Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0580

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ April 2023.
    EEW Energy from Waste Großräschen GmbH vs MNG Mitteldeutsche Netzgesellschaft Strom GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 16(2)(c) – Aċċess għall-grilja ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni – Aċċess prijoritarju mogħti lill-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija kemm rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali.
    Kawża C-580/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:304

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    20 ta’ April 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 16(2)(c) – Aċċess għall-grilja ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni – Aċċess prijoritarju mogħti lill-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija kemm rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali”

    Fil-Kawża C‑580/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

    EEW Energy from Waste Großräschen GmbH

    vs

    MNG Mitteldeutsche Netzgesellschaft Strom GmbH,

    fil-preżenza ta’:

    50 Hertz Transmission GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, F. Biltgen, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ unità,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal EEW Energy from Waste Großräschen GmbH, minn B. Rechner u A. Vallone, Rechtsanwälte,

    għal MNG Mitteldeutsche Netzgesellschaft Strom GmbH, minn B. Christ u T. Höch, Rechtsanwälte,

    għal 50 Hertz Transmission GmbH, minn T. Burmeister u L. Reichstein, Rechtsanwälte,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. De Meester u G. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) u (e) ta’ din id-direttiva, kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EEW Energy from Waste Großräschen GmbH (iktar ’il quddiem “EEW”) u MNG Mitteldeutsche Netzgesellschaft Strom GmbH (iktar ’il quddiem “MNG Strom”) dwar id-dannu li EEW allegatament ġarrbet wara talbiet rikorrenti minn MNG Strom dwar l-aċċess għall-grillja fir-rigward tal-elettriku prodott minn EEW.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2001/77/KE

    3

    Skont l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva (KE) 2001/77KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121).

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (ċ)

    ‘elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli’ għandha tfisser elettriku prodott minn impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija rinovabbli, kif ukoll il-proporzjon ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta’ enerġija konvenzjonali u inkluż elettriku li jiġġedded użat biex jintlew sistemi ta’ ħażna, u eskluż l-elettriku prodott bħala riżultat ta’ sistemi ta’ ħażna”.

    Id-Direttiva 2009/28

    4

    Il-premessi 11, 60 u 61 tad-Direttiva 2009/28, qabel tħassret bid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82), kienu fformulati kif ġej:

    “(11)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli trasparenti u mhux ambigwi biex ikun ikkalkulat is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u biex ikunu definiti dawk is-sorsi. […]

    […]

    (60)

    L-aċċess ta’ prijorità u l-aċċess garantit għall-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli huma importanti biex sorsi ta’ enerġija rinovabbli jkunu integrati fis-suq intern tal-elettriku, f’konformità mal-Artikolu 11(2) u l-iżvilupp ulterjuri tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/54/KE [tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE – Dikjarazzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ deklassifikazzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211)]. Ir-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabilità u s-sikurezza tal-grilja u mad-distribuzzjoni jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi tal-grilja nazzjonali u l-operat sikur tagħha. L-aċċess ta’ prijorità għall-grilja jipprovdi assigurazzjoni mogħtija lill-ġeneraturi tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli konnessi li jkunu kapaċi jbiegħu u jittrasmettu l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli skont ir-regoli ta’ konnessjoni f’kull ħin, kull meta s-sors ikun disponibbli. Fil-każ li l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli jkun integrat fis-suq tal-komoditajiet, l-aċċess ta’ garanzija għandu jiżgura li l-elettriku kollu mibjugħ u appoġġat ikollu aċċess għall-grilja, filwaqt li jippermetti l-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli minn impjanti konnessi mall-grilja. Madankollu, dan ma jimplika l-ebda obbligu tal-Istati Membri li jappoġġaw jew li jintroduċu obbligi ta’ xiri għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. F’sistemi oħra, għall-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jiġi definit prezz fiss, ħafna drabi flimkien ma’ obbligu ta’ xiri għall-operatur tas-sistema. F’dan il-każ, diġà ngħata aċċess ta’ prijorità.

    (61)

    F’ċerti ċirkostanzi mhux possibbli li jkunu għal kollox żgurati t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mingħajr ma tiġi affettwata l-affidabbiltà jew is-sikurezza tal-grilja. F’dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jkun xieraq li jingħata kumpens finanzjarju lil dawk il-produtturi. Madankollu, l-objettivi ta’ din id-Direttiva jirrikjedu żieda sostnuta fit-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli mingħajr ma jiġu affettwati l-affidabbiltà jew is-sikurezza tal-grilja. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jippermettu penetrazzjoni ogħla tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inter alia billi jikkunsidraw l-ispeċifitajiet ta’ riżorsi varjabbli u riżorsi li għadhom ma jistgħux jiġu maħżuna. Sa fejn rikjest mill-objettivi stabbiliti f’din id-Direttiva, il-konnessjoni ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli ġodda għandhom ikunu permessi mill-aktar fis possibbli. Sabiex jitħaffew il-proċeduri ta’ konnessjoni mal-grilji, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu konnessjoni ta’ prijorità jew kapaċitajiet ta’ konnessjoni riżervati għal impjanti ġodda li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli.”

    5

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprevedi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. Hija tistabbilixxi regoli relatati mat-trasferimenti tal-istatistika bejn l-Istati Membri, il-proġetti konġunti bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi, mal-garanziji tal-oriġini, proċeduri amministrattivi, informazzjoni u taħriġ u aċċess għall-grilja tal-elettriku għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. […]”

    6

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva kien jistabbilixxi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fid-[Direttiva 2003/54] japplikaw.

    Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

    (a)

    ‘enerġija minn sorsi rinnovabbli’ tfisser l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’ mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet;

    […]

    (e)

    ‘bijomassa’ tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikoltura (inklużi sustanzi veġetali u mill-annimali), l-industriji forestali u industriji relatati inkluż is-sajd u l-akwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali;

    […]

    (j)

    ‘garanzija tal-oriġini’ tfisser dokument elettroniku li għandu l-funzjoni unika li jagħti prova lil konsumatur finali li parti jew kwantità speċifikata ta’ enerġija kienet prodotta minn sorsi rinnovabbli kif meħtieġ mill-Artikolu 3(6) tad-[Direttiva 2003/54];

    […]”

    7

    L-Artikolu 5(1) u (3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:

    (a)

    konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

    […]

    3.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(a), il-konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandu jkun ikkalkulat bħala l-kwantità ta’ elettriku prodott fi Stat Membru minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq.

    F’impjanti multi-kombustibbli li jużaw sorsi rinnovabbli u konvenzjonali, il-parti biss tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tkun ikkunsidrata. Għall-għanijiet ta’ dan il-kalkolu, il-kontribut ta’ kull sors ta’ enerġija għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-kontenut tiegħu ta’ enerġija.

    L-elettriku ġġenerat bl-idroenerġija u bl-enerġija mir-riħ għandu jkun ikkunsidrat skont ir-regoli ta’ normalizzazzjoni stabbiliti fl-Anness II.”

    8

    L-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva kien jipprevedi:

    “Għall-finijiet li jiġi provat lill-klijenti finali s-sehem jew il-kwantità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’taħlita tal-enerġija ta’ produttur tal-enerġija, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tista’ tkun garantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva, skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.”

    9

    Skont l-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2009/28:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi adatti biex jiżviluppaw infrastruttura ta’ grilji ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, netwerks intelliġenti, faċilitajiet għall-ħażna u s-sistema tal-elettriku, sabiex jippermettu t-tħaddim sikur tas-sistema tal-elettriku hekk kif din tiffaċċja l-iżvilupp ulterjuri tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża l-interkonnessjoni bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu passi adatti biex iħaffu l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-infrastruttura tal-grilja u biex jikkoordinaw l-approvazzjoni tal-infrastruttura tal-grilja mal-proċeduri amministrattivi u ta’ ppjanar.

    2.   Soġġett għar-rekwiżiti marbuta maż-żamma tal-affidabbiltà u s-sigurtà tal-grilja, fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji ddefiniti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti:

    (a)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jiggarantixxu fit-territorju tagħhom jiggarantixxu t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

    (b)

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll jew għal aċċess prijoritarju jew għal aċċess garantit għas-sistema ta’ grilja tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

    (c)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-trasmissjoni ta’ impjanti li jiġġeneraw l-elettriku, l-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jagħtu prijorità lill-impjanti ta’ ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sa fejn tippermetti l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-elettriku nazzjonali u fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri operattivi xierqa relatati mal-grilja u mas-suq sabiex ikunu minimizzati r-restrizzjoniet fuq l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fil-każ li jittieħdu miżuri sinifikanti biex jitnaqqsu s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sabiex tkun garantita s-sigurtà tas-sistema nazzjonali tal-elettriku u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi responsabbli mis-sistema jirrapurtaw lill-awtorità regolatorja kompetenti dwar dawk il-miżuri u jindikaw liema miżuri korrettivi għandhom l-intenzjoni li jieħdu sabiex jevitaw restrizzjonijiet mhux adatti.”

    Id-dritt Ġermaniż

    10

    L-Artikolu 3, intitolat “Definizzjonijiet”, tal-Erneuerbare-Energien-Gesetz (il-Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli), tal-25 ta’ Ottubru 2008 (BGBl. 2011 I, p. 1634), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem l-“EEG tal-2012”), kienet tipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    1)

    ‘impjant’, kull stabbiliment ta’ produzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli […],

    3)

    ‘enerġiji rinnovabbli’,[…] l-enerġija tal-bijomassa […] kif ukoll il-parti bijodegradabbli mill-iskart muniċipali u industrijali,

    […]”

    11

    L-Artikolu 11, intitolat “Ġestjoni tal-alimentazzjoni ta’ elettriku lill-grilja”, tal-EEG tal-2012 kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “[L]-operaturi ta’ grilja huma awtorizzati b’mod eċċezzjonali sabiex jirregolaw l-impjanti direttament jew indirettament konnessi mal-grilja tagħhom:

    1)

    jekk, fin-nuqqas ta’ regolament, ikun hemm konġestjoni fiż-żona tal-grilja kkonċernata, inkluż fin-network upstream,

    2)

    bil-kundizzjoni li l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli […] ikompli jibbenefika mill-prijorità, inkwantu impjanti oħra għall-produzzjoni tal-elettriku ma għandhomx jibqgħu konnessi mal-grilja sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà u l-affidabbiltà tas-sistema ta’ provvista tal-elettriku […]

    […]”

    12

    L-Artikolu 12, intitolat “Dispożizzjonijiet eċċezzjonali”, tal-EEG tal-2012 kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Meta l-alimentazzjoni tal-elettriku lill-grilja provenjenti minn impjanti għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli […] titnaqqas minħabba konġestjoni, skont l-Artikolu 11(1), l-operaturi kkonċernati minn din il-miżura għandhom ikunu kkumpensati […] sa 95 % tat-telf mid-dħul imġarrab, miżjuda bl-ispejjeż supplimentari li huma kellhom jaffaċċjaw u mnaqqsa bl-ispejjeż li din ippermettitilhom jekonomizzaw. […]”

    13

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet tal-EEG tal-2012 jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tat-tliet verżjonijiet tal-EEG suċċessivament applikabbli għall-kawża prinċipali.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14

    EEW topera impjant għat-trattament tas-sħana tal-iskart fi Großräschen (il-Ġermanja) li jippermettilha tipproduċi enerġija elettrika u termali. Parti minn dan l-iskart, li jikkonsisti fi skart bijodegradabbli, huwa ttrattat b’inċinerazzjoni flimkien ma’ tipi oħra ta’ skart. Is-sehem tal-iskart bijodegradabbli jkun varjabbli u jista’ jirrappreżenta sa 50 % tal-volum totali tal-iskart. Parti mill-elettriku prodott minn dan l-impjant jipprovdi lill-grilja li tagħha MNG Strom hija operatur, li magħha EEW hija marbuta bi ftehim ta’ konnessjoni u xiri.

    15

    Bejn is-sena 2011 u s-sena 2016, MNG Strom talbet diversi drabi, fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha tas-sigurtà tal-grilja u, jekk ikun il-każ, b’konsultazzjoni ma’ 50 Hertz Transmission GmbH bħala operatur tal-grilja ta’ trażmissjoni, li EEW tnaqqas temporanjament l-alimentazzjoni tal-grilji rispettivi minħabba problemi ta’ konġestjoni. Konsegwentement, EEW ressqet azzjoni kontra MNG Strom li permezz tagħha talbitha tħallas is-somma ta’ EUR 2.24 miljun bħala kumpens, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 12 tal-EEG tal-2012.

    16

    Il-qorti tal-appell ċaħdet l-azzjoni ta’ EEW għar-raġuni li l-elettriku prodott fl-impjant ta’ EEW ma huwiex esklużivament prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’tali mod li dan l-impjant ma setax jiġi kklassifikat bħala “impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli.

    17

    EEW ippreżenta appell għal reviżjoni minn dik is-sentenza quddiem il- Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

    18

    Skont din il-qorti, l-eżitu ta’ dan ir-rikors jiddependi mir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk l-installazzjoni ta’ EEW tikkostitwixxix “impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”, fis-sens tal-Artikolu 12 tal-EEG tal-2012, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/77 u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28, b’mod partikolari l-Artikolu 16(2)(c) tagħha.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 16(2)(c), flimkien mal-Artikolu 2(a) u (e) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li prijorità għall-finijiet tal-alimentazzjoni tal-grilja tal-elettriku għandha tingħata wkoll lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li fihom dan jiġi ġġenerat permezz ta’ trattament termiku ta’ skart imħallat, liema skart jinkludi proporzjon varjabbli ta’ skart industrijali u muniċipali bijodegradabbli?

    2)

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-għoti ta’ prijorità għall-finijiet tal-alimentazzjoni tal-grilja tal-elettriku previst fl-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 huwa dipendenti fuq id-daqs tal-proporzjon ta’ skart bijodegradabbli użat fil-produzzjoni tal-elettriku bil-mod deskritt fl-ewwel domanda?

    3)

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, fir-rigward tad-daqs tal-proporzjon ta’ skart bijodegradabbli, hemm limitu li taħtu r-regoli applikabbli għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma japplikawx għall-elettriku prodott?

    4)

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, dan il-limitu jikkorrispondi għal-liema proporzjon ta’ skart bijodegradabbli, u kif għandu jiġi ddeterminat?

    5)

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, jekk l-elettriku, li parti minnu biss hija prodotta minn skart bijodegradabbli, jibbenefika mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jista’ jiġi invokat ir-ratio legis tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28 sabiex din il-leġiżlazzjoni tapplika biss għall-parti tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, liema parti tiġi għalhekk ikkalkolata abbażi tal-kontenut enerġetiku ta’ kull sors tal-enerġija?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    20

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prijorità ta’ aċċess għall-grilja tal-elettriku li minnha jibbenefikaw l-impjanti li jipproduċu l-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tingħata mhux biss lill-impjanti li jipproduċu l-elettriku esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iżda wkoll lil dawk li jipproduċuh kemm minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali

    21

    Skont l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jużaw faċilitajiet tal-produzzjoni tal-elettriku, l-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jagħtu prijorità lill-impjanti li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, sa fejn tippermetti l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-elettriku nazzjonali u fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji.

    22

    Għalkemm id-Direttiva 2009/28 tiddefinixxi, fl-Artikolu 2 (a) tagħha, il-kunċett ta’ “enerġija minn sorsi rinnovabbli” bħala li jinkludi, b’mod partikolari, il-“bijomassa”, u, fl-Artikolu 2(e) tagħha, il-kunċett ta’ “bijomassa” bħala li jinkludi, b’mod partikolari, il-“frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali”, hija ma tispeċifikax, min-naħa l-oħra, il-portata tal-kunċett ta’ “impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku li tuża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”, fis-sens tal-Artikolu 16(2)(c) tagħha.

    23

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N.(Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni),C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, din, billi tirreferi għall-impjanti li “jużaw” sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tirrigwardax biss l-impjanti li jipproduċu l-elettriku esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew jekk tapplikax ukoll għal dawk li jużaw, għal dan l-għan, biss parzjalment tali sorsi ta’ enerġija.

    25

    Barra minn hekk, it-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, li tirreferi għal miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi mminimizzat in-nuqqas ta’ użu tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, tidher, bl-użu tal-verb “minimizzati”, mill-prinċipju li l-aċċess prijoritarju għandu jkun jista’ jingħata wkoll lill-impjanti li jużaw biss parzjalment sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fil-fatt, l-esklużjoni ta’ tali impjant ikollha l-konsegwenza li teskludi parti mill-aċċess prijoritarju, skont il-każ sinjifikattiva, mill-elettriku “aħdar”.

    26

    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2001/77 kien fih id-definizzjoni segwenti tal-“elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli”: “elettriku prodott minn impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija rinovabbli, kif ukoll il-proporzjon ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta’ enerġija konvenzjonali”.

    27

    Issa, id-Direttiva 2009/28, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2001/77 u li kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma rriproduċietx din id-definizzjoni. Din id-direttiva tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(a) tagħha, l-“enerġija minn sorsi rinnovabbli” bħala l-”enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili” u tippreċiża, sussegwentement, liema huma s-sorsi rinnovabbli li jaqgħu taħt din id-definizzjoni. Konsegwentement, kif irrimarkat 50 Hertz Transmission, il-klassifikazzjoni ta’ “elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” ma tibqax tiddependix iktar mit-tip ta’ impjant li fih ġie prodott l-elettriku, iżda biss fuq sorsi ta’ enerġija użati minn dawn l-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku.

    28

    Fl-aħħar, għal dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/28, din, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, għandha bħala għan li tiddefinixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tistabbilixxi, b’mod partikolari, l-għanijiet nazzjonali vinkolanti li jikkonċernaw il-parti mill-enerġija ġġenerata minn tali sorsi fil-konsum finali gross tal-enerġija.

    29

    Barra minn hekk, mill-premessa 60 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża, permezz tal-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq tal-komoditajiet, li tiffavorixxi kemm jista’ jkun l-użu ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-premessa 61 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li din għandha bħala għan żieda sostenibbli fit-trażmissjoni u fid-distribuzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li, għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jippermettu penetrazzjoni iktar qawwija tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli.

    30

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-aċċess iggarantit għall-grilja previst fl-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28, dan huwa intiż li jintegra s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku billi jiżgura li l-elettriku kollu ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jkollu aċċess għall-grilji, li jippermetti li tintuża kwantità massima ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea, C-179/20, EU:C:2022:58, punt 62).

    31

    Issa, l-għanijiet intiżi għall-użu massimu tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għal żieda sostenibbli fit-trażmissjoni u fid-distribuzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jirriskjaw li jiġu kompromessi jekk impjant ta’ produzzjoni ta’ elettriku li ma jużax esklużivament sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġi, minħabba f’hekk, assimilat ma’ impjant li juża biss sorsi ta’ enerġija konvenzjonali u, konsegwentement, eskluż mill-aċċess prijoritarju previst fl-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28.

    32

    Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku li minnha jibbenefikaw l-impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tingħata mhux biss lill-impjanti li jipproduċu l-elettriku esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iżda wkoll lil dawk li jipproduċuh kemm minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali.

    Fuq it-tieni sal-ħames domandi

    33

    Permezz tat-tieni sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 għandux jiġi interpretat fis-sens li impjant li jipproduċi l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija kemm rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali, skont parti varjabbli, jibbenefika minn prijorità ta’ aċċess għall-grilji unikament għall-parti ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u, fl-affermattiv, liema huma l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-prijorità ta’ aċċess.

    34

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari jekk impjant bħal dik operata minn EEW, li jipproduċi l-elettriku minn taħlita ta’ skart li tinkludi parti varjabbli ta’ skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali, jibbenefikax minn prijorità ta’ aċċess għall-grilja unikament għall-elettriku prodott minn din il-parti varjabbli.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2(a) u (e) tad-Direttiva 2009/28 jirriżulta li, għalkemm l-enerġija miksuba permezz tal-irkupru tal-bijomassa tikkostitwixxi enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, hija biss il-frazzjoni bijodegradabbli, b’mod partikolari, tal-iskart industrijali u muniċipali li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bijomassa” kif iddefinit minn din id-direttiva. L-enerġija prodotta permezz ta’ trattament bis-sħana ta’ skart industrijali u muniċipali hija għalhekk ikkunsidrata, għall-elettriku prodott minn din il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ dan l-iskart u bl-esklużjoni tal-frazzjoni tiegħu komposta minn skart konvenzjonali, bħala enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu.

    36

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fir-rigward tal-Artikolu 16(2)(b) tal-imsemmija direttiva, li għalkemm din id-dispożizzjoni ssemmi l-possibbiltà li jiġi stabbilit “aċċess garantit” għall-grilja tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, dan japplika biss għal dak li jikkonċerna l-elettriku “aħdar” u li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax, għaldaqstant, isservi ta’ bażi legali għal dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi għall-aċċess iggarantit għal impjanti ta’ produzzjoni ta’ enerġija provenjenti minn sors konvenzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea, C‑179/20, EU:C:2022:58, punt 65). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju tal-prijorità ta’ aċċess għall-grilja msemmi fl-Artikolu 16(2)(c) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat b’mod analogu.

    37

    Għaldaqstant, impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku li juża taħlita ta’ skart li parti varjabbli minnu biss hija kkostitwita minn skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali jew, b’mod iktar ġenerali, li juża f’parti varjabbli, kemm sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali, għandu jkun jista’ jibbenefika mill-prijorità ta’ aċċess prevista fl-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, sal-unika parti varjabbli ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

    38

    Madankollu, id-Direttiva 2009/28 ma tiddeterminax b’liema mod il-parti tal-elettriku prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minn impjant ta’ produzzjoni ta’ elettriku li tuża kemm sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll minn sorsi konvenzjonali għandha tiġi kkalkolata u, b’mod iktar partikolari, jekk din il-parti għandhiex tilħaq limitu minimu sabiex l-elettriku prodott jibbenefika mill-prijorità ta’ aċċess.

    39

    Din id-direttiva tillimita ruħha, fl-Artikolu 16(2)(c) tagħha, li timponi żewġ rekwiżiti.

    40

    Fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-prijorità ta’ aċċess għall-bżonnijiet relatati mas-sigurtà tal-grilja nazzjonali tal-elettriku. Għal dan il-għan, kif tindika l-premessa 60 tad- direttiva 2009/28, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw iż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sigurtà tal-grilja kif ukoll tad-distribuzzjoni jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi tal-grilja nazzjonali u tal-funzjonament tajjeb tiegħu.

    41

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 jeżiġi li l-amministrazzjoni tal-prijorità ta’ aċċess issir fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji. F’dan ir-rigward, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tenfasizza l-importanza li jiġu ddefiniti regoli ċari u trasparenti għall-kalkolu tas-sehem tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli u sabiex jiġu ppreċiżati l-imsemmija sorsi. Barra minn hekk, il-premessa 60 tal-imsemmija direttiva tfakkar, b’mod ġenerali, l-importanza ta’ aċċess prijoritarju rriżervat għall-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku u, b’mod partikolari, li dan l-aċċess prijoritarju għandu jiġi tradott fir-regoli ta’ konnessjoni nazzjonali billi l-produtturi konnessi ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jingħataw il-garanzija li ser ikunu jistgħu jbigħu u jittrażmettu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’kull ħin meta s-sors isir disponibbli.

    42

    Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-aċċess prijoritarju li minnu għandhom jibbenefikaw l-impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, sakemm josservaw l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

    43

    F’dan ir-rigward, nirrileva li, fuq livell ġuridiku, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, iktar milli ried iwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra, il-leġiżlatur tal-Unjoni telaq, minn naħa, mill-konstatazzjoni li l-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ differenti u, min-naħa l-oħra, mill-prinċipju li jeħtieġ li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-iskemi sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri u sabiex dawn l-Istati jkunu jistgħu jfasslu miżuri nazzjonali effikaċi sabiex jilħqu l-miri mandatorji nazzjonali globali li tassenjalhom l-imsemmija direttiva (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O., C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Konsegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni dwar id-determinazzjoni tal-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-aċċess prijoritarju għall-impjanti li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li ntalbet tipprovdilu risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri sabiex japplikaw il-prijorità ta’ aċċess għall-grilja, abbażi tal-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lilha, ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, li l-prijorità ta’ aċċess għall-grilja għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji, jimplika, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn għandhom ikunu ċari, ikkomunikati minn qabel mill-Istati Membri, u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet kollha kkonċernati.

    46

    Barra minn hekk, mid-dibattiti li seħħew waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-impjanti li jipproduċu l-elettriku jistgħu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, jinqasmu fi tliet gruppi, jiġifieri, rispettivament, l-impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, dawk li jużaw biss sorsi ta’ enerġija konvenzjonali u dawk li jużaw taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u konvenzjonali.

    47

    Jidher b’mod ċar, minn naħa, li l-impjanti li jaqgħu taħt l-ewwel grupp għandhom dejjem jibbenefikaw, bla ħsara għal-limitazzjonijiet relatati mas-sigurtà u mal-kapaċità tal-grilja, mill-prijorità ta’ aċċess għall-elettriku kollu li huma jipproduċu u li l-impjanti li jaqgħu taħt it-tieni grupp ma jistgħu jiksbu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ebda aċċess prijoritarju u, min-naħa l-oħra, li l-impjanti li jaqgħu taħt dawn l-ewwel żewġ gruppi għandhom, bħala prinċipju, jiġu ttrattati b’mod ugwali fi ħdan il-grupp li jaqgħu taħtu.

    48

    Fir-rigward tal-impjanti li jaqgħu taħt it-tielet grupp, għandu, min-naħa l-oħra, jitfakkar, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-aċċess prijoritarju huwa dovut lilhom biss għall-parti tal-elettriku prodott permezz ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fit-tieni lok, fi ħdan dan it-tielet grupp, l-impjanti ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod ugwali, sa fejn il-parti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma rrikorrew għaliha ma hijiex neċessarjament identika.

    49

    Issa, l-għan imfittex mid-Direttiva 2009/28 li jiġi promoss l-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jirriskja li jiġi kompromess jekk l-impjanti li jużaw parti kbira minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jibbenefikaw sistematikament minn aċċess prijoritarju, għad-detriment ta’ installazzjonijiet oħra li jużaw huma wkoll sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iżda b’mod inqas. Xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl ta’ dan l-istess għan, tal-ewwel għandhom ikunu jistgħu jiġu pprivileġġati meta mqabbla ma’ tat-tieni, mingħajr madankollu ma jibbenefikaw minn prijorità sistematika.

    50

    Huwa għalhekk importanti li l-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat l-ordni li fih l-operatur tas-sistema juża l-impjanti li jużaw taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u konvenzjonali jirriflettu l-importanza tas-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma jużaw.

    51

    Bl-istess mod, dawn il-kriterji għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet u r-restrizzjonijiet tekniċi li jikkaratterizzaw il-ġestjoni tal-aċċess tal-impjanti għall-grilji tal-elettriku. F’dan ir-rigward, MNG Strom esponiet li l-operatur tal-grilja ta’ trażmissjoni tal-elettriku ma jkollux għarfien, f’ħin reali, tal-proporzjon mill-iskart bijodegradabbli użat minn impjant għall-produzzjoni tal-elettriku meta huwa jagħżel l-ordni li fiha l-impjanti għandhom jieqfu, peress li lanqas l-operaturi ta’ dawn l-impjanti stess ma jkunu jafu dejjem liema hija l-parti mill-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli. 50 Hertz, min-naħa tagħha, enfasizzat li d-deċiżjoni ta’ prijorità hija miżura ta’ urġenza li tittieħed kważi istantanjament u li hija tinvolvi riperkussjonijiet fuq l-operaturi downstream, ħaġa li timplika li l-kriterji ta’ prijorità għandhom jippermettu li tingħata gwida konkreta lill-operatur tal-grilja.

    52

    Għandu jingħad ukoll li n-natura tal-elettriku hija tali li, ladarba tiġi aċċettata fil-grilja ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat l-oriġini tiegħu u b’mod partikolari s-sors ta’ enerġija li minnu jkun ġie prodott (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C-573/12, EU:C:2014:2037, punt 87). Bl-istess mod, meta l-operatur tal-grilja ta’ trażmissjoni juża impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku li juża sorsi ta’ enerġija kemm rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali, huwa daqstant diffiċli li tiġi identifikata konkretament il-parti tal-elettriku prodott minn dan l-impjant minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dawn iċ-ċirkustanzi tekniċi jimplikaw ċertu sehem ta’ inċertezza, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li parti mill-elettriku ddikjarat bħala li ġie prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma kienx kompletament prodott f’dan il-mument preċiż.

    53

    Issa, l-għan li tfittex li tilħaq id-Direttiva 2009/28 li jiġi ffavorit kemm jista’ jkun l-aċċess għall-grilji tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma jirrikjedix li, fil-mument preċiż meta l-operatur tal-grilja juża impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku li jkun irrikorra għal taħlita ta’ enerġija, dan l-operatur ikun jaf bil-proporzjon eżatt ta’ dan it-tip ta’ elettriku fil-kwantità totali ta’ enerġija pprovduta minn dan l-impjant.

    54

    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li l-implimentazzjoni tal-kriterji adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tippermetti li, fuq perijodu suffiċjentement twil u rappreżentattiv u sa fejn tkun fattibbli teknika, il-prijorità ta’ aċċess għall-grilja tingħata lil kull impjant li jipproduċi l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija kemm rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali proporzjonalment mal-importanza tal-parti ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli użata minn din tal-aħħar.

    55

    Ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, garanzija ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2009/28, maħruġa, jekk ikun il-każ, lil produttur tal-elettriku skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, indipendentement mill-fatt li tali garanzija hija, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, maħruġa sabiex il-klijenti finali jkunu jistgħu jiżguraw ruħhom mill-kompożizzjoni eżatta tat-taħlita enerġetika ta’ fornitur tal-enerġija.

    56

    Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fir-rigward tal-iffissar ta’ dawn il-kriterji, jibbażaw ruħhom fuq ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28, b’mod partikolari d-dispożizzjoni li tipprovdi li, fl-impjanti multikombustibbli li jużaw kemm sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali, sabiex iwettqu l-kalkolu tal-parti tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, il-kontribuzzjoni ta’ kull sors ta’ enerġija hija kkalkolata abbażi tal-kontenut tal-enerġija tiegħu.

    57

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta għat-tieni, sal-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 għandu jiġi interpretat fis-sens li impjant li jipproduċi l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija kemm rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali jibbenefika minn prijorità ta’ aċċess għall-grilja unikament għall-parti ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-prijorità ta’ aċċess, billi jistabbilixxu kriterji trasparenti u nondiskriminatorji li, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sigurtà tas-sistema, jippermettu li tiġi stabbilita ordni ta’ prijorità skont l-importanza tas-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli użati minn kull impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku.

    Fuq l-ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-prijorità ta’ aċċess għall-grilja tal-elettriku li minnha jibbenefikaw l-impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tingħata mhux biss lill-impjanti li jiġġeneraw l-elettriku esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iżda wkoll lil dawk li jipproduċuh kemm minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali.

     

    2)

    L-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    impjant li jipproduċi l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija kemm rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali jibbenefika minn prijorità ta’ aċċess għall-grilja unikament għall-parti ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-prijorità ta’ aċċess, billi jistabbilixxu kriterji trasparenti u nondiskriminatorji li, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sigurtà tas-sistema, jippermettu li tiġi stabbilita ordni ta’ prijorità skont l-importanza tas-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli użati minn kull impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top