This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0600
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 8 December 2022.#QE v Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique et du Centre Ouest.#Request for a preliminary ruling from the Cour de cassation.#Reference for a preliminary ruling – Consumer protection – Unfair terms in consumer contracts – Directive 93/13/EEC – Article 3(1) – Article 4 – Criteria for assessing whether a term is unfair – Term relating to the accelerated repayment of a loan agreement – Contractual dispensation from the requirement for a formal written demand.#Case C-600/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2022.
QE vs Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique et du Centre Ouest.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 3(1) – Artikolu 4 – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Klawżola li tirrigwarda l-iskadenza tat-terminu ta’ kuntratt ta’ self – Eżenzjoni kuntrattwali ta’ intimazzjoni.
Kawża C-600/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2022.
QE vs Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique et du Centre Ouest.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 3(1) – Artikolu 4 – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Klawżola li tirrigwarda l-iskadenza tat-terminu ta’ kuntratt ta’ self – Eżenzjoni kuntrattwali ta’ intimazzjoni.
Kawża C-600/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:970
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
8 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 3(1) – Artikolu 4 – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Klawżola li tirrigwarda l-iskadenza tat-terminu ta’ kuntratt ta’ self – Eżenzjoni kuntrattwali ta’ intimazzjoni”
Fil-Kawża C‑600/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura
QE
vs
Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique et du Centre Ouest,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn L. S. Rossi, Presidenta tal-Awla, J.-C. Bonichot u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal QE, minn S. Viaud, avocat, |
– |
għall-Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique u du Centre Ouest, minn M.-A. Doumic-Seiller, avocate, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u N. Vincent, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn QE u l-Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique et du Centre Ouest, stabbiliment bankarju rregolat mid-dritt Franċiż (iktar ’il quddiem l-“istabbiliment bankarju”), dwar mandat ta’ qbid fid-dar ta’ QE wara li l-istabbiliment bankarju ddikjara d-dekadenza tat-terminu tal-kuntratt ta’ self konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi: “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.” |
4 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu, 2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt] u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.” |
Id-dritt Franċiż
5 |
L-Artikolu L. 132–1 tal-code de la consommation (il-Kodiċi tal-Konsumatur), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi li, fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u persuni li ma humiex bejjiegħa jew fornituri jew huma konsumaturi, huma inġusti l-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li joħolqu, għad-detriment tal-persuna li ma hijiex bejjiegħ jew fornitur jew hija konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
6 |
Permezz ta’ att notarili tas‑17 ta’ Mejju 2006, l-istabbiliment bankarju ta lil QE self intiż għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli ta’ ammont ta’ EUR 209109 rimborsabbli fuq 20 sena. |
7 |
Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ self kienu jipprevedu li l-istabbiliment bankarju seta’ jiddikjara l-iskadenza tat-terminu tal-kuntratt ta’ self, li jirrendi immedjatament eżiġibbli s-somom dovuti, u dan mingħajr formalità jew intimazzjoni, fil-każ ta’ dewmien ta’ iktar minn 30 jum fil-ħlas ta’ terminu prinċipali, interessi jew aċċessorji. Il-kuntratt ta’ self kien jipprevedi, barra minn hekk, il-possibbiltà għal QE li titlob bidla fl-iskadenzi li setgħet tippermettilha, jekk ikun il-każ, li tipprevjeni riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas. |
8 |
Peress li l-iskadenza dovuta sal‑10 ta’ Diċembru 2012, għal ammont ta’ EUR 904.50, ma kinitx tħallset, u lanqas dik tax-xahar ta’ Jannar 2013, l-istabbiliment bankarju ddikjara l-iskadenza tat-terminu tal-kuntratt ta’ self fid‑29 ta’ Jannar 2013, mingħajr intimazzjoni minn qabel, konformement mal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u pproċeda b’mandat ta’ qbid fid-dar ta’ QE fis‑17 ta’ Settembru 2015. |
9 |
Billi sostna li l-proċess verbali ta’ qbid kien fih xi irregolaritajiet, QE adixxa lill-qorti tal-eżekuzzjoni, fit‑13 ta’ Ottubru 2015, sabiex tiġi annullata l-proċedura ta’ mandat ta’ qbid. |
10 |
QE appella fil-kassazzjoni, quddiem il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza mogħtija fit‑3 ta’ Ottubru 2019 mill-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza), li fiha din irrifjutat li tirrikonoxxi n-natura inġusta tal-klawżola ta’ skadenza tat-terminu tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. QE ssostni, b’mod partikolari, li l-klawżola ta’ dan il-kuntratt li tipprevedi l-eżenzjoni mill-intimazzjoni tikkostitwixxi klawżola inġusta fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60). |
11 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, mill-Artikoli 1134, 1147 u 1184 tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jirriżulta li, għalkemm il-kuntratt ta’ self ta’ somma flus jista’ jipprevedi li n-nuqqas ta’ ħlas min-naħa ta’ min jissellef li ma huwiex bejjiegħ jew fornitur iwassal għall-iskadenza tat-terminu, dan ma jistax jiġi ddikjarat akkwistat mill-kreditur mingħajr il-ħruġ ta’ intimazzjoni li tispeċifika t-terminu li għandu d-debitur sabiex joġġezzjona għal dan. Madankollu, hija tippreċiża li hija taċċetta li tista’ ssir deroga minn dan ir-rekwiżit ta’ intimazzjoni permezz ta’ stipulazzjoni espressa u mhux ekwivoka tal-kuntratt meta l-konsumatur jiġi informat bil-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligi tiegħu. |
12 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13, kuntratt ta’ self jistax jipprevedi eżenzjoni mill-intimazzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ kuntratt ta’ self. Min-naħa l-oħra, hija tesprimi dubji dwar in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tipprevedi l-iskadenza tat-terminu tiegħu ipso jure fil-każ ta’ dewmien ta’ iktar minn 30 jum fil-ħlas ta’ skadenza, fid-dawl b’mod partikolari tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60). |
13 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrimarka, fl-ewwel lok, li jista’ jiġi sostnut, favur in-natura inġusta ta’ tali klawżola, li din tippermetti lil min isellef ixolji l-kuntratt mingħajr avviż minn qabel ta’ tul raġonevoli u mingħajr ma jħalli lil min jissellef il-possibbiltà li jispjega ruħu fuq in-nuqqas attribwit lilu. Għall-kuntrarju, jimmilita favur l-assenza ta’ natura inġusta ta’ tali klawżola, il-fatt li, sabiex tkun valida, din għandha tkun prevista b’mod espress u inekwivoku fil-kuntratt ta’ self, b’tali mod li min jissellef ikun perfettament informat bl-obbligi tiegħu kif ukoll bil-fatt li dan dejjem għandu l-possibbiltà li jadixxi lill-qorti sabiex jikkontesta l-applikazzjoni tal-klawżola u jissanzjona inġustizzja f’din l-applikazzjoni mill-persuna li ssellef. |
14 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqabbel il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-iskadenza tat-terminu tal-kuntratt ta’ self minħabba nuqqasijiet tad-debitur tal-obbligi tiegħu għal perijodu limitat, mal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60), fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eventwali natura inġusta ta’ din il-klawżola. |
15 |
Fid-dawl tal-kriterju li l-possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew fornitur li jiddikjara eżegwibbli s-self kollu tiddependi min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-konsumatur ta’ obbligu li għandu natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li jista’ jiġi aċċettat li n-nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur ta’ pagament mensili fit-terminu previst jikkaratterizza n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni minnu ta’ obbligu ta’ natura essenzjali, peress li huwa impenja ruħu li jħallas il-pagamenti mensili previsti u li dan l-impenn iddetermina dak tal-persuna li ssellef. |
16 |
Fid-dawl tal-kriterju li jwassal sabiex jiġi evalwat jekk dewmien ta’ iktar minn 30 jum fil-ħlas ta’ terminu prinċipali, interessi jew aċċessorji, bħalma tipprevedi l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkaratterizzax nuqqas ta’ eżekuzzjoni suffiċjentement serja fir-rigward tat-tul u tal-ammont tas-self, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fid-dawl ta’ kuntest ikkaratterizzat mill-estensjoni tal-perijodu ta’ validità tal-krediti u t-tnaqqis tar-rati tal-interessi, l-ammonti mhux imħallsa jistgħu jkunu relattivament baxxi fir-rigward tat-tul taż-żmien u tal-ammont tas-self fil-mument tad-dikjarazzjoni tad-dekadenza tat-terminu tal-kuntratt, b’tali mod li n-natura suffiċjentement serja tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni hija dibattibbli u li tkun tista’ tingħata iktar kunsiderazzjoni għall-ekwilibriju globali tar-relazzjonijiet kuntrattwali. Barra minn hekk, id-determinazzjoni f’kull każ partikolari, fid-dawl tat-tul u tal-ammont tas-self, tan-natura suffiċjentement serja tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ natura li tiġġustifika l-eżiġibbiltà immedjata tas-self tista’ tkun sors ta’ inugwaljanza bejn il-konsumaturi. |
17 |
Fid-dawl tal-kriterji li jikkonsistu f’li jiġi vverifikat jekk il-possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew fornitur li jippronunzja l-iskadenza tat-terminu tal-kuntratt ta’ self tidderogax mir-regoli tad-dritt komuni applikabbli fil-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi u jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix mezzi adegwati u effikaċi li jippermettu lill-konsumatur suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola li jirrimedja għall-effetti tal-eżiġibbiltà tas-self, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dritt komuni applikabbli f’dan il-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi jimponi l-obbligu li tintbagħat intimazzjoni qabel il-pronunzja tal-iskadenza tat-terminu, filwaqt li jawtorizza li ssir deroga mill-obbligu li tintbagħat mill-partijiet u billi jeżiġi għalhekk l-osservanza ta’ preavviż raġjonevoli. F’dan il-każ, peress li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi terminu ta’ preavviż ta’ 30 jum, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar in-natura suffiċjenti ta’ dan it-terminu sabiex il-persuna li tissellef tkun tista’ tikkuntattja lill-persuna li ssellef, tispjega ruħha dwar in-nuqqas imputat u ssib soluzzjoni sabiex jitħallas id-dejn jew djun mhux imħallsa. Madankollu, hija tirrileva li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprevedi l-possibbiltà għall-persuna li tissellef li titlob bidla fl-iskadenzi li jista’ jippermettilha, jekk ikun il-każ, li tipprevjeni riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60) humiex kumulattivi jew alternattivi u, fil-każ li jkunu kumulattivi, jekk in-natura inġusta ta’ klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi eskluża fid-dawl tal-importanza relattiva ta’ wieħed biss minn dawn il-kriterji. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
19 |
Wara d-dikjarazzjoni mill-istabbiliment bankarju, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, “mis‑17 ta’ Ġunju 2021, jiġifieri l-għada tat-[talba għal deċiżjoni preliminari], [QE] ħallas is-somom kollha dovuti [lill-istabbiliment bankarju]”, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2022, indirizza talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju li permezz tagħha din intalbet tikkonferma jekk din iċ-ċirkustanza kinitx vera u, jekk dan kien il-każ, li tagħti deċiżjoni dwar l-effett ta’ din iċ-ċirkustanza fuq l-iskop tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju ntalbet ukoll, fil-każ li hija tikkunsidra li t-tilwima fil-kawża prinċipali issa ma għadx għandha skop, tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rieda tagħha li żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha u, jekk ikun il-każ, li tindika r-raġunijiet għal dan. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju wieġbet li QE ma kienx irrinunzja għall-appell tiegħu, b’tali mod li l-kawża għadha pendenti quddiemha. Barra minn hekk, hija indikat li jidher li risposta għad-domandi magħmula hija neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-appell li hija adita bih. |
21 |
Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ April 2022, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja talab lil QE, fl-ewwel lok, tindikalu jekk kienx beħsiebu jkompli l-appell tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju u, fit-tieni lok, li jagħti deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni tal-istabbiliment bankarju li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma għadx għandha skop peress li huwa ħallas l-ammonti kollha dovuti b’eżekuzzjoni tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li seħħew preċedentement bejnu u dan l-istabbiliment. |
22 |
QE kkonferma l-intenzjoni tiegħu li jżomm l-appell ta’ kassazzjoni tiegħu u sostna li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma kinitx saret mingħajr skop b’mod partikolari minħabba li l-eventwali konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inġusta tkun tista’ tippermettilu jipproċedi għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament kontra l-istabbiliment bankarju. |
23 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 37). |
24 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 38). |
25 |
Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-partijiet fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li t-tilwima fil-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, li ma jidhirx b’mod manifest li l-problema deskritta fit-talba għal deċiżjoni preliminari saret ipotetika, b’mod partikolari sa fejn ma jistax jiġi eskluż li QE għandu interess li jikseb, fil-kuntest ta’ din il-kawża, deċiżjoni dwar in-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
26 |
Minn dan jirriżulta li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
Fuq ir‑raba’ domanda
27 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60), għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kriterji li din tipprovdi għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari tal-iżbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt li din il-klawżola toħloq għad-detriment tal-konsumatur, humiex kumulattivi jew alternattivi. |
28 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra r-rekwiżit ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. |
29 |
Fil-punt 66 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60), il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ikkonstatat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola kuntrattwali toħloqx żbilanċ sinjifikattiv bi ħsara għall-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha teżamina b’mod partikolari jekk il-possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew fornitur li jiddikjara eżegwibbli s-self kollu tiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-konsumatur ta’ obbligu li huwa ta’ natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, jekk din il-possibbiltà hijiex prevista għall-każijiet li fihom tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni huwa ta’ natura suffiċjentement serja fir-rigward tat-tul u tal-ammont tas-self, jekk l-imsemmija possibbiltà tidderogax mir-regoli tad-dritt komuni applikabbli fil-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi u jekk id-dritt nazzjonali jagħtix lill-konsumatur mezzi adegwati u effikaċi li jippermettulu, meta dan ikun suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola, li jirrimedja l-effetti tal-eżegwibbiltà tas-self. |
30 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li minn dan il-punt 66 ma jsegwix li dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar l-iskadenza tat-terminu minħabba nuqqasijiet tad-debitur tal-obbligi tiegħu matul perijodu limitat huma kumulattivi jew alternattivi. |
31 |
Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-avverbju “b’mod partikolari”, li jinsab fil-punt 66 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60), jagħti x’jifhem li l-imsemmija kriterji ma humiex eżawrjenti. |
32 |
Fl-aħħar, fl-ewwel inċiż tal-punt 67 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jimplika li jiġi ddeterminat jekk din toħloqx, bi ħsara għall-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, għandu jsir fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tiegħu. |
33 |
Issa, li jitqies li l-kriterji stabbiliti fil-punt 66 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60) huma jew kumulattivi jew alternattivi jwassal sabiex dan l-eżami tal-qorti nazzjonali jiġi ristrett. |
34 |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxi b’mod partikolarment wiesa’ l-kriterji li jippermettu li l-imsemmi eżami jitwettaq, billi jinkludi espressament “ċ-ċirkostanzi kollha” relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 42). Għalhekk, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li l-bejjiegħ jew fornitur seta’ jkun jaf bihom fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tiegħu, peress li klawżola kuntrattwali tista’ twassal għal żbilanċ bejn il-partijiet li jimmanifesta ruħu biss matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 54). |
35 |
Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60), għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kriterji li tistabbilixxi għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari minħabba żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt li din il-klawżola toħloq bi ħsara għall-konsumatur, la jistgħu jinftiehmu bħala kumulattivi u lanqas bħala alternattivi, iżda għandhom jinftiehmu bħala li jagħmlu parti miċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, li l-qorti nazzjonali għandha teżamina sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. |
Fuq il-ħames domanda
36 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda li tikkonċerna l-ipoteżi fejn il-kriterji stabbiliti fil-punt 66 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60) ikunu kumulattivi. |
Fuq it-tieni domanda
37 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dewmien ta’ iktar minn 30 jum fil-ħlas ta’ skadenza ta’ self jistax, fid-dawl tat-tul u tal-ammont tas-self, jikkostitwixxi fih innifsu nuqqas ta’ eżekuzzjoni suffiċjentement serju tal-kuntratt ta’ self, fis-sens tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60). |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u fl-anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva, u huwa mifhum li hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom sabiex tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Bħalma jsegwi mill-punt 66 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60), fir-rigward tal-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tal-eventwali natura inġusta tal-klawżola dwar l-iskadenza tat-terminu minħabba nuqqasijiet tad-debitur tal-obbligi tiegħu matul perijodu limitat, hija dik il-qorti li għandha teżamina, b’mod partikolari, jekk, fir-rigward tat-tul u tal-ammont tas-self, in-nuqqas allegat fil-konfront tad-debitur huwiex ta’ tali gravità li jiġġustifika l-possibbiltà tal-persuna li ssellef li tiddikjara l-iskadenza tas-self, li tirrendi immedjatament eżegwibbli l-ammonti dovuti. |
40 |
Għalhekk, ma huwiex eskluż li qorti nazzjonali tista’ tasal li tikkonkludi li dewmien ta’ iktar minn 30 jum fil-ħlas ta’ terminu wieħed prinċipali, interessi jew aċċessorji jikkostitwixxi nuqqas ta’ eżekuzzjoni suffiċjentement serju tal-kuntratt. |
41 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dewmien ta’ iktar minn 30 jum fil-ħlas ta’ skadenza ta’ self jista’, bħala prinċipju, fid-dawl tat-tul u tal-ammont tas-self, jikkostitwixxi, waħdu, nuqqas ta’ eżekuzzjoni suffiċjentement serju tal-kuntratt ta’ self, fis-sens tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60). |
Fuq l-ewwel u t-tielet domandi
42 |
Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-partijiet għal kuntratt ta’ self jinkludu fih klawżola kuntrattwali li tipprevedi, b’mod espress u inekwivoku, li l-iskadenza tat-terminu ta’ dan il-kuntratt tista’ tiġi ddikjarata ipso jure fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas ta’ skadenza li jeċċedi ċertu terminu. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jsegwi li klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies li hija inġusta, meta, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, toħloq għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt (digriet tat‑2 ta’ Lulju 2020, STING Reality, C‑853/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:522, punt 52). |
44 |
Għalhekk, hija ċ-ċirkustanza li l-klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali li tippermetti lill-qorti nazzjonali, adita b’talba f’dan is-sens, twettaq l-eżami tan-natura inġusta ta’ tali klawżola, konformement mal-funzjonijiet li hija għandha skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2020, STING Reality, C‑853/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:522, punt 54). |
45 |
Min-naħa l-oħra, is-sempliċi ċirkustanza li klawżola tinkludi obbligu espress u inekwivoku ma tistax tneħħiha mill-istħarriġ tan-natura inġusta tagħha fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, bla ħsara għall-applikabbiltà tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. |
46 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt la tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod u ċar u li jinftiehem (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 31). |
47 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 32). |
48 |
Għal kull fini, għandu jingħad ukoll li ma jidhirx li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
49 |
Barra minn hekk, sabiex isir magħruf jekk klawżola li tipprevedi possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jiddikjara s-self kollu eżegwibbli, toħloqx, bi ħsara għall-konsumatur, “żbilanċ sinjifikattiv” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, il-qorti nazzjonali għandha teżamina, bħalma ssemma fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, inkluż jekk din il-possibbiltà tidderogax mir-regoli tad-dritt komuni applikabbli fil-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi. Huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa liema punt, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 59). |
50 |
F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika wkoll jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, filwaqt li jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 69). |
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bla ħsara għall-applikabbiltà tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, dawn jipprekludu li l-partijiet għal kuntratt ta’ self jinkludu fih klawżola li tipprevedi, b’mod espress u inekwivoku, li l-iskadenza tat-terminu ta’ dan il-kuntratt tista’ tiġi ddikjarata ipso jure fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas ta’ skadenza li teċċedi ċertu terminu, sa fejn din il-klawżola ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali u toħloq bi ħsara għall-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt. |
Fuq l-ispejjeż
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.