EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0414

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-10 ta’ Novembru 2022.
VP CAPITAL NV vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van Cassatie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Artikoli 49 u 54 TFUE – Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih ġiet ikkostitwita – Riverżjoni ta’ tnaqqis fil-valur imdaħħal fil-kontijiet qabel it-trasferiment – Eżenzjoni – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet.
Kawża C-414/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:871

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

10 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Artikoli 49 u 54 TFUE – Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih ġiet ikkostitwita – Riverżjoni ta’ tnaqqis fil-valur imdaħħal fil-kontijiet qabel it-trasferiment – Eżenzjoni – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet”

Fil-Kawża C‑414/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

VP Capital NV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VP Capital NV, minn S. Gnedasj, advocaat, u M. Grégoire, avocat,

għal PricewaterhouseCoopers Belastingadviseurs NV, minn P. Hinnekens, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, J.‑C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u V. Uher, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VP Capital NV u l-awtorità tat-taxxa Belġjana fir-rigward tat-trattament fiskali ta’ tranżazzjonijiet li jikkorrispondu għat-tnaqqis fil-valur imdaħħal fil-kontijiet qabel it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-Lussemburgu lejn il-Belġju.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-code des impôts sur les revenus 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“CIR 92”):

“Il-qligħ tal-impriżi industrijali, kummerċjali jew agrikoli kwalunkwe huwa dak derivanti:

[…]

2°   minn kull żieda fil-valur tal-assi ddedikati għall-eżerċizzju tal-attività professjonali u minn kull tnaqqis fil-valur tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn din l-attività, meta dan il-qligħ jew telf ikun ġie realizzat jew espress fil-kontabbiltà jew fil-kontijiet annwali”.

4

L-Artikolu 44(1) tas-CIR 92 jiddikjara:

“B’deroga mill-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, mill-punt 3 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27, u mill-punt 1 tal-ewwel paragrafu u mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 28, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, huwa eżentat:

1°   il-qligħ ta’ kapital espress iżda mhux realizzat, bl-eċċezzjoni tal-qliegħ ta’ kapital fuq il-ħażniet u l-ordnijiet fi proċess ta’ eżekuzzjoni;

[…]”

5

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 184b(2) tas-CIR 92 jipprevedi:

“Fil-każ li kumpannija barranija tittrasferixxi lejn il-Belġju l-istabbiliment jew is-sede ta’ tmexxija jew ta’ amministrazzjoni tagħha, fir-rigward tal-assi marbuta mal-istabbilimenti barranin jew tal-assi li jinsabu barra mill-pajjiż li huma fil-pussess ta’ din il-kumpannija, il-qligħ u telf kapitali mwettaq sussegwentement fir-rigward ta’ dawn l-assi huwa ddeterminat fuq il-bażi tal-valur kontabilistiku li dawn ikollhom fil-mument tal-operazzjoni.”

6

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 190 tas-CIR 92 huwa fformulat kif ġej:

“Fir-rigward tal-porzjon eżentat jew provviżorjament mhux intaxxat tal-qligħ kapitali msemmi fl-Artikolu 44(1) u (3), 44a, 44b u 47, din is-sistema ta’ qligħ kapitali hija applikabbli biss sa fejn dan il-porzjon jiġi ttrasferit u jinżamm f’kont jew f’numru ta’ kontijiet separati mill-passiv u ma jservix bħala bażi għall-kalkolu tal-allokazzjoni annwali tar-riżerva legali jew ta’ kull remunerazzjonijiet jew allokazzjoni oħra.”

7

Il-punt tal-Artikolu 198 tas-CIR 92 jipprovdi:

“Spejjeż professjonali ma jinkludux:

[…]

7°   it-tnaqqis fil-valur u t-telf fuq l-azzjonijiet jew ishma, bl-eċċezzjoni tat-telf irreġistrat fl-okkażjoni tat-tqassim totali tal-assi ta’ kumpannija sal-ammont tat-telf tal-kapital imħallas irrappreżentat minn tali azzjonijiet jew ishma”.

8

Skont l-Artikolu 206 tas-CIR 92:

“1.   It-telf tan-negozju preċedenti għandu jitnaqqas suċċessivament mid-dħul tan-negozju ta’ kull wieħed mill-perijodi taxxabbli li ġejjin.

L-imputazzjoni fuq il-profitti Belġjani tat-telf tan-negozju magħmul fi stabbiliment barrani proprjetà tal-kumpannija u li tinsab fi Stat li miegħu il-Belġju kkonkluda konvenzjoni ta’ ħelsien mit-taxxa doppja, hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-kumpannija turi li dan it-telf ma tnaqqasx mill-profitti ta’ dan l-istabbiliment barrani. Barra minn hekk, l-ammont ta’ dan it-telf tan-negozju li ġie imputat mill-kumpannija fuq il-profitti Belġjani tagħha għal kwalunkwe perijodu taxxabbli, għall-parti proporzjonali ta’ dan it-telf li fir-rigward tiegħu din il-kumpannija ma turix iktar għall-perijodu taxxabbi li din ma tnaqsitx mill-profitti ta’ dan l-istabbiliment barrani, jew jekk matul il-perijodu taxxabli l-istabbiliment barrani kkonċernat ġie ttrasferit fil-kuntest ta’ kontribuzzjoni, fużjoni, xissjoni jew operazzjoni ekwiparabbli magħha, jiġi miżjud mad-dħul taxxabbli ta’ dan il-perijodu.

[…]

3.   Fil-każ fejn kumpannija barranija tittrasferixxi lejn il-Belġju l-uffiċċju rreġistrat tagħha, l-istabbiliment prinċipali tagħha jew is-sede ta’ tmexxija jew ta’ amministrazzjoni tagħha, id-dispożizzjoni tas-subparagrafu 1 tal-paragrafu 1 għandha tapplika fir-rigward tat-telf tan-negozju magħmul minn din il-kumpannija fi stabbiliment Belġjan li kienet proprjetà ta’ din il-kumpannija qabel dan it-trasferiment.”

9

Finalment, l-Artikolu 74 tal-arrêté royal d’exécution (id-Digriet Irjali ta’ Eżekuzzjoni) tas-CIR 92, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AR/CIR 92”), jipprovdi:

“Bil-għan tad-determinazzjoni tar-riżultat taxxabbli taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji, ir-riżultat tal-perijodu taxxabbli, li minnu huwa eskluż it-tnaqqis fil-valur, proviżjonamenti jew qligħ kapitali eżentati bis-saħħa tal-Artikoli 48, 190, 191 u 194 sa 194c tas-[CIR 92], huwa mqassam, skont id-destinazzjoni tiegħu, fi:

1° riżervi;

2° spejjeż mhux eliġibbli;

3° dividendi.

Għall-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu:

1° ‘riżervi’ jfisser ir-riżultat irriżervat, imnaqqas:

[…]

mill-qligħ kapitali fuq azzjonijiet jew ishma eżentati bis-saħħa tal-Artikoli 192 u 521 tas-[CIR 92] kif ukoll tar-riverżjonijiet ta’ tnaqqis fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma mwettqa matul il-perijodu taxxabbli, li ġew intaxxati preċedentement bis-saħħa tal-Artikolu 198(7) tas-[CIR 92] bħala spejjeż mhux eliġibbli, sa fejn dan it-tnaqqis fil-valur ma jibqax iktar iġġustifikat fi tmiem dan il-perijodu taxxabbli;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

VP Capital, kumpannija inizjalment ikkostitwita fil-Lussemburgu u li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’dan l-Istat Membru, daħħlet fil-kontijiet tnaqqis fil-valur relatat ma’ diversi ishma li hija kellha f’kumpanniji oħra. Hija naqqset dan it-tnaqqis fil-valur mir-riżultati fiskali tagħha fil-Lussemburgu, li ta lok għal żieda fit-telf tagħha li jista’ jiġi rriportat ’il quddiem. Minħabba s-sitwazzjoni defiċitarja tagħha, VP Capital ma kinitx f’qagħda li tuża t-telf tagħha li jista’ jiġi rriportat ’il quddiem fil-Lussemburgu.

11

Wara dawn l-operazzjonijiet, fix-xahar ta’ Mejju 2009, VP Capital ittrasferixxiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha mil-Lussemburgu lejn il-Belġju. Hija saret kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan.

12

Wara dan it-trasferiment, VP Capital irkuprat parti mit-tnaqqis fil-valur li hija kienet daħħlet fil-kontijiet meta l-uffiċċju rreġistrat tagħha kien għadu jinsab fil-Lussemburgu. Hija għamlet użu mis-sistema Belġjana ta’ eżenzjoni għall-irkupru ta’ tnaqqis fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma ta’ kumpanniji prevista fl-Artikolu 74 tal-AR/CIR 92, li jipprovdi li dawn l-operazzjonijiet huma fiskalment eżentati, peress li t-tnaqqis fil-valur korrispondenti ma jistax, bħala prinċipju, jitnaqqas mid-dħul taxxabbli bħala spejjeż tan-negozju bis-saħħa tal-punt 7 tal-Artikolu 198 tas-CIR 92.

13

Madankollu, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 184b(2) tas-CIR 92 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 190 tiegħu, fil-każ ta’ trasferiment lejn il-Belġju tal-uffiċċju rreġistrat, tal-istabbiliment prinċipali jew tas-sede ta’ tmexxija jew ta’ amministrazzjoni ta’ kumpannija barranija, fir-rigward tal-assi marbuta mal-istabbilimenti barranin jew tal-assi li jinsabu barra mill-pajjiż li huma fil-pussess ta’ din il-kumpannija, il-qligħ u telf kapitali li jikkorrispondi ma’ dawn l-assi mwettqa wara dan it-trasferiment huma ddeterminati fuq il-bażi tal-valur kontabilistiku tagħhom fil-mument ta’ dan it-trasferiment. Il-qligħ kapitali espress iżda mhux imwettaq (iktar ’il quddiem il-“qligħ kapitali latenti”) huwa eżentat bil-kundizzjoni li dan jiġi jiddaħħal fuq kont separat mill-passiv. Peress li r-riverżjoni ta’ tnaqqis fil-valur imdaħħal fil-kontijiet minn VP Capital wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn il-Belġju ma ġietx irreġistrata fuq kont separat mill-passiv, l-awtorità tat-taxxa Belġjana qieset li din kienet taxxabbli.

14

Fil-kuntest tat-tilwima bejn VP Capital u din l-awtorità fir-rigward tat-trattament fiskali tal-operazzjonijiet inkwistjoni, il-Hof von Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-libertà ta’ stabbiliment kif iggarantita permezz tal-Artikolu 49 TFUE hija miksura minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni [fil-kawża prinċipali] sa fejn din għandha bħala konsegwenza li kumpannija Lussemburgiża li ddaħħal fil-kontijiet fil-Lussemburgu tnaqqis fil-valur ta’ ishma u li, minkejja li tneħħihom fil-prinċipju mir-riżultati fiskali tagħha, ma tistax tnaqqashom effettivament mir-riżultati fiskali tagħha, minħabba l-eżistenza ta’ pożizzjoni fiskali ta’ telf, hija intaxxata fil-Belġju, wara t-trasferiment tas-sede rreġistrata tagħha lejn il-Belġju, fuq ir-riverżjoni ta’ dan it-tnaqqis fil-valur, sakemm iż-żidiet fil-valur sottostanti din ir-riverżjoni ma jiddaħħlux fuq kont indisponibbli tal-passiv, filwaqt li kumpannija Belġjana li daħħlet fil-kontijiet fil-Belġju tnaqqis fil-valur ta’ ishma ma tiġix intaxxata fuq ir-riverżjoni ta’ dan it-tnaqqis fil-valur, sakemm it-tnaqqis fil-valur ma jkunx tnaqqas preċedentement mir-riżultati fiskali Belġjani, u dan mingħajr ma ż-żidiet fil-valur sottostanti din ir-riverżjoni għandhom jiddaħħlu f’kont indisponibbli tal-passiv?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li bis-saħħa tagħha iż-żidiet fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma ta’ kumpanniji mdaħħla fil-kontijiet minn kumpannija fi Stat Membru, wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din tal-aħħar, jiġu ttrattati bħala qligħ kapitali latenti, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt dwar jekk dawn l-azzjonijiet jew dawn l-ishma tawx lok għad-dħul fil-kontijiet ta’ tnaqqis fil-valur minn din il-kumpannija f’data li fiha hija kienet residenti fiskali fi Stat Membru ieħor.

16

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jagħti l-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment lill-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, AURES Holding, C‑405/18, EU:C:2020:127, punt 24). It-tgawdija ta’ din il-libertà tinkludi d-dritt, għal tali kumpannija, li tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali, jew l-istabbiliment prinċipali tagħha lejn Stat Membru ieħor.

17

Għandu jitfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi, b’mod partikolari, li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, AURES Holding, C‑405/18, EU:C:2020:127, punti 2731).

18

F’dan il-kuntest, kumpannija kkostitwita skont il-liġi ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor, tista’ tinvoka l-Artikolu 49 TFUE sabiex tikkontesta l-konsegwenzi fiskali ta’ dan it-trasferimenti fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, AURES Holding, C‑405/18, EU:C:2020:127, punti 2628).

19

Madankollu, l-Artikolu 49 TFUE ma jiggarantixxix li tali trasferiment ikun newtrali fir-rigward ta’ tassazzjoni. Fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam, dan it-trasferiment jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż jew żvantaġġuż minn perspettiva fiskali. Il-libertà ta’ stabbiliment ma timplikax li Stat Membru għandu l-obbligu li jadatta r-regoli fiskali tiegħu skont dawk ta’ Stat Membru ieħor sabiex tiġi ggarantita, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, AURES Holding, C‑405/18, EU:C:2020:127, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bis-saħħa tal-punt 7 tal-Artikolu 198 tas‑CIR 92, it-tnaqqis fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma ta’ kumpanniji ma jistax, bħala prinċipju, jitnaqqas mid-dħul taxxabbli billi jitqies bħala spejjeż tan-negozju. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 74 tal-AR/CIR 92 jeżenta r-riverżjoni ulterjuri ta’ dan it-tnaqqis fil-valur mit-taxxa fuq il-kumpanniji.

21

Minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li, madankollu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 184b(2) tas‑CIR 92, il-qligħ u t-tnaqqis kapitali magħmula wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija lejn il-Belġju huma ddeterminati fuq il-bażi tal-valur kontabbli tagħhom fid-data ta’ dan it-trasferiment. F’dan il-kuntest, jitqiesu bħala qligħ kapitali latenti, eskluż mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali kkostitwit mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 74 tal-AR/CIR 92, iż-żidiet fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma ta’ kumpanniji mdaħħla fil-kontijiet minn kumpannija li ttrasferixxiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn il-Belġju, inkluż meta d-dħul fil-kontijiet ta’ dawn iż-żidiet jikkorrispondi għar-riverżjoni ta’ tnaqqis fil-valur imdaħħla fil-kontijiet wara dan it-trasferiment u li ma tax lok, f’dan l-Istat Membru ta’oriġini, għal tnaqqis tar-riżultat taxxabbli bħala spejjeż tan-negozju.

22

Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali stabbilita għad-detriment tal-kumpanniji kkostitwiti bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment tagħhom differenza fit-trattament li tista’ tiddiswadihom milli jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom lejn Stat Membru ieħor bil-għan li jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom fih. Din id-differenza fit-trattament tista’ tiġi aċċettata biss jekk tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonata għaliha (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2022, AURES Holding, C‑405/18, EU:C:2020:127, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza tas‑27 ta’ Frar, AURES Holding, C‑405/18, EU:C:2020:127, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fid-dawl tal-miżuri meħuda minn Stat Membru biex tinżamm il-kondiviżjoni tas-setgħa taxxabbli bejn l-Istati Membri, bħalma huwa l-każ, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju kumpannija li rreġistrat tnaqqis fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma ta’ kumpanniji fi Stat Membru u kumpannija li ttrasferixxiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn dan l-Istat Membru wara li rreġistrat tali tnaqqis fil-valur fi Stat Membru ieħor, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli.

25

Fil-fatt, kumpannija li twettaq tali trasferiment taqa’ suċċessivament taħt il-ġurisdizzjoni fiskali ta’ żewġ Stati Membri, jiġifieri, minn naħa, l-Istat Membru ta’ oriġini, għall-perijodu li matulu tnaqqis fil-valur iddaħħal fil-kontijiet, u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru ospitanti, għall-perijodu li matulu ż-żidiet fil-valur li jikkorrispondu għar-riverżjoni ta’ dan it-tnaqqis fil-valur iddaħħlu fil-kontijiet.

26

Fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat Membru ospitanti għall-perijodu li matulu tnaqqis fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma ta’ kumpanniji ddaħħal fil-kontijiet, kumpannija li ttrasferixxiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn dan l-Istat Membru u li fih sussegwentement idaħħlu fil-kontijiet żidiet fil-valur ta’ dawn l-azzjonijiet jew ta’ dawn l-ishma ta’ kumpanniji ma tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ kumpannija li diġà kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni fiskali tal-imsemmi Stat Membru għall-perijodu li matulu dan it-tnaqqis fil-valur iddaħħal fil-kontijiet.

27

Għall-istess raġuni, sitwazzjoni ta’ kumpannija li ttrasferixxiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru qabel ma pproċediet għar-riverżjoni ta’ tnaqqis fil-valur imdaħħal fil-kontijiet qabel dan it-trasferiment lanqas ma hija paragunabbli, kuntrarjament għal dak li ssostni VP Capital, għal dik ta’ kumpannija holding stabbilita f’dan l-Istat Membru li tinsab f’qagħda fiskali ta’ telf, għal dik ta’ kumpannija li daħħlet fil-kontijiet tnaqqis fil-valur fl-imsemmi Stat Membru meta hija kienet suġġetta għat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi, jew għal dik ta’ kumpannija tal-istess Stat Membru li tagħlaq stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor li fih tnaqqis fil-valur iddaħħal fil-kontijiet.

28

F’dan il-każ, barra minn hekk għandu jiġi osservat li, skont l-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokat fil-Lussemburgu, l-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, it-tnaqqis fil-valur li hija kienet daħħlet fil-kontijiet qabel it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, li, minħabba s-sitwazzjoni defiċitarja tagħha, kellha l-effett li żżid it-telf tagħha li jista’ jiġi rriportat ’il quddiem. Il-fatt li hija ma setgħetx effettivament tnaqqas dan it-telf mir-riżultat taxxabbli tagħha jirriżulta mill-għażla li hija għamlet wara li eżerċitat il-libertà ta’ stabbiliment tagħha meta wettqet dan it-trasferiment.

29

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jitqiegħdu inkwistjoni mis-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C‑650/16, EU:C:2018:424). Fil-fatt, is-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza tidħol fil-qafas tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija parent, tat-telf definittiv imġarrab minn sussidjarja jew minn stabbiliment permanenti li jinsab, matul l-istess perijodu ta’ taxxa, fi Stat Membru ieħor. Din ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni ta’ kumpannija li ttrasferixxiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor u tirrikjedi t-teħid inkunsiderazzjoni, f’dan tal-aħħar, tal-operazzjonijiet imdaħħla fil-kontijiet fl-ewwel Stat Membru qabel dan it-trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, AURES Holding, C‑405/18, EU:C:2020:127, punti 44 sa 48).

30

Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li bis-saħħa tagħha ż-żidiet fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma ta’ kumpanniji mdaħħla fil-kontijiet minn kumpannija fi Stat Membru, wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din tal-aħħar, jiġu ttrattati bħala qligħ kapitali latenti, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt dwar jekk dawn l-azzjonijiet jew dawn l-ishma tawx lok għad-dħul fil-kontijiet ta’ tnaqqis fil-valur minn din il-kumpannija f’data li fiha hija kienet residenti fiskali fi Stat Membru ieħor.

Fuq l‑ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li bis-saħħa tagħha ż-żidiet fil-valur fuq azzjonijiet jew ishma ta’ kumpanniji mdaħħla fil-kontijiet minn kumpannija fi Stat Membru, wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din tal-aħħar, jiġu ttrattati bħala qligħ kapitali latenti, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt dwar jekk dawn l-azzjonijiet jew dawn l-ishma tawx lok għad-dħul fil-kontijiet ta’ tnaqqis fil-valur minn din il-kumpannija f’data li fiha hija kienet residenti fiskali fi Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top