Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0240

    Kawża C-240/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Ġermanja) fl-14 ta’ April 2021 – SA et vs Daimler AG

    ĠU C 263, 5.7.2021, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 263/7


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Ġermanja) fl-14 ta’ April 2021 – SA et vs Daimler AG

    (Kawża C-240/21)

    (2021/C 263/11)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Landgericht Ravensburg

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: SA, FT, LH, IL, TN

    Konvenut: Daimler AG

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (1), flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (2) għandhom ukoll l-għan li jipproteġu l-interessi ta’ xerrejja individwali ta’ vetturi bil-mutur?

    Fl-affermattiv:

    2)

    Dan jinkludi wkoll l-interess ta’ xerrej individwali ta’ vettura li ma jakkwistax vettura li ma tikkonformax mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari li ma jakkwistax vettura li tkun mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007?

    Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel u għat-tieni domanda:

    3)

    Huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li xerrej li jkun xtara b’mod involontarju vettura mqiegħda fis-suq mill-manifattur b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 ikun jista’ jressaq talbiet taħt id-dritt ċivili kontra l-manifattur tal-vettura għal kumpens għad-dannu sostnut minnu fil-kuntest ta’ delitt, b’mod partikolari anki talba għar-rimbors tal-prezz tax-xiri mħallas għall-vettura inkambju għaċ-ċessjoni u t-trasferiment tas-sjieda tal-vettura, biss f’każijiet eċċezzjonali fejn il-manifattur tal-vettura jkun aġixxa intenzjonalment u kontra l-morali?

    Fl-affermattiv:

    4)

    Huwa imperattiv taħt id-dritt tal-Unjoni li talba taħt id-dritt ċivili mix-xerrej tal-vettura kontra l-manifattur tal-vettura għal kumpens fil-kuntest ta’ delitt tkun possibbli fil-każ ta’ kwalunkwe nuqqas (b’negliġenza jew intenzjonali) mill-manifattur tal-vettura fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ vettura li hija mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007?

    Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sar-raba’ domanda:

    5)

    Huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li, skont id-dritt nazzjonali, ix-xerrej tal-vettura jrid jieħu inkunsiderazzjoni tal-benefiċċju għall-użu effettiv tal-vettura, fil-każ li jitlob ir-rimbors mill-manifattur, bħala kumpens fil-kuntest ta’ delitt, tal-prezz tax-xiri tal-vettura mqiegħda fis-suq b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, inkambju għaċ-ċessjoni u t-trasferiment tas-sjieda tal-vettura?

    Fin-negattiv:

    6)

    Huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li dan il-benefiċċju għall-użu effettiv jiġi kkalkolat fuq il-prezz sħiħ tax-xiri mingħajr l-ebda tnaqqis għad-deprezzament fil-valur tal-vettura li jirriżulta mill-fatt li tkun mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit u/jew fir-rigward tal-użu, mhux mixtieq mix-xerrej, ta’ vettura li ma tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni?

    Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sas-sitt domanda:

    7)

    Il-punt 2 tal-Artikolu 348(3) taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), sa fejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huwa inkompatibbli mal-kompetenza tal-qrati nazzjonali għal rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk ma japplikax għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju?


    (1)  ĠU 2007, L 263, p. 1.

    (2)  ĠU 2007, L 171, p. 1.


    Top