Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0329

    Kawża C-329/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fis-26 ta’ Mejju 2021 – DIGI Communications NV vs Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Hivatala

    ĠU C 357, 6.9.2021, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 357/6


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fis-26 ta’ Mejju 2021 – DIGI Communications NV vs Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Hivatala

    (Kawża C-329/21)

    (2021/C 357/08)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Qorti tar-rinviju

    Fővárosi Törvényszék

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: DIGI Communications NV

    Konvenut: Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Hivatala

    Intervenjent: Magyar Telekom Nyrt.

    Domandi preliminari

    1)

    1.1

    Tista’ titqies bħala kompetitriċi ta’ impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Qafas) (1), impriża rreġistrata u li topera fi Stat Membru ieħor, li hija stess ma tipprovdix servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-suq inkwistjoni mid-deċiżjoni, meta impriża li tikkontrolla direttament tkun preżenti f’dak is-suq bħala fornitur ta’ servizzi u tkun kompetitur tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni?

    1.2

    Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kumpannija omm li tixtieq tippreżenta rikors tifformax unità ekonomika mal-impriża li tikkontrolla u li hija preżenti fis-suq inkwistjoni bħala kompetitur?

    2)

    2.1

    Il-proċedura ta’ rkant imwettqa mill-awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21 u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (2), li għandha bħala għan drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi marbuta ma’ sostenn għat-tnedija tal-5G u servizzi addizzjonali ta’ komunikazzjoni mingħajr fili u ta’ veloċità kbira, hija proċedura maħsuba sabiex tissalvagwardja l-kompetizzjoni? Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tħabbar ir-riżultat ta’ din il-proċedura ta’ rkant tista’ tiġi interpretata ukoll bħala li, f’dan is-sens, għandha l-għan li tissalvagwardja l-kompetizzjoni?

    2.2

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv lill-ewwel parti tat-tieni domanda, l-għan tad-deċiżjoni li tissalvagwardja l-kompetizzjoni hija affettwata mill-fatt li l-awtorità regolatorja nazzjonali, permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda f’deċiżjoni separata, irrifjutat li tirreġistra l-offerta ssottomessa mill-impriża li ppreżentat ir-rikors, bil-konsegwenza li din tal-aħħar ma setgħetx tipparteċipa fil-proċedura ta’ rkant u għalhekk ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni li tħabbar ir-riżultat ta’ din il-proċedura?

    3)

    3.1

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens li jagħti dritt ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali biss lil impriża:

    a)

    li l-pożizzjoni tas-suq tagħha hija affettwata direttament u effettivament mid-deċiżjoni, jew

    b)

    li jidher li huwa probabbli ħafna li l-pożizzjoni tas-suq tagħha jkun affettwat mid-deċiżjoni, jew

    c)

    li l-pożizzjoni tas-suq tagħha tista’ tiġi affettwata direttament jew indirettament mid-deċiżjoni?

    3.2

    Il-fatt li l-impriża ssottomettiet offerta fil-proċedura ta’ rkant, fi kliem ieħor, li kienet lesta li tipparteċipa fiha iżda li ma’ setgħetx minħabba li ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet, juri minnu nnifsu l-effett li tirreferi għalih l-ewwel parti tat-tielet domanda, jew il-qorti tista’, b’mod leġittimu, titlobha tipproduċi prova li hija fil-fatt affettwata?

    4)

    Fuq il-bażi tar-risposti mogħtija għal-ewwel sat-tielet domanda preliminari, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża li toffri servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li hija affettwata mid-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tħabbar ir-riżultat tal-proċedura ta’ rkant li għandha bħala għan drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi marbuta ma’ sostenn għat-tnedija tal-5G u servizzi addizzjonali ta’ komunikazzjoni mingħajr fili u ta’ veloċità kbira, u li għalhekk għandha id-dritt li tippreżenta rikors, impriża:

    li ma teżerċitax attività ekonomika bħala fornitur tas-servizzi fis-suq inkwistjoni, iżda tikkontrolla direttament kumpanija li toffri servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’dan l-istess suq inkwistjoni; u

    li ġiet irrifjutata r-reġistrazzjoni fil-proċedura tal-irkant permezz ta’ deċiżjoni finali tal-awtorità regolatorja nazzjonali, li seħħet qabel l-adozzjoni minn din l-istess awtorità tad-deċiżjoni li permezz tagħha tħabbar ir-riżultat tal-proċedura ta’ rkant ikkontestata, li eskludietha milli tipparteċipa sussegwentement fil-proċedura ta’ rkant?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 29, p. 349.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337.


    Top