This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0612
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 30 March 2023.#Gmina O. v Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej.#Request for a preliminary ruling from the Naczelny Sąd Administracyjny.#Reference for a preliminary ruling – Taxation – Value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Article 2(1)(a) and (c) – Supply of goods and services for consideration – Article 9(1) – Meanings of ‘taxable person’ and ‘economic activity’ – Municipality which organises the installation of renewable energy on its territory for its residents who own immovable property and who have expressed the wish to be equipped with renewable energy systems – Their contribution amounting to 25% of the subsidisable costs, without being able to exceed a maximum value agreed between the municipality and the interested property owner – Reimbursement of the municipality by a subsidy from the competent provincial authority of 75% of the subsidisable costs – Article 13(1) – Municipalities not subject to tax for the activities or transactions carried out as public authorities.#Case C-612/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-30 ta’ Marzu 2023.
Gmina O. vs Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) u (ċ) – Kunsinna ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Artikolu 9(1) – Kunċetti ta’ ‘persuna taxxabbli’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Komun li jorganizza l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli fit-territorju tiegħu għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu, proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra b’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli – Parteċipazzjoni tagħhom li tammonta għal 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, mingħajr ma tista’ taqbeż valur massimu li jaqblu fuqu l-komun u l-proprjetarju interessat – Rimbors lill-komun b’sussidju tal-provinċja kompetenti li ma jeċċedix 75 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati – Artikolu 13(1) – Nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa tal-komuni għall-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet imwettqa minnhom bħala awtoritajiet pubbliċi.
Kawża C-612/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-30 ta’ Marzu 2023.
Gmina O. vs Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) u (ċ) – Kunsinna ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Artikolu 9(1) – Kunċetti ta’ ‘persuna taxxabbli’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Komun li jorganizza l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli fit-territorju tiegħu għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu, proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra b’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli – Parteċipazzjoni tagħhom li tammonta għal 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, mingħajr ma tista’ taqbeż valur massimu li jaqblu fuqu l-komun u l-proprjetarju interessat – Rimbors lill-komun b’sussidju tal-provinċja kompetenti li ma jeċċedix 75 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati – Artikolu 13(1) – Nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa tal-komuni għall-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet imwettqa minnhom bħala awtoritajiet pubbliċi.
Kawża C-612/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:279
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
30 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) u (ċ) – Kunsinna ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Artikolu 9(1) – Kunċetti ta’ ‘persuna taxxabbli’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Komun li jorganizza l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli fit-territorju tiegħu għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu, proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra b’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli – Parteċipazzjoni tagħhom li tammonta għal 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, mingħajr ma tista’ taqbeż valur massimu li jaqblu fuqu l-komun u l-proprjetarju interessat – Rimbors lill-komun b’sussidju tal-provinċja kompetenti li ma jeċċedix 75 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati – Artikolu 13(1) – Nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa tal-komuni għall-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet imwettqa minnhom bħala awtoritajiet pubbliċi”
Fil-Kawża C‑612/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min‑Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2021, fil-kawża
Gmina O.
vs
Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gmina O., minn J. Wyrzykowski, doradca podatkowy, |
– |
għad-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, minn B. Kołodziej, D. Pach u T. Wojciechowski, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u U. Małecka, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 9(1), tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Gmina O. (il-Komun ta’ O.), li jinsab fil-Polonja, u d-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur għall-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor, il-Polonja) dwar deċiżjoni fiskali indirizzata lil dan il-komun dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ dan tal-aħħar dwar tranżazzjonijiet li jikkonsistu, fir-rigward tal-imsemmi komun, fil-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ wħud mir-residenti tiegħu għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem is-“SER”) fuq il-proprjetà immobbli tagħhom, b’korrispettiv finanzjarju min-naħa ta’ dawn ir-residenti. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi: “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[…]
[…]” |
4 |
L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.” |
5 |
Skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva: “Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet. Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.” |
6 |
L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 huwa fformulat kif ġej: “Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.” |
Id‑dritt Pollakk
7 |
L-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal‑2004, Nru 54, intestatura 535), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali, hija intiża li tittrasponi fid-dritt Pollakk id-Direttiva 2006/112. |
8 |
L-Artikolu 29a(1) ta’ din il-liġi, li jirrigwarda l-ammont taxxabbli, jipprovdi: “Bla ħsara għall-paragrafi 2, 3 u 5, tal-Artikoli 30a sa 30c, għall-Artikolu 32, għall-Artikolu 119, kif ukoll għall-Artikolu 120(4) u (5), l-ammont taxxabbli għandu jinkludi kulma jikkostitwixxi l-korrispettiv li rċieva jew li għandu jirċievi l-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizzi għall-bejgħ mix-xerrej, mid-destinatarju tas-servizzi jew minn terz, inkluż l-għajnuna finanzjarja, is-sussidji u ħlasijiet oħra addizzjonali tal-istess natura li rċieva l-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizzi, li jaffettwaw, b’mod dirett, il-prezz tal-oġġetti kkunsinnati jew tas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli.” |
9 |
L-Artikolu 400a(1) tal-ustawa Prawo ochrony środowiska (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent), tas‑27 ta’ April 2001 (Dz. U. tal‑2001, Nru 62, intestatura 627), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali, jipprevedi: “Il-finanzjament tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-ġestjoni tal-ilma għandu jinkludi: […]
[…]” |
10 |
L-Artikolu 403(2) ta’ din il-liġi jipprovdi: “Il-kompiti speċifiċi tal-komuni jinkludu l-finanzjament tal-protezzjoni tal-ambjent fil-qafas iddefinit fil-punti 2, 5, 8, 9, 15, 16, 21 sa 25, 29, 31, 32 u 38 sa 42 tal-Artikolu 400a(1) f’ammont mhux inqas mill-ammont tad-dħul mill-ispejjeż u l-multi msemmija fl-Artikolu 402(4), (5) u (6), li jagħmlu parti mid-dħul baġitarju komunali, wara li jitnaqqas l-ammont żejjed minn dan id-dħul imħallas lill-baġits provinċjali […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11 |
Il-Komun ta’ O., li għandu numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT fil-Polonja, laħaq ftehim ta’ sħubija ma’ komunità urbana u ma’ żewġ komuni oħra, li jinsabu wkoll fil-Polonja, sabiex jitwettaq proġett li l-għan tiegħu huwa l-installazzjoni ta’ SER fit-territorju ta’ dawn l-erba’ awtoritajiet lokali u reġjonali (iktar ’il quddiem il-“proġett”). |
12 |
Il-proġett jagħmel parti mill-programm operattiv reġjonali tal-provinċja kkonċernata għall-perijodu 2014‑2020 u huwa maħsub sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-komunità urbana, bħala mexxejja tal-proġett, laħqet ftehim, f’isem l-erba’ awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati, dwar il-finanzjament tal-proġett ma’ din il-provinċja. Skont dan il-ftehim, il-mexxej tal-proġett jirċievi s-sussidji mingħand il-provinċja kkonċernata, liema sussidji jkopru biss parti mill-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, u wara dan huwa jittrasferixxi lill-imsieħba tiegħu l-parti dovuta lilhom. Il-Komun ta’ O. jibbenefika, fir-rigward tiegħu stess, minn finanzjament ta’ 75 % tat-total tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati. |
13 |
Kull awtorità kontraenti tħallas b’mod separat lill-impriża li tintgħażel wara s-sejħa għal offerti, billi din tal-aħħar tibgħat, għalhekk, fatturi lil kull waħda minn dawn l-awtoritajiet skont il-kuntratt rispettiv tagħhom. |
14 |
Għall-parti li jifdal taħt ir-responsabbiltà tagħha, kull awtorità kontraenti hija libera li tiddeċiedi l-modalitajiet tal-finanzjament tagħha. Il-Komun ta’ O. iddeċieda li jikseb, mingħand il-proprjetarji tal-proprjetà immobbli li, fuq talba tagħhom, ser jibbenefikaw mis-SER, kontribuzzjoni li tammonta għal 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, mingħajr, madankollu, ma seta’ jaqbeż il-valur massimu miftiehem kuntrattwalment. Barra minn hekk, huwa stipulat fil-kuntratt standard konkluż bejn il-Komun ta’ O. u l-proprjetarji kkonċernati li s-SER kollha installati ser jibqgħu l-proprjetà tiegħu matul il-perijodu ta’ validità tal-proġett, jiġifieri matul perijodu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mid-data ta’ li fiha l-komun jirċievi l-aħħar pagament bħala rimbors tas-sehem dovut lilu mis-sussidji mħallsa mill-provinċja kkonċernata. Fi tmiem dan il-perijodu, il-proprjetà tas-SER hija ttrasferita lill-proprjetarju tal-proprjetà immobbli kkonċernata. |
15 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Komun ta’ O. ressaq talba lid-Direttur tal-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor għal deċiżjoni fiskali, sabiex ikun jaf jekk il-kontribuzzjoni mħallsa mill-proprjetarji kkonċernati u s-sussidju li rċieva mingħand il-provinċja kkonċernata kellhomx ikunu eżentati mill-VAT. |
16 |
Fid-deċiżjoni fiskali tiegħu tas‑7 ta’ Awwissu 2019, id-Direttur tal-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor qies li l-Komun ta’ O. kellu jiġi kklassifikat bħala “persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT” fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
17 |
Il-Komun ta’ O. ikkontesta din id-deċiżjoni fiskali quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja). Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2020, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors, billi ddeċidiet li dan il-komun kien jeżerċita, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, attività ekonomika u li din ma kinitx eżerċitata mill-Komun ta’ O. bħala awtorità pubblika. |
18 |
Il-Komun ta’ O. appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju. |
19 |
Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi li jsegwu mill-fatt li l-Komun ta’ O. huwa parti fil-kuntratt konkluż mal-impriża li ntgħażlet fis-sejħa għal offerti u jwettaq il-ħlas tal-ammonti dovuti lil din tal-aħħar, li mingħandha jirċievi fattura maħruġa f’ismu fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li dan il-komun jista’ jwettaq. Fit-tieni lok, hija tistaqsi, kemm-il darba jitqies li dan tal-aħħar effettivament jeżerċita tali attività, jekk it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali sarux fil-kuntest ta’ sistema rregolata mid-dritt pubbliku. Fit-tielet lok, kemm-il darba jitqies li din hija attività ekonomika li ma titwettaqx fil-kuntest ta’ tali sistema, hija tistaqsi dwar id-determinazzjoni tal-ammont taxxabbli ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT il-fatt li komun jikkunsinna u jinstalla, permezz ta’ impriża, SER għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tagħha li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra bihom, fejn l-għan ta’ tali attività ma jkunx li jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u li, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, tagħti lok biss għal ħlas li jkopri mhux iktar minn kwart tal-ispejjeż sostnuti, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat minn fondi pubbliċi. |
22 |
Qabelxejn għandu jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina n-natura tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Termas Sulfurosas de Alcafache, C‑513/20, EU:C:2022:18, punt 36). |
23 |
Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
F’dan ir-rigward, sabiex jaqgħu taħt id-Direttiva 2006/112, l-attivitajiet imwettqa minn komun fil-kuntest tal-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom, l-ewwel, jikkostitwixxu kunsinna jew provvista ta’ servizzi li dan il-komun iwettaq bi ħlas għar-residenti tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) ta’ din id-direttiva, u, it-tieni, ikunu twettqu fil-kuntest ta’ attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, b’mod li l-imsemmi komun ikun aġixxa wkoll bħala persuna taxxabbli. |
Fuq l‑eżistenza ta’ kunsinna ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas
25 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tali tranżazzjonijiet jitwettqu “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, għandha teżisti rabta diretta bejn il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi, minn naħa, u korrispettiv li l-persuna taxxabbli tkun tassew irċeviet, min-naħa l-oħra. Rabta diretta bħal din hija stabbilita fejn teżisti relazzjoni ġuridika bejn l-awtur tal-kunsinna ta’ oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi, minn naħa, u l-benefiċjarju tagħhom, min-naħa l-oħra, li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-awtur ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-kunsinna jew tas-servizz ipprovdut lill-imsemmi benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 36). |
26 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li sabiex it-tranżazzjonijiet jistgħu jitqiesu li twettqu “bi ħlas”, fis-sens tad-Direttiva 2006/112, ma huwiex meħtieġ, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, li l-korrispettiv għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi jinkiseb b’mod dirett minn min jirċievi dawn tal-aħħar, billi dan il-korrispettiv jista’ jinkiseb ukoll minn terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-imsemmija tranżazzjonijiet jitwettqu bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz tal-kost, u, għaldaqstant, bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz normali tas-suq, huwa irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bi ħlas, peress li ċirkustanza bħal din ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-rabta diretta bejn it-tranżazzjonijiet imwettqa jew li għandhom jitwettqu u l-korrispettiv irċevut jew li għandu jiġi rċevut li l-ammont tiegħu huwa ddeterminat minn qabel u skont kriterji stabbiliti sew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Komun ta’ O. jinkariga lill-impriża li tintgħażel fis-sejħa għal offerti li tikkunsinna u tinstalla SER fuq il-proprjetà immobbli tal-proprjetarji li jkunu wrew l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li t-trasferiment tal-proprjetà ta’ tali sistemi jikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/112, u l-fatt li jsiru disponibbli sabiex jintużaw jikkorrispondi għal provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva. |
29 |
Ma hemmx dubju li fid-dawl tal-eżistenza ta’ kuntratt bejn il-Komun ta’ O. u din l-impriża, li jirrigwarda l-implimentazzjoni tas-SER u t-trasferiment tal-proprjetà ta’ dawn tal-aħħar lil dan il-komun matul il-perijodu tal-proġett, jista’ jitqies li l-imsemmija impriża twettaq tranżazzjoni bi ħlas favur l-imsemmi komun, peress li, barra minn hekk, l-istess komun jirċievi, f’dan ir-rigward, mingħand l-istess impriża, fattura individwali li hija tħallas waħedha. Din it-tranżazzjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti, tinkludi, parzjalment, kunsinna ta’ oġġetti lill-Komun ta’ O., jiġifieri s-SER, li dan tal-aħħar isir proprjetarju tagħhom u, parzjalment, provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-installazzjoni ta’ dawn is-SER fuq il-proprjetà immobbli tar-residenti kkonċernati. Il-benefiċċju li jikseb dan il-komun bħala korrispettiv għall-ħlas jinsab mhux biss fil-proprjetà tal-imsemmija SER, iżda wkoll fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha tiegħu permezz ta’ metodu ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jirrispetta iktar l-ambjent. |
30 |
Madankollu, ma huwiex eskluż li l-proprjetarji tal-proprjetà immobbli li fuqhom ġew installati jew ser jiġu installati s-SER huma l-benefiċjarji finali ta’ din il-kunsinna ta’ oġġetti u ta’ din il-provvista ta’ servizzi, li f’dan il-każ twettqu mill-Komun ta’ O. permezz tal-impriża li ntgħażlet wara s-sejħa għal offerti, liema fatt għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. |
31 |
Fil-fatt, huwa paċifiku, minn naħa, li dawn ir-residenti jsiru, fi tmiem il-proġett, bis-saħħa tal-kuntratt konkluż bejn kull wieħed minnhom u dan il-komun, proprjetarji tas-SER u li jibbenefikaw minnhom sa mill-installazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, li dawn jikkontribwixxu, bħala prinċipju, sa 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, mingħajr, madankollu, ma dan il-perċentwali jkun jista’ jeċċedi ammont miftiehem fl-imsemmi kuntratt, għall-ħlas tal-kunsinna ta’ dawn is-SER u tal-installazzjoni tagħhom, kif imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, ma humiex ostakoli, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza, il-fatt li terz, jiġifieri l-provinċja kkonċernata, ikopri 75 % tal-ispejjeż eliġibbli permezz ta’ sussidju mħallas lill-Komun ta’ O. u l-fatt li l-ammonti kollha li jikkorrispondu għal dawn il-perċentwali ta’ 25 % u ta’ 75 % huma inqas mill-ispiża tas-suq, jiġifieri dik li effettivament jsostni l-komun għall-benefiċċju tal-impriża li tkun intgħażlet fis-sejħa għal offerti, peress li kemm il-kontribuzzjoni tal-imsemmija residenti, kif ukoll is-sussidju ta’ din il-provinċja jirrigwardaw biss l-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati u mhux l-ispejjeż effettivi fl-intier tagħhom. |
32 |
Jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-Komun ta’ O. iwettaq bi ħlas għar-residenti tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi, hija jkollha tiddetermina jekk dawn it-tranżazzjonijiet twettqux fil-kuntest ta’ attività ekonomika, peress li, skont il-ġurisprudenza, attività tista’ biss tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jekk din tikkorrispondi għal waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq it‑twettiq ta’ kunsinna ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi fil‑kuntest ta’ attività ekonomika
33 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, filwaqt li turi b’mod ċar il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, tippreċiża wkoll in-natura oġġettiva tiegħu, fis-sens li l-attività hija meqjusa minnha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Għalhekk, attività hija, b’mod ġenerali, ikklassifikata bħala waħda “ekonomika” fejn tkun ta’ natura permanenti u titwettaq b’remunerazzjoni li jirċievi l-awtur tat-tranżazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 47, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Fid-dawl tad-diffikultà li titfassal definizzjoni preċiża tal-attività ekonomika, għandhom jiġu analizzati ċ-ċirkustanzi kollha li fihom din titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), dan billi ssir evalwazzjoni każ b’każ, b’riferiment għal dak li huwa l-aġir tipiku ta’ imprenditur attiv fil-qasam ikkonċernat, jiġifieri, f’dan il-każ, installatur ta’ SER. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li, filwaqt li imprenditur ifittex li jikseb dħul mill-attività tiegħu fuq bażi kontinwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, AJFP Sibiu u DGRFP Brahebov, C‑655/19, EU:C:2021:40, punti 27 sa 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-Komun ta’ O. indika, fit-talba tiegħu għal deċiżjoni fiskali, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li ma kienx biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ installazzjoni ta’ SER fuq bażi regolari u la jimpjega u lanqas jikkunsidra li jimpjega ħaddiema għal dan l-għan, liema fatt jiddistingwi din il-kawża minn dawk li fihom il-provvisti komunali jsiru fuq bażi kontinwa. |
37 |
It-tieni, mill-provi miġjuba mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Komun ta’ O. jidher li sempliċement qiegħed jipproponi lir-residenti tiegħu, proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, li jistgħu jkunu interessati mis-SER, fil-kuntest ta’ programm reġjonali maħsub sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, li jikkunsinnalhom u jinstallalhom dawn is-SER bl-għajnuna ta’ impriża li ntgħażlet wara sejħa għal offerti, permezz ta’ kontribuzzjoni min-naħa tagħhom li ma taqbiżx 25 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati marbuta ma’ din il-kunsinna u ma’ din l-installazzjoni, filwaqt li dan il-komun iħallas lill-impriża inkwistjoni, għal dawn l-istess kunsinna u installazzjoni, skont il-prezz tas-suq. |
38 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li, fejn komun jirkupra biss, permezz tal-kontribuzzjonijiet li jirċievi, proporzjon żgħir tal-ispejjeż li jsostni, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat mill-fondi pubbliċi, tali differenza bejn dawn l-ispejjeż u l-ammonti rċevuti b’korrispettiv għal servizzi pprovduti hija ta’ natura li tissuġġerixxi li dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom iktar jitqabblu ma’ tariffa milli ma’ remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħlasijiet allokati lill-Komun ta’ O. mill-provinċja kkonċernata, li jirrigwardaw 75 % tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ssussidjati, it-total tas-somom li jirċievu l-proprjetarji kkonċernati, minn naħa, u dawk li tirċievi din il-provinċja, min-naħa l-oħra, jibqa’ strutturalment inqas mit-total tal-ispejjeż li effettivament jsostni dan il-komun, kif ġie indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li ma jikkorrispondix għall-mod li bih kien jaġixxi, fejn meħtieġ, installatur ta’ SER, li, permezz tal-iffissar tal-prezzijiet tiegħu, għamel sforz sabiex jassorbi l-ispejjeż tiegħu u jikseb marġni ta’ profitt. Għall-kuntrarju, l-imsemmi komun ibati biss riskji ta’ telf, mingħajr ma jkollu prospett ta’ profitt. |
39 |
It-tielet, ma jidhirx ekonomikament vijabbli, għal tali installatur ta’ SER, li l-benefiċjarji tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi tiegħu jbatu biss massimu ta’ kwart tal-ispejjeż li huwa jkun sostna, dan waqt li jibqa’ jistenna kumpens, permezz ta’ sussidju, tal-parti l-kbira tat-tliet kwarti l-oħra ta’ dawn l-ispejjeż. Mhux biss tali mekkaniżmu jqiegħed il-finanzi tiegħu f’sitwazzjoni strutturalment f’defiċit, iżda, barra minn hekk, joħloqlu inċertezza mhux tas-soltu għal persuna taxxabbli, peress li l-kwistjoni dwar jekk terz għandux jirrimborsa parti daqstant kbira mill-ispejjeż sostnuti tibqa’ effettivament miftuħa sakemm jiddeċiedi dan it-terz, wara t-tranżazzjonijiet inkwistjoni. |
40 |
Konsegwentement, ma jidhirx, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-Komun ta’ O. iwettaq, f’dan il-każ, attività li hija ta’ natura ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112. |
Fuq in‑nuqqas ta’ ssuġġettar għat‑taxxa li jirriżulta mit‑twettiq ta’ tranżazzjonijiet minn korp irregolat mid‑dritt pubbliku bħala awtorità pubblika
41 |
Peress li l-Komun ta’ O. ma jeżerċitax, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, attività li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, din l-attività ġietx eskluża wkoll minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni. |
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT il-fatt li komun jikkunsinna u jinstalla, permezz ta’ impriża, SER għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tagħha li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra bihom, fejn tali attività ma tkunx intiża sabiex jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, tagħti lok biss għal ħlas li jkopri mhux iktar minn kwart tal-ispejjeż sostnuti, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat minn fondi pubbliċi. |
Fuq it‑tieni domanda
43 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
ma jikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud il-fatt li komun jikkunsinna u jinstalla, permezz ta’ impriża, sistemi ta’ enerġija rinnovabbli għall-benefiċċju tar-residenti proprjetarji tagħha li jkunu wrew ix-xewqa li jiġu mgħammra bihom, fejn tali attività ma tkunx intiża sabiex jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa u, min-naħa ta’ dawn ir-residenti, tagħti lok biss għal ħlas li jkopri mhux iktar minn kwart tal-ispejjeż sostnuti, waqt li l-bilanċ ikun iffinanzjat minn fondi pubbliċi. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.