EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0710

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta’ Frar 2023.
IEF Service GmbH vs HB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 9(1) – Impriża li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru u li toffri s-servizzi tagħha fi Stat Membru ieħor – Ħaddiem li għandu r-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru l-ieħor – Xogħol imwettaq fl-Istat Membru tas-sede tal-persuna li timpjegah u, ġimgħa, fuq tnejn, fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu – Determinazzjoni tal-Istat Membru li l-istituzzjoni ta’ garanzija tiegħu hija kompetenti għall-ħlas tal-pretensjonijiet salarjali pendenti.
Kawża C-710/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:109

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

16 ta’ Frar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 9(1) – Impriża li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru u li toffri s-servizzi tagħha fi Stat Membru ieħor – Ħaddiem li għandu r-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru l-ieħor – Xogħol imwettaq fl-Istat Membru tas-sede tal-persuna li timpjegah u, ġimgħa, fuq tnejn, fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu – Determinazzjoni tal-Istat Membru li l-istituzzjoni ta’ garanzija tiegħu hija kompetenti għall-ħlas tal-pretensjonijiet salarjali pendenti”

Fil-Kawża C‑710/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

IEF Service GmbH

vs

HB

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal HB, minn C. Orgler, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u F. Werni, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 1 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ persuna li timpjega (ĠU 2008, L 283, p. 36).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn IEF Service GmbH u HB dwar l-għoti lil dan tal-aħħar ta’ kumpens minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegah, fir-rigward tal-pretensjonijiet salarjali li baqgħu ma tħallsux.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/94

3

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu jitqies bħala fi stat ta’ insolvenza meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem, kif ikun previst mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, u li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali ta’ l-assi ta’ dak li jħaddem u l-ħatra ta’ stralċjarju jew ta’ persuna li twettaq kompitu simili, u ta’ l-awtorità li tkun kompetenti skond id-dispożizzjonijiet imsemmija tkun:

(a)

jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri, jew

(b)

stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċeduri.”

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“ L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.”

6

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, li jagħmel parti mill-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw Sitwazzjonijiet Transnazzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk impriża li teżerċita attivitajiet fit-territorji f’mill-inqas żewġ Stati Membri tkun fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(l), l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas tal-pretensonijiet pendenti ta’ l-impjegati għandha tkun dik fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn jaħdmu jew abitwalment jaħdmu.”

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004;

7

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), intitolat “Oqsma koperti”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

(b)

benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità;

(ċ)

benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

(d)

benefiċċji marbuta ma’ l-età;

(e)

benefiċċji għas-superstiti;

(f)

benefiċċji marbutin ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol;

(g)

għotjiet marbutin ma’ mewt;

(h)

benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

(i)

benefiċċji ta’ qabel l-irtirar;

(j)

benefiċċji marbuta mal-familja.”

8

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli speċjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem il-prinċipal tagħha, liema prinċipal normalment iwettaq l-attivitajiet tiegħu hemmhekk, u li tintbagħat mill-prinċipal tagħha fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem il-prinċipal għandha tibqa’ suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru sakemm mhux maħsub li x-xogħol idum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna oħra.”

9

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Twettiq ta’ attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta:

(a)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f’dak l-Istat Membru, jew

(b)

jekk ma twettaqx parti sostanzjali tal-attività tagħha fl-Istat Membru tar-residenza:

(i)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew ta’ min iħaddem jekk hija impjegata minn impriża jew persuna li tħaddem waħda, jew

(ii)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriżi jew tal-persuni li jħaddmu jekk hija impjegata minn żewġ impriżi jew persuni li jħaddmu jew aktar, li għandhom l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tagħhom fi Stat Membru wieħed biss; jew

(iii)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew tal-persuna li tħaddem barra mill-Istat Membru tar-residenza jekk hija impjegata minn żewġ impriżi jew persuni li jħaddmu jew aktar, li għandhom l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tagħhom f’żewġ Stati Membri, li wieħed minnhom ikun l-Istat Membru tar-residenza; jew

(iv)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza jekk hija impjegata minn żewġ intrapriżi jew persuni li jħaddmu jew aktar, li mill-anqas tnejn minnhom għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tagħhom fi Stati Membri differenti minbarra l-Istat Membru tar-residenza.”

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009

10

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1), intitolat “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 883/2004] u [ta’ dan ir-regolament], u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.”

11

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “L-għoti ta’ informazzjoni lil persuni kkonċernati u lil min iħaddem”, jiddikjara, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004] għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġislazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet.”

Id-dritt Awstrijak

12

L-Artikolu 1(1) tal-Insolvenz-Entgeltsicherungsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema f’każ ta’ Insolvenza tal-Persuna li Timpjega, BGB1. Nru 324/1977, emendata l-aħħar mill-BGBl. I Nru 218/2021, iktar ’il quddiem l-“IESG”) huwa fformulat kif ġej:

“Huma intitolati għal kumpens għal insolvenza l-ħaddiema impjegati, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom fis-sens tal-Artikolu 4(4) tal-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz [il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali] BGBl. Nru 189/1955 [iktar ’il quddiem l-“ASVG”], persuni li jaħdmu f’darhom u s-superstiti tagħhom kif ukoll is-suċċessuri mortali tagħhom (benefiċjarji), għal talbiet iggarantiti taħt il-paragrafu 2, jekk iżommu jew kellhom relazzjoni ta’ impjieg (relazzjoni ta’ impjieg freelance, mandat) u li huma (kienu) meqjusa li huma impjegati fit-territorju nazzjonali skont l-Artikolu 3(1), jew (2)(a) sa (d), tal-ASVG, u jekk jinfetħu proċedimenti taħt il-leġiżlazzjoni tal-insolvenza fit-territorju nazzjonali kontra l-assi tal-persuna li timpjega (prinċipal).”

13

Skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija liġi:

“L-ispejjeż mill-fondi ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega huma koperti minn:

[…]

4)

[…] żieda fis-sehem tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-qgħad dovuta mill-persuna li timpjega

[…].”

14

L-Artikolu 3 tal-ASVG jipprevedi:

“1.   Huma kkunsidrati bħala impjegati fit-territorju nazzjonali l-ħaddiema impjegati li l-post tax-xogħol tagħhom jinsab fit-territorju nazzjonali, kif ukoll il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li l-post ta’ stabbiliment tagħhom jinsab fit-territorju nazzjonali.

2.   Huma wkoll ikkunsidrati bħala impjegati fit-territorju nazzjonali

(a)

il-ħaddiema li jifformaw parti mill-ekwipaġġ tal-ajru ta’ impriża ta’ trasport internazzjonali permezz tax-xmajjar jew tal-għadajjar […];

(d)

il-ħaddiema li l-persuna li timpjegahom hija stabbilita fl-Awstrija u li huma kollokati barra mill-pajjiż, sakemm l-impjieg tagħhom barra mill-pajjiż ma jaqbiżx ħames snin; […]”

15

L-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Huma affiljati skont din il-liġi federali mal-assigurazzjoni għall-mard, mal-assigurazzjoni għall-inċidenti u mal-assigurazzjoni għall-pensjoni (kopertura totali), meta l-impjieg ikkonċernat ma huwiex eskluż mit-teħid ta’ responsabbiltà totali skont l-Artikoli 5 u 6 jew jagħti biss kopertura parzjali skont l-Artikolu 7:

(1)

il-ħaddiema impjegati minn persuna li timpjega waħda jew iktar; […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Mill-1 ta’ Lulju 2017, HB kien impjegat bħala direttur tal-iżvilupp kummerċjali strateġiku minn S GmbH, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Graz (l-Awstrija). Din il-kumpannija offriet ukoll is-servizzi tagħha fil-Ġermanja u kienet tikkollabora hemmhekk ma’ inġinier kummerċjali indipendenti, iżda ma kinitx timpjega kollaboraturi oħra.

17

Il-kuntratt ta’ xogħol ta’ HB kien jipprevedi li l-qalba tal-attività tiegħu kif ukoll il-post tax-xogħol abitwali tiegħu kienu jinsabu fl-Awstrija. HB mexxa żewġ dipartimenti u kien jassumi r-responsabbiltà tal-impjegati tal-uffiċċju ta’ Graz. HB ħadem, de facto, f’alternanza, ġimgħa fl-uffiċċju fi Graz u ġimgħa mir-residenza tiegħu fil-Ġermanja, fejn kienet ir-residenza prinċipali tiegħu.

18

HB għandu ċertifikat maħruġ minn organu ta’ assigurazzjoni Ġermaniż skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, fejn jinformah li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija applikabbli għalih fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

19

Fl-4 ta’ Ġunju 2019, infetħet proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja b’rinunzja għall-ġurisdizzjoni kontra S.

20

IEF Service tirrappreżenta l-fondi ta’ kumpens f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, jiġifieri l-istituzzjoni ta’ garanzija Awstrijaka, fis-sens tad-Direttiva 2008/94.

21

HB ressaq talba għal kumpens għal insolvenza abbażi tal-pretensjonijiet salarjali tiegħu li baqgħu pendenti sal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja. Din it-talba tressqet kemm quddiem IEF Service kif ukoll quddiem l-istituzzjoni ta’ garanzija Ġermaniża. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-eżitu tal-proċedura fil-Ġermanja għadu ma huwiex magħruf.

22

Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2019, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Graz, l-Awstrija) laqgħet it-talba ta’ HB.

23

IEF Service appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Graz, l-Awstrija) li kkonfermat l-imsemmija sentenza permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, IEF Service ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju.

25

Din il-qorti tikkunsidra li, kif jirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et (C‑527/16, EU:C:2018:669), ċertifikat A1 validu, maħruġ mill-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti ta’ Stat Membru konformement mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, jorbot mhux biss lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru li fih titwettaq l-attività, iżda wkoll il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

26

Għaldaqstant, minkejja li HB ikkonkluda l-kuntratt ta’ impjieg tiegħu fl-Awstrija u eżerċita l-attività tiegħu bħala impjegat part-time fl-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija S fl-Awstrija, huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-obbligu ta’ assigurazzjoni fl-Istat ta’ residenza tiegħu, jiġifieri l-Ġermanja, peress li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija applikabbli f’dan il-każ. Barra minn hekk, skont din il-leġiżlazzjoni, huwa probabbilment ikollu, għall-inqas b’mod fittizzju, post tax-xogħol fil-Ġermanja.

27

Il-leġiżlatur Awstrijak ittraspona d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94 fl-Artikolu 1(1) tal-IESG, billi ppreveda li impjieg huwa eżerċitat fit-territorju nazzjonali meta jkun hemm “relazzjoni ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew (2)(a) sa (d) tal-ASVG. F’dan ir-rigward, ikun hemm obbligu ta’ assigurazzjoni fit-territorju Awstrijak.

28

Skont il-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), l-Artikolu 1(1) tal-IESG ma jagħtix dritt għal kumpens għal insolvenza meta ħaddiem impjegat barra mill-pajjiż ma jkunx suġġett għall-obbligu ta’ assigurazzjoni fl-Awstrija minħabba l-attività tiegħu.

29

F’dan il-każ, peress li HB jaqsam il-ħin tax-xogħol tiegħu b’mod ugwali bejn l-Awstrija u l-Ġermanja filwaqt li huwa suġġett għall-iskema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/94, li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet transnazzjonali, għandux japplika. Il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk il-provvisti ta’ servizzi proposti minn S fil-Ġermanja, il-kollaborazzjoni kkonstatata ma’ inġinier kummerċjali indipendenti f’dan l-Istat Membru u x-xogħol regolari mwettaq minn HB mir-residenza tiegħu fil-Ġermanja, humiex elementi ta’ konnessjoni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm “preżenza ekonomika stabbli” tal-persuna li timpjega fil-Ġermanja, fis-sens tas-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2008, Holmqvist (C‑310/07, EU:C:2008:573), u tal-10 ta’ Marzu 2011, Defossez (C‑477/09, EU:C:2011:134).

30

Jekk dan kien il-każ, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tat-tqassim ugwali tal-ħin tax-xogħol għal kontenut ta’ attività identiku, u b’applikazzjoni tal-kriterji dwar il-post ta’ residenza u l-obbligu ta’ assigurazzjoni ta’ HB, f’liema Stat dan tal-aħħar kien jeżerċita “abitwalment” ix-xogħol tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94, sabiex imbagħad ikun jista’ jiddetermina l-kompetenza tal-istituzzjoni ta’ garanzija nazzjonali.

31

Il-qorti tar-rinviju żżid li, anki jekk jitqies li ma teżistix neċessarjament rabta bejn l-obbligu ta’ kontribuzzjoni u l-garanzija tal-pretensjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Stroumpoulis et, C‑292/14, EU:C:2016:116, punt 68), jidher li huwa konformi mal-għan tal-libertajiet fundamentali li jiġi evitat li jiġi impost piż doppju fuq il-persuni li jimpjegaw li l-impjegati tagħhom jaħdmu f’żewġ Stati Membri u li, minħabba dan il-fatt, għandhom il-garanzija li jirċievu kumpens fil-każ ta’ insolvenza, iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

L-Artikolu 9(1) tad-[Direttiva 2008/94] għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża jkollha attivitajiet fit-territorju ta’ minn tal-inqas żewġ Stati Membri fis-sens ta’ [din id-dispożizzjoni] f’sitwazzjoni fejn toffri s-servizzi tagħha fi Stat Membru ieħor, timpjega għal dan il-għan, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, inġinier kummerċjali indipendenti u ħaddiem impjegat fl-uffiċċju rreġistrat tal-impriża jaħdem b’mod regolari ġimgħa minn kull tnejn fl-Istat Membru l-ieħor mill-uffiċċju fid-dar tiegħu?

2.

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem ta’ tali impriża, li jirrisjedi fit-tieni Stat Membru fejn huwa suġġett b’mod obbligatorju għas-sigurtà soċjali iżda li jwettaq ix-xogħol tiegħu billi jalterna bejn ġimgħa fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha l-persuna li timpjegah u ġimgħa fl-Istat Membru fejn jirrisjedi u fejn huwa suġġett għas-sigurtà soċjali, jeżerċita “abitwalment” ix-xogħol tiegħu fiż-żewġ Stati Membri fis-sens ta’ dan l-artikolu?

3.

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ ħaddiem impjegat li jeżerċita jew li kien jeżerċita abitwalment ix-xogħol tiegħu f’żewġ Stati Membri, l-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti hija:

(a)

l-istituzzjoni ta’ garanzija tal-Istat Membru li għal-leġiżlazzjoni tiegħu l-ħaddiem huwa suġġett fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (assigurazzjoni soċjali) meta, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94, l-istituzzjonijiet ta’ garanzija fiż-żewġ Stati Membri jiffunzjonaw b’tali mod li l-kontribuzzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw għall-finanzjament tal-istituzzjoni ta’ garanziji huma dovuti bħala parti mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni soċjali, jew

(b)

l-istituzzjoni ta’ garanzija tal-Istat Membru l-ieħor li fih l-impriża insolventi għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, jew

(c)

l-istituzzjonijiet ta’ garanzija taż-żewġ Stati Membri, b’tali mod li l-ħaddiem impjegat jista’ jagħżel liema waħda jixtieq li tintervjeni meta jressaq it-talba tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li l-istituzzjoni ta’ garanzija tiegħu hija kompetenti għall-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti tal-ħaddiema, għandu jitqies li l-persuna li timpjega li tinsab fi stat ta’ insolvenza għandha attivitajiet fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fejn il-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiem ikkonċernat jipprevedi li l-qalba tal-attività tiegħu u l-post tax-xogħol normali tiegħu jinsabu fl-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat tal-persuna li tħaddmu, iżda li, fi proporzjon ugwali tal-ħin tax-xogħol tiegħu, dan il-ħaddiem jaqdi dmirijietu mill-bogħod minn Stat Membru ieħor fejn tinsab ir-residenza prinċipali tiegħu.

34

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ impjieg.

35

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94, li jirrigwarda s-“sitwazzjonijiet transnazzjonali”, jipprevedi li, meta impriża li teżerċita attivitajiet fit-territorji f’mill-inqas żewġ Stati Membri tkun fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(l), l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti tal-impjegati għandha tkun dik fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn jaħdmu jew abitwalment jaħdmu.

36

Sabiex jiġi evalwat jekk, f’każ bħal dak imsemmi fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94 huwiex applikabbli, għandu jiġi eżaminat jekk il-persuna li timpjega twettaqx “attivitajiet fit-territorji f’mill-inqas żewġ Stati Membri ”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Holmqvist (C‑310/07, EU:C:2008:573), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tinterpreta l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217), kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261), li l-kontenut tagħha huwa identiku għal dak tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94.

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 80/987, kif emendata bid-Direttiva 2002/74, ma jimponix kundizzjonijiet stretti ta’ konnessjoni, iżda jipprovdi għal konnessjoni li hija anqas qawwija milli l-preżenza tal-impriża permezz ta’ fergħa jew ta’ stabbiliment permanenti, ma hemmx lok li jiġi aċċettat l-argument li jgħid li huwa biżżejjed li ħaddiem ikun wettaq kwalunkwe forma ta’ xogħol fi Stat Membru ieħor f’isem il-persuna li timpjegah, u li dan ix-xogħol jirriżulta minn bżonn jew minn istruzzjoni ta’ dan tal-aħħar, sabiex impriża tiġi kkunsidrata bħala li twettaq ħidmiet fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Holmqvist, C‑310/07, EU:C:2008:573, punt 29).

39

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “attivitajiet”, li jinsab fl-imsemmija dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal elementi li jinkludu ċertu livell ta’ permanenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Din il-permanenza hija riflessa fl-impjieg fit-tul ta’ ħaddiem jew ta’ ħaddiema fl-imsemmi territorju (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Holmqvist, C‑310/07, EU:C:2008:573, punt 30).

40

Huwa minnu li, fid-dawl tal-forom differenti li jista’ jieħu x-xogħol transkonfinali u fid-dawl tal-bidliet riċenti li seħħew fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-progress tas-settur tat-telekomunikazzjoni, ma jistax jiġi sostnut li impriża għandu bilfors ikollha infrastruttura fiżika sabiex tassigura preżenza ekonomika stabbli fi Stat Membru li ma huwiex dak ta’ fejn hija għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Fil-fatt, id-diversi aspetti ta’ relazzjoni ta’ impjieg, b’mod partikolari l-komunikazzjoni tal-istruzzjonijiet lill-ħaddiem u t-trażmissjoni tar-rapporti ta’ dan tal-aħħar lill min iħaddmu, kif ukoll il-ħlas tal-paga, jistgħu, illum–il ġurnata, jitwettqu mill-bogħod (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Holmqvist, C 310/07, EU:C:2008:573, punt 32).

41

Madankollu, impriża stabbilita fi Stat Membru, sabiex titqies li twettaq attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jkollha f’dan l-aħħar Stat preżenza ekonomika stabbli, ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ riżorsi umani li jippermettulha twettaq attivitajiet hemmhekk (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Holmqvist, C‑310/07, EU:C:2008:573, punt 34).

42

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li HB għamel de facto nofs ix-xogħol tiegħu, f’dak li jirrigwarda d-dimensjoni temporali, mir-residenza tiegħu fil-Ġermanja, il-qalba ta’ dan ix-xogħol, li kienet tikkonsisti f’li jidderiġi żewġ dipartimenti u li jassumu r-responsabbiltà tal-impjegati tal-uffiċċju tal-persuna li timpjega fl-Awstrija kienet tinsab, skont il-kuntratt ta’ xogħol u fil-prattika, f’dan l-aħħar Stat Membru.

43

Barra minn hekk, il-fatt li l-persuna li timpjega lil HB ma kellhiex impjegati oħra fil-Ġermanja, bl-eċċezzjoni ta’ inġinier kummerċjali indipendenti li miegħu din il-persuna li timpjega kienet ikkollaborat f’dan l-Istat Membru, jikkonferma li l-attivitajiet ta’ HB ma setgħux ikunu marbuta ma’ xi preżenza fit-tul ta’ din il-persuna li timpjega fl-imsemmi Stat Membru.

44

Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, f’dawn iċ-ċirkustanzi, persuna li timpjega bħal dik ta’ HB ma għandhiex attivitajiet fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94.

45

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li HB għandu ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, li jipprovdi li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għalkemm huwa minnu li, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, dan iċ-ċertifikat għandu effett vinkolanti f’dak li jirrigwarda l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali msemmija mill-koordinazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 883/2004, madankollu, tali ċertifikat ma għandu ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru li fih HB għandu jinvoka l-pretensjonijiet salarjali pendenti tiegħu, skont id-Direttiva 2008/94.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li l-istituzzjoni ta’ garanzija tiegħu hija kompetenti għall-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti tal-ħaddiema, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-persuna li timpjega li tinsab fi stat ta’ insolvenza ma għandhiex attivitajiet fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fejn il-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiem ikkonċernat jipprevedi li l-qalba tal-attività tiegħu u l-post tax-xogħol normali tiegħu jinsabu fl-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat tal-persuna li timpjegah, iżda li, fi proporzjon ugwali tal-ħin tax-xogħol tiegħu, dan il-ħaddiem jaqdi dmirijietu mill-bogħod minn Stat Membru ieħor fejn tinsab ir-residenza prinċipali tiegħu.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

47

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda preliminari.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ persuna li timpjega,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li l-istituzzjoni ta’ garanzija tiegħu hija kompetenti għall-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti tal-ħaddiema, għandu jiġi kkunsidrat li l-persuna li timpjega li tinsab fi stat ta’ insolvenza għandha attivitajiet fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fejn il-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiem ikkonċernat jipprevedi li l-qalba tal-attività tiegħu u l-post tax-xogħol normali tiegħu jinsabu fl-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat tal-persuna li timpjegah, iżda li, fi proporzjon ugwali tal-ħin tax-xogħol tiegħu, dan il-ħaddiem jaqdi dmirijietu mill-bogħod minn Stat Membru ieħor fejn tinsab ir-residenza prinċipali tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top