Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0070

Kawża C-70/21: Rikors ippreżentat fit-3 ta Frar 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rebubblika Ellenika

ĠU C 128, 12.4.2021, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/27


Rikors ippreżentat fit-3 ta Frar 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rebubblika Ellenika

(Kawża C-70/21)

(2021/C 128/34)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Kostantinidis, M. Noll-Ehlers)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja togħġobha:

A)

tikkonstata li:

billi eċċediet b’mod sistematiku u kontinwu l-valuri massimi ta’ konċentrazzjoni ta’ partikuli PM10 fir-rigward tal-valur massimu ta’ kuljum sa mill-2005 fiż-żona/agglomerazzjoni EL0004 ta’ Tessaloniki, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13 u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 (1);

billi naqset milli tadotta, sa mill-11 ta’ Ġunju 2010, il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li tikkonforma ruħha mal-valuri massimi ta’ PM10 fiż-żona /agglomerazzjoni EL0004 ta’ Tessaloniki, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (moqrija flimkien mal-Anness XV, parti A, ta’ din id-direttiva) u, b’mod iktar preċiz, l-obbligu tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, li tadotta l-miżuri adatti sabiex il-perijodu ta’ eċċess tal-valuri massimi ikun l-iqsar possibbli.

B)

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tenfasizza li d-Direttiva 2008/50 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa teżiġi li l-Istati Membri jillimitaw l-espożizzjoni taċ-ċittadini għal partikuli fini msejħa partikuli f’sospensjoni (PM10). Il-Kummissjoni ssostni li, sa mill-2005, data li fiha saret obbligatorja l-osservanza tal-valuri massimi ta’ kuljum u annwali ta’ PM10 (inizjalment skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30, u sussegwentement l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50), ir-Repubblika Ellenika, abbażi tar-rapporti annwali fuq il-kwalità tal-arja li hija ttrażmettiet, ma żguratx, b’mod kontinwu, li tikkonforma ruħha mal-valuri massimi fl-agglomerazzjoni EL0004 ta’ Tessaloniki.

Permezz tat-tieni motiv tar-rikors, il-Kummissjoni tirreleva li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jimponi fuq l-Istati Membri, f’każ ta’ eċċess tal-valuri massimi, obbligu ċar u urġenti li japprovaw pjanijiet marbuta mal-kwalità tal-arja li jinkludu miżuri adatti sabiex il-perijodu ta’ eċċess tal-valuri massimi ikun l-iqsar possibbli. Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma żviluppatx pjan adatt marbut mal-kwalità tal-arja għall-agglomerazzjoni EL0004 ta’ Tessaloniki, bi ksur tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.


(1)  Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1).


Top