EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0821

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Settembru 2023.
NM vs CLC Resort Management LTD et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Fuengirola.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Artikolu 18(1) – Kunċett ta’ ‘parti oħra għall-kuntratt’ – Artikolu 63 – Domiċilju ta’ persuna ġuridika – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Għażla tal-liġi applikabbli – Artikolu 3 – Libertà ta’ għażla – Artikolu 6 – Kuntratti konklużi minn konsumatur – Limiti – Kuntratt konkluż ma’ konsumatur u li jirrigwarda drittijiet għall-użu fuq bażi ta’ timeshare ta’ akkomodazzjoni tat-turisti permezz ta’ sistema ta’ punti.
Kawża C-821/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:672

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Artikolu 18(1) – Kunċett ta’ ‘parti oħra għall-kuntratt’ – Artikolu 63 – Domiċilju ta’ persuna ġuridika – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Għażla tal-liġi applikabbli – Artikolu 3 – Libertà ta’ għażla – Artikolu 6 – Kuntratti konklużi minn konsumatur – Limiti – Kuntratt konkluż ma’ konsumatur u li jirrigwarda drittijiet għall-użu fuq bażi ta’ timeshare ta’ akkomodazzjoni tat-turisti permezz ta’ sistema ta’ punti”

Fil-Kawża C‑821/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Fuengirola (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ Fuengirola, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

NM

vs

Club La Costa (UK) plc, sucursal en España,

CLC Resort Management Ltd,

Midmark 2 Ltd,

CLC Resort Development Ltd,

European Resorts & Hotels SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NM, minn P. Maciá García, abogada,

għal Midmark 2 Ltd, minn M.-D. Gómez Dabic u J. M. Macías Castaño, abogados,

għal Club La Costa (UK) plc, sucursal en España, minn J. Martínez-Echevarría Maldonado, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castilla Contreras, S. Noë u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”), kif ukoll tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn NM u l-kumpanniji Club La Costa (UK) plc, sucursal en España, CLC Resort Management Ltd, Midmark 2 Ltd, CLC Resort Development Ltd u European Resorts & Hotels SL dwar talba intiża sabiex kuntratt ta’ użu ta’ proprjetajiet immobbli taħt timeshare jiġi ddikjarat null u għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma bħala kumpens.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Brussell Ia

3

Il-premessi 15, 21 u 34 tar-Regolament Brussell Ia jistipulaw:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

[…]

(21)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u jkun assigurat li ma jiġux mogħtija deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti. […]

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ma’ din il-Konvenzjoni ta’ Stati Membri ġodda], ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [ta’ din il-Konvenzjoni] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4

Il-punt (5) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

(5)

fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu”.

5

L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

[…]

(c)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.

2.   Meta konsumatur jidħol f’kuntratt ma’ parti li ma tkunx domiċiljata fi Stat Membru iżda li jkollha fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dik il-parti għandha, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment, tkun meqjusa bħala domiċiljata f’dak l-Istat Membru.

[…]”

6

L-Artikolu 18(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.”

7

Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell Ia:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

(1)

li jkun seħħ wara li tkun qamet it-tilwima;

(2)

li jippermetti lill-konsumatur li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din it-Taqsima; jew

(3)

li jkun seħħ mill-konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt li t-tnejn li huma filwaqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, dment li ftehim bħal dak ma jkunx kuntrarju għal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

8

Il-punt (1) tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

(1)

fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.

Madankollu, fi proċedimenti li jkollhom bħala l-objettiv tagħhom kirjiet ta’ proprjetà immobbli li jkunu konklużi għal użu privat temporanju għal perijodu massimu ta’ sitt xhur konsekuttivi, il-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konvenut għandhom ukoll ikollhom il-ġurisdizzjoni, dment li l-kerrej ikun persuna fiżika u li s-sid tal-kera u l-kerrej ikunu domiċiljati fl-istess Stat Membru”.

9

L-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament jistipula:

“Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. […]”

10

L-Artikolu 63 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

(a)

is-sede statutorja;

(b)

iċ-ċentru amministrattiv; jew

(c)

il-post prinċipali tan-negozju tagħha.

2.   Għall-finijiet tal-Irlanda, Ċipru u r-Renju Unit, ‘sede statutorja’ tfisser l-uffiċċju rreġistrat jew, meta ma jkun hemm imkien uffiċċju bħal dan, il-post tal-inkorporazzjoni jew meta ma jkun hemm imkien post bħal dan, il-post skont il-liġi li fih tkun seħħet il-formazzjoni.

[…]”

Ir‑Regolament Ruma I

11

Skont il-premessi 6, 7, 23 u 27 tar-Regolament Ruma I:

“(6)

Il-funzjonament korrett tas-suq intern jeħtieġ li r-regoli tal-konflitt tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali, irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fiha tiġi preżentata l-azzjoni, sabiex jitjiebu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-litigazzjoni, iċ-ċertezza ġuridika u l-moviment liberu tas-sentenzi.

(7)

L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [Nru 44/2001] u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (‘Ruma II’) [(ĠU 2007, L 199, p. 40)]

[…]

(23)

Fir-rigward ta’ kuntratti konklużi ma’ partijiet kunsidrati bħala aktar dgħajfa, huwa xieraq li jiġu protetti permezz ta’ regoli ta’ konflitt li huma aktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-regoli ġenerali.

[…]

(27)

Għandhom isiru diversi eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali dwar l-għażla tal-liġi għall-kuntratti konsumistiċi. Taħt eċċezzjoni partikolari ta’ dan it-tip, ir-regola ġenerali m’għandhiex tapplika għall-kuntratti relatati ma’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jew ma’ kiri ta’ tali proprjetà, sakemm il-kuntratt ma jirrelatax mad-dritt li l-proprjetà immobbli tintuża fuq bażi ta’ time share fis-sens tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja fir-rigward ta’ ċerti aspetti ta’ kuntratti relatati max-xiri tad-dritt għall-użu tal-proprjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 315)].”

12

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ambitu materjali”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali.

M’għandux japplika, partikolarment, għal kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi.”

13

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjoni universali”, jipprovdi:

“Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tapplika kemm jekk tkun il-liġi ta’ Stat Membru kif ukoll jekk ma tkunx”.

14

L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Libertà ta’ l-għażla”, jipprevedi:

“1.   Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha ssir espressament jew tkun manifestata b’mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-każ. Bl-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt.

2.   Il-partijiet jistgħu jiftiehmu f’kull mument li jissuġġettaw il-kuntratt għal liġi diversa minn dik li preċedentement kienet tirregolah, kemm jekk bħala riżultat ta’ għażla preċedenti taħt dan l-Artikolu kif ukoll bħala riżultat ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe bidla, fir-rigward tal-liġi applikabbli, li ssir wara l-konklużjoni tal-kuntratt, m’għandhiex tippreġudika l-validità formali tal-kuntratt taħt l-Artikolu 11 jew tinċidi fuq id-drittijiet ta’ persuni terzi.

3.   Fejn l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta’ l-għażla jinsabu f’pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu intgħażlet il-liġi, l-għażla tal-partijiet m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi, ta’ dak il-pajjiż l-ieħor, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

4.   Fejn l-elementi l-oħra kollha li jkunu rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta’ l-għażla jinsabu f’wieħed jew aktar Stati Membri, l-għażla tal-partijiet tal-liġi applikabbli diversa minn dik ta’ Stat Membru m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, fejn xieraq, kif implimentati fl-Istat Membru tal-forum, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

5.   L-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom jiġu determinati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10, 11 u 13.”

15

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”:

“1.   Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:

[…]

(b)

kuntratt għall-forniment ta’ servizzi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

ċ)

kuntratt relatat ma’ dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew ma’ kiri ta’ proprjetà immobbli għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih tkun tinsab il-proprjetà;

(d)

minkejja l-punt (c), il-kiri ta’ proprjetà immobbli konkluż għall-użu privat temporanju għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur konsekuttivi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-proprjetarju jkollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-kerrej ikun persuna fiżika u jkollu r-residenza abitwali tiegħu fl-istess pajjiż;

[…]

2.   Fejn il-kuntratt ma jkunx kopert mill-paragrafu 1 jew fejn l-elementi tal-kuntratt ikunu koperti minn aktar minn wieħed mill-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-parti li tkun meħtieġa twettaq il-prestazzjoni li tkun karatteristika tal-kuntratt ikollha r-residenza abitwali tagħha.

3.   Meta jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li l-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

4.   Meta l-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi determinata skond il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu għandu l-eqreb rabta.”

16

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-professjonist’) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

(a)

il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, skond l-Artikolu 3. Tali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1.

3.   Jekk ir-rekwiżiti fil-paragrafu 1(a) jew (b) ma jiġux sodisfatti, il-liġi applikabbli għal kuntratt bejn konsumatur u professjonist għandha tiġi determinata skond l-Artikoli 3 u 4.

4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal dawn il-kuntratti:

(a)

kuntratti għall-forniment ta’ servizzi fejn is-servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu fornuti esklussivament f’pajjiż divers minn dak li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu;

[…]

(ċ)

kuntratt relatat ma’ dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew ma’ kiri ta’ proprjetà immobbli divers minn kuntratt relatat ma’ dritt ta’ użu ta’ proprjetajiet immobbli fuq bażi ta’ timeshare fis-sens tad-Direttiva [94/47];

[…]”

17

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.

2.   Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.

3.   Jista’ [wkoll] jingħata effett lid-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt jkunu jridu jitwettqu jew ikunu twettqu, sa fejn dawn dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jagħmlu illegali t-twettiq tal-kuntratt. Sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi li ġejjin mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom.”

18

L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Ruma”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Ruma fl-Istati Membri, ħlief fir-rigward tat-territorji ta’ l-Istati Membri li jaqgħu fl-ambitu territorjali ta’ dik il-Konvenzjoni u li għalihom dan ir-Regolament ma japplikax skond l-Artikolu 299 [KE].

2.   Sa fejn dan ir-Regolament jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, kwalunkwe referenza għall-Konvenzjoni għandha titqies bħala referenza għal dan ir-Regolament.”

19

L-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Applikazzjoni temporali”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kuntratti konklużi sa mis‑17 ta’ Diċembru 2009”.

Id-Direttiva 93/13/KE

20

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100):

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

Id‑dritt Spanjol

21

Il-Ley 42/1998, sobre derechos de aprovechamiento por turno de bienes inmuebles de uso turístico y normas tributarias (il-Liġi 42/1998 dwar id-Drittijiet għall-Użu fuq Bażi ta’ Timeshare ta’ Proprjetajiet Immobbli għal Użu Turistiku u dwar Miżuri Fiskali) tal‑15 ta’ Diċembru 1998 (BOE Nru 300 tas‑16 ta’ Diċembru 1998, p. 42076), hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22

Fis‑6 ta’ Ottubru 2018, NM, konsumatur Brittaniku residenti fir-Renju Unit, ikkonkluda, permezz tal-fergħa fi Spanja ta’ Club La Costa (UK), stabbilita fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem “Club La Costa”), kuntratt dwar id-drittijiet għall-użu ta’ akkomodazzjoni turistika fuq bażi ta’ timeshare (iktar ’il quddiem il-“kuntratt kontenzjuż”), u l-qorti tar-rinviju tindika li dan la għandu bħala suġġett dritt in rem fuq proprjetà immobbli u lanqas dritt ta’ kera.

23

NM fittex lil dik il-kumpannija u lil kumpanniji oħrajn li kienu jagħmlu parti mill-istess grupp, li magħhom huwa kien ukoll kuntrattwalment marbut, iżda li kienu barranin għal dan il-kuntratt.

24

Il-kumpanniji kollha konvenuti fil-kawża prinċipali huma stabbiliti fir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni ta’ European Resorts & Hotels, li hija stabbilita fi Spanja. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li Club La Costa tidderieġi l-attività kummerċjali tagħha mhux biss lejn Spanja, iżda wkoll lejn pajjiżi oħrajn, b’mod partikolari r-Renju Unit.

25

Il-kuntratt kontenzjuż jinkludi klawżola li tistipula, b’mod partikolari, li dan jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales u li d-dritt tal-Ingilterra u ta’ Wales huwa applikabbli.

26

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat, fil-kuntest tat-tilwima li hija adita biha, li tirrigwarda l-validità jew in-nullità ta’ dan il-kuntratt, jekk il-qrati Spanjoli għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din it-tilwima u, fl-affermattiv, id-dritt li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-validità jew in-nullità tal-imsemmi kuntratt.

27

Issa, fir-rigward ta’ kuntratti bħall-kuntratt kontenzjuż, il-qrati Spanjoli jadottaw approċċi diverġenti.

28

Il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li l-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt (1) tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia ma tistax tkun applikata, peress li l-konfigurazzjoni speċifika tas-suġġett tal-kuntratt kontenzjuż teskludi dritt in rem jew l-eżistenza ta’ kera ta’ proprjetà immobbli, u, min-naħa l-oħra, li dan il-kuntratt għandu jiġi kklassifikat bħala “kuntratt konkluż mill-konsumaturi” fis-sens tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. Hija tiddeduċi minn dan li huwa possibbli li tiġi applikata r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament, li toffri lill-konsumatur il-possibbiltà li jadixxi, minbarra il-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija ddomiċiljata “l-parti l-oħra ta’ kuntratt”.

29

F’dan ir-rigward, jeżistu wkoll, fil-ġurisprudenza Spanjola, interpretazzjonijiet diverġenti mhux biss dwar il-kunċett ta’ “parti oħra għall-kuntratt”, iżda wkoll dwar id-determinazzjoni tal-post tad-domiċilju tagħha, konformement mal-Artikolu 62 tar-Regolament Brussell Ia, li jagħmel riferiment għal-liġi interna tal-qorti adita, jew, jekk il-“parti l-oħra għall-kuntratt” hija persuna ġuridika, konformement mal-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi d-domiċilju bħala l-post fejn tinsab is-sede statutorja, iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju ta’ din il-persuna. B’mod iżjed speċifiku, dwar ir-Renju Unit, “sede statutorja” tfisser ir-registered office jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-place of incorporation (post ta’ inkorporazzjoni tal-personnalità ġuridika), jew, fin-nuqqas, il-post li skont il-liġi tiegħu seħħet il-formazzjoni (kostituzzjoni).

30

Skont linja waħda ta’ ġurisprudenza, minkejja l-għażla tal-forum b’ġurisdizzjoni li l-konsumatur jista’ jeżerċita skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia, huwa impossibbli li tiġi rrikonoxxuta lilu s-setgħa li jwessa’ din l-għażla billi jagħmel azzjoni kontra persuna mhux kontraenti quddiem forum li jaqbel lilu. Konsegwentement, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli għandha tiġi miċħuda meta l-konsumatur ma jkunx domiċiljat fi Spanja u meta l-persuni ġuridiċi konvenuti kollha jkunu domiċiljati fir-Renju Unit. L-istess japplika meta ċerti kumpanniji jkunu domiċiljati fi Spanja, iżda jkunu barranin għall-kuntratt inkwistjoni jew meta din l-azzjoni tkopri kumpanniji domiċiljati fi Spanja li kkonkludew kuntratti anċillari għal dak li hija invokata n-nullità tiegħu.

31

Għall-kuntrarju, skont linja ta’ ġurisprudenza oħra, il-kwistjoni ta’ min hija “l-parti oħra għall-kuntratt” u kif għandu jiġi ddeterminat id-domiċilju tagħha hija injorata. Skont din il-linja ta’ ġurisprudenza, l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Brussell Ia joħloq preżunzjoni ta’ fatt, b’tali mod li hija “l-parti l-oħra għall-kuntratt” li għandha turi li l-istabbiliment tagħha jikkorrispondi għas-sede statutorja tagħha, peress li, fil-każ kuntrarju, jekk jiġi stabbilit li l-grupp ta’ kumpanniji li tappartjeni għalih “il-parti oħra għall-kuntratt” jeżerċita attivitajiet fi Spanja, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli tkun iġġustifikata.

32

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni hija kuntrarja mhux biss għall-formulazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia, iżda wkoll għall-għan jew għall-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti, ċertament, lill-konsumatur li ma japplikax il-forum ġenerali tad-domiċilju tal-konvenut, mingħajr madankollu ma tmur sal-punt li tippermettilu li ‘jikkonfigura d-domiċilju tal-konvenut b’tali mod li l-kunċett ta’ domiċilju jkun jista’ jiġi evitat meta dan id-domiċilju jikkoinċidi ma’ dak tar-rikorrent’.

33

F’dak li jirrigwarda l-liġi applikabbli, dik il-qorti tfakkar li, konformement mad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Ruma I, jiġifieri l-Artikolu 3(1) ta’ dan tal-aħħar, il-kuntratti huma rregolati mil-liġi magħżula mill-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ għażla, minn dik iddeterminata skont id-diversi kriterji elenkati fl-Artikolu 4(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, ikkompletati, skont il-każ, minn dak previst f’dan l-Artikolu 4(4), li jagħmel riferiment għal-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt għandu l-iżjed rabtiet mill-qrib. Minbarra dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali, l-imsemmi regolament jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dawk applikabbli għall-kuntratti konklużi minn konsumatur.

34

Skont l-imsemmija qorti, l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I jistabbilixxi s-sistema li ġejja: il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, bil-kundizzjoni li din l-għażla ma jkollhiex bħala riżultat li ċċaħħad lill-konsumatur ikkonċernat mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi li kienet tkun applikabbli fl-assenza ta’ għażla, jiġifieri l-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur għandu r-residenza abitwali tiegħu, sakemm il-parti l-oħra għall-kuntratt tkun tissodisfa ċerti kundizzjonijiet dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-kriterji ġenerali stipulati fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament ikunu applikabbli.

35

L-istess qorti tqis li ma jistax jitqies li klawżola ta’ kuntratt li tipprevedi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Ingilterra u ta’ Wales hija intiża li tevita xi regola ta’ protezzjoni tas-sistema li tkun applikabbli fl-assenza ta’ din il-klawżola, peress li din is-sistema taqa’ wkoll taħt dan id-dritt.

36

Madankollu, ċerti qrati nazzjonali jqisu li tali klawżola ta’ dritt applikabbli hija nulla, peress li din hija klawżola mfassla minn qabel li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali li l-formulazzjoni tagħha tindika li din ġiet imposta mill-bejjiegħ jew fornitur li fassal il-klawżola u li din ma tirriżultax minn ftehim volontarju bejn il-partijiet. Issa, la d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ruma I, u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprekludu l-eżistenza ta’ klawżoli xi ftit jew wisq standardizzati fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratti.

37

Barra minn hekk, dawn il-qrati nazzjonali jqisu li, peress li l-għan tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I huwa li jipproteġi lill-konsumaturi u mhux lill-partijiet l-oħrajn għall-kuntratt, dawn tal-aħħar ma jistgħux jinvokaw l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jekk il-konsumatur jonqos milli jagħmel dan u għalhekk ikollu jiġi applikat l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel riferiment għar-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmi regolament.

38

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni tkun tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema l-kunċetti ġuridiċi previsti mid-dritt tal-Unjoni huma kunċetti awtonomi li għandhom jiġu interpretati skont il-prinċipji rispettivi ta’ dan id-dritt.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Fuengirola (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ Fuengirola, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

L-ewwel. Fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li għalihom japplika l-Artikolu 18(1) tar-Regolament [Brussell Ia], huwa konformi mal-imsemmi regolament li jitqies li l-espressjoni ‘l-parti l-oħra ta’ kuntratt’ użata f’din id-dispożizzjoni tinkludi biss lill-persuna li ffirmat il-kuntratt, b’tali mod li ma tistax tinkludi persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, differenti minn dawk li effettivament iffirmawh?

2)

Fil-każ li jitqies li l-espressjoni ‘l-parti l-oħra ta’ kuntratt’ tinkludi biss lil min effettivament iffirma l-kuntratt, fil-każijiet li fihom kemm il-konsumatur kif ukoll ‘[i]l-parti l-oħra ta’ kuntratt’ għandhom id-domiċilju tagħhom barra minn Spanja, huwa konformi mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament [Brussell Ia] li jitqies li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Spanjoli ma tistax tiġi ddeterminata mill-fatt li l-grupp ta’ impriżi li tagħmel parti minnu ‘l-parti l-oħra ta’ kuntratt’ jinkludi kumpanniji b’domiċilju fi Spanja li ma kinux involuti fl-iffirmar tal-kuntratt, jew li ffirmaw kuntratti differenti minn dak li hija mitluba n-nullità tiegħu?

3)

Fil-każ li ‘l-parti l-oħra ta’ kuntratt’ li jagħmel riferiment għaliha l-Artikolu 18(1) tar-Regolament [Brussell Ia], tipprova li għandha d-domiċilju tagħha fir-Renju Unit skont l-Artikolu 63(2) tiegħu, huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni li jitqies li d-domiċilju hekk iddeterminat jiddelimita l-għażla li tista’ tiġi eżerċitata skont l-Artikolu 18(1)? Barra minn hekk, huwa konformi ma’ [dan l-Artikolu 63(2)] li jitqies li la hija limitata sabiex tistabbilixxi sempliċi ‘preżunzjoni ta’ fatt’, la li din il-preżunzjoni hija kkonfutata jekk ‘[i]l-parti l-oħra ta’ kuntratt’ twettaq attivitajiet barra mill-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tagħha, u lanqas li huwa l-oneru ‘[ta]l-parti l-oħra ta’ kuntratt’ li tipprova li hemm rabta bejn id-domiċilju tagħha ddeterminat skont [l-imsemmi Artikolu 63(2)] u l-post fejn twettaq l-attivitajiet tagħha?

B’riferiment għar-Regolament [Ruma I]:

4)

Fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li għalihom japplika r-Regolament [Ruma I], huwa konformi mal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament li jitqies li huma validi u applikabbli l-klawżoli li jiddeterminaw il-liġi applikabbli inklużi fil-‘Kundizzjonijiet Ġenerali’ tal-kuntratt iffirmat mill-partijiet, jew li huma inklużi f’dokument separat li l-kuntratt jagħmel riferiment espress għalih u li għalih hemm prova tal-wasla tiegħu għand il-konsumatur?

5)

Fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li għalihom japplika r-Regolament [Ruma I], huwa konformi mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament li jitqies li jista’ jiġi invokat kemm mill-konsumatur kif ukoll mill-parti kontraenti l-oħra?

6)

Fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li għalihom japplika r-Regolament [Ruma I], huwa konformi mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament li jitqies li, jekk ir-rekwiżiti tiegħu jkunu ssodisfatti, il-liġi indikata f’din id-dispożizzjoni fi kwalunkwe każ tapplika bi prijorità fuq dik imsemmija fl-Artikolu 6(3), anki jekk din tal-aħħar tista’ tirriżulta iktar favorevoli għall-konsumatur fil-każ konkret?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

40

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “l-parti l-oħra ta’ kuntratt”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, għandha tinftiehem bħala li tkopri biss il-persuna, fiżika jew ġuridika, parti għall-kuntratt inkwistjoni jew jekk din tkoprix ukoll persuni oħrajn, barranin għal dan il-kuntratt, iżda relatati ma’ din il-persuna.

41

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn mill-premessa 34 tar-Regolament Brussell I isegwi li dan iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għar-Regolament Brussell Ia meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, CNP,C‑913/19, EU:C:2021:399, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għandu jitfakkar ukoll li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, li jinsabu fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Brussell Ia, jippermettu lil konsumatur jagħżel li jippreżenta l-azzjoni tiegħu jew quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu, jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija ddomiċiljata l-parti l-oħra fil-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 54).

43

Dawn ir-regoli għandhom il-funzjoni li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-konsumatur bħala parti għall-kuntratt meqjusa ekonomikament iżjed dgħajfa u ġuridikament inqas esperjenzata mill-parti kontraenti professjonali tagħha, sabiex il-konsumatur ma jkunx skoraġġut milli jiftaħ proċeduri fil-qorti billi jkun obbligat jiftaħ il-kawża quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu l-parti kontraenti tagħha għandha d-domiċilju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber,C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17 tar-Regolament Brussell Ia jissuġġetta l-applikazzjoni tal-imsemmija regoli għall-kundizzjoni li l-kuntratt ikun ġie konkluż mill-konsumatur għal użu meqjus bħala ’l barra mill-attività professjonali tiegħu, ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu d-domiċilju l-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz jidderieġi dawn l-attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati, fosthom dak l-Istat Membru, u li dan il-kuntratt jidħol fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet.

45

Sa fejn l-istess regoli jikkostitwixxu deroga kemm mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut huwa ddomiċiljat, kif ukoll mir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali, stabbilita fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, dawn għandhom neċessarjament ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, li ma tistax tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet maħsuba fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr,C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 22, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, il-kunċetti użati mir-Regolament Brussell Ia, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment prinċipali għas-sistema u għall-għanijiet tal-imsemmi regolament, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa,C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 22).

47

F’dan il-każ, il-mistoqsija tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza jistgħux jitqiesu bħala ssodisfatti fil-konfront ta’ persuna li, minkejja li hija barranija għall-kuntratt konkluż mill-konsumatur ikkonċernat, hija marbuta ma’ dan tal-aħħar b’mod ieħor.

48

F’dan ir-rigward, huwa determinanti għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, li jinsabu fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Brussell Ia, li l-partijiet fit-tilwima jkunu wkoll il-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 58).

49

Dawn l-Artikoli 17 sa 19 jagħmlu riferiment espress għall-“kuntratt konkluż minn […] il-konsumatur”, għall-“konsumatur [li] jidħol f’kuntratt ma’ parti”, għall-“parti l-oħra ta’ kuntratt” konkluż mill-konsumatur, jew ukoll għall-ftehimiet dwar ġurisdizzjoni applikabbli magħmula bejn il-“konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 59).

50

Dawn ir-riferimenti jissostanzjaw interpretazzjoni li skontha, għall-applikazzjoni tal-imsemmija Artikoli 17 sa 19, rikors ippreżentat minn konsumatur jista’ jkun dirett biss kontra l-parti kontraenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 60).

51

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti, fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia japplikaw, konformement mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, biss għall-azzjoni ppreżentata mill-konsumatur kontra l-parti l-oħra għall-kuntratt, li jimplika neċessarjament il-konklużjoni ta’ kuntratt mill-konsumatur mal-bejjiegħ jew fornitur li kontrih titressaq l-azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Interpretazzjoni li skontha r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, stabbiliti fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Brussell Ia, japplikaw ukoll f’sitwazzjoni li fiha ma hemmx kuntratt bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur ma tkunx konformi mal-għan, espost fil-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 62).

53

Fil-fatt, il-possibbiltà għall-konsumatur li jħarrek lill-bejjiegħ jew fornitur quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju ta’ dan il-konsumatur hija kkontrobilanċjata bir-rekwiżit tal-konklużjoni ta’ kuntratt bejniethom, li minnu tirriżulta l-imsemmija prevedibbiltà għall-konvenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 63).

54

Barra minn hekk, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ l-“parti l-oħra għall-kuntratt”, previst fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia, għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħmel riferiment ukoll għall-parti kontraenti tal-operatur li magħha l-konsumatur ikun ikkonkluda dan il-kuntratt u li għandha s-sede tagħha fit-territorju tal-Istat Membru tad-domiċilju ta’ dan il-konsumatur (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Maletic,C‑478/12, EU:C:2013:735, punt 32), din l-interpretazzjoni kienet ibbażata madankollu fuq ċirkustanzi speċifiċi, li fihom il-konsumatur kien sa mill-bidu kuntrattwalment marbut, b’mod indisoċjabbli, ma’ żewġ partijiet kontraenti (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-kuntratt kontenzjuż, li n-nullità tiegħu hija mitluba mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ġie konkluż ma’ kumpannija waħda, jiġifieri Club La Costa, u l-kumpanniji konvenuti l-oħrajn fil-kawża prinċipali huma partijiet għal kuntratti oħrajn konklużi ma’ dan ir-rikorrent, b’tali mod li dawn ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “parti oħra għall-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia.

56

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-qorti tar-rinviju dwar l-effett tal-fatt li l-“parti l-oħra għall-kuntratt” tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji fuq l-eżistenza ta’ ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, għandu jiġi rrilevat li, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi kriterju ta’ rabta alternattiva meta l-parti kontraenti tal-konsumatur ma tkunx domiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda jkollha fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor fi Stat Membru, l-Artikoli 17 sa 19 tal-imsemmi regolament ma jinkludu ebda element li jippermetti li jitqies li jeżisti kriterju ta’ rabta bbażata fuq l-appartenenza għal grupp ta’ kumpanniji.

57

Barra minn hekk, interpretazzjoni ta’ dawn l-Artikoli 17 sa 19 li tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-appartenenza tal-parti kontraenti ta’ konsumatur għal grupp ta’ kumpanniji billi dan il-konsumatur jiġi awtorizzat jiftaħ kawża quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija ddomiċiljata kull kumpannija li tappartjeni għal dan il-grupp tkun tmur manifestament kontra l-għanijiet ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Brussell Ia u, għaldaqstant, tkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “parti l-oħra ta’ kuntratt”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, għandha tinftiehem bħala li tkopri biss il-persuna, fiżika jew ġuridika, parti għall-kuntratt inkwistjoni u mhux persuni oħrajn, barranin għal dan il-kuntratt, anki jekk huma marbuta ma’ din il-persuna.

Fuq it‑tielet domanda

59

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li d-determinazzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tad-domiċilju tal-“parti l-oħra ta’ kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, tillimita l-għażla li tista’ tiġi eżerċitata mill-konsumatur skont dan l-Artikolu 18(1). Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar l-oneru tal-prova għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dan id-domiċilju.

60

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għad-domiċilju tal-persuni fiżiċi, li fir-rigward tiegħu l-Artikolu 62 tar-Regolament Brussell Ia jindika espressament li dan għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-liġi nazzjonali tal-qorti adita, id-determinazzjoni tad-domiċilju tal-kumpanniji u tal-persuni ġuridiċi ssir, fl-assenza ta’ tali speċifikazzjoni, skont interpretazzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni.

61

Fil-fatt, mill-premessa 15 ta’ dan ir-regolament isegwi, fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, li d-domiċilju għandu jiġi ddefinit b’mod awtonomu b’mod li tikber it-trasparenza tar-regoli komuni u jiġu evitati l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

62

Għalhekk, l-Artikolu 63(1)(a) sa (c) tal-imsemmi regolament jistipula tliet kriterji li jippermettu li jiġi lokalizzat id-domiċilju tal-kumpanniji u tal-persuni ġuridiċi, jiġifieri l-post fejn tkun tinsab is-sede statutorja tagħhom, iċ-ċentru amministrattiv tagħhom jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom.

63

Peress li dan l-Artikolu 63 ma jistabbilixxi ebda ġerarkija bejn dawn it-tliet kriterji, huwa l-konsumatur li għandu jagħżel minn fost dawn tal-aħħar għad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni konformement mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia.

64

Minħabba l-għan imfittex mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi previsti minn dan ir-regolament, kif imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-konsumatur bħala parti għall-kuntratt meqjusa ekonomikament iżjed dgħajfa u ġuridikament inqas esperjenzata, id-determinazzjoni tal-post tad-domiċilju tal-kumpanniji u tal-persuni ġuridiċi skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi limitazzjoni taż-żewġ fora li għandhom ġurisdizzjoni offruti lill-konsumatur konformement mal-Artikolu 18(1) tal-istess regolament.

65

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “sede statutorja” msemmi fl-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament Brussell Ia, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi preċiżazzjonijiet dwar dan il-kunċett, jiġifieri li, għall-Irlanda, Ċipru u r-Renju Unit, “sede statutorja” tfisser ir-registered office, jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-place of incorporation (post ta’ akkwist tal-personnalità ġuridika), jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-post li skont il-liġi tiegħu seħħet il-formazzjoni (kostituzzjoni) tal-kumpannija.

66

Fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-Artikolu 63 tar-Regolament Brussell Ia huwa maħsub sabiex jipprovdi definizzjoni awtonoma tal-post tad-domiċilju tal-kumpanniji u tal-persuni ġuridiċi, sabiex titkabbar it-trasparenza tar-regoli komuni u tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, lanqas ma jista’ jiġi ammess li l-preċiżazzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu 63(2) jikkostitwixxu biss sempliċi preżunzjonijiet ta’ fatt li jistgħu jiġu kkonfutati bil-prova kuntrarja, inkella jista’ jiġi ppreġudikat l-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li d-determinazzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tad-domiċilju tal-“parti l-oħra għall-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, ma tikkostitwixxix limitazzjoni tal-għażla li tista’ tiġi eżerċitata mill-konsumatur skont dan l-Artikolu 18(1). F’dan ir-rigward, il-preċiżazzjonijiet ipprovduti f’dan l-Artikolu 63(2) dwar il-kunċett ta’ “sede statutorja” jikkostitwixxu definizzjonijiet awtonomi.

Fuq ir‑raba’ domanda

68

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli tkun tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt jew f’dokumenti distint li dan il-kuntratt jagħmel riferiment għalih u li ngħata lill-konsumatur.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Ruma I jipprevedi, fil-Kapitolu II tiegħu, regoli uniformi li jistabbilixxu l-prinċipju li l-prijorità tingħata għar-rieda tal-partijiet.

70

F’dan ir-rigward, konformement mar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I, il-kuntratt huwa rregolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jeżiġi madankollu li din l-għażla għandha ssir espressament jew tkun tirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-kawża.

71

Fir-rigward tal-klawżoli ta’ għażla tal-liġi applikabbli, il-konsumatur igawdi minn protezzjoni partikolari, implimentata mid-Direttiva 93/13 u bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove,C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ bejjiegħ jew fornitur u li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, li tipprovdi li l-liġi tal-Istat Membru tas-sede tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat hija applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, hija inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, sa fejn din tiżvija lill-konsumatur ikkonċernat billi tagħtih l-impressjoni li hija biss din il-liġi li tapplika għal dan il-kuntratt, mingħajr ma tinformah bil-fatt li huwa jibbenefika wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, mill-protezzjoni mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt li jkun applikabbli fl-assenza ta’ din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation,C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 71), jiġifieri dik tal-liġi tal-pajjiż fejn huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu.

73

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I jipprovdi, fil-fatt, li, f’kuntratt konkluż minn konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, filwaqt li jispeċifika madankollu li din l-għażla ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet li wieħed ma jistax jidderoga minnhom bi ftehim skont il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li tali kuntratt huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, ShareWood Switzerland,C‑595/20, EU:C:2022:86, punti 1516).

74

Konsegwentement, klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjar individwali hija valida biss sa fejn din ma tiżvijax lill-konsumatur ikkonċernat billi tagħtih l-impressjoni li hija biss din il-liġi li tapplika għall-kuntratt ikkonċernat, mingħajr ma tinformah bil-fatt li huwa jgawdi wkoll, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi li tkun applikabbli fl-assenza ta’ din il-klawżola, jiġifieri dawk tal-liġi tal-pajjiż fejn huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu.

75

F’dan il-każ, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-kuntratt kontenzjuż jistipula, permezz ta’ klawżola mfassla minn qabel, li l-liġi tal-Ingilterra u ta’ Wales hija applikabbli, li jidher barra minn hekk li jikkoinċidi mal-liġi tal-pajjiż fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu r-residenza abitwali tiegħu, li hija wkoll il-liġi tal-Ingilterra u ta’ Wales.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt jew f’dokument separat li dan il-kuntratt jagħmel riferiment għalih u li ngħata lill-konsumatur, bil-kundizzjoni li din il-klawżola tinforma lill-konsumatur bil-fatt li huwa jgawdi fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi tal-pajjiż fejn huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu.

Fuq il‑ħames u s‑sitt domanda

77

Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi li klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli għal kuntratt konkluż minn konsumatur tkun iddikjarata invalida, minn naħa, iż-żewġ partijiet għal dan il-kuntratt, inkluż il-bejjiegħ jew fornitur, jistgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-imsemmi kuntratt u, min-naħa l-oħra, il-liġi hekk iddeterminata tapplika anki jekk il-liġi msemmija f’dan l-Artikolu 6(3), jiġifieri l-liġi applikabbli għall-istess kuntratt konformement mal-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament, tista’ tkun iżjed favorevoli għall-konsumatur.

78

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I għandu natura mhux biss speċifika iżda wkoll eżawrjenti, b’tali mod li r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet previsti f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġi emendati jew ikkompletati permezz ta’ regoli oħrajn ta’ kunflitt ta’ liġijiet stabbiliti f’dan ir-regolament, sakemm dispożizzjoni partikolari li tinsab fl-imsemmi artikolu ma tagħmilx riferiment espliċitu għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, ROI Land Investments,C‑604/20, EU:C:2022:807, punti 4041).

79

Bħalma jsegwi mill-premessa (23) tar-Regolament Ruma I, huwa importanti li jiġu protetti l-partijiet għall-kuntratt meqjusa bħala iżjed dgħajfa permezz tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet iżjed favorevoli għall-interessi tagħhom milli huma r-regoli ġenerali.

80

Barra minn hekk, u fid-dawl tal-fatt li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament huma intiżi li jipproteġu lill-konsumatur, il-kwistjoni dwar liema miż-żewġ partijiet għall-kuntratt inkwistjoni tinvokahom hija irrilevanti, b’tali mod li dawn ir-regoli jistgħu wkoll jiġu invokati mill-bejjiegħ jew fornitur.

81

Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li kuntratt konkluż minn konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur għandu r-residenza abitwali tiegħu, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu osservati.

82

Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I jipprevedi espliċitament li l-partijiet jistgħu, konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jagħżlu l-liġi applikabbli għal tali kuntratt, sa fejn din l-għażla ma jkollhiex madankollu r-riżultat li ċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet li wieħed ma jistax jidderoga minnhom bi ftehim skont il-liġi li, fl-assenza ta’ għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

83

Huwa biss fl-ipoteżi li l-kuntratt inkwistjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) tar-Regolament Ruma I li l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt hija ddeterminata konformement mal-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmi regolament, f’liema każ, il-qorti adita tista’ b’mod partikolari tiddetermina din il-liġi billi tieħu inkunsiderazzjoni l-pajjiż li miegħu l-imsemmi kuntratt għandu l-iżjed rabtiet mill-qrib.

84

Minn dan isegwi li, meta kuntratt konkluż minn konsumatur jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u fl-assenza ta’ għażla valida dwar il-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt magħmula mill-partijiet, din il-liġi għandha tiġi ddeterminata konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I.

85

Minħabba n-natura speċifika u eżawrjenti tar-regoli ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli stabbiliti f’dan l-Artikolu 6, ebda liġi oħra ma tista’ tiġi aċċettata, anki jekk din il-liġi l-oħra, iddeterminata b’mod partikolari skont il-kriterji ta’ rabta previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, tkun iżjed favorevoli għall-konsumatur.

86

Interpretazzjoni kuntrarja, skont liema jkun possibbli li ssir deroga mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet previsti mir-Regolament Ruma I sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal kuntratt konkluż minn konsumatur, għar-raġuni li liġi oħra tkun iżjed favorevoli għall-konsumatur, tkun neċessarjament tippreġudika b’mod kunsiderevoli r-rekwiżit ġenerali ta’ prevedibbiltà tal-liġi applikabbli u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-relazzjonijiet kuntrattwali li jinvolvu lill-konsumaturi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Schlecker,C‑64/12, EU:C:2013:551, punt 35).

87

Fil-fatt, billi indika l-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur għandu r-residenza abitwali tiegħu bħala dik applikabbli, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li din il-liġi toffri protezzjoni adegwata lill-konsumatur, mingħajr din l-indikazzjoni ma għandha madankollu neċessarjament twassal għall-applikazzjoni, fil-każijiet kollha, tal-liġi l-iżjed favorevoli għall-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Schlecker,C‑64/12, EU:C:2013:551, punt 34).

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratt konkluż minn konsumatur jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u fin-nuqqas ta’ għażla valida tal-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, din il-liġi għandha tiġi ddeterminata konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, li tista’ tiġi invokata miż-żewġ partijiet għall-imsemmi kuntratt, inkluż il-bejjiegħ jew fornitur, u dan minkejja ċ-ċirkustanza li l-liġi applikabbli għall-istess kuntratt konformement mal-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament tista’ tkun iżjed favorevoli għall-konsumatur.

Fuq l‑ispejjeż

89

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-espressjoni “parti l-oħra ta’ kuntratt”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, għandha tinftiehem bħala li tkopri biss il-persuna, fiżika jew ġuridika, parti għall-kuntratt inkwistjoni u mhux persuni oħrajn, barranin għal dan il-kuntratt, anki jekk huma marbuta ma’ din il-persuna.

 

2)

L-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament Nru 1215/2012

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

d-determinazzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tad-domiċilju tal-“parti l-oħra għall-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, ma tikkostitwixxix limitazzjoni tal-għażla li tista’ tiġi eżerċitata mill-konsumatur skont dan l-Artikolu 18(1).

F’dan ir-rigward, il-preċiżazzjonijiet ipprovduti f’dan l-Artikolu 63(2) dwar il-kunċett ta’ “sede statutorja” jikkostitwixxu definizzjonijiet awtonomi.

 

3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt jew f’dokument separat li dan il-kuntratt jagħmel riferiment għalih u li ngħata lill-konsumatur, bil-kundizzjoni li din il-klawżola tinforma lill-konsumatur bil-fatt li huwa jgawdi fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi tal-pajjiż fejn huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu.

 

4)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 593/2008

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta kuntratt konkluż minn konsumatur jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u fin-nuqqas ta’ għażla valida tal-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, din il-liġi għandha tiġi ddeterminata konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, li tista’ tiġi invokata miż-żewġ partijiet għall-imsemmi kuntratt, inkluż il-bejjiegħ jew fornitur, u dan minkejja ċ-ċirkustanza li l-liġi applikabbli għall-istess kuntratt konformement mal-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament tista’ tkun iżjed favorevoli għall-konsumatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top