EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0676

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-2 ta’ Frar 2023.
Kawża mressqa minn A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi interni – Artikolu 110 TFUE – Vetturi bil-mutur – Taxxa fuq il-vetturi – Vetturi użati importati minn Stati Membri oħra – Vetturi użati esportati lejn Stati Membri oħra – Rimbors ta’ din it-taxxa fil-mument tal-esportazzjoni – Limitazzjoni ta’ dan ir-rimbors għal vetturi li jkunu tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni inqas minn għaxar snin ilu.
Kawża C-676/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:63

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

2 ta’ Frar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi interni – Artikolu 110 TFUE – Vetturi bil-mutur – Taxxa fuq il-vetturi – Vetturi użati importati minn Stati Membri oħra – Vetturi użati esportati lejn Stati Membri oħra – Rimbors ta’ din it-taxxa fil-mument tal-esportazzjoni – Limitazzjoni ta’ dan ir-rimbors għal vetturi li jkunu tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni inqas minn għaxar snin ilu”

Fil-Kawża C‑676/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura mibdija minn

A

fil-preżenza ta’:

Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia, M. Björkland u T. Sevón, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u tal-Artikolu 110 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn A dwar id-deċiżjoni tal-Verohallinto (l-Amministrazzjoni Fiskali, il-Finlandja), li permezz tagħha din tal-aħħar irrifjutat ir-rimbors tat-taxxa fuq il-vetturi fil-mument tal-esportazzjoni, mitlub minn A wara l-bejgħ tal-vettura bil-mutur tiegħu, irreġistrata fil-Finlandja, fi Stat Membru ieħor.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-autoverolaki (1482/1994) (il-Liġi (1482/1994) dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi), tad‑29 ta’ Diċembru 1994, kif emendata bil-laki (5/2009) (il-Liġi (5/2009), tad‑9 ta’ Jannar 2009 u l-laki (561/2016) (il-Liġi (561/2016)), tad‑29 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi”), il-vetturi privati (kategorija M1) għandhom, qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru taċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi jew it-tqegħid tagħhom fiċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja, iħallsu t-taxxa fuq il-vetturi lill-Istat.

4

Skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi, għall-finijiet ta’ din il-liġi, it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja jfisser l-użu ta’ vettura intiża li tiċċirkula fit-territorju Finlandiż, anki meta din ma tkunx irreġistrata fil-Finlandja.

5

Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija liġi, il-persuna li hija rreġistrata fir-reġistru taċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bħala proprjetarja tal-vettura kkonċernata hija suġġetta għat-taxxa fuq il-vetturi. L-Artikolu 4(5) tal-istess liġi jipprovdi li, għal vettura mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni mingħajr reġistrazzjoni, il-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ din it-taxxa hija l-persuna li qiegħdet din il-vettura fiċ-ċirkulazzjoni, iżda li, jekk din il-persuna ma tistax tiġi identifikata jew jekk l-imsemmija taxxa ma tistax tinġabar mingħand l-imsemmija persuna, huwa l-proprjetarju tal-vettura użata li huwa din il-persuna taxxabbli.

6

Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi, fir-rigward ta’ vettura li hija ntaxxata fil-Finlandja bħala vettura użata, l-ammont tat-taxxa fuq il-vetturi huwa ekwivalenti għall-ammont l-iktar baxx tat-taxxa residwa fuq vettura rreġistrata fil-Finlandja, meqjusa bħala simili fid-dawl tal-elementi msemmija fl-Artikoli 11c u 11d ta’ din il-liġi.

7

Skont l-Artikolu 11c(1) tal-imsemmija liġi, sabiex jiġi ddeterminat il-valur ġenerali tal-bejgħ bl-imnut ta’ vettura fil-Finlandja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dokumenti disponibbli dwar l-elementi li għandhom influwenza fuq id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ bl-imnut tal-vettura kkonċernata fis-suq u dawk li jikkonċernaw il-valur tal-vettura u l-karatteristiċi partikolari ta’ din il-vettura li jaffettwaw dan il-valur, bħall-marka, il-mudell, it-tip, il-metodu ta’ propulsjoni u t-tagħmir tal-imsemmija vettura. Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-età, il-kilometraġġ u l-istat tal-vettura kkonċernata kif ukoll karatteristiċi oħra speċifiċi għaliha.

8

Skont l-Artikolu 11 tal-istess liġi, vetturi jistgħu jitqiesu bħala simili jekk ikunu ta’ marka simili u jekk il-mudelli u t-tagħmir tagħhom ikunu simili. Jekk il-vetturi li għandhom jiġu pparagunati jkunu vetturi approvati f’pajjiżi differenti, minbarra l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti ta’ dawn il-vetturi, dawn tal-aħħar għandhom effettivament ikunu simili mil-lat tekniku. Madankollu, differenzi żgħar ma jipprekludux li dawn il-vetturi jitqiesu bħala simili jekk dawn id-differenzi jistgħu jitqiesu irrilevanti fid-dawl tal-valur tal-vettura kkonċernata jew tal-bżonnijiet tal-konsumatur fir-rigward ta’ din il-vettura.

9

L-Artikolu 34d(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi jipprovdi li t-taxxa fuq il-vetturi għandha tiġi rrimborsata fuq talba jekk vettura ntaxxata fil-Finlandja tiġi esportata b’mod definittiv għal użu barra mit-territorju Finlandiż.

10

L-Artikolu 34d(2) ta’ din il-liġi jipprovdi li, f’tali każ, għandu jiġi rrimborsat l-ammont ta’ din it-taxxa li jinġabar fuq vettura simili jekk din tal-aħħar tiġi ntaxxata bħala vettura użata fid-data tal-esportazzjoni tal-vettura kkonċernata barra mit-territorju Finlandiż. L-ammont tal-imsemmija taxxa b’hekk irrimborsat ma jistax jeċċedi l-ammont tat-taxxa li tkun tħallset fuq din il-vettura. It-taxxa fuq il-vetturi ma tiġix irrimborsata sa fejn il-valur tal-imsemmija vettura jew it-taxxa fuq l-istess vettura jkunu żdiedu minħabba modifika li twettqet jew tagħmir li żdied ma’ tali vettura wara t-tassazzjoni. L-imsemmija taxxa ma hijiex irrimborsata għal vettura li ma tkunx ġiet debitament iddikjarata bħala taxxabbli jew jekk l-ammont rimborsabbli jkun inqas minn EUR 500. L-istess taxxa lanqas ma hija rrimborsata għal vettura li tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni għall-ewwel darba inqas minn għaxar snin fid-data tal-esportazzjoni. Ir-rimbors huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-vettura kkonċernata tkun fi stat li tinsaq meta ma tibqax tintuża fil-Finlandja u li din il-vettura tkun tneħħiet miċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja.

11

L-Artikolu 34d(3) tal-imsemmija liġi jipprovdi li r-rimbors tat-taxxa fuq il-vetturi fil-mument tal-esportazzjoni jista’ jintalab minn kull persuna li, bħala proprjetarja tal-vettura kkonċernata, tesporta din tal-aħħar għal użu barra mit-territorju Finlandiż.

12

L-Artikolu 34d(4) tal-istess liġi jippreċiża li t-talba għar-rimbors ta’ din it-taxxa fil-mument tal-esportazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-amministrazzjoni fiskali mhux iktar tard minn erbatax-il jum qabel l-esportazzjoni tal-vettura kkonċernata u li l-persuna li titlob dan ir-rimbors għandha tagħti lil din l-amministrazzjoni l-possibbiltà li tivverifika din il-vettura qabel l-esportazzjoni u għandha tipprovdi d-dokumenti neċessarji sabiex turi li l-kundizzjonijiet tal-imsemmi rimbors huma ssodisfatti.

Il-kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Fl‑20 ta’ Lulju 2015, A importa fil-Finlandja, minn Stat Membru ieħor, vettura bil-mutur użata li l-ewwel dħul fiċ-ċirkulazzjoni tagħha seħħ fl‑24 ta’ Novembru 2004.

14

Permezz ta’ notifika tat-taxxa tal‑5 ta’ Ottubru 2015, l-amministrazzjoni fiskali ntaxxat din il-vettura b’taxxa fuq il-vetturi għal ammont ta’ EUR 4 146.29, liema ammont ġie ffissat fuq valur taxxabbli ta’ EUR 16 519.10, billi applikat rata ta’ taxxa ta’ 25.10 %.

15

Fis‑7 ta’ Awwissu 2017, wara li biegħ din il-vettura bil-mutur fi Stat Membru ieħor, A talab lill-amministrazzjoni fiskali r-rimbors tat-taxxa fuq il-vetturi fil-mument tal-esportazzjoni, li l-ammont tagħha jikkorrispondi, skont l-Artikolu 34d(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi, għal dak li jiġi impost fuq vettura simili li kieku din tal-aħħar tiġi ntaxxata bħala vettura użata fid-data tal-esportazzjoni tagħha.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2017, l-amministrazzjoni fiskali ċaħdet din it-talba għal rimbors, għar-raġuni li, skont din id-dispożizzjoni, din it-taxxa ma tiġix irrimborsata fir-rigward ta’ vettura li tkun ilha fiċ-ċirkulazzjoni mill-inqas għaxar snin fid-data tal-esportazzjoni tagħha.

17

Peress li l-ilment imressaq minn A kontra din id-deċiżjoni ma kienx favorevoli, l-istess bħar-rikors tiegħu ppreżentat quddiem il-Helsinki hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), il-persuna kkonċernata adixxiet, b’appell, lill-qorti tar-rinviju, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), fejn talbet, b’mod partikolari, ir-rimbors tat-taxxa fuq il-vetturi.

18

Din il-qorti tindika li l-vettura bil-mutur użata, importata minn Stat Membru ieħor, ġiet irreġistrata minn A fil-Finlandja u użata minn din tal-aħħar għal perijodu ta’ inqas minn tliet snin, qabel il-bejgħ mill-ġdid ta’ din il-vettura fi Stat Membru ieħor. Hija tosserva li, fir-rigward ta’ din il-vettura, A kien suġġett għat-taxxa kollha fuq il-vetturi fid-data tar-reġistrazzjoni tagħha u li l-ammont ta’ din it-taxxa ma kienx proporzjonat mal-tul tal-użu effettiv tal-imsemmija vettura fil-Finlandja, peress li l-imsemmija taxxa ma hijiex rimborsabbli fir-rigward ta’ vetturi li għandhom għaxar snin jew iktar, fid-data tal-esportazzjoni tal-vettura kkonċernata.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi riżolta t-tilwima li għandha quddiemha, għandu jiġi eżaminat jekk il-limitazzjoni li tikkonċerna l-età tal-vettura li tapplika għar-rimbors tat-taxxa fuq il-vetturi fil-mument tal-esportazzjoni tmurx kontra d-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod li, fid-data tal-esportazzjoni tal-vettura bil-mutur tagħha, A kellu jiġi rrimborsat għall-parti tat-taxxa residwa inkorporata fil-valur tal-imsemmija vettura.

20

F’dan il-kuntest, l-ewwel, hemm lok li tiġi identifikata d-dispożizzjoni tat-Trattat FUE li fir-rigward tagħha għandha tiġi evalwata l-possibbiltà għal Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ vetturi in piena proprjetà. Din il-qorti ssemmi, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-Artikolu 110 TFUE. Barra minn hekk, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli li jitqies li, meta vettura bil-mutur importata, in piena proprjetà, tintuża fit-territorju tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni matul perijodu kunsiderevolment iqsar mit-tul tal-ħajja ekonomika ta’ din il-vettura, din tal-aħħar ma hijiex intiża li tintuża essenzjalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru b’mod permanenti.

21

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tindika li, b’differenza mill-vetturi għall-kiri jew għal-lokazzjoni, ma hemmx mezz ta’ verifika b’mod oġġettiv u bil-quddiem tal-għan jew tal-użu provviżorju ta’ vetturi in piena proprjetà. Il-perijodu ta’ użu ta’ vettura in piena proprjetà fit-territorju tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni jista’ jiġi evalwat biss a posteriori.

22

It-tielet, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludu, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha t-taxxa fuq il-vetturi, inkorporata fil-valur tal-vettura użata kkonċernata, ma tiġix irrimborsata meta din tiġi esportata b’mod definittiv għal użu fi Stat Membru ieħor, din il-qorti tistaqsi jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata minħabba li hija intiża li twaqqaf l-esportazzjoni ta’ “vetturi bil-mutur qodma”. Hija żżid li l-leġiżlatur Finlandiż invoka l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent meta adotta l-Liġijiet (5/2009) u (561/2016) u li din it-taxxa tinġabar fuq il-vetturi użati importati fil-Finlandja, indipendentement mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor.

23

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tat-TitoluII tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jew l-Artikolu 110 TFUE jistgħu jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-taxxa fuq il-vetturi inkluża fil-valur tal-vettura, li hija prevista [mil-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi], ma tiġix irrimborsata lill-proprjetarju tal-vettura meta dan jesporta definittivament il-vettura sabiex tintuża fi Stat Membru ieħor u, f’dan ir-rigward, huwa rilevanti jekk il-vettura kinitx intiża li tintuża essenzjalment fit-territorju tal-Istat Membru li ġabar it-taxxa fuq il-vetturi b’mod permanenti u jekk din il-vettura kinitx fil-fatt intużat b’dan il-mod?

2)

Fil-każ li l-użu li għalih tkun intiża l-vettura u l-użu effettiv tagħha huma rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, kif għandha tiġi stabbilita n-natura mhux permanenti ta’ dawn l-użi, sa fejn it-tul ta’ użu ta’ vettura mis-sid fl-Istat Membru ma jistax jiġi vverifikat bil-quddiem?

3)

Jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ ħlas tar-rimbors mal-esportazzjoni previst fil-Liġi Nru 1482/1994 dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata bl-għan li titwaqqaf l-esportazzjoni ta’ vetturi antiki li ħafna drabi jkunu f’kundizzjoni ħażina u jniġġsu? Il-limitazzjoni tar-rimbors mal-esportazzjoni għall-vetturi li jkollhom inqas minn għaxar snin għandha titqies li hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni Ewropea minħabba li t-taxxa fuq il-vettura xorta waħda tinġabar fuq il-vetturi użati importati, irrispettivament mill-età tagħhom?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 110 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li taxxa fuq il-vetturi, inkorporata fil-valur ta’ kull vettura, ma tiġix irrimborsata lill-proprjetarju ta’ vettura bil-mutur, fil-każ ta’ esportazzjoni definittiva ta’ din il-vettura għall-użu tagħha fi Stat Membru ieħor, meta l-imsemmija vettura tkun tqiegħdet għall-ewwel darba fiċ-ċirkulazzjoni mill-inqas għaxar snin qabel il-mument ta’ din l-esportazzjoni u jekk, f’dan ir-rigward, huwiex rilevanti li tali vettura kienet mhux biss intiża li tintuża essenzjalment fuq bażi permanenti fit-territorju tal-Istat Membru li ġabar it-taxxa fuq il-vetturi, iżda kienet effettivament użata b’dan il-mod.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet mhux rilevanti għal din il-kawża, it-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma ġietx armonizzata fuq il-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom f’dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tal-Ġustizzja, taxxa fuq il-vetturi bil-mutur miġbura minn Stat Membru waqt ir-reġistrazzjoni ta’ tali vetturi bil-għan li jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tiegħu la tikkostitwixxi dazju doganali u lanqas taxxa ta’ effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikoli 28 u 30 TFUE. Barra minn hekk, tali taxxa lanqas ma tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE li jipprojbixxi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal tali restrizzjonijiet. Fil-fatt, taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi taxxa interna u għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE (sentenzi tas‑7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Viamar, C‑402/14, EU:C:2015:830, punt 33). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat, fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2002, Tulliasiamies u Siilin (C‑101/00, EU:C:2002:505), il-konformità mad-dritt primarju tat-taxxa fuq il-vetturi prevista mil-Liġi (1482/1994) dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi, kif kienet applikabbli f’dak iż-żmien, fid-dawl tal-Artikolu 95 KE li jikkorrispondi għall-Artikolu 110 TFUE.

27

Għaldaqstant, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, il-konformità mad-dritt primarju tal-Unjoni kemm tat-taxxa fuq il-vetturi kif ukoll tar-rimbors ta’ din it-taxxa mal-esportazzjoni ta’ vettura bil-mutur irreġistrata fil-Finlandja għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan l-aħħar artikolu.

28

L-għan tal-Artikolu 110 TFUE huwa li jiġu żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Dan huwa intiż li jneħħi kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni, b’mod partikolari dawk li huma diskriminatorji fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq prodotti nazzjonali simili. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi n-newtralità tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u l-prodotti importati (sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

It-taxxa fuq il-vetturi, prevista mil-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi, tinġabar darba biss, għal kull vettura bil-mutur intiża li tiġi rreġistrata jew imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja, kemm fir-rigward ta’ vetturi ġodda kif ukoll ta’ vetturi użati. Mill-provi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ġew ippreżentati fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li l-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi tiżgura, bħala prinċipju, li l-ammont tat-taxxa fuq il-vetturi użati importati jikkorrispondi għal dak tat-taxxa residwa inkluża fil-valur tal-vetturi użati simili nazzjonali, b’kunsiderazzjoni għar-rata u għall-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa.

31

Fil-qasam tat-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati importati, l-Artikolu 110 TFUE huwa intiż li jiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u l-prodotti importati, u jobbliga, għaldaqstant, lil kull Stat Membru jagħżel u jaġġusta t-taxxi imposti fuq il-vetturi bil-mutur b’mod li dawn ma jkollhomx l-effett li jiffavorixxu l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u b’hekk jiskoraġġixxu l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Marzu 2019, Elliniko Dimosio, C‑689/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:185, punti 20 sa 22).

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-Artikolu 110 TFUE, ma jistax jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju arranġament partikolari, bħal dak previst fl-Artikolu 34d(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi, li skontu din it-taxxa ma tiġix irrimborsata fir-rigward tal-esportazzjoni definittiva ta’ vettura bil-mutur użata, meta din il-vettura tkun tqiegħdet għall-ewwel darba fiċ-ċirkulazzjoni, fil-Finlandja jew fi Stat Membru ieħor, fid-data tal-esportazzjoni kkonċernata.

33

Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, dan l-arranġament japplika għall-vetturi kollha li l-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom imur lura għal iktar minn għaxar snin, sa fejn dan jiffissa kriterju oġġettiv, jiġifieri s-sena tal-ewwel dħul fiċ-ċirkulazzjoni tal-vettura kkonċernata, li abbażi tiegħu ssir distinzjoni bejn il-każijiet li fihom jingħata rimbors tat-taxxa fuq il-vetturi u dawk li fihom ma jingħatax dan ir-rimbors.

34

L-imsemmi arranġament għalhekk ma jinkludix differenza fit-trattament bejn vetturi użati importati u vetturi użati nazzjonali meta l-vetturi bil-mutur ikkonċernati jkollhom iktar minn għaxar snin, fir-rigward tal-possibbiltà li jinbiegħu karozzi użati fis-suq fil-Finlandja, peress li din bl-ebda mod ma tbiddel l-ammont tat-taxxa korrispondenti inkluża fil-valur tas-suq ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ vetturi.

35

Barra minn hekk, huwa irrilevanti, fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE, li l-vetturi bil-mutur irreġistrati għall-ewwel darba fi Stat Membru ieħor, u sussegwentement, fil-Finlandja, li fir-rigward tagħhom ir-rimbors ta’ din it-taxxa fil-mument tal-esportazzjoni huwa rrifjutat, fil-każ tal-esportazzjoni definittiva tagħhom mill-Finlandja lejn Stat Membru ieħor, skont il-limitazzjoni fuq l-esportazzjoni tal-imsemmija taxxa għall-vetturi ta’ inqas minn għaxar snin, kienu, statistikament, irreġistrati fil-Finlandja matul perijodu iqsar minn dak ta’ vetturi bil-mutur irreġistrati għall-ewwel darba fil-Finlandja, u li l-esportazzjoni definittiva tagħhom lejn Stat Membru ieħor ma tagħtix dritt għal rimbors tal-istess taxxa fil-mument tal-esportazzjoni, skont din il-limitazzjoni.

36

Fil-fatt, fl-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tiegħu, Stat Membru jista’ jipprovdi l-applikazzjoni ta’ taxxa fuq il-vetturi, li l-fatt taxxabbli tagħha huwa r-reġistrazzjoni u t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura bil-mutur, li ma huwiex marbut mat-tul tal-użu effettiv tagħha f’dan l-Istat Membru.

37

Huwa wkoll irrilevanti, fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE, li vettura bil-mutur, minħabba r-rifjut ta’ rimbors mal-esportazzjoni ta’ taxxa fuq il-vetturi fil-mument tal-esportazzjoni definittiva tagħha mill-Finlandja lejn Stat Membru ieħor, tkun suġġetta, f’mumenti differenti u fi Stati Membri differenti, għal diversi taxxi fuq il-vetturi.

38

Fl-istat attwali, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda provvediment intiż li jipprojbixxi l-effetti ta’ taxxa doppja fil-każ ta’ tali imposti, li huma rregolati minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali awtonomi u li, filwaqt li l-eliminazzjoni ta’ tali effetti tkun mixtieqa fl-interess tal-moviment liberu tal-merkanzija, madankollu din tista’ tirriżulta biss mill-armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Nygård, C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Kull Stat Membru jista’ jiġbor taxxa fuq il-vetturi skont l-evalwazzjonijiet tiegħu stess, bil-kundizzjoni li tali evalwazzjonijiet, kif ukoll il-miżuri adottati għall-implimentazzjoni tagħhom, ma jiskoraġġixxux il-bejgħ ta’ prodotti importati favur il-bejgħ ta’ prodotti simili disponibbli fis-suq nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punti 5354).

40

Għandu jingħad ukoll li l-persuni fiżiċi li jixtiequ jimportaw fil-Finlandja vetturi bil-mutur, ġodda jew użati, għandhom soluzzjonijiet oħra minbarra l-importazzjoni ta’ tali vetturi in piena proprjetà. Huma jistgħu, minbarra l-każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat‑28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 112), kif jenfasizza l-Gvern Finlandiż, jimportaw vettura bil-mutur sabiex tintuża temporanjament, skont kuntratt ta’ kiri jew ta’ lokazzjoni, li jimplika l-ġbir ta’ taxxa fuq il-vetturi kkalkolata pro rata mat-tul tal-użu previst f’dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Settembru 2010, VAV-Autovermietung, C‑91/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:558, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Dawn il-persuni jistgħu għalhekk jiddeċiedu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, li jimportaw fil-Finlandja vetturi bil-mutur in piena proprjetà, li jimplika l-issuġġettar sħiħ tagħhom għat-taxxa fuq il-vetturi, jew li jimportaw vettura bil-mutur sabiex jużaw din tal-aħħar temporanjament, li jimplika l-ħlas ta’ tali taxxa ta’ ammont proporzjonat mat-tul tal-użu tal-vettura f’dan l-Istat Membru.

42

Hija għalhekk l-għażla tal-imsemmija persuni li tiddetermina s-sistema fiskali applikabbli għall-vettura bil-mutur importata u, kif tenfasizza l-Kummissjoni, fil-każ ta’ importazzjoni ta’ vettura bil-mutur in piena proprjetà, l-intenzjonijiet eventwali tagħhom rigward l-użu sussegwenti tal-vettura kkonċernata, li r-rimbors tagħha tat-taxxa fuq il-vetturi fil-mument tal-esportazzjoni huwa previst mil-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni, skont l-Artikolu 110 TFUE, ta’ dan ir-rimbors mal-esportazzjoni.

43

Fl-aħħar, huwa wkoll irrilevanti, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-fatt, invokat mill-Gvern Finlandiż, li jgħid li, fil-każ ta’ esportazzjoni definittiva ta’ vettura bil-mutur intaxxata fil-Finlandja, għal użu barra minn dan l-Istat Membru, l-ammont tat-taxxa rrimborsata jikkorrispondi, skont l-Artikolu 34d(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi, għall-ammont tat-taxxa li tinġabar fuq vettura simili jekk din tiġi ntaxxata bħala vettura użata fil-mument ta’ din l-esportazzjoni.

44

Fil-fatt, tali rimbors tat-taxxa ma jaffettwax is-suq tal-vetturi użati fil-Finlandja, iżda jista’, minkejja l-fatt li l-ammont tat-taxxa rrimborsata ma jaqbiżx il-valur residwu tat-taxxa mħallsa mar-reġistrazzjoni fil-Finlandja, ikollu effett fis-suq tal-vetturi użati tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni sa fejn inaqqas il-valur tal-vettura użata importata mill-Finlandja.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 110 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li taxxa fuq il-vetturi, inkorporata fil-valur ta’ kull vettura, ma tiġix irrimborsata lill-proprjetarju ta’ vettura bil-mutur fil-każ tal-esportazzjoni definittiva ta’ din il-vettura għall-użu tagħha fi Stat Membru ieħor, meta l-imsemmija vettura tkun tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni għall-ewwel darba mill-inqas għaxar snin qabel din l-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li tali vettura kienet intiża li tintuża essenzjalment fit-territorju tal-Istat Membru li ġabar it-taxxa fuq il-vetturi b’mod permanenti u li din il-vettura intużat ukoll effettivament b’dan il-mod.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari

46

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 110 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li taxxa fuq il-vetturi, inkorporata fil-valur ta’ kull vettura, ma tiġix irrimborsata lill-proprjetarju ta’ vettura bil-mutur fil-każ tal-esportazzjoni definittiva ta’ din il-vettura għall-użu tagħha fi Stat Membru ieħor, meta l-imsemmija vettura tkun tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni għall-ewwel darba mill-inqas għaxar snin qabel din l-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li tali vettura kienet intiża li tintuża essenzjalment fit-territorju tal-Istat Membru li ġabar it-taxxa fuq il-vetturi b’mod permanenti u li din il-vettura intużat ukoll effettivament b’dan il-mod.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top