Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0549

    Kawża C-549/21 P: Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2021 minn Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-30 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-635/19, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 431, 25.10.2021, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 431/25


    Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2021 minn Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-30 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-635/19, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-549/21 P)

    (2021/C 431/27)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellanti: Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro, Montani Antaldi Srl, Fondazione Cassa di Risparmio di Fano, Fondazione Cassa di Risparmio di Jesi, Fondazione Cassa di Risparmio della Provincia di Macerata (rappreżentanti: A. Sandulli, S. Battini, B. Cimino, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummmissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2021 tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, it-Tielet Awla, fil-Kawża Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il-Kummissjoni (T-635/19);

    għalhekk, tivverifika u tiddikjara r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni Ewropea peress li ostakolat, bl-istruzzjonijiet illeġittimi mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali Taljani, il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-Banca delle Marche permezz tal-Fondo Interbancario italiano per Tutela dei Depositi (il-Fond Interbankarju Taljan għall-Protezzjoni tad-Depożiti);

    konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-kumpens għad-danni kkawżati lill-appellanti, stmati skont il-kriterji indikati fir-rikors jew bl-ammont li jitqies ekwu mill-Qorti tal-Ġustizzja;

    b’mod alternattiv, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-motivi l-oħra tar-rikors fl-ewwel istanza;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċeduri fiż-żewġ istanzi.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1.

    L-ewwel aggravju: evidenti żnaturament u distorsjoni tal-fatti u tal-provi miġbura fl-ewwel istanza, nuqqas ta’ eżami ta’ fatt deċiżiv, kif ukoll motivazzjoni illoġika u żbaljata.

    Skont il-Qorti Ġenerali, il-provi fl-atti tal-proċess ma humiex suffiċjenti sabiex jintwera’ li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani kienet ikkundizzjonata b’mod determinanti mill-Kummissjoni u li, viċe versa, huma ma ddeċidewx b’mod awtonomu, fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet tagħhom stess dwar it-termini, modalitajiet u kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche. Fil-qosor, skont il-Qorti Ġenerali, ir-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche meħuda mill-awtoritajiet Taljani kienet essenzjalment deċiża minħabba l-fatt li din kienet tinsab f’diffikultà. Għalhekk, għalkemm ostakolat/ipprekludiet intervent ta’ salvataġġ min-naħa tal-FITD, il-Kummissjoni ma tistax titqies li kienet responsabbli għad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche. Tali rappreżentazzjoni tikkostitwixxi żnaturament tal-provi. Il-fatti kollha, il-provi prodotti, l-indizji riżultanti u d-dokumenti rriżervati miksuba matul il-kawża jidhru li huma univoċi: l-awtoritajiet Taljani, fi kwalunkwe każ, ikkonfermaw il-kundizzjonament effikaċi u insormontabbli li jirriżulta mill-istruzzjonijiet preċiżi rċevuti mill-Kummissjoni Ewropea. Mid-dokumenti li jirriżultaw mill-atti tal-proċess, fil-fatt, jirriżulta b’ċertezza: (i) li l-awtoritajiet Taljani fittxew is-soluzzjonijiet kollha possibbli sabiex jevitaw ir-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, iżda dawn saru impossibbli minħabba l-oppożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea; (ii) li dawn is-soluzzjonijiet oħra kienu jillimitaw b’mod sinjifikattiv l-effetti dannużi fuq l-azzjonisti u fuq id-detenturi tal-obbligi.

    2.

    It-tieni aggravju: ksur u/jew applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 340(2) TFUE u, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti relattivi għad-determinazzjoni tar-rabta kawżali stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni; ksur tal-prinċipju ta’ effettività u ta’ prossimità tal-prova.

    Fid-determinazzjoni tar-rabta kawżali, il-Qorti Ġenerali kkonfondiet b’mod evidenti l-kawża “determinanti” u l-kawża “unika” tad-dannu. L-aġir tal-Kummissjoni seta’ ma kienx il-kawża “unika” tar-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche. Madankollu, kif stabbilit u pprovat b’mod estensiv mir-rikorrenti fil-kawża fl-ewwel istanza, tali aġir tal-Kummissjoni kien, ċertament, kawża “determinanti”. Konsegwentement, peress li eskludiet l-eżistenza tar-rabta kawżali unikament abbażi tal-fatt li l-aġir tal-istituzzjoni Ewropea indikata ma kienx il-kawża “unika” tad-dannu lmentat mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali suffiċjentement diretta”. Minn dan jirriżulta l-ksur u/jew l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 340(2) TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività u ta’ prossimità tal-prova.


    Top