EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CO0006

Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2021.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Pharma Mar SA u l-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Intervent – Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Talba mressqa minn aġenzija tal-Unjoni Ewropea – Locus standi sabiex tintervjeni f’tilwima bejn Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Unjoni – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Ammissjoni.
Kawżi magħquda C-6/21 P u C-16/21 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:756

 DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

17 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Appell – Intervent – Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Talba mressqa minn aġenzija tal-Unjoni Ewropea – Locus standi sabiex tintervjeni f’tilwima bejn Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Unjoni – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Ammissjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑6/21 P u C‑16/21 P,

li għandha bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis-7 ta’ Jannar 2021,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn S. Heimerl u J. Möller, bħala aġenti,

appellanti fil-Kawża C‑6/21 P,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Pharma Mar SA, stabbilita f’Colmenar Viejo (Spanja), irrappreżentata minn M. Merola u V. Salvatore, avvocati,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Haasbeek u A. Sipos, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

u

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg, bħala aġent,

appellanti fil-Kawża C‑16/21 P,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn S. Heimerl u J. Möller, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Pharma Mar SA, stabbilita f’Colmenar Viejo, irrappreżentata minn M. Merola u V. Salvatore, avvocati,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Haasbeek u A. Sipos, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li ra l-proposta ta’ D. Šváby, Imħallef Relatur,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, J. Richard de la Tour,

jagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Estonja jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Ottubru 2020, Pharma Mar vs Il-Kummissjoni (T‑594/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:512), li permezz tagħha din il-qorti annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2018) 4831 final tas‑17 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”) li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229), tat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem Aplidin – plitidepsine.

2

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April u fl-20 ta’ Mejju 2021, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) talbet, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli, li tintervjeni fil-Kawżi C‑6/21 P u C‑16/21 P insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika tal-Estonja, rispettivament. L-EMA ssostni, minn naħa, li hija għandha interess dirett fl-annullament tas-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Pharma Mar vs Il-Kummissjoni (T‑594/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:512), sa fejn il-Qorti Ġenerali bbażat l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża fuq l-irregolarità tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-Aplidin ‑ plitidepsine li hija kienet inkarigata minnha, konformement mar-Regolament Nru 726/2004. Min-naħa l-oħra, l-EMA ssostni li l-eżitu ta’ din il-kawża jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq l-opinjonijiet li hija ser tagħti fil-futur, permezz tal-kumitati xjentifiċi tagħha.

3

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru fl-1 u fis-17 ta’ Ġunju 2021, Pharma Mar talbet li dawn it-talbiet għal intervent jiġu miċħuda. Hija tallega prinċipalment li l-EMA ma wrietx li l-interessi tagħha setgħu jitqiesu bħala indipendenti minn dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

4

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fis-26 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx tqajjem oġġezzjonijiet għall-intervent tal-EMA.

Fuq it-talbiet għal intervent

5

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-istess dritt jappartjeni lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni u lil kull persuna oħra, jekk dawn ikunu jistgħu juru li għandhom interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

6

It-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu teskludi, madankollu, l-intervent ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-kawżi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn Stati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

7

Għalhekk mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-esklużjoni li hija tipprevedi ma tapplikax għall-“korpi” u għall-“organi tal-Unjoni”.

8

Konsegwentement, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, bħall-EMA, jistgħu jintervjenu f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi bejn l-Istati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn Stati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, sakemm dawn jiġġustifikaw “interess fir-riżultat ta’ xi kawża [fis-soluzzjoni tat-tilwima]”.

9

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “interess fir-riżultat ta’ xi kawża [fis-soluzzjoni tat-tilwima]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tas-suġġett innifsu tat-tilwima u għandu jinftiehem li jfisser interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet innifishom, u mhux interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mqajma. Fil-fatt, il-kelmiet “riżultat ta’ xi kawża” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, hekk kif tkun stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li jkollha tingħata (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2018, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:553, punt 7). Bħala prinċipju, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima jista’ jitqies li huwa suffiċjentement dirett biss sa fejn din is-soluzzjoni tkun ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni legali tal-persuna li tressaq talba għal intervent (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs HSBC Holdings et, C‑806/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:364, punt 8 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

10

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-korpi u l-organi tal-Unjoni, b’differenza mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, jistgħu jitolbu li jintervjenu f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhux sabiex jiddefendu interessi privati jew, bħal fil-każ tal-assoċjazzjonijiet, interessi marbuta mal-għan soċjali tagħhom, bħad-difiża tal-ambjent, iżda pjuttost meta, bħal fil-każ ineżami, l-att li jkun wassal għall-kawża jkun ġie adottat fi tmiem proċedura li fiha l-korp jew l-organu inkwistjoni kellu rwol, sabiex jiddefendi l-opinjoni li jkun ta jew l-evalwazzjonijiet li jkun wettaq fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

11

Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal intervent tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, għandha tiġi applikata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima b’mod li jirrifletti din l-ispeċifiċità.

12

Għalhekk, għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal intervent f’tilwima li jkollha bħala suġġett l-annullament ta’ att tal-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tkun annullat tali att, imressqa minn korpi u organi tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ interess dirett u attwali fis-soluzzjoni ta’ tali tilwima min-naħa ta’ dan il-korp jew ta’ dan l-organu jkun issodisfatt, b’mod partikolari, jekk dan il-korp jew organu jkun f’pożizzjoni li jistabbilixxi li l-att tal-Unjoni inkwistjoni kien ġie adottat fi tmiem proċedura li fiha, konformement mad-dritt tal-Unjoni, kienet prevista l-parteċipazzjoni tiegħu, skont il-każ, permezz tal-adozzjoni ta’ opinjoni jew tat-twettiq ta’ evalwazzjonijiet.

13

Issa, dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem tal-EMA abbozza, konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 726/2004, l-opinjoni ta’ din l-aġenzija dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem Aplidin — plitidepsine, liema opinjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

14

Konsegwentement, hemm lok li jiġi ammess, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervent tal-EMA insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika tal-Estonja.

Fuq id-drittijiet proċedurali tal-intervenjenti

15

Peress li t-talbiet għal intervent huma aċċettati, l-EMA ser tirċievi komunikazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 131(3), moqri flimkien mal-Artikolu 190(1) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet.

16

Peress li dawn it-talbiet tressqu fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-EMA tista’, konformement mal-Artikolu 132(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) tagħhom, tippreżenta nota ta’ intervent f’terminu ta’ xahar wara l-komunikazzjoni msemmija fil-punt preċedenti.

17

Fl-aħħar nett, l-EMA tista’ tippreżenta osservazzjonijiet orali jekk tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Fuq l-ispejjeż

18

Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq is-sentenza.

19

F’dan il-każ, peress li t-talba għal intervent tal-EMA ntlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

 

1)

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) hija ammessa tintervjeni fil-Kawżi magħquda C‑6/21 P u C‑16/21 P insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika tal-Estonja.

 

2)

Kopja tal-atti proċedurali kollha għandha tiġi nnotifikata lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) mir-Reġistratur.

 

3)

Għandu jiġi stabbilit terminu għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) sabiex tippreżenta nota ta’ intervent.

 

4)

L-ispejjeż relatati mal-intervent tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top