Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0419

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-1 ta’ Diċembru 2022.
    X sp. z o.o., sp. k. vs Z.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Punt 1 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet kummerċjali’ – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti mill-kreditur fil-każ ta’ ħlas tardiv mid-debitur – Artikolu 6 – Ammont minimu fiss ta’ EUR 40 – Dewmien ta’ diversi ħlasijiet bħala remunerazzjoni għall-kunsinni ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed u uniku.
    Kawża C-419/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:948

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

    1 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Punt 1 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet kummerċjali’ – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti mill-kreditur fil-każ ta’ ħlas tardiv mid-debitur – Artikolu 6 – Ammont minimu fiss ta’ EUR 40 – Dewmien ta’ diversi ħlasijiet bħala remunerazzjoni għall-kunsinni ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed u uniku”

    Fil-Kawża C‑419/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

    X sp. z o.o. sp.k.,

    vs

    Z

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

    komposta minn N. Piçarra (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Z, minn A. Moroziewicz, adwokat,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Brauhoff u G. Gattinara, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X sp. z o.o. sp.k. u Z dwar talba għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti b’riżultat ta’ ħlasijiet tardivi suċċessivi fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed u uniku.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Il-premessi 3, 17, 19 u 22 tad-Direttiva 2011/7 jipprovdu:

    “(3)

    Ħafna mill-ħlasijiet fi transazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ekonomiċi jew bejn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar tard milli jkun miftiehem fil-kuntratt jew milli jkun stipulat fil-kondizzjonijiet ġenerali kummerċjali. Għalkemm il-prodotti jiġu fornuti jew is-servizzi jseħħu, ħafna mill-fatturi korrispondenti jitħallsu ħafna wara l-iskadenza. Dan il-ħlas tard iħalli effett negattiv fuq il-likwidità u jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tal-intrapriżi. Iħalli effett ukoll fuq il-kompetittività u l-kapaċità ta’ profitt tagħhom meta l-kreditur ikollu ħtieġa jikseb finanzjament estern minħabba ħlas tard. […]

    […]

    (17)

    Il-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu.

    […]

    (19)

    Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. […]

    […]

    (22)

    Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni l-ħlasijiet bin-nifs jew il-pagamenti maqsuma. Madankollu, kull ħlas bin-nifs jew pagament għandu jitħallas skont il-kondizzjonijiet miftehma u għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-ħlas tard stipulati f’din id-Direttiva.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

    “1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME)].

    2   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.”

    5

    Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    ‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

    […]

    (4)

    ‘ħlas tard’ tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) jiġu sodisfatti;

    []”

    6

    L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, bit-titolu “Transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

    (a)

    il-kreditur issodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; u

    (b)

    il-kreditur ma rċeviex l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.”

    7

    Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/7, bit-titolu “Skedi ta’ ħlas”:

    “Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-kapaċità tal-partijiet li jiftiehmu, soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, fuq skedi ta’ ħlas li jipprevedu l-ħlas bin-nifs. F’każijiet ta’ dan it-tip, fejn kwalunkwe wieħed mill-ħlasijiet bin-nifs ma jitħallasx sad-data miftehma, l-imgħax u l-kumpens previsti f’din id-Direttiva għandhom jiġu kkalkulati biss fuq il-bażi tal-ammonti li jkunu għadhom ma tħallsux.”

    8

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.

    2   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

    3   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

    9

    L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur.

    Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:

    […]

    (c)

    jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mir-rata ta’ mgħax statutorja għall-ħlas tard, mill-perjodu ta’ ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 3(5), il-punt (a) tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 4(6) jew mis-somma fissa kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).”

    Id‑dritt Pollakk

    10

    Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowyc (il-Liġi Intiża għall-Ġlieda Kontra d-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali) tat‑8 ta’ Marzu 2013, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal‑2021, Pożizzjoni 424, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013”), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” bħala “kuntratt li jirrigwarda l-kunsinna ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi bi ħlas, jekk il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2 [ta’ din il-liġi] jikkonkludu l-imsemmi kuntratt b’rabta mal-attività eżerċitata.”

    11

    L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi huwa redatt kif ġej:

    “Fit-tranżazzjonijiet kummerċjali li fil-kuntest tagħhom id-debitur ikun entità pubblika, il-kreditur għandu d-dritt li jikseb, mingħajr intimazzjoni, l-interessi statutorji relatati mad-dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali għall-perijodu mid-data dovuta għall-ħlas sad-data tal-ħlas, jekk il-kundizzjonijiet sussegwenti jiġu ssodisfatti kumulattivament:

    (1)

    il-kreditur ikun wettaq is-servizz tiegħu;

    (2)

    il-kreditur ma jkunx irċieva l-ħlas fit-terminu stabbilit fil-kuntratt.”

    12

    L-Artikolu 10(1) sa (3) tal-istess liġi jipprovdi:

    “1.   Mid-data li fiha huwa jikseb id-dritt għall-interessi msemmija fl-Artikolu 7(1) jew fl-Artikolu 8(1), il-kreditur għandu jkollu d-dritt li jikseb mingħand id-debitur, mingħajr intimazzjoni, kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, li għandu jkun ekwivalenti għal ammont ta’:

    (1)

    EUR 40, meta l-ammont tal-ħlas ikun inqas minn 5000 zloty Pollakki (PLN) [(madwar EUR 1 070)];

    (2)

    EUR 70, meta l-ammont tal-ħlas ikun iktar minn PLN 5000, iżda inqas minn PLN 50000 [(madwar EUR 10700)];

    (3)

    EUR 100, meta l-ammont tal-ħlas ikun iktar minn jew ugwali għal PLN 50000.

    […]

    2   Minbarra l-ammont previst fil-paragrafu 1, il-kreditur għandu jkollu wkoll id-dritt għar-rimbors, f’limitu raġonevoli, tal-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti li jeċċedu dan l-ammont.

    3   Id-dritt għall-ammont previst fil-paragrafu 1 għandu jkun dovut għal kull tranżazzjoni kummerċjali, bla ħsara għall-punt 2 tal-Artikolu 11(2).”

    13

    Skont l-Artikolu 11 tal-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013:

    “1.   Il-partijiet fi tranżazzjoni kummerċjali jistgħu jistabbilixxu fil-kuntratt tagħhom skeda ta’ ħlas li tipprovdi għal ħlasijiet bin-nifs, bil-kundizzjoni li l-istabbiliment ta’ tali skeda ta’ ħlas ma jkunx manifestament inġust għall-kreditur.

    2   Jekk il-partijiet fi tranżazzjoni kummerċjali jkunu stabbilixxew fil-kuntratt tagħhom li għandhom isiru ħlasijiet bin-nifs, id-dritt:

    (1)

    għall-interessi msemmija fl-Artikolu 7(1) jew fl-Artikolu 8(1).

    (2)

    għall-ammont imsemmi fl-Artikolu 10(1) u għall-ħlas lura tal-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti, previsti fl-Artikolu 10(2),

    għandu jkun dovut fir-rigward ta’ kull ħlas bin-nifs mhux imħallas.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    14

    X, kumpanija rregolata mid-dritt Pollakk, ikkonkludiet ma’ Z, sptar pubbliku, kuntratt li abbażi tiegħu X kellha tipprovdi suċċessivament materjal mediku lil Y skont skeda stabbilita minn qabel. Kull kunsinna kellha titħallas f’terminu ta’ 60 jum.

    15

    Peress li Z ma kienx ħallas fil-ħin il-ħlasijiet dovuti għal 12‑il kunsinna suċċessivi ta’ merkanzija, X adixxiet lis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex Z jiġi kkundannat, skont il-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013, iħallasha kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż ta’ rkupru liema kumpens jammonta għal tnax-il darba l-ammont minimu fiss ta’ EUR 40, jiġifieri EUR 480.

    16

    Il-qorti tar-rinviju tindika li hija mitluba tiddetermina jekk, fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed u uniku, kull ħlas tardiv mid-debitur jagħtix dritt għall-ħlas ta’ ammont minimu fiss ta’ EUR 40 għal spejjeż ta’ rkupru, jew jekk dan l-ammont huwiex dovut darba biss, irrispettivament min-numru ta’ ħlasijiet tardivi. Hija tqis li l-applikazzjoni tal-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013 għall-kawża prinċipali twassal għat-tieni soluzzjoni, peress li l-Artikolu 10(3) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-ammont fiss huwa dovut fir-rigward ta’ kull “tranżazzjoni kummerċjali”.

    17

    Madankollu, dik il-qorti tirrileva li l-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jiddefinixxi espressament il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” bħala “kuntratt”, bid-differenza tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, b’tali mod li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tippresupponi, l-ewwel, li għandha tiġi interpretata din l-aħħar dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

    18

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    L-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2011/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ kuntratt li fih il-partijiet ipprevedew diversi kunsinni ta’ merkanzija kif ukoll il-ħlas għal kull waħda mill-kunsinni f’terminu ddefinit wara kull waħda minn dawn il-kunsinni, huwa dovut minn tal-inqas ammont fiss ta’ EUR 40 fuq id-dewmien ta’ kull wieħed mill-ħlasijiet għall-kunsinni individwali, jew inkella d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ biss il-garanzija lill-kreditur ta’ ammont fiss ta’ EUR 40 għat-tranżazzjoni kummerċjali sħiħa li tkopri diversi kunsinni, indipendentement min-numru ta’ ħlasijiet tardivi għall-kunsinni individwali?

    2.

    Fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2011/7], tranżazzjoni kummerċjali hija kuntratt li s-suġġett tiegħu huwa l-kunsinna ta’ merkanzija, li jobbliga lill-fornitur jipprovdi lill-awtorità kontraenti, għall-prezz stabbilit f’dak il-kuntratt, ċerta kwantità ta’ merkanzija, u fl-istess waqt jagħti lill-awtorità kontraenti d-dritt li unilateralment tiddeċiedi t-termini u d-daqsijiet tal-kunsinni individwali li jikkostitwixxu l-eżekuzzjoni tas-suġġett tal-kuntratt ta’ kunsinna, inkluż il-possibbiltà li tirtira ruħha minn parti mill-merkanzija li dwarha sar il-kuntratt, mingħajr ma tinkorri konsegwenzi negattivi minħabba dan, u fid-dawl ta’ dan il-kuntratt l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tħallas għal kull waħda mill-partijiet tal-kunsinna f’terminu speċifiku li jibda jiddekorri minn meta tiġi rċevuta dik il-parti tal-kunsinna, jew anki kull waħda minn dawn il-kunsinni parzjali, li jirriżultaw mit-talba magħmula mill-awtorità kontraenti, tikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali separata fis-sens tad-Direttiva, anki jekk ma tikkostitwixxix kuntratt separat fis-sens tad-dritt nazzjonali?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq it‑tieni domanda

    19

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” inkluż fih ikopri kull waħda mill-kunsinni ta’ merkanzija mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed u uniku jew jekk dan ikoprix biss il-kuntratt li b’eżekuzzjoni tiegħu din il-merkanzija għandha tiġi suċċessivament ikkunsinnata.

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7, din għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha mwettqa bħala remunerazzjoni għal “tranżazzjonijiet kummerċjali” u min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett huwa ddefinit, b’mod wiesa’, fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni” (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 21).

    21

    Peress li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”, dan jeżiġi interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem kif ukoll il-kuntest tad-dispożizzjoni li fiha jinsab dan il-kunċett, kif ukoll l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni u l-att tad-dritt tal-Unjoni li minnu din tifforma parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27, u tat‑18 ta’ Novembru 2020, Techbau, C‑299/19, EU:C:2020:937, punt 38).

    22

    Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, l-użu tal-kelma “transazzjonijiet” juri li l-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”, kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, għandu jinftiehem b’mod wiesa’ u, konsegwentement, li dan ma jikkoinċidix neċessarjament mal-kunċett ta’ “kuntratt”.

    23

    Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet sabiex tranżazzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “tranżazzjoni kummerċjali”. Din għandha, minn naħa, titwettaq jew bejn impriżi, jew bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, din għandha twassal għall-kunsinna ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi kontra remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata

    24

    Għaldaqstant, meta l-partijiet ikunu ftehmu, fil-kuntest tal-istess kuntratt, dwar kunsinni ta’ merkanzija jew dwar provvista ta’ servizzi suċċessivi, fejn kull waħda minnhom tnissel obbligu ta’ ħlas fir-rigward tad-debitur, iż-żewġ kundizzjonijiet previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti sabiex kull kunsinna jew provvista mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt tiġi kklassifikata bħala tranżazzjoni kummerċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    25

    Is-sens tad-Direttiva 2011/7 jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li l-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” jkun jikkoinċidi ma’ dak ta’ “kuntratt”. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li din “għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, irrispettivament minn jekk dawn it-tranżazzjonijiet jikkorrispondux jew le, għal kuntratt speċifiku. Għaldaqstant, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, li skontha dan ikun jikkoinċidi ma’ dak ta’ “kuntratt” tkun f’kontradizzjoni mad-definizzjoni stess tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva.

    26

    Fir-rigward tal-iskopijiet tad-Direttiva 2011/7, li hija intiża prinċipalment li tipproteġi lill-kreditur kontra l-ħlasijiet tardivi u li tiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi, xejn ma jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” għandu neċessarjament jikkorrispondi għal dak ta’ “kuntratt”.

    27

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” inkluż fih ikopri kull waħda mill-kunsinni ta’ merkanzija jew mill-provvista ta’ servizzi suċċessivi mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed u uniku.

    Fuq l‑ewwel domanda

    28

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratt wieħed u uniku jkun jipprevedi kunsinni ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi suċċessivi, fejn kull waħda għandha titħallas f’terminu speċifiku, l-ammont minimu fiss ta’ EUR 40 huwa dovut għal kull ħlas tardiv, bħala kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru, jew jekk dan huwiex dovut darba biss, irrispettivament minn numru ta’ ħlasijiet tardivi.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jimponi lill-Istati Membri jiżguraw li, meta interessi moratorji jkunu eżiġibbli fi tranżazzjonijiet kummerċjali, il-kreditur ikollu d-dritt li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, il-ħlas ta’ ammont fiss ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li dan l-ammont minimu fiss ikun dovut awtomatikament, anki fl-assenza ta’ tfakkira lid-debitur, u li dan ikun intiż li jikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti. Fl-aħħar, l-Artikolu 6(3) jirrikonoxxi lill-kreditur id-dritt li jitlob mingħand id-debitur, minbarra l-imsemmi ammont minimu fiss ta’ EUR 40, kumpens raġonevoli għall-ispejjeż ta’ rkupru l-oħra kollha li jeċċedu l-imsemmi ammont fiss u sostnuti minħabba ħlas tardiv tad-debitur.

    30

    Il-kunċett ta’ “ħlas tardiv” li jagħti lok għad-dritt tal-kreditur li jikseb mingħand id-debitur mhux biss interessi statutorji, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/7, iżda wkoll ammont minimu fiss ta’ EUR 40, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, huwa ddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva bħala kull ħlas mhux imwettaq fit-terminu għall-ħlas kuntrattwali jew legali. Peress li l-istess direttiva tkopri, skont l-Artikolu 1(2) tagħha “[il]-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, dan il-kunċett ta’ ħlas tardiv japplika fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali meqjusa individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 28).

    31

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-eżiġibbiltà tal-ammont minimu fiss ta’ EUR 40 billi jirreferi, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, għall-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Dan l-aħħar artikolu jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’dawn it-tranżazzjonijiet kummerċjali, kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu u li ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin ikollu d-dritt li jikseb, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fil-paragrafi 3, 4 u 6 tal-imsemmi artikolu, l-interessi statutorji għal ħlas tardiv, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ tfakkira, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għal dan id-dewmien (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li d-dritt għal interessi statutorji għal ħlas tardiv, previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/7, kif ukoll id-dritt għal ammont minimu fiss, previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jitnisslu b’riżultat ta’ “ħlas tardiv”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, huma marbuta ma’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” meqjusa individwalment. Min-naħa l-oħra, dawn l-interessi statutorji, l-istess bħal dan l-ammont fissa, isiru eżiġibbli awtomatikament fl-iskadenza tat-terminu għall-ħlas previst fl-Artikolu 4(3), (4) u (6) tal-istess direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 4(1) ikunu ssodisfatti. Il-premessa 17 tad-Direttiva 2011/7 tistabbilixxi, f’dan ir-rigward, li “[i]l-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 32).

    33

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżiġibbiltà rispettivament tal-interessi għal ħlas tardiv u tal-ammont minimu fiss, la l-Artikolu 4(1) u lanqas l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 ma jagħmlu distinzjoni skont jekk il-ħlasijiet dovuti bħala remunerazzjoni għall-merkanzija kkunsinnata jew għas-servizzi pprovduti, mhux imħallsa fil-ħin, jirriżultawx jew le mill-istess kuntratt uniku u wieħed. Għaldaqstant, il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax issostni l-interpretazzjoni li, fil-każ ta’ kuntratt wieħed, l-ammont minimu fiss ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, ikun dovut lill-kreditur darba waħda biss, indipendentement min-numru ta’ ħlasijiet tardivi distinti.

    34

    Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/7, li jirrigwarda sitwazzjoni paragunabbli, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn dan l-artikolu, moqri fid-dawl tal-premessa 22 tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li, meta l-partijiet ikunu ftehmu dwar skeda ta’ ħlas li tistabbilixxi l-ammonti li għandhom jitħallsu bin-nifs, ammont minimu fiss ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, ikun eżiġibbli għal kull ħlas bin-nifs mhux imħallas fil-ħin.

    35

    Għaldaqstant, minn interpretazzjoni litterali u kuntestwali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li l-ammont minimu fiss ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, huwa dovut lill-kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu għal kull ħlas mhux imwettaq fil-ħin bħala remunerazzjoni għal tranżazzjoni kummerċjali, iċċertifikata f’fattura jew f’talba għal ħlas ekwivalenti, inkluż meta diversi ħlasijiet bħala remunerazzjoni għal kunsinni ta’ merkanzija jew għal provvista ta’ servizzi suċċessivi mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed u uniku jkunu tardivi, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għal dawn il-ħlasijiet tardivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 34).

    36

    Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 hija kkonfermata mill-iskop tagħha. Fil-fatt mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tagħha, jirriżulta li din hija intiża mhux biss li tiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi, billi tevita li dawn ikunu finanzjarjament interessanti għad-debitur, minħabba l-livell baxx jew l-assenza ta’ interessi ffatturati f’tali sitwazzjoni, iżda wkoll li tipproteġi b’mod effikaċi lill-kreditur kontra tali ħlasijiet tardivi, billi tiżguralu l-iktar kumpens sħiħ possibbli għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa jkun sostna. F’dan ir-rigward, il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva tippreċiża, min-naħa, li l-ispejjeż ta’ rkupru għandhom jinkludu wkoll l-irkupru tal-ispejjeż amministrattivi u l-kumpens għall-ispejjeż interni sostnuti minħabba ħlasijiet tardivi u, min-naħa l-oħra, li l-kumpens permezz ta’ ammont fiss għandu jkun intiż li jillimita l-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punti 3536).

    37

    F’din il-perspettiva, l-akkumulazzjoni, min-naħa tad-debitur, ta’ diversi ħlasijiet tardivi għal kunsinni ta’ merkanzija jew għal provvista ta’ servizzi suċċessivi, b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed u uniku, ma tistax ikollha l-effett li tnaqqas l-ammont minimu fiss dovut bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru fir-rigward ta’ kull ħlas tardiv għal ammont fiss wieħed. Dan it-tnaqqis ikun iwassal, qabel kollox, sabiex jintilef l-effett utli tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, li l-għan tagħha huwa, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt preċedenti, mhux biss li tiskoraġġixxi dawn il-ħlasijiet tardivi iżda wkoll li tikkumpensa, permezz ta’ dawn l-ammonti, lill-kreditur “għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess”, fejn dawn l-ispejjeż huma intiżi li jiżdiedu bi proporzjon man-numru ta’ ħlasijiet u ta’ ammonti li d-debitur ma jħallasx fil-ħin. L-imsemmi tnaqqis ikun jekwivali, sussegwentement, sabiex tingħata lid-debitur deroga mid-dritt għall-ammont fiss previst fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, mingħajr ma din id-deroga tkun iġġustifikata minn xi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva. It-tnaqqis inkwistjoni jkun iwassal, fl-aħħar, sabiex id-debitur jiġi eżentat minn parti mill-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligu tiegħu li jħallas, fir-rigward ta’ kull ħlas mhux imwettaq fil-ħin, l-ammont fiss ta’ EUR 40, previst f’dan l-Artikolu 6(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 37).

    38

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratt wieħed u uniku jkun jipprevedi kunsinni ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi suċċessivi, fejn kull waħda għandha titħallas f’terminu speċifiku, l-ammont minimu fiss ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għandu jkun dovut lill-kreditur għal kull ħlas tardiv.

    Fuq l‑ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” inkluż fih ikopri kull waħda mill-kunsinni ta’ merkanzija jew mill-provvista ta’ servizzi suċċessivi, imwettqa b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed u uniku.

     

    2)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    meta kuntratt wieħed u uniku jkun jipprevedi kunsinni ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi suċċessivi, fejn kull waħda għandha titħallas f’terminu speċifiku, l-ammont minimu fiss ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għandu jkun dovut lill-kreditur għal kull ħlas tardiv.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top