Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0511

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Marzu 2023.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ana Calhau Correia de Paiva.
    Appell – Sistema lingwistika – Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/293/14 – Avviż ta’ kompetizzjoni – Għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni – Ammissibbiltà.
    Kawża C-511/21 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:208

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

    “Appell – Sistema lingwistika – Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/293/14 – Avviż ta’ kompetizzjoni – Għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni – Ammissibbiltà”

    Fil-Kawża C‑511/21 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-19 ta’ Awwissu 2021,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Melo Sampaio, B. Schima u L. Vernier, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Ana Calhau Correia de Paiva, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn D. Rovetta u V. Villante, avvocati,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. Medina,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2022,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Ġunju 2021, Calhau Correia de Paiva vs Il-Kummissjoni (T‑202/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:323), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/293/14 tat-23 ta’ Ġunju 2016, li tiċħad it-talba ta’ Ana Calhau Correia de Paiva għal eżami mill-ġdid wara li ġiet eskluża mil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-fatt li wasslu għall-kawża

    2

    Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 14 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    3

    Fit-23 ta’ Ottubru 2014, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/293/14, sabiex jinħolqu listi ta’ riżerva għar-reklutaġġ, fi ħdan il-Kummissjoni, ta’ amministraturi fil-grad AD 7 fl-oqsma tad-dritt tal-kompetizzjoni, tal-finanzi korporattivi, tal-ekonomija finanzjarja, tal-ekonomija industrijali u tal-makroekonomija (ĠU 2014, C 376 A, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2014, C 425 A, p. 1, iktar ’il quddiem, l-“avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż”).

    4

    L-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż kien jipprevedi, fit-Taqsima IV tiegħu, tliet testijiet ta’ dħul bil-kompjuter b’mistoqsijiet b’għażla multipla u, fit-Taqsima VI tiegħu, testijiet li jsiru f’ċentru ta’ evalwazzjoni li jikkonsistu fi studju ta’ każ, eżerċizzju ta’ grupp u intervista strutturata.

    5

    Barra minn hekk, skont il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dħul, dan l-avviż ta’ kompetizzjoni kien jeħtieġ, fil-punt III.2.3 tiegħu, intitolat “Għarfien ta’ lingwi”, minn naħa, fir-rigward tal-lingwa prinċipali (Lingwa 1), għarfien iddettaljat, li, bħala minimu, jikkorrispondi għal-livell C1 tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (QKERL), ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni lingwa (Lingwa 2), għarfien sodisfaċenti, li, bħala minimu, jikkorrispondi għal-livell B2 tal-QKERL, tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew dik Franċiża, liema tieni lingwa jeħtieġ tabilfors tkun differenti mil-lingwa prinċipali.

    6

    Il-punt 3 tat-Titolu VI tal-imsemmi avviż ta’ kompetizzjoni kien jindika li t-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni kellhom isiru bl-imsemmija tieni lingwa.

    7

    Fil-25 ta’ Novembru 2014, A. Calhau Correia de Paiva, ta’ nazzjonalità Portugiża, applikat għall-kompetizzjoni EPSO/AD/293/14 fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Hija għażlet il-Portugiż, il-lingwa materna tagħha, bħala l-lingwa prinċipali tagħha u l-Franċiż bħala t-tieni lingwa tagħha.

    8

    Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2015, A. Calhau Correia de Paiva ġiet mgħarrfa li għaddiet mit-testijiet ta’ dħul bil-kompjuter.

    9

    Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2015, hija ġiet mistiedna għat-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

    10

    Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2015, l-EPSO sejjaħ lill-A. Calhau Correia de Paiva għat-test ta’ studju ta’ każ u offrielha l-possibbiltà li tuża tastiera tat-tip Azerty FR f’dan it-test, filwaqt li taha wkoll il-possibbiltà li tagħżel, b’mod alternattiv, tastiera tat-tip Qwerty UK, Azerty FR/BE jew Qwertz DE. Hija approfittat ruħha minn din il-possibbiltà u talbet li tinbidlilha t-tastiera sabiex tagħmel l-imsemmi test b’tastiera tat-tip Qwerty UK.

    11

    A. Calhau Correia de Paiva għamlet it-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni fit-13 ta’ Mejju u fil-11 ta’ Ġunju 2015.

    12

    Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2015, A. Calhau Correia de Paiva ġiet mgħarrfa bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni li ma jinkludix isimha fil-lista ta’ riżerva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva”), minħabba li hija “ma [kinitx] fost il-kandidati li kisbu l-aħjar marki globali fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni (mill-inqas 68.59 punt)”, billi l-punteġġ totali tagħha kien ta’ 61.13 punt.

    13

    Fid-19 ta’ Novembru 2015, A. Calhau Correia de Paiva talbet l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva. Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni ċaħad din it-talba.

    14

    Fl-24 ta’ Awwissu 2016, A. Calhau Correia de Paiva ressqet ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva. F’dan l-ilment, hija sostniet li l-għażla limitata tat-tip ta’ tastiera li jista’ jintuża sabiex isir l-istudju ta’ każ kienet tikkostitwixxi nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija allegat ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-għażla limitata tat-tipi ta’ tastieri li l-kandidati setgħu jużaw, kif ukoll l-għażla limitata tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija kkontestat id-dewmien tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

    15

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2016, l-EPSO ċaħad l-imsemmi lment bħala inammissibbli minħabba n-natura tardiva tiegħu, u wkoll bħala infondat.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    16

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2017, A. Calhau Correia de Paiva ppreżentat azzjoni għall-annullament, b’mod partikolari, tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi, jekk ikun hemm bżonn, tintlaqa’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż u s-sistema lingwistika minnu stabbilita.

    17

    Insostenn tar-rikors tagħha, hija qajmet ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ opportunitajiet indaqs, billi l-EPSO impona, fir-rigward tal-istudju ta’ każ, l-użu ta’ tastiera tat-tip Qwerty UK, Azerty FR/BE jew Qwertz DE. It-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv huma bbażati, essenzjalment, fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż minħabba li l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni hija limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża. Il-ħames motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-EPSO li tapprova u tippromwovi sistema lingwistika partikolari, fuq ksur ta’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni, kif ukoll fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

    18

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, qabelxejn, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż, li l-Kummissjoni kkontestat kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza tiegħu.

    19

    Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li, fejn jiġu ppreżentati rikorsi intiżi sabiex jiġu annullati deċiżjonijiet individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmija deċiżjonijiet jew li għandhom rabta ġuridika ma’ tali deċiżjonijiet jistgħu, b’mod validu, ikunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-avviżi ta’ kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, billi rreferiet, f’dan ir-rigward, għal ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, għall-punt 17 tas-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan (C‑448/93 P, EU:C:1995:264), li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, li hija operazzjoni amministrattiva kumplessa komposta minn sensiela ta’ deċiżjonijiet, kandidat għal kompetizzjoni jista’, fejn jiġi ppreżentat rikors kontra att sussegwenti, jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti li huma marbuta mill-qrib miegħu. Filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza tagħha stess, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li tali kandidat għandu, b’mod partikolari, ikun jista’ jinvoka l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni li permezz tiegħu jkun ġie adottat l-att inkwistjoni.

    21

    Filwaqt li rreferiet għall-punti 28 u 29 tas-sentenza tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2017, PB vs Il-Kummissjoni (T‑609/16, EU:T:2017:910), il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, li fejn il-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li ma jkunx ġie kkontestat fil-ħin, jikkonċerna r-raġunijiet tad-deċiżjoni individwali kkontestata, l-ammissibbiltà tar-rikors hija aċċettata. Mill-banda l-oħra, fin-nuqqas ta’ rabta mill-qrib bejn ir-raġunijiet stess tad-deċiżjoni kkontestata u l-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li ma ġiex ikkontestat fil-ħin, dan tal-aħħar jitqies inammissibbli.

    22

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 19 sa 21 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, irrilevat li mill-passaport ta’ kompetenzi mogħti lil A. Calhau Correia de Paiva rriżulta li, fir-rigward tal-kompetenza ġenerali fil-qasam tal-komunikazzjoni, intiża sabiex tevalwa l-kapaċità tal-kandidat li “jikkomunika b’mod ċar u preċiż, kemm oralment kif ukoll bil-miktub”, hija kienet kisbet 5.5 punti minn 10, liema punteġġ kien fost l-evalwazzjonijiet u l-marki l-iktar baxxi tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali tagħha. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, minn din l-evalwazzjoni rriżultat, b’mod impliċitu iżda wkoll b’mod neċessarju, konstatazzjoni tal-Bord tal-Għażla fir-rigward ta’A. Calhau Correia de Paiva dwar l-għarfien tagħha tal-lingwa Franċiża jew, tal-inqas, dwar il-profiċjenza fir-rigward ta’ kompetenza kkundizzjonata ferm mill-għarfien li hija kellha ta’ din il-lingwa.

    23

    It-tieni, fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li kienet teżisti rabta mill-qrib bejn l-għarfien ta’ A. Calhau Correia de Paiva de Paiva tal-lingwa Franċiża, li hija għażlet bħala t-tieni lingwa, u t-testijiet li hija kellha tagħmel b’din il-lingwa. Filwaqt li qieset li dan l-għarfien tal-lingwa Franċiża huwa neċessarjament rifless fit-testijiet li l-għan tagħhom huwa li jittestjaw il-kompetenzi ġenerali u speċifiċi, il-Qorti Ġenerali qieset li jekk dawn it-testijiet isiru bil-lingwa materna tal-kandidat jew bil-lingwa li dan tal-aħħar ikollu għarfien tajjeb tagħha, il-possibbiltà li jinkisbu l-aqwa marki fit-testijiet tkun ikbar. Issa, minkejja li fl-att tal-kandidatura tagħha, A. Calhau Correia de Paiva kienet iddikjarat li għandha livell ta’ għarfien tal-lingwa Franċiża ekwivalenti għal-livell C2 tal-QKERL u li wettqet parti mill-istudji tagħha fil-Belġju u fi Franza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li hija ddikjarat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, li kienet iktar profiċjenza bil-lingwa Portugiża, li hija l-lingwa materna tagħha, milli bil-lingwa Franċiża.

    24

    It-tielet, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni hija limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża mhux biss jaffettwa l-kapaċità tal-kandidati li jesprimu ruħhom oralment jew bil-miktub, iżda jiddetermina wkoll it-tip ta’ tastiera li l-kandidati setgħu jużaw sabiex jagħmlu l-istudju ta’ każ. Il-fatt li A. Calhau Correia de Paiva kienet imġiegħla tuża tip ta’ tastiera li, minħabba l-lingwa materna tagħha, hija ma kinitx imdorrija tuża, kellu effett fuq it-twettiq u, għaldaqstant, potenzjalment, fuq ir-riżultat ta’ test, li matulu huwa meħtieġ li jinkiteb, permezz ta’ tastiera, test ta’ ċertu tul f’ħin limitat.

    25

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li kienet teżisti rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistiku tal-kompetizzjoni inkwistjoni, li l-legalità tagħha ġiet ikkontestata. Għaldaqstant, hija ddikjarat ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni.

    26

    Dwar is-sustanza, il-Qorti Ġenerali qieset li la l-ġustifikazzjonijiet mogħtija fl-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż u lanqas il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet ma kienu tali li jissostanzjaw il-fatt li l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kienet limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, iddikjarat dan l-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż inapplikabbli għall-każ ineżami u laqgħet it-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikors. Għaldaqstant, hija annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    27

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad it-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikors ippreżentat minn A. Calhau Correia de Paiva;

    tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u l-ħames motiv tal-imsemmi rikors; u

    tirriżerva d-deċiżjoni tagħha fuq l-ispejjeż.

    28

    A. Calhau Correia de Paiva titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    prinċipalment, tiddikjara l-appell inammissibbli;

    sussidjarjament, fil-każ li l-appell jkun iddikjarat ammissibbli, tiċħdu bħala infondat;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    Fuq l-appell

    L-argumenti tal-partijiet

    29

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq aggravju wieħed, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ żnaturament tal-provi, liema aggravju jinqasam fi tliet partijiet.

    30

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, ikklassifikat il-fatti b’mod żbaljat, meta mill-konstatazzjoni tal-Bord tal-Għażla dwar l-għarfien li A. Calhau Correia de Paiva kellha tal-lingwa Franċiża hija kkonkludiet li kienet teżisti rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistika.

    31

    Skont din l-istituzzjoni, il-marka li kisbet A. Calhau Correia de Paiva fir-rigward tal-kompetenza ġenerali fil-qasam tal-komunikazzjoni ma hijiex determinanti f’dan il-każ. Anki li kieku hija kisbet marka ta’ 10/10 fir-rigward ta’ din il-kompetenza, jiġifieri 4.5 punti iktar, il-punti tagħha xorta ma kinux biżżejjed, peress li hija kellha bżonn ta’ 7.46 punti iktar sabiex tkun inkluża fil-lista ta’ riżerva. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Għażla dwar l-għarfien tal-lingwa Franċiża tal-kandidata ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-rabta mill-qrib meħtieġa mill-ġurisprudenza.

    32

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-premessa li tgħid li rabta mill-qrib hija pprovata mill-marka li kisbet A. Calhau Correia de Paiva fir-rigward tal-kompetenza ġenerali fil-qasam tal-komunikazzjoni hija għalhekk żbaljata. Konsegwentement, din l-istituzzjoni ssostni li l-evalwazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza appellata, sa fejn huma bbażati fuq din il-premessa, huma kollha milquta minn dan l-iżball ta’ liġi.

    33

    Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju uniku, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kklassifikat il-fatti b’mod żbaljat u żnaturat il-provi fejn, fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet, abbażi ta’ kriterju bbażat fuq l-idea li huwa iktar diffiċli għal kandidat li jagħmel testijiet bit-tieni lingwa tiegħu milli bil-lingwa materna tiegħu, li teżisti rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali pparagunat il-livell ta’ A. Calhau Correia de Paiva fil-lingwa Portugiża mal-livell tagħha fil-lingwa Franċiża. Din l-istituzzjoni tosserva li A. Calhau Correia de Paiva ma tikkontestax il-fatt li hija ma setgħetx tagħmel it-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni bil-lingwa Portugiża, iżda l-fatt li l-għażla tat-tieni lingwa kienet limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża. Konsegwentement, il-fatti li enfasizzat il-Qorti Ġenerali ma jippermettux li tiġi stabbilita tali rabta mill-qrib.

    34

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata, żnaturat il-provi billi injorat il-fatt li, f’dan il-każ, minbarra l-lingwa materna tagħha, iż-żewġ lingwi l-oħra li A. Calhau Correia de Paiva kienet taf l-aħjar kienu l-lingwa Ingliża u l-lingwa Franċiża. Għalhekk, l-għażla limitata tat-tieni lingwa ma kinitx tali li tqegħidha fi żvantaġġ, dan billi ż-żewġ lingwi li setgħu jintużaw kienu dawk li hija kienet iddikjarat li taf l-aħjar fil-livell ta’ C2. Għaldaqstant, din il-limitazzjoni ma tistax titqies li kellha impatt negattiv fuq il-prestazzjoni ta’ A. Calhau Correia de Paiva u anqas li għandha rabta mill-qrib mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    35

    Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju uniku, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, ikklassifikat il-fatti b’mod żbaljat, billi bbażat ir-rabta mill-qrib meħtieġa mill-ġurisprudenza fuq il-fatt li A. Calhau Correia de Paiva għamlet it-test bil-miktub b’tastiera li ma kinitx tat-tip QWERTY PT li hija kienet imdorrija tuża.

    36

    Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-għażla tat-tip ta’ tastiera ma għandhiex x’taqsam mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, anki jekk huwa minnu li l-EPSO offra għażla limitata ta’ tipi ta’ tastieri għall-istudju ta’ każ, din hija kwistjoni separata minn dik tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni, peress li l-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż bl-ebda mod ma jsemmi t-tipi ta’ tastieri li l-kandidati setgħu jużaw waqt dan it-test. Barra minn hekk, il-fatt li A. Calhau Correia de Paiva għażlet tastiera tat-tip QWERTY EN, minkejja li għażlet li tagħmel l-istudju ta’ każ bil-Franċiż juri li ż-żewġ kwistjonijiet huma distinti.

    37

    A. Calhau Correia de Paiva tqis li l-aggravju uniku huwa fir-realtà intiż sabiex jikkontesta l-fatti li ġew stabbiliti mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tiċħad l-aggravju kollu kemm hu, jew kull waħda mit-tliet partijiet tiegħu, bħala inammissibbli.

    38

    Sussidjarjament, A. Calhau Correia de Paiva tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-Kummissjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fuq l-ammissibbiltà

    39

    Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn A. Calhau Correia de Paiva, abbażi tal-fatt li l-aggravju uniku huwa intiż li jikkontesta l-fatti stabbiliti mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fejn il-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt dedotti mill-Qorti Ġenerali (sentenza tal-4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 47)

    40

    Issa, bil-maqlub ta’ dak li ssostni A. Calhau Correia de Paiva, l-aggravju uniku tal-appell ma huwiex intiż sabiex jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, kif ukoll il-konsegwenzi li hija siltet dwar l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistika.

    41

    Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn A. Calhau Correia de Paiva għandha tiġi miċħuda.

    Fuq il-mertu

    42

    Permezz tat-tliet partijiet tal-aggravju uniku tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni tikkontesta r-raġunijiet li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddikjarat ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż. B’mod iktar preċiż, din l-istituzzjoni ssostni, essenzjalment, li l-ebda waħda mill-provi li semmiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 54 sa 58 tas-sentenza appellata ma tippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistika li tapplika għalih u li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità kienet ammissibbli.

    43

    Skont l-Artikolu 277 TFUE, kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni Ewropea, tinvoka motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dak l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    44

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Peress li l-għan tal-Artikolu 277 TFUE ma huwiex li jippermetti lil parti li tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun jista’ jiġi applikat, b’mod dirett jew indirett, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Huwa għalhekk li, fejn jiġu ppreżentati rikorsi intiżi sabiex jiġu annullati deċiżjonijiet individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmija deċiżjonijiet jew li għandhom rabta legali diretta ma’ tali deċiżjonijiet jistgħu, b’mod validu, ikunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

    47

    Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija inammissibbli eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att ta’ portata ġenerali li d-deċiżjoni individwali kkontestata tiegħu ma tikkostitwixxix miżura ta’ applikazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P, EU:C:2020:676, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra avviż ta’ kompetizzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, l-ewwel, li l-fatt li l-avviż ta’ kompetizzjoni ma ġiex ikkontestat fit-termini previsti ma jwaqqafx lir-rikorrent milli jinvoka irregolaritajiet li seħħew matul l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, anki jekk l-oriġini ta’ tali irregolaritajiet tista’ tinstab fit-test tal-avviż ta’ kompetizzjoni (sentenza tat-8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il-Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, EU:C:1988:119, punt 15).

    49

    It-tieni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, rikorrent jista’, fejn jiġi ppreżentat rikors kontra atti sussegwenti, jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti li huma marbuta mill-qrib magħhom. Fil-fatt, f’tali proċedura ma jistax ikun meħtieġ li l-persuni kkonċernati jippreżentaw daqstant rikorsi daqs in-numru ta’ atti li jistgħu jikkawżawlhom preġudizzju (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1965, Ley vs Il-Kummissjoni, 12/64 u 29/64, EU:C:1965:28, p. 143, 158; tas-7 ta’ April 1965, Alfieri vs Il-Parlament, 35/64, EU:C:1965:40, p. 337, 344, kif ukoll tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, EU:C:1995:264, punt 17). Din il-ġurisprudenza tieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-proċedura ta’ reklutaġġ, li hija operazzjoni amministrattiva kumplessa komposta minn sensiela ta’ deċiżjonijiet marbuta mill-qrib ħafna (sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, EU:C:1995:264, punt 19).

    50

    Għalhekk, motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni huwa ammissibbli sa fejn jikkonċerna l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tas-6 ta’ Lulju 1988, Simonella vs Il-Kummissjoni, 164/87, EU:C:1988:371, punt 19). Il-kriterju tar-rabta mill-qrib li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 ta’ din is-sentenza jippreżupponi, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni li l-illegalità tiegħu hija invokata ġew applikati insostenn tad-deċiżjoni individwali li hija s-suġġett tar-rikors għal annullament.

    51

    B’hekk, dan il-kriterju jixbah, essenzjalment, il-kriterju tar-“rabta ġuridika diretta”, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li jippreżupponi wkoll li deċiżjoni individwali bħal din tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni tal-att ta’ portata ġenerali li l-illegalità tiegħu hija eċċepita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 237, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 75).

    52

    Għal dan il-għan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni sostanzjali, u mhux sempliċement dik formali, tad-deċiżjoni individwali kkontestata.

    53

    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali rabta mill-qrib għandha tiġi injorata fejn id-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestati ma jkollhom ebda rabta mar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni individwali kkontestata.

    54

    F’dan il-każ, il-kompetizzjoni EPSO/AD/293/14 hija, bħall-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan (C‑448/93 P, EU:C:1995:264), kompetizzjoni ġenerali li l-għan tagħha huwa li tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fi ħdan il-Kummissjoni. Konsegwentement, din il-kompetizzjoni hija operazzjoni amministrattiva kumplessa, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, jaqbel li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib, fis-sens tal-istess ġurisprudenza, bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistika.

    55

    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, mill-punt 53 tas-sentenza appellata jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li l-isem ta’ A. Calhau Correia de Paiva ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva minħabba li hija ma kinitx fost il-kandidati li kisbu l-ogħla punti fit-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

    56

    Kif jirriżulta mill-punt 4 ta’ din is-sentenza, dawn it-testijiet kienu jikkonsistu fi studju ta’ każ, eżerċizzju ta’ grupp u intervista strutturata. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, permezz ta’ dawn it-testijiet, kienet b’mod partikolari ttestjata l-kompetenza ġenerali fil-qasam tal-komunikazzjoni msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, u dan kemm oralment, waqt l-intervista strutturata, kif ukoll bil-miktub, waqt l-istudju ta’ każ.

    57

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fl-imsemmi punt 54, ikklassifikat il-fatti b’mod żbaljat, fejn hija kkonstatat li kienet teżisti rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistika, peress li l-punti li kisbet A. Calhau Correia de Paiva fir-rigward tal-kompetenza ġenerali fil-qasam tal-komunikazzjoni ma humiex determinanti f’dan il-każ.

    58

    Madankollu, hekk kif osservat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tagħha, dan l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-premessa li l-isem ta’ A. Calhau Correia de Paiva ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva minħabba punti li hija kisbet fir-rigward ta’ kompetenzi li huma differenti mill-kompetenza ġenerali fil-qasam tal-komunikazzjoni. Issa, billi l-Qorti Ġenerali ma identifikatx tali kompetenzi determinanti għal dan in-nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, li għandha tagħmel tali evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament, li ma ġiex invokat mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-argument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 43).

    59

    Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti stabbiliti mill-Qorti Ġenerali u l-konsegwenzi legali li hija siltet minnha, li l-istħarriġ tagħha jaqa’, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-punti li kisbet A. Calhau Correia de Paiva fir-rigward tal-kompetenza ġenerali fil-qasam tal-komunikazzjoni li l-Bord tal-Għażla kien għamel, anki jekk b’mod impliċitu biss, konstatazzjoni dwar l-għarfien tal-lingwa Franċiża tal-kandidata jew, tal-inqas, dwar il-profiċjenza fir-rigward ta’ kompetenza kkundizzjonata ferm mill-għarfien ta’ din il-lingwa. Peress li l-evalwazzjoni ta’ din il-kompetenza ġenerali fil-qasam tal-komunikazzjoni fil-kuntest tat-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni hija prevista mid-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistika, hemm lok li dawn tal-aħħar jitqiesu li kellhom effett fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    60

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, abbażi tal-evalwazzjoni magħmula fil-punt 54 tas-sentenza appellata, qieset, fil-punti 60 u 61 ta’ din tal-aħħar, li kienet teżisti rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistika.

    61

    Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta, abbażi tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 58 tas-sentenza appellata, setgħet tikkonkludi li teżisti tali rabta mill-qrib.

    62

    Fil-fatt, għalkemm dan l-avviż ta’ kompetizzjoni mkien ma jsemmi t-tipi ta’ tastieri offruti, għandu jiġi kkonstatat li l-għażla limitata tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni ddeterminat l-għażla daqstant limitata tal-imsemmija tastieri, li huma għodda essenzjali sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jesprimu ruħhom bil-miktub. B’hekk, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali, din l-għażla limitata, li timplika li A. Calhau Correia de Paiva ma setgħetx tuża tastiera tat-tip li hija kienet imdorrija biha, seta’ jkollha effett fuq ir-riżultat miksub minnha fit-test tal-istudju ta’ każ, li jitlob li jinkiteb test ta’ ċertu tul f’ħin limitat, u għalhekk fuq il-kompetenzi ġenerali kollha ttestjati matul l-imsemmi test.

    63

    Fid-dawl tal-premess, hekk kif rrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tagħha, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, filwaqt li A. Calhau Correia de Paiva tikkontesta, permezz tal-eċċezzjoni tagħha ta’ illegalità, il-fatt li l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni hija limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża, il-paragun bejn il-livell tagħha fil-lingwa Franċiża u l-livell tagħha fil-lingwa Portugiża, il-lingwa materna tagħha li hija għażlet bħala lingwa prinċipali tal-kompetizzjoni, ma għandu l-ebda rilevanza sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż dwar is-sistema lingwistika.

    64

    Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk ir-raġunijiet ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher li huwa bbażat fuq raġunijiet legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tar-raġunijiet (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    F’dan il-każ, peress li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata hija ġġustifikata abbażi tal-evalwazzjoni magħmula fil-punti 54 u 58 tagħha, kif riflessi fil-punti 22 u 24 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 63 ta’ din tal-aħħar ma għandux effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni kienet biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li A. Calhau Correia de Paiva kellha dritt tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż.

    66

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-aggravju uniku u, għaldaqstant, l-appell innifsu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq l-ispejjeż

    67

    Bis-saħħa tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    68

    F’dan il-każ, peress li A. Calhau Correia de Paiva talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża, il-Kummissjoni għandha tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn A. Calhau Correia de Paiva f’dan l-appell.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn Ana Calhau Correia de Paiva f’dan l-appell.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top