EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0618

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-30 ta’ Marzu 2023.
AR et vs PK SA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 3 – Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi – Artikolu 18 – Dritt ta’ azzjoni diretta – Portata – Determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens – Spejjeż ipotetiċi – Possibbiltà li l-ħlas tal-kumpens jiġi suġġett għal ċerti kundizzjonijiet – Bejgħ tal-vettura.
Kawża C-618/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:278

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

30 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 3 – Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi – Artikolu 18 – Dritt ta’ azzjoni diretta – Portata – Determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens – Spejjeż ipotetiċi – Possibbiltà li l-ħlas tal-kumpens jiġi suġġett għal ċerti kundizzjonijiet – Bejgħ tal-vettura”

Fil-Kawża C‑618/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

AR

vs

PK S.A.,

CR,

u

BF

vs

SI S.A.,

u

ZN

vs

MB S.A.,

u

NK sp. z o.o. s.k.

vs

PK S.A.,

u

KP

vs

SI S.A.,

u

RD sp. z o.o.

vs

EZ S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AR, minn R. Lewandowski, radca prawny,

għal KP, minn L. Nawrocki, radca prawny,

għal RD sp. z o.o., minn G. Stasiak, radca prawny,

għal SI S.A., minn M. Nycz, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn U. Małecka, B. Sasinowska u H. Tserepa–Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11), moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ sitt tilwimiet, rispettivament, bejn, minn naħa, AR u, min-naħa l-oħra, PK S.A. u CR, bejn BF u SI S.A., bejn ZN u MB S.A., bejn NK sp. z o.o. s.k. u PK S.A., bejn KP u SI, kif ukoll bejn RD sp. z o.o. u EZ S.A., proprjetarji ta’ vetturi bil-mutur u impriżi ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-persuni responsabbli għall-ħsara kkawżata lil dawn il-vetturi, dwar talba għal kumpens għad-dannu mġarrab minħabba din il-ħsara.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessa 30 tad-Direttiva 2009/103 tiddikjara:

“Id-dritt li tinvoka kuntratt ta’ assigurazzjoni u li tagħmel pretensjoni direttament kontra l-intrapriza ta’ assigurazzjoni hija ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur. Sabiex jiġi faċilitat ħlas ta’ pretensjonijiet effiċjenti u malajr u sabiex jiġu evitati safejn hu possibbli proċeduri legali għaljin, għandha jkun stabbilit dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-intrapriza ta’ assigurazzjoni li tkun tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili għal vittmi ta’ kull inċident b’vettura bil-mutur.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

[…]

L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

5

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, kull Stat Membru jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tagħha fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati, jew fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li għandhom pjanċa speċjali.

6

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Ammonti minimi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal xi garanziji ogħla li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, kull Stat Membru għandu jesiġi li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tkun obbligatorja mill-inqas fir-rigward tal-ammonti li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ ħsara personali, ammont minimu kopert ta’ EUR 1000000 għal kull vittma jew EUR 5000000 għal kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi;

(b)

fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà, EUR 1000000 għall kull talba, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi.

[…]”

7

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, intitolat “Dritt ta’ azzjoni diretta”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li jkunu sofrew ħsara f’inċidenti kkawżati minn vettura koperta mill-assigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3 għandhom dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili.”

Id‑dritt Pollakk

8

L-Artikolu 363(1) tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi:

“Il-ħsara għandha tiġi kkumpensata, skont l-għażla tal-parti leża, jew billi jiġi stabbilit mill-ġdid l-istat preċedenti tal-affarijiet, jew billi titħallas somma ta’ flus xierqa. Madankollu, jekk l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat preċedenti jkun impossibbli jew jekk iwassal għal diffikultajiet jew spejjeż eċċessivi għall-parti obbligata, id-dritt tal-parti leża huwa limitat għal kumpens fi flus.”

9

L-Artikolu 822(1) u (4) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“1.   Permezz tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, l-assiguratur jintrabat li jħallas il-kumpens previst fil-kuntratt għall-ħsara kkawżata lit-terzi li fir-rigward tagħhom hija stabbilita r-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jew tal-assigurat.

[…]

4.   Il-persuna li għandha dritt għal kumpens fir-rigward ta’ avveniment kopert minn kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tista’ tinvoka d-dritt tagħha direttament kontra l-assiguratur.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Sitt tilwimiet huma pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja). Ħamsa minn dawn it-tilwimiet għandhom rispettivament lil BF, ZN, NK, KP u RD bħala rikorrenti, li kull wieħed minnhom jitlob kumpens għad-dannu mġarrab minħabba danni kkawżati lill-vettura tagħhom wara inċident tat-traffiku. Fis-sitt tilwima, AR jitlob kumpens għad-dannu kkawżat lill-vettura tiegħu minħabba l-waqgħa ta’ bieb ta’ garaxx.

11

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali evalwaw id-dannu tagħhom abbażi tal-ispejjeż għat-tiswija li jikkorrispondu għall-valur stmat fis-suq tal-ispare parts oriġinali u tax-xogħol tal-idejn neċessarji għat-tiswija tal-vettura li ġarrbet ħsara. Sa fejn it-tiswija tal-vetturi kkonċernati għadha ma saritx, il-qorti tar-rinviju tikklassifika dawn l-ispejjeż għat-tiswija bħala “ipotetiċi”. Min-naħa tagħhom, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-impriżi ta’ assigurazzjoni li jkopru r-responsabbiltà ċivili tal-persuni li huma obbligati jikkumpensaw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, isostnu li dan il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont tad-dannu realment imġarrab, ikkalkolat skont metodu msejjaħ “differenzjali”. Skont dan il-metodu, dan l-ammont għandu jikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur li kien ikollha l-vettura bil-ħsara li kieku l-inċident ma seħħx u l-valur attwali ta’ din il-vettura, fl-istat ta’ ħsara tagħha. Skont dawn l-impriżi ta’ assigurazzjoni, l-ispejjeż għat-tiswija jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk jintwera li dawn ġew effettivament sostnuti.

12

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fid-dritt nazzjonali, il-kumpens għall-ħsara huwa intiż li jagħti lill-parti leża somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur tal-proprjetà li ġarrbet ħsara u dak li din tal-aħħar kien ikollha li kieku l-ħsara ma seħħitx, filwaqt li ma jippermettix lil din il-parti tarrikkixxi ruħha.

13

Hija tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza Pollakka, il-kumpens li għandu jitħallas lill-proprjetarju ta’ vettura li ġarrbet ħsara għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ispejjeż ipotetiċi għat-tiswija ta’ din il-vettura, indipendentement minn jekk il-proprjetarju tagħha effettivament sewwihiex jew għandux l-intenzjoni li jsewwiha. Kumpens li jieħu inkunsiderazzjoni tali spejjeż għat-tiswija ipotetiċi, li jaqbżu sew l-ammont tad-dannu mġarrab iddeterminat abbażi tal-metodu differenzjali, jingħata anki lill-persuni leżi li jkunu diġà biegħu l-vettura tagħhom li ġarrbet ħsara u li, għalhekk, ma jużawx dan il-kumpens sabiex isewwuha. Skont il-qorti tar-rinviju, din il-prattika għandha bħala konsegwenza l-arrikkiment indebitu ta’ dawn il-persuni, għad-detriment tal-persuni assigurati l-oħra kollha, li huma dawk li l-impriżi ta’ assigurazzjoni jġiegħlu jbatu l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan il-kumpens eċċessiv, billi jitolbuhom primjums dejjem ogħla.

14

Skont il-qorti tar-rinviju, din il-ġurisprudenza, dubjuża sa fejn tippermetti lill-parti leża tarrikkixxi ruħha f’ċerti każijiet, tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni speċjali tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, hija tqis neċessarju li tiġi ċċarata l-portata tad-drittijiet tal-persuna leża li jirriżultaw mid-dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni, previst fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103.

15

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata ta’ dan l-aħħar dritt, fid-dawl tal-fatt li, konformement mad-dritt Pollakk, azzjoni mibdija kontra l-persuna responsabbli tista’ tkun intiża, skont l-għażla tal-persuna leża, jew għall-ħlas ta’ kumpens pekunjarju, jew għall-kumpens tal-vettura li ġarrbet ħsara, jiġifieri benefiċċju in natura, filwaqt li l-Artikolu 822(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li impriża ta’ assigurazzjoni tista’ tkun debitriċi biss ta’ benefiċċju ta’ natura pekunjarja.

16

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu lill-persuna leża, li tixtieq tressaq azzjoni diretta kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni, minn wieħed mill-mezzi ta’ kumpens għad-dannu li huwa previst mid-dritt nazzjonali. Min-naħa tagħha, hija inklinata li tikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’mod li jagħti risposta fl-affermattiv għal din id-domanda.

17

Madankollu, hija tistaqsi wkoll dwar is-suġġett ta’ azzjoni diretta tal-persuna leża kontra assiguratur, li permezz tagħha din il-persuna teżiġi t-tiswija tal-vettura tagħha. Fil-fatt, huwa possibbli jew li tiġi eskluża r-regola, li tirriżulta mill-Artikolu 822(1) tal-Kodiċi Ċivili, li tipprovdi li l-benefiċċju tal-assiguratur jista’ jkun biss ta’ natura pekunjarja u li tippermetti, għalhekk, lill-persuna leża li teżiġi li l-assiguratur jieħu r-responsabbiltà għat-tiswija tal-vettura tagħha li ġarrbet ħsara, jew li jiġi rrikonoxxut lill-persuna leża d-dritt li teżiġi mingħand l-assiguratur, minflok it-teħid ta’ responsabbiltà għat-tiswija, il-ħlas tal-fondi neċessarji għal dan l-għan.

18

Il-qorti tar-rinviju hija inklinata li tiffavorixxi t-tieni għażla. Madankollu, hija tistaqsi wkoll dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt intern li jippermettu l-ħlas, lill-persuna leża, tal-fondi neċessarji għat-tiswija tal-vettura tagħha, b’kundizzjonijiet intiżi li jipprekludu li hija tkun tista’ tuża dawn il-fondi għal finijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-imsemmija tiswija u li hija tibbenefika minn sitwazzjoni fejn il-patrimonju tagħha jiżdied wara l-inċident. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-dritt li l-assiguratur ikun meħtieġ iħallas il-fondi neċessarji għat-tiswija ta’ vettura li ġarrbet ħsara għandux ukoll jiġi rrikonoxxut lill-proprjetarju ta’ tali vettura li jkun diġà biegħha, b’tali mod li jkun materjalment impossibbli li din tiġi msewwija.

19

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li r-risposti għad-domandi preliminari huma wkoll rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fejn AR huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, minkejja li ħsara kkawżata lil vettura mill-waqgħa ta’ bieb ta’ garaxx ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103. Fil-fatt, hija jidhrilha li huwa raġonevoli, fir-rigward tal-“prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi”, li tapplika għal tali tilwima l-istess prinċipji bħal dawk applikabbli għall-kawżi prinċipali l-oħra.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 18 [tad-Direttiva 2009/103], moqri flimkien mal-Artikolu 3 [tagħha], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-persuna leża li tressaq, kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-awtur tal-inċident, azzjoni diretta għad-danni għall-ħsara kkawżata lill-vettura bil-mutur tagħha, li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur, tkun tista’ tikseb biss mill-impriża tal-assigurazzjoni kumpens għat-telf reali u effettiv subit mill-beni tagħha, jiġifieri d-differenza bejn [il-valur] tal-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident u [l-valur] tal-vettura bil-mutur bil-ħsara, miżjuda bl-ispejjeż iġġustifikati effettivament sostnuti għat-tiswija tal-vettura bil-mutur u kull spiża ġġustifikata oħra effettivament sostnuta b’konsegwenza tal-inċident, filwaqt li, kieku hija kellha titlob kumpens direttament lill-awtur tal-inċident, hija tkun tista’ tagħżel li titolbu jirrestitwixxi l-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident (li t-tiswija titwettaq mill-awtur tal-inċident stess jew minn garaxx imħallas minnu) minflok li titolbu kumpens?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 18 [tad-Direttiva 2009/103], moqri flimkien mal-Artikolu 3 [tagħha], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-persuna leża li tressaq, kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-awtur tal-inċident, azzjoni diretta għad-danni għall-ħsara kkawżata lill-vettura bil-mutur tagħha, li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur, tkun tista’ tikseb biss mill-impriża tal-assigurazzjoni, minflok kumpens għat-telf reali u effettiv subit mill-beni tagħha, jiġifieri d-differenza bejn [il-valur] tal-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident u [l-valur] tal-vettura bil-mutur bil-ħsara, miżjuda bl-ispejjeż iġġustifikati effettivament sostnuti għat-tiswija tal-vettura bil-mutur u kull spiża ġġustifikata oħra effettivament sostnuta b’konsegwenza tal-inċident, l-ammont ekwivalenti għall-ispiża tar-restawrazzjoni fl-istat ta’ kif kienet qabel l-inċident, filwaqt li, kieku kellha titlob direttament lill-awtur tal-inċident isewwi l-ħsara, hija tkun tista’ tagħżel li titolbu jirrestitwixxi l-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident (u mhux biss jagħtiha l-fondi intiżi għal dan l-iskop)?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda [1] u ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda [2], l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103], moqri flimkien mal-Artikolu 3 [tagħha], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-impriża tal-assigurazzjoni li mingħandha l-proprjetarju ta’ vettura bil-mutur li tkun sofriet ħsara, li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur, jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż ipotetiċi li ma jkunx sostna, imma li kien ikollu jsostni kieku kien ikollu jiddeċiedi li jirrestawra l-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident, tkun tista’:

a.

tissuġġetta dan il-ħlas għall-kundizzjoni li l-persuna leża turi li hija jkollha effettivament l-intenzjoni li ssewwi l-vettura bil-mutur, b’mod konkret, għand mekkaniku speċifiku, għal prezz preċiż għall-partijiet u għax-xogħol tal-idejn – u tittrasferixxi dawn il-fondi għal din it-tiswija direttament lil dan il-mekkaniku (jew, jekk ikun il-każ, lill-bejjiegħ tal-partijiet neċessarji għat-tiswija) bla ħsara għal rimbors jekk l-għan li għalih dawn il-fondi jkunu tħallsu ma kellux jintlaħaq, jew, fin-nuqqas:

b.

tissuġġetta dan il-ħlas għat-teħid ta’ responsabbiltà mill-konsumatur tal-impenn li juri f’terminu miftiehem li huwa jkun ħallas il-fondi għat-tiswija tal-vettura bil-mutur, jew li jirrestitwihom lill-impriża tal-assigurazzjoni, jew, fin-nuqqas:

c.

wara li tkun ħallset dawn il-fondi bl-indikazzjoni tal-għan tal-ħlas (il-mod ta’ kif jintużaw) u wara l-iskadenza tat-terminu neċessarju li matulu l-persuna leża tkun setgħet issewwi l-vettura bil-mutur, titlobha turi l-prova li hija tkun ħallset dawn il-fondi għal din it-tiswija jew ir-restituzzjoni tagħhom

sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li l-parti leża tarrikkixxi lilha nnifisha permezz tal-ħsara?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda [1] u ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda [2], l-Artikolu 18 [tad-Direttiva 2009/103], moqri flimkien mal-Artikolu 3 [tagħha], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha persuna leża, li ma tkunx baqgħet proprjetarja tal-vettura bil-mutur bil-ħsara għaliex tkun biegħitha u tkun irċeviet flus bi skambju, b’tali mod li ma tkunx għadha tista’ ssewwi l-vettura bil-mutur, u għaldaqstant ma tkunx tista’ titlob mingħand l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-awtur tal-inċident il-ħlas tal-ispiża tat-tiswijiet neċessarji għar-restawrazzjoni tal-vettura bil-mutur li tkun ġarrbet il-ħsara fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident, peress li r-rikors [tal-persuna leża] sempliċement jitlob lill-impriża tal-assigurazzjoni kumpens ekwivalenti għat-telf reali u effettiv subiti mill-beni tiegħu, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-vettura bil-mutur fl-istat li kienet tinsab qabel l-inċident u r-riżultat tal-bejgħ tal-vettura bil-mutur, miżjuda bl-ispejjeż iġġustifikati sostnuti effettivament għat-tiswija tal-vettura bil-mutur u ta’ kull spiża ġġustifikata oħra sostnuta effettivament b’konsegwenza tal-inċident?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

21

Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, RD isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li d-domandi preliminari huma intiżi, fir-realtà, sabiex jikkontestaw il-modalitajiet ta’ ħlas, fir-rigward tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, għal inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif previsti fid-dritt Pollakk. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk jirrileva li l-azzjonijiet li wasslu għall-kawżi prinċipali ma humiex intiżi għar-restawrazzjoni tal-vetturi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda għall-ħlas lil dawn tal-aħħar ta’ kumpens pekunjarju, b’tali mod li l-ewwel żewġ domandi għandhom jitqiesu li huma ipotetiċi u, għaldaqstant, inammissibbli.

22

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa minnu li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, ħielsa li jiddeterminaw, fil-kuntest tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati, il-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni u l-persuni li għandhom dritt għall-imsemmi kumpens (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, K.S. (Spejjeż ta’ rmonk ta’ vettura li ġarrbet ħsara), C‑707/19, EU:C:2021:405, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Madankollu, f’dan il-każ, id-domandi preliminari ma jirrigwardawx l-oqsma msemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi ċerti modalitajiet dwar l-eżerċizzju, mill-persuni li ġarrbu dannu wara inċident tat-traffiku, tad-dritt tagħhom ta’ azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għal dan id-dannu, irrikonoxxut minn dan l-artikolu.

24

Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Pollakk, li l-azzjonijiet li taw lok għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali ma humiex intiżi għar-restawrazzjoni tal-vetturi kkonċernati li ġarrbu ħsara, iżda għall-ħlas ta’ kumpens pekunjarju, ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju huma ta’ natura ipotetika.

25

Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ta’ dik il-qorti, miġbura fil-qosor fil-punti 13 sa 17 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li din hija konxja mill-fatt li l-azzjonijiet li wasslu għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali huma intiżi għall-ħlas ta’ kumpens pekunjarju. Madankollu, hija tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi li l-persuna leża tista’ teżiġi mill-persuna responsabbli għall-ħsara, skont l-għażla tagħha, il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju jew ir-restawrazzjoni tal-vettura li ġarrbet ħsara, din il-persuna tista’, billi teżerċita d-dritt tagħha ta’ azzjoni diretta kontra l-assiguratur li jkopri r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli, titlob mingħand dan l-assiguratur kumpens pekunjarju li jiġi kkalkolat mhux abbażi tal-metodu msejjaħ “differenzjali”, iżda tal-ispejjeż neċessarji għar-restawrazzjoni tal-imsemmija vettura.

26

Minn dan isegwi li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ma humiex ta’ natura ipotetika.

27

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali bejn, minn naħa, AR u, min-naħa l-oħra, PK u CR hija intiża għall-kumpens għad-danni kkawżati lil vettura minħabba l-waqgħa ta’ bieb ta’ garaxx.

28

Id-Direttiva 2009/103 hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur, għan li ġie mfittex u rrinforzat b’mod konsistenti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, K.S. (Spejjeż ta’ rmonk ta’ vettura li ġarrbet ħsara), C‑707/19, EU:C:2021:405, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Madankollu, huwa evidenti li r-responsabbiltà ċivili mġarrba mill-persuna li għandha l-kustodja ta’ garaxx wara l-waqgħa tal-bieb tiegħu fuq vettura bil-mutur toriġina mhux minn ħsara kkawżata mill-vettura kkonċernata, iżda minn ħsara kkawżata lil din il-vettura minħabba l-waqgħa ta’ element ta’ proprjetà immobbli. Minn dan jirriżulta li, kif tammetti l-qorti tar-rinviju stess, il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali bejn, minn naħa, AR u, min-naħa l-oħra, PK u CR ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103.

30

Il-qorti tar-rinviju tesponi, madankollu, li hija jidhrilha li huwa raġonevoli, fid-dawl tal-“prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi”, li tapplika għall-imsemmija tilwima l-istess regoli bħal dawk applikabbli għat-tilwimiet l-oħra fil-kawża prinċipali. Sa fejn tillimita ruħha li tikkunsidra b’dan il-mod il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn din is-sentenza bis-saħħa ta’ prinċipju rrikonoxxut fid-dritt Pollakk, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, u lanqas sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet legali għal sitwazzjoni partikolari, peress li dawn il-kompiti jaqgħu esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Jannar 2023, A.T.S. 2003, C‑289/22, EU:C:2023:26, punt 29). Konsegwentement, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li teżisti relazzjoni bejn is-suġġett ta’ din l-ewwel tilwima u l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni.

31

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, ħlief sa fejn tikkonċerna t-tilwima bejn, minn naħa, AR u, min-naħa l-oħra, PK u CR, li fir-rigward tagħha t-talba hija inammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

32

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ azzjoni diretta tal-persuna li l-vettura tagħha ġarrbet ħsara wara inċident tat-traffiku kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għalih, tipprevedi biss il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju bħala modalità ta’ ksib ta’ kumpens mingħand dan l-assiguratur u, jekk dan ikun il-każ, liema obbligi jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens kif ukoll tal-kundizzjonijiet relatati mal-ħlas tiegħu.

33

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi l-obbligu għal kull Stat Membru, bla ħsara għad-derogi li huma jistgħu jipprevedu skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżgura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat preliminarjament li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’sens kuntrarju mill-qorti tar-rinviju, il-ħames tilwimiet fil-kawżi prinċipali li għalihom it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet iddikjarata ammissibbli ma jikkonċernawx persuni jew vetturi li għalihom ir-Repubblika tal-Polonja kienet tagħmel użu mill-possibbiltajiet ta’ deroga offruti minn dan l-Artikolu 5.

35

Fir-rigward tad-dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuni leżi kontra l-assiguratur, stabbilit fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt nazzjonali jipprevedi li din il-modalità ta’ ksib ta’ kumpens tista’ tikkonsisti biss f’benefiċċji ta’ natura pekunjarja.

36

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 30 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan id-dritt jikkonsisti f’li l-persuna leża tkun tista’ tinvoka l-kuntratt ta’ assigurazzjoni u li tinfurzah direttament kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni. Minn dan jirriżulta li tali azzjoni jista’ jkollha bħala għan biss il-provvista, mill-assiguratur tal-persuna responsabbli, direttament lill-parti leża, tal-benefiċċju li dan l-assiguratur kien obbligat jipprovdi lill-assigurat tiegħu, fil-limiti tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

37

Għalhekk, meta l-benefiċċju tal-assiguratur, kif iddefinit fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni, ikun ta’ natura esklużivament pekunjarja, l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva ma jipprekludix li l-azzjoni diretta, mibdija mill-persuna leża kontra l-assiguratur, ikollha b’mod obbligatorju bħala għan il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju.

38

F’dan ir-rigward, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li, b’mod partikolari, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/103 jistabbilixxi l-kopertura minima obbligatorja fil-forma ta’ ammonti minimi ta’ kumpens jikkonferma tali interpretazzjoni.

39

F’dan il-każ, dan huwa l-każ tal-azzjonijiet diretti eżerċitati fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, peress li, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 822(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li l-benefiċċji tal-assiguratur jistgħu jkunu biss ta’ natura pekunjarja.

40

F’dan il-kuntest, il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ukoll il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ tali kumpens pekunjarju kif ukoll dawk relatati mal-ħlas tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li l-ħlas ta’ tali kumpens mingħand l-assiguratur jiġi suġġett għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu li l-persuna leża effettivament ser tużah għat-tiswija tal-vettura tagħha, li jeskludi li dan il-kumpens jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ restawrazzjoni tal-vettura tagħha li ġarrbet ħsara meta din il-persuna tkun biegħet din il-vettura fl-istat li tkun.

41

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea ma twassalx għall-arrikkiment indebitu tal-aventi kawża (sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 125 u tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi tal-vetturi mgħammra b’tagħmir ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 94).

42

Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tad-danni kkawżati lit-terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u żgurat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, K.S. (Spejjeż ta’ rmonk ta’ vettura li ġarrbet ħsara), C‑707/19, EU:C:2021:405, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma hijiex intiża li tarmonizza s-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u dawn tal-aħħar għadhom, fil-prinċipju, liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, K.S. (Spejjeż ta’ rmonk ta’ vettura li ġarrbet ħsara), C‑707/19, EU:C:2021:405, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Konsegwentement, kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, fil-kuntest tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati, il-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni u l-persuni li għandhom dritt għall-imsemmi kumpens.

45

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi ma jistgħux iċaħħdu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mill-effett utli tagħha, b’mod partikolari billi jeskludu awtomatikament jew billi jillimitaw b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma li tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, K.S. (Spejjeż ta’ rmonk ta’ vettura li ġarrbet ħsara), C‑707/19, EU:C:2021:405, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li sa fejn, billi timplimenta d-dritt tagħha ta’ azzjoni diretta kontra l-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli għad-dannu, il-persuna leża teżiġi l-provvista favuriha tal-benefiċċju tal-assiguratur previst mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-ħlas ta’ dan il-benefiċċju jista’ jkun suġġett biss għall-kundizzjonijiet espressament previsti minn dan il-kuntratt.

47

Konsegwentement, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, ħlief jekk jiġi ppreġudikat l-effett utli tad-dritt ta’ azzjoni diretta previst fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, il-kundizzjonijiet esposti fil-punt 40 ta’ din is-sentenza ma jistax ikollhom l-effett li jeskludu jew jillimitaw l-obbligu tal-assiguratur, li jirriżulta mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jkopri l-kumpens kollu li l-persuna responsabbli għad-dannu għandha tipprovdi lill-persuna leża għad-dannu mġarrab minn din tal-aħħar.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ azzjoni diretta tal-persuna li l-vettura tagħha ġarrbet ħsara wara inċident tat-traffiku kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għalih, tipprevedi biss il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju bħala modalità ta’ ksib ta’ kumpens mingħand dan l-assiguratur,

jipprekludi modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens kif ukoll kundizzjonijiet relatati mal-ħlas tiegħu, sa fejn dawn ikollhom l-effett, fil-kuntest ta’ azzjoni diretta eżerċitata skont dan l-Artikolu 18, li jeskludu jew jillimitaw l-obbligu tal-assiguratur, li jirriżulta minn dan l-Artikolu 3, li jkopri l-kumpens kollu li l-persuna responsabbli għad-dannu għandha tipprovdi lill-persuna leża għad-dannu mġarrab minn din tal-aħħar.

Fuq l‑ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ azzjoni diretta tal-persuna li l-vettura tagħha ġarrbet ħsara wara inċident tat-traffiku kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għalih, tipprevedi biss il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju bħala modalità ta’ ksib ta’ kumpens mingħand dan l-assiguratur,

 

jipprekludi modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens kif ukoll kundizzjonijiet relatati mal-ħlas tiegħu, sa fejn dawn ikollhom l-effett, fil-kuntest ta’ azzjoni diretta eżerċitata skont dan l-Artikolu 18, li jeskludu jew jillimitaw l-obbligu tal-assiguratur, li jirriżulta minn dan l-Artikolu 3, li jkopri l-kumpens kollu li l-persuna responsabbli għad-dannu għandha tipprovdi lill-persuna leża għad-dannu mġarrab minn din tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Pollakk.

Top