Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0795

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-26 ta’ Settembru 2024.
WEPA Hygieneprodukte GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur konsumaturi kbar tal-elettriku – Eżenzjoni mit-tariffi tan-network għall-perijodu 2012-2013 – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Riżorsi tal-Istat – Taxxa parafiskali jew imposti obbligatorji oħra.
Kawżi magħquda C-795/21 P u C-796/21 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:807

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur konsumaturi kbar tal-elettriku – Eżenzjoni mit-tariffi tan-network għall-perijodu 2012-2013 – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Riżorsi tal-Istat – Taxxa parafiskali jew imposti obbligatorji oħra”

Fil-Kawżi magħquda C‑795/21 P u C‑796/21 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis‑16 ta’ Diċembru 2021,

Wepa Hygieneprodukte GmbH, stabbilita f’Arnsberg (il-Ġermanja),

Wepa Deutschland GmbH & Co. KG, li kienet Wepa Leuna u Wepa Papierfabrik Sachsen, stabbilita f’Arnsberg,

irrappreżentati minn H. Janssen, D. Salm u A. Vallone, Rechtsanwälte,

rikorrenti fil-Kawża C‑795/21 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, C. Kovács u T. Maxian Rusche, bħala aġenti, assistiti minn H. Heinrich, Rechtsanwälte,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża C‑796/21 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Wepa Hygieneprodukte GmbH, stabbilita f’Arnsberg,

Wepa Deutschland GmbH & Co. KG, li kienet Wepa Leuna u Wepa Papierfabrik Sachsen, stabbilita f’Arnsberg,

irrappreżentati minn H. Janssen, D. Salm u A. Vallone, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, C. Kovács u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑795/21 P, WEPA Hygieneprodukte GmbH kif ukoll WEPA Deutschland GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji WEPA”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Ottubru 2021,Wepa Hygieneprodukte et vs Il-Kummissjoni (T‑238/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:648), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/56 tat‑28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV (JO 2019, L 14, p. 1), (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑796/21 P, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tas-sentenza appellata.

3

Permezz tal-appelli inċidentali tagħha, ippreżentati f’kull waħda mill-Kawżi C‑795/21 P u C‑796/21 P, il-Kummissjoni Ewropea titlob ukoll l-annullament tas-sentenza appellata.

Il‑kuntest ġuridiku

4

Il-premessa 39 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), tipprevedi:

“Fl-interessi tat-trasparenza u ċertezza legali, huwa xieraq li tingħata informazzjoni pubblika dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni filwaqt li, fl-istess ħin, jissostna l-prinċipju li deċiżjonijiet f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat huma indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, huwa xieraq li jkunu ppublikati d-deċiżjonijiet kollha li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-partijiet interessati, jew kompletament jew f’forma qasira jew li jkun hemm disponibbli għall-partijiet interessati kopji ta’ dawk id-deċiżjonijiet, fejn ma jkunux ġew ippubblikati jew ma jkunux ġew ippubblikati bis-sħiħ.”

5

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

h)

‘parti interessata’ tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

6

L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-Kummissjoni għandha tippublika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-deċiżjonijiet li tieħu skont l-Artikolu 8(1) u (2) u l-Artikolu 9.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

7

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 22 tas-sentenza appellata jistgħu jiġu mqassra kif ġej.

Fuq il‑miżuri leġiżlattivi u regolamentari inkwistjoni

Fuq is-sistema tat-tariffi tan-network qabel l-introduzzjoni tal-miżuri kontenzjużi

8

L-Artikolu 21 tal-Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Provvista tal-Enerġija), kif emendata mill-Gesetz zur Neuregelung energiewirtschaftsrechtlicher Vorschriften (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni tar-Regolamenti dwar l-Industrija tal-Enerġija), tas-26 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1554), u qabel l-emendi magħmula mill-Gesetz zur Weiterentwicklung des Strommarktes (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tas-Suq tal-Elettriku), tas-26 ta’ Lulju 2016 (BGBl. 2016 I, p. 1786) (iktar ’il quddiem l-“EnWG 2011”), li tipprovdi b’mod partikolari li t-tariffi tan-network kellhom ikunu raġonevoli, nondiskriminatorji, trasparenti u bbażati fuq l-ispejjeż ta’ użu effiċjenti tan-network.

9

L-Artikolu 24 tal-EnWG 2011 kien jawtorizza lill-Gvern Federali Ġermaniż jistabbilixxi, permezz ta’ leġiżlazzjoni, dispożizzjonijiet iddettaljati fir-rigward, minn naħa, tad-definizzjoni tal-metodu ġenerali ta’ determinazzjoni tat-tariffi tan-network u, min-naħa l-oħra, tar-regolamentazzjoni tal-każijiet partikolari ta’ użu tan-network kif ukoll tal-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità regolatorja setgħet tawtorizza jew tipprojbixxi tariffi tan-network individwali.

10

L-Artikolu 17 tal-iStromnetzentgeltverordnung (id-Digriet Federali dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku), tal-25 ta’ Lulju 2005 (BGBl. 2005 lI, p. 2225, iktar ’il quddiem ir-“Regolament StromNEV 2005”), jiddefinixxi l-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża mill-operaturi tan-network sabiex jiġu ddeterminati t-tariffi ġenerali. Dan huwa metodu f’żewġ stadji li jikkonsisti qabel kollox, fid-determinazzjoni tal-elementi differenti tal-ispejjeż annwali tan-networks kollha u, sussegwentement, fil-kalkolu tat-tariffi ġenerali abbażi tat-total annwali tal-ispejjeż tan-network.

11

Id-determinazzjoni tat-tariffi ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ elementi, jiġifieri l-“funzjoni ta’ simultanjetà”, li tirrifletti l-probabbiltà li l-konsum individwali ta’ utent jikkontribwixxi għall-ogħla piż annwali tal-livell tan-network ikkonċernat, u l-limitu massimu ta’ dħul għal kull operatur, stabbilit mill-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“BNetzA”), abbażi ta’ analiżi komparattiva ma’ operaturi oħra tan-network, bl-għan li jiġi evitat li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ineffiċjenza jiġu kkumpensati mit-tariffi tan-network.

12

L-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV 2005 jipprevedi wkoll tariffi individwali għal kategoriji ta’ utenti li l-profili tal-konsum u tal-piż tagħhom huma differenti ħafna minn dawk ta’ utenti oħra (iktar ’il quddiem l-“utenti atipiċi”). Dawn it-tariffi jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju li d-drittijiet ta’ network jirriflettu l-ispejjeż tan-network, il-kontribut ta’ dawn l-utenti atipiċi għat-tnaqqis jew għall-prevenzjoni ta’ żieda f’dawn l-ispejjeż.

13

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV 2005 jistabbilixxi tariffi individwali għaż-żewġ kategoriji ta’ utenti atipiċi li ġejjin:

l-utenti li l-kontribut tagħhom fuq il-karga massima jista’ jvarja b’mod sinjifikattiv mill-karga massima annwali simultanja tal-utenti l-oħra kollha konnessi fl-istess livell ta’ network, jiġifieri l-utenti li jikkonsmaw sistematikament l-elettriku barra mis-sigħat ta’ karga massima (iktar ’il quddiem il-“konsumaturi antiċikliċi”), u

l-utenti b’konsum annwali tal-elettriku li jilħaq mill-inqas 7000 siegħa ta’ użu u iktar minn 10 gigawatt/siegħa (iktar ’il quddiem il-“konsumaturi ta’ karga bażika”).

14

Sal-emenda tiegħu bl-EnWG 2011, ir-Regolament StromNEV 2005 kien jipprovdi li l-konsumaturi antiċikliċi u l-konsumaturi ta’ karga bażika kienu suġġetti għal tariffi individwali, li kienu kkalkolati skont il-“metodoloġija tal-perkors fiżiku” stabbilit il-“BNetzA”). Dan il-metodu kien jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tan-network iġġenerati mill-konsumaturi antiċikliċi u l-konsumaturi ta’ karga bażika, b’tariffa minima ekwivalenti għal 20 % tat-tariffi ġenerali ppubblikati (iktar ’il quddiem it-“tariffa minima”). Din tal-aħħar kienet tiggarantixxi ħlas għall-operat tan-network li miegħu kienu konnessi l-imsemmija konsumaturi fil-każ fejn it-tariffi individwali kkalkolati skont il-metodoloġija tal-perkors fiżiku kienu inqas minn din it-tariffa minima jew anki qrib iż-żero.

Fuq il-miżuri kontenzjużi

15

Skont it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEW 2005, kif emendat bl-EnWG 2011 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament StromNEV 2011”), mill-1 ta’ Jannar 2011, data ta’ applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni, it-tariffi individwali għall-konsumaturi ta’ karga bażika tneħħew u ġew issostitwiti b’eżenzjoni kompleta tat-tariffi tan-network (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni kontenzjuża”), mogħtija minn awtorizzazzjoni tal-awtorità regolatorja kompetenti, jiġifieri l-BNetzA jew l-awtorità regolatorja tal-Land ikkonċernat. L-ispiża ta’ din l-eżenzjoni kienet responsabbiltà tal-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni skont il-livell tan-network li l-benefiċjarji kienu konnessi miegħu.

16

Skont is-sitt u s-seba’ sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEW 2005, kif emendat bl-EnWG 2011, l-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni kienu obbligati jirrimborsaw lill-operaturi tan-network ta’ distribuzzjoni t-telf fid-dħul li jirriżulta mill-eżenzjoni kontenzjuża u kellhom jikkumpensaw, bejniethom, l-ispejjeż ikkawżati minn din l-eżenzjoni, permezz ta’ kumpens finanzjarju skont l-Artikolu 9 tal-Kraft-Wärme-Kopplungsgesetz (il-Liġi dwar il-Promozzjoni tal-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku), tad-19 ta’ Marzu 2002 (BGBl. 2002 I, p. 1092), b’mod li kull wieħed jassumi l-istess oneru finanzjarju kkalkolat skont il-kwantità ta’ elettriku li huwa kien jipprovdi lill-konsumaturi finali konnessi man-network tiegħu.

17

Mill-2012 ’il quddiem, id-deċiżjoni tal-BNetzA tal-14 ta’ Diċembru 2011) (BK8-11-024) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-BNetzA tal-2011”) stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ finanzjament. Skont dan il-mekkaniżmu, l-operaturi tan-network ta’ distribuzzjoni kienu jirċievu, mingħand il-konsumaturi finali jew mingħand fornituri tal-elettriku, sovrataxxa (iktar ’il quddiem is-“sovrataxxa kontenzjuża”) li l-ammont tagħha tħallas lill-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni sabiex tikkumpensa t-telf fid-dħul ikkawżat mill-eżenzjoni kontenzjuża.

18

L-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża kien iddeterminat kull sena, minn qabel, mill-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni, fuq il-bażi ta’ metodoloġija stabbilita mill-BNetzA. L-ammont għas-sena 2012, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-mekkaniżmu, ġie stabbilit direttament mill-BNetzA.

19

Dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux japplikaw għall-ispejjeż tal-eżenzjoni kontenzjuża għas-sena 2011 u, għaldaqstant, kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni kellu jbati t-telf marbut ma’ din l-eżenzjoni għal dik is-sena.

Fuq is-sistema ta’ tariffa ta’ network posterjuri għall-miżuri kontenzjużi

20

Matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kontenzjuża, l-eżenzjoni inkwistjoni qabel xejn ġiet iddikjarata nulla u mingħajr effett permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tat‑8 ta’ Mejju 2013 u tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tas‑6 ta’ Ottubru 2015. Din l-eżenzjoni ġiet sussegwentement imħassra, mill-1 ta’ Jannar 2014, mir-Regolament StromNEV 2005, kif emendat bil-Verordnung zur Änderung von Verordnungen auf dem Gebiet des Energiewirtschaftsrechts (ir-Regolament li jemenda r-Regolamenti dwar l-Enerġija), tal‑14 ta’ Awwissu 2013. 2013 I, p. 3250) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament StromNEV 2013). Ir-Regolament StromNEV 2013 introduċa mill-ġdid, għall-futur, it-tariffi individwali kkalkolati skont il-metodu tal-perkors fiżiku, bl-applikazzjoni, minflok tat-tariffa minima, ta’ tariffi fissi ta’ 10, ta’ 15 u ta’ 20 % tat-tariffi ġenerali, skont il-konsum tal-elettriku (rispettivament 7000, 7500 u 8000 siegħa ta’ użu annwali tan-network) (iktar ’il quddiem it-“tariffi fissi”).

21

Ir-Regolament StromNEV 2013 introduċa sistema tranżitorja, fis-seħħ mit-22 ta’ Awwissu 2013 u applikabbli retroattivament għall-konsumaturi ta’ karga bażika li kienu għadhom ma bbenefikawx mill-eżenzjoni inkwistjoni għas-snin 2012 u 2013 (iktar ’il quddiem l-“iskema tranżitorja”). Minflok it-tariffi individwali kkalkolati skont il-metodu tal-perkors fiżiku u t-tariffa minima, din l-iskema kienet tipprevedi esklużivament l-applikazzjoni għal dawn il-konsumaturi tat-tariffi fissi.

Fuq il‑proċedura amministrattiva u d‑deċiżjoni kontenzjuża

22

Wara diversi lmenti, il-Kummissjoni ppubblikat, fl‑4 ta’ Mejju 2013, id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-iskema ta’ għajnuna bbażata fuq il-miżuri kkontestati (ĠU 2013, C 128, p. 43).

23

Fi tmiem proċedura li matulha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-partijiet ikkonċernati oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni adottat, fit-28 ta’ Mejju 2018, id-deċiżjoni kontenzjuża.

24

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li, mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Diċembru 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat illegalment għajnuna mill-Istat fil-forma tal-eżenzjoni kontenzjuża.

25

B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ammont tal-għajnuna mill-Istat kien jikkorrispondi għall-ispejjeż tan-network iġġenerati fl-2012 u fl-2013 mill-konsumaturi ta’ karga bażika eżentati jew, jekk dawn l-ispejjeż kienu inqas mit-tariffa minima, għal din tal-aħħar.

26

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-għajnuna inkwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq intern, peress li ma kienet taqa’ taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(2) u (3) TFUE, u lanqas ma setgħet tiġi kkunsidrata kompatibbli għal raġunijiet oħra.

27

Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet dan li ġej:

l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-konsumaturi ta’ karga bażika kienu ġew eżentati mit-tariffi tan-network, li kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż tan-network li huma kienu jiġġeneraw, jew tat-tariffa minima, jekk dawn l-ispejjeż kienu inqas minn din it-tariffa;

l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet implementata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u ma kinitx kompatibbli mas-suq intern;

l-għajnuna individwali, mogħtija taħt l-iskema inkwistjoni, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk, fil-mument tal-għoti tagħha, hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mir-regolament ikkonċernat dwar l-għajnuna “de minimis”, adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312), u

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, kienet obbligata tirkupra mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, inklużi l-interessi, u, min-naħa l-oħra, kienet obbligata tannulla l-pagamenti kollha li kienu għadhom ma sarux taħt din l-iskema sa mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

28

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ April 2019, il-kumpanniji WEPA ppreżentaw, kull waħda minnhom, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Awwissu 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ dawn il-kumpanniji, b’konformità mat-talba ta’ dan l-Istat Membru.

30

Insostenn tar-rikors tagħhom, il-kumpanniji WEPA qajmu motiv uniku, ibbażat fuq l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn l-eżenzjoni kontenzjuża ma kinitx iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

31

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors ammissibbli u sussegwentement ċaħdet dawn il-motivi u, konsegwentement, ir-rikors għal annullament fl-intier tiegħu.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

32

Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑795/21 P, il-kumpanniji WEPA jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew, b’mod sussidjarju, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

33

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell fil-Kawża C‑795/21 P u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fil-Kawża C‑795/21 P u tikkundanna lill-kumpanniji WEPA għall-ispejjeż.

35

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑796/21 P, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, sa fejn tiċħad ir-rikors għal annullament bħala infondat;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

36

Il-kumpanniji WEPA jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell fil-Kawża C‑796/21 P.

37

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fil-Kawża C‑796/21 P u tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

38

Permezz tal-appelli inċidentali tagħha fil-Kawżi C‑795/21 P u C‑796/21 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament;

fil-Kawża C‑795/21 P, tikkundanna lill-kumpanniji WEPA għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, u

fil-Kawża C‑796/21 P, tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lill-kumpanniji WEPA għall-ispejjeż sostnuti, rispettivament, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

39

Il-kumpanniji WEPA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu li l-appelli inċidentali jiġu miċħuda u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

40

Permezz ta’ deċiżjoni tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ April 2023, il-Kawżi C‑795/21 P u C‑796/21 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq l-appelli inċidentali

41

L-appelli inċidentali ppreżentati mill-Kummissjoni huma intiżi sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, li hija kwistjoni preliminari fil-konfront ta’ dawk dwar il-mertu mqajma fl-appelli prinċipali. Għaldaqstant, l-ewwel għandhom jiġu eżaminati l-appelli inċidentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 43).

42

Insostenn tal-appelli inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji.

Fuq l‑ewwel aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

43

Permezz tal-ewwel aggravju mqajjem insostenn tal-appelli inċidentali tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 36 sa 43 tas-sentenza appellata, meta adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “pubblikazzjoni” fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li kull pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tissodisfa dan il-kunċett, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali pubblikazzjoni tikkundizzjonax id-dħul fis-seħħ tal-att inkwistjoni skont l-Artikolu 297 TFUE u jekk hijiex prevista mit-Trattat innifsu.

44

Fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑339/16 P, EU:C:2017:384, punti 34 sa 40), kif ukoll digrieti tal‑31 ta’ Jannar 2019, Iordăchescu vs Il-‑Parlament et (C‑426/18 P, EU:C:2019:89, punt 22), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Fryč vs Il‑Kummissjoni (C‑230/19 P, EU:C:2019:685, punt 15). Permezz ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet paralleliżmu bejn is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 297 TFUE, fis-sens li l-pubblikazzjoni tal-att inkwistjoni tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors biss jekk din tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att u jekk hija prevista mit-Trattat innifsu.

45

Dan l-approċċ huwa kkonfermat minn interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

46

Fir-rigward, minn naħa, tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Ġermaniża, il-kliem “pubblikazzjoni” u “notifika” jinsabu kemm fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll fl-Artikolu 297 TFUE, li juri l-eżistenza ta’ paralleliżmu bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

47

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ispirtu u tal-finalità tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-termini għall-preżentata ta’ rikors stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jagħmlu parti mill-għan ta’ ċertezza legali. Jekk individwu jkun jixtieq jikkontesta att, huwa għandu, fil-prinċipju, jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-verżjoni definittiva tal-kontenut tiegħu tkun ġiet innotifikata lilu. Min-naħa l-oħra, għall-atti ta’ portata ġenerali li ma għandhomx destinatarji, din id-data hija dik tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Għall-atti li jindikaw destinatarju, l-imsemmija data hija dik tan-notifika lil dan id-destinatarju. Huwa biss b’mod eċċezzjonali u sussidjarju li, fir-rigward ta’ att li la għandu jiġi ppubblikat u lanqas innotifikat, l-għarfien jista’ jikkostitwixxi avveniment li jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Għalhekk, il-paralleliżmu bejn is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 297 TFUE jiggarantixxi li pubblikazzjoni sussegwenti ta’ att fil-Ġurnal Uffiċjali għal finijiet ta’ informazzjoni ma twassalx għal estensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors u, għaldaqstant, għal inċertezza legali.

48

Fit-tieni lok, il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax tiġi assimilata għal “pubblikazzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. Għaldaqstant, din ma tikkostitwixxix il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors.

49

Minn naħa, tali deċiżjoni hija indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat u hija nnotifikata lilu biss. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, hija tidħol fis-seħħ permezz ta’ din in-notifika u mhux permezz tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, li hija intiża biss sabiex tinforma lill-pubbliku, inklużi l-benefiċjarji tal-għajnuna li mingħandhom l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkupra din l-għajnuna anki qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija pubblikazzjoni ma tirriżultax mit-Trattat FUE iżda mill-Artikolu 32 tar-Regolament 2015/1589, moqri fid-dawl tal-premessa 39 tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors li għandha impriża benefiċjarja sabiex tikkontesta deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma hemmx lok li wieħed jibbaża ruħu fuq l-għarfien effettiv ta’ din id-deċiżjoni. Fl-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni preliminari demonstrabbli, id-data tal-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali sservi bħala d-data meta wieħed isir jar biha abbażi ta’ finzjoni legali.

50

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tinvoka sensiela ta’ argumenti li, fil-fehma tagħha, isostnu l-interpretazzjoni tagħha tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

51

L-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni sabiex issostni li l-pubblikazzjoni u n-notifika ta’ att jitqiegħdu fuq punt ugwali u li l-għarfien jikkostitwixxi avveniment sussidjarju meta mqabbel mal-ewwel tnejn. Dan ir-rapport ta’ sussidjarjetà jinkiser mill-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, peress li, kieku l-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 32 tar-Regolament 2015/1589 kienet ekwivalenti għal pubblikazzjoni skont l-Artikolu 297(1) TFUE, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ikollu jibda jiddekorri, inkluż fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat u minkejja n-notifika, fid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

52

It-tieni nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali twassal għal nuqqas ta’ opportunitajiet ugwali bejn l-impriżi li mingħandhom tiġi rkuprata għajnuna u l-kompetituri tagħhom li ma rċevewx għajnuna. Filwaqt li tal-ewwel jirċievu fil-prattika kopja tad-deċiżjoni mill-Istat Membru kkonċernat, tat-tieni għandhom jistennew il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, konformement mal-Artikolu 32 tar-Regolament 2015/1589, b’tali mod li t-termini għall-preżentata ta’ rikors effettivi għal dawn l-impriżi jkunu differenti. Din l-interpretazzjoni twassal ukoll għal inugwaljanza bejn il-Kummissjoni u l-impriżi li mingħandhom għandha tiġi rkuprata l-għajnuna. Fil-fatt, sabiex tirrispondi għar-rikors ta’ impriża benefiċjarja, il-Kummissjoni għandha terminu ta’ xahrejn filwaqt li, minħabba l-imsemmija interpretazzjoni, dawn l-impriżi jibbenefikaw minn terminu itwal sabiex jippreparaw ir-rikors tagħhom.

53

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq qari żbaljat tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94). Fil-fatt, b’differenza mid-deċiżjoni kontenzjuża, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza ma indikat ebda destinatarju.

54

Ir-raba’ nett, il-punt 38 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-kumpanniji WEPA setgħu suġġettivament jistennew il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Ġurnal Uffiċjali, jinjora n-natura ta’ ordni pubbliku tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

55

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-kumpanniji WEPA jirribattu li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

56

Permezz tal-ewwel aggravju mqajjem insostenn tal-appelli inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 36 sa 43 tas-sentenza appellata. Skont din, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dawn il-punti, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jibda jiddekorri, għall-kumpanniji WEPA, mhux mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, iżda mid-data ta’ meta dawn il-kumpanniji saru jafu b’mod effettiv bl-imsemmija deċiżjoni.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 36 sa 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni bbażata fuq l-allegata tardività tar-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentat mill-kumpanniji WEPA.

58

Minn qari flimkien tal-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kien jibda jiddekorri, f’dan il-każ, mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Ġurnal Uffiċjali, li seħħet fis-16 ta’ Jannar 2019, u li dan it-terminu ġie osservat.

59

Insostenn ta’ din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 37 tal-imsemmija sentenza, li l-kriterju tal-ġurnata li fiha r-rikorrent isir jaf bl-att ikkontestat bħala d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu tal-preżentata tar-rikors huwa sussidjarju għal kriterji tal-pubblikazzjoni u tan-notifika tal-att. Filwaqt li enfasizzat li l-pubblikazzjoni ma kinitx kundizzjoni għad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija rrilevat, fil-punt 38 tal-istess sentenza, li din id-deċiżjoni kellha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament 2015/1589, b’tali mod li l-kumpanniji WEPA setgħu leġittimament jistennew li l-imsemmija deċiżjoni tiġi ppubblikata.

60

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[i]l-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni [tal-att], jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ”.

61

Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-espressjonijiet “skont il-każ” u “fin-nuqqas ta’ dan”, jirriżulta b’mod ċar li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ddeterminat skont is-sitwazzjoni inkwistjoni u li t-tliet kriterji li jistgħu jagħtu lok għal dan it-terminu huma ġerarkiċi.

62

Għalhekk, it-terminu tar-rikors għal annullament jibda jiddekorri, prinċipalment, mill-pubblikazzjoni tal-att jew min-notifika tiegħu lir-rikorrent. Dawn iż-żewġ kriterji prinċipali jinsabu, fl-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni, fuq l-istess livell fis-sens li ebda wieħed mill-imsemmija kriterji ma huwa sussidjarju għall-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑339/16 P, EU:C:2017:384, punt 38).

63

Min-naħa l-oħra, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-kriterju tad-data ta’ meta r-rikorrent isir jaf bl-att ikkontestat bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑122/95, EU:C:1998:94, punt 35), fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ.

64

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża, li tagħlaq proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat, kienet tindika bħala destinatarju l-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u ġiet innotifikata lilha, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. Korrelattivament, din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, konformement mal-Artikolu 32(3) tar-Regolament 2015/1589.

65

F’każ bħal dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għad-destinatarju tal-att li lilu għandu jiġi nnotifikat, jiġifieri l-Istat Membru kkonċernat, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament jibda jiddekorri mid-data ta’ din in-notifika, u dan anki jekk l-att huwa wkoll ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑339/16 P, EU:C:2017:384, punt 37).

66

Min-naħa l-oħra, minn interpretazzjoni letterali, teleoloġika u kuntestwali tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament jibda jiddekorri, għall-partijiet ikkonċernati l-oħra, bħall-kumpanniji WEPA, mill-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali, inkluż meta din il-pubblikazzjoni ma tirriżultax mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, iżda minn dispożizzjoni tad-dritt sekondarju, bħall-Artikolu 32(3) tar-Regolament 2015/1589.

67

Fil-fatt, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li din id-dispożizzjoni ssemmi l-“pubblikazzjoni” tal-atti b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA, C‑625/11 P, EU:C:2013:594, punt 31). Għalhekk, din il-formulazzjoni ma tissuġġetta dan il-kunċett għal ebda kundizzjoni speċifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-bażi legali tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni.

68

Dwar dan il-punt, huwa minnu li, kif tallega l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ “pubblikazzjoni”, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jirreferi għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali li tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tal-att u hija prevista mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑339/16 P, EU:C:2017:384, punt 36; digrieti tal‑31 ta’ Jannar 2019, Iordăchescu vs Il‑Parlament et, C‑426/18 P, EU:C:2019:89, punt 22, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2019, Fryč vs Il‑Kummissjoni, C‑230/19 P, EU:C:2019:685, punt 15).

69

Madankollu, kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kunċett ta’ “pubblikazzjoni”, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa limitat għal din l-ipoteżi.

70

Fil-fatt, il-preċedenti ċċitati fil-punt 68 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jinqraw b’mod iżolat, iżda jagħmlu parti minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li interpretat il-kunċett ta’ “pubblikazzjoni”, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod wiesa’. Għaldaqstant, jaqgħu taħt dan il-kunċett, minbarra l-ipoteżi msemmija f’dan il-punt 68, pubblikazzjoni tal-att ikkontestat fil-Ġurnal Uffiċjali li tirriżulta mhux minn obbligu impost mit-Trattat, iżda minn prassi stabbilita tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑122/95, EU:C:1998:94, punti 3639), jew minn dispożizzjoni tad-dritt sekondarju, bħall-Artikolu 32(3) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Novembru 2008, S.A.BA.R. vs Il‑Kummissjoni, C‑501/07 P, EU:C:2008:652, punt 23), jew pubblikazzjoni fuq is-sit internet ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni meta din tkun prevista mid-dritt sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF/ECHA, C‑625/11 P, EU:C:2013:594, punti 30 sa 32).

71

It-tieni nett, fir-rigward tal-għanijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini għall-preżentata ta’ rikors skont din id-dispożizzjoni huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti. Dawn ġew stabbiliti bl-għan li tiġi ssalvagwardjata ċ-ċertezza legali billi tiġi evitata l-kontestazzjoni indefinita tal-atti tal-Unjoni li jwasslu għal effetti ta’ dritt kif ukoll li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1967, Muller-Collignon vs Il‑Kummissjoni, 4/67, EU:C:1967:51, p. 479; tat‑23 ta’ Jannar 1997, Coen,C‑246/95, EU:C:1997:33, punt 21; digrieti tas‑16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni, C‑73/10 P, EU:C:2010:684, punt 52, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2019, Iordăchescu vs Il‑Parlament et, C‑426/18 P, EU:C:2019:89, punt 21).

72

Issa, minn naħa, fir-rigward ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, li tagħlaq proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat, jidher li, b’differenza mid-data ta’ meta r-rikorrent isir jaf, id-data tal-pubblikazzjoni ta’ att fil-Ġurnal Uffiċjali tista’ tiġi stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali, b’mod oġġettiv u b’ċertezza fir-rigward tal-partijiet interessati kollha li ma ġewx innotifikati b’din id-deċiżjoni. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li dawn tal-aħħar setgħu jsiru jafu b’dan l-att qabel il-pubblikazzjoni tiegħu.

73

Barra minn hekk, dan jispjega għaliex, fl-istruttura ġenerali tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u fl-interess taċ-ċertezza legali, id-data tal-pubblikazzjoni tipprevali fuq id-data ta’ meta r-rikorrent isir jaf biha, li hija, kif tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, kriterju sussidjarju li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tingħata raġun meta tissuġġerixxi, fir-realtà, li tinqaleb ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ kriterji msemmija fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

74

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punti 66 u 70 ta’ din is-sentenza hija wkoll ta’ natura li tevita kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tiżgura, għalhekk, l-opportunitajiet ugwali tal-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat u tal-impriżi kompetituri. Fil-fatt, għal dawn il-partijiet interessati kollha, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri mill-istess data, jiġifieri dik tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni hija l-awtriċi ta’ tali deċiżjoni u hija responsabbli mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, hija ma tistax tislet b’suċċess argument minn allegata inugwaljanza tal-armi għad-detriment tagħha.

75

It-tielet nett, fir-rigward tal-kuntest, l-istruttura tat-Trattati timmilita wkoll kontra l-paralleliżmu strett, issuġġerit mill-Kummissjoni, bejn il-kunċetti ta’ “pubblikazzjoni” użati fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE rispettivament. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jaqgħu taħt it-Titolu I tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE, huma ma jirregolawx l-istess għan. Filwaqt li l-ewwel waħda tinsab fil-Kapitolu 1 tagħha, iddedikat għall-istituzzjonijiet, u, b’mod iktar speċifiku, fit-Taqsima 5 tagħha, iddedikata lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-tieni parti taqa’ fil-Kapitolu 2 tagħha, iddedikat għall-atti legali tal-Unjoni u l-proċeduri ta’ adozzjoni tagħhom.

76

Għal dawn il-motivi kollha, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi, fil-punti 36 sa 43 tas-sentenza appellata, li t-terminu tar-rikors kien jibda jiddekorri, għall-kumpanniji WEPA, fid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Ġurnal Uffiċjali.

77

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju mqajjem insostenn tal-appelli inċidentali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

78

Permezz tat-tieni aggravju mqajjem insostenn tal-appelli inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fil-punt 41 tas-sentenza appellata.

79

Billi affermat, fil-punt 41 li “ma ġiex ippruvat li, f’dan il-każ, il-[kumpanniji WEPA] kell[hom] konoxxenza ‘inkonfutabbli’ tad-deċiżjoni [kontenzjuża]” qabel il-pubblikazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi. Fil-fatt, huwa manifest, fid-dawl tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li dawn il-kumpanniji kienu jafu bl-eżistenza tad-deċiżjoni kontenzjuża qabel il-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, mhux iktar tard mis‑26 ta’ Settembru 2018.

80

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-kumpanniji WEPA jqisu li, peress li l-ewwel aggravju tal-appelli inċidentali ma huwiex fondat, it-tieni aggravju huwa irrilevanti għall-eżitu ta’ dawn l-appelli. Dawn il-kumpanniji jżidu li dan it-tieni aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, ukoll infondat.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

81

Fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, “fi kwalunkwe każ, ma ntweriex li, fil-każ inkwistjoni, [il-kumpanniji WEPA] kellhom għarfien ‘[inkonfutabbli]’ tad-deċiżjoni [kontenzjuża]”.

82

F’dan ir-rigward, l-espressjoni “fi kwalunkwe każ” tindika li din ir-raġuni tifforma motiv superfluwu tas-sentenza appellata. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-argumenti indirizzati kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant huma ineffettivi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, C‑297/22 P, EU:C:2023:1027, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Għaldaqstant, it-tieni aggravju mqajjem insostenn tal-appelli inċidentali għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

84

Konsegwentement, l-appelli inċidentali għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l‑appelli prinċipali

85

Insostenn tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑795/21 P, il-kumpanniji WEPA jinvokaw żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żnaturament tal-fatti kif ukoll fuq ksur tal-kontenut u tal-portata tad-dritt nazzjonali u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

86

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑796/21 P, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mill-kumpanniji WEPA, tqajjem aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan l-aggravju jingħaqad, essenzjalment, mat-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji WEPA, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, insostenn tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑795/21 P.

Fuq l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑795/21 P

L‑argumenti tal‑partijiet

87

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom imqajjem insostenn tal-appell tagħhom, il-kumpanniji WEPA jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li żnaturat punti ta’ fatt u injorat il-kontenut kif ukoll il-portata tad-dritt nazzjonali. Dan l-aggravju huwa formalment maqsum fi tliet partijiet.

88

Permezz tal-ewwel parti, il-kumpanniji WEPA jsostnu li, fil-punti 12, 66, 93 u 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod ineżatt li l-BNetzA kienet iffissat b’mod vinkolanti l-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża. F’dan ir-rigward, mill-premessi 61, 75 u 123 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-ammont ta’ din is-sovrataxxa kien iddeterminat mill-operaturi tan-network. Dan japplika wkoll għas-sena 2012 li għaliha l-imsemmija sovrataxxa kienet inġabret għall-ewwel darba minn dawn tal-aħħar. L-ammont tal-istess sovrataxxa qatt ma ġie impost mill-BNetzA. Fir-rigward ta’ din is-sena 2012, il-BNetzA llimitat ruħha li tagħti stima tas-somma globali tat-telf kapitali sostnut mill-operaturi tan-network, iżda bl-ebda mod ma ffissat l-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża, sa fejn tali ffissar kien jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra.

89

Permezz tat-tieni parti, il-kumpanniji WEPA jikkontestaw, essenzjalment, il-punt 93 tas-sentenza appellata. Kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali f’dan il-punt, il-BNetzA ma imponietx fuq l-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni “metodu ddettaljat ħafna għall-kalkolu” tas-sovrataxxa kontenzjuża. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-premessi 61, 75 u 123 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-rekwiżiti tal-BNetzA huma ġenerali ħafna u jirrigwardaw it-telf ta’ dħul u t-telf kapitali previst matul is-sena ta’ wara. Huma ma jinkludu ebda rekwiżit dwar il-mod konkret kif l-operaturi ta’ network ta’ trażmissjoni kienu mistennija jikkalkolaw is-sovrataxxa kontenzjuża abbażi tat-telf ta’ dħul previst.

90

Permezz ta’ tielet parti, il-kumpanniji WEPA jilmentaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta affermat, fil-punti 93, 94, 99 kif ukoll 106 et seq. tas-sentenza appellata, li t-telf ta’ dħul kien kompletament kopert mis-sovrataxxa kontenzjuża. Id-dritt nazzjonali jipprevedi biss il-kwistjoni tal-irkupru ta’ krediti fir-rigward tal-konsumaturi ta’ karga bażika eżentati, li ma setgħux jiġu eżegwiti minħabba l-insolvenza ta’ dawn tal-aħħar, u jeskludi li tali krediti jkunu koperti mis-sovrataxxa kontenzjuża. Għalhekk, it-telf marbut mal-insolvenza ta’ dawn il-konsumaturi huwa kopert mir-riżorsi proprji tal-operaturi tan-network u mhux minn dawk tal-Istat. Barra minn hekk, għandhom jitħallsu wkoll spejjeż oħra mill-operaturi tan-network, jiġifieri l-ispejjeż tal-kapital u t-tariffi amministrattivi mħallsa lill-BNetzA.

91

Fir-replika tagħhom, il-kumpanniji WEPA jinvokaw, barra minn hekk, nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzja l-punti 94, 99 kif ukoll 106 et seq. tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx, tal-inqas fil-qosor, b’mod komprensibbli r-raġuni li għaliha t-telf ta’ dħul tal-operaturi tan-network li ma ġewx koperti mis-sovrataxxa kontenzjuża ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

92

Il-Kummissjoni tqis li t-tliet partijiet imressqa insostenn tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑795/21 P huma manifestament infondati u li ċerti argumenti huma, fi kwalunkwe każ, inammissibbli.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

93

Preliminarjament, fir-rigward tal-argumenti dwar żbalji li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-analiżi tad-dritt Ġermaniż, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti biex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll biex tevalwa l-provi. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni ta’ meta dawn jiġu żnaturati, punt ta’ liġi li, bħala tali, huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Għaldaqstant, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali, li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt (sentenzi tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 79, u tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Amazon.com et, C‑457/21 P, EU:C:2023:985, punt 20 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata). Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 80).

95

Barra minn hekk, meta jallega żnaturament tal-fatti jew tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika preċiżament il-provi allegatament żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 99, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2022, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑79/20 P, EU:C:2022:305, punt 53).

96

Huwa fid-dawl ta’ dan it-tfakkir li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju tal-kumpanniji WEPA, ibbażat fuq diversi żnaturamenti tad-dritt nazzjonali u tal-fatti.

97

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-allegazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta qieset li l-BNetzA ffissat l-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża b’mod vinkolanti hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

98

Fil-fatt, minn qari flimkien tal-punti 12, 66, 93 u 99 tas-sentenza appellata, li huma kkontestati minn din l-allegazzjoni, jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-Qorti Ġenerali qieset li s-sovrataxxa kontenzjuża kellha tiġi ddeterminata mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni abbażi ta’ metodu stabbilit mill-BNetzA u li, fir-rigward tas-sena 2012, din iffissat l-ammont totali ta’ din is-sovrataxxa. Din l-interpretazzjoni tirriżulta espliċitament mill-punt 66 ta’ din is-sentenza. L-assenza ta’ riferiment għall-aġġettiv “totali”, fil-punt 12 tal-imsemmija sentenza hija irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod ċar fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ammont inizjali totali fil-motivi tal-istess sentenza. Bl-istess mod, huwa rrefera, fil-punt 93 ta’ dan tal-aħħar, għall-iffissar ta’ ammont inizjali tas-sovrataxxa kontenzjuża għas-sena 2012, li tinftiehem faċilment li huwa l-ammont globali, kif ukoll, għas-sena ta’ wara, għall-metodu ta’ kalkolu ta’ din is-sovrataxxa ddeterminat mill-BNetzA. Barra minn hekk, is-sempliċi riferiment, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, għas-“sovrataxxa kontenzjuża, kif ikkalkolata mill-BNetzA (għas-sena 2012)” ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti peress li din il-formulazzjoni, għalkemm impreċiża, tista’ perfettament tinftiehem bħala riferiment għall-ammont totali ta’ din is-sovrataxxa, fatt li jirriżulta minn qari globali tas-sentenza appellata. Għall-bqija, dan il-punt 99 jirreferi, huwa wkoll, għall-metodu stabbilit mill-BNetzA għas-sena 2013.

99

Ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni oħra mill-premessi 61, 75 u 123 tad-deċiżjoni kontenzjuża li għalihom jirreferu l-kumpanniji WEPA. Fil-fatt, minn dawn il-premessi jirriżulta li, għalkemm l-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni kellhom jiddeterminaw l-ammont konkret tas-sovrataxxa kontenzjuża, il-Kummissjoni rrilevat ukoll, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali, li huma kellhom, f’dan ir-rigward, josservaw il-kuntest u l-metodu stabbiliti mill-BNetzA.

100

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-kumpanniji WEPA jinsistu, fil-kuntest ta’ din l-allegazzjoni dwar id-determinazzjoni tas-sovrataxxa kontenzjuża, fuq il-marġni ta’ manuvra tal-operaturi ta’ network, l-argument tagħhom iwassal sabiex tiġi kkontestata evalwazzjoni fattwali mingħajr ma jiġi stabbilit żnaturament, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 ta’ din is-sentenza.

101

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, “għat-tieni sena ta’ applikazzjoni tal-iskema, [id-]Deċiżjoni BNetzA [tal-2011] stabbilixxiet metodu ddettaljat ħafna għall-kalkolu tas-sovrataxxa [kontenzjuża]”. Hija żiedet li, skont dan il-metodu, “l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kellhom jiddeterminaw, minn naħa, it-telf kapitali mistenni li jirriżulta mill-eżenzjoni [kontenzjuża] meta mqabbel mal-ħlas sħiħ tat-tariffi tan-network u, min-naħa l-oħra, il-konsum mistenni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża għal kull kilowatt/siegħa, fid-dawl tad-dħul iġġenerat matul is-sena ta’ qabel tal-aħħar” u li “l-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni kellhom jadattaw l-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża kull sena abbażi tal-bżonnijiet finanzjarji reali tas-sena preċedenti”. Dawn l-affermazzjonijiet jirriflettu, essenzjalment, il-premessi 37 u 39 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

102

F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa paċifiku li l-kumpanniji WEPA ma jikkontestawx speċifikament din id-deskrizzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tas-sovrataxxa kontenzjuża, iżda l-klassifikazzjoni ta’ dan il-metodu bħala “metodu dettaljat ħafna”. Issa, anki jekk jitqies li tali klassifikazzjoni hija żbaljata, hija ma għandha ebda konsegwenza fuq l-analiżi, mill-Qorti Ġenerali, tal-imsemmi metodu bħala tali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li żnaturat id-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward.

103

Min-naħa l-oħra, għall-bqija, l-argumenti tal-kumpanniji WEPA dwar il-marġni ta’ manuvra tal-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni għall-kalkolu tas-sovrataxxa kontenzjuża jikkontradixxu, b’mod definittiv, l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kontenzjuża li dawn l-operaturi ma jgawdu minn ebda marġni ta’ manuvra. Għalhekk, dawn il-kumpanniji jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-metodu ta’ determinazzjoni tas-sovrataxxa kontenzjuża, li ma taqax fil-kompetenza tagħha fl-istadju tal-appell fl-assenza ta’ kull żnaturament.

104

Fir-rigward tat-tielet parti, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 90, 91, 93, 94, 99, 106 u 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rreferiet għad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, adottat il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża li tgħid li l-mekkaniżmu tas-sovrataxxa kontenzjuża kien jiżgura lill-operaturi tan-network il-kumpens sħiħ tat-telf sostnut minnhom minħabba l-eżenzjoni kontenzjuża, peress li l-ammont ta’ din is-sovrataxxa kien adattat għal dak tar-riżorsi meħtieġa minħabba din l-eżenzjoni. Hija żiedet, b’mod partikolari fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li t-telf ta’ dħul dovut għal insolvenza, li huwa sostnut ekonomikament mill-operaturi ta’ network ta’ distribuzzjoni, ma jikkostitwixxix telf ta’ dħul fis-sens tas-sistema inkwistjoni u huwa ġġustifikat mill-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-operaturi ta’ network u d-debituri finali tas-sovrataxxa kontenzjuża huma relazzjonijiet tad-dritt privat.

105

Issa, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija ċaħdet l-argumenti tal-kumpanniji WEPA bbażati fuq l-assenza ta’ kumpens sħiħ tat-telf li jirriżulta mill-eżenzjoni kontenzjuża.

106

L-evalwazzjoni li skontha l-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża previst mid-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 kellu jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż kollha marbuta mal-eżenzjoni kontenzjuża taqa’ taħt evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ fl-istadju tal-appell. L-istess japplika għall-kwistjoni speċifika dwar jekk, effettivament, it-telf u l-ispejjeż kollha marbuta mal-eżenzjoni kontenzjuża kif ukoll id-djun irrekuperabbli marbuta mal-insolvenza tal-konsumaturi ta’ karga bażika li bbenefikaw b’mod żbaljat minn din l-eżenzjoni kinux koperti mis-sovrataxxa kontenzjuża. Issa, il-kumpanniji WEPA baqgħu mingħajr ma rnexxielhom jipprovaw żnaturament f’dan ir-rigward.

107

Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, it-tliet partijiet tal-ewwel aggravju mqajjem mill-kumpanniji WEPA għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑795/21 P u l‑aggravju uniku fil‑Kawża C‑796/21 P

108

Permezz tat-tieni aggravju mqajjem insostenn tal-appell fil-Kawża C‑795/21 P u permezz tal-aggravju uniku fil-Kawża C‑796/21 P, rispettivament, il-kumpanniji WEPA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn hija qieset, b’mod żbaljat, li l-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mogħtija permezz ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

109

L-argumenti tagħhom jirrigwardaw, essenzjalment, tliet kwistjonijiet li jirrigwardaw, l-ewwel waħda, il-kriterju ġuridiku li jippermetti li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ miżura mogħtija permezz ta’ “riżorsi tal-Istat”, it-tieni waħda, l-eżistenza ta’ taxxa obbligatorja u, it-tielet waħda, il-kontroll statali.

Fuq il‑kriterju ġuridiku li jippermetti li tiġi evalwata l‑eżistenza ta’ miżura mogħtija permezz ta’ “riżorsi tal-Istat”

– L‑argumenti tal‑partijiet

110

Il-kumpanniji WEPA, permezz tal-ewwel ilment tal-ewwel parti kif ukoll it-tieni u t-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli applikat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tevalwa n-natura statali tar-riżorsi inkwistjoni.

111

Fl-ewwel lok, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, il-kumpanniji WEPA jallegaw, essenzjalment, li, fil-punti 77 sa 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li s-sovrataxxa kontenzjuża tikkostitwixxi “taxxa”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u, konsegwentement, għajnuna mogħtija bħala “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Skont dawn, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! etC‑262/12, EU:C:2013:851), tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2021, FVE Holýšov I et vs Il‑Kummissjoni (C‑850/19 P, EU:C:2021:740), jirriżulta li tali “taxxa” teżisti biss meta Stat Membru jimponi unilateralment u permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika obbligu ta’ ħlas lid-destinatarju ta’ dan l-att. Issa, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kriterju differenti, u għalhekk żbaljat, meta eżaminat jekk is-sovrataxxa kontenzjuża, imposta minn dan l-Istat, kinitx kompletament ittrasferita, skont obbligu legali, fuq id-debituri finali ta’ din is-sovrataxxa.

112

Barra minn hekk, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika l-eżistenza ta’ obbligu legali ta’ ħlas impost fuq id-debitur.

113

Fit-tieni lok, fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kumpanniji WEPA, permezz tat-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestaw, rispettivament, il-punti 62 et seq, 76, 79 u 110 kif ukoll il-punti 62 sa 64 u 76 tas-sentenza appellata minħabba li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li, sabiex tiġi ddeterminata n-natura statali jew le tar-riżorsi inkwistjoni, l-eżistenza ta’ oneru obbligatorju fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali u l-kontroll statali fuq il-fondi jew fuq dawk li jiġġestixxu dawn il-fondi huma żewġ elementi li “jagħmlu parti minn alternattiva”. Dawn huma, għall-kuntrarju, kriterji kumulattivi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punti 66, 69, 70, 7275), tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 72), tal-15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2021, FVE Holýšov I et vs Il-Kummissjoni (C‑850/19 P, EU:C:2021:740).

114

Barra minn hekk, il-kumpanniji WEPA jallegaw, permezz tat-tieni lment tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, li t-tielet kriterju għandu jiġi ssodisfatt. Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rabta suffiċjentement diretta bejn is-sovrataxxa kontenzjuża u l-baġit tal-Istat għandha tiġi stabbilita sabiex tkun tista’ tiġi konkluża l-eżistenza ta’ għajnuna “mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Issa, la d-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas is-sentenza appellata ma jinkludu elementi li jippermettu li jiġi konkluż li s-sovrataxxa kontenzjuża għandha tali rabta mal-baġit tal-Istat. Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li la l-BNetzA u lanqas ebda korp statali ieħor ma assumew ir-responsabbiltà tal-kumpens sħiħ tat-telf ta’ dħul.

115

Barra minn hekk, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq kriterji alternattivi, tikkontradixxi l-punti 97 sa 109 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat l-eżistenza ta’ kontroll mill-Istat, minkejja li kienet diġà kkonkludiet li kien hemm oneru obbligatorju.

116

Fit-tielet lok, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali lanqas ma huwa sostnut mill-Artikoli 30 u 110 TFUE, li essenzjalment huma intiżi għat-tneħħija u għall-projbizzjoni ta’ miżuri protezzjonisti.

117

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE fis-sens li hemm lok li jiġi preżunt li kull taxxa għandha oriġini statali, indipendentement mill-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni, hija żbaljata fid-dritt. Din l-interpretazzjoni twassal għal konsegwenza mhux prevista mit-Trattati, jiġifieri li kull regolazzjoni tal-prezzijiet tas-suq twassal għal użu tar-riżorsi tal-Istat u għandha għalhekk tiġi nnotifikata, skont l-Artikolu 108 TFUE. Issa, tali leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija u mhux tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

118

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tat-tieni lmenti tat-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji WEPA u tikkunsidra li l-ewwel parti kif ukoll it-tielet ilment tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, kif ukoll l-ewwel parti tal-aggravju uniku mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma, bħala tali, ineffettivi.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

119

Il-kumpanniji WEPA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli applikat kriterju legali żbaljat sabiex tiddetermina jekk l-ammonti li jirriżultaw mis-sovrataxxa kontenzjuża joriġinawx mir-“riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

120

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwalifika bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li jkunu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri, li jkun hemm intervent mill-Istat jew “permezz ta’ riżorsi tal-Istati”, li dan l-intervent ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li l-imsemmi intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li l-istess intervent joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

121

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala intervent mill-Istat jew bħala għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” jekk, minn naħa, il-miżura tingħata direttament jew indirettament permezz ta’ dawn ir-riżorsi u, min-naħa l-oħra, il-miżura tkun imputabbli lil Stat Membru (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

122

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kundizzjoni li l-vantaġġ jingħata “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, stabbiliet żewġ kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit li fondi li permezz tagħhom jingħata vantaġġ tariffarju, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkostitwixxu “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 34, 38, 3942).

123

Għalhekk, fl-ewwel lok, il-fondi pprovduti minn taxxa jew minn imposti obbligatorji oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u amministrati u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxu “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 38).

124

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċiża dan il-kriterju, ammonti li jirriżultaw mis-suppliment ta’ prezz impost mill-Istat fuq ix-xerrejja tal-elettriku jixbhu taxxa imposta fuq l-elettriku u li joriġinaw minn “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Sabiex ikunu kkunsidrati bħala tali, il-fondi għandhom joriġinaw minn kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u amministrati u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni, indipendentement minn jekk il-mekkaniżmu ta’ finanzjament jkunx jaqa’, f’sens strett, taħt il-kategorija ta’ imposti ta’ natura fiskali fid-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, ma huwiex biżżejjed li l-operaturi ta’ networks jgħaddu fuq il-prezz ta’ bejgħ tal-elettriku lill-klijenti finali tagħhom l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-obbligu tagħhom li jixtru l-elettriku prodott minn ċerti sorsi ta’ enerġija bit-tariffi stabbiliti fil-liġi, jekk dan il-kumpens jirriżulta mhux minn obbligu legali, iżda sempliċement minn prattika. Fil-fatt, f’każ bħal dan, it-taxxa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala obbligatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 34 sa 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

125

Fit-tieni lok, il-fatt li s-somom jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

126

Il-kriterji msemmija fil-punti 123 u 125 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxu kriterji alternattivi li jippermettu li jiġi stabbilit li miżura tingħata “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 42), kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrikonoxxew dan waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1).

127

Minn dan isegwi, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 62 sa 64 u 76 tas-sentenza appellata, qieset li n-natura statali tar-riżorsi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ żewġ kundizzjonijiet alternattivi li jirrigwardaw, waħda, l-eżistenza ta’ oneru obbligatorju fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali u, l-oħra, il-kontroll statali fuq il-ġestjoni tas-sistema u, b’mod partikolari, fuq il-fondi jew l-amministraturi ta’ dawn il-fondi. Fid-dawl tar-risposti mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet, l-argumenti kollha ta’ dan l-Istat Membru intiżi sabiex jikkontestaw din l-evalwazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

128

L-argumenti tal-kumpanniji WEPA li jgħidu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx kriterji alternattivi huma bbażati preċiżament fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din ġabret fil-qosor fis-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), u li minnhom hija ddeduċiet l-eżistenza ta’ żewġ kriterji alternattivi. Lanqas dawn l-argumenti ma jistgħu jirnexxu.

129

Barra minn hekk, sa fejn il-kumpanniji WEPA jallegaw li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika kunċett ta’ “taxxa” intiż bħala l-impożizzjoni unilaterali u b’att ta’ awtorità pubblika ta’ obbligu ta’ ħlas kif ukoll kriterju intiż għall-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn il-baġit tal-Istat u s-sovrataxxa kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punti 123 sa 125 ta’ din is-sentenza, ebda waħda mill-alternattivi adottati ġustament mill-Qorti Ġenerali ma tirreferi għal tali kunċett jew tali kriterju. L-eżistenza ta’ oneru obbligatorju, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punt 124 ta’ din is-sentenza. Dawn ġew iddeterminati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija lura fil-punti 55 sa 62 tas-sentenza appellata u miġbura fil-qosor fil-punti 34 sa 37 tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), mingħajr ma dan ġie speċifikament ikkontestat fil-kuntest ta’ dawn l-appelli. Meta vverifikat, kif ħabbret fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, jekk is-sovrataxxa kontenzjuża kinitx imposta mill-Istat u mgħoddija kollha kemm hi, permezz ta’ obbligu legali, fuq id-debituri finali ta’ din is-sovrataxxa, il-Qorti Ġenerali kkonformat ma’ din il-ġurisprudenza.

130

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li qieset opportun li teżamina, fil-punti 97 sa 109 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ kontroll statali fuq il-fondi miġbura bħala sovrataxxa kontenzjuża jew fuq l-operaturi tan-network, wara li kkonstatat, fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ taxxa parafiskali jew ta’ oneru obbligatorju li jimplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

131

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali setgħet tevita dan l-eżami dwar l-eżistenza ta’ kontroll statali, fid-dawl tan-natura alternattiva taż-żewġ kriterji li hija eżaminat. Madankollu, xejn ma jipprekludi li, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tkompli r-raġunament tagħha permezz ta’ kunsiderazzjonijiet superfluwi, bħal, f’dan il-każ, dawk relatati mal-eżistenza ta’ kontroll mill-Istat, bl-istess mod kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1).

132

It-tielet nett, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li huwa kuntrarju għall-għanijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE li jiġi preżunt li kull taxxa għandha oriġini statali, l-argument tagħha huwa bbażat fuq premessa u qari żbaljati tas-sentenza appellata.

133

Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 123 ta’ din is-sentenza, ma humiex il-fondi ffinanzjati minn kull taxxa, iżda biss dawk li huma ffinanzjati minn taxxa obbligatorja, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, amministrata u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni, li jistgħu jikkostitwixxu “riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali speċifikament ivverifikat, kif jirriżulta mill-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, jekk is-sovrataxxa kontenzjuża kinitx imposta mill-Istat u mgħoddija kollha kemm hi, permezz ta’ obbligu legali, fuq id-debituri finali ta’ din is-sovrataxxa.

134

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument żviluppat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-Artikoli 30 u 110 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, f’motiv superfluwu introdott bil-frażi avverbjali “[b]arra minn hekk”, il-ġurisprudenza relatata ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-kwalità ta’ debitur tat-taxxa ma hijiex wisq rilevanti, sa fejn it-taxxa tirrigwarda l-prodott inkwistjoni jew attività neċessarja fir-rigward ta’ dan il-prodott. Hija żiedet li l-element deċiżiv huwa għalhekk ikkostitwit mill-fatt li l-entitajiet li ġabru taxxa għandhom mhux biss obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, iżda huma inkarigati mill-Istat sabiex jamministraw riżorsa tal-Istat.

135

Peress li dan il-punt jistabbilixxi motiv superfluwu, l-argument li jikkritikah huwa ineffettiv.

136

Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali rreferiet għall-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 30 u 110 TFUE mhux sabiex tevalwa s-sovrataxxa kontenzjuża fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda sabiex tikkorrobora l-analiżi tagħha ta’ din is-sovrataxxa fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li fixklet is-sistemi legali distinti li jirriżultaw, rispettivament, mill-ewwel żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u mit-tielet waħda minnhom.

137

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tal-kumpanniji WEPA bbażati fuq l-assenza, f’dan il-każ, ta’ obbligu ta’ ħlas impost fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku kif ukoll fuq l-assenza ta’ kumpens tat-telf ta’ dħul, esposti fil-punti 112 u 114 ta’ din is-sentenza, dawn huma marbuta mal-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali għall-eżistenza ta’ taxxa obbligatorja. Għalhekk, ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan l-eżami.

138

Mill-motivi preċedenti jirriżulta li taħt ir-riżervi espressi fil-punt preċedenti, l-ewwel parti kif ukoll it-tieni u t-tielet ilmenti tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-kumpanniji WEPA u l-ewwel parti tal-aggravju uniku mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

Fuq l-eżistenza ta’ taxxa obbligatorja

– L‑argumenti tal‑partijiet

139

Il-kumpanniji WEPA, permezz ta’ uħud mill-argumenti tagħhom invokati fil-punti 112 u 114 ta’ din is-sentenza, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, isostnu, essenzjalment, li, fil-punti 78 u 82 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE billi kklassifikat is-sovrataxxa kontenzjuża bħala taxxa parafiskali jew bħala oneru obbligatorju.

140

Il-kumpanniji WEPA, minn naħa, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tivverifika l-eżistenza tal-obbligu legali ta’ ħlas impost fuq id-debitur. Fil-fehma tagħhom, ma huwiex ikkontestat li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 ma tinkludix tali obbligu u ma hijiex indirizzata lill-utenti tan-network, b’tali mod li l-obbligu li titħallas is-sovrataxxa kontenzjuża kien ta’ natura purament kuntrattwali. Anki jekk jitqies li kien jeżisti, skont din id-deċiżjoni, obbligu ta’ ġbir tas-sovrataxxa kontenzjuża u ta’ trasferiment lill-utenti tan-network, tali obbligu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat l-użu ta’ riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, il-BNetzA la ffissat l-ammont ta’ din is-sovrataxxa u lanqas ġabret din tal-aħħar. Hija ma għandha l-ebda setgħa li tiddisponi mill-ammonti miġbura.

141

Min-naħa l-oħra, il-kumpanniji WEPA jsostnu li, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali, la l-BNetzA u lanqas ebda organu statali ieħor ma assumew ir-responsabbiltà tal-kumpens sħiħ tat-telf ta’ dħul.

142

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, minn naħa, li, b’mod partikolari fil-punti 77, 82, 83 u 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod żbaljat, li r-relazzjoni bejn il-fornitur u l-konsumatur finali tal-elettriku ma kinitx determinanti sabiex jiġi konkluż li kien hemm oneru obbligatorju, għar-raġuni żbaljata li s-sovrataxxa kontenzjuża ma hijiex imposta fuq il-konsum tal-elettriku iżda fuq l-użu tan-network. Min-naħa l-oħra, fil-punti 84 u 86 sa 89 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat, u mingħajr ebda motivazzjoni, għall-obbligu ta’ ġbir u minn dan iddeduċiet b’mod żbaljat obbligu ta’ ħlas tas-sovrataxxa kontenzjuża previst mil-liġi nazzjonali. Fl-assenza ta’ obbligu legali ta’ ħlas ta’ din is-sovrataxxa, il-ġbir tagħha jista’ jseħħ biss abbażi tar-regoli tad-dritt ċivili. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

143

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha u tqis li dawk imressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li huma, fi kwalunkwe każ, ineffettivi.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

144

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, il-fondi pprovduti minn taxxa jew minn imposti obbligatorji oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u amministrati u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxu “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

145

F’dan il-każ, wara li evalwat, fil-punti 77 sa 95 tas-sentenza appellata, is-sovrataxxa kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, li din is-sovrataxxa kienet timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, huwa rrileva li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 kienet timponi fuq l-operaturi tan-network ta’ distribuzzjoni l-obbligu li jiġbru s-sovrataxxa kontenzjuża mingħand l-utenti tan-network u li jittrasferixxu d-dħul korrispondenti lill-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni. Hija qieset ukoll li l-mekkaniżmu tas-sovrataxxa inkwistjoni kien jiżgura li l-operaturi tan-network jiġu kkumpensati kompletament għat-telf ta’ dħul, peress li l-ammont ta’ din is-sovrataxxa kien adattat għal dak tar-riżorsi meħtieġa minħabba l-eżenzjoni inkwistjoni. Hija enfasizzat ukoll li dan l-ammont kien iddeterminat skont metodoloġija stabbilita mid-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, filwaqt li ġie ppreċiżat li, għas-sena 2012, din id-deċiżjoni ffissat l-ammont inizjali tal-istess sovrataxxa.

146

Fit-tieni lok, il-kumpanniji WEPA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jallegaw li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod żbaljat, l-eżistenza ta’ obbligu ta’ ħlas tas-sovrataxxa kontenzjuża imposta fuq il-konsumaturi finali, li, barra minn hekk, ġew iddefiniti b’mod żbaljat bħala li jinkludu l-utenti tan-network.

147

L-ewwel nett, fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-debituri finali tas-sovrataxxa kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li din is-sovrataxxa kienet tikkonċerna biss ir-relazzjoni bejn l-operaturi tan-network u l-utenti tan-network, peress li din is-sovrataxxa tinġabar bħala konsegwenza tal-użu tan-network, mhux tal-konsum tal-elettriku. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 83 ta’ dik is-sentenza, li l-kwistjoni dwar jekk il-fornituri tal-elettriku kinux min-naħa tagħhom obbligati jittrasferixxu l-imsemmija sovrataxxa fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku kienet irrilevanti. Fil-fehma tiegħu, fil-fatt, id-debituri finali tas-sovrataxxa kienu l-utenti tan-network, jiġifieri l-fornituri stess kif ukoll il-konsumaturi finali direttament konnessi man-network, u mhux il-konsumaturi finali l-oħra.

148

F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjoni li s-sovrataxxa kontenzjuża tinġabar bħala konsegwenza tal-użu tan-network u dik li l-utenti tan-network għandhom jinftiehmu bħala konsumaturi finali jaqgħu taħt evalwazzjoni fattwali. Issa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ tali evalwazzjoni, fl-assenza ta’ kwalunkwe allegazzjoni ta’ żnaturament.

149

It-tieni nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ obbligu ta’ ħlas fir-rigward tal-utenti tan-network, mill-punti 84 u 86 sa 88 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali adottat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 kienet timponi, fuq l-operaturi tan-network ta’ distribuzzjoni, l-obbligu li jiġbru u jgħaddu s-sovrataxxa kontenzjuża mingħand l-utenti ta’ network u li din id-deċiżjoni kienet tipprevedi wkoll li kull xahar jittrasferixxu d-dħul iġġenerat minn din is-sovrataxxa lid-diversi operaturi tan-network ta’ trażmissjoni. Minn dan hija kkonkludiet li s-sovrataxxa kontenzjuża, introdotta minn awtorità amministrattiva permezz ta’ miżura regolatorja, kienet ta’ natura obbligatorja fir-rigward tal-utenti tan-network.

150

Mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 kienet tobbliga l-operaturi tan-network ta’ distribuzzjoni li jiġbru s-sovrataxxa kontenzjuża mingħand l-utenti tan-network. Huwa wkoll paċifiku, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali fil-punti 12, 66 u 93 tas-sentenza appellata, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ, li din id-deċiżjoni kienet tipprevedi l-metodu li bih l-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża kellu jiġi ddeterminat, kull sena, mill-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni.

151

Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li ammonti li jirriżultaw minn ġbir obbligatorju li, bħas-sovrataxxa kontenzjuża, hija imposta permezz ta’ miżura leġiżlattiva, li tidentifika l-entitajiet, anki jekk privati, inkarigati mill-ġbir ta’ din it-taxxa mingħand id-debituri identifikati wkoll minn din il-miżura u li tiddefinixxi l-metodu, anke jekk ġenerali, li jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont tal-ġbir u l-aġġustament annwali tagħha, joriġinaw minn “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, peress li dan l-istess ġbir joriġina minn miżura leġiżlattiva, li tobbliga lill-operaturi tan-network li jiġbruha, ma jistax jiġi affermat li dan tirriżulta minn sempliċi prattika.

152

Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-miżura regolatorja tipprevedi biss obbligu ta’ ġbir tas-sovrataxxa kontenzjuża fuq l-operaturi ta’ network mingħajr ma tidentifika espliċitament obbligu ta’ ħlas ta’ din is-sovrataxxa fuq l-utenti ta’ network. L-effett utli tal-obbligu legali ta’ ġbir tal-imsemmija sovrataxxa jimplika, fil-fatt, neċessarjament obbligu simetriku ta’ ħlas ta’ din it-taxxa mid-debituri tagħha.

153

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kumpens, invokat mill-kumpanniji WEPA, għall-ispejjeż maħluqa mill-eżenzjoni kontenzjuża, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li rreferiet għad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, adottat, fil-punti 90, 91 u 94 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża li tgħid li l-mekkaniżmu tas-sovrataxxa kontenzjuża kien jiżgura lill-operaturi tan-network il-kumpens sħiħ tat-telf sostnut minnhom minħabba l-eżenzjoni kontenzjuża, peress li l-ammont ta’ din is-sovrataxxa kien adattat għal dak tar-riżorsi meħtieġa minħabba din l-eżenzjoni.

154

Issa, kif diġà ġie rrelevat fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni li skontha l-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont tas-sovrataxxa kontenzjuża previst mid-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 kellu jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż kollha marbuta mal-eżenzjoni kontenzjuża taqa’ taħt evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ fl-istadju tal-appell fl-assenza ta’ kwalunkwe allegazzjoni ta’ żnaturament, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 ta’ din is-sentenza.

155

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-argumenti tal-kumpanniji WEPA kif ukoll it-tieni parti tal-aggravju uniku mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

Fuq il-kontroll statali

– L‑argumenti tal‑partijiet

156

Il-kumpanniji WEPA, permezz tal-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku tagħha, jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li jeżisti kontroll statali fuq il-fondi li jirriżultaw mis-sovrataxxa kontenzjuża.

157

Il-Kummissjoni tqis li dan l-ewwel ilment kif ukoll din it-tielet parti huma infondati u, fi kwalunkwe każ, ineffettivi.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

158

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 122 sa 126 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposti obbligatorji oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u amministrati u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni u l-eżistenza ta’ kontroll statali fuq is-somom inkwistjoni jikkostitwixxu żewġ kriterji alternattivi li jippermettu li jiġu identifikati “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

159

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li s-sovrataxxa kontenzjuża kienet tikkostitwixxi taxxa parafiskali jew oneru obbligatorju li jimplika l-użu ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. Kif jirriżulta mill-punti 144 sa 155 ta’ din is-sentenza, il-kumpanniji WEPA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rnexxilhomx juru li din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

160

Issa, l-imsemmija konstatazzjoni hija, waħedha, suffiċjenti sabiex jitqies li l-miżura inkwistjoni kienet mogħtija permezz ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk is-somom inkwistjoni kinux taħt il-kontroll tal-Istat.

161

Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-kumpanniji WEPA u t-tielet parti tal-aggravju uniku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma ineffettivi.

162

Mill-motivi kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju mqajjem insostenn tal-appell fil-Kawża C‑795/21 P kif ukoll l-aggravju uniku mqajjem insostenn tal-appell fil-Kawża C‑796/21 P għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

163

Konsegwentement, peress li l-aggravji kollha mqajma insostenn tal-appelli prinċipali fil-Kawżi C‑795/21 P u C‑796/21 P ġew miċħuda, dawn l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l‑ispejjeż

164

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) u (2) ta’ dawn ir-Regoli, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu, u li, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

165

F’dan il-każ, il-kumpanniji WEPA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfu t-talbiet kollha tagħhom li jikkonċernaw, rispettivament, l-appell prinċipali fil-Kawża C‑795/21 P u l-appell prinċipali fil-Kawża C‑796/21 P, filwaqt li l-Kummissjoni tilfet it-talbiet kollha tagħha dwar l-appelli inċidentali f’dawn il-kawżi.

166

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli prinċipali u l-appelli inċidentali huma miċħuda.

 

2)

WEPA Hygieneprodukte GmbH, WEPA Deutschland GmbH & Co. KG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top