż-żewġ konċentrazzjonijiet.
7 Fis‑26 ta’ Ġunju 2018, saret laqgħa bejn ir-rappreżentant tar-rikorrenti u l-Kummissjoni, li matulha dan ir-rappreżentant esprima lill-Kummissjoni t-tħassib tal-klijent tiegħu fir-rigward tal-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni u x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fil-proċeduri relatati magħhom.
8 Fit‑28 ta’ Awwissu 2018, saret laqgħa individwali bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, li matulha din tal-aħħar issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni.
9 L-ewwel konċentrazzjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fit‑22 ta’ Jannar 2019 (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni M.8871”). Fir-rigward ta’ din l-ewwel operazzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2019) 1711 final, tas‑26 ta’ Frar 2019 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.8871 – RWE/E.ON Assets) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni M.8871”).
10 It-tielet operazzjoni ġiet innotifikata lill-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja), li awtorizzaha permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2019 (Każ B8‑28/19, iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni B8‑28/19”).
C. Il‑proċedura amministrattiva
11 Fil‑31 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) li permezz tagħha E.ON xtaqet takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament, il-kontroll esklużiv tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni u tas-soluzzjonijiet għall-konsumaturi u ċerti assi tal-produzzjoni tal-elettriku ta’ innogy, ikkontrollati minn RWE.
12 Bħala parti mill-eżami tagħha ta’ din il-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel investigazzjoni tas-suq, indirizzata lill-kompetituri tal-partijiet fil-konċentrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel investigazzjoni tas-suq”), u għalhekk bagħtet kwestjonarju lil ċerti impriżi, inkluża r-rikorrenti, fl‑1 ta’ Frar 2019, li din tal-aħħar weġbitu fit‑8 ta’ Frar 2019.
13 Fit‑8 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-komunikazzjoni minn qabel ta’ dik il-konċentrazzjoni (Każ M.8870 – E.ON/Innogy) (ĠU 2019, C 50, p. 13, iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni M.8870”), f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 139/2004.
14 Fl-istess ġurnata, permezz ta’ ittra, ir-rikorrenti tenniet ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni u, f’dik l-okkażjoni, li tinstema’ mill-Kummissjoni.
15 Il-konċentrazzjoni għandha żewġ stadji. L-ewwel stadju jikkorrispondi għall-akkwist minn E.ON ta’ innogy kollha kemm hi. It-tieni stadju huwa li E.ON, minn naħa, tagħmel carve-out tal-maġġoranza tan-negozju tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ta’ innogy, ħdax-il faċilità tal-ħażna tal-gass operati minn innogy fir-Repubblika Ċeka u fil-Ġermanja, u s-sehem ta’ 49 % ta’ innogy f’Kärntner Energieholding Beteiligungs GmbH, u, min-naħa l-oħra, tittrasferixxi dawn l-assi lil RWE.
16 Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni M.8870 qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Volum 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ eżami fil-fond, skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament Nru 139/2004.
17 Fl‑14 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004. Din it-talba għal informazzjoni fittxet li tikseb id-dokumenti relatati mal-investigazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti tal-klijenti tagħha bejn l‑2016 u l‑2018 dwar il-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem it-“talba għal informazzjoni”). Ir-rikorrenti wieġbet din it-talba fil‑21 ta’ Marzu 2019.
18 Fit‑18 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-avviż tal-bidu ta’ proċeduri f’Il-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2019, C 102, p. 2), skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament Nru 139/2004.
19 Fit‑12 ta’ April 2019, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-uffiċjal tas-seduta li permezz tagħha talbitu jagħtiha l-istatus ta’ terz interessat sabiex tinstema’ fil-kuntest tal-proċedura dwar il-konċentrazzjoni M.8870. Dan laqa’ din it-talba permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ April 2019.
20 F’laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali li saret fis‑27 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni informat lill-partijiet fil-konċentrazzjoni bir-riżultati preliminari tal-istudju tas-suq u l-firxa tat-tħassib preliminari tagħha.
21 Sabiex tirrimedja l-problemi relatati mal-kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni fil-laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali tas‑27 ta’ Mejju 2019, E.ON ippreżentat, fl‑20 ta’ Ġunju 2019, offerta ta’ impenji, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004.
22 Il-Kummissjoni wettqet it-tieni investigazzjoni tas-suq, relatata mal-impenji proposti minn E.ON (iktar ’il quddiem it-“tieni investigazzjoni tas-suq”), u għalhekk fil‑21 ta’ Ġunju 2019 bagħtet lil ċerti impriżi, inkluża r-rikorrenti, żewġ kwestjonarji, wieħed dwar l-impenji proposti għas-suq tal-elettriku użat għat-tisħin u l-ieħor dwar dawk proposti għas-suq tal-elettromobbiltà. Ir-rikorrenti wieġbet din l-investigazzjoni fis‑26 ta’ Ġunju 2019.
23 E.ON ippreżentat verżjoni finali tal-impenji tagħha fit‑3 ta’ Lulju 2019.
D. Id‑Deċiżjoni kkontestata
24 Peress li l-Kummissjoni qieset li l-impenji ppreżentati minn E.ON kienu suffiċjenti sabiex ineħħu d-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern, hija ma bagħtitx dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil E.ON u adottat id-Deċiżjoni kkontestata. B’din id-deċiżjoni, li ġie ppubblikat sommarju tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2020, C 379, p. 16), il-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE.
25 Il-konċentrazzjoni twassal għal sovrappożizzjonijiet sinjifikattivi bejn l-attivitajiet ta’ E.ON u dawk ta’ innogy, b’mod partikolari fil-Ġermanja. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq ta’ dan il-pajjiż.
[omissis]
ta’ [omissis]
[omissis]
[omissis]
[omissis]
[omissis]
II. It‑talbiet tal‑partijiet
74 Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-Deċiżjoni kkontestata ;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
75 Il-Kummissjoni, sostnuta minn RWE u minn E.ON, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
III. Id‑dritt
76 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, sitt motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq diviżjoni żbaljata tal-analiżi tal-operazzjoni globali, it-tieni wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed ibbażat fuq ksur tad-dritt tagħha għal smigħ, ir-raba’ wieħed ibbażat fuq ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-ħames wieħed ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u s-sitt wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ diliġenza.
[omissis]
E. Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni
170 Permezz tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-konċentrazzjoni kienet kompatibbli mas-suq intern, meta hija kellha tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004. B’hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tfittex il-punti ta’ fatt deċiżivi kollha li setgħu jippermettulha tipprevedi x’impatt kien ser ikollha l-konċentrazzjoni, inklużi l-ħafna effetti vertikali, u kellha ssegwi, b’mod partikolari, it-teoriji ta’ preġudizzju fl-ekonomija diġitali u d-data li tirriżulta mill-ammont eċċezzjonali ta’ data tal-klijenti li għaliha għandha aċċess E.ON u l-preżenza tagħha fuq il-kanali tal-kontrolluri tal-aċċess.
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
171 Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern il-konċentrazzjonijiet li jostakolaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.
172 Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ prova, mis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punti 50 sa 53), jirriżulta li l-Kummissjoni hija, fil-prinċipju, marbuta li tieħu pożizzjoni jew fis-sens tal-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni quddiemha, jew f’dak tal-projbizzjoni tagħha, skont l-evalwazzjoni tagħha tal-iżvilupp ekonomiku l-iktar probabbli attribwibbli għall-operazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant din hija evalwazzjoni ta’ probabbiltajiet u mhux obbligu li għandha l-Kummissjoni li tipprova mingħajr dubju raġonevoli li konċentrazzjoni ma tqajjimx problemi ta’ kompetizzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 47).
173 F’dan il-kuntest, hija l-Kummissjoni li għandha l-kompitu li tevalwa b’mod ġenerali r-riżultat tas-sensiela ta’ indizji użati sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, jista’ jkun li ċerti elementi jiġu pprivileġġati u oħrajn jiġu mwarrba. Dan l-eżami u l-motivazzjoni tiegħu huma suġġetti għal stħarriġ tal-legalità mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 136).
174 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli li huma l-bażi tar-Regolament Nru 139/2004 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti tal-mod kif tiġi eżerċitata din is-setgħa, li huwa essenzjali skont id-definizzjoni tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, għandu jsir hekk kif jirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
175 Minn dan isegwi li l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar konċentrazzjonijiet huwa limitat għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti u għall-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).
176 Madankollu, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tonqos milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39, u tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 54).
177 Għandu jitfakkar ukoll li l-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni materjali li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kinitx tqajjem problemi ta’ kompatibbiltà mas-suq intern, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004, taqa’ taħt il-portata tal-eżami tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni bbażatx ruħha ġustament fuq id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, għandu jiġi analizzat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti tal-proġett ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013 Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 48).
178 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni.
179 Il-ħames motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq delimitazzjoni żbaljata tal-perijodu ta’ analiżi, it-tieni waħda fuq definizzjoni żbaljata tas-swieq rilevanti u t-tielet waħda fuq evalwazzjoni żbaljata tal-effetti tal-konċentrazzjoni. Madankollu, qabel ma jiġu eżaminati dawn it-tliet partijiet, huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kritika magħmula mir-rikorrenti dwar l-elementi meqjusa mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-analiżi tagħha.
2. Fuq l‑elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni għall‑analiżi tagħha
a) Fuq l‑informazzjoni mogħtija mill‑partijiet fil‑konċentrazzjoni u d‑data rilevanti kollha
180 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq l-indikazzjonijiet mogħtija mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, mingħajr ma wettqet eżami kritiku tagħhom, u li injorat sorsi oħra ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet diverġenti li saru mis-suq.
181 Fl-ewwel lok, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni kif ukoll id-data pprovduta mir-rikorrenti, jiġifieri referenzi aċċessibbli għall-pubbliku, l-istudju LBD, dak ta’ Ottubru 2020 imwettaq mill-Büro für Energiewirtschaft und technische Planung GmbH (BET), intitolat “Kurzgutachten zu den Ergebnissen der Marktbefragung im Zusammenhang mit der Neuaufteilug der Geschäftsfelder zwischen E.ON und RWE/innogy” (Sommarju tal-perizja dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq relatata mar-riallokazzjoni ta’ oqsma ta’ attività bejn E.ON u RWE/innogy, iktar ’il quddiem l-“istudju BET”), u dak tat‑13 ta’ Jannar 2021 imwettaq minn Innoplexia, intitolat “Digitale Marktbeobachtung. Deutschlandweite Erhebung zur Untersuchung von dominanten Stellungen deutscher Energieversorger” (Osservazzjoni diġitali tas-suq. L-investigazzjoni fil-Ġermanja dwar il-pożizzjoni dominanti tal-fornituri tal-enerġija Ġermaniżi, iktar ’il quddiem l-“istudju Innoplexia”), jikkontradixxu l-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni. B’hekk, kieku l-Kummissjoni ħadet il-passi preliminari meħtieġa, setgħet u kellha tiċħad il-konklużjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni.
182 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma tistax issostni b’mod validu li l-istudji BET u Innoplexia għandhom jiġu injorati fl-intier tagħhom, fuq il-bażi li tħejjew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-istudju BET huwa ispirat mill-kunċett ta’ investigazzjoni ġenerali mill-Kummissjoni u huwa maħsub biss biex jivvalida l-plawsibbiltà tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, filwaqt li l-istudju Innoplexia jikkwantifika l-preżenza predatorja online ta’ E.ON, li ġiet iddenunzjata b’mod ċar mill-kompetituri tagħha matul il-proċedura, b’tali mod li dawn iż-żewġ studji ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala fatti ġodda li seħħew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.
183 Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON u RWE, issostni li kienet ġabret il-punti ta’ fatt deċiżivi kollha li setgħu jippermettulha tipprevedi l-impatt tal-konċentrazzjoni fuq is-suq intern. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha mhux biss l-għarfien tagħha stess tas-suq, l-informazzjoni pubblika u d-data pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, iżda wkoll informazzjoni minn terzi. Fir-rigward tal-provi, il-Kummissjoni tqis li l-istudji BET u Innoplexia huma inammissibbli, peress li ma kinux jeżistu fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza, il-koerenza u r-robustezza tal-provi prodotti mir-rikorrenti.
184 L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ser tanalizza l-ilment ġenerali li l-Kummissjoni ma qisitx informazzjoni pubblika oħra jew informazzjoni pprovduta minn terzi u bbażat ruħha esklużivament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni. It-tieni, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ammissibbiltà, kif ukoll ir-rilevanza, il-koerenza u r-robustezza tal-istudji ppreżentati mir-rikorrenti, sa fejn għandhom l-għan li juru li l-Kummissjoni ma qisitx il-fatti rilevanti kollha għall-finijiet tal-analiżi tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni.
185 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq l-indikazzjonijiet mogħtija mill-partijiet fil-konċentrazzjoni mingħajr ma wettqet eżami kritiku tagħhom u injorat sorsi oħra ta’ informazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tindikax l-eżistenza ta’ norma ġuridika li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni stess fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew, għall-kuntrarju, li tobbligaha twettaq l-investigazzjoni proprja tagħha tas-suq indipendentement mill-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 126).
186 Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ħeffa u tat-termini stretti imposti fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, hija ma tistax, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet li juru l-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta, tkun marbuta li twettaq verifiki fir-rigward tal-informazzjoni kollha li hija tirċievi. Fil-fatt, minkejja li l-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma jippermettilhiex li tibbaża ruħha fuq elementi jew informazzjoni li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala veri, dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa jippreżupponi, madankollu, li hija ma tistax tivverifika waħedha, fl-iċken dettall, l-awtentiċità u l-affidabbiltà tal-komunikazzjonijiet kollha mibgħuta lilha, sa fejn il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tistrieħ neċessarjament u sa ċertu punt fuq il-fiduċja (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il‑Kummissjoni, T‑240/18, EU:T:2021:723, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).
187 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, huma previsti diversi miżuri intiżi sabiex jiskoraġġixxu u jippenalizzaw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni ineżatta jew qarrieqa. Fil-fatt, mhux biss, il-partijiet li jippreżentaw in-notifika huma suġġetti, abbażi tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 802/2004, għall-obbligu espliċitu li jipprovdulha b’mod sħiħ u onest il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti għad-deċiżjoni, obbligu li huwa stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004, iżda l-Kummissjoni tista’ wkoll tirrevoka, abbażi tal-Artikolu 6(3)(a) u tal-Artikolu 8(6)(a) tar-Regolament Nru 139/2004, id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà jekk din id-deċiżjoni hija bbażata fuq indikazzjonijiet ineżatti li għalihom waħda mill-impriżi kkonċernati hija responsabbli jew jekk tkun inkisbet b’qerq (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il‑Kummissjoni, T‑240/18, EU:T:2021:723, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
188 B’hekk, xejn ma jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha esklużivament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet tal-ineżattezza tagħhom, u sa fejn dawn jikkostitwixxu d-data rilevanti kollha li għandha titqies fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa.
189 F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha parzjalment fuq id-data ppreżentata mill-partijiet fil-konċentrazzjoni. Madankollu, qari tad-Deċiżjoni kkontestata kollha jiżvela li l-Kummissjoni ma straħitx b’mod indiskriminat fuq l-indikazzjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Għall-kuntrarju, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-affidabbiltà tad-data pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni lill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li dik id-data ġiet ikkorroborata mill-elementi l-oħra li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Bħala eżempju, fil-punti 81 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet eżami kritiku tad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku tal-provvista bl-imnut tal-elettriku, fid-dawl tal-istudju LBD. Bl-istess mod, fil-punt 230 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni qabblet l-affermazzjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni dwar ir-relazzjoni kompetittiva tagħhom fil-kuntest ta’ sejħiet għall-offerti għal konċessjonijiet tal-elettriku u tal-gass, mill-perspettiva ta’ ċerti kompetituri. Barra minn hekk, fil-punt 293 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabblet ukoll l-informazzjoni li ġabret matul l-istudju tas-suq tagħha, fir-rigward tal-effetti possibbli ta’ restrizzjoni tal-kompetituri li jkollhom is-siti internet tat-tqabbil tal-prezzijiet, mal-għarfien tas-suq tagħha stess. Minbarra dan, fil-punt 191 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indirizzat l-indikazzjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni filwaqt li qieset informazzjoni rilevanti oħra bħar-rapporti tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, fir-rigward tal-primjum sinjifikattiv għall-istazzjonijiet tas-servizz li jinsabu fuq l-awtostradi meta mqabbla mal-istazzjonijiet tas-servizz li jinsabu fil-viċinanza immedjata tal-awtostradi u dawk li ma jinsabux fl-awtostradi.
190 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni vverifikat id-data pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni fid-dawl tad-data kollha disponibbli għaliha. B’hekk, l-informazzjoni kollha meqjusa mill-Kummissjoni kienet tinkludi mhux biss indikazzjonijiet mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, iżda wkoll informazzjoni pubblika oħra u informazzjoni oħra miġbura minn terzi permezz ta’ talbiet għal informazzjoni, għal investigazzjonijiet tas-suq jew għal intervisti, kif jirriżulta, pereżempju, mill-punti 12, 13, 21 jew 58 tad-Deċiżjoni kkontestata.
191 Għalhekk, għandu jiġi konkluż, mingħajr ma tiġi ppreġudikata, f’dan l-istadju, il-kwistjoni dwar jekk, fil-partijiet speċifiċi kollha tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni fil-fatt qisitx l-elementi kollha rilevanti għaliha, li hija fittxet, b’mod ġenerali, li tiġbor il-provi rilevanti li setgħet tippermettilha tipprevdi x’impatt kien ser ikollha l-konċentrazzjoni u li kkontroverifikathom.
192 Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha hijiex biżżejjed għall-analiżi tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 109) u li tevalwa b’mod globali r-riżultat tas-sensiela ta’ indizji użati sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni. Fl-applikazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-Kummissjoni tista’ tipprivileġġa ċerti elementi u twarrab oħrajn. Il-Qorti Ġenerali għandha tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-eżami u r-raġunijiet għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 136).
193 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement tiddikjara, essenzjalment, li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-fatti b’mod żbaljat jew inkomplet billi injorat ċerta provi. Madankollu, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset il-provi kollha għad-dispożizzjoni tagħha u li hija pprivileġġat uħud minnhom u warrbet oħrajn, skont il-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha, billi qabblet il-provi kollha u indikat, b’mod ġenerali, ir-raġunijiet għaliex iddeċidiet li ma tikkunsidrax ċerti indikazzjonijiet.
194 Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tliet studji ppreżentati mir-rikorrenti, imfakkra fil-punt 181 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li ġie deċiż li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 260 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-legalità ta’ deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi evalwata, skont il-ġurisprudenza stabbilita, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni fiż-żmien meta tkun adottatha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).
195 Konsegwentement, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata skont l-elementi fattwali li kienu jeżistu fil-jum meta ttieħdet u mhux fid-dawl tal-effetti fattwali li seħħu warajha (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 204).
196 Għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fis‑17 ta’ Settembru 2019. Fir-rigward tal-istudju LBD, datat id‑9 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni għamlet riferiment espliċitu għal dan l-istudju fid-Deċiżjoni kkontestata fil-punti 81, 83, 84 u 86, kif ukoll fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 79, 80, 84, 85, 90 sa 92 u 315. Konsegwentement, mhux biss dan l-istudju huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, iżda l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma qisitux meta eżaminat l-effetti tal-konċentrazzjoni.
197 Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-istudju BET, datat Ottubru 2020, u l-istudju Innoplexia, datat it‑13 ta’ Jannar 2021, tħejjew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.
198 Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka, b’mod ġenerali, il-ġurisprudenza li tgħid li l-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li jeżistu meta ġiet adottata d-Deċiżjoni kkontestata (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, EU:T:2005:333, punt 158) biex twarrab dawn iż-żewġ studji għall-fini tal-analiżi tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata.
199 Fil-fatt, sa fejn il-preżentata ta’ anness ma tikkostitwixxix tentattiv sabiex jinbidel il-kuntest ġuridiku u fattwali li preċedentement il-Kummissjoni kellha quddiemha sabiex tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, iżda tagħmel parti mill-kostituzzjoni ta’ serje ta’ argumenti dwar is-sempliċi implimentazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, dan l-anness għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 63).
200 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-istudji BET u Innoplexia tħejjew speċifikament sabiex jikkontestaw il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 199 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li l-istudji BET u Innoplexia jiġu ddikjarati inammissibbli sempliċement minħabba li tħejjew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jiġi analizzat il-kontenut tagħhom, sabiex jiġi vverifikat jekk jikkostitwixxux tentattiv sabiex jinbidel il-kuntest ġuridiku jew fattwali eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.
201 Madankollu, il-Kummissjoni għandha d-dritt li bħala difiża ssostni, fuq punti preċiżi, il-fatt li dan ir-rapport injora d-dikjarazzjonijiet espressi jew l-ommissjonijiet tal-partijiet matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, EU:T:2005:333, punt 158). Bl-istess mod, l-analiżi ta’ anness dwar punt speċifiku tista’ tkun ibbażata fuq informazzjoni eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 198 iktar ’il fuq. Fi kliem ieħor, xejn ma jimpedixxi lil rikorrent, fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tiegħu, milli jagħmel riferiment għal analiżi li tinsab f’anness imwettqa wara l-adozzjoni tal-att ikkontestat, sakemm din l-analiżi tkun ibbażata fuq elementi fattwali disponibbli meta ġie adottat l-imsemmi att.
202 L-ewwel nett, fir-rigward tal-istudju BET, fit-Taqsima 2 tiegħu, dan jinkludi kritika tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni tas-suq. Issa, tali kritika għandha titqies bħala parti integrali mill-argument li jinvoka d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Għalhekk, din it-taqsima tal-istudju BET hija ammissibbli.
203 Min-naħa l-oħra, it-Taqsima 3 tal-istudju BET tippreżenta r-riżultati ta’ investigazzjoni tas-suq imwettqa mill-BET bejn id‑29 ta’ Lulju u t‑18 ta’ Awwissu 2020, kważi sena sħiħa wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-punt 41 tat-Taqsima 3 tal-imsemmi studju.
204 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx, u lanqas ma sostniet, li l-opinjoni tal-impriżi parteċipanti kienet l-istess bħal kif kienet tkun kieku ġew mistoqsija fiż-żmien meta ġiet adottata d-Deċiżjoni kkontestata. Issa, minħabba, barra minn hekk, in-natura dinamika tas-suq tal-enerġija, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li t-tweġibiet tal-impriżi li pparteċipaw fl-istudju BET, kważi sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, inbidlu b’mod parallel mal-iżvilupp tas-suq tal-enerġija. Barra minn hekk, it-tweġibiet ingħataw f’kuntest fejn il-konċentrazzjoni kienet diġà seħħet. B’hekk, l-analiżi tat-tweġibiet twettqet fuq il-bażi ta’ elementi fattwali li l-Kummissjoni ma setax ikollha meta adottat id-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx tkun taf x’kienet ser tkun l-opinjoni tal-atturi fis-suq kważi sena wara, speċjalment wara t-twettiq tal-konċentrazzjoni.
205 Peress li s-sitwazzjoni tas-suq tal-enerġija fiż-żmien meta sar l-istudju BET kienet neċessarjament differenti mis-sitwazzjoni tiegħu fiż-żmien meta l-Kummissjoni wettqet l-investigazzjonijiet proprji tagħha, ir-rilevanza u l-valur probatorju tal-analiżijiet imwettqa fl-istudju BET abbażi ta’ din id-data sussegwenti huma, fl-aħjar każ, limitati. Fil-fatt, l-użu ta’ din id-data ma huwiex biss parti mil-linja ta’ argument li tinvoka d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, iżda jikkostitwixxi, tal-inqas parzjalment, tentattiv sabiex jinbidel il-kuntest fattwali eżistenti meta l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 199 iktar ’il fuq.
206 It-tieni, fir-rigward tal-istudju Innoplexia, għandu jiġi rrilevat li l-ġbir tad-data użata f’dan l-istudju sar f’żewġ stadji. Minn naħa, il-ġbir tad-data ta’ kuljum twettaq fil-Ġermanja kollha bejn l‑4 u s‑17 ta’ Diċembru 2020 fuq il-magna tat-tiftix Google u ż-żewġ siti internet ta’ tqabbil “Check24” u “Verivox”. Min-naħa l-oħra, sabiex tinkludi wkoll data minn siti internet ta’ tqabbil fl-investigazzjoni fuq perijodu itwal, Innoplexia rrikorriet għal scan permanenti tad-data għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2020.
207 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-magna tat-tiftix Google kif ukoll is-siti internet ta’ tqabbil “Check24” u “Verivox” juru r-riżultati tal-offerti li l-operaturi joffru f’ħin partikolari. Dawn il-pjattaformi huma għalhekk suġġetti għall-istess dinamika li tinbidel bħas-suq tal-enerġija.
208 Issa, ir-rikorrenti ma wrietx, u lanqas ma sostniet, li r-riżultati miksuba kienu ser ikunu l-istess kieku d-data kienet inġabret matul il-perijodu li matulu l-Kummissjoni wettqet l-analiżi proprja tagħha. Għalhekk, kif ġie kkonstatat fir-rigward tal-istudju BET, huwa raġonevoli li jitqies li dawn ir-riżultati nbidlu maż-żmien, peress li s-suq tal-enerġija nnifsu nbidel.
209 Barra minn hekk, minn dan l-istudju jirriżulta b’mod ċar li Innoplexia kellha data mill-iskennjar permanenti tas-siti internet, li jimitaw l-aġir tat-tiftix tal-bnedmin u jippermettu li jiġu pproċessati diversi miljuni ta’ talbiet kuljum, fuq diversi snin. Madankollu, filwaqt li setgħet intużat data kontemporanja għall-istudju tas-suq tal-Kummissjoni, Innoplexia għażlet li tuża d-data mill‑2020.
210 Meta jitqies li l-analiżi tal-istudju Innoplexia kienet ibbażata l-iktar fuq data mill‑2020, jiġifieri minn wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, l-użu ta’ din id-data jikkostitwixxi, tal-inqas parzjalment, tentattiv sabiex jinbidel il-kuntest fattwali eżistenti meta l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 199 iktar ’il fuq. Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li huma ammissibbli, ir-rilevanza u l-valur probatorju ta’ dawn l-analiżijiet huma, fl-aħjar każ, limitati.
211 Fl-aħħar nett, l-istudji BET u Innoplexia ppreżentati mir-rikorrenti ma jsemmu l-ebda data li l-Kummissjoni naqset milli tqis meta adottat id-Deċiżjoni kkontestata. B’hekk, ma huwiex permezz ta’ dawn l-istudji li r-rikorrenti tista’ turi li l-Kummissjoni naqset milli tqis ċerta data.
b) Fuq l‑ewwel investigazzjoni tas‑suq tal‑Kummissjoni
212 Ir-rikorrenti tqis li d-disinn, il-forma, it-terminu u l-kontenut tal-ewwel investigazzjoni tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni ma kinux ottimali.
213 Il-Kummissjoni tqis li l-iżvolġiment tal-ewwel investigazzjoni tas-suq kien korrett.
214 L-ewwel nett, fir-rigward tal-kampjun magħżul għall-finijiet tal-ewwel investigazzjoni tas-suq, min-nota f’qiegħ il-paġna 52 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li effettivament ipparteċipaw 161 impriża fl-ewwel investigazzjoni tas-suq, inklużi, minbarra l-kompetituri sinjifikattivi bħalma huma EnBW u Vattenfall, iktar minn 50 impriża muniċipali ta’ daqsijiet differenti, kooperattivi ta’ impriżi muniċipali, kumpanniji li fihom il-muniċipalitajiet jew l-impriżi muniċipali tagħhom biss kellhom ishma, kumpanniji li fihom kemm l-impriżi muniċipali u l-fornituri indipendenti kellhom ishma, kumpanniji li fihom il-fornituri indipendenti biss kellhom ishma, fornituri indipendenti kif ukoll parteċipanti ġodda fis-suq.
215 B’hekk, il-Kummissjoni għażlet firxa wiesgħa ta’ atturi fis-suq sabiex iwieġbu l-investigazzjoni tas-suq tagħha.
216 Sabiex jiġi ddeterminat id-daqs korrett tal-kampjun għall-finijiet tal-istudju tas-suq, huwa meħtieġ li jitqies, l-ewwel nett, id-daqs tal-popolazzjoni li fosthom kien ser jitwettaq l-istħarriġ, it-tieni, il-livell ta’ kunfidenza, li huwa l-perċentwali li jindika l-grad ta’ ċertezza li bih il-popolazzjoni ser tagħżel tweġiba bejn żewġ valuri mogħtija, u, it-tielet, il-marġni ta’ żball, li jikkorrispondi għall-perċentwali li jindika sa liema punt ir-riżultati tal-istħarriġ jistgħu jirriflettu l-opinjoni tal-popolazzjoni ġenerali.
217 F’dan il-każ, il-popolazzjoni totali hija madwar 2 500 impriża li l-opinjoni tagħhom tista’ tkun utli. Għal livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %, li huwa l-istandard fl-industrija, u marġni ta’ żball ta’ 10 %, id-daqs tal-kampjun xieraq ikun ta’ 93 rispondent. B’hekk, billi intervistat lil 383 impriża fis-suq tal-enerġija, li minnhom seta’ jkun mistenni li numru ma kinux ser iwieġbu, il-Kummissjoni fittxet li tikkostitwixxi kampjun rappreżentattiv biżżejjed.
218 Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata b’mod validu talli kkuntattjat biss lil 383 impriża, peress li l-loġistika u l-organizzazzjoni ta’ tali investigazzjoni jikkostitwixxu sforz sinjifikattiv, kif jikkostitwixxi wkoll l-ipproċessar sussegwenti tal-informazzjoni, iktar u iktar jekk jitqiesu r-riżorsi limitati tal-Kummissjoni kif ukoll ir-rekwiżiti tal-ħeffa imposti fuqha fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. B’hekk, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-ħeffa li jirregola l-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tqis li, peress li 161 mit‑383 impriża li ntalbu jwieġbu fil-fatt wieġbu għall-ewwel investigazzjoni tas-suq, dan il-kampjun jista’ jitqies rappreżentattiv biżżejjed u li jista’ jagħti riżultati sinjifikattivi li fuqhom il-Kummissjoni setgħet tibbaża l-konklużjonijiet tagħha.
219 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-kwestjonarju ntbagħat bl-Ingliż. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-mistoqsijiet saru bl-Ingliż, iżda li xejn ma impedixxa lill-impriżi destinatarji milli jwieġbu bil-Ġermaniż.
220 Fis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni (T‑441/14, EU:T:2018:453), ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u d-drittijiet ta’ difiża tagħhom billi kkomunikatilhom bit-talbiet għal informazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-Ingliż biss fil-kuntest ta’ proċedura dwar akkordji, għalkemm waħda mir-rikorrenti kienet talbet, f’diversi okkażjonijiet, li tikkomunika bil-Ġermaniż. Fil-punti 46 sa 50 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rifjut tal-Kummissjoni li tindirizza t-talbiet għal informazzjoni lil Brugg Kabel AG bil-Ġermaniż ma kienx impedixxa lil din tal-aħħar milli tagħti l-fehma utli tagħha dwar l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet eżiġiet li Brugg Kabel twieġeb għat-talbiet għal informazzjoni bl-Ingliż.
221 L-applikazzjoni a fortiori ta’ din il-ġurisprudenza twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li l-kwestjonarju tal-ewwel investigazzjoni tas-suq, li, fih innifsu, ma kienx ta’ natura li jwassal għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kontra l-impriżi li lilhom kien indirizzat, seta’ jinkiteb bl-Ingliż. Barra minn hekk, kieku l-impriżi sabu problemi bit-traduzzjoni, setgħu jitolbu estensjoni tat-terminu għal raġunijiet lingwistiċi. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li xejn ma impedixxihom milli jagħtu l-fehma tagħhom b’mod utli, peress li setgħu jwieġbu bil-Ġermaniż il-mistoqsijiet li saru bl-Ingliż.
222 B’hekk, minħabba fuq kollox il-ħtieġa tal-ħeffa, il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa tittraduċi l-mistoqsijiet fil-lingwi mitluba mill-impriżi intervistati.
223 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li tali soluzzjoni hija iktar u iktar raġonevoli peress li l-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet tas-suq fid-diversi swieq ġeografiċi kkonċernati, inklużi r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja, u r-Renju Unit. Issa, ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tittraduċi l-kwestjonarji tagħha fil-lingwi tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom twettaq l-investigazzjonijiet tas-suq tagħha kien ikun sproporzjonat f’termini ta’ spejjeż għas-servizzi tal-Kummissjoni u inkompatibbli mal-ħtieġa tal-ħeffa imposta fuqha.
224 Fit-tielet lok, huwa meħtieġ li tiġi analizzata l-kumplessità tal-kwestjonarju u t-terminu għat-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tirrikonċilja l-ħtieġa li twettaq investigazzjoni sħiħa sabiex ikollha l-elementi rilevanti kollha għall-evalwazzjoni tagħha mal-ħtieġa tal-veloċità imposta fuqha. B’hekk, minn naħa, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li staqsiet 228 mistoqsija. Min-naħa l-oħra, għalkemm it-terminu mogħti għat-tweġibiet kien qasir, il-fatt li 161 impriża wieġbu fit-terminu, kif ukoll il-fatt li l-impriżi setgħu jitolbu estensjoni tal-iskadenza, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx id-dmir ta’ diliġenza tagħha f’dan ir-rigward.
225 Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel investigazzjoni tas-suq twettqet b’mod korrett. Għalhekk, ma tistax titqies li, fiha nnifisha, hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
3. Fuq l‑ewwel parti tal‑ħames motiv, ibbażata fuq delimitazzjoni żbaljata tal‑perijodu ta’ analiżi
226 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq kunsiderazzjonijiet tal-passat mingħajr ma għamlet l-ebda previżjoni, u dan b’mod partikolari fir-rigward tas-suq tal-elettromobbiltà u tas-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ.
227 Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika d-delimitazzjoni tal-perijodu ta’ analiżi fir-rigward, l-ewwel nett, tas-suq tal-elettromobbiltà u, it-tieni, tas-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ.
228 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
229 Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ma kkunsidratx l-impatt, fil-futur, tal-fatt li E.ON, bis-saħħa tal-konċentrazzjoni u l-attivitajiet li kienet ser tkun tista’ tiżviluppa fis-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ, kienet ser tiġbor ħafna data li tippermettilha toffri soluzzjonijiet innovattivi lill-konsumaturi.
230 Għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk konċentrazzjoni hijiex ta’ natura li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Dan jirriżulta mill-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004.
231 Tali kontroll ta’ konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni jeħtieġ analiżi prospettiva li tikkonsisti f’eżami ta’ kif tali tranżazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex tistabbilixxi jekk minn dan jirriżultax ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Din l-analiżi prospettiva teħtieġ li jiġu mbassra diversi xejriet ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema minnhom huma l-iktar probabbli (sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni, T‑48/04, EU:T:2009:212, punt 88, u tad‑9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il‑Kummissjoni, T‑175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 43).
232 Barra minn hekk, kif tfakkar, essenzjalment, fil-punt 94 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi għandha ssir biss fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument meta tiġi kkomunikata din il-konċentrazzjoni u mhux fuq il-bażi ta’ elementi ipotetiċi li l-portata ekonomika tagħhom ma tistax tiġi evalwata fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑279/04, mhux ippubblikata, EU:T:2010:384, punt 327 u l-ġurisprudenza ċċitata).
233 Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija mistennija twettaq evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq perijodu li t-tul massimu tiegħu ma jistax jaqbeż il-perijodu li fih seħħew, sa ċertu grad ta’ ċertezza suffiċjenti, ċerti avvenimenti. Iktar ma jkun ’il bogħod fiż-żmien l-avveniment previst, iktar tkun kbira l-inċertezza dwar jekk hux ser iseħħ. F’dan is-sens, il-Kummissjoni ma tistax tintalab twettaq analiżi prospettiva fuq il-bażi ta’ elementi li hija ma tkunx f’pożizzjoni li tipprevedi, b’marġni ta’ żball raġonevoli, l-effetti tagħhom fuq perijodu twil ta’ żmien.
234 F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset fl-analiżi tagħha elementi prospettivi li ppreżentaw livell suffiċjenti ta’ prevedibbiltà sabiex ikunu rilevanti.
235 L-ewwel nett, fir-rigward tas-settur tal-elettromobbiltà, mill-punt 183 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset l-iżvilupp parallel tal-għadd ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u l-bejgħ tal-vetturi elettriċi stess, li huma mistennija li jiżdiedu b’madwar 27 % fis-sena sal‑2029. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-punt 193 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipanti fis-suq kienu jistennew li l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar ultrarapidi jsiru dejjem aktar komuni u li l-prezzijiet għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar rapidi u ultrarapidi kienu ser jinbidlu, u, fil-punt 199, li l-parteċipanti fis-suq kienu jistennew li s-settur tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi kien ser jiżviluppa bl-istess mod bħal dak tal-istazzjonijiet tas-servizz tradizzjonali li għalihom il-kundizzjonijiet kompetittivi fil-livell lokali jinfluwenzaw l-istrateġija tal-operaturi tal-fjuwil. Bl-istess mod, fil-punt 385 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal żviluppi prevedibbli fis-suq tal-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar ordinarji u rapidi, li qiegħed jiżviluppa malajr. Huwa previst minn dan li ser jidħlu atturi ġodda fis-suq, inkluża Deutsche Telekom, li reċentement ħabbret l-intenzjoni tagħha li tintegra l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi fil-kaxxi tad-distribuzzjoni tan-network telefoniku, jew Volkswagen, li wkoll ħabbret l-intenzjoni tagħha li tidħol fis-suq tal-elettromobbiltà u li għandha l-għan li tibni stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi għall-vetturi elettriċi fil-faċilitajiet tal-4 000 konċessjonarju tal-karozzi tagħha u stazzjonijiet tas-servizz imsieħba madwar l-Ewropa.
236 B’hekk, mill-punti 183, 193, 199 u 385 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx l-analiżi tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni għall-eżami tas-sitwazzjoni dakinhar tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, iżda kienet qieset l-iżvilupp prevedibbli tas-settur tal-elettromobbiltà.
237 It-tieni nett, fir-rigward tas-settur tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ li fih ir-rikorrenti tqis li l-pożizzjoni dominanti ta’ E.ON tagħtiha wkoll il-pożizzjoni ta’ mexxejja fil-qasam tas-soluzzjonijiet għall-klijenti ibbażati fuq l-isfruttament tad-data, ir-rikorrenti ma tidentifikax speċifikament l-iżviluppi li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, u lanqas il-perijodu li kien ikun rilevanti f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, hija sempliċement issostni li, sa fejn il-Kummissjoni ma taqbilx mal-previżjonijiet tagħha ta’ effetti dannużi, l-analiżi prospettiva tal-Kummissjoni ma hijiex korretta.
238 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tabilħaqq analizzat x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni fuq dan il-qasam u indikat, fil-punt 423 tad-Deċiżjoni kkontestata, li data supplimentari lil hinn minn massa kritika mhux neċessarjament tipprovdi valur supplimentari. Bl-istess mod, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 424 tad-Deċiżjoni kkontestata, li kien hemm inċertezza kbira dwar il-kwantità minima (u t-tip) ta’ data meħtieġa għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda tal-enerġija.
239 Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex l-elementi li jippermettulha twettaq analiżi prospettiva bbażata fuq perijodu itwal minn dak li adottat. Għaldaqstant, hija ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-delimitazzjoni tal-perijodu prospettiv ta’ analiżi.
240 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 432 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-limiti tal-analiżi tagħha, u indikat li s-suq tal-elettriku kien qiegħed jinbidel ħafna, u li, anki fost il-parteċipanti fis-suq, ma kien hemm l-ebda kunsens dwar kif is-suq kien ser jevolvi fl-aħħar mill-aħħar.
241 Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, minħabba l-inċertezzi dwar l-iżvilupp tas-suq tal-elettriku b’mod ġenerali, il-Kummissjoni ma setgħetx testendi b’mod raġonevoli l-analiżi prospettiva tagħha għal perijodu itwal minn dak li għażlet. Għaldaqstant, hija ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-delimitazzjoni tal-perijodu ta’ analiżi.
242 Għalhekk, l-ewwel parti, ibbażata fuq delimitazzjoni żbaljata tal-perijodu ta’ analiżi, għandha tiġi miċħuda.
4. Fuq it‑tieni parti tal‑ħames motiv, ibbażata fuq definizzjoni żbaljata tas‑swieq rilevanti
243 F’dan il-każ, il-Kummissjoni pproċediet biex tiddefinixxi s-swieq rilevanti fil-Ġermanja fit-Taqsima 7.1 tad-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni analizzat id-definizzjoni ta’ swieq tal-prodotti u dawk ġeografiċi fl-oqsma li ġejjin: il-ġenerazzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku (Taqsima 7.1.1), id-distribuzzjoni tal-elettriku jew in-networks tal-elettriku (Taqsima 7.1.2), il-provvista bl-imnut tal-elettriku (Taqsima 7.1.3), il-provvista bl-imnut tal-elettriku użat għat-tisħin (Taqsima 7.1.4), id-distribuzzjoni tal-gass jew tan-networks tal-gass (Taqsima 7.1.5), il-provvista bl-imnut tal-gass (Taqsima 7.1.6), is-servizzi tal-qari tal-arloġġ (Taqsima 7.1.7) u l-elettromobbiltà (Taqsima 7.1.8).
a) Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq id‑definizzjoni żbaljata tas‑swieq tal‑provvista bl‑imnut tal‑elettriku u tal‑gass
244 Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma eżaminatx biżżejjed il-fatti fis-settur tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar u li ddefinixxiet is-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass b’mod manifestament żbaljat.
245 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kienet iddefinixxiet is-suq tal-prodotti rilevanti b’mod ineżatt, fis-sens li ma kinitx qieset suffiċjentement il-fehma tal-konsumaturi. Għalhekk, hija kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li s-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-konsumaturi kummerċjali żgħar bħala parti mill-provvista bażika kien ser ikun differenti mis-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-konsumaturi kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali.
246 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjoni żbaljata tad-definizzjoni ġeografika tas-suq għall-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar, billi qieset b’mod żbaljat, għas-suq tal-klijenti li jibbenefikaw minn kuntratti speċjali, li dan kien suq nazzjonali u mhux wieħed lokali. Il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx qieset iż-żieda fil-partijiet mis-suq lokali ta’ E.ON li rriżultat mill-konċentrazzjoni, li f’xi każijiet laħqu s-70 % jew iktar.
247 Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
248 Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, b’mod partikolari, analizzat id-definizzjoni tas-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass fit-Taqsimiet 7.1.3 u 7.1.6 tad-Deċiżjoni kkontestata. Hija kkonkludiet, fil-punt 91 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, għall-finijiet tal-imsemmija deċiżjoni:
– is-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti industrijali kbar kien ser jitqies li huwa ta’ dimensjoni nazzjonali;
– is-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar bħala parti mill-provvista bażika kien ser jitqies bħala suq tal-prodotti distint u li huwa ta’ dimensjoni lokali limitata għaż-żona bażika tal-provvista kkonċernata;
– is-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar u lill-konsumaturi kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali kien ser jitqies bħala suq tal-prodotti distint u li huwa ta’ dimensjoni nazzjonali b’elementi lokali.
249 Fil-punt 129 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-istruttura u l-funzjonament tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-gass kienu simili ħafna għal dawk tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku.
1) Fuq id‑definizzjoni tas‑suq tal‑prodotti rilevanti
250 Fir-rigward tas-suq tal-prodotti rilevanti, il-Kummissjoni analizzat is-suq tal-prodotti għall-provvista bl-imnut tal-elettriku fit-Taqsima 7.1.3.2 (punti 52 sa 62) u tal-provvista bl-imnut tal-gass fit-Taqsima 7.1.6.1 (punti 130 sa 133) tad-Deċiżjoni kkontestata.
251 Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat diversi sorsi ta’ informazzjoni sabiex tiddefinixxi s-swieq tal-prodotti tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass. B’hekk, hija mhux biss analizzat il-perspettivi tal-partijiet fil-konċentrazzjoni (punti 51, 55, 58 u 132), iżda qieset ukoll il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha kif ukoll dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji u tal-Bundesnetzagentur (BNetzA, l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja) (punti 52 sa 54, 58, 130 u 131), informazzjoni mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji (punt 50), ir-regolamenti applikabbli (punti 47, 51, 56 u 133), rapport mill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) (punt 59), it-tweġibiet tal-kompetituri għall-ewwel investigazzjoni tas-suq (punti 58 u 60), kif ukoll id-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni (punt 61). B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni qieset il-provi rilevanti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti pjuttost tikkritika lill-Kummissjoni talli ma waslitx għall-istess konklużjonijiet bħalha. Fil-fatt, il-problema ma hijiex daqstant li l-Kummissjoni injorat provi rilevanti, iżda pjuttost li r-rikorrenti ma taqbilx mal-analiżi tal-imsemmija provi mwettqa mill-Kummissjoni.
252 Bħala kumment preliminari, għandu jiġi rrilevat li, fid-distinzjoni tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-konsumaturi kummerċjali żgħar bħala parti mill-provvista bażika u taħt kuntratti speċjali, il-Kummissjoni fasslet definizzjoni iktar ristretta tas-swieq rilevanti milli kieku ma għamlitx distinzjoni bejn provvista bażika u kuntratti speċjali. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat ukoll, kif jirriżulta mill-punti 55 u 132 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu wkoll tal-opinjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li distinzjoni bejn il-provvista bażika u l-kuntratti speċjali ma kinitx ser tkun xierqa.
253 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, kieku l-Kummissjoni eżaminat l-aġir tad-djar u tal-klijenti kummerċjali żgħar, kellha tikkonstata li l-klijenti li jibbenefikaw mill-provvista bażika ma kinux inerti u li kien hemm permeabbiltà ġenerali bejn it-tariffi tal-provvista bażika u t-tariffi speċjali minħabba s-sostitwibbiltà tal-prodotti omoġenji bħall-elettriku u l-gass.
254 F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-provi ċċitati fil-punt 251 iktar ’il fuq, analizzat ċerti elementi deċiżivi mill-perspettiva tad-domanda.
255 B’hekk, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni fis-suq tal-prodotti bejn klijenti li jibbenefikaw minn provvista bażika u dawk li jibbenefikaw minn kuntratti speċjali, minħabba li ma kienx hemm sostitwibbiltà tad-domanda. Minkejja l-fatt li l-perċentwali ta’ djar fornuti skont it-tariffi bażiċi tal-elettriku qiegħed jonqos b’mod kostanti, minn madwar 59 % fl‑2007 għal 37 % fl‑2012, għal 31 % fl‑2016 u għal 28 % fl‑2017 (punt 50 tad-Deċiżjoni kkontestata ), il-Kummissjoni qieset li t-tariffi tal-provvista bażika tal-elettriku u tal-gass ma kinux materjalment limitati mit-tariffi tal-kuntratti speċjali u li, għalhekk, iż-żewġ tipi ta’ kuntratti kienu jikkostitwixxu żewġ swieq tal-prodotti distinti (punti 62 u 133 tad-Deċiżjoni kkontestata ).
256 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ħafna mill-analiżi tagħha fuq l-inerzja tal-konsumaturi. B’hekk, hija żviluppat parti introduttorja għat-Taqsima 7.1.3.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, li fiha tispjega l-kunċett ta' inerzja tal-klijenti, ikkaratterizzata mill-fatt li, wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Ġermanja fl‑1998, proporzjon sinjifikattiv ta’ klijenti, b’mod partikolari djar u impriżi żgħar, baqgħu mal-fornitur storiku minkejja d-disponibbiltà ta’ offerti iktar kompetittivi, kif inhu l-każ fil-biċċa l-kbira tas-swieq Ewropej tal-elettriku bl-imnut (punt 48 tad-Deċiżjoni kkontestata ). Skont il-Kummissjoni, dan l-effett tal-operatur storiku huwa partikolarment evidenti għall-klijenti li għadhom fornuti taħt kuntratti ta’ provvista bażika, li ma jfittxux li jaqilbu l-fornitur u jżommu mat-tariffi tal-provvista bażika iktar għaljin tal-operatur storiku (punt 50 tad-Deċiżjoni kkontestata ). Għall-Kummissjoni, konċentrazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża jista’ jkollha biss impatt materjali limitat jew ma jkollha l-ebda impatt immedjat fuq dawn il-konsumaturi (punt 49 tad-Deċiżjoni kkontestata ). Il-Kummissjoni tqis li l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għas-settur tal-gass (punt 133 tad-Deċiżjoni kkontestata ).
257 B’hekk, għalkemm il-Kummissjoni ma ssemmix in-natura omoġenja tal-elettriku u tal-gass, li hija ma tikkontestahiex, hija osservat, madankollu, li fl‑2017, minkejja t-tnaqqis gradwali fl-għadd ta’ kuntratti ta’ provvista bażika u l-kundizzjonijiet ġeneralment iktar favorevoli tal-kuntratti speċjali, 28 % tad-djar xorta kellhom dan it-tip ta’ kuntratt għall-provvista tal-elettriku.
258 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ssostanzjat tajjeb l-eżistenza ta’ ċerta inerzja tal-klijenti tal-provvista bażika, li d-domanda tagħha hija inqas elastika, kif muri mill-fatt li, minkejja l-kundizzjonijiet iktar vantaġġużi tal-kuntratti speċjali, parti mid-domanda għadha toqgħod lura milli tibbenefika minn bidla fil-kuntratt.
259 Huwa minnu li t-tnaqqis gradwali fil-kuntratti tal-provvista bażika minħabba s-sottoskrizzjoni għal kuntratti speċjali mill-klijenti jindika ċertu livell ta’ sostituzzjoni tad-domanda bejn il-kuntratti tal-provvista bażika u l-kuntratti speċjali. Madankollu, huwa fil-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tosserva għad hemm għadd sinjifikattiv ta’ kuntratti tal-provvista bażika, li jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ suq tal-prodotti separat. Kien għalhekk mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha biss għall-konstatazzjoni li l-karatteristiċi oġġettivi tal-elettriku u tal-gass kienu omoġenji, iżda analizzat ukoll is-sitwazzjoni kompetittiva u b’mod partikolari l-istruttura tal-provvista u d-domanda fis-suq. Dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud.
260 It-tieni, fir-rigward tal-applikazzjoni allegatament żbaljata tal-kriterju “small but significant non-transitory increase of price” (żieda żgħira, iżda sinjifikattiva u permanenti, tal-prezz, iktar ’il quddiem il-“kriterju SSNIP”), minħabba l-preżentazzjoni żbaljata tar-riżultati tal-ewwel investigazzjoni tas-suq kif ukoll in-nuqqas ta’ test SSNIP fuq skala kbira u l-evalwazzjoni kwantitattiva tat-test SSNIP normalment użat, għandu jitfakkar li dan il-kriterju, skont it-termini tal-punt 17 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Diċembru 1997 dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq”), iqajjem il-mistoqsija dwar jekk żieda fil-prezz ta’ 5 sa 10 % twassalx sabiex il-klijenti li jibbenefikaw minn provvista bażika jagħżlu kuntratti speċjali.
261 F’dan ir-rigward, fil-punt 60 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet, abbażi tal-ewwel investigazzjoni tas-suq, li filwaqt li għadd ta’ rispondenti kienu indikaw li tali żieda fil-prezz tal-kuntratti tal-provvista bażika setgħet twassal għal żieda fil-livell ta’ qlib għall-kuntratti speċjali, kważi 70 % tal-kompetituri kienu wieġbu li ż-żieda fil-qlib probabbilment kienet tkun żgħira jew negliġibbli. B’hekk, il-maġġoranza tal-parteċipanti fis-suq ħassew li ma kien ser ikun hemm l-ebda sostitwibbiltà tad-domanda skont it-termini tal-kriterju SSNIP.
262 Filwaqt li huwa minnu li l-Kummissjoni ma żviluppatx analiżi kwantitattiva jew fuq skala kbira lil hinn mit-tweġibiet tal-kompetituri, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li tevalwa jekk l-informazzjoni disponibbli għaliha hijiex suffiċjenti għall-analiżi kompetittiva (sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 109).
263 Għandu jitfakkar ukoll li ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita ġerarkija bejn “provi mhux tekniċi” u “provi tekniċi”, iżda li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa globalment ir-riżultat tas-sensiela ta’ indizji użati għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva u li huwa possibbli, f’dan ir-rigward, li xi elementi jiġu pprivileġġati u oħrajn jitwarrbu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il‑Kummissjoni, T‑175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 133).
264 Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward mill-maġġoranza tar-rispondenti għall-ewwel investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha kienet biżżejjed għall-analiżi kompetittiva tas-sostitwibbiltà bejn il-kuntratti tal-provvista bażika u dawk speċjali minħabba żieda żgħira, iżda sinjifikattiva u permanenti, tal-prezzijiet tal-kuntratti tal-provvista bażika.
265 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti ma jikkontestax il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kriterju SSNIP. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tindikax liema elementi speċifiċi kellha tanalizza l-Kummissjoni u ma pprovdiet l-ebda element li jqajjem dubju dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-analiżi kwantitattiva ma kinitx rilevanti.
266 It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tikkonstata li r-rata ta’ tibdil tal-fornituri staġnat, mhux minħabba l-inerzja tal-klijenti, iżda minħabba l-ftehim li jaqsam is-suq bejn E.ON u RWE, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, abbażi tad-data pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, analizzat, fil-punt 287 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-proporzjonijiet ta’ devjazzjoni ta’ E.ON lejn innogy fiż-żona fejn E.ON kienet id-DSO bejn l‑2015 u l‑2018, ferm qabel il-konklużjoni tal-ftehim bejn E.ON u RWE.
267 Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat, b’mod żbaljat, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu applikaw mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet differenti għat-tariffi tal-provvista bażika u għat-tariffi speċjali, filwaqt li, fir-realtà, huma kienu applikaw tariffi lokali sabiex jistabbilixxu mhux biss it-tariffi speċjali, iżda wkoll it-tariffi tal-provvista bażika.
268 Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni nnotat, fil-fatt, fil-punti 51 u 60 tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-regolamenti li jirregolaw il-konklużjoni ta’ kuntratti tal-provvista bażika u dawk relatati ma’ kuntratti speċjali kienu differenti. Fil-fatt, fil-Ġermanja, il-leġiżlazzjoni tipprevedi li jista’ jkun hemm biss fornitur bażiku wieħed għal kull żona ta’ provvista u li l-impriża li ser tkun il-fornitur bażiku trid tiġi ddeterminata kull tliet snin mid-DSO kompetenti. B’hekk, il-provvista bażika hija suġġetta għal regolamentazzjoni speċifika. Il-fornitur bażiku għandu obbligu legali li jikkonkludi kuntratti tal-provvista bażika, u jista’ jtemm kuntratt tal-provvista bażika biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, filwaqt li l-klijent jista’ jittermina l-kuntratt fi kwalunkwe mument b’avviż minn qabel ta’ ġimagħtejn biss. Barra minn hekk, il-fornituri bażiċi għandhom obbligu legali li jgħaddu l-ispejjeż legali irrekuperabbli, jiġifieri t-taxxi, it-tariffi ta’ konċessjoni, il-ħlasijiet addizzjonali u l-imposti, bl-eċċezzjoni tat-tariffi tan-network, u għandhom limitazzjonijiet imposti fuq iż-żidiet fil-prezzijiet minħabba l-fatt li ż-żidiet fil-marġni ta’ profitt ma humiex permessi. Fl-aħħar nett, il-varjazzjoni fil-prezzijiet fis-swieq bl-ingrossa tista’ tiġi riflessa biss sa punt limitat fil-prezzijiet bl-imnut tal-provvista bażika.
269 Minn dan jirriżulta li l-iffissar tal-prezzijiet u l-politika tat-tariffi tal-provvista bażika u tal-kuntratti speċjali fl-aħħar mill-aħħar ma humiex komparabbli u li l-Kummissjoni kkonkludiet, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li d-distinzjoni bejn it-tariffi tal-provvista bażika u t-tariffi tal-kuntratti speċjali kienet evidenti wkoll mill-fatt li l-partijiet fil-konċentrazzjoni adottaw politiki tal-ipprezzar u aġġustament tal-prezzijiet differenti għaż-żewġ tipi ta’ tariffi. Insostenn ta’ dak li tafferma, il-Kummissjoni bbażat ruħha mhux biss fuq id-differenzi regolatorji, iżda wkoll fuq id-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li, fil-prattika tal-Kummissjoni, jikkostitwixxu provi ġeneralment ipprivileġġati, b’valur probatorju għoli, minħabba l-fatt li ma humiex suġġetti għall-ipproċessar mill-partijiet fil-konċentrazzjoni għall-ħtiġijiet tal-konċentrazzjoni, iżda jikkostitwixxu dokumenti li fihom informazzjoni mhux ipproċessata.
270 Il-ħames, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni wettqet żball billi ma eżaminatx kif id-definizzjoni tas-suq tal-prodott kienet influwenzata min-nuqqas ta’ importanza li l-klijenti jagħtu lill-kwalifika legali tal-kuntratt tagħhom, mill-possibbiltajiet sempliċi u mingħajr ħlas li jaqilbu minn kuntratt ta’ provvista bażika għal kuntratt speċjali u mill-bidliet fil-fornituri li fil-fatt saru mill-klijenti, il-Qorti Ġenerali tqis li d-differenzi regolatorji identifikati mill-Kummissjoni u mfakkra fil-punt 268 iktar ’il fuq għandhom impatt dirett fuq is-sostitwibbiltà mil-lat tad-domanda. Fil-fatt, l-obbligu ta’ kuntratt u l-limitazzjonijiet fl-istabbiliment tat-tariffi jnaqqsu l-omoġeneità tal-kuntratti. Filwaqt li huwa minnu li l-prodott finali, jiġifieri l-elettriku jew il-gass, huwa omoġenju, jibqa’ l-fatt li hemm differenzi fil-prezzijiet bejn il-kuntratti tal-provvista bażika u l-kuntratti speċjali u li, kif jirriżulta mill-punti 261 u 264 iktar ’il fuq, maġġoranza kbira tal-kompetituri tal-partijiet fil-konċentrazzjoni qiesu li dawn il-kuntratti ma kinux sostitwibbli mil-lat tad-domanda.
271 Barra minn hekk, fir-rigward tal-faċilità tat-tibdil tal-kuntratt, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 59 tad-Deċiżjoni kkontestata, abbażi tar-rapport tal-ACER imsemmi fil-punt 251 iktar ’il fuq, li l-livell baxx ipperċepit tal-qligħ monetarju li jista’ jirriżulta minn bidla fil-fornitur, in-nuqqas ta’ fiduċja fil-fornituri l-ġodda, il-kumplessità pperċepita tal-proċess tat-tibdil u l-livell ta’ sodisfazzjon bil-fornitur attwali tagħhom ġew identifikati bħala l-aktar fatturi influwenti fl-inibizzjoni tal-aġir tat-tibdil min-naħa tal-konsumaturi. B’hekk, irrispettivament mill-fatt li t-tibdil tal-fornituri huwa faċli daqskemm tissuġġerixxi r-rikorrenti, hemm għadd sinjifikattiv ta’ klijenti li, minkejja l-vantaġġi teoretiċi, iżommu l-kuntratti tal-provvista bażika tagħhom.
272 Is-sitt, fir-rigward tal-allegata devjazzjoni mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni analizzat, fil-punti 52 sa 54 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha kif ukoll dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji.
273 F’dan ir-rigward, mill-punti 53 u 133 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-passat, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni soda dwar jekk il-kuntratti speċjali u t-tariffi tal-provvista bażika humiex koperti minn swieq distinti. B’hekk, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9088 final tat‑8 ta’ Diċembru 2015, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.7778 – Vattenfall/ENGIE/GASAG), il-Kummissjoni evalwat l-impatt tal-konċentrazzjoni fuq id-djar u l-konsumaturi kummerċjali żgħar, filwaqt li qieset fil-livell nazzjonali, minn naħa, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejniethom, il-konsumaturi li jibbenefikaw minn provvista bażika u dawk li jibbenefikaw minn kuntratti speċjali, u, min-naħa l-oħra, meqjusa separatament, konsumaturi ta’ kuntratti speċjali. Madankollu, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 19 tal-imsemmija deċiżjoni, li, f’dan il-każ, il-kwistjoni tad-definizzjoni eżatta tas-suq tal-prodotti rilevanti tista’ titħalla miftuħa, peress li l-konċentrazzjoni proposta ma qajmitx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, irrispettivament mid-definizzjoni prevista.
274 Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax titqies li ddevjat mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qieset l-evalwazzjonijiet preċedenti tagħha bħala element rilevanti tal-analiżi. Issa, il-Kummissjoni, filwaqt li eżerċitat l-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha, ikkonstatat, fil-punti 56 sa 62 u 133 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet tas-suq fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata kienu jeżiġu definizzjoni iktar ristretta tas-suq tal-prodotti.
275 Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li meta l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern fuq il-bażi ta’ notifika u l-fajl relattiv għal din l-operazzjoni, ir-rikorrent ma għandux id-dritt li jikkontesta l-konstatazzjonijiet tagħha minħabba li dawn ikunu differenti minn dawk li jkunu saru preċedentement f’kawża oħra, fuq il-bażi ta’ komunikazzjoni u ta’ fajl differenti, anki jekk is-swieq inkwistjoni fiż-żewġ kawżi jkunu simili, jew ikunu identiċi. B’hekk, sa fejn din ir-rikorrenti tinvoka analiżijiet magħmula mill-Kummissjoni f’deċiżjoni preċedenti, din il-parti tal-argument tagħha hija irrilevanti (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Wieland‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑251/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:296, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
276 Fi kwalunkwe każ, la l-Kummissjoni u lanqas, a fortiori, il-Qorti Ġenerali ma huma marbuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-evalwazzjonijiet ekonomiċi li saru f’deċiżjoni preċedenti. Jekk jiġi preżunt li l-analiżi mwettqa fid-Deċiżjoni kkontestata hija differenti minn dik imwettqa f’deċiżjoni preċedenti mingħajr ma din id-differenza tkun iġġustifikata oġġettivament, il-Qorti Ġenerali għandha tannulla d-Deċiżjoni kkontestata fil-proċedura preżenti biss jekk din, u mhux id-deċiżjoni preċedenti, tkun ġiet ivvizzjata minn żbalji. Għalhekk jibqa’ xorta waħda f’idejn ir-rikorrenti li turi kif l-evalwazzjonijiet fid-Deċiżjoni kkontestata huma, fihom innifishom u indipendentement minn dawk fid-deċiżjoni preċedenti, żbaljati (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Wieland‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑251/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:296, punt 79).
277 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet relatati mas-swieq rilevanti magħmula fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Topps Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑699/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:2, punt 93).
278 Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti naqset milli turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddefinixxiet is-suq tal-prodotti rilevanti. Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodotti rilevanti fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass.
2) Fuq id‑definizzjoni tas‑suq ġeografiku
279 Fil-punt 90 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għall-finijiet tal-imsemmija deċiżjoni, minkejja l-eżistenza ta’ elementi ta’ kompetizzjoni lokali, is-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar taħt kuntratti speċjali kien nazzjonali, għalkemm il-Kummissjoni kienet eżaminat ukoll l-effetti tal-konċentrazzjoni fil-livell lokali u kienet ikkonkludiet li, anki fuq bażi lokali, il-konċentrazzjoni ma qajmitx problemi ta’ kompetizzjoni. Fir-rigward tal-gass, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 147 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, għall-finijiet ta’ dik id-deċiżjoni, is-suq tal-provvista bl-imnut tal-gass lid-djar bħala parti mill-provvista bażika kellu jitqies bħala suq tal-prodotti distint u li huwa ta’ dimensjoni lokali, limitata għaż-żona tal-provvista bażika kkonċernata, u li s-suq tal-provvista bl-imnut tal-gass lid-djar taħt kuntratti speċjali kellu jitqies bħala suq tal-prodotti distint li huwa ta’ dimensjoni nazzjonali.
280 Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku jew tal-gass lid-djar taħt kuntratti speċjali kellu jiġi ddefinit bħala suq lokali u mhux bħala suq nazzjonali b’elementi lokali.
281 L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kienet adottat eżattament il-fehma mhux sostnuta tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fuq id-delimitazzjoni lokali tas-suq mingħajr ma qieset indikazzjonijiet diverġenti u mingħajr ma wettqet riċerka bil-mezzi tagħha stess, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fir-rigward tal-elettriku, li l-Kummissjoni analizzat il-prassi deċiżjonali tagħha fil-punti 63 sa 65 tad-Deċiżjoni kkontestata, dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji fil-punti 66 u 67 tal-imsemmija deċiżjoni, l-opinjoni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fil-punt 68 tagħha, u li wettqet l-analiżi tagħha fil-punti 69 sa 90 tad-Deċiżjoni kkontestata.
282 Fir-rigward, minn naħa, tas-suq ġeografiku tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar u lill-konsumaturi kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali, il-Kummissjoni ma qisitx, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, biss il-fehmiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni (punti 78, 83, 84 u 88). Fil-fatt, hija eżaminat ukoll il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha (punti 69 u 70), dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji (punti 69, 74, 85 u 86), l-informazzjoni mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji (punti 80, 82, 83 u 86), ir-regolamenti applikabbli (punt 66), it-tweġibiet tal-kompetituri għall-ewwel investigazzjoni tas-suq (punti 74 sa 76, 79 u80), il-kwestjonarju tal-fażi tal-eżami fil-fond indirizzat lill-klijenti ta’ SMEs u mikrointrapriżi fil-Ġermanja (punt 85), il-kontribuzzjonijiet tal-kompetituri (punti 75, 79, 81, 84 u 87) u l-istudju LBD (punti 81, 84 u 87). Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet l-analiżijiet proprji tagħha (punt 88). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni vverifikat is-sorsi differenti ta’ informazzjoni disponibbli meta ddefinixxiet is-suq ġeografiku tal-provvista bl-imnut tal-elettriku.
283 Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tas-suq ġeografiku tal-provvista bl-imnut tal-gass, il-Kummissjoni analizzat il-prassi deċiżjonali tagħha fil-punti 134 u 135 tad-Deċiżjoni kkontestata, dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji fil-punt 136 tal-imsemmija deċiżjoni u l-opinjoni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fil-punt 137 tagħha. Barra minn hekk, hija wettqet eżami ġenerali fil-punti 138 sa 146 tad-Deċiżjoni kkontestata.
284 Kif għamlet fil-qasam tal-elettriku, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qieset mhux biss il-fehmiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, iżda wkoll il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji (punti 138 u 139), l-informazzjoni mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji (punti 142 u 144), it-tweġibiet tal-kompetituri għall-ewwel investigazzjoni tas-suq (punti 138 u 143), l-analiżijiet proprji tagħha (punt 145) u d-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni (punt 143). Minn dan jirriżulta li, bħalma hu l-każ għas-settur tal-elettriku, il-Kummissjoni vverifikat is-sorsi differenti ta’ informazzjoni meta ddefinixxiet is-suq ġeografiku tal-provvista bl-imnut tal-gass.
285 Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fuq is-swieq ġeografiċi tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass, ma jistax jintlaqa’.
286 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bħal aspetti oħra tal-kontroll tal-konċentrazzjoni li fuqhom ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma wettqitx investigazzjoni suffiċjenti (ara l-punt 251 iktar ’il fuq), dak li r-rikorrenti fil-fatt tikkritika lill-Kummissjoni għalih huwa li ma evalwatx ċerta provi bħalha u li ma waslitx għall-istess konklużjonijiet bħalha.
287 It-tieni, ir-rikorrenti tidentifika nuqqas fl-investigazzjoni minħabba li jeżistu biss offerti lokali bi prezzijiet differenti.
288 Qabelxejn, fir-rigward tal-istudju tal-klijenti skont il-kodiċi postali tagħhom u l-portata lokali tal-offerti tal-fornituri, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-fatt, fil-punt 73 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm kien hemm elementi ta’ kompetizzjoni lokali, is-suq tal-kuntratti speċjali ta’ provvista tal-elettriku kellu dimensjoni nazzjonali b’elementi ta’ kompetizzjoni lokali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, fir-rigward tal-elettriku, li kien hemm xejra ta’ żieda fl-għadd ta’ fornituri attivi f’kull żona tan-network (punt 74), li l-fornituri kellhom it-tendenza li japplikaw strateġiji ta’ bejgħ simili fir-reġjuni kollha (punt 75), li 65 % tal-fornituri li wieġbu għall-ewwel investigazzjoni tas-suq kienu joffru l-istess prezz nett fil-pajjiż kollu ħlief okkażjonalment (punt 76), li s-sostituzzjoni min-naħa tal-provvista kienet kunsiderevoli minħabba l-possibbiltà ta’ espansjoni relattivament faċli u komuni fiż-żoni lokali (punt 77), u li l-għadd medju ta’ fornituri għal kull żona kien żdied minn 46 fl‑2008 għal 124 fl‑2017 (punt 80).
289 Fir-rigward tal-gass, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 142 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, bħala medja, il-konsumaturi tal-gass fil-Ġermanja setgħu jagħżlu bejn kważi 120 fornitur fiż-żona tan-network tagħhom u li iktar minn 50 kompetitur kienu preżenti fil-Ġermanja kollha. Fil-punt 143 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija indikat li minoranza biss tal-kompetituri kienu ddikjaraw li l-prezzijiet netti kienu jvarjaw minn reġjun għal ieħor għall-prodotti kollha jew għall-maġġoranza tagħhom, li d-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu wrew li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-kompetituri madwar il-Ġermanja kollha, mingħajr ma kienu jikkonċentraw fuq reġjuni jew kompetituri speċifiċi, peress li l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-settur tal-gass u tal-elettriku kien immonitorjat u evalwat bl-istess mod mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, li s-sostituzzjoni min-naħa tal-provvista kienet kunsiderevoli u li ma kinitx identifikat ostakoli sinjifikattivi għad-dħul jew għall-espansjoni.
290 B’hekk, il-Kummissjoni qieset in-natura u l-karatteristiċi tal-elettriku, l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul, il-preferenzi tal-konsumaturi u l-livelli tal-prezzijiet fit-territorju, skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament Nru 139/2004. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klijenti li jibbenefikaw minn kuntratti speċjali kellhom aċċess għal għadd kbir ta’ fornituri tal-elettriku taħt kundizzjonijiet simili fil-Ġermanja kollha.
291 Fil-fatt, filwaqt li qieset it-tweġibiet għall-mistoqsija nru 12 tal-ewwel investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni kkonkludiet li madwar żewġ terzi tal-fornituri ġeneralment kienu joffru tariffa nazzjonali, bi prezzijiet netti identiċi. Ir-rikorrenti ma tikkontestax iċ-ċifra stabbilita mill-Kummissjoni.
292 Fir-rigward tal-gass, it-tweġibiet għall-mistoqsija nru 80 tal-ewwel investigazzjoni tas-suq sostnew l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-maġġoranza tar-rispondenti indikaw li l-prezzijiet kienu ġeneralment l-istess fil-pajjiż kollu, iżda li kultant kienu jvarjaw minn reġjun għal ieħor. Filwaqt li huwa minnu li l-Kummissjoni ma investigatx jekk il-prezzijiet offruti kinux ivarjaw skont il-kodiċi postali, billi kkonsultat il-magna tat-tiftix ta’ Google u s-siti internet tat-tqabbil “Verivox” jew “Check24”, jibqa’ l-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa s-suffiċjenza tal-informazzjoni disponibbli għaliha sabiex twettaq l-analiżi tagħha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 192 u 262 iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ikkonstatat b’mod suffiċjenti, permezz tal-ewwel investigazzjoni tas-suq, li l-maġġoranza tal-fornituri kienu joffru prezzijiet komparabbli fit-territorju Ġermaniż kollu. Għalhekk, ma kinux meħtieġa investigazzjonijiet supplimentari f’dan ir-rigward fuq is-siti internet imsemmija iktar ’il fuq.
293 Fi kwalunkwe każ, fil-punti 81 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat essenzjalment il-kritika magħmula mir-rikorrenti, inkluża dik relatata mal-istudju LBD. Il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li l-prezzijiet relattivament għoljin li l-fornituri lokali tal-elettriku jew tal-gass tal-provvista bażika setgħu jitolbu għal kuntratti speċjali (punti 83 u 144) kienu dovuti għall-vantaġġ tal-operatur storiku (punt 85). Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat, fil-punt 84 tad-Deċiżjoni kkontestata, nuqqas metodoloġiku, jiġifieri li l-istudju LBD kien ittratta sussidjarji differenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni bħala entitajiet indipendenti, li seta’ kellu effett sinjifikattiv fuq ir-riżultati, jekk, pereżempju, il-marġni jew l-istrateġiji tal-ipprezzar kienu analizzati f’reġjun fejn kumpannija waħda tal-grupp kienet il-fornitur bażiku, u tqiesu biss il-marġnijiet jew il-prezzijiet ta’ dik l-entità f’dak ir-reġjun, u mhux dawk tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp.
294 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata ġeografika tal-kundizzjonijiet tat-tariffi tal-elettriku u tal-gass.
295 Anki jekk jiġi preżunt li analiżi bħal dik proposta mir-rikorrenti kienet ser twassal għall-konklużjoni li l-fornituri joffru tariffi u kundizzjonijiet differenti skont il-kodiċi postali, dan ikun biss wieħed mill-fatturi marbuta mal-provvista, skont il-punt 30 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq. Fil-fatt, fatturi oħra bħall-ostakoli għad-dħul ikunu rilevanti wkoll. F’dan ir-rigward, kull fornitur tal-elettriku għandu l-possibbiltà li jforni lil kwalunkwe dar jew klijent kummerċjali żgħir fit-territorju nazzjonali kollu. Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-fornituri, inklużi l-impriżi muniċipali żgħar, regolarment jippruvaw jiżviluppaw u jistimulaw il-kompetizzjoni barra ż-żona tagħhom, u lanqas li, fl-aħħar sentejn jew tliet snin qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, żewġ atturi ġodda kienu daħlu f’żona li tikkorrispondi għal kodiċi postali partikolari bħala medja u malajr kisbu partijiet mhux insinjifikattivi mis-suq (punt 79). Fil-każ tal-gass, il-kompetizzjoni attwali u t-theddida tad-dħul jimponu restrizzjonijiet fuq l-operaturi lokali storiċi (punt 145). Minħabba dan, huwa raġonevoli li jiġi previst li, fil-preżenza ta’ marġni superkompetittivi fiż-żoni li jikkorrispondu għal ċerti kodiċijiet postali, fornituri oħra jikkompetu ma’ xulxin sabiex jissodisfaw id-domanda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ tariffi lokali ma hijiex, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-portata lokali tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku.
296 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiċħad ir-rilevanza tal-għadd u l-firxa tal-fornituri għad-definizzjoni ġeografika tas-suq. Madankollu, l-għadd ta’ tali fornituri tal-elettriku li jfornu lit-territorju nazzjonali kollu jew lil żoni ikbar miż-żoni reġjonali tagħhom huwa fattur marbut mal-provvista skont il-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq. Fil-fatt, konformement ma’ dan, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni tista’ tivverifika jekk il-kumpanniji li jinsabu f’żoni differenti jaffaċċjawx ostakoli jekk ikunu jixtiequ jiżviluppaw il-bejgħ tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq ġeografiku kollu. L-għadd u l-firxa tal-fornituri huma indikatur ta’ dan it-tip ta’ ostakolu.
297 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li s-suq ġeografiku huwa lokali minħabba li l-klijenti huma teknikament fissi f’post konkret, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, dan l-argument ma huwiex effettiv peress li l-fattur rilevanti huwa jekk il-konsumaturi jistgħux jiġu fornuti minn fornituri li jinsabu xi mkien ieħor, u mhux jekk il-konsumaturi humiex probabbli li jiċċaqilqu sabiex jiġu fornuti minn fornituri oħra.
298 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-istrutturi tariffarji huma ta’ natura lokali u li l-fornituri jadattaw l-istrateġija ta’ distribuzzjoni tagħhom skont fatturi reġjonali, ir-rikorrenti tibbaża ruħha parzjalment fuq l-istudji BET u Innoplexia, li l-valur probatorju tagħhom huwa madankollu limitat, għar-raġunijiet deskritti fil-punti 202 sa 210 iktar 'il fuq. Fi kwalunkwe każ, mill-punt 81 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat dawn l-allegazzjonijiet, iżda żammet il-fehma tagħha li s-suq ġeografiku kien ta’ dimensjoni nazzjonali. Anki jekk jiġi preżunt li l-fornituri għandhom perspettiva lokali fl-offerti tagħhom, din tkun biss indikazzjoni ta’ suq lokali possibbli kompatibbli mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li hemm elementi lokali fis-suq nazzjonali. Fil-fatt, ma huwiex meħtieġ li l-parametri kollha tal-kompetizzjoni jkunu identiċi fit-territorju kollu ta’ Stat Membru sabiex jitqies li hemm suq nazzjonali.
299 Barra minn hekk, mill-punt 81 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset it-tariffi lokali proposti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni u kkonstatat mill-istudju LBD.
300 Bl-istess mod, il-Kummissjoni wettqet l-investigazzjoni proprja tagħha u ħadmet fuq l-ipoteżi ta’ politika tal-ipprezzar lokali min-naħa tal-fornituri. Għalhekk hija eżaminat jekk kienx hemm rabta bejn il-marġni ta’ fornitur u s-sehem tiegħu mill-provvista lill-grupp ta’ konsumaturi li ma għandhomx kuntratt speċjali mal-fornitur bażiku. F’dan ir-rigward, dan huwa punt ta’ tluq raġonevoli, peress li impriża b’ċerta saħħa fis-suq f’ċertu qasam tista’ tkun mistennija li jkollha ċertu marġni ta’ manuvra li jżid il-prezzijiet u l-marġni ta’ profitt. B’mod partikolari, din l-analiżi tal-Kummissjoni wriet li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni, fil-livell lokali, bejn il-marġni u l-partijiet mis-suq fir-rigward tal-kuntratti speċjali (punti 88 u 89 għall-elettriku u 145 għall-gass). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-assenza ta’ rabta sistematika bejn il-marġni u l-partijiet mis-suq fir-rigward tal-klijenti li kienu fil-proċess jew li kienu jixtiequ jibdlu l-fornitur kien jissuġġerixxi li l-kompetizzjoni attwali u t-theddida tad-dħul kienu qegħdin jimponu restrizzjonijiet fuq l-operaturi lokali storiċi, tal-inqas fir-rigward ta’ dan il-grupp ta’ klijenti, li jindika l-eżistenza ta’ suq nazzjonali.
301 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni ma qablitx mal-fehma tal-kompetituri li l-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass kellha portata lokali.
302 It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma segwietx il-prassi deċiżjonali normali tagħha, mill-preċedenti ċċitati fid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prassi stabbilita mill-Kummissjoni ma tistax tikkonferma d-definizzjonijiet ta’ swieq ġeografiċi proposti mir-rikorrenti. Fil-fatt, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ħalliet il-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku għall-provvista bl-imnut tal-elettriku miftuħa u l-Kummissjoni tqis li d-definizzjoni nazzjonali, reġjonali jew lokali tas-suq tal-gass hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata skont il-każ.
303 Fir-rigward tal-elettriku, il-Kummissjoni indikat fil-punt 63 tad-Deċiżjoni kkontestata li kienet ġeneralment iddefinixxiet is-swieq ġeografiċi tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lill-klijenti finali bħala ta’ dimensjoni nazzjonali. Issa, fid-Deċiżjoni tagħha C(2009) 5111 tat‑22 ta’ Ġunju 2009 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.5496 – Vattenfall/Nuon Energy), il-Kummissjoni qieset ukoll il-possibbiltà ta’ definizzjoni iktar ristretta tas-suq ġeografiku fil-livell tan-network tad-distribuzzjoni għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lill-klijenti żgħar għall-Ġermanja, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar ħalliet il-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq miftuħa f’dan il-każ. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat fil-punti 64 u 65 tad-Deċiżjoni kkontestata li, mill‑2009, is-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku fil-Ġermanja kien żviluppa b’mod kunsiderevoli u li l-portata ġeografika tal-kompetizzjoni kienet twessgħet, ħaġa li kienet diġà ġiet riflessa fid-Deċiżjoni tagħha C(2015) 9088 final tat‑8 ta’ Diċembru 2015 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.7778 – Vattenfall/ENGIE/GASAG), li fiha eżaminat l-partijiet mis-suq nazzjonali għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar b’mod ġenerali u lill-klijenti taħt kuntratt speċjali biss, filwaqt li l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku tħalliet miftuħa.
304 Fir-rigward tal-gass, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 134 tad-Deċiżjoni kkontestata, billi ċċitat id-Deċiżjoni tagħha C(2015) 9088 final tat‑8 ta’ Diċembru 2015 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.7778 – Vattenfall/ENGIE/GASAG), id-Deċiżjoni tagħha C(2011) 2638 final tal‑11 ta’ April 2011 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.6068 – ENI/ACEGASAPS/JV), u d-Deċiżjoni tagħha C(2006) 5418 final tal‑14 ta’ Novembru 2006 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.4180 – Gaz de France/Suez), li, f’deċiżjonijiet preċedenti, kienet qieset li s-suq tal-provvista bl-imnut tal-gass seta’ jkollu portata nazzjonali, reġjonali jew lokali, limitata għaż-żona tan-network tad-distribuzzjoni, skont il-karatteristiċi tas-suq.
305 Huwa minnu li r-rikorrenti tistabbilixxi parallel mas-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel, li l-Kummissjoni ddefinixxietu bħala lokali minkejja l-preżenza ta’ ħafna fornituri nazzjonali. Madankollu, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda raġuni li tista’ tiġġustifika li l-Kummissjoni tkun obbligata tqis il-prassi deċiżjonali żviluppata f’oqsma oħra. Lanqas ma tispjega sa liema punt huwa rilevanti l-parallel li qiegħda tipprova tistabbilixxi. Fi kwalunkwe każ, il-prassi deċiżjonali f’dan il-qasam hija irrilevanti peress li, fis-swieq tal-elettriku u tal-gass, il-klijenti ma jistgħux jibdlu l-post tal-provvista tagħhom, iżda jistgħu biss jiffirmaw kuntratti ma’ fornituri stabbiliti f’żoni oħra tat-territorju nazzjonali, li ma huwiex il-każ fil-kummerċ bl-imnut tal-ikel fejn il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-impriżi kellhom jagħmlu ċerti investimenti sabiex ikunu attivi f’żoni ta’ klijentela fejn kienu għadhom ma humiex preżenti u, min-naħa l-oħra, li l-klijent ġeneralment ma kienx lest li jivvjaġġa distanzi twal biex jixtri l-ikel.
306 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet injorat li, fil-prassi deċiżjonali tagħha, id-differenzi fil-prezzijiet reġjonali kellhom it-tendenza li juru l-eżistenza ta’ swieq iżgħar mis-swieq nazzjonali, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal ċerti kawżi mingħajr ma tindika, madankollu, kif dawn iwasslu għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ prassi stabbilita jew sa liema punt il-konklużjonijiet ta’ dawn il-każijiet huma applikabbli għall-każ preżenti. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kkonkludiet, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-maġġoranza tal-fornituri applikaw it-tariffi tagħhom fil-livell nazzjonali, kif jirriżulta mill-punt 291 iktar ’il fuq.
307 Għalhekk, jirriżulta li l-Kummissjoni ma ddevjatx mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u li qieset l-evalwazzjonijiet li kienet għamlet fil-passata bħala element rilevanti tal-analiżi.
308 Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet relatati mas-swieq rilevanti magħmula fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq.
309 Kien għalhekk mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset, fil-punt 91 u 147 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, għall-finijiet tad-Deċiżjoni kkontestata, il-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar bħala parti mill-provvista bażika kellha dimensjoni lokali, limitata għaż-żona tal-provvista bażika kkonċernata, u li l-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali kellha dimensjoni nazzjonali b’elementi lokali.
310 Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li għandu jiġu miċħud l-ewwel ilment, ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass.
b) Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq id‑definizzjoni inkompleta tas‑swieq tad‑distribuzzjoni tal‑elettriku u tal‑gass
311 Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni tqis, b’mod żbaljat, li huma kkonċernati biss is-swieq għall-operat tan-networks tat-trażmissjoni u tan-networks tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kinitx analizzat, minn naħa, il-qasam tal-akkwist tat-tagħmir tan-network u tas-servizzi tal-kostruzzjoni lanqas il-qasam tas-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, li kienu ser jiġu affettwati mill-konċentrazzjoni fuq in-naħa tad-domanda, u, min-naħa l-oħra, il-qasam tal-forniment tas-servizzi għal DSO oħra, li kien ser jiġi affettwat min-naħa tal-offerta. B’riżultat ta’ dan, l-analiżi sussegwenti tal-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni kienet inkompleta.
312 Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
313 Għandu jiġi rrilevat li, meta jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni problema eventwali ta’ kompetizzjoni fuq swieq oħra barra minn dawk li fuqhom għamlet l-analiżi kompetittiva, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi indikazzjonijiet serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, huwa r-rikorrent li għandu jidentifika s-swieq ikkonċernati, jiddeskrivi s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fl-assenza ta’ konċentrazzjoni, u jindika liema jkunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni f’dawn is-swieq (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il‑Kummissjoni, T‑240/18, EU:T:2021:723, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
314 Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement tippreżenta affermazzjonijiet mhux sostanzjati u ma tippreżenta l-ebda proposta serja għad-definizzjoni tas-swieq rilevanti allegatament affettwati, u għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
c) Fuq it‑tielet ilment, ibbażat fuq id‑definizzjoni żbaljata tas‑suq tas‑servizzi tal‑qari tal‑arloġġ u tal‑elettromobbiltà
315 Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball fid-definizzjoni tas-swieq għas-servizzi tal-qari tal-arloġġ u tal-elettromobbiltà minħabba żbalji li saru matul l-istudju tas-suq tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet injorat fatturi determinanti, bħal żieda fl-ekonomiji ta’ skala, is-saħħa finanzjarja, l-aċċess għad-data u n-networks ta’ kooperazzjoni.
316 Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni żbaljata bejn in-nGPC, jiġifieri, bħala tfakkira, il-maniġers tal-punti tal-qari tal-arloġġ normalment responsabbli, u ċ-cGPC, jiġifieri, bħala tfakkira, il-maniġers tal-punti tal-qari tal-arloġġ kompetituri. Dan għaliex, mill-perspettiva tal-konsumatur, ma tagħmilx differenza jekk is-servizzi tal-qari tal-arloġġ jitwettqux minn nGPC jew cGPC. Konsegwentement, hemm biss suq wieħed ta’ servizzi tal-qari tal-arloġġ.
317 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod suffiċjenti d-delimitazzjoni ġeografika tas-suq għall-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi għall-vetturi elettriċi, peress li, bħala regola ġenerali, id-distanza vvjaġġata kuljum minn vettura elettrika tkun biss 30 km u li ftit iktar minn 1 % biss tal-vjaġġi jaqbżu l-100 km. Hija tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli ma evalwatx biżżejjed id-delimitazzjoni tal-operat tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li ma jinsabux fl-awtostradi.
318 Fit-tielet lok, minħabba l-attivitajiet tagħhom fis-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ, il-partijiet fil-konċentrazzjoni ser ikunu jistgħu jiġbru ħafna data, li tippermettilhom jiksbu vantaġġi fis-suq ta’ soluzzjonijiet għall-klijenti bbażati fuq l-użu tad-data. Issa, il-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi dan l-aħħar suq.
319 Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
1) Fuq is‑swieq tas‑servizzi tal‑qari tal‑arloġġ
320 Kif tfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq, is-servizzi tal-qari tal-arloġġ jikkonsistu fil-kejl tal-konsum tal-elettriku, tal-gass, tal-ilma jew tas-sħana għall-finijiet tal-fatturazzjoni, tat-trasparenza u tal-ottimizzazzjoni tal-konsum.
321 Il-Kummissjoni indikat, fil-punti 151 sa 153 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, fil-Ġermanja, l-operat tal-punti tal-qari tal-arloġġ kien ir-responsabbiltà tad-DSO, sal-liberalizzazzjoni li saret fl‑2005. Il-Messstellenbetriebsgesetz (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Punti tal-Kejl), mill‑1 ta’ Settembru 2016 (BGBl. I, p. 2034), daħħlet id-dissoċjazzjoni bejn l-operat tan-network u dak tal-punti tal-kejl, ħolqot ir-rwoli ta’ nGPC u cGPC u introduċiet:
– l-ewwel nett, l-obbligu, esklużivament għan-nGPC, li l-arloġġi tal-elettriku kollha fil-Ġermanja jiġu ssostitwiti b’arloġġi moderni sal‑2032;
– it-tieni nett, l-obbligu għan-nGPC li jużaw sistemi ta’ kejl intelliġenti b’limiti massimi tal-prezzijiet differenti skont it-tipi ta’ konsumaturi u l-livelli ta’ konsum, madankollu din is-sistema ma hijiex obbligatorja għall-klijenti ż-żgħar; l-istess obbligu japplika għaċ-cGPC, iżda mingħajr il-limiti massimi;
– it-tielet nett, l-obbligu ġenerali li l-arloġġi eżistenti jiġu ssostitwiti b’arloġġi tal-gass kompatibbli ma’ mezz ta’ komunikazzjoni sigur ħafna, il-portal tal-arloġġi intelliġenti, li ser jagħmel possibbli l-komunikazzjoni tad-data mkejla lill-atturi awtorizzati fis-suq.
322 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 169 tad-Deċiżjoni kkontestata, li għandha ssir distinzjoni bejn is-servizzi tal-qari tal-arloġġ tal-elettriku u tal-gass ipprovduti min-nGPC u s-servizzi tal-qari tal-arloġġ tal-elettriku u tal-gass ipprovduti miċ-cGPC għal raġunijiet simili għal dawk li jiġġustifikaw id-distinzjoni bejn il-kuntratti bażiċi u l-kuntratti speċjali, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fatt li l-kompetizzjoni sseħħ prinċipalment fis-suq taċ-cGPC, it-tieni, il-fatt li l-oqfsa regolatorji tan-nGPC u ċ-cGPC kienu differenti, b’mod partikolari, fir-rigward tal-limiti massimi tal-prezzijiet u l-obbligi li jintużaw arloġġi moderni u intelliġenti, u, fl-aħħar nett, il-fatt li d-dħul fis-suq nazzjonali ta’ atturi esterni fis-settur tal-elettriku bħal Deutsche Telekom jew Deutsche Bahn seħħ fis-suq taċ-cGPC. Madankollu, il-Kummissjoni fl-aħħar iddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk is-swieq għas-servizzi tal-qari tal-arloġġ tal-elettriku u tal-gass għandhomx jiġu suddiviżi permezz tas-separazzjoni tan-nGPC u ċ-cGPC fl-aħħar mill-aħħar setgħet tibqa’ miftuħa, sakemm il-konċentrazzjoni ma tqajjimx problemi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, irrispettivament mid-definizzjoni plawsibbli tas-suq.
323 F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li l-Kummissjoni tista’ tħalli miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq tal-prodott inkwistjoni sakemm jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku mir-raġunijiet spjegati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata li l-ebda waħda mid-definizzjonijiet tas-suq ma tagħmilha possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva bħala riżultat tal-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑394/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:756, punt 60).
324 B’hekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod żbaljat is-suq tal-prodotti billi sseparat in-nGPC u ċ-cGPC għandu jiġi miċħud, peress li l-Kummissjoni ma ddeċidietx b’mod espliċitu favur definizzjoni iktar stretta bħal din, għalkemm issuġġerixxiet li tali distinzjoni tista’ tkun xierqa.
2) Fuq is‑swieq tal‑installazzjoni u tal‑operat ta’ stazzjonijiet tal‑iċċarġjar pubbliċi għall‑vetturi elettriċi
325 L-ewwel nett, fir-rigward tad-definizzjoni ġeografika tas-suq tal-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi rapidi fuq l-awtostradi, minn naħa, u dak tal-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi ultrarapidi fuq l-awtostradi, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 197 tad-Deċiżjoni kkontestata, li distanza ta’ 50 km kienet indikatur tajjeb għall-identifikazzjoni tal-istazzjonijiet li x’aktarx ser jeżerċitaw pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq xulxin. Madankollu, fil-punti 200 u 218 tad-Deċiżjoni kkontestata, fl-aħħar mill-aħħar ħalliet miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku (bejn lokali jew nazzjonali b’elementi ta’ kompetizzjoni lokali), peress li identifikat ostakoli sinjifikattivi għall-kompetizzjoni effettiva irrispettivament mid-definizzjoni tas-suq adottata.
326 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punti 367 u 370 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, flimkien, E.ON u innogy kienu kkonkludew kuntratti għall-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi rapidi u ultrarapidi għal iktar minn 60 sa 70 % tal-istazzjonijiet tas-servizz fuq l-awtostradi tal-impriża Autobahn Tank & Rast, li kienet topera iktar minn 90 % tal-istazzjonijiet tas-servizz fuq l-awtostradi fil-Ġermanja.
327 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punti 379 u 380 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, meta l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi ta’ E.ON u innogy kienu jinsabu f’distanza ta’ 50 km minn xulxin u ma kienx hemm, bejniethom, stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi ta’ kompetitur ieħor, E.ON u l-innogy ikkompetew bl-iktar mod dirett.
328 B’hekk, irrispettivament mid-definizzjoni ġeografika, lokali jew nazzjonali b’elementi ta’ kompetizzjoni tas-suq lokali, il-Kummissjoni identifikat distanza ta’ 50 km bħala element rilevanti għall-analiżi tal-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi.
329 Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li l-Kummissjoni tista’ tħalli l-kwistjoni tad-definizzjoni ta’ suq inkwistjoni miftuħa jekk l-ebda waħda mid-definizzjonijiet tas-suq ma tagħmilha possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 323 iktar ’il fuq, hija tista’ wkoll tħalli l-kwistjoni tad-definizzjoni ta’ suq inkwistjoni miftuħa jekk issib li hemm effetti antikompetittivi tkun xi tkun id-definizzjoni adottata, sakemm, wara l-bidliet magħmula mill-impriżi kkonċernati, il-konċentrazzjoni ma tibqax probabbli li timpedixxi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva, tkun xi tkun id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni.
330 B’hekk, il-fatt, għall-Kummissjoni, li nżammet definizzjoni miftuħa tas-suq taħt tali kundizzjonijiet kien jimplika, min-naħa tiegħu, li tanalizza jekk l-eliminazzjoni tas-sovrappożizzjonijiet bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni fuq distanza ta’ 50 km eliminax l-effetti antikompetittivi, irrispettivament mid-delimitazzjoni ġeografika tas-suq.
331 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li d-distanza li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni kienet ta’ 30 km u mhux ta’ 50 km. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax kif, anki jekk jiġi preżunt li l-punti ta’ fatt li tqajjem huma korretti, jiġifieri, li d-distanza vvjaġġata kuljum minn vettura elettrika hija ta’ 30 km u li ftit iktar minn 1 % biss tal-vjaġġi jaqbżu l‑100 km, dawn huma ta’ natura li jikkontestaw id-distanza ta’ 50 km adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar elettriċi fuq l-awtostradi, jew li jsostnu kwalunkwe żball manifest ta’ evalwazzjoni.
332 B’hekk, ma ntweriex li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ħalliet miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni ġeografika tas-suq tal-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi rapidi fuq l-awtostradi u dak tal-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi ultrarapidi fuq l-awtostradi.
333 It-tieni, fir-rigward tas-suq għall-installazzjoni u l-operat tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li ma jinsabux fuq l-awtostradi, il-Kummissjoni, fil-punt 203 tad-Deċiżjoni kkontestata, ħalliet miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni ġeografika tas-suq, peress li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser toħloq problema tkun xi tkun id-definizzjoni plawsibbli tas-suq, minħabba li, kif jirriżulta mill-punti 381 sa 387 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu joperaw biss ftit stazzjonijiet tal-iċċarġjar ultrarapidi u kien hemm numru sinjifikattiv ta’ kompetituri fis-suq u diversi kompetituri kbar oħra bi pjanijiet ta’ espansjoni.
334 B’hekk, il-Kummissjoni indikat b’mod espliċitu li l-ebda waħda mid-definizzjonijiet tas-suq ma kienet tagħmilha possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' impediment sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 323 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ħalliet miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq fir-rigward tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li ma jinsabux fuq l-awtostradi.
3) Fuq is‑suq ta’ soluzzjonijiet għall‑klijenti bbażati fuq l‑isfruttar tad‑data
335 Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ definizzjoni tas-suq tas-soluzzjonijiet għall-klijenti bbażati fuq l-isfruttar tad-data, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, ċertament, huwa minnu li l-Kummissjoni ma pproċedietx b’tali definizzjoni, anki hekk kif analizzat l-effetti antikompetittivi possibbli tal-konċentrazzjoni fit-Taqsima 7.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, dwar “Ipoteżijiet oħra ta’ dannu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
336 Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 313 iktar ’il fuq, dan l-ilment għandu jiġi miċħud peress li r-rikorrenti ma tispjegax sa liema punt kien hemm problema kompetittiva fuq dan is-suq li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tindika li l-Kummissjoni analizzat l-effetti antikompetittivi possibbli tal-konċentrazzjoni mingħajr ma spjegat kif tali analiżi kienet tobbligaha tiddefinixxi tali suq.
337 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet ilment, ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ u tal-elettromobbiltà, għandu jiġi miċħud.
d) Konklużjoni fuq it‑tieni parti tal‑ħames motiv
338 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha u li identifikat u ddefinixxiet is-swieq rilevanti f’dan il-każ mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.
339 Għalhekk għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq definizzjoni żbaljata tas-swieq rilevanti.
5. Fuq it‑tielet parti tal‑ħames motiv, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal‑effetti tal‑konċentrazzjoni
a) Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq l‑evalwazzjoni żbaljata tal‑effetti fuq is‑swieq tal‑provvista bl‑imnut tal‑elettriku u tal‑gass
340 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass u wettqet ukoll evalwazzjoni manifestament żbaljata tagħhom.
341 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma kinitx evalwat b’mod korrett is-sitwazzjoni kompetittiva fil-qasam tal-provvista bażika. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni llimitat ruħha li teżamina f’liema żoni tal-provvista bażika l-partijiet fil-konċentrazzjoni setgħu jissostitwixxu lil xulxin, bħala fornitur bażiku, li tikkostitwixxi analiżi inkompleta.
342 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx investigat l-impatt tal-konsolidazzjoni tal-portafolli tal-klijenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fiż-żoni tal-provvista ewlenin tagħhom meta mqabbla ma’ fornituri oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kapaċità dejjem tikber ta’ E.ON li teskludi lill-kompetituri.
343 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma evalwatx biżżejjed l-effetti tal-għajbien tal-kompetizzjoni bejn E.ON u innogy.
344 Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma qisitx biżżejjed is-setgħa finanzjarja dejjem tikber ta’ E.ON mogħtija lilha permezz ta’ vantaġġi kompetittivi.
345 Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON, targumenta li wettqet evalwazzjoni sħiħa u mingħajr żbalji tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass.
346 Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-evalwazzjoni allegatament żbaljata tas-sitwazzjoni kompetittiva tas-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar bħala parti mill-provvista bażika, li l-Qorti Ġenerali diġà kkonkludiet, fil-punti 278 u 309 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sabet, fil-punti 91 u 147 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-provvista bażika tal-elettriku u tal-gass għandha titqies bħala suq tal-prodotti separat li huwa ta’ dimensjoni lokali, limitat għaż-żona tal-provvista bażika kkonċernata.
347 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-punti 265 u 331 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, minħabba li impriża waħda biss tiġi indikata bħala l-fornitur bażiku tal-elettriku u tal-gass f’kull żona tal-provvista bażika li tikkostitwixxi suq distint, dik l-impriża tkun, de facto għall-elettriku, u de jure għall-gass, f’sitwazzjoni ta’ monopolju f’din iż-żona. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punti 265 u 331 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni jkollha effetti diretti jew indiretti limitati fuq dawk is-swieq.
348 L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li, minħabba l-monopolju de jure li jaffettwa ż-żoni tal-provvista bażika, ma hemm l-ebda kompetizzjoni bejn iż-żoni tal-provvista bażika differenti u għalhekk l-ebda effett antikompetittiv possibbli. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax kif il-fatt li l-partijiet mis-suq ta’ E.ON jistgħu jilħqu d-69 % lokalment fiż-żoni tal-provvista bażika jista’, fih innifsu, jikkostitwixxi impediment sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-provvista bażika jew indikazzjoni ta’ tali impediment. Fil-fatt, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, ma humiex il-partijiet mis-suq ta’ E.ON f’suq jew f’żona tal-provvista bażika li żdiedu, iżda n-numru ta’ żoni fejn E.ON taqdi r-rwol tal-fornitur bażiku. Kien għalhekk mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-effetti diretti tal-konċentrazzjoni fuq dawn is-swieq kienu ser ikunu, l-iktar l-iktar, limitati.
349 It-tieni, fir-rigward tat-tnaqqis possibbli tal-possibbiltajiet tal-kompetituri li jsiru fornituri bażiċi fil-kuntest tal-kontroll ta’ kull tliet snin, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minkejja n-nuqqas ta’ riskju probabbli li l-konċentrazzjoni jkollha effett materjali dirett fuq dawn is-swieq, il-Kummissjoni ddedikat, madankollu, parti kbira mit-Taqsima 7.2.2.1 tad-Deċiżjoni kkontestata għall-eżami tal-effetti indiretti possibbli, jiġifieri jekk il-konċentrazzjoni tistax ittejjeb il-kapaċità ta’ E.ON li żżomm l-istatus tal-fornitur bażiku f’ċerti żoni lokali u, b’dan il-mod, jekk tistax tnaqqas l-inċentivi li tipprezza l-kuntratti speċjali b’mod kompetittiv.
350 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 266 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, fil-fatt, l-istatus ta’ fornitur bażiku kien jiġi ddeterminat kull tliet snin mid-DSO kompetenti u jingħata lill-fornitur tal-elettriku li kellu l-iktar konsumaturi residenzjali fir-reġjun, inklużi konsumaturi taħt kuntratti ta’ provvista bażika u klijenti taħt kuntratti speċjali u inkluż fir-rigward tal-elettriku użat għat-tisħin. B’hekk, kif indikat il-Kummissjoni fl-istess punt tad-Deċiżjoni kkontestata, id-determinazzjoni tal-provvista bażika tiddependi fuq l-għadd ta’ klijenti residenzjali taħt kuntratt speċjali u l-istrateġiji tal-ipprezzar fuq il-kuntratti speċjali jista’ jkollhom effetti fuq is-suq tal-provvista bażika.
351 Madankollu, għalkemm, fit-teorija, il-partijiet fil-konċentrazzjoni jistgħu jgħaqqdu l-klijenti kummerċjali tad-djar u l-klijenti żgħar tagħhom bħala riżultat tal-konċentrazzjoni sabiex iżidu l-probabbiltajiet li jżommu jew jiksbu r-rwol ta’ fornitur bażiku, għandu jiġi kkonstatat li, kif indikat il-Kummissjoni fil-punt 268 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-klijenti li huma proprjetà tal-istess entità ġuridika biss jingħaddu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-provvista bażika, għall-kuntrarju tat-tagħqid tal-klijenti tal-entitajiet kollha li huma proprjetà tal-istess kumpannija omm. Il-Kummissjoni qieset, f’dan ir-rigward, li kieku l-istrateġija tat-tbattil ta’ ċerti entitajiet ġuridiċi sabiex tissaħħaħ il-klijentela ta’ entità oħra fi grupp jew it-tagħqid flimkien tal-klijenti taħt entità ġuridika waħda kienet profittabbli, il-partijiet probabbilment li kienu jippruvaw jimplimentawha saħansitra qabel il-konċentrazzjoni, ħaġa li ma osservathiex.
352 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement tinvoka din l-ipoteżi possibbli ta’ dannu mingħajr, madankollu, ma tipproduċi l-ebda prova li ssostni li, fil-fatt, li din l-istrateġija kienet diġà ġiet implimentata mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, minħabba n-numru ta’ ditti u ta’ sussidjarji li kienu jikkontrollaw qabel il-konċentrazzjoni. Issa, għandu jiġi nnotat li, kieku l-partijiet fil-konċentrazzjoni kellhom inċentiv reali sabiex jipprovaw jipproteġu ż-żoni bażiċi tagħhom jew jaċċessaw żoni ġodda, probabbilment li kienu diġà jkunu ġabru flimkien ditti jew entitajiet, peress li huwa paċifiku li l-partijiet fil-konċentrazzjoni diġà kellhom għadd sinjifikattiv ta’ ditti u sussidjarji qabel il-konċentrazzjoni. Ir-rikorrenti lanqas ma tindika r-raġunijiet għaliex ir-riskju li jipparteċipaw f’din l-istrateġija jiżdied bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ indizji tal-eżistenza ta’ din l-ipoteżi ta’ dannu, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li r-riskju ta’ tali effett indirett kien limitat.
353 Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 269 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni rarament kienu l-eqreb kompetituri ta’ xulxin, u li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, kienu l-impriżi muniċipali li kienu t-tieni l-ikbar fornitur għad-djar, u, fil-punt 270 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, skont id-dokumenti interni ta’ E.ON, din l-impriża kienet ikkunsidrat lil innogy bħala t-tieni fornitur ta’ żona darba waħda biss. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-punt 271 tad-Deċiżjoni kkontestata, li fiż-żoni fejn waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni kienet il-fornitur bażiku, il-parti l-oħra ġeneralment kellha sehem żgħir mill-klijenti, jiġifieri 5 % jew inqas. Għalhekk isegwi li, għalkemm l-istrateġija teoretikament hija possibbli, il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma setgħux jibbenefikaw materjalment minnha, minħabba s-sovrappożizzjoni reġjonali limitat tal-klijenti tagħhom.
354 It-tielet, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma analizzatx l-effetti marbuta, minn naħa, mal-inerzja tal-klijenti sabiex jibdlu l-fornitur bażiku lokali u, min-naħa l-oħra, mal-fatt li l-fornitur bażiku jforni lill-biċċa l-kbira tal-klijenti li jibbenefikaw minn kuntratti speċjali fiż-żona tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha, għal darba oħra, li tenfasizza n-nuqqas ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni, iżda ma tispjegax liema konklużjoni kellha tasal għaliha l-Kummissjoni dwar l-effetti fuq iż-żoni bażiċi. Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn l-elementi huma irrilevanti, sa fejn iċ-ċirkustanzi relatati mal-klijenti li jibbenefikaw minn kuntratti speċjali mirbuħa minħabba l-istatus ta’ fornitur bażiku jew l-inerzja tal-klijenti bażiċi ta’ innogy jew E.ON ma jinbidlux bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. Dan jeskludi effett dirett, sa fejn, kif ġie spjegat fil-punt 348 iktar ’il fuq, ma hemm l-ebda kompetizzjoni diretta bejn iż-żoni differenti tal-provvista bażika. Fir-rigward tal-effetti indiretti, ir-rikorrenti ma tispjegax sa liema punt dawn il-fatturi jista’ jkollhom l-impatt li jsaħħu l-kapaċità ta’ E.ON li żżomm jew tikseb l-istatus ta’ fornitur bażiku f’ċerti żoni.
355 Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-konċentrazzjoni ma timpedixxix b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar bħala parti mill-provvista bażika fil-Ġermanja.
356 It-tieni, fir-rigward tal-impatt tal-konsolidazzjoni tal-portafolli tal-klijenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fuq is-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni tqabbel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kif jirriżultaw mill-operazzjoni kkomunikata ma’ dawk li kien ikun hemm fis-suq kieku l-konċentrazzjoni ma sseħħitx (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T: 2019:354, punt 115).
357 Għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ partijiet mis-suq ta’ portata kbira hija sinjifikattiva ħafna u r-relazzjoni bejn il-partijiet mis-suq miżmumin mill-partijiet fil-konċentrazzjoni u mill-kompetituri tagħhom, b’mod partikolari dawk li jsegwuhom immedjatament, tikkostitwixxi indizju validu tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti jew ta’ impediment sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Barra minn dan, parti mis-suq partikolarment baxxa minn waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni tista’, prima facie, tissuġġerixxi l-assenza ta’ impediment sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, speċjalment meta l-operaturi l-oħra jkollhom partijiet mis-suq ħafna iktar sinjifikattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 201).
358 Mill-punt 17 tal-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”) jirriżulta, minn naħa, li hija biss parti mis-suq partikolarment kbira ta’ 50 % u iktar li tista’, fiha nnifisha, tikkostitwixxi l-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq u, min-naħa l-oħra, li, għalkemm b’parti mis-suq ta’ inqas minn 50 % l-konċentrazzjoni tista’ madankollu tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni, dan ikun minħabba fatturi oħra, bħal, b’mod partikolari, is-saħħa tal-kompetituri u n-numru tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 59).
359 Barra minn hekk, skont il-premessa 32 tar-Regolament Nru 139/2004 u l-punt 18 tal-Linji gwida, il-konċentrazzjonijiet li, minħabba l-parti mis-suq limitata tal-impriżi kkonċernati, ma jistgħux ifixklu l-kompetizzjoni effettiva jistgħu jiġu preżunti li huma kompatibbli mas-suq intern. Din il-preżunzjoni tapplika b’mod partikolari meta l-parti mis-suq tal-impriżi kkonċernati ma taqbiżx il-25 % la fis-suq komuni u lanqas f’parti sostanzjali minnu.
360 Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jrid jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkaratterizzat b’mod żbaljat l-effetti fuq is-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali permezz tal-konsolidazzjoni tal-portafolli tal-klijenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni.
361 L-ewwel nett, f’dan il-każ, mill-punti 274 u 333 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-partijiet mis-suq ta’ E.ON fis-swieq tal-provvista lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali fil-Ġermanja jammontaw għal bejn 5 % u 10 %, jiġifieri [kunfidenzjali] (2), għall-elettriku, u bejn 5 % u 10 %, jiġifieri inqas minn [kunfidenzjali], għall-gass. Il-partijiet mis-suq ta’ innogy huma bejn 10 % u 20 %, jiġifieri [kunfidenzjali], għall-elettriku, u bejn 5 % u 10 %, jiġifieri inqas minn [kunfidenzjali], għall-gass.
362 F’dan ir-rigward, fis-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni (T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T: 2013:306, punt 61), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kisritx il-Linji gwida meta qieset li l-parti mis-suq komuni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kienet “moderata” b’kont meħud ta’ parti mis-suq komuni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kemm ta’ 35.1 kif ukoll ta’ 35.5 %.
363 B’hekk, il-partijiet mis-suq ikkombinati tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, li jammontaw għal bejn 15 % u 30 %, jiġifieri [kunfidenzjali], għall-elettriku, u bejn 10 % u 20 %, jiġifieri inqas minn [kunfidenzjali], għall-gass, jikkostitwixxu mill-inqas indikazzjoni qawwija li l-konċentrazzjoni x’aktarx li ma xxekkilx kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali fil-Ġermanja.
364 It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset fatturi oħra. B’mod partikolari, hija kkonstatat li kien hemm għadd kbir ta’ kompetituri, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri mill-qrib u li l-ostakoli għad-dħul fis-suq kienu relattivament baxxi u kien hemm pressjoni kompetittiva kunsiderevoli.
365 Qabel kollox, mill-punt 275 tad-Deċiżjoni kkontestata u l-paġna 253 tad-dokument tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji ċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna nru 281 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont l-analiżi tad-data pprovduta minn 808 DSO dwar l-għadd ta’ fornituri, f’iktar minn 89 % taż-żoni tan-network, kienu attivi iktar minn 50 fornitur u, f’71 % taż-żoni tan-network, kienu attivi iktar minn 100 fornitur fl‑2017, sabiex, bħala medja, kull klijent ikun seta’ jagħżel bejn iktar minn 120 fornitur fil-Ġermanja fl‑2017. Barra minn hekk, iktar minn 1 000 fornitur tal-elettriku huma attivi fil-Ġermanja, inklużi EnBW u Vattenfall, li għandhom bejn 5 u 10 % tal-partijiet mis-suq kull wieħed, u EWE, Mainova u Stadtwerke München, li għandhom inqas minn 5 % kull wieħed. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-punti 334 u 335 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, bħala medja, il-konsumaturi tal-gass fil-Ġermanja setgħu jagħżlu bejn kważi 116-il fornitur fiż-żona tan-network tagħhom, li l-għadd medju ta’ fornituri għal kull żona kien żdied b’mod stabbli f’dawn l-aħħar snin u li l-fornituri xi kultant ġew minn barra s-settur, kif kien il-każ b’mod partikolari għal Shell. Barra minn hekk, iktar minn 1 000 fornitur tal-gass huma attivi fil-Ġermanja, inklużi EnBW, li għandha parti mis-suq ta’ bejn 5 u 10 %, u EWE, Mainova, Enercity u Rheinenergie, li għandhom inqas minn 5 % tal-partijiet mis-suq kull wieħed. Bl-istess mod, is-swieq tal-provvista tal-elettriku u tal-gass huma ġeneralment ikkunsidrati mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji bħala kompetittivi, kif jidher mill-punti 276 u 336 tad-Deċiżjoni kkontestata.
366 Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punti 277 u 337 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinux kompetituri partikolarment mill-qrib għall-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass taħt kuntratti speċjali. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrilevat li l-klijenti li ħallew lil E.ON jew innogy fiż-żoni tal-istabbiliment tagħhom rarament irrikorrew għal, rispettivament, innogy jew E.ON. Mhux iktar minn 20 % tal-klijenti għażlu l-parti l-oħra fil-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li ma kien hemm xejn fid-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li jindika li kienu qegħdin jissorveljaw lil xulxin iktar mill-qrib minn fornituri oħra. Fuq kollox, il-Kummissjoni rrimarkat li E.ON u innogy ma tawx attenzjoni partikolari lill-parti l-oħra fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar it-tariffi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-maġġoranza tal-kompetituri li wieġbu għall-ewwel investigazzjoni tas-suq kienu indikaw li kienu kapaċi jattiraw klijenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Bl-istess mod, mill-punt 278 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-qasam tal-elettriku, il-maġġoranza tar-rispondenti indikaw li ma kien hemm l-ebda segment tal-klijentela li fih E.ON u innogy kienu f’kompetizzjoni partikolarment mill-qrib u li għalih ftit kien hemm possibbiltajiet oħra għajr il-partijiet fil-konċentrazzjoni. Il-maġġoranza tar-rispondenti li jikkompetu mal-partijiet fil-konċentrazzjoni indikaw li kienu kapaċi jattiraw klijenti mill-klijentela kollha tal-imsemmija partijiet.
367 Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punti 279 u 338 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni fis-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass taħt kuntratti speċjali kienu relattivament baxxi.
368 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni analizzat, sussidjarjament, l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq lokali ipotetiċi tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali, fil-punti 281 sa 290 għall-elettriku u fil-punti 339 sa 350 tad-Deċiżjoni kkontestata għall-gass. Din l-analiżi tindirizza t-tħassib li qajmu l-impriżi muniċipali. Issa, minħabba li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti, kif jirriżulta mill-punti 294, 301 u 310 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa twettaq din l-analiżi, li għalhekk twettqet għall-kompletezza.
369 It-tielet, ir-rikorrenti invokat il-fatt li E.ON u RWE għandhom interessi minoritarji f’impriżi attivi fis-settur tal-enerġija u tikkritika lill-Kummissjoni talli ma qisithomx. Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-konċentrazzjoni M.8870 suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan ir-rikors tikkonċerna l-akkwiżizzjoni ta’ innogy minn E.ON, u għalhekk RWE ma hijiex parti fil-konċentrazzjoni. F’dan is-sens, l-interessi minoritarji li għandha RWE ma humiex rilevanti għall-analiżi tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tispjegax x’impatt seta’ jkollhom dawn l-ishma fuq l-analiżi tal-ostakoli għall-kompetizzjoni marbuta mal-konċentrazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssemmi n-numru ta’ ishma ta’ RWE u ta’ E.ON f’impriżi oħra mingħajr ma tispjega jekk dawn humiex attivi fis-swieq ikkonċernati, x’pożizzjonijiet jokkupaw fis-swieq tagħhom, kif ir-relazzjoni tagħhom ma’ RWE u E.ON tista’ timpedixxi l-kompetizzjoni jew jekk dawn l-impedimenti ipotetiċi humiex verament konsegwenzi tal-konċentrazzjoni.
370 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni, il-partijiet mis-suq tal-impriżi li għandhom interessi fil-kapital tagħhom RWE u E.ON. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fin-noti f’qiegħ il-paġna nri 280 u 367 tad-Deċiżjoni kkontestata, għall-elettriku u għall-gass rispettivament, li anki jekk il-partijiet totali mis-suq tal-kumpanniji li fihom il-partijiet fil-konċentrazzjoni kellhom sehem minoritarju jingħaddu flimkien, dan iżid is-sehem ikkombinat tal-partijiet b’inqas minn 5 %. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, peress li dan il-perċentwali kien limitat u kien jistma b’mod eċċessiv l-interess finanzjarju attwali li l-partijiet kellhom f’dawn il-kumpanniji, hija qieset li l-ishma minoritarji tal-partijiet ma kinux ser jibdlu b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni tagħhom wara l-konċentrazzjoni u għalhekk l-evalwazzjoni tagħha ta’ din il-konċentrazzjoni.
371 Barra minn hekk, mill-paragrafu 3 tal-punt 287 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont l-analiżi tal-Kummissjoni, ma hemm l-ebda korrelazzjoni ċara bejn il-marġni ta’ E.ON u ta’ innogy dwar it-tariffi mmirati lejn konsumaturi l-iktar attivi u l-pożizzjoni tal-parti l-oħra fil-konċentrazzjoni fil-livell lokali, li jindika li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma humiex kompetituri partikolarment mill-qrib f’ċerti żoni lokali u li l-konċentrazzjoni ma teliminax restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fil-livell lokali.
372 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni analizzat b’mod suffiċjenti, kif ukoll eżawrjenti u estensiv, u mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, l-effetti fuq is-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali.
373 It-tielet, fir-rigward tal-effetti tal-għajbien tal-kompetizzjoni bejn E.ON u innogy, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, E.ON tista’ tiddisswadi lill-klijentela eżistenti tagħha milli tibdel il-fornitur, tirkupra klijenti jew tespandi f’żoni oħra.
374 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 364 et seq. li juru li l-Kummissjoni stabbilixxiet, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li kien hemm kompetizzjoni b’saħħitha, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma humiex kompetituri mill-qrib u li l-ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni huma baxxi.
375 Ir-raba’, fir-rigward tal-ikbar setgħa finanzjarja ta’ E.ON wara l-konċentrazzjoni, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, talli ma analizzatx l-effetti ta’ esklużjoni fid-dawl tat-tariffi aggressivi possibbli li E.ON tista’ tapplika u l-isforzi ta’ reklamar li tista’ twettaq. Madankollu, ir-rikorrenti ma tispeċifikax liema swieq huma koperti minn din il-kritika.
376 Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-Kummissjoni indirizzat, fil-punti 291 sa 299 tad-Deċiżjoni kkontestata, it-tħassib addizzjonali mqajjem mit-terzi dwar l-impatt possibbli tal-konċentrazzjoni fuq il-provvista bl-imnut tal-elettriku fil-Ġermanja.
377 Qabel kollox, fir-rigward tar-riskju ta’ sussidji inkroċjati minn kuntratti ta’ provvista bażika għal kuntratti speċjali, mill-punt 292 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoni jistgħux jużaw il-profitti sinjifikattivi ġġenerati fis-suq tal-provvista bażika sabiex jissussidjaw u jappoġġjaw politiki aggressivi ħafna tal-ipprezzar fis-suq tal-kuntratti speċjali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li din l-ipoteżi ta’ dannu ma kinitx probabbli, għaliex, kieku dawn l-istrateġiji kienu profittabbli, E.ON u innogy kienu jkunu diġà implimentawhom, minħabba li kellhom, qabel il-konċentrazzjoni, tnejn mill-ikbar portafolli ta’ klijenti għall-provvista bażika. Issa, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda indikazzjoni ta’ dan l-aġir fl-ewwel investigazzjoni tas-suq tagħha u kkonstatat li, fuq is-siti web tat-tqabbil tal-prezzijiet, ċerti fornituri, inklużi dawk li jraħħsu u impriżi muniċipali, sistematikament jew okkażjonalment jitolbu prezzijiet iktar baxxi minn dawk tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tad-dħul kontinwu u l-preżenza ta’ għadd kbir ta’ kompetituri ġodda, il-Kummissjoni qieset li dawn l-istrateġiji ma kinux ġew implimentati u li, anki jekk kienu, ma rnexxilhomx jeskludu lill-kompetituri jew jimpedixxu d-dħul ta’ partijiet terzi.
378 Sussegwentement, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ esklużjoni ta’ partijiet terzi mill-ispazji tar-reklamar, il-Kummissjoni analizzat, fil-punt 293 tad-Deċiżjoni kkontestata, jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoni setgħux jokkupaw il-pożizzjonijiet ewlenin fil-klassifikazzjonijiet tas-siti internet tat-tqabbil tal-prezzijiet bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. Hija kkonstatat li, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, E.ON kien ser ikollha tbaxxi l-prezzijiet tad-ditti tagħha għal taħt il-livell ottimali sabiex tagħmilhom jidhru fl-ewwel paġna tas-sit internet tat-tqabbil tal-prezzijiet, u b’hekk teskludi l-kompetituri. Issa, huwa paċifiku li E.ON diġà kellha, qabel il-konċentrazzjoni, ħafna ditti u riżorsi finanzjarji sinjifikattivi. Għalhekk, strateġija bħal din ma tkunx speċifika għall-konċentrazzjoni.
379 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li ma tantx kien kredibbli li ż-żieda fil-kompetittività min-naħa tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku Ġermaniż kienet ser tikkawża preġudizzju lill-konsumaturi (punt 297 tad-Deċiżjoni kkontestata ), b’mod partikolari minħabba l-fatt li s-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku Ġermaniż kien attira ħafna impriżi u kien sar frammentat ħafna, b’iktar minn 1 000 fornitur (punt 298 tad-Deċiżjoni kkontestata ), li għamilha improbabbli ħafna l-fatt li strateġija predatorja tista’ tkun profittabbli. Bl-istess mod, minkejja r-riżorsi sinjifikattivi disponibbli għall-partijiet fil-konċentrazzjoni qabel il-konċentrazzjoni, l-iktar prezzijiet baxxi fis-suq spiss kienu offruti minn kompetituri iżgħar u ġodda, u mhux mill-partijiet fil-konċentrazzjoni (punt 299 tad-Deċiżjoni kkontestata ).
380 F’dan ir-rigward, l-unika prova rilevanti prodotta mir-rikorrenti sabiex tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni hija l-istudju LBD. Filwaqt li r-rikorrenti ċċitat ukoll l-istudju Innoplexia, għandu jitfakkar li r-rilevanza u l-valur probatorju tiegħu huma limitati għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 210 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal dan l-anness mingħajr ma tidentifika b’mod suffiċjenti liema parti ssostni l-affermazzjonijiet tagħha.
381 Issa, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma hijiex inkarigata li tfittex u tidentifika, fl-annessi, ir-raġunijiet u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw il-bażi tar-rikors, peress illi l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 97, u tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punt 57). Din il-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi timplika li, meta anness jinkludi elementi ta’ dritt li fuqhom ċerti motivi mqajma fir-rikors huma bbażati, dawn l-elementi għandhom jiġu inklużi fit-test innifsu tar-replika li jinkludi dan l-anness jew, tal-inqas, jiġi identifikat b’mod suffiċjenti f’din ir-replika (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 61). Konsegwentement, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li teżamina l-istudju Innoplexia sabiex issib l-elementi li jistgħu jsostnu l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti.
382 Fir-rigward tal-istudju LBD, dan jindika, fit-Taqsima 4.1 (paġni 9 et seq.), li E.ON ħadet sehem f’tellieqa tal-prezzijiet fi Frar 2018. Skont ir-rikorrenti, dan juri li E.ON hija kapaċi tinfluwenza l-istruttura ġenerali tal-prezzijiet fis-suq u toffri prezzijiet b’marġni negattivi li l-ebda fornitur iżgħar ma jista’ japplika. Fir-rigward tal-prezzijiet mitluba minn innogy, ħafna drabi dawn jiswew iktar mill-“ewwel 5” u hija għandha l-ogħla marġni.
383 Għandu jiġi kkonstatat li dan l-istudju juri, fil-fatt, il-kisba ta’ marġni negattivi għall-biċċa l-kbira tal-fornituri fis-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali. Madankollu, minn naħa, l-istudju ma jurix li, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, E.ON ser ikollha kapaċitajiet ikbar li toffri prezzijiet b’marġni negattivi. Min-naħa l-oħra, il-prattika tal-ipprezzar b’marġni negattivi mill-biċċa l-kbira tal-kompetituri tagħmel sens biss, minn perspettiva ekonomika, f’sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda fejn tinżamm ġlieda fil-prezzijiet sabiex jiġi ddixxiplinat is-suq sabiex jiġu eliminati l-kompetituri l-inqas effiċjenti, imbagħad il-prezzijiet jogħlew u jiġu rrestawrati l-marġni pożittivi għal dawk li jibqgħu fis-suq. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma ġewx invokati.
384 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tidentifika nuqqas fil-metodoloġija fl-istudju LBD, fis-sens li dan l-istudju jgħaddi l-primjums għall-konklużjoni tal-kuntratti fuq l-ewwel sena tal-provvista u mhux fuq il-perijodu totali tal-validità tal-kuntratt, li jinfluwenza direttament il-livell tal-marġni murija għall-ewwel sena tal-provvista. Meta ġiet mistoqsija fis-seduta dwar dan, ir-rikorrenti ma kkontestax b’mod utli l-kritika tal-Kummissjoni.
385 B’hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-ħolqien ta’ kapaċità jew ta’ inċentivi għal strateġija ta’ pprezzar possibbli b’marġni negattivi sostnuti sabiex telimina l-kompetituri żgħar jew sabiex tokkupa l-pożizzjonijiet ewlenin kollha fil-klassifikazzjonijiet ta’ siti web tat-tqabbil tal-prezzijiet.
386 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni analizzat is-swieq b’mod suffiċjenti u kkonkludiet, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-konċentrazzjoni ma timpedixxix b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar taħt kuntratti speċjali fil-Ġermanja.
387 Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ewwel ilment, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-effetti fuq is-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar fil-Ġermanja.
b) Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq l‑evalwazzjoni żbaljata tal‑effetti fuq is‑swieq tad‑distribuzzjoni tal‑elettriku u tal‑gass
388 Permezz tat-tieni lment, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-effetti fuq is-swieq tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma eżaminatx biżżejjed l-effetti tal-attivitajiet żviluppati fuq dawn is-swieq u wettqet ukoll evalwazzjoni manifestament żbaljata.
389 Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON, issostni, essenzjalment, li hija stabbilixxiet u analizzat il-fatti mingħajr ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tas-swieq tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass.
390 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li l-partijiet fil-konċentrazzjoni x’aktarx li jeżerċitaw influwenza fuq l-iżvilupp ta’ standards tekniċi u regolatorji. Għalhekk, għandu jiġi analizzat jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, l-ewwel nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet regolatorji tal-Aġenzija Federali tan-Networks, u, it-tieni, fir-rigward tar-regoli stabbiliti minn korpi oħra u assoċjazzjonijiet oħra.
391 L-ewwel nett, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti li l-Aġenzija Federali tan-Networks minn issa ’l quddiem ser ikollha tiffoka r-rekwiżiti regolatorji, bħala prijorità, jew saħansitra esklużivament, fuq il-ħtiġijiet ta’ E.ON, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, mill-bidu nett, li l-Kummissjoni analizzat l-influwenza tal-konċentrazzjoni fuq ir-regolamentazzjoni li ssir mill-Aġenzija Federali tan-Networks fil-punti 253 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl tal-affermazzjonijiet tal-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma tantx kien probabbli li l-konċentrazzjoni jkollha impatt sinjifikattiv fuq il-kompetenza tal-Aġenzija Federali tan-Networks fir-rigward tar-regolamentazzjoni tat-tariffi tan-network. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova tal-influwenza li E.ON x’aktarx li ser teżerċita u li, fuq kollox, l-Aġenzija Federali tan-Networks stess tiċħad, u lanqas tal-mod li bih tali influwenza tista’ tikkostitwixxi, fiha nnifisha, indikazzjoni ta’ impediment sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva.
392 It-tieni, fir-rigward tal-influwenza fi ħdan korpi u assoċjazzjonijiet importanti li jistabbilixxu l-istandards, il-Kummissjoni analizzat, fil-punti 246 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata, l-influwenza li E.ON x’aktarx ser teżerċita fuq il-korpi regolatorji u l-assoċjazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-forum tekniku u l-operat tan-networks tal-Verband der Elektrotechnik Elektronik Informationstechnik e.V. (l-Assoċjazzjoni tal-Elettroteknika, l-Elettronika u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“VDE”). Fir-rigward tal-iskambji bit-telefon bejn il-Kummissjoni u l-VDE fis‑17 ta’ Mejju u l‑24 ta’ Lulju 2019 (noti f’qiegħ il-paġna nri 257 u 260 tad-Deċiżjoni kkontestata ) u s-sottomissjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni tal‑25 u d‑29 ta’ Lulju 2019 (noti f’qiegħ il-paġna nri 258 u 259 tad-Deċiżjoni kkontestata ), il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 252 tad-Deċiżjoni kkontestata, li ma kienx probabbli li l-konċentrazzjoni kienet ser tagħti lil E.ON il-kapaċità li tinfluwenza b’mod mhux xieraq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-VDE, fir-rigward tal-iffissar ta’ standards tekniċi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 248 u 249 tad-Deċiżjoni kkontestata, wara l-konċentrazzjoni, E.ON ma kienx ser ikollha maġġoranza fid-diversi kumitati ta’ tmexxija responsabbli għall-ħatra tal-membri tal-gruppi ta’ ħidma responsabbli għal kull standard tekniku u potenzjalment kien ser ikollha maġġoranza f’wieħed biss minn dawn il-gruppi ta’ ħidma.
393 Huwa minnu li din l-assoċjazzjoni hija waħda minn dawk iċċitati mir-rikorrenti u li l-Kummissjoni użat id-dinamika ta’ din l-assoċjazzjoni partikolari bħala eżempju.
394 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha, jekk l-ommisjonijiet fl-analiżi tal-Kummissjoni jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni tagħha li din il-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
395 Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tipproduċix provi li jsostnu l-affermazzjonijiet li E.ON ser ikollha maġġoranza fil-kumitati ta’ assoċjazzjonijiet oħra bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, id-dokumenti fl-Anness A.19 ipprovduti insostenn tal-eżistenza ta’ dawn il-maġġoranzi sempliċement jindikaw il-preżenza ta’ E.ON u RWE f’ċerti assoċjazzjonijiet fil-Ġermanja, iżda ma jippruvawx li E.ON għandha tali maġġoranza. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma turix kif il-fatt li E.ON għandha maġġoranza possibbli f’xi waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet jista’ jwassal għal impediment sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva.
396 Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument relatat mal-influwenza fuq l-Aġenzija Federali tan-Networks u fuq il-korpi u l-assoċjazzjonijiet oħra.
397 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, E.ON ser tikseb kundizzjonijiet iktar vantaġġużi f’termini ta’ tagħmir tan-network, servizzi ta’ kostruzzjoni u ta’ disinn u software tan-network minħabba ż-żieda fis-saħħa tax-xerrej tagħha.
398 Il-Kummissjoni analizzat din il-kwistjoni fil-punti 262 u 263 tad-Deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, fir-rigward tal-vantaġġ fuq DSOs żgħar li jirriżulta mill-fatt li E.ON ser ikollha prijorità fil-kisba ta’ servizzi tan-network minn fornituri ta’ servizzi, li l-kapaċità tagħhom li jipprovdu dawn is-servizzi tkun limitata, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda skarsezza fil-forniment ta’ servizzi tan-network. Fi kwalunkwe każ, hija kkonstatat, fil-punti 234 u 235 tad-Deċiżjoni kkontestata, li E.ON u innogy diġà kellhom piż iktar sinjifikattiv mill-biċċa l-kbira tad-DSO l-oħra qabel il-konċentrazzjoni.
399 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx probabbli li jkun hemm esklużjoni tal-klijentela fl-aċċess għas-servizzi tan-network tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, peress li l-biċċa l-kbira tas-servizzi tan-network kienu prinċipalment fornuti u akkwistati lokalment, u billi l-konċentrazzjoni kienet ġeografikament komplementari, ma kienx probabbli li tirriżulta f’żieda sinjifikattiva fil-volum ta’ xiri fil-livell lokali. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li s-servizzi għad-DSO kienu jikkostitwixxu parti biss mid-domanda disponibbli għall-fornituri attivi upstream.
400 Għalhekk għandu jiġi dedott li l-Kummissjoni qieset in-natura lokali ta’ dan it-tip ta’ servizz. Fid-dawl tad-dettall tal-analiżi tal-Kummissjoni b’mod ġenerali u tal-analiżi tat-tħassib kollu dwar is-servizzi relatati man-network, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma investigatx biżżejjed. Fil-fatt, ir-rikorrenti pjuttost tikkritika lill-Kummissjoni talli ma waslet għall-ebda konklużjoni oħra mill-informazzjoni u l-provi għad-dispożizzjoni tagħha.
401 B’hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi, l-ewwel nett, li E.ON ser tikseb prezzijiet u kundizzjonijiet iktar vantaġġużi, it-tieni, li l-fornituri tal-elettriku bl-ingrossa ser jadattaw għall-ħtiġijiet ta’ E.ON, it-tielet, li l-fornituri ser jittrattaw lil E.ON bħala prijorità, u, ir-raba’, li l-kompetituri ma kinux ser ikunu jistgħu jirripoduċu s-servizzi ta’ sostenn meħtieġa. Issa, it-tħassib kollu tar-rikorrenti huwa sempliċi spekulazzjoni. Ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni serja dwar il-plawsibbiltà ta’ tali xenarji, u lanqas dwar kif tali xenarji jistgħu jwasslu għal impediment sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva.
402 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti dwar il-vantaġġi antikompetittivi li E.ON tikseb fuq is-servizzi relatati man-network.
403 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma studjatx b’mod suffiċjenti u evalwat b’mod żbaljat il-konċessjoni ta’ drittijiet għall-użu tal-linji għall-kostruzzjoni u l-operat tan-networks.
404 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat għadd ta’ xenarji ipotetiċi li fihom il-konċentrazzjoni tista’ tikkawża preġudizzju lill-konsumaturi tal-gass u tal-elettriku, inkluż inqas kompetizzjoni fis-sejħiet għal offerti ta’ konċessjonijiet, fil-punti 224 sa 236 tad-Deċiżjoni kkontestata. Huwa paċifiku li, fil-Ġermanja, il-muniċipalitajiet jorganizzaw l-operat ta’ networks tad-distribuzzjoni billi jagħtu konċessjonijiet lid-DSOs permezz ta’ sejħa għall-offerti biex jinstallaw u joperaw networks tad-distribuzzjoni tal-gass u tal-elettriku fit-territorju tagħhom għal medja ta’ 15 sa 20 sena (punti 224 u 225 tad-Deċiżjoni kkontestata ).
405 Ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti relatati mal-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq l-imsemmija konċessjonijiet.
406 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tissuġġerixxi li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra perijodu ta’ analiżi ta’ 20 sena qabel il-konċentrazzjoni sabiex tanalizza b’mod xieraq l-effetti tal-konċentrazzjoni fil-qasam tal-konċessjonijiet.
407 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-punt 224 tad-Deċiżjoni kkontestata, li t-tul medju tal-kuntratti ta’ konċessjoni huwa ta’ 15 sa 20 sena. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li eżami tal-konċessjonijiet mogħti fuq perijodu ta’ ħames snin qabel il-konċentrazzjoni kien suffiċjenti għall-analiżi tagħha. L-għażla ta’ dan il-perijodu ppermettiet lill-Kummissjoni tikkonsulta iktar minn 1 000 proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet. Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-data titlef il-valur maż-żmien fir-rigward tal-kundizzjonijiet attwali u futuri tas-suq. B’hekk, il-Kummissjoni, billi llimitat l-analiżi tagħha għal perijodu ta’ madwar 5 snin qabel il-konċentrazzjoni, analizzat b’mod suffiċjenti l-kompetizzjoni għall-konċessjonijiet u għalhekk ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni.
408 It-tieni, ir-rikorrenti invokat il-possibbiltà li E.ON tissottometti offerti aħjar għall-konċessjoni tad-drittijiet minħabba s-saħħa finanzjarja tagħha, l-esperjenza tagħha u l-effetti ta’ sinerġija possibbli.
409 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 231 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni prinċipalment tilfu sejħiet għall-offerti li rebħuhom impriżi muniċipali. Mill-inqas 90 % tal-konċessjonijiet tal-elettriku mitlufa minn E.ON ingħataw lil kumpanniji pubbliċi jew semipubbliċi, u mill-inqas 80 % ta’ dawk il-konċessjonijiet mitlufa minn innogy intrebħu minn impriżi muniċipali. Il-Kummissjoni rrilevat li s-sitwazzjoni għall-gass kienet simili.
410 Barra minn hekk, fir-rigward tal-benefiċċji possibbli ta’ żieda fl-ekonomiji ta’ skala, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 235 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, qabel il-konċentrazzjoni, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu ħafna ikbar mill-biċċa l-kbira tal-impriżi kompetituri, inklużi l-impriżi muniċipali. F’dan ir-rigward, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kien irnexxielhom jirbħu sejħiet għall-offerti b’mod partikolari meta kienu diġà l-operatur storiku, iżda kellhom suċċess limitat fil-kisba ta’ konċessjonijiet ġodda.
411 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien raġonevoli li jiġi konkluż, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-ebda element li jindika li l-impriżi muniċipali kienu qegħdin jitilfu konċessjonijiet ġodda lil entitajiet kbar, li ma kienx hemm biżżejjed elementi li l-ekonomiji ta’ skala potenzjali jew esperjenza preċedenti bil-parteċipazzjoni f’tali sejħiet għal offerti kienu ser jagħtu vantaġġ antikompetittiv lil E.ON bħala riżultat tal-konċentrazzjoni.
412 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproponiet xenarji ipotetiċi mingħajr ma pproduċiet provi li kienu jeżistu meta ġiet adottata d-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tiddependi fuq l-istudju BET sabiex issostni l-argumenti tagħha. Issa, din l-investigazzjoni għandha rilevanza u valur probatorju limitati għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet indikati fil-punt 205 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-paġni 48 et seq. tal-imsemmi studju u ssemmi b’mod espliċitu fir-rikors il-mistoqsijiet nri 39, 42, u 44 sa 47b. Bi tweġiba għall-mistoqsija nru 39, 80 % tas-87 rispondent indikaw li l-partijiet fil-konċentrazzjoni seta’ jkollhom sinerġiji. Madankollu, xejn ma kien jindika li l-impriżi li wieġbu għall-istudju BET kienu jqisu li dawn is-sinerġiji kienu ser iwasslu għal impediment sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Fir-rigward tal-mistoqsija nru 42, din fiha, fil-formulazzjoni tagħha, l-idea inizjali li s-sinerġiji jwasslu għal rekwiżiti ta’ effikaċja ogħla. Madankollu, l-istudju ma jagħti l-ebda prova ta’ dan. Fuq din il-bażi, 71 % tar-rispondenti jifhmu li mhux ser ikunu jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, ma huwiex ċar mill-istudju il-fatt jekk dawn ir-rekwiżiti humiex ser jiġu ssodisfatti. Huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, b’kollox, iktar minn żewġ terzi tar-rispondenti jikkonfermaw, bi tweġiba għall-mistoqsija nru 43, li l-konċessjonijiet mogħtija lilhom ma kinux ikkontestati minn E.ON jew innogy. Dan jikkonferma l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni f’termini tal-konċessjonijiet hija limitata ħafna.
413 B’hekk, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni rilevanti suffiċjenti, li turi żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, u li tagħmilha possibbli li jiġi affermat li, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, E.ON ser tkun tista’ toffri offerti aħjar għall-konċessjonijiet, aħseb u ara li, kieku dan ikun il-każ, din tista’ tkun antikompetittiva. Għall-kuntrarju, anki jekk il-konċentrazzjoni ppermettiet lil E.ON tagħmel offerti aħjar, dan jista’ jirriżulta pożittiv għall-kompetizzjoni. Fit-teorija, l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni jistgħu jirriżultaw biss jekk, fit-tul, il-partijiet fil-konċentrazzjoni jkunu jistgħu jimmonopolizzaw is-suq peress li l-ebda kompetitur ma jkun jista’ jallinja ruħu mal-istruttura tal-ispejjeż tal-partijiet, kif il-Kummissjoni ġustament fakkret fil-punt 234 tad-Deċiżjoni kkontestata.
414 It-tielet, ir-rikorrenti tqis li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu kompetituri mill-qrib minħabba l-fatt li kienu kkompetew għal iktar minn 100 konċessjoni bejn l‑2010 u l‑2015. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, billi eżaminat iktar minn 1 000 proċedura ta’ konċessjoni li seħħew bejn l‑2013 u l‑2017, ikkonstatat, fil-punti 228 u 229 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet għall-konċentrazzjoni ma kinux f’kompetizzjoni mill-qrib, peress li kienu pparteċipaw fl-istess sejħiet għall-offerti f’inqas minn 5 % tal-każijiet. Min-nota f’qiegħ il-paġna nru 244 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni analizzat jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoni kinux ipparteċipaw f’tali proċeduri permezz ta’ impriżi li fihom kellhom interessi minoritarji. B’hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-assenza ta’ sovrappożizzjoni sinjifikattiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni fid-diversi proċeduri ta’ konċessjoni.
415 Ir-raba’, fir-rigward tal-preżenza ta’ E.ON fit-territorju nazzjonali Ġermaniż kollu, li tista’ tagħti lil E.ON vantaġġ fl-espansjoni għar-reġjuni ġirien ta’ dawk li fihom diġà hija preżenti, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 230 tad-Deċiżjoni kkontestata, li s-sejħiet għall-offerti li fihom il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu pparteċipaw bejn l‑2013 u l‑2017 ma kinux ikkonċentrati f’reġjun partikolari u mhux dejjem kienu jinsabu qrib il-konfini taż-żoni tad-DSO ta’ E.ON u innogy. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-punt 231 tad-Deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 409 iktar ’il fuq, ir-restrizzjoni kompetittiva qawwija eżerċitata mill-impriżi muniċipali. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat b’mod suffiċjenti l-prossimità kompetittiva tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-impriżi muniċipali.
416 Il-ħames, huwa paċifiku bejn il-partijiet li hemm xejra favur ir-rimuniċipalizzazzjoni. Mill-punti 232 u 233 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-partijiet fil-konċentrazzjoni u diversi rispondenti għall-ewwel investigazzjoni tas-suq kienu kkonstataw xejra favur ir-rimuniċipalizzazzjoni tan-networks. Madankollu, ir-rikorrenti tidentifika riskju li tiddgħajjef din ix-xejra fil-futur qrib minħabba strateġiji dissważivi mmirati possibbli pprattikati minn E.ON. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat, fil-punt 236 tad-Deċiżjoni kkontestata, it-tattiċi kontenzjużi possibbli mmirati lejn id-dewmien deliberat tat-trasferiment tal-konċessjonijiet li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jkunu tilfu (sham litigation).
417 Fuq dan il-punt, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-opportunità li tindika li azzjoni legali kultant tista’ tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti. Sabiex dan ikun il-każ, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, huwa meħtieġ li l-azzjoni legali ma tkunx tista’ titqies b’mod raġonevoli bħala li tfittex li ssostni d-drittijiet tal-impriża inkwistjoni u għalhekk tista’ sservi biss sabiex tiffastidja lill-parti avversarja. It-tieni, l-azzjoni għandha titfassal bħala parti minn pjan sabiex tiġi eliminata l-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2012, Protégé International vs Il‑Kummissjoni, T‑119/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:421, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
418 F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet fil-punt 236 tad-Deċiżjoni kkontestata li dawn it-tattiċi ma setgħux jiġu attribwiti għall-konċentrazzjoni, fis-sens li l-konċentrazzjoni x’aktarx li ma żżidx l-inċentivi tal-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex isegwu tali strateġiji. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, anki jekk jiġi preżunt li l-eżistenza ta’ dawn it-tattiċi ġiet prodotta l-prova tagħha, ir-rikorrenti ma tispjegax kif l-inċentivi għall-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex jadottaw tali tattiċi jiżdiedu bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, u għalhekk ma wrietx li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.
419 Is-sitt, ir-rikorrenti tikkontesta l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-muniċipalitajiet fil-konċessjoni tad-drittijiet. Fil-fatt, E.ON sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li l-muniċipalitajiet kellhom diskrezzjoni wiesgħa sabiex jagħżlu, jipponderaw u jfasslu l-kriterji tal-għoti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-interessi muniċipali (punt 226 tad-Deċiżjoni kkontestata ). F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-muniċipalità tistabbilixxi l-kriterji tal-għoti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-muniċipalità għandha marġni sabiex tagħżel, tippondera u tfassal dawn il-kriterji. Madankollu, kieku kien minnu, kif issostni r-rikorrenti, li l-muniċipalitajiet ma kellhomx marġni ta’ manuvra fl-għażla u li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu iktar effiċjenti u ħadu vantaġġ mis-saħħa finanzjarja, l-ekonomiji ta’ skala u l-esperjenza bil-konċessjonijiet tagħhom, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jkunu diġà rebħu numru sinjifikattiv ta’ konċessjonijiet għad-detriment ta’ kompetituri iżgħar, li ma huwiex il-każ, kif ġie indikat, essenzjalment, fil-punt 411 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, minħabba l-assenza ta’ elementi konkreti ppreżentati mir-rikorrenti u l-funzjonament normali tal-proċeduri ta’ konċessjoni, ma jidhirx plawsibbli li l-muniċipalitajiet ma għandhomx biżżejjed marġni ta’ manuvra, speċjalment peress li wħud mill-kriterji li għandhom jitqiesu huma suġġettivi. Għalhekk, emenda reċenti għad-dispożizzjonijiet statutorji relatati ma’ sejħiet għal offerti ta’ konċessjoni, implimentata fl‑2017, introduċiet it-“teħid inkunsiderazzjoni ta’ interessi muniċipali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala kriterju leġittimu fis-sejħiet għal offerti ta’ konċessjoni, kif ġie kkonstatat mill-Kummissjoni fil-punt 232 tad-Deċiżjoni kkontestata.
420 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni analizzat it-tħassib kollu tar-rikorrenti u ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konċessjonijiet.
421 Ir-raba’, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ offerta ta’ pakketti ta’ servizzi bħala DSO, ir-rikorrenti ma tissostanzjax l-affermazzjonijiet tagħha u ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni li tagħmel possibbli l-indikazzjoni li, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, E.ON kien ser ikollha iktar opportunitajiet sabiex toffri pakketti ta’ servizzi. Dawn huma biss spekulazzjonijiet dwar xenarji ipotetiċi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tispjegax għaliex il-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kellhomx diġà tali kapaċitajiet, meta diġà kienu operaturi tan-network preżenti tul il-katina tal-valur kollha, u lanqas għaliex il-kompetituri ma kinux jistgħu jipproduċu wkoll tali offerti u, jekk ikun il-każ, liema effetti antikompetittivi jistgħu jkunu mistennija.
422 F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ offerti ta’ pakketti ta’ servizzi, il-Kummissjoni tindika, fir-risposta, li l-operat ta’ network huwa, fil-fatt, indipendenti mill-oqsma l-oħra ta’ attività tal-impriżi tal-provvista tal-enerġija minħabba rekwiżiti legali. Fi kwalunkwe każ, qabel il-konċentrazzjoni, E.ON diġà kellha saħħa finanzjarja u setgħet diġà tippreżenta offerti ta’ pakketti ta’ servizzi, b’tali mod li tali aġir ma jistax jitqies li huwa speċifiku għall-konċentrazzjoni.
423 Il-ħames, ir-rikorrenti tafferma, mingħajr ma tissostanzja bl-ebda mod l-affermazzjoni tagħha, li l-Kummissjoni ma kinitx qieset l-interazzjonijiet li jirriżultaw minn effetti ta’ sostituzzjoni, effetti katina u effetti domino fi swieq ġeografikament limitati ġirien. Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax kif dawn il-fatturi huma rilevanti, u lanqas kif jista’ jiġi dedott minnhom impediment sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva.
424 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud it-tieni lment, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-effetti fuq is-swieq tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass.
c) Fuq it‑tielet ilment, ibbażat fuq l‑evalwazzjoni żbaljata tal‑effetti fuq is‑swieq tas‑servizzi tal‑qari tal‑arloġġ u tal‑elettromobbiltà
425 Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod suffiċjenti u korrett l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ u tal-elettromobbiltà.
426 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
1) Fuq is‑swieq tas‑servizzi tal‑qari tal‑arloġġ
427 Fir-rigward tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ, għandu jiġi rrimarkat li, fil-punt 355 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li s-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ tal-elettriku u tal-gass min-nGPC u s-swieq sekondarji potenzjali bbażati fuq il-prodott imkejjel kienu wkoll monopolji fil-livell taż-żona tan-network, bl-operatur tan-network ikun l-uniku operatur tal-punt tal-qari tal-arloġġ awtorizzat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 356 tad-Deċiżjoni kkontestata, li s-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ tal-elettriku u tal-gass taċ-cGPC kien suq emerġenti fil-Ġermanja u li l-parti mis-suq kumulattiv fil-Ġermanja tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kienet inqas minn 5 %, anki permezz ta’ diviżjoni ulterjuri tas-swieq sekondarji. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn is-swieq ma kinux affettwati mill-konċentrazzjoni.
428 Ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti relatati mal-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq tas‑servizzi tal‑qari tal‑arloġġ.
429 L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti relatat mal-effetti tas-sostituzzjoni, l-effetti katina u l-effetti domino li l-pożizzjoni ta’ E.ON bħala nGPC tista’ tikkawża fil-muniċipalitajiet li fihom għandha l-konċessjoni sabiex topera n-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punt 423 iktar ’il fuq.
430 Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni indikat, fil-punti 406 sa 409 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser timpedixxi b’mod sinjifikattiv l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva minħabba l-effetti mhux ikkoordinati li jirriżultaw mir-rabtiet vertikali bejn is-swieq upstream tan-networks tad-distribuzzjoni tal-gass u l-elettriku operati mid-DSO u s-swieq downstream għas-servizzi tal-qari tal-arloġġ miċ-cGPC fil-Ġermanja. Fil-fatt, hija rrilevat li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser tbiddel il-kapaċità ta’ E.ON li teskludi l-kompetituri cGPC, peress li d-DSO kienu monopolji lokali kemm qabel kif ukoll wara l-konċentrazzjoni. Hija qieset ukoll li l-inċentivi għall-esklużjoni kienu baxxi u ma żdidux b’mod sinjifikattiv b’riżultat tal-konċentrazzjoni, peress li, l-ewwel nett, il-parti mis-suq kumulattiv fil-Ġermanja tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq emerġenti tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ tal-elettriku u tal-gass miċ-cGPC kienet inqas minn 5 %, it-tieni, is-suq kien għadu fil-bidu tiegħu u l-iżvilupp ġenerali kien għadu baxx ħafna, it-tielet, kien hemm parteċipanti ġodda li daħlu fis-suq anki minn setturi oħra, u r-raba’, ir-regolament kien jeħtieġ li d-DSO jiżguraw konnessjoni man-network u użu mhux diskriminatorju tiegħu. Għalhekk jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni analizzat l-effetti vertikali bejn dawn iż-żewġ swieq.
431 It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, E.ON kienet ser issir il-kompetitur ewlieni b’41 % tal-punti tal-operat bħala nGPC u jkollha parti mis-suq ta’ mill-inqas 44.14 % meta jitqies it-tul tan-network, jew ta’ iktar minn 50 % meta jitqies l-għadd ta’ muniċipalitajiet moqdija.
432 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq għas-servizzi tal-qari tal-arloġġ, kif ġie stabbilit fil-punt 337 iktar ’il fuq. Bħala riżultat, il-partijiet mis-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni bħala nGPC ma humiex rilevanti għall-analiżi tas-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ tal-elettriku u tal-gass taċ-cGPC.
433 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha li tuża d-data tagħha stess mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għaliex id-data użata mill-Kummissjoni ma hijiex korretta.
434 Issa, ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti tuża data differenti minn dik użata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni mingħajr ma tipproduċi prova konkreta ta’ natura li turi li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data fid-Deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 156).
435 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li d-data użata mill-Kummissjoni u li hija rilevanti għall-kalkolu tal-partijiet mis-suq ma kinitx korretta. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li s-swieq relatati man-nGPC u maċ-cGPC ma kinux affettwati mill-konċentrazzjoni.
436 It-tielet, fir-rigward tal-kapaċità ta’ prestazzjoni meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tar-riżorsi umani u tekniċi fis-servizzi tal-qari tal-arloġġ u l-preżenza nazzjonali ta’ E.ON, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni għamlet diversi evalwazzjonijiet tal-preżenza ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ tikketta bajda li jkunu disponibbli biex jiżguraw il-ġestjoni tal-istazzjonijiet tal-kejl.
437 Fir-rigward ta’ definizzjoni possibbli tas-suq, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 358 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni ma wasslitx għal suq affettwat għas-servizzi tat-tikketta bajda jew għal swieq sekondarji potenzjali. F’dan ir-rigward, min-nota f’qiegħ il-paġna nru 180 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li s-servizzi tat-tikketta bajda, mill-inqas fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u fil-futur qrib, kienu iktar probabbli li jkollhom rwol fir-rigward tas-swieq fejn kien hemm obbligu li jiġu pprovduti ċerti servizzi, li mbagħad setgħu jiġu esternalizzati. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kkunsidratx suq tas-servizzi ta’ tikketta bajda għall-qari tal-arloġġ tal-gass u tal-elettriku bħala suq taċ-ċGPC, peress li s-suq taċ-cGPC għadu fil-bidu tiegħu u huma biss atturi bil-kapaċità proprja tagħhom li jistgħu jipparteċipaw f’din l-attività. Fil-punt 178 u fin-nota f’qiegħ il-paġna nru 186 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienet ikkunsidrat li s-servizzi ta’ tikketta bajda għan-nGPC u ċ-cGPC x’aktarx li jkollhom portata nazzjonali, peress li l-biċċa l-kbira tan-nGPC u ċ-cGPS, jekk mhux kollha kemm huma, kienu għadhom monopolji lokali u li, sabiex ikun hemm bażi ta’ klijenti ta’ ċertu daqs, kienet meħtieġa kopertura ġeografika usa’. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 359 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-parti mis-suq kumulattiva tal-partijiet fil-konċentrazzjoni ma kinitx taqbeż il-5 % f’suq sekondarju potenzjali tas-servizzi tat-tikketta bajda għall-qari tal-arloġġ tal-elettriku u tal-gass.
438 Il-Kummissjoni evalwat ukoll l-effetti vertikali bejn is-suq tan-nGPC downstream u s-servizzi tat-tikketta bajda upstream, fil-punti 414 sa 417 tad-Deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, ikkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma timpedixxix b’mod sinjifikattiv l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva minħabba l-effetti mhux ikkoordinati li jirriżultaw mir-rabtiet vertikali bejn dawn iż-żewġ swieq, minħabba li, downstream, in-nGPC kienu monopolji lokali u għalhekk ma kien hemm l-ebda kompetizzjoni, u minħabba li l-parti mis-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-servizzi tat-tikketta bajda kienet inqas minn 5 %. Min-naħa l-oħra, upstream, il-konċentrazzjoni la biddlet il-kapaċità ta’ esklużjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ tikketta bajda, peress li n-nGPC kienu diġà monopolji lokali, u lanqas l-inċentivi għall-esklużjoni, li ma żdidux b’mod sinjifikattiv, minħabba l-pożizzjoni limitata ħafna tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ tikketta bajda upstream u ż-żieda minuri minħabba l-konċentrazzjoni.
439 Bl-istess mod, il-Kummissjoni sabet, fil-punti 178 u 407 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ dħul fis-suq u l-assenza ta’ ostakoli għad-dħul. Għalhekk, l-ebda ostakolu perċepibbli ma jillimita l-offerta ta’ dawn is-servizzi għal ċertu reġjun, peress li l-biċċa l-kbira tan-nGPC u ċ-cGPC jipprovdu wkoll tali servizzi ta’ tikketta bajda u li parteċipanti ġodda bħal Telefónica jew Deutsche Telekom, li ma kinux parti mis-settur, jidħlu fis-suq domestiku.
440 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova li tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-fornituri ta’ servizzi ta’ tikketta bajda, li, skont il-Kummissjoni, ser ikunu disponibbli sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nGPC u ċ-cGPC li ma għandhomx il-kapaċitajiet meħtieġa għall-operat xieraq tal-arloġġi.
441 Fir-rigward tal-fatt li, minħabba l-istatuti tagħhom jew id-dritt muniċipali Ġermaniż, xi kompetituri muniċipali potenzjali jistgħu jintervjenu biss fil-livell lokali, il-Kummissjoni ġustament qieset li dan, madankollu, ikun ta’ importanza sekondarja għall-kompetizzjoni, peress li ftit impriżi rari biss kienu koperti minn tali projbizzjonijiet assoluti.
442 Ir-raba’, fir-rigward tal-allegati benefiċċji derivati mill-ekonomiji ta’ skala u l-kapaċità tal-akkwist bħala nGPC, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punti 362 u 363 tad-Deċiżjoni kkontestata, li ċerti ipoteżijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż u l-ekonomiji ta’ skala għal E.ON u innogy u atturi oħra, ma kinux iġġustifikati. Sabiex issostni din l-ipoteżi ta’ dannu, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-istudju LBD u għall-istudju BET.
443 Il-grafika 7, f’paġna 17 tal-istudju LBD, li għaliha tagħmel riferiment ir-rikorrenti, turi l-ipprezzar tad-ditti ta’ innogy fiż-żona bażika ta’ LSW Energie GmbH & Co. KG, iżda r-rikorrenti ma tispjegax kif din il-grafika tista’ ssostni l-eżistenza ta’ benefiċċji bbażati fuq l-ekonomiji ta’ skala u l-kapaċità tal-akkwist bħala riżultat tal-konċentrazzjoni.
444 Abbażi tal-istudju BET, ir-rikorrenti ssostni li r-rispondenti għall-investigazzjoni jistennew li s-suq kien ser jingħalaq għad-dħul ta’ atturi ġodda. Madankollu, din l-investigazzjoni għandha rilevanza u valur probatorju limitati għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet indikati fil-punt 205 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet nri 62, 63, 65 u 71 ma humiex ta’ natura li tikkontradixxi l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, kif deskritt fil-punt 439 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-assenza ta’ ostakoli għad-dħul u tad-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-suq.
445 Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tispjegax kif l-istudju LBD u l-istudju BET kienu ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-assenza ta’ allokazzjoni tas-swieq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ u fuq kollox in-nuqqas ta’ plawsibbiltà tal-allegazzjonijiet relatati mal-ekonomiji ta’ skala. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkontestat, fil-punt 363 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-allegazzjoni li ċerti atturi kbar biss kienu ser ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ operat tal-arloġġi intelliġenti b’mod li jrendi qligħ. Il-Kummissjoni kkonstatat, f’dan ir-rigward, li tali possibbiltà ma kinitx probabbli, għaliex, qabel kollox, it-tagħmir tal-konnessjonijiet tal-arloġġi intelliġenti u l-infrastruttura meħtieġa ġew ipprovduti minn diversi fornituri indipendenti, sussegwentement, li l-operat kummerċjali kien possibbli minn 100 000 sa 300 000 arloġġ intelliġenti, li kienu jirrappreżentaw proporzjon żgħir tan-numru totali ta’ arloġġi, u barra minn hekk, il-fornituri b’inqas arloġġi xorta setgħu jikkooperaw sabiex jilħqu skali ikbar, u, fl-aħħar nett, il-wasla fis-suq ta’ atturi kbar barra mis-settur tal-enerġija wriet li d-dħul fis-suq u, għalhekk, il-kompetizzjoni, kienu possibbli.
446 Għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti relatati mas-suq tas-servizzi tal-qari tal-arloġġ.
2) Fuq is‑suq tal‑elettromobbiltà
447 Fir-rigward tas-suq tal-elettromobbiltà, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli evalwat b’mod żbaljat is-sitwazzjoni kompetittiva barra mill-awtostradi fil-livell lokali.
448 F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 381 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-parti mis-suq kumulattiva tal-partijiet fil-konċentrazzjoni f’termini ta’ punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi barra mill-awtostradi fil-Ġermanja kienet ta’ inqas minn 20 %, anki jekk wieħed jippreżupponi suq distint għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar normali u għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar rapidi. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 384 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu joperaw numru baxx ħafna ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi ultrarapidi barra mill-awtostradi u li bosta kompetituri importanti bħal Allego, EnBW jew Ionity kellhom pjanijiet ta’ espansjoni għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar ultrarapidi, ta’ estent simili jew ikbar minn dawk tal-imsemmija partijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 385 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, fil-livell nazzjonali, kien hemm diversi kompetituri preżenti u futuri bħal Deutsche Telekom jew Volkswagen, u li dawn tal-aħħar kienu ħabbru wkoll l-intenzjoni tagħhom li jidħlu fis-suq tal-elettromobbiltà u ppjanaw li jibnu stazzjonijiet pubbliċi tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi fil-faċilitajiet tal-4 000 negozju tal-karozzi tagħhom u l-istazzjonijiet tas-servizz imsieħba tagħhom madwar l-Ewropa. Fl-aħħar nett, fil-punt 386 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, anki fis-16-il żona lokali barra mill-awtostradi li kienet identifikat, li fihom il-parti mis-suq kumulattiva tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kienet iktar minn 25 % jew id-delta tal-indiċi Herfindahl-Hirschman kienet iktar minn 150, il-konċentrazzjoni ma kinitx probabbli li timpedixxi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni, peress li, l-ewwel nett, kompetituri oħra, inklużi atturi li jispeċjalizzaw fl-elettromobbiltà u impriżi muniċipali, kienu preżenti, it-tieni, f’xi wħud minn dawn ir-reġjuni, il-kompetituri kienu ħabbru pjanijiet ta’ espansjoni, it-tielet, iż-żieda fil-kapaċità relatata mal-konċentrazzjoni spiss kienet inqas minn 10 % tal-partijiet mis-suq u, ir-raba’, xi wħud miż-żoni fil-viċinanza immedjata ta’ bliet kbar jew muniċipalitajiet oħra kienu għalhekk suġġetti għal pressjoni kompetittiva.
449 Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet analiżi koerenti u sħiħa, inkluż barra mill-awtostradi, tal-elementi kompetittivi mill-perspettiva tal-iżgħar suq konċepibbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-partijiet mis-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, il-prossimità kompetittiva tagħhom, l-istruttura tas-suq u l-ostakoli għad-dħul.
450 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti relatati mal-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tal‑elettromobbiltà. Għalhekk, abbażi tal-istudju BET, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, l-ewwel nett, li l-fornituri żgħar ma kinux ser ikunu jistgħu jiżviluppaw network ta’ ċċarġjar fil-livell nazzjonali, it-tieni, li l-ekonomiji ta’ skala miksuba minn E.ON permezz tal-konċentrazzjoni ser ikollhom effett ta’ esklużjoni u, it-tielet, li l-għajbien ta’ innogy jelimina l-biċċa l-kbira tal-kompetizzjoni.
451 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma timpedixxix b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva minħabba effetti orizzontali mhux ikkoordinati li jirriżultaw mis-sovrappożizzjonijiet tal-attivitajiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-swieq tal-installazzjoni u l-operat ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar barra mill-awtostradi fil-Ġermanja, fost oħrajn għar-raġunijiet deskritti fil-punt 448 iktar ’il fuq.
452 Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq l-istudju BET, għandu jiżdied mal-karattru limitat f’termini ta’ rilevanza u ta’ valur probatorju ta’ dan l-istudju (ara l-punt 205 iktar ’il fuq) li dan l-istudju ma huwiex rappreżentattiv biżżejjed tal-istat tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettromobbiltà, peress li l-parteċipanti huma biss impriżi tal-provvista tal-enerġija u DSO, filwaqt li, f’dan is-settur, huma attivi impriżi minn setturi oħra, bħal Deutsche Telekom, Volkswagen, Ionity, Shell jew BP, kif ukoll impriżi li jispeċjalizzaw fl-elettromobbiltà bħal Fastned, eLoaded, ChargePoint jew Allego.
453 Ir-rikorrenti tindika wkoll li, wara l-paġna 19 tal-preżentazzjoni li tirrifletti s-sitwazzjoni tas-suq fid‑9 ta’ Jannar 2019 ta’ LBD Beratungsgesellschaft, il-parti mis-suq ta’ E.ON wara l-konċentrazzjoni tammonta, sal-lum, għal 33 %. Minn din il-preżentazzjoni, jirriżulta li l-parti mis-suq ikkombinata ta’ E.ON u innogy pjuttost kienet ser ikun ta’ 21.2 %. Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax minn fejn ġejja d-differenza ta’ 12 %. Barra minn hekk, din il-preżentazzjoni tar-rikorrenti turi wkoll il-preżenza ta’ diversi kompetituri b’ishma mhux insinjifikattivi mis-suq, bħal [kunfidenzjali]. Dawn il-perċentwali jaqgħu fil-marġni tal-istimi u huma konformi mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li tqis li l-partijiet mis-suq ta’ E.ON bħala riżultat tal-konċentrazzjoni ma kinux ser jaqbżu l-20 % u li hemm diversi kompetituri fis-suq.
454 Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tuża d-data tagħha stess mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għaliex id-data użata mill-Kummissjoni ma hijiex korretta. Issa, kif tfakkar fil-punt 434 iktar ’il fuq, ma huwiex suffiċjenti li r-rikorrenti tuża data differenti minn dik użata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni mingħajr ma tipproduċi prova konkreta li turi li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data fid-Deċiżjoni kkontestata huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li d-data użata mill-Kummissjoni ma kinitx korretta.
455 Ir-rikorrenti tindika li l-Monopolkommission (il-Kummissjoni tal-Monopolji, il-Ġermanja), fis-seba’ rapport settorjali tagħha dwar l-enerġija tal‑2019, identifikat konċentrazzjonijiet reġjonali ta’ tħassib u assenza ta’ kompetizzjoni fil-livell lokali. Għandu jiġi nnotat li l-imsemmi rapport huwa sussegwenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, u ma kienx disponibbli għall-Kummissjoni, għalhekk huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 194 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, il-ħarsa ġenerali lejn is-suq mogħtija f’dan ir-rapport bl-ebda mod ma tikkontesta l-analiżi tal-fatturi lokali kif deskritta fil-punt 448 iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali tinnota li, mill-paġni 96 et seq. ta’ dan ir-rapport, jirriżulta li s-suq tal-elettromobbiltà huwa suq emerġenti. B’mod iktar speċifiku, mill-punt 244 tal-imsemmi rapport jirriżulta li, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, “huwa ċertament impossibbli li jiġi previst l-iżvilupp futur tal-mobbiltà elettrika” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tidentifikax liema elementi partikolari ta’ dawn il-provi jistgħu juru l-eżistenza ta’ żball manifest attribwibbli lill-Kummissjoni.
456 Għalhekk, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tas-suq tal-elettromobbiltà.
457 Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li għandu jiġi miċħud it-tielet ilment, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-effetti fuq is-swieq tas-servizzi tal‑qari tal‑arloġġ u tal-elettromobbiltà.
d) Fuq ir‑raba’ lment, ibbażat fuq l‑evalwazzjoni żbaljata tal‑effetti tas‑soluzzjonijiet għall‑klijenti bbażati fuq id‑data tal‑klijenti
458 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ttrattat biss b’mod konċiż ħafna s-soluzzjonijiet għall-klijenti bbażati fuq id-data fil-qasam tal-enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-big data, kif ukoll gruppi ta’ prodotti innovattivi, fil-punti 428 sa 432 tad-Deċiżjoni kkontestata.
459 L-ewwel nett, fir-rigward tal-big data, it-titjib tal-aċċess għal firxa wiesgħa ta’ data, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proliferazzjoni tal-arloġġi intelliġenti u l-istabbiliment ta’ suq għaċ-cGPC, kien ser ikun fattur essenzjali tal-kompetittività, sa fejn din id-data tagħmilha iktar faċli li jkunu magħrufa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u li l-prodotti u s-servizzi jiġu adattati aħjar għall-klijenti. F’dan ir-rigward, E.ON ser ikollha għarfien ikbar tad-djar u tal-klijenti kummerċjali żgħar, tal-aġir tal-użu u tal-iċċarġjar tal-utenti tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tal-ġestjoni kompetittiva tal-istazzjonijiet tal-kejl. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eżaminatx biżżejjed dawn il-punti.
460 Fit-tieni lok, E.ON ser ikollha vantaġġ kompetittiv fir-rigward tas-soluzzjonijiet innovattivi u l-offerti ta’ pakketti ta’ servizzi.
461 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-preżenza qawwija tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq bħala riżultat tal-konċentrazzjoni ser tiffaċilita l-bejgħ inkroċjat.
462 Il-Kummissjoni, sostnuta minn E.ON, issostni li eżaminat b’mod suffiċjenti l-effetti tas-soluzzjonijiet għall-klijenti bbażati fuq id-data tal-klijenti mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni.
463 Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni analizzat ipoteżijiet oħra ta’ dannu fit-Taqsima 7.4 tad-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni analizzat it-teoriji tad-dannu relatati mal-aċċess għad-data tal-klijenti fil-punti 422 sa 427 u l-offerti ta’ pakketti ta’ servizzi relatati mal-enerġija fil-punti 428 sa 435.
464 L-ewwel nett, fir-rigward tal-aċċess għad-data, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 423 tad-Deċiżjoni kkontestata, li E.ON ma kienx ser ikollha aċċess, wara l-konċentrazzjoni, għal tipi ta’ data iktar varjati minn dawk diġà disponibbli għal kull waħda mill-partijiet qabel il-konċentrazzjoni, iżda li kien ser ikollha aċċess għal iktar informazzjoni tal-istess tip. Il-Kummissjoni ddeduċiet li iktar informazzjoni tal-istess tip mhux neċessarjament iżżid il-valur u li l-ekonomiji ta’ skala li din tista’ ġġib ser jitnaqqsu. Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punti 424 u 425 tad-Deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-ewwel investigazzjoni tas-suq, li kien hemm inċertezza kbira dwar il-kwantità minima u t-tip ta’ data meħtieġa għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda tal-enerġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat ir-riskju ta’ esklużjoni u kkonstatat li mill-ewwel investigazzjoni tas-suq jirriżulta li diversi kompetituri, inklużi impriżi muniċipali, kienu diġà qegħdin jipproponu jew jiżviluppaw soluzzjonijiet differenti bbażati fuq id-data, waħedhom jew f’kooperazzjoni ma’ atturi oħra. Bl-istess mod, l-ewwel investigazzjoni tas-suq u d-dokumenti interni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni wrew li impriżi kbar bħal Google, Amazon, Samsung, Bosch u Phillips kienu diġà qegħdin joffru, anki f’kooperazzjoni mal-fornituri bl-imnut żgħar tal-enerġija, servizzi jew prodotti intelliġenti relatati mad-dar u mad-data, jew kienu qegħdin jikkunsidraw li jagħmlu dan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat, fil-punt 427 tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-regolamentazzjoni tal-ġbir u l-użu tad-data għandha tnaqqas ir-riskju ta’ aġir abbużiva jew diskriminatorja minn impriżi integrati vertikalment.
465 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma analizzatx b’mod suffiċjenti l-aċċess għad-data tal-klijenti, iżda ma tipproduċi l-ebda prova li E.ON ser tkun tista’ taġixxi b’mod differenti bħala riżultat tal-konċentrazzjoni milli għamlet qabel il-konċentrazzjoni, minħabba l-aċċess diġà estensiv tagħha għad-data tal-klijenti. Ir-rikorrenti lanqas ma pproduċiet provi dwar id-dannu konkret li jirriżulta mill-provvista ta’ offerti adattati aħjar għall-klijenti. Barra minn hekk, minnha nnifisha, il-provvista ta’ offerti adattati aħjar tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, jekk ma twassalx għal monopolizzazzjoni tas-suq billi teskludi lill-kompetituri mis-suq. B’hekk, fl-assenza ta’ provi ta’ effetti possibbli ta’ esklużjoni, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.
466 Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ soluzzjonijiet innovattivi u offerti ta’ pakketti ta’ servizzi, il-Kummissjoni nnotat, fil-punti 432 sa 435 tad-Deċiżjoni kkontestata, li diversi kompetituri, inklużi wħud żgħar, diġà qegħdin joffru jew qegħdin jiżviluppaw pakketti ta’ offerti, fejn il-kunċett ta’ raggruppament ta’ prodotti huwa komuni fis-settur. Hija indikat li dawn il-kompetituri offrew dawn l-offerti individwalment jew f’kooperazzjoni, li għadd ta’ atturi multinazzjonali kienu interessati f’offerti ta’ pakketti ta’ servizzi u fi pjattaformi tal-enerġija u li kien probabbli li dawn kellhom kapaċitajiet ta’ bejgħ inkroċjat u riżorsi finanzjarji komparabbli ma’ dawk tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Fl-aħħar nett, hija rrilevat li xi wħud minn dawn l-impriżi kienu kumpanniji kbar li huma finanzjarjament stabbli u li diġà huma attivi fl-hekk imsejħa swieq “Business-to-Consumer” (B2C), jiġifieri impriża li jimmiraw lejn klijenti individwali partikolari fi swieq oħra, u li għalhekk diġà kellhom bażi kbira ta’ klijenti li magħhom setgħu jagħmlu bejgħ inkroċjat.
467 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni ta’ informazzjoni li kienet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u li tissuġġerixxi li s-saħħa finanzjarja ta’ E.ON, il-bejgħ f’pakketti jew il-bejgħ inkroċjat jew, b’mod iktar ġenerali, is-soluzzjonijiet innovattivi li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni jista’ jkollhom effetti antikompetittivi. Ir-rikorrenti lanqas ma tipproduċi prova li tiċħad il-preżenza u d-dħul fis-suq ta’ kompetituri li kapaċi jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni jew l-assenza ta’ provi ta’ ostakoli għad-dħul jew l-espansjoni. Ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova li ssostni l-allegazzjoni li, wara l-konċentrazzjoni, il-portafoll ta’ E.ON kien ser jespandi minħabba l-kisba ta’ kapaċitajiet li ma kinux disponibbli qabel. Għall-kuntrarju, kien hemm komplementarjetà ġeografika bejn il-portafolli ta’ E.ON u dawk ta’ innogy qabel il-konċentrazzjoni, b’tali mod li, wara din il-konċentrazzjoni, E.ON kien ser ikollha l-istess kapaċitajiet, iżda f’iktar postijiet. Minn dan jirriżulta li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti jikkostitwixxu ipoteżijiet mhux sostanzjati li ma jissodisfawx il-livell ta’ prova meħtieġ.
468 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-effetti tas-soluzzjonijiet għall-klijenti bbażati fuq id-data tal-klijenti.
e) Fuq il‑ħames ilment, ibbażat fuq it‑tqassim tas‑swieq tal‑elettriku deċiż minn RWE u E.ON
469 Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-tqassim, bejn E.ON u RWE, tal-istadji fil-katina tal-valur tas-settur tal-elettriku timplika restrizzjoni pprojbita tal-kompetizzjoni, peress li tmur kontra l-Artikolu 101 TFUE.
470 Il-Kummissjoni, sostnuta minn RWE, issostni li ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-ebda indikazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.
471 Fir-rigward tal-allegat tqassim tas-suq tal-elettriku li jirriżulta mill-operazzjoni globali, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, permezz tagħha, RWE u E.ON qasmu kompletament is-suq tal-elettriku, li jirrappreżenta restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.
472 Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, dan tal-aħħar huwa applikabbli biss għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li għalihom ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) fil-prinċipju ma japplikax. Min-naħa l-oħra, dan l-aħħar regolament jibqa’ applikabbli għall-aġir tal-impriżi li, mingħajr ma jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, jista’ madankollu jwassal għal koordinazzjoni bejniethom li tikser l-Artikolu 101 TFUE u li, għal din ir-raġuni, huma suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punti 32 u 33).
473 Il-fatt li s-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata jikkonċerna konċentrazzjoni ma huwiex ikkontestat. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE huwa ineffettiv.
f) Fuq is‑sitt ilment, ibbażat fuq l‑evalwazzjoni tal‑effetti tal‑impenji
474 Ir-rikorrenti ssostni li l-impenji offruti minn E.ON u magħmula obbligatorji mill-Kummissjoni kienu limitati, sa fejn hija kkonċernata l-Ġermanja, għas-swieq tal-elettriku użati għat-tisħin u għal stazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi fuq l-awtostradi, u li ma kinux tali li jneħħu d-dubji eżistenti dwar il-kompetizzjoni.
475 Fl-ewwel lok, iċ-ċessjoni ta’ madwar 260 000 klijent fis-suq tal-elettriku użat għat-tisħin ikun jikkonċerna suq differenti mis-suq għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar fejn il-konċentrazzjoni tikkawża dannu lill-kompetizzjoni.
476 Fit-tieni lok, l-abbandunar tal-operat ta’ 34 stazzjon tal-iċċarġjar fuq l-awtostradi, minn iktar minn 11 000 li kellha E.ON qabel il-konċentrazzjoni, ma jkollu l-ebda effett li jipproteġi l-kompetizzjoni.
477 Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment ma huwiex ammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma tispeċifikax liema kienu jkunu l-obbligi meħtieġa. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li ma kinux meħtieġa obbligi addizzjonali.
478 Huwa meħtieġ li tiġi analizzata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li skontha dan l-ilment huwa inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma tispeċifikax liema kienu jkunu l-obbligi meħtieġa.
479 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa l-kompitu tar-rikorrent li juri kif l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata huma żbaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Wieland‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑251/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:296, punt 438).
480 Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi mressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra sabiex issostniha. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat ilment insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Wieland‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑251/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:296, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
481 F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement tafferma li l-impenji ma jindirizzawx il-problemi tal-kompetizzjoni, iżda ma tispjegax għaliex dan ikun il-każ u ma tipproduċi l-ebda prova li l-impenji ma humiex adegwati sabiex isolvu b’mod dirett u suffiċjenti l-problemi identifikati matul il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni, mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
482 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument intiż li jistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-impenji proposti minn E.ON kienu tali li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern. B’hekk, ma ppermettietx lill-Kummissjoni tħejji d-difiża tagħha b’mod adegwat u ma ppermettietx lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tal-impenji proposti minn E.ON.
483 Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
g) Konklużjoni fuq it‑tielet parti tal‑ħames motiv
484 Minħabba li l-ilmenti kollha għandhom jiġu miċħuda, it-tielet parti tal-ħames motiv legali għandha tiġi miċħuda kollu kemm hu.
6. Konklużjoni
485 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, suġġett għall-konformità mal-impenji definittivi, il-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004.
486 Minn dan jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
[omissis]
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) EVH GmbH għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn E.ON SE u minn RWE AG.
van der Woude |
Svenningsen |
Mac Eochaidh |
Martín y Pérez de Nanclares |
Stancu |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
1 Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.
2 Id-data kunfidenzjali ġiet redatta.