EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0449

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Marzu 2023.
Towercast SASU vs Autorité de la concurrence u Ministère de l’Économie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Cour d'appel de Paris.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 21(1) – Applikazzjoni esklużiva ta’ dan ir-regolament għall-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni’ – Portata – Operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nieqsa minn dimensjoni Komunitarja li tkun tinsab taħt il-limiti ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali u li ma tkunx tat lok għal riferiment lill-Kummissjoni Ewropea – Kontroll mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dan l-Istat Membru ta’ tali operazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE – Ammissibbiltà.
Kawża C-449/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:207

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 21(1) – Applikazzjoni esklużiva ta’ dan ir-regolament għall-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni’ – Portata – Operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nieqsa minn dimensjoni Komunitarja li tkun tinsab taħt il-limiti ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali u li ma tkunx tat lok għal riferiment lill-Kummissjoni Ewropea – Kontroll mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dan l-Istat Membru ta’ tali operazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑449/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal‑Appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Lulju 2021, fil-kawża

Towercast SASU

vs

Autorité de la concurrence,

Ministre chargé de l’économie,

fil-preżenza ta’:

Tivana Topco SA,

Tivana Midco SARL,

TDF Infrastructure Holding SAS,

TDF Infrastructure SAS,

Tivana France Holdings SAS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Towercast SASU, minn P. Mèle u D. Théophile, avocats,

għall-Autorité de la concurrence, minn E. Combe u J. Neto, bħala aġenti, assistiti minn Y. Anselin, avocat, Anselin, avocat,

għal Tivana Midco SARL u Tivana Topco SA, minn S. Hamon u M.‑C. Rameau, avocates,

għal Tivana Franza Holdings SAS, TDF Infrastructure SAS, TDF Infrastructure Holding SAS, minn H. Calvet, Y. Chevalier, A. Helfer, F. Salat-Baroux u Y. Trifounovitch, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain, A.-L. Desjonquères u P. Dodeller, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, P. Huurnink u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Baumé, P. Berghe u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU 2004, L 24, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Towercast SASU u l-Autorité de la concurrence (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, Franza) u l‑ministre chargé de l’économie (il-Ministru għall-Ekonomija, Franza), dwar deċiżjoni li permezz tagħha ġie miċħud l-ilment ta’ Towercast dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU 1989, L 395, p. 1) daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Settembru 1990. Skont is-sitt premessa sat-tmien premessa ta’ dan ir-regolament:

“[(6)]

Billi l-Artikoli 85 u 86 [tat-Trattat KEE], meta applikabbli, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal ċerti konċentrazzjonijiet, mhumiex madankollu biżżejjed biex ikopru l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jirriżultaw mhux kompatibbli mas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta kif maħsub fit-Trattat;

[(7)]

Billi għalhekk għandu jinħoloq strument ġdid legali fl-għamla ta’ Regolament biex ikun jista’ jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha mill-aspett ta’ l-effett tagħhom fuq l-istruttura ta’ kompetizzjoni fil-Komunità [Ekonomika Ewropea] u biex ikun l-uniku strument applikabbli għal konċentrazzjonijiet bħal dawn;

[(8)]

Billi dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun bażat mhux biss fuq l-Artikolu 87 [tat-Trattat KEE] imma, l-aktar fuq l-Artikolu 235 tat-Trattat [KEE], li bis-saħħa tiegħu l-Komunità tista’ tagħti lilha nnifisha setgħat ta’ azzjoni addizzjonali meħtieġa għall-kisba ta’ l-għanijiet tagħha, u anke dwar konċentrazzjonijiet tas-swieq ta’ prodotti agrikoli elenkati fl-Anness II tat-Trattat [KEE]”.

4

L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 3.

2.   Ir-Regolamenti [tal-Kunsill] Nru 17 [tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat [KEE] (ĠU 1962, L 13, p. 204), (KEE) Nru 1017/68 [tad-19 ta’ Lulju 1968 li jistabbilixxi l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għas-setturi tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU 1968, L 175, p. 1)], (KEE) Nru 4056/86 [tat-22 ta’ Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat [KEE] għat-trasport marittimu (ĠU 1986, L 378, p. 4)] u (KEE) Nru 3975/87 [tal-14 ta’ Dicembru 1987 li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU 1987, L 374, p. 1)] ma japplikawx għall-konċentrazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 3.

3.   Jekk il-Kummissjoni [Ewropea] ssib, fuq talba ta’ Stat Membru, li konċentrazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 3 li m’għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ hekk il-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat tista’, safejn il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tadotta d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu, (3) u (4).

[…]

5.   Skond il-paragrafu 3 il-Kummissjoni għandha tieħu biss il-miżuri meħtieġa biex tinżamm jew tinġieb lura l-kompetizzjoni effettiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun talab l-intervent tagħha.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 139/2004

5

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tiegħu, ir-Regolament Nru 139/2004 ħassar u ssostitwixxa, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolament Nru 4064/89.

6

Il-premessi 2, 5 sa 9, 20 u 24 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdu:

“(2)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat [KE], l-Artikolu 3(1)(g) jagħti lill-Komunità [Ewropea] l-iskop li tistabbilixxi sistemà li tassigura li ma tkunx imfixkla l-kompetizzjoni fis-suq intern. […]

[…]

(5)

Madankollu, għandu jkun assigurat li l-proċess ta’ riorganizzazzjoni ma jwassalx għal ħsara fil-kompetizzjoni li ddum tinħass; il-liġi Komunitarja għandha, għaldaqstant, tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw dawk il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

(6)

Għaldaqstant, hemm il-bżonn ta’ strument legali speċifiku li jippermetti li jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skond l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fil-Komunità. Dan l-istrument għandu jkun l-uniku strument li japplika għal dawn il-konċentrazzjonijiet. Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 ippermetta li tiżviluppa politika Komunitarja f’dan il-qasam. Madankollu, fid-dawl ta’ l-esperjenza, dan ir-Regolament għandu issa jinkiteb mill-ġdid fl-leġislazzjoni miktuba apposta sabiex tilqa’ l-isfidi ta’ suq aktar integrat u tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea fil-futur. Skond il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE], dan ir-Regolament ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun assigurat li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tkunx imfixkla, dejjem skond il-prinċipju ta’ l-ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni ħielsa.

(7)

Għalkemm l-Artikoli 81 u 82 [KE], skond id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, japplikaw għal ċerti tipi ta’ konċentrazzjonijiet, dawn l-Artikoli m’humiex biżżejjed sabiex jikkontrollaw l-operazzjonijiet kollha li jistgħu ma jkunux kompatibbli mas-sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil kif kontemplata fit-Trattat [KE]. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat mhux biss fuq l-Artikolu 83 [KE] iżda wkoll, prinċiparjament, fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat [KE]. Skond dan l-Artikolu l-Komunità tista’ tagħti lilha nnifisha setgħat addizzjonali sabiex tieħu dik l-azzjoni li tkun meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, kif ukoll setgħat biex tieħu azzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet fis-suq tal-prodotti agrikoli mniżżla fl-Anness I tat-Trattat.

(8)

Id-dispożizzjonijiet li ħa jkunu adottati b’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal bidliet strutturali sinifikanti li l-impatt tagħhom fuq is-suq jinħass ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri. Bħala regola ġenerali, dawn it-tip ta’ konċentrazzjonijiet għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid esklużivament fuq livell Komunitarju u dan bħala applikazzjoni tas-sistema ta’ ‘one-stop shop’ u b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. […]

(9)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun definit skond iż-żona ġeografika fejn l-impriżi konċernati huma attivi u għandu jkunu limitat b’limiti kwantitattivi sabiex ikopri dawk il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja. […]

[…]

(20)

Ikun jaqbel li jiġi definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-tul fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati u għalhekk fl-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu inklużi l-joint ventures kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. Barra minn hekk, huwa xieraq li jkunu meqjusa bħala konċentrazzjoni waħda dawk it-transazzjonijiet li jkunu marbuta ħafna ma xulxin fis-sens li jkunu relattati b’kundizzjoni jew jieħdu l-forma ta’ serje ta’ transazzjonijiet f’titoli liema transazzjonijiet isiru f’perjodu ta’ żmien raġjonevolment qasir.

[…]

(24)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha mill-aspett ta’ l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità sabiex jassigura sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil fis-suq komuni u dan bħala avvanz ta’ politika mħaddna skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħa f’kompetizzjoni ħielsa. Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 stabbilixxa l-prinċipju li konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, liema pożizzjoni twassal għal tfixkil sostanzjali fil-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.”

7

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’dan il-mod:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22, dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni Komunitarja, kif definiti f’dan l-Artikolu.

2.   Konċentrazzjoni jkollha dimensjoni Komunitarja meta:

(a)

il-valur tal-bejgħ dinji totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 5,000 miljun, u

(b)

il-valur tal-bejgħ totali mill-Komunità kollha ta’ mill-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 250 miljun kull waħda,

sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi mill-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-Komunità fl-istess Stat Membru.

3.   Konċentrazzjoni li ma tilħaqx il-livelli stabbiliti fil-paragrafu 2 għandha dimensjoni Komunitarja meta:

(a)

il-valur tal-bejgħ dinji totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 2500 miljun;

(b)

il-valur tal-bejgħ totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun f’kull wieħed minn ta’ l-anqas tlett Stati Membri;

(ċ)

f’kull wieħed minn ta’ l-anqas tlett Stati Membri kunsidrati taħt punt (b), il-valur tal-bejgħ totali ta’ kull waħda minn ta’ l-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 25 miljun; u

(d)

il-valur tal-bejgħ totali fil-Komunità kollha ta’ kull waħda minn ta’ l-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun,

sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-Komunità fl-istess Stat Membru.

[…]”

8

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” kif ġej:

“1.   Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

(a)

l-għaqda ta’ tnejn jew aktar impriżi, jew ta’ partijiet minn impriżi, li qabel kienu indipendenti, jew

(b)

l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.

2.   Kontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

(a)

dritt ta’ proprjetà fuq jew dritt ta’ użu mill-assi kollha jew minn parti mill-assi ta’ impriża;

(b)

drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-komposizzjoni, l-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet ta’ l-organi ta’ impriża.

3.   Il-kontroll ikun akkwistat minn persuni jew impriżi li:

(a)

huma d-detenturi tad-drittijiet jew huma intitolati għal drittijiet taħt il-kuntratti konċernati; jew

(b)

minkejja li mhumiex detenturi ta’ dawn id-drittijiet u lanqas ma huma intitolati għal drittijiet taħt dawn il-kuntratti, għandhom s-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti.

[…]”

9

L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u r-Regolament[i] tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 [tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (KEE) [ĠU 2003, L 1, p. 1)], [Nri 1017/68, 4056/86 u 3975/87] ma għandhomx japplikaw, minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti.

2.   Il-Kummissjoni biss għandha jkollha ġurisdizzjoni biex tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Dan iżda bla ħsara għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3.   L-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja.

[…]”

10

L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Referenza lill-Kummissjoni”, jipprovdi:

“1.   Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba.

Talba bħal din għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

11

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Ir-Relazzjoni bejn l-Artikolu [101] u [102 TFUE] u liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni”, jipprovdi:

“1.   […] Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE].

2.   […] Stati Membri mhux taħt dan ir-Regolament jiġu preklużi milli jadottaw u japplikaw fuq it-territorju tagħhom liġijiet nazzjonali aktar stretti li jipprojbixxu jew jissanzjonaw kondotta unilaterali imqabdin biex jaħdmu min xi impriża.

3.   Mingħajr preġudizzju għal Prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħra tal-liġijiet tal-[Unjoni], paragrafu 1 u 2 ma japplikawx meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri japplikaw il-liġijiet tal-kontrol tal-għaqda […]”

12

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[l]-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw [l-Artikoli 101 u 102 TFUE] f’każijiet individwali” u jistgħu, għal dan il-għan, jadottaw deċiżjonijiet (i) li jordnaw li jintemm xi ksur, (ii) li jordnaw miżuri provviżorji, (iii) li jaċċettaw irbit u (iv) li jimponu multi, perjodi ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti fid-dritt nazzjonali tagħhom.

Id-dritt Franċiż

13

Skont l-Artikolu L. 420‑2 tal-code de commerce (il-Kodiċi tal-Kummerċ):

“Fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 420‑1, huwa pprojbit l-abbuż minn impriża jew grupp ta’ impriżi minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew parti sostanzjali minnu. Dawn l-abbużi jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu f’rifjut ta’ bejgħ, bejgħ bl-irbit jew kundizzjonijiet diskriminatorji ta’ bejgħ, kif ukoll fil-ksur tar-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, għas-sempliċi raġuni li s-sieħeb jirrifjuta li jissottometti ruħu għal kundizzjonijiet kummerċjali mhux iġġustifikati.

Huwa pprojbit ukoll, sa fejn jista’ jiġi affettwat il-funzjonament jew l-istruttura tal-kompetizzjoni, l-abbuż minn impriża jew grupp ta’ impriżi mill-istat ta’ dipendenza ekonomika li, fir-rigward tagħhom, ikunu jinsabu fiha impriża-klijent jew fornitur. Dawn l-abbużi jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu f’rifjut ta’ bejgħ, bejgħ bl-irbit, prattiki diskriminatorji msemmija fl-Artikoli L. 442‑1 sa L. 442‑3 jew fi ftehimiet ta’ firxa ta’ prodotti.”

14

L-Artikolu L. 490‑9 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jipprovdi:

“Għall-applikazzjoni tal-Artikoli [101] sa [103 TFUE], il-Ministru għall-Ekonomija u l-uffiċjali li huwa jkun ħatar jew awtorizza f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ktieb, minn naħa, u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, għandhom is-setgħat rispettivi rrikonoxxuti lilhom mill-artikoli ta’ dan il-ktieb u tar-Regolament [Nru 139/2004] u mir-Regolament [Nru 1/2003]. Ir-regoli ta’ proċedura previsti f’dawn it-testi japplikaw għalihom.”

15

Barra minn hekk, id-dritt Franċiż jipprevedi proċedura ta’ kontroll ex ante obbligatorju tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kodiċi tal-Kummerċ, peress li l-Artikolu L. 430‑1 ta’ dan il-kodiċi jiddefinixxi dik li hija konċentrazzjoni u l-Artikolu L. 430‑2 jiffissa l-limiti minimi tad-dħul mill-bejgħ li għalihom japplika l-kontroll nazzjonali tal-konċentrazzjonijiet.

16

L-Artikolu L. 430‑9 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jipprovdi wkoll li “[l]-Awtorità tal-Kompetizzjoni tista’, f’każ ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti jew minn stat ta’ dipendenza ekonomika, tordna, permezz ta’ deċiżjoni motivata, lill-impriża jew lill-grupp ta’ impriżi inkwistjoni li jemendaw, jikkompletaw jew jħassru, f’terminu stabbilit, kull ftehim u att li permezz tagħhom tkun twettqet il-konċentrazzjoni tas-saħħa ekonomika li ppermettiet l-abbuż, anki jekk dawn l-atti kienu s-suġġett tal-proċedura prevista f’dan it-titolu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Fit-13 ta’ Ottubru 2016, Télédiffusion de France (TDF), li fi Franza tipprovdi servizzi ta’ xandir tat-televiżjoni diġitali terrestri (TDT), ħadet il-kontroll esklużiv ta’ Itas, kumpannija li hija wkoll attiva fis-settur tax-xandir tat-TDT, billi akkwistat l-azzjonijiet kollha ta’ din tal-aħħar.

18

L-operazzjoni li permezz tagħha ġiet akkwistata Itas, li tinsab taħt il-limiti ddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 u fl-Artikolu L. 430‑2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, la kienet is-suġġett ta’ notifika u lanqas ta’ eżami ta’ kontroll minn qabel tal-konċentrazzjonijiet. Din l-operazzjoni lanqas ma tat lok għal proċedura ta’ riferiment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

19

Fil-15 ta’ Novembru 2017, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni ġiet adita minn Towercast, kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ xandir tat-TDT fi Franza, b’ilment dwar prattika implimentata fis-settur tax-xandir tan-network terrestri. Towercast allegat li l-fatt li, fit-13 ta’ Ottubru 2016, TDF ħadet il-kontroll ta’ Itas kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti billi TDF fixklet il-kompetizzjoni fis-swieq upstream u downstream tax-xandir tat-TDT billi saħħet b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni dominanti tagħha f’dawn is-swieq.

20

Fil-25 ta’ Ġunju 2018, ġiet indirizzata notifika ta’ lmenti lil TDF Infrastructure u TDF Infrastructure Holding, kif ukoll Tivana France Holdings, Tivana Midco u Tivana Topco (iktar ’il quddiem, flimkien “Tivana”), li fiha ġew ikkritikati li “fit-13 ta’ Ottubru 2016, sa fejn kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma abbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq downstream tas-servizzi ta’ xandir tat-TDT billi ħadu l-kontroll esklużiv tal-grupp Itas”, prattika li tista’ tostakola, tillimita jew tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq downstream tax-xandir tat-TDT, u li hija pprojbita mill-Artikolu L.420‑2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ u mill-Artikolu 102 TFUE.

21

Permezz tad-deċiżjoni Nru 20‑D‑01 tas-16 ta’ Jannar 2020, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni ddeċidiet li l-ilment innotifikat lill-kumpanniji tal-grupp TDF ma kienx ġie stabbilit u li ma kienx hemm lok li titkompla l-proċedura kkonċernata. Billi adottat analiżi differenti minn dik adottata mid-dipartimenti ta’ investigazzjoni tagħha, din l-awtorità qieset, essenzjalment, li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 kienet firdet b’mod ċar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u l-kontroll tal-prattiki antikompetittivi u li r-Regolament Nru 139/2004, li ssostitwixxiha, kien japplika b’mod esklużiv għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u kien jirrendi mingħajr skop l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, fin-nuqqas ta’ aġir abbużiv tal-impriża inkwistjoni separabbli minn din l-operazzjoni.

22

Fid-9 ta’ Marzu 2020, Towercast appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

23

Insostenn ta’ dan ir-rikors, Towercast tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22), u targumenta li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet legalment tapplika l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 82 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 102 TFUE) għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn l-impriżi. Towercast tqis li l-prinċipji stabbiliti f’din is-sentenza għadhom rilevanti. L-introduzzjoni ta’ kontroll minn qabel tal-konċentrazzjonijiet permezz tar-Regolamenti Nri 4064/89 u 139/2004 ma kienx jirrendi mingħajr skop l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja. Ir-Regolament Nru 139/2004 japplika biss għall-konċentrazzjonijiet li jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri dawk ta’ dimensjoni Komunitarja jew mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Hija tinvoka l-effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE u titlob, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jinsabu taħt il-limiti, kontroll ex post tal-kompatibbiltà ma’ dan l-artikolu.

24

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni ssoktat tuża l-analiżi użata fid-deċiżjoni tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari dwar il-portata tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22), li, fil-fehma tagħha, sa minn meta nħolqot sistema speċifika ta’ kontroll li tapplika għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, saret mingħajr skop. Hija tqis li l-mekkaniżmu hekk stabbilit jeskludi, essenzjalment, l-eżami ex post li japplika għall-prattiki antikompetittivi. Hija ssostni li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 jiddefinixxi l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni skont kriterju materjali, mingħajr ma jirreferi għal-limiti ta’ l-Artikolu 1 tiegħu, b’mod li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jistax jiġi limitat għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja, li jinsabu lil hinn minn dawn il-limiti.

25

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 102 TFUE huwa dispożizzjoni ta’ effett dirett li l-applikazzjoni tagħha ma hijiex suġġetta għall-adozzjoni minn qabel ta’ regolament proċedurali. Hija tosserva wkoll li l-premessa 7 tar-Regolament Nru 139/2004 tippreċiża li “[g]ħalkemm l-Artikoli [101 u 102 TFUE], skond id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, japplikaw għal ċerti tipi ta’ konċentrazzjonijiet, dawn l-Artikoli m’humiex biżżejjed sabiex jikkontrollaw l-operazzjonijiet kollha li jistgħu ma jkunux kompatibbli mas-sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil kif kontemplata fit-Trattat”. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tapplikax ukoll għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li ma kienu suġġetti għal ebda kontroll ex ante.

26

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:643), li r-Regolament Nru 139/2004 huwa l-uniku wieħed li japplika għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li għalihom ir-Regolament Nru 1/2003, bħala prinċipju, ma japplikax, il-Qorti tal-Ġustizzja ma spjegatx l-eċċezzjonijiet li jistgħu jsiru għal dan il-prinċipju u lanqas ma ddeċidiet dwar jekk l-interpretazzjoni adottata fis-sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22), għadhiex tista’ tapplika, b’mod partikolari, għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jinsabu taħt il-limiti ta’ kontroll obbligatorju, li la jkunu suġġetti għal xi eżami fil-kuntest ta’ kontroll ex ante obbligatorju u lanqas għal xi talba ta’ riferiment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti għalhekk dubju fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar dwar l-impossibbiltà li “bħala prinċipju” japplikaw b’mod awtonomu r-regoli tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-dritt primarju għal operazzjoni li, bħal f’dan il-każ, tista’, l-ewwel, tissodisfa d-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, it-tieni, ma tkun tat lok għal ebda kontroll preventiv la abbażi tad-dritt tal-Unjoni u lanqas tad-dritt nazzjonali li japplika għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, u t-tielet, minħabba l-fatt li operazzjoni bħal din tinsab taħt il-limiti ta’ kontroll ex ante, ma tkunx għalhekk esponiet ruħha għal ebda riskju li r-Regolamenti Nri 139/2004 u 1/2003 japplikaw b’mod kumulattiv jew li, minħabba eżami doppju ex ante u ex post, tirriżulta xi kontradizzjoni.

28

Din il-qorti tirrileva, barra minn hekk, li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ġie applikat b’mod differenti fi Stati Membri differenti.

29

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kunsill [Nru°139/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li konċentrazzjoni, nieqsa minn dimensjoni Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 1 tar-regolament msemmi iktar ’il fuq, li tkun tinsab taħt il-limiti ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali u li ma tkunx tat lok għal riferiment lill-Kummissjoni Ewropea b’applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, tiġi analizzata minn awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni bħala li tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE, fid-dawl tal-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ dimenzjoni nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi, nieqsa minn dimensjoni Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li tkun tinsab taħt il-limiti ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali u li ma tkunx tat lok għal riferiment lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament u li, fid-dawl tal-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ dimensjoni nazzjonali, tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE, tkun mistħarrġa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

31

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, kif ukoll l-għanjiet u l-iskop li jfittex li jilħaq l-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tixħet dawl fuq elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward, qabelxejn, tal-mod kif huwa fformulat l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, jirriżulta li dan ir-regolament “biss japplika għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3”, li għalihom ir-Regolament Nru 1/2003 ma jistax, fil-prinċipju, jiġi applikat.

33

L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż sabiex jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sa fejn jikkonċerna l-eżami tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni mqabbla ma’ dak ta’ atti oħra ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni.

34

Mill-banda l-oħra, l-eżami tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jsolvix il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 102 TFUE, jibqgħux japplikaw għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari fl-ipoteżi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, minn naħa, il-konċentrazzjoni kkonċernata ma laħqitx il-limiti ta’ kontroll previsti mid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mid-drittijiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma jkunx sar riferiment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, b’mod li ma jkun twettaq l-ebda kontroll ex ante fir-rigward tad-dritt tal-konċentrazzjonijiet.

35

Imbagħad, fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament, din id-dispożizzjoni, li tirriproduċi mutatis mutandis il-kontenut tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89, li kien japplika qabel, tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imfakkra fil-premessa 7 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, li jippreċiża li r-regolamenti l-oħra li jimplimentaw id-dritt tal-kompetizzjoni ma jibqgħux, bħala prinċipju, japplikaw għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni kollha, jiġifieri kemm għall-operazzjonijiet li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti, kif ukoll għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jagħtu lill-impriżi kkonċernati s-setgħa li jxekklu l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern.

36

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet u tal-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi rrilevat li, kif tipprovdi l-premessa 5 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiżgura li r-ristrutturazzjonijiet tal-impriżi, b’mod partikolari fil-forma ta’ konċentrazzjonijiet, ma jikkawżawx dannu serju għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni għandu jinkludi dispożizzjonijiet li japplikaw għall-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew parti sostanzjali minnu. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ifisser li r-Regolament Nru 139/2004 jikkostitwixxi l-uniku strument proċedurali li japplika għall-eżami minn qabel u ċċentralizzat tal-konċentrazzjonijiet, li, kif tipprovdi wkoll il-premessa 6 tiegħu, għandu jippermetti li jsir kontroll effettiv ta’ kull konċentrazzjoni skont l-effett tagħha fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 21, u tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 41).

37

Għalkemm, bis-saħħa tas-sistema ta’ “one stop shop” imwaqqfa permezz ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar jikkostitwixxi strument proċedurali speċifiku intiż sabiex japplika b’mod esklużiv għall-konċentrazzjonijiet ta’ impriżi li, kif jirriżulta mill-premessa 8 tal-imsemmi regolament, jimplikaw bidliet strutturali sinjifikattivi li l-effett tagħhom fuq is-suq imur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ Stat Membru, minn dan ma jistax madankollu jiġi dedott li dan il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jirrendi mingħajr skop il-kontroll imwettaq fil-livell nazzjonali ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

38

Huwa b’hekk ippreċiżat fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 139/2004, li “[g]ħalkemm l-Artikoli [101] u [102 TFUE] […] japplikaw għal ċerti tipi ta’ konċentrazzjonijiet, dawn l-Artikoli m’humiex biżżejjed sabiex jikkontrollaw l-operazzjonijiet kollha li jistgħu ma jkunux kompatibbli mas-sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil kif kontemplata fit-Trattat.”

39

Minn din l-informazzjoni tal-aħħar jirriżulta li, ’il bogħod milli jċaħħad lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mill-possibbiltà li japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fir-rigward tal-kompetizzjoni għall-konċentrazzjonijiet, kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, dan ir-regolament tal-aħħar jagħmel parti minn ġabra ta’ leġiżlazzjonijiet intiża sabiex timplimenta l-Artikoli 101 u 102 TFUE, kif ukoll sabiex twaqqaf sistema ta’ kontroll li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern tal-Unjoni ma tkunx imfixkla (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 31, u tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 55).

40

Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex jimtlew il-lakuni tas-sistema ta’ protezzjoni kontra d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw mir-ristrutturazzjonijiet tal-impriżi, dan ir-regolament ġie adottat abbażi tal-Artikolu 83 KE (li sar l-Artikolu 103 TFUE), li jirrigwarda r-regolamenti jew id-direttivi li jistgħu jiġu adottati sabiex jiġu applikati l-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, u tal-Artikolu 308 KE (li sar l-Artikolu 352 TFUE), li bis-saħħa tiegħu l-Unjoni jista’ jkollha setgħat ta’ azzjoni addizzjonali li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Għalkemm il-funzjonament u l-istruttura tal-protezzjoni li joffri d-dritt tal-Unjoni kontra d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jistgħu jikkawżaw l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ifittxu, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, applikazzjoni ta’ prijorità tal-mekkaniżmu ta’ kontroll minn qabel tal-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, dan ma jistax madankollu jeskludi l-possibbiltà li, f’ċerti ċirkustanzi, awtorità tal-kompetizzjoni tikkonstata operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mill-perspettiva tal-Artikolu 102 TFUE.

41

B’hekk, mill-istruttura tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li, minkejja li dan jintroduċi kontroll ex ante ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja, dan madankollu ma jeskludix kontroll ex post tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li ma jilħqux dan il-limitu minimu. Jekk huwa minnu li l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jagħti definizzjoni materjali tal-konċentrazzjoni ta’ impriża mingħajr ma jirreferi għal-limiti minimi msemmija f’dan tal-aħħar, l-imsemmi regolament għandu jinqara fid-dawl tal-kuntest tiegħu, u b’mod partikolari tal-Artikolu 1 u tal-premessi 7 u 9 tiegħu. Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-istess regolament japplika biss għall-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li huwa aċċettat li ċerti konċentrazzjonijiet jistgħu, fl-istess ħin, jevitaw kontroll ex ante u jkunu s-suġġett ta’ kontroll ex post.

42

L-interpretazzjoni sostnuta f’dan il-każ mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni, Tivana u TDF, kif ukoll mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Olandiż twassal, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex, minħabba l-adozzjoni ta’ att ta’ dritt sekondarju li jirrigwarda ċertu aġir ta’ impriżi fis-suq, tiġi eskluża l-applikabbiltà diretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 102 TFUE, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern, jew f’parti sostanzjali minnu, ikun inkompatibbli mas-suq intern u huwa pprojbit.

44

Huwa stabbilit sewwa li dan l-artikolu huwa dispożizzjoni ta’ effett dirett li l-applikazzjoni tagħha ma hijiex suġġetta għall-adozzjoni minn qabel ta’ regolament proċedurali. L-imsemmi artikolu joħloq drittijiet fir-rigward tal-individwi, li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ma jista’, bl-ebda mod u manjiera, ikun suġġett għal eżenzjoni; abbuż bħal dan huwa sempliċement ipprojbit mit-Trattat. Skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew il-Kummissjoni li għandhom jisiltu l-konklużjonijiet minn din il-projbizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom (sentenza tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, EU:C:1989:140, punt 32).

46

Fir-rigward tal-lista tal-prattiki u tal-aġir imsemmija fl-Artikolu 102 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma kinitx eżawrjenti, b’tali mod li l-lista tal-prattiki abbużivi li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma ssemmix il-metodi kollha ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 26, u tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 26).

47

Kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1/2003, u b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tiegħu li jirrigwarda l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri sabiex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni iddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, ma tistax twassal sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jiġu pprojbiti milli japplikaw l-Artikolu 102 TFUE għal konċentrazzjonijiet.

48

Fil-fatt, minkejja l-prinċipju ta’ applikazzjoni esklużiva tar-Regolament Nru 139/2004 għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, huwa d-dritt proċedurali tal-Istati Membri li japplika għall-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni mhux Komunitarja.

49

Ċertament, l-applikazzjoni fis-sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22) tal-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 82 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 102 TFUE) fil-kuntest speċifiku tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni intużat u inftiehmet bħala soluzzjoni alternattiva għan-nuqqas fit-Trattat KEE ta’ kull dispożizzjoni espliċita ta’ kontroll ta’ dawn l-operazzjonijiet. Madankollu, bid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet awtonomi dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, kif issa huma previsti fir-Regolament Nru 139/2004, l-użu tar-regoli proċedurali dwar l-implimentazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE), stabbiliti inizjalment mir-Regolament Nru 17 u sussegwentement mir-Regolament Nru 1/2003, sar mingħajr skop.

50

Għalhekk, ir-Regolament Nru 139/2004 ma jistax jipprekludi li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni mhux Komunitarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’, bis-saħħa tal-effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE, tkun suġġetta għal kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mill-qrati nazzjonali billi jirrikorru għar-regoli proċedurali tagħhom stess.

51

Fil-fatt, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE hija suffiċjentement ċara, preċiża u inkundizzjonata, b’tali mod li ma huwiex meħtieġ li tkun prevista dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju li tipprevedi jew tippermetti b’mod espress l-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali.

52

Minn dan isegwi li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li ma tilħaqx il-limiti minimi ta’ kontroll minn qabel previsti mir-Regolament Nru 139/2004 u mid-dritt nazzjonali applikabbli rispettivament, tista’ tapplika l-Artikolu 102 TFUE meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Hija b’mod partikolari l-awtorità adita li għandha tivverifika li x-xerrej li jinsab f’pożizzjoni dominanti f’suq partikolari u li jieħu l-kontroll ta’ impriża oħra f’dan is-suq, ikun, permezz ta’ dan l-aġir, ippreġudika b’mod sostanzjali l-kompetizzjoni fl-imsemmi suq. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-pożizzjoni ta’ impriża tissaħħaħ ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi aċċettata l-klassifikazzjoni ta’ abbuż, peress li għandu jiġi stabbilit li l-livell ta’ dominanza hekk miksub ifixkel il-kompetizzjoni b’mod sostanzjali, jiġifieri jħalli li jibqgħu biss impriżi dipendenti, fl-aġir tagħhom, fuq l-impriża dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 26, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punt 113).

53

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi, nieqsa minn dimensjoni Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li tkun tinsab taħt il-limiti minimi ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali u li ma tkunx tat lok għal riferiment lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament u li, fid-dawl tal-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ dimensjoni nazzjonali, tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE, tkun mistħarrġa minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru.

Dwar il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

54

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, TDF u Tivana talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza jekk tiddeċiedi li operazzjoni li ma taqbiżx il-limiti minimi ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u li ma tkunx is-suġġett ta’ riferiment lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tkun mistħarrġa fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

55

Insostenn tat-talba tagħhom, TDF u Tivana jsostnu, essenzjalment, li, mil-lat taċ-ċertezza legali, sentenza bħal din twassal għal konsegwenzi serji mhux biss għalihom, iżda wkoll għall-impriżi kollha li wettqu in bona fide konċentrazzjonijiet taħt il-limiti minimi, operazzjonijiet li, abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, jistgħu issa jiġu kkontestati quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati nazzjonali.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif din għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li tkun daħlet fis-seħħ. Minn dan isegwi li r-regola hekk interpretata tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u stabbiliti qabel tingħata s-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal interpretazzjoni, jekk, barra minn hekk, ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bis-saħħa tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinvokaw dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li jiġu kkontestati relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa meħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kriterju dwar il-bona fide tal-persuni kkonċernati, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza hija bi qbil mal-ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Qorti Ġenerali dwar l-effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE u l-konsegwenzi marbuta miegħu. TDF u Tivana ma jistgħux isostnu b’mod utli li huma setgħu jistennew li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx ser tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-Artikolu 102 TFUE minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata ġuridika ta’ dan l-artikolu tat-Trattat FUE.

59

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li la t-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludu elementi ta’ natura li jistabbilixxu li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tinvolvi riskju ta’ diffikultajiet serji, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża fir-rigward tan-numru ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jistgħu jkunu affettwati minn din l-interpretazzjoni.

60

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tirrigwarda l-possibbiltà li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni teżamina mill-perspettiva tal-Artikolu 102 TFUE operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, li tinsab taħt il-limiti minimi ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali u li ma tagħtix lok għal riferiment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. Tali interpretazzjoni ma timplikax neċessarjament li operazzjoni bħal din tkun suġġetta għall-possibbiltà li tiġi kkontestata, b’mod li tippreġudika d-dritt għall-proprjetà u twassal għal konsegwenzi finanzjarji kunsiderevoli.

61

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet serji ta’ natura li jiġġustifikaw limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza lanqas ma tista’ titqies bħala stabbilita.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi,

 

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

 

ma jipprekludix li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi, nieqsa minn dimensjoni Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li tkun tinsab taħt il-limiti minimi ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali u li ma tkunx tat lok għal riferiment lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, tkun analizzata minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru bħala li tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE fid-dawl tal-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ dimensjoni nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top