This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CN0039
Case C-39/21: Request for a preliminary ruling from the Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch (Netherlands) lodged on 26 January 2021 — X v Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
Kawża C-39/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-26 ta’ Jannar 2021 – X vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
Kawża C-39/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-26 ta’ Jannar 2021 – X vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
ĠU C 128, 12.4.2021, p. 18–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 128/18 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-26 ta’ Jannar 2021 – X vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
(Kawża C-39/21)
(2021/C 128/24)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: X
Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
Domandi preliminari
1) |
Fid-dawl tal-Artikolu 47, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll fil-kuntest tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva Ritorn”) (1), tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Akkoljenza”) (2) u tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) (3), l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw il-proċedura ġudizzjarja li tippermetti l-kontestazzjoni tad-detenzjoni ordnata mill-awtoritajiet b’tali mod li l-qorti tkun ipprojbita milli teżamina u tevalwa ex officio l-aspetti kollha tal-legalità tad-detenzjoni u, jekk hija tikkonstata ex officio li d-detenzjoni hija illegali, milli ttemm immedjatament din id-detenzjoni illegali u tordna l-ħelsien immedjat taċ-ċittadin barrani? Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqis li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan ifisser ukoll li, jekk iċ-ċittadin barrani jitlob lill-qorti l-ħelsien tiegħu, din il-qorti għandha dejjem teżamina u tevalwa ex officio, b’mod attiv u fid-dettall, il-fatti u l-elementi rilevanti kollha tal-legalità tad-detenzjoni? |
2) |
Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva Ritorn, l-Artikolu 21 tad-Direttiva Akkoljenza u tal-Artikolu 6 tar-Regolament Dublin III, ir-risposta għall-ewwel domanda hija differenti jekk iċ-ċittadin barrani mqiegħed f’detenzjoni mill-awtoritajiet ikun minuri? |
3) |
Id-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 53 tal-Karta u fil-kuntest tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva Ritorn, tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva Akkoljenza u tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament Dublin III, jimplika li l-qorti, fuq kull livell ta’ ġurisdizzjoni, meta ċittadin barrani jitlobha t-tmiem tad-detenzjoni u l-ħelsien tiegħu, għandha takkumpanja kull deċiżjoni dwar din it-talba b’motivazzjoni sostantiva suffiċjenti jekk ir-rimedju, barra minn hekk, huwa organizzat bl-istess mod bħal fil-Pajjiżi l-Baxxi? Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni prattika ġudizzjarja nazzjonali li fiha l-qorti tat-tieni u għaldaqstant tal-ogħla istanza tista’ sempliċement tiddeċiedi mingħajr ebda motivazzjoni sostantiva, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mod li bih dan ir-rimedju ġie organizzat fil-Pajjiżi l-Baxxi, dan ifisser li din is-setgħa tal-qorti li tiddeċiedi fit-tieni u għaldaqstant fl-ogħla istanza f’kawżi fil-qasam ta’ ażil u f’kawżi ordinarji tad-dritt dwar il-barranin għandha wkoll titqies bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni vulnerabbli taċ-ċittadin barrani, tal-interessi importanti inkwistjoni fil-proċeduri fil-qasam tad-dritt dwar il-barranin u tal-konstatazzjoni li, bil-kontra tal-proċeduri amministrattivi l-oħra kollha, fir-rigward ta’ protezzjoni ġudizzjarja, dawn il-proċeduri għandhom l-istess garanziji proċedurali dgħajfa għaċ-ċittadin barrani bħall-proċedura ta’ detenzjoni? Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, ir-risposta għal dawn id-domandi hija differenti jekk iċ-ċittadin barrani li jikkontesta quddiem qorti deċiżjoni tal-awtoritajiet fil-qasam tad-dritt dwar il-barranin ikun minuri? |
(3) ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.