EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0472

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Frar 2023.
Monz Handelsgesellschaft lnternational mbH & Co. KG vs Büchel GmbH & Co. Fahrzeugtechnik KG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Disinn – Direttiva 98/71/KE – Artikolu 3(3) u (4) – Kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless – Kunċetti ta’ ‘viżibbiltà’ u ta’ ‘użu normali’ – Viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott mill-utent finali.
Kawża C-472/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:105

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

16 ta’ Frar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Disinn – Direttiva 98/71/KE – Artikolu 3(3) u (4) – Kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless – Kunċetti ta’ ‘viżibbiltà’ u ta’ ‘użu normali’ – Viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott mill-utent finali”

Fil-Kawża C‑472/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

Monz Handelsgesellschaft International mbH & Co. KG

vs

Büchel GmbH & Co. Fahrzeugtechnik KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Monz Handelsgesellschaft International mbH & Co. KG, minn C. Rohnke u T. Winter, Rechtsanwälte,

għal Büchel GmbH & Co. Fahrzeugtechnik KG, minn M. Pilla, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Gippini Fournier, J. Samnadda u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Monz Handelsgesellschaft International mbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Monz”) u Büchel GmbH & Co. Fahrzeugtechnik KG (iktar ’il quddiem “Büchel”) dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn nazzjonali rreġistrat ippreżentata minn din il-kumpannija. tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 98/71

3

Skont il-premessa 12 tad-Direttiva 98/71:

“[…] l-protezzjoni m’għandhiex tkun estiża għal dawk il-partijiet komponenti li ma jkunux jidhru matul l-użu normali ta’ prodott, jew għal dawk il-karatteristiċi ta’ dik il-parti li ma jkunux jidhru meta l-parti tkun immuntata, jew li weħidhom ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ novità jew ta’ karattru individwali; […] l-karattersitiċi ta’ disinn li mhumiex protetti għal dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jitqiesu biex ikun eżaminat jekk karatteristiċi oħrajn tad-disinn jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘disinn’ tfisser id-dehra tal-prodott kollu jew parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi, b’mod partikolari, ta’ linji, kontorni, kuluri, għamla, nisġa u/jew materjali tal-prodott innifsu u/jew it-tiżjin tiegħu;

(b)

‘prodott’ tfisser kull oġġett industrijali jew artiġjanat, magħduda, fost l-oħrajn, partijiet maħsuba biex jifformaw prodott kumpless, ippakkjar, preżentazzjoni, simboli grafiċi u karattri tipografiċi, iżda mhux magħduda programmi għal kompjuter;

(ċ)

‘prodott kumpless’ tfisser prodott li jkun magħmul minn diversi komponenti li jkunu jistgħu jinbidlu jekk il-prodott ikun jista’ jiżżarma u jintrama mill-ġdid.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħtiġijiet għall-protezzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipproteġu disinji permezz ta’ reġistrazzjoni, u għandhom jagħtu drittijiet esklussivi lit-titolari tagħhom skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.   Disinn għandu jkun protett minn dritt ta’ disinn jekk dan ikun ġdid u jkolli karattru individwali

3.   Disinn applikat lil jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jitqies biss li hu ġdid u li għandu karattru individwali:

(a)

jekk il-parti komponenti, ladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar, u

(b)

sakemm dawk il-karatteristiċi li jkunu jidhru tal-parti komponenti jissodisfaw fihom infushom il-ħtiġijiet dwar novità u karattru individwali.

4.   ‘Użu normali’ skond it-tifsira tal-paragrafu (3)(a) tfisser użu min minn jagħmel użu finali, mhux magħdudin il-manutenzjoni, servis jew tiswija.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Karattru individwali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Disinn jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali ta’ min juża l-prodott b’mod infurmat tkun differenti minn dik li jħalli fuq min juża disinn ieħor pubbliku qabel id-data tal-preżentata ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk tkun intalbet priorità, id-data tal-prijorità.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 6/2002

7

Il-premessi 9 u 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), huma fformulati kif ġej:

“(9)

Id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-Regolament fuq il-liġijiet dwar id-disinji għandhom jiġu allineati mad-dispożizzjonijiet rispettivi fid-Direttiva 98/71/KE.

[…]

(12)

Il-protezzjoni ma għandhiex tiġi mifruxa fuq dawk il-partijiet komponenti li ma jidhrux matul l-użu normali ta’ prodott, lanqas għal dawk il-karatteristiċi ta’ din il-parti li ma jidhrux meta l-parti tiġi mmuntata, jew li fihom infushom ma jwettqux il-ħtiġiet rigward in-novità u l-karattru individwali. B’konsegwenza ta’ dan, dawk il-karatteristiċi li huma esklużi mill-protezzjoni għal dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jitqiesu bl-għan li jiġi stmat jekk il-karatteristiċi l-oħra tad-disinn iwettqux il-ħtiġiet tal-protezzjoni.”

8

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, jistabbilixxi li:

“1.   Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

2.   Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:

(a)

jekk il-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar, u

(b)

safejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

3.   ‘Użu normali’ fit-tifsira tal-paragrafu (2)(a) għandu jfisser l-użu mill-aħħar utent, bl-esklużjoni taż-żamma fl-ordni [manutenzjoni], is-servi[s] jew ix-xogħol tat-tiswija.”

Id‑dritt Ġermaniż

9

Il-punt (4) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 4 tal-Gesetz über den rechtlichen Schutz von Design (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Disinni), tal‑24 ta’ Frar 2014 (BGBl. 2014 I, p. 122), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“DesignG”), jittrasponu l-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71.

10

L-Artikolu 1 tad-DesignG, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-punt 3 tiegħu, li prodott kumpless huwa prodott kompost minn diversi partijiet komponenti li jistgħu jiġu ssostitwiti b’mod li l-prodott ikun jista’ jiżżarma u jintrama mill-ġdid. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 1, l-“użu normali” huwa ddefinit bħala l-użu mill-utent finali, bl-eċċezzjoni tal-manutenzjoni, tas-servis jew tat-tiswija.

11

L-Artikolu 4 tad-DesignG, intitolat “Komponenti ta’ prodotti kumplessi” jipprovdi li disinn applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jitqies li huwa ġdid u li għandu karattru individwali biss sa fejn il-parti komponenti, ladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan il-prodott, u sa fejn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jissodisfaw fihom innifishom il-kundizzjonijiet ta’ novità u ta’ karattru individwali.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Monz, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, hija l-proprjetarja ta’ disinn, irreġistrat sa mit‑3 ta’ Novembru 2011 mad-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem id-“DPMA”), għall-prodotti “sruġ ta’ roti jew ta’ muturi”. Dan id-disinn huwa rreġistrat b’rappreżentazzjoni unika, li turi n-naħa ta’ taħt ta’ sarġ kif ġej:

Image

13

Büchel, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, talbet, fis‑27 ta’ Lulju 2016, quddiem id-DPMA, l-invalidità tad-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi sostniet li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-protezzjoni legali tad-disinni skont l-Artikolu 4 tadDesignG. Hija sostniet b’mod partikolari li dan id-disinn applikat għal sarġ, li hija parti minn prodott kumpless bħal “rota” jew “mutur”, ma kienx viżibbli fil-każ ta’ użu normali ta’ dan il-prodott.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Awwissu 2018, id-DPMA ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi qies li, għad-disinn ikkontestat fil-kawża prinċipali, ma kien hemm ebda raġuni għalfejn għandu jiġi eskluż mill-protezzjoni skont l-Artikolu 4 tad-DesignG. Fil-fehma tad-DPMA, għalkemm is-sarġ tar-rota, li fuqu huwa applikat dan id-disinn huwa ċertament “parti komponenti ta’ prodott kumpless”, din il-parti tibqa’ madankollu viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott kumpless. Id-DPMA qies li użu normali ta’ tali prodott ikopri wkoll “iż-żarmar u l-installazzjoni mill-ġdid tas-sarġ għal raġunijiet minbarra l-manutenzjoni, is-servis jew it-tiswija”, peress li dawn tal-aħħar jinsabu f’lista eżawrjenti ta’ użi esklużi minn dan il-kunċett, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-DesignG.

15

Wara lment imressaq minn Büchel kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi, il-Ġermanja), din il-orti ddikjarat, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2020, l-invalidità tad-disinn ikkontestat fil-kawża prinċipali għar-raġuni li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ novità u ta’ karattru individwali. Skont l-imsemmija qorti, abbażi tal-Artikolu 4 tad-DesignG, huma biss il-partijiet komponenti li jibqgħu “viżibbli, bħala komponenti tal-prodott kumpless, wara li jiġu installati/inkorporati fih”, li jistgħu immedjatament jibbenefikaw mill-protezzjoni legali tad-disinni. Min-naħa l-oħra, parti komponenti li tkun viżibbli biss minħabba jew fl-okkażjoni tas-separazzjoni tagħha minn prodott kumpless ma tistax titqies li tissodisfa l-kundizzjoni ta’ viżibbiltà u ma tistax, għaldaqstant, tibbenefika minn din il-protezzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti kkunsidrat biss bħala użu normali, fis-sens tal-punt (4) tal-Artikolu 1 tad-DesignG, is-sewqan ta’ rota kif ukoll li wieħed jirkeb u jinżel minn fuq rota. Skont din il-qorti, fil-kuntest ta’ dan l-użu, in-naħa ta’ taħt tas-sarġ la huwa viżibbli għall-utent finali u lanqas għal terzi.

16

Monz ippreżentat appell minn dik is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din il-qorti tqis li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “viżibbiltà” u ta’ “użu normali”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71.

17

Il-qorti tar-rinviju tindika, qabelxejn, li hija taqbel mal-opinjoni tal-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi) li tgħid li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 64), rota tikkostitwixxi prodott kumpless u s-sarġ huwa parti komponenti minn dan il-prodott.

18

Din il-qorti tqis li, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha, għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk ir-rekwiżit ta’ “viżibbiltà” ta’ parti, ladarba tkun inkorporata fil-prodott kumpless, waqt “użu normali” ta’ dan il-prodott għandux jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti kundizzjonijiet tal-użu tal-imsemmi prodott jew ta’ ċerti perspettivi min-naħa tal-osservatur jew, għall-kuntrarju, tal-unika possibbiltà oġġettiva li jiġi rrikonoxxut id-disinn applikat fuq il-parti komponenti kif integrata fil-prodott kumpless.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi, minn naħa, li l-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi) ikkonkludiet li huwa neċessarju li l-parti komponenti tibqa’ viżibbli għall-utent finali jew għal terz, fil-kuntest tal-użu normali mill-utent finali tal-prodott kumpless li fih tkun inkorporata din il-parti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet li, sabiex id-disinn ikun jista’ jiġi protett, huwa biżżejjed li dan ikun jista’ jiġi identifikat meta l-parti komponenti li fuqha jiġi applikat tkun integrata fil-prodott kumpless. Għaldaqstant, huwa irrelevanti jekk id-disinn jistax jiġi faċilment osservat minn “perspettiva” partikolari.

20

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71, peress li qieset li l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jistax jiġi dedott b’mod ċar minn din id-direttiva.

21

Din il-qorti tqis, b’mod partikolari, li l-kunsiderazzjoni li produttur li ma jarax interess li jippreżenta b’mod viżibbli disinn ma għandux interess li jinvoka l-protezzjoni ta’ dan id-disinn hija wisq sempliċi, peress li l-proprjetarju tad-disinn, il-produttur tal-parti komponenti u l-produttur tal-prodott kumpless ma humiex neċessarjament l-istess persuna.

22

Barra minn hekk, hija tosserva li, skont id-duttrina, din id-dispożizzjoni tmur kontra l-prinċipju li jgħid li l-kapaċità li wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni legali tad-disinni għandha diġà tiġi stabbilita fil-mument tar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkonċernat.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-kunsiderazzjonijiet jimmilitaw favur interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71.

24

Madankollu, din il-qorti tqis li, għalkemm it-tifsira fil-lingwaġġ kurrenti tat-terminu “viżibbli” tissuġġerixxi fehim oġġettiv li jirreferi għall-possibbiltà li oġġett jiġi pperċepit, ma jistax jiġi dedott mill-kliem “użu normali” li forom partikolari ta’ osservazzjoni tal-prodott kumpless huma esklużi.

25

Fit-tieni lok, għandhom jiġu ddeterminati l-kriterji li huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-“użu normali” ta’ prodott kumpless mill-utent finali, fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva.

26

F’dan ir-rigward, tqum, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu mixtieq mill-produttur tal-parti komponenti jew tal-prodott kumpless jew sempliċement l-użu abitwali tal-prodott kumpless mill-utent finali.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “użu normali”, li tinsab fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, tista’ tinftiehem fis-sens li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, kull użu mill-utent finali tal-prodott kumpless huwa bħala prinċipju użu normali, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li huma ċċitati f’din id-dispożizzjoni.

28

Fir-rigward tal-kriterju tal-użu intiż mill-produttur tal-parti komponenti jew tal-prodott kumpless, din il-qorti tindika li l-applikazzjoni tiegħu tippermetti, fil-fehma tagħha, li tiġi evitata l-esklużjoni tal-protezzjoni legali tad-disinni peress li l-użu tal-prodott kumpless mill-utenti finali huwa irrilevanti, filwaqt li tfakkar ir-riżervi tagħha fir-rigward ta’ dan il-kriterju msemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

29

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk huwiex biss l-użu prinċipali tal-prodott kumpless li huwa determinanti jew jekk użu ieħor ta’ dan il-prodott għandux, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni.

30

F’dan ir-rigward, dik il-qorti hija favur interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, sabiex jiġu mminimizzati l-effetti tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, meqjus mid-duttrina bħala li jmur kontra l-loġika tas-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni, u sabiex tiġi evitata inugwaljanza fit-trattament ikbar bejn il-proprjetarji ta’ disinni li jkopru partijiet komponenti ta’ prodotti kumplessi u l-proprjetarji ta’ disinni oħra.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Komponent li jinkludi disinn huwa parti li ‘tidher’ fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [98/71] jekk ikun oġġettivament possibbli li d-disinn jiġi rrikonoxxut meta l-komponent ikun installat jew il-viżibbiltà għandha tiġi evalwata taħt kundizzjonijiet partikolari ta’ użu jew minn perspettiva partikolari ta’ osservatur?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fis-sens li l-viżibbiltà taħt kundizzjonijiet partikolari ta’ użu jew minn perspettiva partikolari ta’ osservatur hija l-kriterju deċiżiv:

a)

fl-evalwazzjoni tal-‘użu normali’ ta’ prodott kumpless mill-utent finali fis-sens tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva [98/71], huwa rilevanti l-użu intenzjonat mill-manifattur tal-komponent jew tal-prodott kumpless, jew huwa rilevanti l-użu abitwali tal-prodott kumpless magħmul mill-utent finali?

b)

liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ prodott kumpless minn utent finali huwiex użu ‘normali’ fis-sens tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva [98/71]?”

Fuq id‑domandi preliminari

32

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ “viżibbiltà”, previst f’din id-dispożizzjoni, sabiex disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni legali tad-disinni, għandu jiġi evalwat abbażi ta’ ċerti kundizzjonijiet tal-użu ta’ dan il-prodott kumpless jew sempliċement fir-rigward tal-possibbiltà oġġettiva li disinn applikat fuq il-parti komponenti jiġi rrikonoxxut bħala integrat fil-prodott kumpless u, min-naħa l-oħra, liema huma l-kriterji rilevanti sabiex jiġi kklassifikat l-“użu normali” ta’ prodott kumpless mill-utent finali.

33

Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ tilwima maħluqa mit-talba mressqa minn Büchel intiża għall-annullament tad-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li allegatament dan ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni legali tad-disinni peress li s-sarġ, bħala parti minn prodott kumpless bħalma huma r-“rota” jew il-“mutur”, ma huwiex viżibbli fil-każ ta’ użu normali ta’ dan il-prodott kumpless.

34

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, is-sarġ ta’ rota jew ta’ mutur jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71, rota jew mutur li jikkostitwixxu, fihom innifishom, prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, sarġ jista’ jiġi ssostitwit b’mod li jippermetti ż-żarmar u l-armar mill-ġdid tar-rota jew tal-mutur u, fl-assenza tiegħu, dan il-prodott kumpless ma jkunx jista’ jkun is-suġġett ta’ użu normali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punti 64 sa 66).

35

Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tagħha, disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali, sa fejn il-parti komponenti, ladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan il-prodott [(punt a)] u sa fejn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jissodisfaw fihom innifishom ir-rekwiżiti dwar in-novità u l-karattru individwali [(punt b)].

36

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71 jistabbilixxi regola speċjali li tirrigwarda speċifikament id-disinni li jiġu applikati jew inkorporati f’prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 98/71.

37

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 98/71, hija d-dehra ta’ prodott jew ta’ parti minnu li hija s-suġġett tal-protezzjoni legali tad-disinni skont din id-direttiva.

38

Fil-kuntest tal-protezzjoni tad-disinni prevista mir-Regolament Nru 6/2002, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dehra tikkostitwixxi l-element determinanti ta’ disinn u li l-fatt li karatteristika ta’ disinn tkun viżibbli tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punti 6263, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari, C‑123/20, EU:C:2021:889, punt 30).

39

Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-disinni inkorporati fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex id-dehra tal-parti komponenti ta’ prodott kumpless tkun tista’ tiġi protetta bħala disinn, din għandha, mid-definizzjoni tagħha stess, tkun viżibbli u ddelimitata minn karatteristiċi li jikkostitwixxu d-dehra partikolari tagħha, jiġifieri permezz ta’ linji, kontorni, kuluri, għamla jew saħansitra nisġa partikolari. Dan jissuponi li d-dehra ta’ din il-parti komponenti ma tistax titħallat kompletament fil-prodott kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari, C‑123/20, EU:C:2021:889, punti 4950).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-istess prinċipji huma applikabbli għas-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni prevista mid-Direttiva 98/71.

41

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 98/71 jeżiġi li, sabiex parti komponenti, inkorporata fi prodott kumpless, tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni bħala disinn, din għandha tibqa’ viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott. Barra minn hekk, konformement mal-premessa 12 ta’ din id-direttiva, il-protezzjoni ma għandhiex tiġi estiża għal dawk il-partijiet komponenti li ma jidhrux matul l-użu normali ta’ prodott, u lanqas għal dawk il-karatteristiċi ta’ din il-parti komponenti li ma jidhrux meta l-parti tiġi armata, kif ukoll lanqas għall-karatteristiċi tal-partijiet komponenti li fihom innifishom ma jissodisfawx il-ħtiġiet rigward in-novità u l-karattru individwali.

42

Din il-limitazzjoni tal-protezzjoni legali tad-disinni għall-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti kkonċernata hija spjegata mill-fatt li d-dehra ta’ din il-parti tirriżulta esklużivament minnhom.

43

Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-istruttura tad-Direttiva 98/71 kif ukoll mill-għan imfittex mill-Artikolu 3(3) tagħha. Fil-fatt, il-protezzjoni ta’ disinn skont din id-direttiva tapplika biss għall-karatteristiċi li jiddeterminaw id-dehra ta’ prodott jew ta’ parti minn prodott. Parti komponenti tagħmel neċessarjament parti mid-dehra tal-prodott kumpless (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 73).

44

Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 98/71 jirriżulta b’mod ċar li, sabiex tibbenefika mill-protezzjoni legali tad-disinni, il-parti komponenti, ladarba tkun inkorporata fil-prodott kumpless, għandha tibqa’ viżibbli “waqt użu normali” ta’ dan il-prodott.

45

Minn dan jirriżulta li evalwazzjoni in abstracto tal-viżibbiltà tal-parti komponenti inkorporata fi prodott kumpless, mingħajr rabta ma’ kwalunkwe sitwazzjoni konkreta tal-użu ta’ dan il-prodott, ma hijiex biżżejjed sabiex tali parti komponenti tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni abbażi ta’ disinni skont id-Direttiva 98/71. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71 ma jitlobx, madankollu, li parti komponenti li tkun inkorporata fi prodott kumpless tibqa’ viżibbli fl-intier tagħha f’kull mument li jintuża l-prodott kumpless.

46

Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-viżibbiltà ta’ parti komponenti inkorporata fi prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71, moqri flimkien mal-Artikolu 3(4) tagħha, ma tistax tiġi evalwata biss mill-perspettiva tal-utent finali ta’ dan il-prodott. F’dan ir-rigward, il-viżibbiltà ta’ tali parti komponenti għal osservatur estern għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni.

47

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, il-kunċett ta’ “użu normali” ta’ prodott kumpless huwa ddefinit bħala “użu min minn jagħmel użu finali, mhux magħdudin il-manutenzjoni, servis jew tiswija”. Skont din id-definizzjoni, l-“użu normali” jikkorrispondi għall-użu mill-utent finali. Minn dan huwa espliċitament eskluż l-użu mill-utent finali li jaqa’ taħt il-manutenzjoni, is-servis jew it-tiswija tal-prodott kumpless.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “użu normali” ta’ prodott mill-utent finali, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, jikkorrispondix għall-użu mixtieq mill-produttur jew mid-disinjatur tal-parti komponenti, għal dak mixtieq mill-produttur jew mid-disinjatur tal-prodott kumpless jew mal-użu abitwali tal-prodott kumpless mill-utent finali.

49

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-“użu normali” ta’ prodott kumpless jikkorrispondix mal-użu mixtieq mill-produttur tal-parti komponenti, għal dak mixtieq mill-produttur tal-prodott kumpless jew mal-użu abitwali ta’ dan il-prodott mill-utent finali, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, konformement mal-kliem tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“użu normali” tal-prodott kumpless mill-utent finali.

50

F’dan ir-rigward, għalkemm il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71 tikkunsidra bħala kriterju tal-viżibbiltà ta’ parti komponenti inkorporata fi prodott kumpless l-“użu konformi mal-użu intenzjonat tagħha” (“bestimmungsgemäße Verwendung”), verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“normal use”), bil-lingwa Franċiża (“utilisation normale”), bil-lingwa Taljana (“la normale utilizzazione”), bil-lingwa Spanjola (“la utilización normal”) jew bil-lingwa Olandiża (“normaal gebruik”), jindikaw li l-parti komponenti inkorporata fi prodott kumpless għandha tibqa’ viżibbli matul l-użu “normali” jew “abitwali” ta’ dan il-prodott.

51

Għandu jiġi rrilevat li, kif enfasizzat, essenzjalment, il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-użu normali jew abitwali ta’ prodott kumpless mill-utent finali jikkorrispondi, bħala regola ġenerali, għal użu konformi mal-użu intenzjonat tal-prodott kumpless mixtieq mill-produttur jew mid-disinjatur tiegħu.

52

B’dan premess, kif irrilevat, essenzjalment, il-Kummissjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu normali”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri l-użu abitwali tal-prodott kumpless mill-utent finali, sabiex jeskludi użu ta’ dan il-prodott fi stadji oħra tal-kummerċ u b’hekk jevita evażjoni tal-kundizzjoni ta’ viżibbiltà. L-evalwazzjoni tal-“użu normali” ta’ prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(3)(a) u (4) tad-Direttiva 98/71, ma tistax għalhekk tkun ibbażata biss fuq l-intenzjoni tal-produttur tal-parti komponenti jew tal-prodott kumpless.

53

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar liema użu ta’ prodott kumpless mill-utent finali jikkostitwixxi “użu normali”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax liema tip ta’ użu ta’ tali prodott huwa kopert minn dan il-kunċett u tirreferi, b’mod ġenerali, għall-użu ta’ tali prodott mill-utent finali, jimmilita favur interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi kunċett.

54

F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-prattika, l-użu ta’ prodott fil-funzjoni prinċipali tiegħu jeħtieġ ħafna drabi diversi atti li jistgħu jitwettqu qabel jew wara li l-prodott ikun issodisfa din il-funzjoni prinċipali, bħall-ħażna u t-trasport tiegħu. Konsegwentement, hemm lok li jitqies li l-“użu normali” ta’ prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, ikopri dawn l-atti kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma espressament esklużi mill-imsemmi paragrafu 4, jiġifieri l-atti relatati mal-manutenzjoni, mas-servis u mat-tiswija.

55

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “użu normali”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, għandu jkopri l-atti li jirrigwardaw l-użu abitwali ta’ prodott kif ukoll atti oħra li jistgħu raġonevolment jitwettqu waqt tali użu u li huma abitwali mill-perspettiva tal-utent finali, inklużi dawk li jistgħu jitwettqu qabel jew wara li l-prodott ikun wettaq il-funzjoni prinċipali tiegħu, bħall-ħażna u t-trasport tiegħu.

56

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ “viżibbiltà”, previst f’din id-dispożizzjoni, sabiex disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni legali tad-disinni, għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ sitwazzjoni ta’ użu normali ta’ dan il-prodott kumpless, b’tali mod li l-parti kkonċernata, ladarba tkun inkorporata fl-imsemmi prodott, tibqa’ tidher matul tali użu. Għal dan il-għan, il-viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless waqt l-“użu normali” tiegħu mill-utent finali għandha tiġi evalwata mill-perspettiva ta’ dan l-utent kif ukoll minn dik ta’ osservatur estern, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dan l-użu normali għandu jkopri l-atti mwettqa waqt l-użu prinċipali ta’ prodott kumpless kif ukoll dawk li għandhom normalment jitwettqu mill-utent finali fil-kuntest ta’ tali użu, bl-eċċezzjoni tal-manutenzjoni, tas-servis u tat-tiswija.

Fuq l‑ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

r-rekwiżit ta’ “viżibbiltà”, previst f’din id-dispożizzjoni, sabiex disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni legali tad-disinni, għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ sitwazzjoni ta’ użu normali ta’ dan il-prodott kumpless, b’tali mod li l-parti kkonċernata, ladarba tkun inkorporata fl-imsemmi prodott, tibqa’ tidher matul tali użu. Għal dan il-għan, il-viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless waqt l-“użu normali” tiegħu mill-utent finali għandha tiġi evalwata mill-perspettiva ta’ dan l-utent kif ukoll minn dik ta’ osservatur estern, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dan l-użu normali għandu jkopri l-atti mwettqa waqt l-użu prinċipali ta’ prodott kumpless kif ukoll dawk li għandhom normalment jitwettqu mill-utent finali fil-kuntest ta’ tali użu, bl-eċċezzjoni tal-manutenzjoni, tas-servis u tat-tiswija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.

Top