Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CO0551

    Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2022.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Intervent – Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Talba mressqa mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Ammissjoni.
    Kawża C-551/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:163

     DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    3 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

    “Intervent – Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Talba mressqa mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Ammissjoni”

    Fil-Kawża C‑551/21,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l‑Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑7 ta’ Settembru 2021,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, B. Hofstötter, T. Ramopoulos u A. Stobiecka‑Kuik, bħala aġenti,

    rikorrenti

    vs

    Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Antoniadis, F. Naert u B. Driessen, bħala aġenti,

    konvenut

    sostnut minn:

    Ir‑Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, O. Šváb, J. Vláčil u K. Najmanová, bħala aġenti,

    Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères u J.‑L. Carré, bħala aġenti,

    L‑Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

    Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

    Ir‑Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn M. Pimenta, P. Barros da Costa u J. Ramos, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    wara li ra l-proposta ta’ C. Lycourgos, Imħallef Relatur,

    wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, J. Kokott,

    jagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1117 tat‑28 ta’ Ġunju 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (2021–2026) (ĠU 2021, L 242, p. 3), u tan-nomina mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-President tiegħu u abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tal-Ambaxxatur tal-Portugal bħala persuna awtorizzata tiffirma dan il-protokoll.

    2

    Insostenn ta’ dan ir-rikors għal annullament, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-prassi tal-Kunsill li l-President tiegħu jinnomina lill-persuna awtorizzata tiffirma ftehim internazzjonali f’isem l-Unjoni Ewropea tippreġudika l-prerogattiva tal-Kummissjoni, mogħtija fl-Artikolu 17(1) TUE, li tiżgura, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni.

    3

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Jannar 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”), abbażi tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talab jintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    4

    Insostenn tat-talba għal intervent tiegħu, ir-Rappreżentant Għoli jsostni, prinċipalment, li huwa jagħmel parti mill-“istituzzjonijiet tal-Unjoni”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, sussidjarjament, li huwa għandu jitqies bħala “korp” jew “organu” tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut u bħala li għandu “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Rappreżentant Għoli josserva li l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza li għandha tingħata, dwar il-prerogattiva invokata mill-Kummissjoni japplikaw, mutatis mutandis, għall-prerogattiva analoga li huwa għandu, abbażi tal-Artikolu 27(2) TUE, fil-qasam tal-PESK.

    5

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni talbet li din it-talba għal intervent tiġi milqugħa.

    6

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill talab li l-imsemmija talba għal intervent tiġi miċħuda.

    7

    Il-Kunsill iqis li r-Rappreżentant Għoli ma huwiex “istituzzjoni tal-Unjoni”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li, minkejja l-fatt li huwa għandu jitqies bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “korp jew organu tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut, huwa ma għandux “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    8

    Il-Kunsill josserva, b’mod partikolari, li, f’dan il-każ, it-tilwima ma tirrigwardax il-PESK u li s-soluzzjoni li ser tingħata għaliha mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax għaldaqstant taffettwa s-sitwazzjoni legali tar-Rappreżentant Għoli. Is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ dik tal-Kunsill hija, barra minn hekk, differenti minn dik tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li r-Rappreżentant Għoli jippresjedi, konformement mal-Artikolu 27(1) TUE, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u li konsegwentement huwa stess jista’ jinnomina lill-persuna awtorizzata tikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-PESK. Is-sitwazzjoni legali tar-Rappreżentant Għoli hija għalhekk differenti minn dik li tinsab fiha l-Kummissjoni meta, bħal f’dan il-każ, jiġi konkluż ftehim internazzjonali f’qasam li ma jaqax taħt il-PESK.

    Fuq it‑talba għal intervent

    9

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    10

    L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma biss dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 13(1) TUE (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:658, punt 6 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    11

    Konsegwentement, peress li ma huwiex inkluż fil-lista tal-Artikolu 13(1) TUE, ir-Rappreżentant Għoli ma jistax jiġi kklassifikat bħala “istituzzjoni tal-Unjoni”. Għaldaqstant, huwa ma jistax jibbaża ruħu fuq tali kwalità sabiex jinvoka d-dritt li jintervjeni f’din il-kawża (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:658, punt 7 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    12

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, ir-Rappreżentant Għoli jistax jitħalla jintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hekk kif huwa jsostni sussidjarjament.

    13

    Skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut, id-dritt ta’ intervent f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jappartjeni “lill-korpi u lill-organi ta’ l-Unjoni u lil kull persuna oħra”, jekk huma jkunu jistgħu juru li għandhom “interess fir-riżultat ta’ xi kawża”. It-tieni sentenza ta’ dan it-tieni paragrafu teskludi l-intervent ta’ “[p]ersuni fiżiċi jew ġuridiċi” fil-kawżi bejn l-Istati Membri, bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn l-Istati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Abbażi tal-formulazzjoni u tal-istruttura ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jitqies li tali esklużjoni ma tapplikax għall-“korpi u [għa]ll-organi ta’ l-Unjoni” (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2021, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑144/21, EU:C:2021:757, punti 6 sa 8).

    14

    B’teħid inkunsiderazzjoni tal-mandat, intrinsikament marbut mal-funzjonament tal-Unjoni, li bih huwa investit ir-Rappreżentant Għoli fl-Artikolu 27 TUE, u, b’mod partikolari, tal-fatt li filwaqt li huwa assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), skont l-Artikolu 27(3) TUE, huwa ġuridikament separat minnu, ir-Rappreżentant Għoli għandu jiġi assimilat mal-“korpi u mal-organi tal-Unjoni” għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, ir-Rappreżentant Għoli jista’ jintervjeni fil-kawża bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill, bil-kundizzjoni li huwa jkollu “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”.

    15

    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali interess, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”, fis-sens ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40, għandu jinftiehem bħala interess dirett u attwali fl-eżitu rriżervat għat-talbiet imressqa, u mhux bħala interess fir-rigward tal-motivi mqajma jew tal-argumenti mressqa. Fil-fatt, il-kliem “soluzzjoni tat-tilwima” jirreferi għad-deċiżjoni finali mitluba, hekk kif tiġi stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2021, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑144/21, EU:C:2021:757, punt 10).

    16

    Fir-rigward tat-talbiet għal intervent tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, hemm lok li din il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ interess dirett u attwali tiġi applikata b’mod li jirrifletti n-natura speċifika tal-mandat li dak li jressaq it-talba għal intervent huwa mitlub li jeżegwixxi taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2021, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑144/21, EU:C:2021:757, punti 1112).

    17

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 27(2) TUE jagħti lir-Rappreżentant Għoli l-mandat li jirrappreżenta lill-Unjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-PESK.

    18

    Il-Kummissjoni tiżgura, min-naħa tagħha, ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni barra mill-PESK u mill-każijiet l-oħra previsti mit-Trattati, konformement mas-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1)TUE.

    19

    F’dan il-każ, it-tilwima tirrigwarda, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk il-kompitu li tiġi żgurata r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, previst fis-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, jimplikax li hija l-Kummissjoni, u mhux il-President tal-Kunsill, li għandha tinnomina, bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali f’isem l-Unjoni, lill-persuna awtorizzata tiffirma dan il-ftehim.

    20

    L-evalwazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ din il-kwistjoni ta’ dritt istituzzjonali tiddetermina mhux biss is-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni, iżda jkollha wkoll influwenza deċiżiva, mutatis mutandis, fuq l-għażla tal-proċedura segwita u fuq il-kompetenzi eżerċitati mir-Rappreżentant Għoli meta ftehim internazzjonali jkollu jiġi ffirmat fil-qasam tal-PESK. Fil-fatt, bħall-Kummissjoni fl-oqsma li jinsabu barra mill-PESK, ir-Rappreżentant Għoli għandu, fl-oqsma li jaqgħu taħt il-PESK, il-mandat li jiżgura r-rappreżentanza tal-Unjoni.

    21

    Ċertament, f’dan il-każ, ir-Rappreżentant Għoli jibbaża l-interess tiegħu fis-soluzzjoni tat-tilwima fuq il-prerogattiva analoga relatata mar-rappreżentanza tal-Unjoni li huwa għandu fil-qasam tal-PESK, taħt l-Artikolu 27(2) TUE meta mqabbla mal-prerogattiva li l-Kummissjoni għandha, taħt l-Artikolu 17(1) TUE, għall-finijiet tar-rappreżentanza tal-Unjoni fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-PESK, filwaqt li hija biss din il-prerogattiva tal-aħħar li hija inkwistjoni f’din il-kawża. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li dan l-interess tar-Rappreżentant Għoli fis-soluzzjoni tat-tilwima ma huwiex ibbażat fuq il-fatt li huwa fl-istess sitwazzjoni bħall-Kummissjoni f’każ wieħed jew iktar analogi, iżda, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt preċedenti, fuq il-fatt li s-soluzzjoni tat-tilwima f’dan il-każ tiddetermina l-portata tar-rwol tiegħu u tal-kompetenzi li huwa jislet mid-dritt primarju, fir-rigward tal-iffirmar ta’ kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni fil-qasam tal-PESK.

    22

    Fid-dawl ta’ din il-portata ġenerali tal-interess invokat mir-Rappreżentant Għoli, kif ukoll tal-fatt li dan tal-aħħar huwa, bħala prinċipju, l-unika persuna jew entità li tista’ tinvokah, dan l-interess għandu jiġi kklassifikat bħala “dirett” u “attwali”.

    23

    L-interess dirett u attwali li s-soluzzjoni tat-tilwima f’dan il-każ jista’ għalhekk ikollha għar-Rappreżentant Għoli ma huwiex invalidat mill-fatt, invokat mill-Kunsill, li r-Rappreżentant Għoli jippresjedi, skont l-Artikolu 27(1) TUE, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif speċifika l-Kunsill, id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-PESK ma humiex dejjem meħuda mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u, min-naħa l-oħra, li, indipendentement mir-rwol preċiż tar-Rappreżentant Għoli fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ tali ftehim internazzjonali, il-kjarifiki magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-livell ġuridiku f’dak li jirrigwarda l-portata tal-kompitu ta’ rappreżentanza previst fl-Artikolu 17(1) TUE jistgħu jippreċiżaw il-portata tal-mandat ta’ rappreżentanza previst fl-Artikolu 27(2) TUE.

    24

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tiġi ammessa, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal intervent tar-Rappreżentant Għoli insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    Fuq id‑drittijiet proċedurali tal‑intervenjent

    25

    Peress li t-talba għal intervent hija ammessa, l-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet għandhom jiġu kkomunikati lir-Rappreżentant Għoli, b’applikazzjoni tal-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    26

    Peress li din it-talba tressqet fit-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Rappreżentant Għoli jista’, skont l-Artikolu 132(1) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, jippreżenta nota ta’ intervent f’terminu ta’ xahar mill-komunikazzjoni msemmija fil-punt preċedenti.

    27

    Fl-aħħar ir-Rappreżentant Għoli jista’ jippreżenta osservazzjonijiet orali jekk tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

    Fuq l‑ispejjeż

    28

    Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza.

    29

    F’dan il-każ, peress li t-talba għal intervent tar-Rappreżentant Għoli ntlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż marbuta mal-intervent tiegħu jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

     

    1)

    Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà huwa ammess jintervjeni fil-Kawża C‑551/21 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea.

     

    2)

    Kopja tal-atti proċedurali kollha għandha tiġi kkomunikata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà mir-Reġistratur.

     

    3)

    Għandu jiġi stabbilit terminu li fih ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jista’ jippreżenta nota ta’ intervent.

     

    4)

    L-ispejjeż marbuta mal-intervent tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top