Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0635

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Frar 2023.
    LB GmbH. vs Hauptzollamt D.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Bremen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestatura 9401 – Portata – Sufani li jintefħu (air loungers).
    Kawża C-635/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:85

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    9 ta’ Frar 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestatura 9401 – Portata – Sufani li jintefħu (air loungers)”

    Fil-Kawża C‑635/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

    LB GmbH

    vs

    Hauptzollamt D,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn N. Piçarra (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal LB GmbH, minn H. Bleier, Rechtsanwalt,

    għall-Hauptzollamt D, minn A. Böttcher, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Mantl u M. Salyková, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura tariffarja 94018000 tan-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU 1987, L 256, p. 1), fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1) (iktar ’il quddiem, in-“NM”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LB GmbH u l-Hauptzollamt D (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ D, il-Ġermanja) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ sufani li jintefħu, imsejħa air loungers, importati fil-Ġermanja minn din il-kumpannija.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Is‑Sistema Armonizzata

    3

    Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) twaqqfet mill-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (il-WCO), u ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU 1987, L 198, p. 1). In-Noti ta’ Spjega tas-SA ġew elaborati fi ħdan il-WCO, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

    4

    Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tibdilx il-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi.

    5

    Il-Kapitolu 94 tas-SA huwa intitolat “Għamara; friex, imtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir (furnishing) simili mimli; lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra; sinjali mdawlin, pjanċi ta’ l-ismijiet imdawlin u simili; bini prefabbrikat”.

    6

    Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar dan il-Kapitolu 94, fil-verżjoni tagħhom li tapplika għall-kawża prinċipali, jipprovdu:

    “Dan il-kapitolu jinkludi, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fin-Noti ta’ Spjega ta’ dan il-kapitolu:

    (1)

    L-għamara kollha, kif ukoll il-partijiet tagħha (Nri 94.01 sa 94.03).

    […]

    Għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu, għamara jew mobbli tfisser:

    (A)

    Id-diversi oġġetti mobbli, mhux inklużi f’intestaturi iktar speċifiċi tan-Nomenklatura, li huma maħsuba sabiex jitqiegħdu fl-art (anki jekk f’ċerti każijiet partikolari — bħal, pereżempju, għamara u siġġijiet ta’ bastimenti — huma intiżi sabiex jitwaħħlu jew jiġu ssikkatti mal-art) u li, għal skop prinċipalment ta’ utilità, iservu sabiex jimlew appartamenti, lukandi, teatri, ċinemas, uffiċċji, knejjes, skejjel, kafetteriji, ristoranti, laboratorji, sptarijiet, kliniki, kliniki dentali, eċċ., kif ukoll bastimenti, ajruplani, vaguni tal-ferroviji, vetturi, trejlers għall-ikkampjar u tagħmir ta’ trasport simili. L-oġġetti tal-istess natura (bankijiet, siġġijiet, eċċ.) użati f’ġonna, pjazez, toroq pubbliċi għall-mixi, huma inklużi hawnhekk ukoll.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    In-NM

    7

    Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU 2000, L 28, p. 16), in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Hija tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt numri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien numru jifformaw subdiviżjonijiet speċifiċi għaliha.

    8

    Bis-saħħa tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir‑Regolament Nru 254/2000, il-Kummissjoni kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r‑rati ta’ dazju kif joħorġu mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u jibda japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

    9

    Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2017 u li jinkludi n-NM.

    10

    Ir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, li tinsab fis-Sezzjoni A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tagħha, tipprovdi li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija hija legalment iddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem użat fit-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli għandu biss valur indikattiv.

    11

    Il-Kapitolu 94 tan-NM, intitolat “Għamara; friex, imtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir (furnishing) simili mimli; lampi u tagħmir (fittings) tad-dawl, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra; sinjali mdawlin, pjanċi ta’ l-ismijiet imdawlin u simili; bini prefabbrikat”, jinsab fit-Taqsima XX, intitolata “Oġġetti manifatturati varji”, tat-Tieni Parti tan-NM, li tistabbilixxi l-“[I]skeda ta’ Dazji tad-Dwana”. In-Noti 1 u 2 ta’ dan il-kapitolu jipprovdu:

    “1.

    Dan il-kapitolu ma jkoprix:

    (a)

    imtieraħ, imħaded jew kuxxini pnewmatiċi jew ta’ l-ilma, ta’ Kapitolu 39, 40 jew 63;

    […]

    2.

    L-oġġetti (ħlief partijiet) imsemmijin f’titli 9401 sa 9403 għandhom ikunu kklassifikati f’dawk it-titli biss jekk huma maħsubin biex jitqegħdu fl-art jew fuq il-paviment.

    […]”

    12

    L-imsemmi kapitolu jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 9401 u s-subintestatura 94018000, li huma ppreżentati kif ġej:

    “Kodiċi NM

    Deskrizzjoni

    Rata konvenzjonali tad-dazju (%)

    Unità Supplimentari

    (1)

    (2)

    (3)

    (4)

    9401

    Sits (seats) (ħlief dawk ta’ titlu 9402), kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u partijiet tagħhom

     

     

    […]

     

     

     

    9401 80 00

    – Sits (seats) oħrajn

    B’xejn

    —”

    13

    L-istess kapitolu jinkludi wkoll l-intestatura 9404 u s-subintestatura 94049090, li huma fformulati kif ġej:

    “Kodiċi NM

    Deskrizzjoni

    Rata konvenzjonali tad-dazju (%)

    Unità Supplimentari

    […]

     

     

     

    9404

    Irfid għal imtieraħ; oġġetti ta’ friex u tagħmir (furnishing) simili (per eżempju, imtieraħ, kwilts, kutri mimlijin bir-rix ta’ l-edredun, kuxxini, pouffes u mħaded) iffittjati b’molol jew mimlijin jew iffittjati minn ġewwa bi kwalunkwe materjal jew ta’ lastiku jew plastiks ċellulari, kemm jekk miksijin jew le:

     

     

    […]

     

     

     

    9404 90 90

    – – Oħrajn

    3,7

    —”

    14

    It-Tieni Parti tan-NM tinkludi Taqsima XI, intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”, li tinkludi fiha l-Kapitolu 63, intitolat “Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti; settijiet; ħwejjeġ li jintlibsu u oġġetti ta’ tessuti li jintlibsu; ċraret”.

    15

    Dan il-kapitolu jinkludi l-intestatura 6306 tan-NM, li hija ppreżentata kif ġej:

    “Kodiċi NM

    Deskrizzjoni

    Rata konvenzjonali tad-dazju (%)

    Unità Supplimentari

    […]

     

     

     

    6306

    Tarpolini, tined għad-dgħajjes (awnings) u lqugħ mix-xemx; tined; qlugħ għal dgħajjes, sailboards jew inġenji ta’ l-art; oġġetti għal ikkampjar:

     

     

    […]

    […]

    […]

    […]

    6306 40 00

    – Imtieraħ pnewmatiċi

    12

    p/st

    6306 90 00

    – Oħrajn

    12

    —”

    16

    It-Tieni Parti tan-NM tinkludi Taqsima VII, intitolata “Plastik u oġġetti tiegħu; gomma u oġġetti tagħha”, li fiha jinsab il-Kapitolu 39, intitolat “Plastiks u oġġetti tagħhom”.

    17

    Dan il-kapitolu jinkludi l-intestatura 3926 tan-NM, li hija ppreżentata kif ġej:

    “Kodiċi NM

    Deskrizzjoni

    Rata konvenzjonali tad-dazju (%)

    Unità Supplimentari

    […]

     

     

     

    3926

    Oġġetti oħrajn tal-plastiks u oġġetti ta’ materjali oħrajn ta’ titli 3901 sa 3914:

     

     

    […]

    […]

    […]

    […]

    3926 90

    – Oħrajn:

     

     

    […]

    […]

    […]

    […]

     

    – – Oħrajn

     

     

    3926 90 92

    – – – Magħmulin minn folja

    6,5

    —”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    18

    F’Lulju 2017, LB iddikjarat, għall-finijiet tar-rilaxx tagħha għal ċirkolazzjoni libera, merkanzija msejħa air loungers u importata miċ-Ċina, fis-subintestaturi 94049090 u 39269092 tan-NM. Dawn is-subintestaturi jirrigwardaw “oġġetti ta’ friex u tagħmir (furnishing) simili”“[o]ħrajn”, li ma humiex ikklassifikati f’subintestaturi oħra tal-intestatura 9404 ta’ din in-nomenklatura u “[o]ġġetti oħrajn tal-plastiks u oġġetti ta’ materjali oħrajn ta’ titli 3901 sa 3914”, li ma humiex ikklassifikati f’subintestaturi oħra tal-intestatura 3926 tan-NM, “[m]agħmulin minn folja”, rispettivament, li r-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni li tapplika għalihom hi ta’ 3.7 % għal tal-ewwel u ta’ 6.5 % għal tat-tieni. L-awtoritajiet doganali laqgħu din it-talba.

    19

    Madankollu, wara evalwazzjoni u opinjoni ta’ klassifikazzjoni mogħtija mill-Bildungs- und Wissenschaftszentrum der Bundesfinanzverwaltung (iċ-Ċentru ta’ Taħriġ u ta’ Studji Xjentifiċi tal-Amministrazzjoni Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), matul is-sena 2019 l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ D ħareġ avviż li jistabbilixxi d-dazji fuq l-importazzjoni u li jgħid li l-merkanzija inkwistjoni la kienet taqa’ taħt il-Kapitolu 94 u lanqas taħt il-Kapitolu 39 tan-NM, iżda taħt is-subintestatura 63069000 tagħha li tirrigwarda l-“oġġetti oħrajn għall-kampeġġ”, li r-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni li tapplika għalihom hi ta’ 12 %.

    20

    F’konformità ma’ dan l-avviż, dan l-uffiċċju doganali pproċeda sabiex jirkupra a posteriori dazji tal-importazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni mingħand LB u ċaħad bħala infondat l-ilment imressaq minn din tal-aħħar.

    21

    Għalhekk, LB adixxiet lill-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors, billi sostniet li l-merkanzija inkwistjoni taqa’ taħt is-subintestatura 94018000 tan-NM, bħala “[s]its (seats) oħra” jew, sussidjarjament, taħt is-subintestatura 39269092 ta’ din in-nomenklatura, bħala oġġetti tal-plastik, “[m]agħmulin minn folja”.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-merkanzija inkwistjoni bħala tip ta’ sufan li jintefaħ, magħmul minn tubu tal-plastik fuq in-naħa ta’ ġewwa u minn inforra tad-drapp fuq in-naħa ta’ barra, meħjutin flimkien fil-post imnejn jingħalaq, b’mod li l-arja tidħol minn żewġt ibnadi. Hija tippreċiża li, sabiex dawn jimtlew bl-arja, jeħtieġ li t-tarf miftuħ tagħhom jinġibed ’il fuq u jingħalqu minnufih billi l-ftuħ jitgerbeb fih innifsu diversi drabi u tintuża s-sistema ta’ għeluq rapidu, b’mod li jinħoloq bħal qisu vojt li jippermetti li wieħed joqgħod bilqiegħda jew jimtedd.

    23

    Skont din il-qorti, l-istabbiltà tal-merkanzija inkwistjoni tiddependi fuq l-intensità li biha tintefaħ. Wara li tintefaħ b’mod sħiħ jiġri li, wara ftit sigħat, tintilef l-arja u din l-istabbiltà tiġi affettwata u jkun meħtieġ għalhekk li terġa’ tintefaħ mill-ġdid. Barra minn hekk, wara spezzjoni, l-imsemmija qorti osservat li sabiex wieħed joqgħod bilqiegħda b’mod stabbli, jeħtieġ li l-utent ipoġġi fin-nofs tat-tul tas-sufan, b’saqajh milwijin u l-qiegħ ta’ saqajh imissu mal-art, peress li kull pożizzjoni oħra bilqiegħda tkun instabbli u tirriskja li twaqqa’ jew taqleb lill-utent.

    24

    Sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, li tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-merkanzija inkwistjoni tikkostitwixxix “[s]its (seats) oħrajn”, fis-sens tal-intestatura 9401 tan-NM, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-portata ta’ din l-intestatura.

    25

    Skont din il-qorti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “[s]its (seats)” f’din l-intestatura, u għalhekk bħala “għamara” fis-sens tal-Kapitolu 94 tan-NM, l-oġġetti li jservu sabiex jimlew diversi spazji għandhom jibqgħu hemmhekk b’ċerta permanenza. Barra minn hekk, sabiex tiġi kklassifikata bħala “[s]its (seats)”, tali merkanzija għandha tippermetti lill-persuna li tużaha li toqgħod bilqiegħda fuqha b’mod stabbli, billi tpoġġi, jekk hemm bżonn, f’pożizzjonijiet differenti.

    26

    Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, seats li jistgħu jinbidlu f’sodod, imsemmija wkoll fl-intestatura 9401 tan-NM, l-imsemmija qorti tosserva li l-verżjonijiet tagħha bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża jużaw il-kliem “beds” u “lits” rispettivament, mifhuma ġeneralment bħala li jirreferu għal għamara li tintuża sabiex wieħed jorqod, jimtedd jew jistrieħ, miksi b’wiċċ li fuqu jista’ jintefa’ l-ġisem kollu f’kull pożizzjoni possibbli ta’ rqad. Hija tosserva, minn naħa, li t-termini użati f’dawn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi tan-NM jirriflettu l-kliem użat fl-intestatura korrispondenti tas-SA fil-verżjonijiet tagħha bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża, li huma awtentiċi għall-finijiet tal-Konvenzjoni li stabbilixxiet din is-SA u, min-naħa l-oħra, li l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tan-NM tuża terminu differenti, jiġifieri dak ta’ “Liegen” (chaises longues).

    27

    Il-qorti tar-rinviju inklinata tqis li l-merkanzija inkwistjoni ma tikkostitwixxix seats, fis-sens tal-intestatura 9401 tan-NM, minħabba l-instabbiltà relattiva tagħha u l-ħtieġa li timtela bl-arja b’mod regolari, li, fil-fehma tagħha, jirrenduha xierqa sabiex tinġarr minn post għal ieħor u li tintuża f’dawn il-postijiet b’mod temporanju u biss b’mod limitattiv għal użu permanenti bħala oġġetti tal-għamara. Din il-qorti tenfasizza li s-sempliċi possibbiltà li wieħed joqgħod bilqiegħda fuq air lounger ma hijiex biżżejjed sabiex dan jitqies li l-għan fundamentali tiegħu hu li jikkostitwixxi seat.

    28

    Hija tirrileva, madankollu, li għad hemm dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din l-intestatura tariffarja, peress li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, minn awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra, għal merkanzija simili, ikklassifikaw tali merkanzija bħala “[s]its (seats)”.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “In-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-hekk imsejħa Air Lounger bħal dawk ineżami, li huma deskritti f’iktar dettall fid-digriet tar-rinviju, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 94018000 [ta’ din in-nomenklatura]?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    30

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-intestatura 9401 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri merkanzija msejħa air lounger, deskritta bħala tip ta’ sufan li jintefaħ u magħmul minn tubu tal-plastik fuq in-naħa ta’ ġewwa u minn inforra tad-drapp fuq in-naħa ta’ barra.

    31

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika il-prodotti inkwistjoni fin-NM b’mod korrett pjuttost milli tagħmel din il-klassifikazzjoni hija stess. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Għandu jitfakkar ukoll li, skont ir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura.

    33

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija għandu, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifiki, jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif imfissra mill-kliem użat fl-intestatura tal-imsemmija tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli korrispondenti. L-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għal dan il-prodott u għandu jiġi evalwat skont il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament ddeċidiet li, għalkemm in-Noti ta’ Spjega tas-SA u tan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi utli għall-interpretazzjoni tagħha (is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    L-intestatura 9401 tan-NM, li hija s-suġġett tad-domanda magħmula, hija intitolata “Sits (seats) (ħlief dawk ta’ titlu 9402), kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u partijiet tagħhom” u tinkludi, b’mod partikolari, is-subintestatura 94018000, li tirreferi għal “[s]its (seats) oħrajn”, mhux inklużi f’subintestaturi oħra ta’ din l-intestatura.

    36

    Skont in-Nota 1 tal-Kapitolu 94 tan-NM, dan il-kapitolu ma jkoprix imtieraħ, imħaded jew kuxxini pnewmatiċi jew tal-ilma, ta’ Kapitolu 39, 40 jew 63. Għaldaqstant, ladarba tali merkanzija taqa’ taħt wieħed minn dawn il-kapitoli, hija, minħabba f’hekk, eskluża mill-Kapitolu 94 tan-NM.

    37

    Barra minn hekk, skont in-Nota 2 ta’ dan il-Kapitolu 94, moqrija flimkien mal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 94 tagħha, il-merkanzija msemmija fl-intestatura 9401 għandha, fl-istess waqt, tkun maħsuba sabiex titqiegħed fl-art u sservi, bi skop prinċipalment ta’ utilità, sabiex timla appartamenti jew spazji interni jew esterni oħra msemmija hemmhekk bħala eżempji, kif ukoll diversi modi ta’ trasport. Minn dan isegwi li, jekk merkanzija ma tissodisfax dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, hija ma tistax tiġi kklassifikata fl-intestatura 9401 tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2001, VauDe Sport, C‑288/99, EU:C:2001:262, punti 1819).

    38

    F’dan il-każ, is-sufani li jintefħu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li huma partikolarment xierqa sabiex jinġarru minn post għal ieħor u jintużaw hemmhekk b’mod temporanju, partikolarment minħabba l-ħtieġa li jimtlew bl-arja b’mod regolari. Għaldaqstant, huma jistgħu ma jkunux adattati sabiex, bi skop prinċipalment ta’ utilità u b’mod pjuttost permanenti, jimlew appartamenti jew spazji interni jew esterni oħra msemmija fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 94, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    39

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-intestatura 9401 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix tip ta’ sufan li jintefaħ magħmul minn tubu tal-plastik fuq in-naħa ta’ ġewwa u minn inforra tad-drapp fuq in-naħa ta’ barra.

    Fuq l‑ispejjeż

    40

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-intestatura 9401 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix tip ta’ sufan li jintefaħ magħmul minn tubu tal-plastik fuq in-naħa ta’ ġewwa u minn inforra tad-drapp fuq in-naħa ta’ barra.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top