Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0765

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
D. M. vs Azienda Ospedale-Università di Padova.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale ordinario di Padova.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ tilqim għall-persunal tas-saħħa – Sospensjoni tal-funzjonijiet mingħajr remunerazzjoni għall-persunal li jirrifjuta l-vaċċin – Regolament (KE) Nru 726/2004 – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Vaċċini kontra l-COVID-19 – Regolament (KE) Nru 507/2006 – Validità tal-awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati ta’ tqegħid fis-suq – Regolament (UE) 2021/953 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn il-persuni mlaqqma u l-persuni mhux imlaqqma – Inammissibbiltà.
Kawża C-765/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:566

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ tilqim għall-persunal tas-saħħa – Sospensjoni tal-funzjonijiet mingħajr remunerazzjoni għall-persunal li jirrifjuta l-vaċċin – Regolament (KE) Nru 726/2004 – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Vaċċini kontra l-COVID-19 – Regolament (KE) Nru 507/2006 – Validità tal-awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati ta’ tqegħid fis-suq – Regolament (UE) 2021/953 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn il-persuni mlaqqma u l-persuni mhux imlaqqma – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑765/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Padova (il-Qorti Ordinarja ta’ Padova, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

D. M.

vs

Azienda Ospedale-Università di Padova,

fil-preżenza ta’:

C. S.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. M., minn R. Martina, L. Minisci, A. Sinagra u A. Veneziano, avvocati,

għall-Azienda Ospedale-Università di Padova, minn C. Cester, I. Gianesini, L. Miazzi, A. Rampazzo u C. Tomiola, avvocati,

għal C. S., minn P. Piva u F. Rossi Dal Pozzo, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis u F. Urbani Neri, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 507/2006 tad‑29 ta’ Marzu 2006 dwar l-awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li jagħmlu parti mill-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill (ĠU 2006, L 92, p. 6), tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2021, L 211, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 72, p. 7), kif ukoll tal-Artikoli 3, 35 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. M. u l-Azienda Ospedale-Università di Padova (l-Isptar Universitarju ta’ Padova, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“isptar universitarju”) rigward is-sospensjoni ta’ D. M. mill-funzjonijiet tagħha bħala infermiera professjonali fl-isptar universitarju, mingħajr dritt għal remunerazzjoni matul is-sospensjoni tagħha, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza minn din tal-aħħar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu tat-tilqim għall-persunal tas-saħħa.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 507/2006

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 507/2006 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistipola regoli għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq li huwa soġġett għal obbligi speċifiċi skond l-Artikolu 14(7) tarRegolament (KE) Nru 726/2004 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229, rettifika fil-ĠU 2023, L 92, p. 31)], minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq.’”

4

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 507/2006, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Tista’ tingħata awtorizazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq fejn il-Kumitat isib li, għalkemm id-data klinika sħiħa li tirriferi għas-sikurezza u l-effikaċja tal-prodott mediċinali ma kinux tressqu, il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jitlaħqu:

(a)

il-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji tal-prodott mediċinali, kif definit fl-Artikolu 1(28a) tad-Direttiva 2001/83/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69)], ikun wieħed pożittiv;

(b)

huwa probabbli li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jipprovdi data klinika sħiħa;

(c)

ħtiġijiet mediċi li mhumiex indirizzati jiġu għalhekk indirizzati;

(d)

il-benefiċċju għas-saħħa pubblika tad-disponibbiltà immedjata fis-suq tal-prodott mediċinali kkonċernat huwa ikbar mir-riskju inerenti fil-fatt li data addizzjonali għadha nieqsa.

F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kif jissemmew fl-Artikolu 2(2), tista’ tingħata awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq, soġġetta għall-kondizzjonijiet stipolati fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu, ukoll fejn ma tressqitx data sħiħa preklinika jew farmaċewtika.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(c), kundizzjonijiet mediċi mhux indirizzati tfisser kundizzjoni li għaliha ma jeżisti ebda metodu sodisfaċenti ta’ dijanjosi, prevenzjoni jew trattament awtorizzat fil-Komunità jew, anki jekk tali metodu jeżisti, il-prodott mediċinali kkonċernat għandu jagħtih vantaġġi terapewtiċi kbar għall-dawk li huma effettwati.”

Ir‑Regolament 2021/953

5

Il-premessi 6, 12 sa 14 u 36 tar-Regolament Nru 2021/953 jgħidu:

“(6)

L-Istati Membri, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, jistgħu jillimitaw id-dritt fundamentali tal-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni [Ewropea] li hija stabbilita biex tillimita t-tixrid tas-SARS-CoV-2 jenħtieġ li tkun ibbażata fuq raġunijiet speċifiċi u limitati ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-ħarsien tas-saħħa pubblika kif enfasizzat mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 [tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2020, L 337, p. 3)]. Huwa meħtieġ li tali limitazzjonijiet jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l‐proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Għalhekk, kwalunkwe miżura li tittieħed jenħtieġ li tkun limitata strettament fil-kamp ta’ applikazzjoni u fiż-żmien, skont l-isforzi biex jerġa’ jiddaħħal il-moviment liberu fl-Unjoni, u jenħtieġ li ma testendix lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex titħares is-saħħa pubblika. […]

[…]

(12)

Għall-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-[Unjoni]). […]

(13)

Għalkemm dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet għall-moviment liberu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiffaċilita t-tneħħija gradwali ta’ tali restrizzjonijiet b’mod koordinat, kull meta jkun possibbli, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475. Tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu rrinunzjati b’mod partikolari għal persuni mlaqqmin, f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, sal-punt li l-evidenza xjentifika dwar l-effetti tat-tilqim kontra l-COVID-19 issir dejjem aktar disponibbli u konklussiva b’mod aktar konsistenti fir-rigward tal-ksur tal-katina ta’ trażmissjoni.

(14)

Dan ir-Regolament huwa maħsub biex jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni fir-rigward tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu matul il-pandemija COVID‑19, filwaqt li jimmira lejn livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa jenħtieġ li ma jinftehimx bħala li jiffaċilita jew jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu, jew restrizzjonijiet għal drittijiet fundamentali oħra, b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, minħabba l-effetti ta’ ħsara tagħhom fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni u n-negozji. […]

[…]

(36)

Huwa importanti li tiġi evitata d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta ta’ persuni li ma jkunux imlaqqmin, pereżempju minħabba raġunijiet mediċi, għax ma jkunux parti mill-grupp fil-mira li l-vaċċin kontra l-COVID-19 huwa attwalment mogħti lilu jew permess għalih, bħat-tfal, jew għax għad ma kellhomx l-opportunità li jiġu mlaqqmin jew għażlu li ma jiġux imlaqqmin. Għaldaqstant, il-pussess ta’ ċertifikat tat-tilqim, jew il-pussess ta’ ċertifikat tat-tilqim li jindika vaċċin kontra l-COVID-19, jenħtieġ li ma jkunx prekundizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu jew għall-użu ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri transfruntieri bħal-linji tal-ajru, il-ferroviji, il-kowċis jew il-laneċ jew kwalunkwe mezz ta’ trasport ieħor. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jistax jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi dritt jew obbligu għat-tilqim.”

6

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 2021/953:

“Dan ir-Regolament jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-[Unjoni]) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

[…]”

7

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-[Unjoni] għandu jippermetti l-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni transfruntiera ta’ kwalunkwe wieħed miċ-ċertifikati li ġejjin:

(a)

ċertifikat li jikkonferma li d-detentur irċieva vaċċin kontra l-COVID-19 fl-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat (ċertifikat tat-tilqim);

[…]

(c)

ċertifikat li jikkonferma li wara riżultat pożittiv ta’ test [tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku] imwettaq minn professjonisti tas-saħħa jew minn persunal tal-ittestjar imħarreġ id-detentur fieq minn infezzjoni mis-SARS-CoV-2 (ċertifikat tal-fejqan).

[…]”

8

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu, awtomatikament jew fuq talba mill-persuni kkonċernati, joħroġ ċertifikati tat-tilqim kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) lil persuni li jkunu ngħataw il-vaċċin kontra l-COVID-19. Dawk il-persuni għandhom jiġu infurmati bid-dritt tagħhom għal ċertifikat tat-tilqim.

[…]”

9

L-Artikolu 7 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu joħroġ, fuq talba, ċertifikati tal-fejqan kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1).

[…]”

Id‑dritt Taljan

10

L-Artikolu 4 tad-Decreto-legge n. 44 - Misure urgenti per il contenimento dell’epidemia da COVID-19, in materia di vaccinazioni anti SARS-CoV-2, di giustizia e di concorsi pubblici (id-Digriet-Liġi Nru 44, dwar miżuri urġenti ta’ ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, tilqim kontra s-SARS-CoV-2, ġustizzja u għajnuna pubblika), tal‑1 ta’ April 2021 (GURI no79, tal‑1 ta’ April 2021, p. 1), ikkonvertit bil-Liġi Nru 76, tat‑28 ta’ Mejju 2021 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 44/2021”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ urġenza epidemjoloġika marbuta mas-SARS-CoV-2, bil-għan li tiġi protetta s-saħħa pubblika u li jinżammu l-kundizzjonijiet xierqa ta’ sigurtà fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ kura u ta’ assistenza, sal-implimentazzjoni kompleta tal-pjan imsemmi fl-Artikolu 1(457) tal-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020, iżda fl-ebda każ wara l‑31 ta’ Diċembru 2021, il-professjonisti tas-saħħa u l-ħaddiema fis-saħħa pubblika […], li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-istabbilimenti pubbliċi u privati ta’ kura tas-saħħa, ta’ assistenza u ta’ saħħa u ta’ għajnuna soċjali, fl-ispiżeriji, fil-para-spiżeriji u fl-uffiċċji tal-professjonisti, għandhom jissuġġettaw ruħhom għat-tilqim b’xejn għall-prevenzjoni tal-infenzjoni bis-SARS-CoV-2. It-tilqim huwa kundizzjoni essenzjali għall-eżerċizzju tal-professjoni u għall-eżekuzzjoni tas-servizzi professjonali tal-persuni suġġetti għall-obbligu.”

11

Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 4 jipprevedi li “huwa biss fil-każ ta’ periklu pprovat għas-saħħa, marbut ma’ mard speċifiku ċċertifikat minn tabib ġenerali, li t-tilqim imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx obbligatorju u jista’ ma jsirx jew jiġi pospost”.

12

Skont il-paragrafu 6 tal-imsemmi Artikolu 4:

“Wara li jiskadu t-termini ta’ ċertifikazzjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ tilqim […], l-awtorità tas-saħħa lokali kompetenti għandha tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ tilqim u, wara li tkun kisbet l-eventwali informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet kompetenti, għandha immedjatament tikkomunikaha bil-miktub lill-persuna kkonċernata, lill-persuna li timpjega u lill-assoċjazzjoni professjonali li l-persuna kkonċernata tagħmel parti minnha. L-adozzjoni tal-att ta’ konstatazzjoni mill-awtorità tas-saħħa lokali twassal għas-sospensjoni tad-dritt li jitwettqu servizzi jew kompiti li jinvolvu kuntatti interpersonali jew li jinkludu, fi kwalunkwe forma oħra, riskju ta’ tixrid tal-virus SARS-CoV-2.”

13

Il-paragrafu 7 tal-istess Artikolu 4 jipprevedi li “is-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha tiġi kkomunikata immedjatament lill-persuna kkonċernata mill-assoċjazzjoni professjonali li hija tagħmel parti minnha”.

14

Skont l-Artikolu 4(8) tad-Digriet Liġi Nru 44/2021:

“Sa mir-riċezzjoni tal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-persuna li timpjega għandha tassenja lill-ħaddiem, sa fejn huwa possibbli, għal kompiti, anki inferjuri, oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 6, bir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-funzjonijiet eżerċitati u li, f’kull każ, ma jinvolvu l-ebda riskju ta’ tixrid tal-virus. Meta l-assenjazzjoni għal kompiti oħra ma tkunx possibbli, l-ebda remunerazzjoni jew emolumenti oħra, taħt kwalunkwe isem, ma jkunu dovuti matul il-perijodu ta’ sospensjoni msemmi fil-paragrafu 9”.

15

Il-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu 4 jipprevedi li, “għall-perjodu li matulu t-tilqim imsemmi fil-paragrafu 1 ma jsirx jew jiġi pospost, iżda fl-ebda każ wara l‑31 ta’ Diċembru 2021, il-persuna li timpjega għandha tassenja lill-persuni msemmija fil-paragrafu 2 għal kompiti, anki jekk ikunu differenti, mingħajr tnaqqis fir-remunerazzjoni, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ tixrid tal-virus SARS-CoV-2”.

16

Il-paragrafu 11 tal-imsemmi Artikolu 4 jipprevedi:

“Għall-istess perijodu bħal dak imsemmi fil-paragrafu 10, sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ kontaġju, fl-eżerċizzju tal-attività professjonali liberali, il-persuni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jadottaw il-miżuri ta’ prevenzjoni tas-saħħa u ta’ iġjene indikati fil-protokoll speċifiku tas-sigurtà adottat permezz ta’ digriet tal-Ministru għas-Saħħa, bi ftehim mal-Ministri għall-Ġustizzja u għax-Xogħol u għall-Politika Soċjali, fi żmien għoxrin jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

Mill‑1 ta’ Jannar 2017, D. M. hija impjegata mill-isptar universitarju bħala infermiera professjonali fid-dipartiment tan-newrokirurġija.

18

Fis‑16 ta’ Settembru 2021, l-isptar universitarju informaha bil-fatt li hija kienet sospiża mill-funzjonijiet tagħha b’effett immedjat u mingħajr dritt għal remunerazzjoni, minħabba li hija kienet kisret l-obbligu ta’ tilqim previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021 u li kien impossibbli li tiġi assenjata għal kompiti oħra li ma kinux jinvolvu riskju ta’ tixrid tal-virus. Is-sospensjoni kellha tintemm fid-data li fiha l-obbligu tat-tilqim ikun ġie ssodisfatt jew, fl-assenza ta’ dan, mal-ikkompletar tal-pjan ta’ tilqim, iżda fl-ebda każ ma setgħet tinżamm wara l‑31 ta’ Diċembru 2021, liema data kienet madankollu ġiet posposta diversi drabi.

19

Permezz ta’ rikors għal miżuri provviżorji ppreżentat fl‑14 ta’ Ottubru 2021, D. M. adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’talba intiża sabiex hija tiġi integrata mill-ġdid fid-dipartiment tagħha fl-isptar universitarju, billi sostniet b’mod partikolari, minn naħa, li l-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021 kien imur kontra, f’diversi aspetti, il-Kostituzzjoni Taljana u d-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li hija kienet tgawdi minn immunità naturali miksuba mill-fatt li fieqet minn infezzjoni bis-SARS-CoV-2.

20

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-vaċċini COVID-19 huma kkundizzjonati fis-sens tar-Regolament Nru 507/2006. Skont dik il-qorti, fid-dawl tal-avvanzi terapewtiċi ġodda u tal-akkwisti ġodda fil-qasam tal-prodotti mediċinali disponibbli, ma huwiex irraġonevoli li wieħed jistaqsi dwar il-validità, fid-dawl tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea wara opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni, jiġifieri l-integrità fiżika u s-saħħa, protetti b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 3 u 35 tal-Karta.

21

Barra minn hekk, għalkemm il-partijiet fil-kawża prinċipali ma invokawx ir-Regolament 2021/953, il-qorti tar-rinviju tqis li dan huwa madankollu rilevanti għall-finijiet ta’ din it-tilwima. Dik il-qorti tenfasizza li dan ir-regolament jispeċifika b’mod partikolari li “huwa meħtieġ li [l-limitazzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni] jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l‐proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni”. F’dan ir-rigward, ikun partikolarment problematiku l-fatt li l-Artikolu 4(11) tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021 jippermetti biss lill-professjonisti tas-saħħa eżentati mill-obbligu tat-tilqim li jkomplu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom mingħajr ma jkunu ġew imlaqqma, bil-kundizzjoni li josservaw ir-regoli ta’ sigurtà, filwaqt li l-persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa li ma jaqax taħt din id-dispożizzjoni ma jistax jibqa’ jeżerċita l-professjoni tiegħu, kemm bħala impjegat kif ukoll bħala persuna li taħdem għal rasha, minkejja li huwa lest li jsegwi eżattament l-istess regoli ta’ sigurtà.

22

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906), il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-miżura obbligatorja ta’ tilqim, fil-każ li l-Istat Membru ospitanti jkollu l-intenzjoni li jimponiha wkoll fuq professjonist tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li jinsab fl-Italja għal raġunijiet professjonali, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità mfakkar b’mod espliċitu mir-Regolament 2021/953.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Padova (il-Qorti Ordinarja ta’ Padova, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-awtorizzazzjonijiet kundizzjonali tal-Kummissjoni, mogħtija fuq opinjoni favorevoli tal-EMA, fir-rigward ta’ vaċċini li jinsabu attwalment fis-suq, jistgħu jitqiesu li għadhom validi, fid-dawl tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 507/2006 […], meqjus il-fatt li, f’diversi Stati Membri, ġew approvati trattamenti alternattivi effikaċi kontra s-SARS-CoV-2 [pereżempju fl-Italja, l-approvazzjoni mill-AIFA (l-Aġenzija Taljana għall-Mediċini) tal-protokoll ta’ trattament permezz ta’ antikorpi monoklonali u/jew antivirali], li huma, skont ir-rikorrenti, inqas perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u dan b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli 3 u 35 tal-[Karta]?

2)

Fil-każ tal-persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa li fuqu l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru imponiet it-tilqim obbligatorju, il-vaċċini approvati b’mod kundizzjonali mill-Kummissjoni konformement mar-Regolament Nru 507/2006 jistgħu jintużaw għall-finijiet tat-tilqim obbligatorju, anki meta l-persunal inkwistjoni diġà żviluppa immunità wara infezzjoni mill-virus u jista’ għalhekk jitlob deroga minn dan l-obbligu?

3)

Fil-każ tal-persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa li fuqu l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru imponiet it-tilqim obbligatorju, il-vaċċini approvati b’mod kundizzjonali mill-Kummissjoni konformement mar-Regolament Nru 507/2006 jistgħu jintużaw għall-finijiet tat-tilqim obbligatorju mingħajr ma tiġi implimentata ebda proċedura ta’ prekawzjoni jew inkella, meqjusa n-natura kundizzjonali tal-awtorizzazzjoni, dan l-istess persunal jista’ jopponi ruħu għall-amministrazzjoni tal-vaċċin, minn tal-inqas sakemm l-awtorità tas-saħħa kompetenti ma stabbilixxietx speċifikament, b’ċertezza raġonevoli, minn naħa, li ma teżisti ebda kontraindikazzjoni f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, li l-benefiċċji li jirriżultaw minnhom huma superjuri għal dawk li jirriżultaw minn prodotti mediċinali oħra attwalment disponibbli? Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tispeċifika jekk, f’tali każ, l-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti għandhomx jipproċedu konformement mal-Artikolu 41 tal-Karta?

4)

Meta l-vaċċin ikun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ tilqim min-naħa tal-persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa, li fuqu l-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi l-vaċċin obbligatorju, jista’ jagħti lok awtomatikament għas-sospensjoni tal-funzjonijiet mingħajr remunerazzjoni, jew inkella hemm lok li tiġi prevista gradazzjoni tal-miżuri ta’ sanzjoni konformement mal-prinċipju fundamentali ta’ proporzjonalità?

5)

Meta d-dritt nazzjonali jipprevedi ċerta ‘frammentazzjoni’, il-possibbiltà li l-ħaddiema jiġu assenjati għal kompiti alternattivi għandha tiġi eżaminata fl-osservanza tal-kontradittorju fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu tagħti dritt għal kumpens?

6)

Fid-dawl tar-[Regolament 2021/953], li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bejn il-persuni mlaqqma u dawk li ma ridux jew li ma setgħux, għal raġunijiet mediċi, jitlaqqmu, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 4(11) tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021, li tippermetti li l-persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa eżentat mill-obbligu ta’ tilqim jeżerċità l-attivitajiet tiegħu f’kuntatt mal-pazjenti, madankollu fl-osservanza tal-miżuri ta’ prekawzjoni imposti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, filwaqt li għandha l-effett li tissospendi awtomatikament kull attività professjonali, mingħajr remunerazzjoni, tal-persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa li, bħar-rikorrenti – għaliex żviluppat immunità wara infezzjoni mill-virus –, ma jridx jirċievi l-vaċċin mingħajr eżamijiet mediċi fil-fond, hija ammissibbli?

7)

Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħmel il-vaċċin kontra l-[COVID-19] – awtorizzat b’mod kundizzjonali mill-Kummissjoni – obbligatorju għall-persunal kollu fil-qasam tal-kura tas-saħħa, anki meta dan ikun ġej minn Stat Membru ieħor u jkun jinsab fl-Italja għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, hija kompatibbli mar-Regolament 2021/953 u mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni li huwa jipprevedi?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

24

Il-qorti tar-rinviju talbet, fit‑13 ta’ Diċembru 2021, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, dik il-qorti sostniet li, fl-istennija tal-eżitu tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, D. M. baqgħet sospiża u mċaħħda mir-remunerazzjoni tagħha, b’tali mod li hija kienet imċaħħda minn kull mezz ta’ għajxien.

25

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, b’mod eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissuġġetta rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

26

Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jindirizza sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Port de Bruxelles et Région de Bruxelles-CapitaleC‑229/21, EU:C:2022:471, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, fl‑1 ta’ Frar 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza.

28

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx l-elementi kollha li jippermettu li tiġi evalwata l-portata tar-riskju li kienet tirrappreżenta s-sospensjoni ta’ D. M. għall-għajxien finanzjarju tagħha u lanqas ma esponiet ir-raġunijiet għalfejn l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa għal din il-kawża kienet tippermetti li jiġi evitat tali riskju, fid-dawl b’mod partikolari tat-tul bħala prinċipju limitat ta’ din is-sospensjoni. Konsegwentement, dawn l-elementi ma jippermettux li tintwera sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja li tiġġustifika li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità, fid-dawl tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 507/2006, moqri fid-dawl tal-Artikoli 3 u 35 tal-Karta, tal-awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati għat-tqegħid fis-suq mogħtija għall-vaċċini intiżi sabiex jipprevjenu l-infezzjoni bi u t-tixrid tal-COVID-19 kif ukoll is-severità tal-manifestazzjonijiet ta’ din il-patoloġija, disponibbli fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba li trattamenti alternattivi effikaċi kontra l-COVID-19 u inqas perikolużi għas-saħħa kienu, f’din id-data, diġà ġew approvati f’diversi Stati Membri.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti nazzjonali tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa li għandha għarfien tagħhom. Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-qrati nazzjonali, rigward il-bidu ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għalhekk, huwa indispensabbli, kif jgħid l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, din hija mitluba, fil-kawża prinċipali, tiddeċiedi dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-isptar universitarju li jissospendi lil D. M. mill-funzjonijiet tagħha mingħajr dritt għal remunerazzjoni, deċiżjoni meħuda minħabba li din tal-aħħar kienet irrifjutat li tissuġġetta ruħha għall-obbligu ta’ tilqim kontra l-COVID-19 previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021.

33

Issa, fl-ewwel lok, anki jekk jitqies li l-“avvanzi terapewtiċi” u “l-akkwisti ġodda ta’ prodotti mediċinali disponibbli”, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jqiegħdu f’dubju l-validità tal-awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati għat-tqegħid fis-suq relatati mal-vaċċini intiżi sabiex jipprevjenu l-infezzjoni bi u t-tixrid tal-COVID-19 kif ukoll is-severità tal-manifestazzjonijiet ta’ din il-patoloġija, għandu madankollu jiġi rrilevat li dik il-qorti la identifikat b’mod konkret dawn l-awtorizzazzjonijiet u lanqas indirizzat il-kontenut tagħhom fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ validità li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 507/2006, fejn xieraq moqri fid-dawl tal-Artikoli 3 u 35 tal-Karta.

34

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju sempliċement semmiet l-evalwazzjoni ġenerali tagħha li, fid-dawl tal-iżviluppi msemmija fil-punt preċedenti, ma huwiex “irraġonevoli” li jkollha dubji dwar il-validità tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet, mingħajr madankollu ma esponiet b’mod iktar dettaljat in-natura konkreta ta’ dawn id-dubji bi kwalunkwe mod. Għalhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni u l-elementi preċiżi ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet li wasslu għal dawn id-dubji u lanqas li tifhem, konsegwentement, kif dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu, skont il-qorti tar-rinviju, ma għadhomx validi fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 507/2006 jew mill-Artikoli 3 u 35 tal-Karta, peress li l-imsemmija qorti lanqas ma esponiet fid-deċiżjoni tar-rinviju l-effett eventwali, f’dan il-kuntest, taż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar.

35

Fit-tieni lok, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas il-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma jippermettu li jinftiehem kif kontestazzjoni tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati jista’ jkollha effett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali, li fil-fatt jidher li jiddependi mhux mill-validità ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, iżda mil-legalità — ikkontestata minn D. M. — tal-obbligu ta’ tilqim previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021 u mis-sanzjonijiet li din id-dispożizzjoni torbot man-nuqqas ta’ osservanza tagħha.

36

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li l-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjonijiet huwa prerekwiżit għad-dritt tad-detenturi tagħhom li jqiegħdu l-vaċċini kkonċernati fis-suq f’kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il-Kummissjoni et vs Pharmaceutical Works Polpharma, C‑438/21 P sa C‑440/21 P, EU:C:2023:213, punt 81), il-ħruġ ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati ma jimplika, bħala tali, ebda obbligu, għad-destinatarji potenzjali ta’ dawn il-vaċċini, li jingħataw dawn tal-aħħar, peress li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx il-punt dwar jekk il-persuni suġġetti għall-obbligu ta’ tilqim previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi Nru 44/2021 kinux obbligati jirrikorru biss għall-vaċċini li kienu s-suġġett tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati.

37

Għalhekk, peress li l-qorti tar-rinviju ma esponietx ir-raġunijiet għalfejn hija tistaqsi dwar il-validità tal-awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati ta’ tqegħid fis-suq kif ukoll ir-rabta li tista’ teżisti bejn, minn naħa, il-validità ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ tilqim kontra l-COVID-19 previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda l-ewwel domanda.

38

Minn dan isegwi li din hija inammissibbli.

Fuq it‑tieni sal‑ħames domanda

39

Permezz tat-tieni sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, l-ewwel, jekk ir-Regolament Nru 507/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, għall-finijiet li jiġi ssodisfatt obbligu ta’ tilqim kontra l-COVID-19 impost minn leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-professjonisti tas-saħħa, ikunu jistgħu jintużaw vaċċini li kienu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonata mogħtija skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, u dan anki fis-sitwazzjoni fejn, minn naħa, dawn il-professjonisti żviluppaw immunità kontra l-virus li jikkawża din il-marda u, min-naħa l-oħra, l-awtorità tas-saħħa ma stabbilixxietx speċifikament li ma teżisti ebda kontraindikazzjoni għal dan it-tilqim. It-tieni, hija tistaqsi jekk is-sanzjoni imposta fuq dawn il-professjonisti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu tistax, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 41 tal-Karta, tikkonsisti fis-sospensjoni tal-funzjonijiet tagħhom mingħajr remunerazzjoni pjuttost milli f’miżuri ta’ sanzjonijiet gradwati, adottati konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-prinċipju ta’ kontradittorju.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li l-Artikolu 168(7) TFUE ma jistabbilixxi, għall-Istati Membri, ebda rekwiżit dwar it-tilqim obbligatorju ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni, peress li d-dritt tal-Unjoni, skont dan l-Artikolu 168(7), ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jadottaw dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiddefinixxu l-politika tagħhom dwar is-saħħa. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Gerencia Regional de Salud de Castilla y León, C‑86/21, EU:C:2022:310, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas‑17 ta’ Lulju 2014, Široká, C‑459/13, EU:C:2014:2120, punt 19).

41

Issa, jidher li t-tieni sal-ħames domanda huma bbażati fuq il-premessa li r-Regolament Nru 507/2006 jew l-awtorizzazzjonijiet ikkundizzjonati mogħtija skont dan ir-regolament huma tali li jirregolaw, minn naħa, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-impożizzjoni, fid-dritt intern, ta’ obbligu ta’ tilqim, bħal dak previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021, meta dan id-dritt jipprevedi l-użu għal dan l-għan ta’ vaċċini li kienu s-suġġett ta’ tali awtorizzazzjoni kkundizzjonata, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw, skont dan id-dritt intern, min-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi obbligu, inkluża l-proċedura li għandha tiġi segwita għal dan l-għan.

42

Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjonijiet ma għandux l-effett li jimponi fuq id-destinatarji potenzjali tal-vaċċini kkonċernati obbligu li huma jitlaqqmu b’dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tesponix, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn, minn naħa, il-kontenut jew is-suġġett ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, mogħtija skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 507/2006 u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni, fid-dritt intern tagħha, tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet tal-obbligu ta’ tilqim imsemmija fit-tieni sal-ħames domanda tagħha, kif applikabbli għall-kawża prinċipali.

43

Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 41 tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet u tal-ħames domanda tagħha, għandu jitfakkar li dan l-artikolu ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni u għalhekk ma huwiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi artikolu jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa intiż li japplika għall-Istati Membri meta huma jimplimentaw dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑219/20, EU:C:2022:89, punti 3637).

44

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba għandu rabta ta’ konnessjoni mal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ tilqim previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021, peress li dik il-qorti naqset milli tistabbilixxi li d-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

45

Minn dan isegwi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax, fir-rigward tat-tieni sal-ħames domanda, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura u mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

46

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni sal-ħames domanda huma inammissibbli.

Fuq is‑sitt u s‑seba’ domanda

47

Permezz tas-sitt u s-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2021/953, moqri flimkien mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ tilqim kontra l-COVID-19 fuq il-professjonisti tas-saħħa, filwaqt li, minn naħa, tippermetti lil kategorija ta’ professjonisti li huma eżentati minnha għal raġunijiet mediċi jkomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom sakemm josservaw il-miżuri ta’ prekawzjoni previsti minn din il-leġiżlazzjoni mingħajr madankollu ma tagħti lill-professjonisti li ma jixtiqux jitlaqqmu l-istess possibbiltà, min-naħa l-oħra, tista’ tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jeżerċitaw attività professjonali fl-Italja.

48

Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma tidentifikax, fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha u lanqas, b’mod iktar wiesa’, fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2021/953 li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom. Fil-fatt, hija tirreferi biss għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni “li [dan ir-regolament] jipprevedi” kif ukoll għall-premessa 6 tal-imsemmi regolament sa fejn hija tispeċifika li “[il-limitazzjonijiet għall-moviment liberu tal-peresuni] jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l‐proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni”.

49

F’dan ir-rigward, minn naħa, minkejja li l-premessi jagħmlu parti integrali mir-regolament ikkonċernat, billi jiċċaraw l-għanijiet tiegħu, fihom infushom ma għandhomx saħħa vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 34). Ir-riferiment għall-premessa 6 tar-Regolament 2021/953 ma jistax għalhekk, bħala tali, ikun biżżejjed sabiex tintwera r-rabta ta’ konnessjoni bejn dan ir-regolament u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

50

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat li mill-premessi 12 sa 14 tar-Regolament 2021/953 kif ukoll mill-Artikolu 1 tiegħu jirriżulta li, jekk dan ir-regolament huwa intiż sabiex jimplimenta dawn il-prinċipji, dan huwa bl-għan li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu mid-detenturi ta’ dan id-dritt billi jiġi stabbilit qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan.

51

B’dan il-mod, l-imsemmi regolament ma huwiex intiż b’mod partikolari, b’applikazzjoni tal-imsemmija prinċipji, sabiex jiddefinixxi kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-fondatezza tal-miżuri tas-saħħa adottati mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 meta dawn ikunu tali li jirrestrinġu l-moviment liberu, bħall-obbligu ta’ tilqim previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas sabiex jiffaċilita jew jinkoraġġixxi l-adozzjoni tagħhom, peress li l-premessa 36 tal-istess regolament tispeċifika li dan “ma jistax jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi dritt jew obbligu għat-tilqim”.

52

Konsegwentement, la l-preċiżazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas, barra minn hekk, l-elementi l-oħra li jinsabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li jiġu ddeterminati b’eżattezza d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2021/953, moqri flimkien mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba u li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

53

Minn dan isegwi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax, fir-rigward tas-sitt u s-seba’ domanda, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura u mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

54

Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, għandu għalhekk ikun hemm, bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta ta’ konnessjoni b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa ħtieġa oġġettiva għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48).

55

Issa, il-kawża prinċipali għandha bħala suġġett it-talba ta’ D. M., ibbażata fuq in-natura allegatament illegali tal-obbligu ta’ tilqim previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021, ta’ reintegrazzjoni fid-dipartiment ta’ newroloġija tal-isptar universitarju. Għalhekk, din it-tilwima ma tirrigwardax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2021/953, b’mod partikolari tal-Artikolu 5(1) tiegħu, li jagħti lill-persuni mlaqqma d-dritt li jinħarġilhom ċertifikat tat-tilqim, jew tal-Artikolu 7(1) tiegħu, li jagħti lill-persuni li fiequ minn infezzjoni bis-SARS-CoV-2 id-dritt li jinħarġilhom ċertifikat ta’ fejqan.

56

Fir-rigward tal-possibbiltà, osservata mill-qorti tar-rinviju, li l-obbligu ta’ tilqim previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Nru 44/2021 jista’ wkoll jiġi applikat għal persuni li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li l-qorti tar-rinviju ma speċifikatx li l-kawża pendenti quddiemha tikkonċerna sitwazzjoni transkonfinali, u l-isptar universitarju indika barra minn hekk li D. M. ma hijiex ċittadina ta’ Stat Membru ieħor li marret l-Italja biex taħdem hemm.

57

It-tieni, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif tali eventwalità hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament 2021/953 fiċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali.

58

It-tielet, għalkemm, permezz tar-riferiment tagħha għas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906), dik il-qorti xtaqet tesponi li d-dritt nazzjonali jimponilha, fir-rigward tad-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment u d-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, li tagħti lil D. M. l-istess drittijiet bħal dawk li għandhom, skont id-dritt tal-Unjoni, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, għandu jitfakkar li s-sitt u s-seba’ domanda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament 2021/953 u mhux, kif enfasizza wkoll il-Gvern Taljan waqt is-seduta, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-libertajiet fundamentali.

59

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkunsidra, mingħajr indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju minbarra l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali hija neċessarja għaliha għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 54).

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li bejn ir-Regolament 2021/953 u t-tilwima fil-kawża prinċipali teżisti rabta ta’ konnessjoni fis-sens tal-punt 54 ta’ din is-sentenza.

61

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, is-sitt u s-seba’ domanda huma ammissibbli.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju hija inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Padova (il-Qorti Ordinarja ta’ Padova, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2021, hija inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top