EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0693

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2023.
EDP España, SA u Naturgy Energy Group, SA, li kienet Gas Natural SDG, SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Miżura ta’ inċentiv ambjentali adottata mir-Renju ta’ Spanja favur l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam – Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors għal annullament.
Kawżi magħquda C-693/21 P u C-698/21 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:989

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Miżura ta’ inċentiv ambjentali adottata mir-Renju ta’ Spanja favur l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam – Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors għal annullament”

Fil-Kawżi magħquda C‑693/21 P u C‑698/21 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit‑18 ta’ Novembru 2021 u fid‑19 ta’ Novembru 2021, rispettivament,

EDP España SA, stabbilita f’Oviedo (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn J. L. Buendía Sierra, A. Lamadrid de Pablo u V. Romero Algarra, abogados, sussegwentement minn A. Lamadrid de Pablo u V. Romero Algarra, abogados,

appellanti fil-Kawża C‑693/21 P,

sostnuta minn:

Endesa Generación SAU, stabbilita f’Sevilla (Spanja), irrappreżentata minn M B. Barrantes Díaz, abogada, u M. Petite, avocat,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Naturgy Energy Group SA, li kienet Gas Natural SDG SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Blanco Carol u F. E. González Díaz, abogados,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C.‑M. Carrega, P. Němečková u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Generaciones Eléctricas Andalucía SLU, li kienet Viesgo Producción SL, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn L. de Pedro Martín u L. Ques Mena, abogados,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Naturgy Energy Group SA, li kienet Gas Natural SDG SA, stabbilita f’Madrid, irrappreżentata minn J. Blanco Carol u F. E. González Díaz, abogados,

appellanti fil-Kawża C‑698/21 P,

sostnuta minn:

Endesa Generación SAU, stabbilita f’Sevilla, irrappreżentata minn M. B. Barrantes Díaz, abogada, u M. Petite, avocat,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C‑M. Carrega, P. Němečková u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

EDP España SA, stabbilita f’Oviedo, irrappreżentata inizjalment minn J. L. Buendía Sierra, A. Lamadrid de Pablo u V. Romero Algarra, abogados, sussegwentement minn A. Lamadrid de Pablo u V. Romero Algarra, abogados,

Generaciones Eléctricas Andalucía SLU, li kienet Viesgo Producción SL, stabbilita f’Santander, irrappreżentata minn L. de Pedro Martín u L. Ques Mena, abogados,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, EDP España SA (C‑693/21) u Naturgy Energy Group SA (C‑698/21) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Settembru 2021, Naturgy Energy Group vs Il-Kummissjoni (T‑328/18, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:548), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors għal annullament, ippreżentat minn Naturgy Energy Group, li kienet Gas Natural SDG SA, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7733 finali tas‑27 ta’ Novembru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47912 (2017/NN) – Miżura ta’ inċentiv ambjentali favur impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il‑kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), jipprevedi:

“Fejn il-Kummissjoni [Ewropea], wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) [TFUE] […]”

3

L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi, għandha tinkludi valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karatteristiċi tal-għajnuna tal-miżura proposta u għandha tispjega d-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern. Id-deċiżjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu stabbilit.”

4

L-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 10, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża

5

Mis-sena 1998 sas-sena 2007, l-impjanti Spanjoli kollha ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika, tkun xi tkun it-teknoloġija użata, setgħu jibbenefikaw minn għajnuna msejħa “garanzija tal-enerġija”, intiża sabiex tiżgura l-permanenza u l-installazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni tas-sistema tal-elettriku, bl-għan li jintlaħaq livell ta’ garanzija ta’ provvista adegwata, bl-eċċezzjoni, madankollu, tal-impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li kienu s-suġġett ta’ miżura ta’ inċentiv finanzjarju distinta.

6

Fl‑2007, il-leġiżlatur Spanjol ta lill-Ministru għall-Industrija, għat-Turiżmu u għall-Kummerċ l-awtorità biex jissostitwixxi l-garanzija tal-enerġija b’inċentiv finanzjarju msejjaħ “remunerazzjoni għall-kapaċità”.

7

Din id-deċiżjoni ġiet implimentata permezz tar-Real Decreto 871/2007, por el que se ajustan las tarifas eléctricas a del 1 de julio de 2007 (id-Digriet Irjali 871/2007 li Jistabbilixxi Aġġustament tat-Tariffi tal-Elettriku mill‑1 ta’ Lulju 2007), tad‑29 ta’ Ġunju 2007 (BOE Nru 156, tat‑30 ta’ Ġunju 2007, p. 28324), li jipprevedi li r-“remunerazzjoni għall-kapaċità” tidħol fis-seħħ b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2007.

8

Is-sistema tar-“remunerazzjoni għall-kapaċità” ġiet ippreċiżata bl-Orden ITC/2794/2007, por la que se revisan las tarifas eléctricas a partir del 1 de octubre de 2007 (l-Ordni ITC/2794/2007 dwar ir-Reviżjoni tat-Tariffi tal-Elettriku b’Effett mill‑1 ta’ Ottubru 2007), tas‑27 ta’ Settembru 2007 (BOE Nru 234, tad‑29 ta’ Settembru 2007, p. 39690, iktar ’il quddiem id-“Digriet ITC/2794/2007”).

9

Din l-ordni tipprevedi “remunerazzjoni għall-kapaċità” intiża, b’mod partikolari, sabiex tinkoraġġixxi l-investiment fil-produzzjoni. Hija tinkludi, għal dan l-iskop, żewġ miżuri ta’ inċentiv li huma ta’ benefiċċju għall-impjanti ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt is-sistema ordinarja tas-sistema peninsulari b’kapaċità installata li teċċedi jew hija ugwali għal 50 megawatts (MW).

10

L-ewwel miżura ta’ inċentiv tikkonċerna l-impjanti li daħlu fis-servizz wara l‑1 ta’ Jannar 1998 u li għadhom ma għalqux għaxar snin ta’ tħaddim. L-għan tagħha huwa li tippromwovi l-kostruzzjoni u t-tqegħid fis-servizz effettiv ta’ impjanti ġodda permezz tal-kumpens finanzjarju għall-ispejjeż tal-investiment. L-ammont ta’ dan huwa EUR 20000 għal kull MW fis-sena.

11

It-tieni miżura ta’ inċentiv (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”), li l-Ministru għall-Industrija, għat-Turiżmu u għall-Kummerċ jista’ jagħti skont il-punt 10 tal-Anness III tal-Ordni ITC/2794/2007, tikkonċerna t-tkabbir jew il-modifiki sostanzjali l-oħra tal-impjanti eżistenti kif ukoll l-investimenti f’impjanti ġodda ta’ teknoloġiji prijoritarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija u tas-sigurtà tal-provvista.

12

Is-sistema tagħha ġiet ippreċiżata bl-Orden ITC/3860/2007, por la que se revisan las tarifas eléctricas a partir del 1 de octubre de 2008 (l‑Ordni ITC/3860/2007 dwar ir-Reviżjoni tat-Tariffi tal-Elettriku b’Effett mill‑1 ta’ Jannar 2008), tat‑28 ta’ Diċembru 2007 (BOE Nru 312, tad‑29 ta’ Diċembru 2007, p. 53781, iktar ’il quddiem l‑“Ordni ITC/3860/2007”).

13

Mill-Ordni ITC/3860/2007 jirriżulta li huma biss l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam koperti mill-Pjan Nazzjonali ta’ Tnaqqis tal-Emissjonijiet tal-Impjanti tal-Kombustjoni Kbar Eżistenti (iktar ’il quddiem il-“PNTE‑IKK”), approvat permezz ta’ att tal-Consejo de Ministros (il-Kunsill tal-Ministri, Spanja), tas‑7 ta’ Diċembru 2007, li jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija miżura.

14

Dawn l-impjanti għandhom jiġu inklużi fl-hekk imsejħa “bużżieqa” tal-emissjoni stabbilita mill-PNTE‑IKK, li tippreskrivi l-kwantitajiet awtorizzati ta’ emissjonijiet għal kull impriża, għal waħda mir-raġunijiet elenkati mill-PNTE‑IKK.

15

Barra minn hekk, l-investimenti għandhom ikunu ġew approvati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ordni ITC/2794/2007, fl‑1 ta’ Ottubru 2007, jew l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tagħhom trid tkun ġiet ippreżentata mill-inqas tliet xhur qabel din id-data.

16

Fl‑2011, il-benefiċċju tal-miżura kontenzjuża ġie estiż għall-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam li għamlu mhux biss investimenti f’impjanti ta’ desulfurizzazzjoni, iżda wkoll investimenti “ambjentali” oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidu tal-kubrit, li saru qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ordni ITC/3860/2007.

17

Meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu osservati, l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam ikollhom dritt għal għajnuna finanzjarja fl-ammont ta’ EUR 8750 għal kull MW fis-sena, għal għaxar snin mid-data tad-deċiżjoni li tapprova l-att ta’ dħul fis-servizz tal-impjanti ssussidjati.

18

Fid‑29 ta’ April 2015, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fis-suq tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità fi ħdax-il Stat Membru, fosthom ir-Renju ta’ Spanja.

19

Fl‑4 ta’ April 2017, fi tmiem din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Spanjoli bil-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar il-miżura kontenzjuża.

20

Fis‑27 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha hija fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

21

F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li hija kienet waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżura kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

22

Fit‑28 ta’ Mejju 2018, permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, Naturgy Energy Group, impriża Spanjola li teżerċita b’mod partikolari attivitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

23

EDP España u Viesgo Producción SL, żewġ kumpanniji Spanjoli li jibbenefikaw mill-miżura kontenzjuża, tħallew jintervjenu insostenn tagħha.

24

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ annullament.

25

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża.

26

Fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont ir-Regolament 2015/1589, deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ sempliċement tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, tinkludi evalwazzjoni preliminari tal-miżura statali inkwistjoni intiża sabiex tiddetermina jekk din tikkostitwixxix għajnuna u tesponi r-raġunijiet li jwasslu għal dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

27

Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ din il-proċedura jekk l-ewwel eżami ma kienx jippermettilha tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-kwistjoni dwar jekk il-miżura eżaminata kinitx tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-inqas meta, matul dan l-ewwel eżami, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni li din il-miżura, jekk jitqies li kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, kienet, fi kwalunkwe każ, kompatibbli mas-suq intern.

28

Fil-punt 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-deċiżjoni ta’ ftuħ kellha l-għan li tippermetti lill-partijiet interessati jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Hija ppreċiżat ukoll li din id-deċiżjoni kienet tinkludi kunsiderazzjonijiet provviżorji u li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tiċċara l-kwistjonijiet kollha potenzjali mhux solvuti f’dan l-istadju.

29

Fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li n-natura neċessarjament provviżorja tal-klassifikazzjoni ta’ miżura statali bħala għajnuna mill-Istat f’tali deċiżjoni kienet ikkonfermata mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2015/1589, li jipprevedi li, fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna.

30

Fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, bħala ineffettivi, l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq il-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), għar-raġunijiet li l-ewwel sentenza tirrigwarda deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li t-tieni waħda ma kinitx tirrigwarda l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

31

Fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tan-natura tad-deċiżjoni kontenzjuża, tal-formulazzjoni tagħha, tal-kontenut tagħha, tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha u tar-regoli ġuridiċi rilevanti kollha, Naturgy Energy Group kienet f’pożizzjoni, minkejja n-natura sommarja tal-motivazzjoni dwar in-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, li tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet qieset, b’mod preliminari, li din kienet tidher selettiva sa fejn kienet tiffavorixxi ċerti impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam meta mqabbla mal-impjanti tal-enerġija li jipproduċu l-elettriku minn teknoloġiji oħra. Hija ppreċiżat li din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-punt 30 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, minkejja li ma kinitx tagħmel parti mill-motivazzjoni tan-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, kienet tindika li l-benefiċjarji ta’ din il-miżura kienu f’kompetizzjoni ma’ produtturi oħra tal-elettriku.

32

Fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Naturgy Energy Group li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi naqset milli tispjega jekk il-miżura kontenzjuża kinitx tiffavorixxi ċerti impriżi jew produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li kienu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex minn din il-miżura. Hija enfasizzat, fl-istess punt, li l-fatt li l-Kummissjoni timponi, fiċ-ċirkustanzi kollha, fl-istadju tal-eżami preliminari li jinsab f’deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, motivazzjoni dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet jista’ jirriżulta prematur u jantiċipa l-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu fl-eżitu ta’ din il-proċedura.

33

Konsegwentement, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv bħala infondat.

34

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward tas-selettività tal-miżura kontenzjuża kif ukoll, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

35

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkundannat lil Naturgy Energy Group tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u kkundannat ukoll lil Viesgo Producción u lil EDP España għall-ispejjeż tagħhom stess.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑appellanti

36

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, fil-Kawżi C‑693/21 P u C‑698/21 P, EDP España u Naturgy Energy Group, intervenjenti u rikorrenti fl-ewwel istanza rispettivament, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla kemm is-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, EDP España titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u Naturgy Energy Group tiġi kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

37

Fil-Kawżi C‑693/21 P u C‑698/21 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, filwaqt li Generaciones Eléctricas Andalucía SLU, li kienet Viesgo Producción, intervenjenti fl-ewwel istanza, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

38

Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Mejju 2022, EDP España vs Naturgy Energy Group u Il-Kummissjoni (C‑693/21 P, EU:C:2022:415), kif ukoll tal‑31 ta’ Mejju 2022, Naturgy Energy Group vs Il-Kummissjoni (C‑698/21 P, EU:C:2022:417), Endesa Generación SAU ġiet ammessa tintervjeni insostenn tal-appellanti. Permezz tan-nota ta’ intervent tagħha fil-Kawża C‑698/21 P, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2023, il-Kawżi C‑693/21 P u C‑698/21 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq l‑appelli

Fuq l‑ewwel aggravji, ibbażati fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tan‑natura selettiva tal‑miżura kontenzjuża

L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tal-ewwel aggravji tagħhom, li jinkludu tliet partijiet, EDP España u Naturgy Energy Group isostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet bħala infondat il-motiv ta’ Naturgy Energy Group ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża.

41

Huma jsostnu, permezz tal-ewwel partijiet ta’ dawn l-ewwel aggravji, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, fl-interpretazzjoni tagħha tal-prinċipji li joħorġu mis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002).

42

Huma jqisu li r-rekwiżiti fil-qasam tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huma l-istess kemm fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-ftuħ kif ukoll tal-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, il-prinċipji li joħorġu mis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002), ma humiex rilevanti biss għad-deċiżjonijiet tal-għeluq.

43

Kuntrarjament għal dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ippronunzjat ruħha, fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar in-natura selettiva ta’ miżura.

44

Permezz tat-tieni partijiet tal-ewwel aggravji tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji li joħorġu mis-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149), u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (T‑177/10, EU:T:2014:897), billi qieset li l-kuntest tal-adozzjoni ta’ att kien jippermetti li “tiġi rrimedjata n-natura konċiża, vaga u ġenerika” tal-motivazzjoni tiegħu.

45

L-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa li jippermetti lid-destinatarju jkun jaf il-ġustifikazzjoni ta’ deċiżjoni u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li joħroġ mill-punt 72 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni tal-punt 28 tad-deċiżjoni kontenjuża hija manifestament insuffiċjenti.

46

Issa, filwaqt li rrikonoxxiet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, in-natura “sommarja” tar-raġunament tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali pprovat tirrimedja dan, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, billi rreferiet għall-kuntest li fih Naturgy Energy Group teżerċita l-attivitajiet tagħha kif ukoll għall-elementi li jinsabu fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza.

47

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża hija deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jeżentax lill-Kummissjoni milli twettaq analiżi tal-komparabbiltà għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ selettività.

48

Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi legali tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, imfakkra fil-punt 28 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), fir-rigward tal-persuni benefiċjarji tal-miżura li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura.

49

Permezz tat-tielet partijiet tal-ewwel aggravji tagħhom, l-appellanti jsostnu fl-aħħar nett li, fil-punti 68 sa 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni billi filwaqt li rrikonoxxiet in-natura “sommarja” tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija pprovat “tirrikostitwixxi” l-istess deċiżjoni. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il-punt 30 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li għalih il-Qorti Ġenerali rreferiet fil-punt 73 tas-sentenza appellata, ma huwiex rilevanti sabiex tiġi spjegata n-natura selettiva tal-miżura.

50

Generaciones Eléctricas Andalucía intervjeniet insostenn tat-talbiet tal-appellanti fil-Kawżi C‑693/21 P u C‑698/21 P, b’argumenti simili.

51

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju invokat fil-Kawżi C‑693/21 P u C‑698/21 P għandu jiġi miċħud bħala infondat.

52

Hija ssostni li, fil-punti 59 sa 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, ir-rekwiżiti marbuta mal-obbligu ta’ motivazzjoni u li, sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet, b’mod partikolari fil-punti 64 u 66 sa 77 tas-sentenza appellata, l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tan-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża.

53

Hija żżid li, sabiex tiddeċiedi, fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002), li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien ġie miksur, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt, minn naħa, li d-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża ma kien fiha ebda indikazzjoni li tippermetti li n-natura selettiva tal-miżura li kienet is-suġġett tagħha tinftiehem u, min-naħa l-oħra, li s-selettività ma setgħetx tirriżulta mis-sempliċi preċiżazzjoni li l-miżura eżaminata kienet tapplika biss għal settur ta’ attività. Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni hija differenti f’dan il-każ sa fejn, sabiex timmotiva s-selettività tal-miżura kontenzjuża, hija bbażat ruħha fuq il-fatt li din il-miżura hija ta’ benefiċċju biss għal ċerti impjanti tal-enerġija li jużaw il-faħam bħala karburant prinċipali. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

54

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tas-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149), u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (T‑177/10, EU:T:2014:897), peress li llimitat ruħha li tikkonstata li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata f’kuntest magħruf sew mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

55

Fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali pprovat tirrimedja n-natura sommarja tal-motivazzjoni billi bbażat ruħha fuq il-kuntest u l-għarfien mir-rikorrenti fl-ewwel istanza tal-qafas regolatorju applikabbli, il-Kummissjoni tindika li, b’differenza mill-motivazzjoni tal-att inkwistjoni fis-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149), il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża la hija vaga, la ġenerika u lanqas qasira ħafna.

56

Il-Kummissjoni żżid li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tkun fil-qosor jekk il-partijiet interessati jkunu f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat, preliminarjament, li l-miżura kontenzjuża hija selettiva u li l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589.

57

F’dak li jirrigwarda l-allegata assenza ta’ kwalunkwe raġunament relatat mas-selettività tal-miżura kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet fehmet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li l-miżura kienet ingħatat b’mod esklużiv lill-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam bl-esklużjoni tal-impjanti tal-enerġija li jużaw teknoloġiji oħra. Fir-rigward tal-konsegwenzi legali sfavorevoli li jirriżultaw mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali għall-benefiċjarji ta’ miżura fi stadju ta’ eżekuzzjoni, dawn huma ipotetiċi f’dan il-każ.

58

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, fuq siltiet tad-deċiżjoni kontenzjuża li ma kinux jinsabu neċessarjament fil-parti ta’ din id-deċiżjoni ddedikata għall-analiżi tas-selettività, il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjoni magħmula f’dak il-punt serviet biss sabiex tikkorrabora l-analiżi tagħha.

59

Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma tippreżupponix li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jsegwu struttura partikolari u huwa biżżejjed, skont din l-istituzzjoni, li l-partijiet ikunu f’pożizzjoni li jkunu jafu r-raġunijiet li ġġustifikaw id-deċiżjoni inkwistjoni.

60

Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi tad-deċiżjoni u għandu jiġi eżaminat il-kontenut tagħha “fl-intier tiegħu” (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et, C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 93).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att inkriminat, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-Qorti tal-Unjoni Ewropea twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tar-raġunijiet invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom biex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-kliem tiegħu biss, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi li tali deċiżjoni għandha tirrikapitula l-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, għandha tinkludi “evalwazzjoni preliminari”, mill-Kummissjoni, tal-miżura statali inkwistjoni intiża sabiex tiddetermina jekk din hijiex ta’ natura ta’ għajnuna u għandha tesponi r-raġunijiet li jqajmu dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern.

63

Barra minn hekk, u kif il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, in-natura provviżorja tal-klassifikazzjoni ta’ miżura statali bħala għajnuna mill-Istat f’tali deċiżjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2015/1589, li jipprevedi li, fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna.

64

Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha tikkonstata, anki jekk huwa biss b’mod preliminari, kemm il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura eżaminata kif ukoll l-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

65

Barra minn hekk, din id-deċiżjoni għandha effetti legali awtonomi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-sospensjoni tal-miżura eżaminata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, C‑77/12 P, EU:C:2013:695, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-qrati nazzjonali għandhom jastjenu milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra tali deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din tkun ta’ natura provviżorja. Konsegwentement, dawn il-qrati huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jisiltu l-konsegwenzi ta’ eventwali ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa,C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 4142).

66

Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-analiżi tal-Kummissjoni.

67

Minn dan jirriżulta li, anki jekk l-analiżi tal-Kummissjoni hija ta’ natura provviżorja, din l-istituzzjoni hija madankollu obbligata li turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

68

Konsegwentement, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li skontha kienu ineffettivi l-argumenti ta’ Naturgy Energy Group u tal-intervenjenti fl-ewwel istanza dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażati fuq il-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002), għas-sempliċi raġuni li din il-kawża kienet tirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

69

F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax, bħala prinċipju, titqies li hija irrilevanti f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura.

70

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tesponi, anki fil-qosor, ir-raġunijiet li għalihom il-miżura kontenzjuża kienet tiffavorixxi ċerti impriżi jew produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-impożizzjoni f’kull ċirkustanza, fl-istadju tal-analiżi preliminari li tinsab f’deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ta’ motivazzjoni dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tista’ tirriżulta prematura.

71

Fil-fatt, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura li minnha jibbenefika biss settur wieħed ta’ attività jew uħud biss mill-impriżi f’dan is-settur ma hijiex neċessarjament selettiva u li din tkun hekk biss jekk, fl-ambitu ta’ sistema legali partikolari, hija jkollha l-effett li tiffavorixxi ċerti impriżi fuq oħrajn li jkunu jappartjenu għal setturi oħra jew għall-istess settur u li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 58, kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni, C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 61).

72

Mill-premess jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni tqis, sabiex tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li miżura hija selettiva, hija għandha tippreċiża, anki fil-qosor, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura għandha l-effett li tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

73

Madankollu, mill-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata, li għalihom jirreferi l-punt 74 tagħha, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam li jidhru fil-PNTE‑IKK, li jibbenefikaw mill-miżura kontenzjuża, kienu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli ma’ dik ta’ impjanti tal-enerġija oħra, li ma jibbenefikawx minn din il-miżura, fid-dawl tal-għan imfittex minnha.

74

Fil-fatt, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tindika li l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam li jidhru fil-PNTE-IKK kienu jibbenefikaw mill-miżura kontenzjuża b’mod esklużiv, sabiex tikkunsidra li t-terminu “esklużivament”, li jinsab fil-punt 28 tagħha, kien jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam inklużi fil-PNTE-IKK u l-impjanti tal-enerġija li jużaw teknoloġija oħra jew kull impjant tal-enerġija li ma kienx inkluż f’dan il-pjan.

75

Barra minn hekk, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet, b’mod ġenerali, għan-natura tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-formulazzjoni tagħha, għall-kontenut tagħha, għall-kuntest tal-adozzjoni tagħha u għar-regoli legali rilevanti kollha sabiex tqis li, minkejja n-natura, irrikonoxxuta minnha nnifisha bħala “sommarja” tal-motivazzjoni dwar in-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset, preliminarjament, li l-miżura kontenzjuża kienet tidher selettiva.

76

Għandu jiġi indikat li għalkemm, fl-istess punt, il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għall-punt 30 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jsemmi l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn il-benefiċjarji tal-miżura u produtturi oħra tal-elettriku, sabiex tibbaża l-analiżi tagħha, tali element lanqas ma jista’ jkun suffiċjenti sabiex jispjega suffiċjentement skont il-liġi l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet bejn l-impjanti tal-enerġija li jibbenefikaw mill-miżura kontenzjuża u dawk li ma jibbenefikawx minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 59).

77

Għandu jingħad ukoll li għalkemm, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni, għandu ċertament jiġi eżaminat il-kontenut tagħha kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et, C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 93), tali eżami ma jistax jikkumpensa għall-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, bħal f’dan il-każ, bejn l-impjanti tal-enerġija li jibbenefikaw mill-miżura kontenzjuża u dawk li ma jibbenefikawx minnha.

78

Fid-dawl tal-premess, l-ewwel aggravji tal-appellanti fil-Kawżi C‑693/21 P u C‑698/21 P għandhom jintlaqgħu.

79

Għaldaqstant, mingħajr ma hemm lok li jiġu analizzati t-tieni aggravji invokati sussidjarjament mill-appellanti insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom u bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

80

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

81

Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-motivi tar-rikors tal-ewwel istanza intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il-Kummissjoni et vs Pharmaceutical Works Polpharma, C‑438/21 P sa C‑440/21 P, EU:C:2023:213, punt 98).

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 61 sa 67 ta’ din is-sentenza, f’deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 296 TFUE, turi b’mod ċar u inekwivoku ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Kif ġie espost fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, jekk din l-istituzzjoni tqis li miżura hija selettiva, hija għandha tippreċiża, anki fil-qosor, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura għandha l-effett li tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

83

Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 73 sa 77 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni impost fuqha skont l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn hija naqset milli tesponi r-raġunijiet li għalihom il-miżura kontenzjuża tiffavorixxi ċerti impriżi jew produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u hija, għaldaqstant, ta’ natura selettiva.

84

Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel motiv tar-rikors ta’ Naturgy Energy Group fl-ewwel istanza jintlaqa’ u li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv ta’ dan ir-rikors.

Fuq l‑ispejjeż

85

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

86

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dawn il-kawżi, peress li l-Kummissjoni tilfet u Naturgy Energy Group u EDP España talbu l-kundanna tagħha għall-ispejjeż, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Naturgy Energy Group fl-ewwel istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u minn EDP España quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

87

L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali parti tipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li hija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, Generaciones Eléctricas Andalucía, intervenjenti fl-ewwel istanza, li pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

88

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 140(1) u (2) tal-imsemmija regoli, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess. Konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, Endesa Generación, intervenjenti fil-Kawżi C‑693/21 P u C‑698/21 P, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Settembru 2021, Naturgy Energy Group vs Il-Kummissjoni (T‑328/18, EU:T:2021:548), hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7733 final tas‑27 ta’ Novembru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47912 (2017/NN) – Miżura ta’ inċentiv ambjentali favur impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, hija annullata.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn Naturgy Energy Group SA, marbuta kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑328/18 kif ukoll ma’ dik tal-appell fil-Kawżi C‑693/21 P u C‑698/21 P, u dawk sostnuti minn EDP España SA, marbuta mal-appell tagħha fil-Kawża C‑693/21 P.

 

4)

Generaciones Eléctricas Andalucía SLU għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

5)

Endesa Generación SAU għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top