Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0514

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-23 ta’ Marzu 2023.
LU vs Minister for Justice and Equality.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Artikolu 4a(1) – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Portata – L-ewwel kundanna sospiża – It-tieni kundanna – Assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża – Revoka tas-sospensjoni – Drittijiet tad-difiża – Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Artikolu 6 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Ksur – Konsegwenzi.
Kawża C-514/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:235

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Artikolu 4a(1) – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Portata – L-ewwel kundanna sospiża – It-tieni kundanna – Assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża – Revoka tas-sospensjoni – Drittijiet tad-difiża – Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Artikolu 6 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Ksur – Konsegwenzi”

Fil-Kawżi magħquda C‑514/21 u C‑515/21,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Lulju 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Awwissu 2021, fil-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa fil-konfront ta’

LU (C‑514/21),

PH (C‑515/21),

fil-preżenza ta’:

Minister for Justice and Equality

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L.S. Rossi, J.-C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LU, minn P. Carroll, SC, T. Hughes, solicitor, u K. Kelly, BL,

għal PH, minn E. Lawlor, BL, R. Munro, SC, BL, u D. Rudden, solicitor,

għall-Minister for Justice and Equality u għall-Gvern Irlandiż, minn M. Browne, A. Joyce u C. McMahon, bħala aġenti, assistiti minn R. Kennedy, SC, u J. Williams, BL,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU L 17, 2009, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet dwar l-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa, rispettivament, mill-awtoritajiet Ungeriżi kontra LU u mill-awtoritajiet Pollakki kontra PH għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni ta’ priġunerija fl-Istati Membri emittenti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584

3

Skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

5

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas huwa fformulat kif ġej:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ’il quddiem ‘l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

1.

jekk ir-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest hu kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jieħu azzjoni kriminali kontra r-reat skond il-liġi kriminali tiegħu;

2.

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

3.

jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

7

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

1.

jekk, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), l-att li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwix reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni; madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, regoli doganali u ta’ kambju, l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew m’għandux ikun rrifjutat għar-raġuni li l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ taxxi, dazji u regoli doganali u ta’ kambju bħal-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

2.

fejn il-persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew qed tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni għall-istess att bħal dak li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew;

3.

fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ddeċidew jew li ma jieħdux azzjoni kriminali għar-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew jew li jwaqqfu l-proċedimenti, jew fejn sentenza finali inatat lill-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħalliex li jsiru proċedimenti oħra;

4.

fejn il-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta hi preskritta skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u l-atti jaqaw fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġi kriminali tiegħu stess;

5.

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza;

6.

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

7.

fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jirrigwarda reati li:

a)

huma kkunsidrati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni bħala li ġew imwettqin interament jew f’parti fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jew f’post trattat bħala tali; jew

b)

ġew imwettqin barra mit-territorju ta’ l-Istat Membru emittenti u l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ma jippermettix li tittieħed azzjoni kriminali għall-istess reati mwettqin barra mit-territorju tiegħu.”

8

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, introdott bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

a)

fi żmien debitu

(i)

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(b)

konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(ċ)

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

(i)

iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

(ii)

ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

(d)

ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

(i)

ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

(ii)

ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.”

9

L-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

([1])

jekk ir-reat li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa punibbli b’piena ta’ kustodja għal għomorha jew ordni ta’ detenzjoni għal għomorha, l-esekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-Istat Membru emittenti jkollu dispożizzjonijiet fis-sistema legali tiegħu għal reviżjoni tal-piena jew tal-miżura imposta, fuq talba jew l-aktar tard wara 20 sena, jew għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ klemenza li għalihom il-persuna hi intitolata li tapplika taħt il-liġi jew prattika ta’ l-Istat Membru emittenti, bl-iskop li ma tiġix esegwita din il-piena jew il-miżura;

([2])

fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta’ esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija [fil-konfront tagħha] fl-Istat Membru emittenti.”

10

L-Artikolu 8 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

(a)

l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

(b)

l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u l-fax u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti;

(c)

l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

(d)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

(e)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

(f)

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

(g)

jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.

2.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata jew f’data aktar tard, jiddikjara f’dikjarazzjoni depositata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li hu ser jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali oħra ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Kommunitajiet Ewropej.”

11

L-Artikolu 15 tal-istess Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

Id‑Deċiżjoni Qafas 2009/299

12

Il-premessi 1 u 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jiddikjaraw:

“1.

Id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-kawża huwa inkluż fid-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)], kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti ddikjarat ukoll li dan id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża mhuwiex assolut u li taħt ċerti kondizzjonijiet l-akkużat jista’, bil-volontà tiegħu, espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, jirrinunzja dak id-dritt.

[…]

15.

Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent huma fakultattivi. Madankollu, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jittrasponu dawn ir-raġunijiet fil-liġi nazzjonali hija regolata b’mod partikolari mid-dritt għal smigħ xieraq, filwaqt li jittieħed kont tal-objettiv ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni Qafas li ssaħħaħ id-drittijiet proċedurali tal-persuni u li tiffaċilita kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali,”

13

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jipprevedi:

“1.   L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huma li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, li tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, b’mod partikolari, li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.”

Id‑dritt Irlandiż

14

L-Artikolu 37(1) tal-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew”), jipprovdi:

“Persuna ma għandhiex tiġi kkonsenjata skont din il-liġi jekk:

a)

il-konsenja tagħha tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat taħt:

i)

il-KEDB, jew

ii)

il-protokolli għall-KEDB,

[…]”

15

Skont l-Artikolu 45 ta’ din il-liġi:

“Persuna ma għandhiex tiġi kkonsenjata skont din il-liġi jekk ma tkunx dehret personalment fil-proċedura li wasslet għall-kundanna jew għall-miżura li ċċaħħad il-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, sakemm dan il-mandat ma jindikax l-elementi meħtieġa fil-punti 2, 3 u 4 tal-paragrafu (d) tal-formola tal-mandat previst fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.”

Id‑dritt Pollakk

16

L-Artikolu 75(1) tal-kodeks karny (il-Kodiċi Kriminali), tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. no 88, pożizzjoni 553), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Il-qorti għandha tordna l-eżekuzzjoni ta’ piena jekk, matul il-perijodu ta’ probation, il-persuna kkundannata tkun wettqet reat intenzjonali simili għal dak li għalih hija ġiet validament u definittivament ikkundannata għal piena ta’ priġunerija.”

Il‑kawżi inkwistjoni fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑514/21

17

Fl‑10 ta’ Ottubru 2006, wara kawża li fiha deher LU personalment, l-Encsi városi bíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Encs, l-Ungerija) ikkundannatu għal erba’ reati mwettqa matul is-sena 2005.

18

Fid‑19 ta’ April 2007, il-Borsod Abaúj Zemplén Megyei Bíróság (il-qorti ta’ Borsod-Abaúj-Zemplén, l-Ungerija), li quddiemha LU, li kien ġie regolarment imħarrek sabiex jidher, ġie rrappreżentat minn avukat, ikkonfermat din is-sentenza u kkundannat lil LU għal piena ta’ sena priġunerija. Madankollu, l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena ġiet sospiża għal perijodu ta’ probation ta’ sentejn. Sa fejn huwa kien għadda xahar taħt detenzjoni preventiva, kien fadal għal LU mhux iktar minn ħdax-il xahar priġunerija li kellhom jiġu skontati.

19

Fis‑16 ta’ Diċembru 2010, l-Encsi városi bíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Encs) ikkundannat lil LU għal multa għan-nuqqas ta’ ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment matul is-sena 2008, jiġifieri matul il-perijodu ta’ probation applikabbli għall-piena sospiża li għaliha kien ġie kkundannat preċedentement. LU kien preżenti fis-seduti tal‑15 ta’ Novembru 2010 u tat‑13 ta’ Diċembru 2010, iżda ma kienx preżenti meta din il-qorti tat is-sentenza tagħha.

20

Matul ix-xahar ta’ Ġunju 2012, il-Miskolci Törvényszék (il-Qorti ta’ Miskolc, l-Ungerija) bidlet din is-sentenza u kkundannat lil LU għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames xhur u għall-projbizzjoni milli teżerċita attivitajiet pubbliċi għal sena. Hija ordnat ukoll l-eżekuzzjoni tal-piena li għaliha kien ġie kkundannat għar-reati mwettqa matul l‑2005. Ma huwiex stabbilit jekk din il-qorti tal-appell kinitx obbligata tordna l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena jew jekk hija kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

21

LU kien ġie msejjaħ sabiex jidher quddiem il-Miskolci Törvényszék (il-qorti ta’ Miskolc). Minkejja li din iċ-ċitazzjoni ma ġietx irċevuta minn LU, in-notifika tqieset li kienet regolari skont id-dritt Ungeriż. LU ma kienx preżenti fis-seduta quddiem din il-qorti, iżda l-imsemmija qorti ħatret avukat sabiex jirrappreżentah. Dan l-avukat deher f’din is-seduta u, sussegwentement, ippreżenta, minn naħa, talba għal kawża mill-ġdid, li ġiet miċħuda, u, min-naħa l-oħra, talba għal maħfra f’isem u għan-nom ta’ LU.

22

Fix-xahar ta’ Settembru 2012, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtoritajiet Ungeriżi li talab il-konsenja ta’ LU, li jinsab fl-Irlanda, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-pieni li kien ġie kkundannat għalihom kemm għar-reati mwettqa matul is-sena 2005 kif ukoll għar-reat relatat man-nuqqas ta’ ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment. Il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) madankollu rrifjutat li teżegwixxi dan il-mandat.

23

Fit‑28 ta’ Ottubru 2015, fuq talba ta’ LU, il-Miskolci Törvényszék (il-qorti ta’ Miskolc) ordnat lill-Encsi Járásbíróság (il-qorti distrettwali ta’ Encs) teżamina jekk kienx hemm lok li tinbeda proċedura mill-ġdid fir-rigward tal-ksur imwettaq matul is-sena 2005. Fl‑24 ta’ Ottubru 2016, din il-qorti ċaħdet it-talba għal kawża mill-ġdid. LU ma deherx quddiem l-Encsi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Encs), iżda kien irrappreżentat minn avukat li kien ħatar.

24

Adita minn LU b’appell minn din id-deċiżjoni, il-Miskolci Törvényszék (il-qorti ta’ Miskolc) żammet seduta, fl‑20 ta’ Marzu 2017, li fiha LU ma deherx, filwaqt li kien irrappreżentat minn avukat li kien ħatar. Fid‑29 ta’ Marzu 2017, din il-qorti ċaħdet it-talba għal kawża mill-ġdid.

25

Wara din id-deċiżjoni, il-piena ta’ priġunerija li LU kien ġie kkundannat għaliha għar-reati mwettqa matul is-sena 2005, u li l-Miskolci Törvényszék (il-qorti ta’ Miskolc) kienet ordnat l-eżekuzzjoni tagħha fix-xahar ta’ Ġunju 2012, kienet infurzabbli mill-ġdid fid-dritt Ungeriż.

26

Fis‑27 ta’ Lulju 2017, it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, li huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inħareġ mill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex LU jiskonta l-ħdax-il xahar li jifdal mill-piena ta’ priġunerija li kien ġie kkundannat għaliha għall-erba’ reati mwettqa matul is-sena 2005.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2020, il-High Court (il-Qorti Għolja) ordnat il-konsenja ta’ LU abbażi ta’ dan il-mandat. Adita b’appell ippreżentat minn LU, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, tirrileva, fl-ewwel lok, li LU ma deherx fil-proċess li wassal, minn naħa, għall-kundanna tiegħu mill-Miskolci Törvényszék (il-qorti ta’ Miskolc) minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment u, min-naħa l-oħra, għad-digriet ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel piena li ċċaħħad il-libertà, li huwa s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Sa fejn LU ma jidhirx li rrinunzja għad-dritt tiegħu li jkun preżenti matul din il-proċedura, din il-qorti tqis li l-imsemmija proċedura ma tlestietx skont l-Artikolu 6 tal-KEDB.

28

Din il-qorti hija wkoll inklinata li tqis li, jekk il-proċedura quddiem il-Miskolci Törvényszék (qorti ta’ Miskolc) titqies li tifforma parti mill-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, la l-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu u lanqas tal-Artikolu 45 tal-Liġi tal‑2003 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunu ssodisfatti.

29

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju madankollu ssostni, minn naħa, li d-digriet ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuq LU jista’ jitqies biss bħala deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-piena, fis-sens tas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026), u, min-naħa l-oħra, li la din id-deċiżjoni u lanqas il-kundanna ta’ LU għan-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment ma kellha bħala għan jew bħala effett li tbiddel in-natura jew il-kwantum tal-piena li ċċaħħad il-libertà li kienet ġiet imposta fuqu għar-reati mwettqa fis-sena 2005, b’tali mod li t-tnejn li huma ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

30

Madankollu, din il-qorti tqis li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn diversi aspetti tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026).

31

F’dan il-każ, qabel kollox, skont il-qorti msemmija, it-tieni kundanna ta’ LU tidher li kellha effett determinanti, billi pprovokat ir-revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà imposta qabel fuq LU. Sussegwentement, fil-każ ta’ konsenja, LU ma għandux id-dritt li jinstema’ a posteriori. Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali għandhom rabta ħafna iktar stretta mal-Artikolu 6 tal-KEDB, kif ukoll mal-Artikolu 47 mal-Artikolu 48(2) tal-Karta, milli mal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026). Fil-fatt, huwa biss minħabba li LU ġie rrikonoxxut ħati u ġie kkundannat, fil-kontumaċja, għal nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment li l-piena li ċċaħħad il-libertà, imposta għar-reati li huwa wettaq matul is-sena 2005, hija eżekuttiva u ma hemm l-ebda dubju li l-Artikolu 6 tal-KEDB japplika għall-proċedura li wasslet għal tali kundanna fil-kontumaċja.

32

Barra minn hekk, l-istess qorti tirrileva li, peress li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 45 tal-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew jipprekludu l-konsenja ta’ LU sabiex jiskonta l-piena li ġie kkundannat għaliha, fil-kontumaċja, minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment, jidher li huwa anormali li jista’ jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex jiskonta l-piena li ġie kkundannat għaliha għar-reati mwettqa matul is-sena 2005, filwaqt li din il-piena hija eżegwibbli biss minħabba din il-kundanna.

33

Il-qorti tar-rinviju żżid li d-digriet tal-Miskolci Törvényszék (qorti ta’ Miskolc) li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ewwel piena ta’ priġunerija tista’ titqies li hija tant marbuta mill-qrib mal-kundanna minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment li ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB li jivvizzja din il-kundanna għandu jivvizzja wkoll dan id-digriet.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

(a)

Meta l-konsenja tal-persuna rikjesta hija mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ priġunerija li kienet sospiża ab initio, iżda li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet ordnata sussegwentement minħabba l-kundanna tal-persuna rikjesta għal reat kriminali ġdid, u meta dan id-digriet ta’ eżekuzzjoni ngħata mill-qorti li kkundannat lill-persuna rikjesta u imponitilha piena għal dan ir-reat kriminali ġdid, il-proċedura li wasslet għal din il-kundanna u dan id-digriet ta’ eżekuzzjoni sussegwenti tagħmel parti mill-‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-[Deċiżjoni Kwadru 2002/584]?

(b)

Sabiex tingħata risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda iktar ’il fuq, huwa rilevanti li wieħed ikun jaf jekk il-qorti li tat id-digriet ta’ eżekuzzjoni kinitx ukoll obbligata li tagħti dan id-digriet jew jekk hija kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tagħmel dan?

2.

2) Fiċ-ċirkustanzi esposti fl-ewwel domanda iktar ’il fuq, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha d-dritt li teżamina jekk il-proċedura li wasslet għall-kundanna u għad-digriet ta’ eżekuzzjoni sussegwenti, li seħħet fl-assenza tal-persuna rikjesta, seħħitx konformement mal-Artikolu 6 tal-[KEDB] u, b’mod partikolari, li teżamina jekk l-assenza, f’din il-proċedura, tal-persuna rikjesta kkostitwixxietx ksur tad-drittijiet tad-difiża u/jew tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq?

3.

(a)

Fiċ-ċirkustanzi esposti fl-ewwel domanda iktar ’il fuq, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tasal għall-konklużjoni li l-proċedura li wasslet għall-kundanna u għad-digriet ta’ eżekuzzjoni sussegwenti ma saritx konformement mal-Artikolu 6 tal-[KEDB] u, b’mod partikolari, li l-assenza tal-persuna rikjesta kkostitwixxiet ksur tad-drittijiet tad-difiża u/jew tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha d-dritt u/jew l-obbligu i) li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta għar-raġuni li din il-konsenja tkun kuntrarja għall-Artikolu 6 tal-[KEDB] u/jew għall-Artikolu 47 kif ukoll għall-Artikolu 48(2) tal-[Karta] u/jew ii) li teżiġi mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, bħala kundizzjoni tal-konsenja, li hija tiggarantixxi li l-persuna rikjesta jkollha d-dritt, wara l-konsenja tagħha, għal proċess ġdid jew għal proċedura ta’ appell, li hija jkollha d-dritt li tipparteċipa fiha u li tippermettilha teżamina mill-ġdid il-kawża fil-mertu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda, li jista’ jwassal għal treġġigħ lura tad-deċiżjoni inizjali, f’dak li jirrigwarda l-kundanna li wasslet għad-digriet ta’ eżekuzzjoni?

(b)

Għall-finijiet tal-punt (a) tat-tielet domanda iktar ’il fuq, il-kriterju li għandu jiġi applikat huwa dak dwar jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta tkunx tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali li jagħtuha l-Artikolu 6 tal-[KEDB] u/jew l-Artikolu 47 kif ukoll l-Artikolu 48(2) tal-[Karta] u, fl-affermattiv, il-fatt li l-proċedura li wasslet għall-kundanna u għad-digriet ta’ eżekuzzjoni sussegwenti seħħet f’kontumaċja u li, fil-każ ta’ konsenja, il-persuna rikjesta ma jkollhiex id-dritt għal proċess ġdid jew għal proċedura ta’ appell, huwa biżżejjed sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tikkonkludi li l-konsenja tkun ta’ preġudizzju għall-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet?”

Il‑Kawża C‑515/21

35

Fid‑29 ta’ Mejju 2015, is-Sąd Rejonowy dla Wrocławia–Śródmieścia (il-qorti tad-distrett ta’ Wrocław-Śródmieście, il-Polonja) ikkundanna lil PH, fil-preżenza tiegħu, għal piena ta’ priġunerija ta’ sena għal reat imwettaq matul is-sena 2015. L-eżekuzzjoni ta’ din il-piena madankollu ġiet sospiża għal perijodu ta’ probation ta’ ħames snin. PH ma appellax minn din il-kundanna.

36

Fil‑21 ta’ Frar 2017, PH instab ħati, mis-Sąd Rejonowy w Bydgoszczy (il-qorti distrettwali ta’ Bydgoszcz, il-Polonja), tat-tieni reat li għalih ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ erbatax-il xahar. PH ma kienx jaf dwar is-seduta miżmuma quddiem dik il-qorti u ma deherx personalment għal din is-seduta u lanqas permezz ta’ rappreżentant legali.

37

Fis‑16 ta’ Mejju 2017, is-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Śródmieścia (il-Qorti Distrettwali ta’ Wrocław-Śródmieście) ordnat, skont l-Artikolu 75(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk, l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija ta’ sena li kien ġie kkundannat għaliha PH, minħabba li dan tal-aħħar kien wettaq it-tieni ksur matul il-perijodu ta’ probation tiegħu. Din il-qorti ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

38

PH ma kienx jaf bil-proċedura mibdija quddiem is-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Śródmieścia (il-Qorti Distrettwali ta’ Wrocław-Śródmieście), li wasslet għad-deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ewwel piena ta’ priġunerija tiegħu, u ma deherx fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2017 la personalment u lanqas permezz ta’ rappreżentant legali.

39

It-terminu li fih PH seta’ jappella mill-kundanna tiegħu għat-tieni reat issa skada u, fil-każ ta’ konsenja, PH ma jkollux id-dritt għal smigħ, ħlief fil-kuntest ta’ eventwali rikors straordinarju.

40

Fis‑26 ta’ Frar 2019, is-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Śródmieścia (il-Qorti Distrettwali ta’ Wrocław-Śródmieście) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra PH, li jinsab fl-Irlanda, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija ta’ sena li kien ġie kkundannat għaliha fid‑29 ta’ Mejju 2015.

41

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2020, il-High Court (il-Qorti Għolja) ordnat il-konsenja ta’ PH abbażi ta’ dan il-mandat. PH appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell).

42

Il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) tenfasizza li l-proċedura, fil-kontumaċja, li wasslet għat-tieni kundanna ta’ PH ma tidhirx li hija konformi mal-Artikolu 6 tal-KEDB u lanqas mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, sa fejn ma jidhirx li PH irrinunzja għad-dritt tiegħu li jkun preżenti għal din il-kawża.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 27 sa 33 ta’ din is-sentenza, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Meta l-konsenja tal-persuna rikjesta hija mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ priġunerija li kienet sospiża ab initio, iżda li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet ordnata sussegwentement minħabba l-kundanna sussegwenti tal-persuna rikjesta għal reat kriminali ġdid, f’ċirkustanzi fejn id-digriet ta’ eżekuzzjoni kien obbligatorju minħabba din il-kundanna, il-proċedura li wasslet għal din il-kundanna sussegwenti u/jew dik li wasslet għall-adozzjoni tad-digriet ta’ eżekuzzjoni jagħmlu parti mill-‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-[Deċiżjoni Kwadru 2002/584]?

2.

Fiċ-ċirkustanzi esposti fl-ewwel domanda iktar ’il fuq, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha d-dritt u/jew l-obbligu li teżamina jekk il-proċedura li wasslet għall-kundanna sussegwenti u/jew dik li wasslet għad-digriet ta’ eżekuzzjoni, li t-tnejn li huma seħħew fl-assenza tal-persuna rikjesta, seħħewx konformement mal-Artikolu 6 tal-[KEDB] u tal-Libertajiet Fundamentali u, b’mod partikolari, li teżamina jekk l-assenza, f’dawn il-proċeduri, tal-persuna rikjesta kkostitwixxietx ksur tad-drittijiet tad-difiża u/jew tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq?

3.

(a)

Fiċ-ċirkustanzi esposti fl-ewwel domanda iktar ’il fuq, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tasal għall-konklużjoni li l-proċeduri li wasslu għall-kundanna u għad-digriet ta’ eżekuzzjoni sussegwenti ma sarux konformement mal-Artikolu 6 tal-[KEDB] u, b’mod partikolari, li l-assenza tal-persuna rikjesta kkostitwixxiet ksur tad-drittijiet tad-difiża u/jew tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha d-dritt u/jew l-obbligu i) li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta għar-raġuni li din il-konsenja tkun kuntrarja għall-Artikolu 6 tal-[KEDB] u/jew għall-Artikolu 47 kif ukoll għall-Artikolu 48(2) tal-[Karta] u/jew ii) li teżiġi mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, bħala kundizzjoni tal-konsenja, li hija tiggarantixxi li l-persuna rikjesta jkollha d-dritt, wara l-konsenja tagħha, għal proċess ġdid jew għal proċedura ta’ appell, li hija jkollha d-dritt li tipparteċipa fiha u li tippermettilha teżamina mill-ġdid il-kawża fil-mertu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda, li jista’ jwassal għal treġġigħ lura tad-deċiżjoni inizjali, f’dak li jirrigwarda l-kundanna li wasslet għad-digriet ta’ eżekuzzjoni?

(b)

Għall-finijiet tal-punt (a) tat-tielet domanda iktar ’il fuq, il-kriterju li għandu jiġi applikat huwa dak dwar jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta tkunx tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali li jagħtuha l-Artikolu 6 tal-[KEDB] u/jew l-Artikolu 47 kif ukoll l-Artikolu 48(2) tal-[Karta] u, fl-affermattiv, il-fatt li l-proċeduri li wasslu għall-kundanna u għad-digriet ta’ eżekuzzjoni sussegwenti seħħew f’kontumaċja u li, fil-każ ta’ konsenja, il-persuna rikjesta ma jkollhiex id-dritt għal proċess ġdid jew għal proċedura ta’ appell, huwa biżżejjed sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tikkonkludi li l-konsenja tkun ta’ preġudizzju għall-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet?”

44

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, il-Kawżi C‑514/21 u C‑515/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

45

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawżi magħquda C‑514/21 u C‑515/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tiġi rrevokata, minħabba kundanna kriminali ġdida, u jekk jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, id-deċiżjoni, adottata fil-kontumaċja, li tkun irrevokat tali sospensjoni jew it-tieni kundanna kriminali, li wkoll tkun adottata fil-kontumaċja, tikkostitwixxix “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

46

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni Ewropea li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għal dan il-għan, minn din id-deċiżjoni qafas, u b’mod partikolari mill-Artikolu 1(2) tagħha, jirriżulta li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, filwaqt li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li l-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament, f’din id-dispożizzjoni, (a) sa (d), huma ssodisfatti (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 38).

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 4a jillimita, għalhekk, il-possibbiltà li jiġi rrifjutat li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew billi jelenka, b’mod preċiż u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punti 3536 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa għalhekk intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni u li jippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi għall-konsenja tal-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha waqt il-proċedura li wasslet għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu osservati b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 15 tagħha, jirriżulta espressament li dan l-Artikolu 4a ġie inkluż fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jiġi protett id-dritt tal-akkużat li jidher personalment fil-proċeduri kriminali mmexxija kontrih filwaqt li jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.

51

L-imsemmi Artikolu 4a għandu wkoll jiġi interpretat u applikat b’mod konformi mat-tieni u mat-tielet paragrafi tal-Artikolu 47 kif ukoll mal-Artikolu 48 tal-Karta li, kif jippreċiżaw l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, jikkorrispondu għall-Artikolu 6 tal-KEDB. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċedura kriminali ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju), C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 55).

52

Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (sentenzi tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 74, u tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 64).

53

Min-naħa l-oħra, deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni jew l-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija preċedentement ma tikkostitwixxix “deċiżjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4a(1), ħlief meta taffettwa d-dikjarazzjoni ta’ ħtija jew ikollha bħala għan jew effett li tbiddel jew in-natura jew l-ammont ta’ din il-piena u li l-awtorità li tatha bbenefikat, f’dan ir-rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni. Minn dan isegwi li deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, minħabba l-ksur mill-persuna kkonċernata ta’ kundizzjoni oġġettiva li tissuġġetta din is-sospensjoni, bħat-twettiq ta’ reat ġdid matul il-perijodu ta’ prova, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4a(1), peress li din ma tbiddilx din il-piena fir-rigward kemm tan-natura tagħha kif ukoll tal-ammont tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punti 77, 81, 8288).

54

Barra minn hekk, peress li l-awtorità inkarigata sabiex tiddeċiedi dwar tali revoka ma hijiex mitluba teżamina mill-ġdid il-mertu tal-kawża li tat lok għall-kundanna kriminali, il-fatt li din l-awtorità għandha marġni ta’ diskrezzjoni ma huwiex rilevanti, sakemm din tal-aħħar ma tippermettilhiex li tbiddel l-ammont jew in-natura tal-piena li ċċaħħad il-libertà, kif ġew stabbiliti mid-deċiżjoni li tikkundanna b’mod definittiv lill-persuna rikjesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 80).

55

Din l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija, barra minn hekk, konformi mal-istruttura ġenerali tas-sistema stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li timponi fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tikkonsenja lill-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti u għandha, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva.

56

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija ta’ natura li tiżgura bl-aħjar mod l-għan, imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, li jikkonsisti, kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, f’li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri abbażi tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproku, billi jiġi evitat li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tingħata funzjoni ġenerali ta’ stħarriġ tad-deċiżjonijiet proċedurali kollha adottati fl-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 8788, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 88).

57

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, minn naħa, li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma tistax tiġi interpretata b’mod li titqiegħed indiskussjoni l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li l-mandat ta’ arrest Ewropew tagħha, kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li l-garanzija ta’ osservanza tad-drittijiet tal-persuna li tagħha tintalab il-konsenja taqa’ primarjament taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punti 4950).

58

Għandu jiġi rrilevat ukoll li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Skont din il-ġurisprudenza, minn naħa, il-proċeduri dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-pieni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB u, min-naħa l-oħra, il-miżuri adottati minn qorti wara li tingħata piena definittiva jew matul l-eżekuzzjoni tagħha jistgħu jitqiesu li huma “pieni”, fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, biss jekk jistgħu jwasslu għal definizzjoni mill-ġdid jew għal tibdil tal-portata tal-piena imposta inizjalment (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 3 ta’ April 2012, Boulois vs Il-Lussemburgu, CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, punt 87; Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2015, Çetin vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1110DEC003285709, punti 42 sa 47, Qorti EDB, 12 ta’ Novembru 2019, Abedin vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2019:1112DEC005402616, punti 29 sa 37; Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2021, Ballıktaş Bingöllü, CE:ECHR:2021:0622JUD007673012, punt 48, u Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2022, Kupinskyy vs L-Ukraina, CE:ECHR:2022:1110JUD000508418, punti 47 sa 52).

59

Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, b’differenza mill-kwistjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ piena, deċiżjoni ġudizzjarja li twassal għall-kundanna tal-persuna kkonċernata taqa’ taħt l-aspett kriminali tal-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 85, u tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

It-tieni nett, id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-proċess tiegħu jikkostitwixxi element essenzjali tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar ġenerali, huwa ta’ importanza kbira fir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq fi proċeduri kriminali, stabbilit fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, kif ukoll fl-Artikolu 48 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċedura kriminali ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju), C‑420/20, EU:C:2022:679, punti 54 sa 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem barra minn hekk iddeċidiet li kundanna in absentia ta’ persuna, li fir-rigward tagħha ma ġiex stabbilit li hija kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha li tidher u li tiddefendi ruħha jew li kellha l-intenzjoni li taħrab mill-ġustizzja, mingħajr il-possibbiltà għaliha, li tikseb sentenza ġdida, wara li tkun instemgħet, fuq il-fondatezza tal-akkuża, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, li hija kienet is-suġġett tagħha, tikkostitwixxi ċaħda flagranti tal-ġustizzja (Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 82, u Qorti EDB, 9 ta’ Lulju 2019, Kislov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2019:0709JUD000359810, punti 106, 107 u 115).

62

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat ukoll, minn naħa, li t-tieni kundanni kriminali imposti fuq PH u fuq LU ġiegħlu jew awtorizzaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ewwel pieni ta’ priġunerija li dawn il-persuni kienu diġà ġew ikkundannati għalihom u, min-naħa l-oħra, li din ir-revoka kienet, fiha nnifisha, ippermettiet il-ħruġ tal-mandati ta’ arrest Ewropej, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-ewwel pieni ta’ ċaħda tal-libertà imposti fuq PH u fuq LU kienu saru eżekuttivi, minħabba din ir-revoka.

63

Għaldaqstant, kundanna kriminali mogħtija fil-kontumaċja fir-rigward tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li mingħajrha, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, dan il-mandat ma setax jinħareġ jikkostitwixxi element neċessarju għall-ħruġ tal-imsemmi mandat li jista’ jiġi affettwat minn difett fundamentali li jippreġudika serjament id-dritt tal-akkużat li jidher personalment fil-proċess tiegħu, kif iggarantit mit-tieni u mit-tielet paragrafi tal-Artikolu 47 u mill-Artikolu 48 tal-Karta.

64

It-tielet nett, kif ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jagħti, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, importanza speċifika lid-dritt tal-akkużat li jidher personalment fil-proċess tiegħu billi stabbilixxa, fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, raġuni fakultattiva għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat iddedikata speċjalment għall-protezzjoni ta’ tali dritt. Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, tali raġuni għal rifjut għandha tiġi interpretata b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni u mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, kif ukoll mill-Artikolu 48 tal-Karta, kif ġew enfasizzati fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza.

65

Għalhekk, taħt piena li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiġi mċaħħad minn parti kbira mill-effettività tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tevalwa jekk hemmx lok li tirrifjuta, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-konsenja tal-persuna rikjesta, mhux biss l-eventwali proċedura fil-kontumaċja li wasslet għall-kundanna definittiva li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda wkoll kull proċedura oħra fil-kontumaċja li wasslet għal kundanna kriminali li mingħajrha tali mandat ma setax jinħareġ.

66

Mill-bqija, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” jista’ jirreferi għal iktar minn deċiżjoni ġudizzjarja meta dan jirriżulta neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex minn dan l-Artikolu 4a(1), li huwa intiż, b’mod partikolari, biex isaħħaħ id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati billi jiżgura li d-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ xieraq fi proċeduri kriminali jiġi ggarantit (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 94).

67

Minn dan isegwi li deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat, fil-kontumaċja, lill-persuna rikjesta għandha titqies bħala “deċiżjoni”, skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, meta l-adozzjoni tagħha kienet determinanti għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tiġi rrevokata, minħabba kundanna kriminali ġdida, u meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, din il-kundanna kriminali, mogħtija fil-kontumaċja, tikkostitwixxi “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ma huwiex il-każ tad-deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena msemmija.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domandi

69

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi fil-Kawżi magħquda C‑514/21 u C‑515/21, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza jew tobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tikkonsenja lill-Istat Membru emittenti lill-persuna rikjesta jew li tissuġġetta l-konsenja tagħha għall-garanzija li din il-persuna tista’ tibbenefika, f’dan l-Istat Membru, minn sentenza ġdida jew minn proċedura ta’ appell, meta jidher li l-proċedura fil-kontumaċja li tkun wasslet għar-revoka tas-sospensjoni marbuta mal-piena restrittiva tal-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jew għat-tieni kundanna kriminali tal-persuna msemmija, li tkun determinanti għall-ħruġ ta’ dan il-mandat, tkun kisret l-Artikolu 47 jew l-Artikolu 48(2) tal-Karta. Hija tistaqsi wkoll jekk huwiex neċessarju li tali ksur ikun jirrigwarda l-kontenut essenzjali tad-drittijiet iggarantiti f’dawn l-artikoli.

70

Fl-ewwel lok, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda fil-Kawżi magħquda C‑514/21 u C‑515/21 jirriżulta li l-kundanna kriminali mogħtija fil-kontumaċja u li mingħajrha s-sospensjoni li takkumpanja l-piena li ċċaħħad il-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx irrevokata, tifforma parti mill-“kawża li wasslet għad-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

71

Taħt il-benefiċċju ta’ din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar, l-ewwel, li dan l-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) jelenka, b’mod preċiż u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Minn dan isegwi li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna kkonċernata, jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun jinkludi, fir-rigward tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tat il-piena li ċċaħħad il-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ dan il-mandat, waħda mill-indikazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, fil-punti (a) sa (d).

73

Fil-fatt, f’kull wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew la tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u lanqas id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, kif stabbiliti fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 4453).

74

Għall-istess raġunijiet, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta, skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tikkonsenja lill-Istat Membru emittenti lill-persuna rikjesta meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun fih, fir-rigward tal-kundanna kriminali mogħtija fil-kontumaċja msemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, waħda mill-indikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni.

75

Min-naħa l-oħra, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkun fih ebda indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kontenut essenzjali tad-drittijiet tad-difiża tagħha ġiex miksur, peress li ebda rekwiżit ta’ dan it-tip ma jirriżulta la mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4a u lanqas mill-għan tiegħu, kif tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

76

Mill-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 4a, b’mod partikolari mill-indikazzjoni li tgħid li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni “tista’ […] tiċħad” l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest, jirriżulta wkoll li din tal-aħħar għandha tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk hemmx lok, jew le, li tiċħad, f’tali każ, li twettaq tali eżekuzzjoni. Għaldaqstant, mill-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jistax jiġi dedott li, f’każ bħal dak deskritt fil-punt preċedenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr il-possibbiltà li din tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ speċifiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punti 4344).

77

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali ta’ din id-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju stabbilit mill-imsemmija deċiżjoni qafas, peress li l-motivi ta’ rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni jikkostitwixxu eċċezzjonijiet. Issa, il-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, li jistgħu jwassluha biex tqis li l-kundizzjonijiet tar-rifjut ta’ konsenja ma humiex issodisfatti, ikollu l-effett li jissostitwixxi s-sempliċi possibbiltà, prevista fl-Artikolu 4a tal-istess deċiżjoni qafas, b’obbligu reali, u b’hekk jittrasforma f’regola ta’ prinċipju l-eċċezzjoni li tikkostitwixxi r-rifjut tal-konsenja (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 47).

78

Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tagħha, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, f’din il-perspettiva, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tipproċedi b’dan il-mod għall-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti. Jista’, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, l-aġir tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari l-fatt li din tal-aħħar fittxet li taħrab mit-tifsira tal-informazzjoni li kienet ġiet indirizzata lilha jew li tevita kull kuntatt mal-avukati tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punti 5152 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet limitatament previsti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Prosekutur Ġenerali fi ħdan il-Qorti tal-Appell ta’ Angers, C‑168/21, EU:C:2022:558, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Issa, l-impenn tal-Istat Membru emittenti li jirrikonoxxi lill-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew id-dritt għal proċess ġdid, meta din tkun ġiet ikkundannata fil-kontumaċja, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ma jinsabx fost il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 5. Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tissuġġetta l-konsenja tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal tali kundizzjoni.

81

Xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex tiżgura kooperazzjoni effettiva fil-qasam kriminali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tuża b’mod sħiħ l-istrumenti previsti fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C-158/21, EU:C:2023:57, punt 132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82

Għaldaqstant, din l-awtorità jista’ jkollha titlob, permezz, jekk ikun il-każ, ta’ talba għal informazzjoni addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-assigurazzjoni tal-Istat Membru emittenti li l-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi mgħarrfa bil-fatt li, skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti, hija ser tikseb id-dritt għal proċess ġdid li hija tkun tista’ tipparteċipa fih u li tippermetti l-eżami mill-ġdid tal-kawża fuq il-mertu, billi tieħu inkunsiderazzjoni provi ġodda, u li tali deċiżjoni tiġi kkonfutata, bil-kundizzjoni li, jekk tali assigurazzjoni tingħata mill-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha tikkonsenja lill-persuna kkonċernata, b’mod konformi mal-Artikolu 4a(1)(d) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

83

Fit-tieni lok, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, imsemmija fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni li takkumpanja l-piena ta’ priġunerija li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’tali mod li l-fatt li din id-deċiżjoni ġiet adottata fil-kontumaċja ma jistax jiġġustifika r-rifjut ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tikkonsenja lill-persuna rikjesta.

84

Barra minn hekk, peress li tali ċirkustanza ma tikkostitwixxix waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, obbligatorji jew fakultattivi, elenkati fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw tali rifjut.

85

Madankollu, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 126 tal-konklużjonijiet tagħha, il-konsenja tal-persuna rikjesta tista’, eċċezzjonalment, tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 72).

86

F’dan ir-rigward, huwa importanti, madankollu, li jiġi ppreċiżat, b’mod iktar partikolari, li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, biss sa fejn hija jkollha, minn naħa, elementi intiżi biex juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati u li hija vverifikat, min-naħa l-oħra, b’mod konkret u preċiż, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna rikjesta, tan-natura tar-reat li din hija rikjesta għalih u tal-kuntest fattwali li jinsab fih il-ħruġ ta’mandat ta’ arrest Ewropew, jeżistu motivi serji u pprovati li l-persuna msemmija taffronta tali riskju f’każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 97).

87

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti humiex issodisfatti f’dan il-każ.

88

Fl-aħħar nett, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew li ma josservax ir-rekwiżiti minimi li fuqhom tiddependi l-validità tiegħu, li fosthom hemm dawk previsti fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 6970). F’dan il-każ, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jeżistux elementi li jindikaw li l-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti minimi.

89

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li telenka, b’mod eżawrjenti, ir-raġunijiet li jippermettu li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 73), din id-deċiżjoni qafas tipprekludi, għalhekk, li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija minħabba li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena ġiet irrevokata permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja.

90

Barra minn hekk, kif ġie ppreċiżat fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija deċiżjoni qafas lanqas ma tippermetti li l-konsenja tal-persuna rikjesta tkun suġġetta għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun tista’ tikseb, fl-Istat Membru emittenti, eżami ġudizzjarju mill-ġdid tad-deċiżjoni adottata fil-kontumaċja li permezz tagħha s-sospensjoni, li takkumpanja l-piena li ċċaħħad il-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest, ġiet irrevokata.

91

Fil-fatt, din il-kundizzjoni ma tinsabx fost dawk li huma elenkati fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li, kif tfakkar fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, jistabbilixxi b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet li tista’ tkun suġġetta għalihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

92

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li:

l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tikkonsenja lill-Istat Membru emittenti lill-persuna rikjesta, meta jidher li l-proċedura li wasslet għat-tieni kundanna kriminali ta’ din il-persuna, determinanti għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, seħħet fil-kontumaċja ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jinkludi, fir-rigward ta’ din il-proċedura, waħda mill-indikazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (a) sa (d),

id-deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tikkonsenja lill-Istat Membru emittenti lill-persuna rikjesta, għar-raġuni li l-proċedura li wasslet għar-revoka tas-sospensjoni li takkumpanja l-piena li ċċaħħad il-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew twettqet fil-kontumaċja, jew tissuġġetta l-konsenja ta’ din il-persuna għall-garanzija li din tkun tista’ tibbenefika, f’dan l-Istat Membru, minn sentenza jew proċedura ta’ appell ġdida li tippermetti l-eżaminazzjoni mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni ta’ ċaħda jew tat-tieni kundanna kriminali li ġiet imposta fuqha fil-kontumaċja u li tirriżulta li hija determinanti għall-ħruġ ta’ dan il-mandat.

Fuq l‑ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tiġi rrevokata, minħabba kundanna kriminali ġdida, u meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, din il-kundanna kriminali, mogħtija fil-kontumaċja, tikkostitwixxi “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ma huwiex il-każ tad-deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena msemmija.

 

2)

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni biex tirrifjuta li tikkonsenja lill-Istat Membru emittenti lill-persuna rikjesta, meta jidher li l-proċedura li wasslet għat-tieni kundanna kriminali ta’ din il-persuna, determinanti għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, seħħet fil-kontumaċja ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jinkludi, fir-rigward ta’ din il-proċedura, waħda mill-indikazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (a) sa (d).

 

3)

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tikkonsenja lill-Istat Membru emittenti lill-persuna rikjesta, għar-raġuni li l-proċedura li wasslet għar-revoka tas-sospensjoni li takkumpanja l-piena li ċċaħħad il-libertà li għall-eżekuzzjoni tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew twettqet fil-kontumaċja, jew tissuġġetta l-konsenja ta’ din il-persuna għall-garanzija li din tkun tista’ tibbenefika, f’dan l-Istat Membru, minn sentenza jew proċedura ta’ appell ġdida li tippermetti l-eżaminazzjoni mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni ta’ ċaħda jew tat-tieni kundanna kriminali li ġiet imposta fuqha fil-kontumaċja u li tirriżulta li hija determinanti għall-ħruġ ta’ dan il-mandat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top