Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0412

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-23 ta’ Marzu 2023.
Dual Prod SRL vs Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca - Comisia regională pentru autorizarea operatorilor de produse supuse accizelor armonizate.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Satu Mare.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 16(1) – Awtorizzazzjoni biex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Miżuri ta’ sospensjoni suċċessivi – Natura kriminali – Artikoli 48 u 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Proporzjonalità.
Kawża C-412/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:234

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 16(1) – Awtorizzazzjoni biex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Miżuri ta’ sospensjoni suċċessivi – Natura kriminali – Artikoli 48 u 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑412/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Satu Mare (il-Qorti tal-Kontea ta’ Statu Mare, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

Dual Prod SRL

vs

Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca – Comisia regională pentru autorizarea operatorilor de produse supuse accizelor armonizate,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Dual Prod SRL, minn D. Pătrăuş, A. Şandru u T.D. Vidrean-Căpuşan, avocați,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), kif ukoll tal-Artikolu 48(1) u tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Dual Prod SRL u d-Direcţia Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj-Napoca – Comisia regională pentru autorizarea operatorilor de produse supuse accizelor armonizate (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj-Napoca — il-Kummissjoni Reġjonali għall-Awtorizzazzjoni tal-Prodotti Suġġetti għad-Dazju tas-Sisa Armonizzat, ir-Rumanija), intiża b’mod partikolari għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar issospenda l-awtorizzazzjoni biex topera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, miżmuma minn Dual Prod.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il‑premessi 15 u 16 tad-Direttiva 2008/118 kienu jipprevedu:

“(15)

Billi jeħtieġ li jitwettqu kontrolli fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni u ta’ ħażna sabiex jiġi żgurat li d-dejn tat-taxxa jinġabar, huwa meħtieġ li tinżamm sistema ta’ mħażen, soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiġu ffaċilitati dawn it-tip ta’ kontrolli.

(16)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-magazzinieri awtorizzati u min-negozjanti mingħajr status ta’ magazzinieri awtorizzati.”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva kien jiddisponi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[…]

(b)

alkoħol u xorb alkoħoliku koperti mid-[Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206)] u [d-Direttiva tal-Kunsill 92/84 tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213)];

[…]”.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘magazzinier awtorizzat’, tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa;

[…]

(7)

‘arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju’ tfisser arranġament tat-taxxa applikat għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma jew il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mhux koperti minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

[…]

(11)

‘maħżen tat-taxxa’ tfisser post fejn prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, ipproċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat matul in-negozju tiegħu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.”

6

Skond l-Artikolu 15 tal-istess direttiva:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiddetermina r-regoli tiegħu dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, soġġett għal din id-Direttiva.

2.   Il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx tħallas, għandu jseħħ f’maħżen tat-taxxa.”

7

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/118 kien ifformulat kif ġej:

“1.   Il-ftuħ u t-tħaddim ta’ maħżen tat-taxxa minn magazzinier awtorizzat għandu jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.

Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li l-awtoritajiet huma intitolati li jistabbilixxu għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli.

2.   Magazzinier awtorizzat għandu jkun meħtieġ li:

[…]

(b)

jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-maħżen tat-taxxa;

[…]

(d)

idaħħal fil-maħżen tat-taxxa tiegħu u jdaħħal fil-kontijiet tiegħu hekk kif jintemm il-moviment, il-prodotti kollha bid-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, ħlief fejn japplika l-Artikolu 17(2);

(e)

jagħti l-kunsens għal kull monitoraġġ u verifika tal-istokk.

[…]”.

Id‑dritt Rumen

8

L-Artikolu 364(1)(d) tal-Legea nr. 227/2015 privind Codul Fiscal (il-Liġi Nru 227/2015, dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), tat-8 ta’ Settembru 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 688 tal-10 ta’ Settembru 2015, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jipprovdi:

“L-awtorità kompetenti għandha toħroġ l-awtorizzazzjoni ta’ maħżen tat-taxxa għal stabbiliment biss jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

[…]

(d)

fil-każ ta’ persuna fiżika li teżerċita l-attività tagħha bħala magazzinier awtorizzat, li hija ma tkunx inkapaċi, li hija ma kinitx is-suġġett ta’ kundanna definittiva jew kundizzjonata għar-reati li ġejjin:

[…]

12. ir-reati previsti minn dan il-kodiċi.”

9

L-Artikolu 369(3) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Fuq proposta tal-korpi superviżorji, l-awtorità kompetenti tista’ tissospendi l-awtorizzazzjoni ta’ maħżen tat-taxxa:

[…]

(b)

għal perijodu ta’ bejn xahar u tnax-il xahar, meta jiġi kkonstatat li twettaq wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 452(1)(b) sa (e), (g) u (i);

(c)

sakemm il-kawża kriminali tinqata’ b’mod finali, meta l-proċeduri kriminali jkunu nfetħu għar-reati msemmija fl-Artikolu 364(1)(d);

[…]”

10

L-Artikolu 452 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“(1) Jikkostitwixxu reati l-fatti li ġejjin:

[…]

(h)

iż-żamma minn kull persuna barra mill-maħżen tat-taxxa jew il-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju Rumen tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u għall-obbligu ta’ mmarkar, skont dan it-titolu, meta dawn il-prodotti ma jkunux immarkati jew ikunu mmarkati b’mod mhux xieraq jew b’marki foloz, lil hinn mil-limitu ta’ 10000 sigarett, 400 sigarri ta’ tliet grammi, 200 sigarri ogħla minn tliet grammi, kilogramma ta’ tabakk għat-tipjip, 40 litru ta’ alkoħol etiliku, 200 litru ta’ xarbiet spirituż, 300 litru ta’ xarbiet iffermentati minbarra l-birra u l-inbid;

(i)

L-użu ta’ pajpijiet u tubi mobbli, konnessjonijiet elastiċi jew conduits oħrajn ta’ natura simili jew tankijiet li ma humiex ikkalibrati, jew li jitpoġġew quddiem conduits tal-miter, jew tappijiet li permezz tagħhom kwantitajiet ta’ alkoħol jew spirti jistgħu jiġu estratti mingħajr ma jitkejjel minn dan il-miter.

[…]

(3) Wara li tikkonstata l-fatti msemmija fil-punti (b) sa (e), (g) u (i) tal-paragrafu (1), l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tordna l-waqfien tal-attività, il-faċilità għandha tiġi ssiġillata skont il-proċeduri teknoloġiċi tal-għeluq tal-faċilità u tittrażmetti d-dokumenti tal-ispezzjoni lill-awtorità tat-taxxa li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni, flimkien mal-proposta ta’ sospensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ maħżen tat-taxxa.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11

Dual Prod hija kumpannija rregolata mid-dritt Rumen li tibbenefika minn awtorizzazzjoni biex topera fil-qasam tal-produzzjoni tal-alkoħol u tax-xorb alkoħoliku suġġett għad-dazju tas-sisa.

12

Fl-1 ta’ Awwissu 2018, twettqet tfittxija fil-bini ta’ din il-kumpannija.

13

Wara din it-tfittxija, infetħu proċeduri kriminali in rem minħabba suspetti ta’ ksur tal-Artikolu 452(1)(h) u (i) tal-Kodiċi tat-Taxxa li jikkonsistu, minn naħa, fl-evakwazzjoni u ż-żamma, barra mill-maħżen tat-taxxa, ta’ kwantità ikbar minn 40 litru ta’ alkoħol etiliku li għandu kontenut alkoħolika minimu ta’ 96 % fil-volum u, min-naħa l-oħra, fl-installazzjoni ta’ pajp fuq il-faċilità ta’ produzzjoni.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2018, l-awtorità amministrattiva kompetenti ssospendiet l-awtorizzazzjoni ta’ Dual Prod sabiex topera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, għal perijodu ta’ tnax-il xahar, abbażi tal-Artikolu 369(3)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa. Din l-awtorità interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li din tippermetti li tiġi imposta tali sospensjoni minħabba sempliċi indizji tat-twettiq ta’ reati kriminali taħt il-leġiżlazzjoni li tirregola l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.

15

Fit-13 ta’ Diċembru 2019, il-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija), adita minn Dual Prod b’appell mid-deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2018, naqqset it-tul ta’ din is-sospensjoni għal tmien xhur, wara li qieset li l-fatt li jiġi impost il-perijodu massimu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 369(3)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa kien manifestament sproporzjonat. L-imsemmija sospensjoni ġiet eżegwita b’mod sħiħ.

16

Wara li, fil-21 ta’ Ottubru 2020, Dual Prod ġiet akkużata formalment fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, mibdija wara t-tfittxija tal‑1 ta’ Awwissu 2018, l-awtorità amministrattiva kompetenti ssospendiet, għal darba oħra, skont l-Artikolu 369(3)(c) tal-Kodiċi tat-Taxxa, l-awtorizzazzjoni ta’ Dual Prod sabiex topera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, sal-eżitu definittiv tal-proċeduri kriminali. Dual Prod ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunalul Satu Mare (il-Qorti tal-Kontea ta’ Satu Mare, ir-Rumanija).

17

Din il-qorti tosserva li d-Direttiva 2008/118 fiha dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-awtorizzazzjoni tal-imħażen tat-taxxa. Minn dan hija tiddeduċi li l-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ ne bis in idem, kif stabbiliti fl-Artikolu 48(1) u fl-Artikolu 50 tal-Karta, jistgħu jkunu rilevanti fil-każ ineżami.

18

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza jipprekludix li awtorità amministrattiva tissospendi, għal perijodu indefinit, l-awtorizzazzjoni biex topera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, miżmuma minn persuna ġuridika, għas-sempliċi raġuni li jeżistu indizji li din tal-aħħar wettqet reat, u saħansitra qabel ma qorti tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-ħtija ta’ din il-persuna.

19

L-imsemmija qorti tenfasizza li s-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija lil Dual Prod tidher li tindika li din il-kumpannija hija meqjusa bħala ħatja u li l-proċeduri kriminali ilhom pendenti għal iktar minn tliet snin.

20

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li persuna ġuridika tiġi imposta, għall-istess fatti, żewġ sanzjonijiet tal-istess natura fil-kuntest ta’ proċedura fiskali, għas-sempliċi raġuni li proċeduri kriminali paralleli waslu f’ċertu stadju, huwiex kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Satu Mare (il-Qorti tal-Kontea ta’ Satu Mare), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(1) tal-[Karta] dwar il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) tad-[Direttiva 2008/118], jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni legali bħal dik f’din il-kawża, fejn tista’ tiġi ordnata miżura amministrattiva li tissospendi awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni ta’ alkoħol abbażi ta’ sempliċi preżunzjonijiet li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali pendenti, mingħajr ma ngħatat deċiżjoni definittiva ta’ kundanna fi kwistjonijiet kriminali?

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tal-[Karta] dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni legali bħal dik f’din il-kawża, fejn żewġ sanzjonijiet tal-istess natura (sospensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni tal-alkoħol) huma imposti fuq l-istess persuna għall-istess sitwazzjoni fattwali, b’differenza waħda li tikkonċerna l-perijodu li għalih huma imposti s-sanzjonijiet?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

22

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, sa fejn hija kkonċernata l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss, dispożizzjoni li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fil-każ ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, b’mod parallel mal-ftuħ ta’ proċedura kriminali in rem wara tfittxija fil-bini ta’ Dual Prod, l-awtorità amministrattiva kompetenti ssospendiet, skont l-Artikolu 369(3)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa, għal perijodu ta’ tnax-il xahar, l-awtorizzazzjoni sabiex topera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, mogħtija lil din il-kumpannija. Wara appell imressaq minn Dual Prod, din is-sospensjoni tnaqqset għal tmien xhur. Kif intemmet din is-sospensjoni, din l-awtorità amministrattiva ssospendiet mill-ġdid, skont l-Artikolu 369(3)(c) tal-Kodiċi tat-Taxxa, l-istess awtorizzazzjoni, għal żmien indeterminat, minħabba li Dual Prod kienet ġiet akkużata formalment fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija kontriha wara tfittxija fil-bini tagħha.

24

Minn dan isegwi li l-miżuri ta’ sospensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma marbuta ma’ allegati nuqqasijiet tal-obbligi li huma imposti, mil-leġiżlazzjoni Rumena, fuq id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, sabiex tiġi evitata kull forma ta’ frodi jew ta’ abbuż.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/118, li għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ġenerali armonizzata tad-dazji tas-sisa, il-prevenzjoni tal-frodi u tal-abbużi tikkostitwixxi għan komuni kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-drittijiet tal-Istati Membri. Fil-fatt, minn naħa, dawn tal-aħħar għandhom interess leġittimu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali huwa għan imfittex minn din id-direttiva, kif jikkonfermaw il-premessi 15 u 16 u l-Artikolu 16 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2022, MONO, C‑326/20, EU:C:2022:7, punti 2832 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għaldaqstant, meta Stat Membru jissospendi l-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-operat ta’ maħżen tat-taxxa, fis-sens tad-Direttiva 2008/118, minħabba indizji tat-twettiq ta’ reati kriminali taħt il-leġiżlazzjoni li tirregola l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, huwa jimplementa din id-direttiva u, għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u għandu, għaldaqstant, josserva d-dispożizzjonijiet tal-Karta.

27

Fit-tieni lok, għalkemm finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk iż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “sanzjonijiet ta’ natura kriminali”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 48(1) u tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu, madankollu, jitfakkar li tliet kriterji huma rilevanti f’dan ir-rigward. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tar-reat fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tar-reat u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, u tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202,, punt 25).

28

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, ma jidhirx li l-miżuri ta’ sospensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt Rumen.

29

B’dan premess, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel, li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta li jipproteġu lill-persuni b’akkuża kriminali ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt intern – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn imsemmija fil-punt 27 tas-sentenza preżenti (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 30).

30

Fir-rigward, it-tieni, tal-kriterju dwar in-natura stess tar-reat, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, skop repressiv, mingħajr ma s-sempliċi fatt li hija għandha wkoll għan preventiv huwa ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali. Fil-fatt, huwa fin-natura nnifisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ikunu intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali. Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrimedja d-dannu kkawżat mir-reat ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 89).

31

F’dan il-każ, jidher li l-miżuri ta’ sospensjoni ġew imposti fuq Dual Prod b’mod parallel ma’ proċedura kriminali u li ma humiex intiżi sabiex jirrimedjaw għad-dannu kkawżat mir-reat.

32

Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li dawn il-miżuri ta’ sospensjoni jaqgħu taħt l-arranġament ta’ moviment tal-prodotti suġġetti għas-sisa u mqiegħda taħt sistema ta’ sospensjoni, stabbilita mid-Direttiva 2008/118, li fiha l-magazziniera tat-taxxa għandhom rwol ċentrali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia, C‑81/15, EU:C:2016:398, punt 31). Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija miżuri huma intiżi li japplikaw biss għall-operaturi ekonomiċi li huma detenturi ta’ awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, fis-sens tal-Artikoli 15 u 16 ta’ din id-direttiva, billi jċaħħduhom temporanjament mill-benefiċċji li jirriżultaw minn tali awtorizzazzjoni.

33

Għaldaqstant, miżuri ta’ sospensjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jirrigwardawx il-pubbliku inġenerali, iżda kategorija partikolari ta’ destinatarji li, peress li jeżerċitaw attività speċifikament irregolata mid-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, mogħtija mill-Istati Membri u li jagħtuhom prerogattivi determinati. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsistux fis-sospensjoni tal-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi minħabba li l-awtorità amministrattiva kompetenti qieset li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni ma għadhomx jew jirriskjaw li ma jibqgħux jiġu ssodisfatti, aspett li jimmilita favur il-konstatazzjoni li tali miżuri ma għandhomx skop repressiv.

34

Tali indizju jidher li jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Artikolu 369(3)(b) u (c) tal-Kodiċi tat-Taxxa ma jidhirx li jimponi fuq l-awtorità amministrattiva kompetenti l-obbligu li tiddeċiedi l-miżuri ta’ sospensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

35

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ewwel miżura ta’ sospensjoni imposta fuq Dual Prod, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina r-raġuni li għaliha l-awtorità amministrattiva kompetenti ddeċidiet li tissospendi l-awtorizzazzjoni ta’ din il-kumpannija għal perijodu ta’ tnax-il xahar, jiġifieri t-tul massimu awtorizzat fl-Artikolu 369(3)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa, l-istess bħar-raġuni għaliex tali perijodu tnaqqas għal tmien xhur mill-qorti li ddeċidiet l-appell imressaq minn Dual Prod, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-raġunijiet li ġġustifikaw tali deċiżjonijiet jurux skop preventiv jew repressiv.

36

F’dak li jirrigwarda t-tieni miżura ta’ sospensjoni imposta fuq Dual Prod, abbażi tal-Artikolu 369(3)(c) tal-Kodiċi tat-Taxxa, għandu jiġi nnotat li din tal-aħħar ma ttemx f’mument predeterminat, iżda biss fi tmiem il-proċeduri kriminali pendenti, li jidher li huwa karatteristika iktar ta’ miżura bi skop preventiv jew kawtelatorju milli repressiv.

37

Fir-rigward, it-tielet, tal-kriterju dwar is-severità tas-sanzjoni imposta, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm kull waħda miż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ twassal għal konsegwenzi ekonomiċi negattivi għal Dual Prod, dawn huma madankollu inerenti għan-natura preventiva jew kawtelatorja li jidhru li għandhom tali miżuri u ma jiksbux, bħala prinċipju, il-grad ta’ severità meħtieġ sabiex dawn jiġu kklassifikati bħala li huma ta’ natura kriminali peress li, fost oħrajn, ma jipprekludux lil din il-kumpannija milli tkompli teżerċita, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, attivitajiet ekonomiċi li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.

Fuq l‑ewwel domanda

38

Kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors intiż li jikkontesta l-legalità tat-tieni miżura ta’ sospensjoni adottata fir-rigward ta’ Dual Prod, skont l-Artikolu 369(3)(c) tal-Kodiċi tat-Taxxa.

39

Minn dan isegwi li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 48(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa tista’ tiġi sospiża amministrattivament, sa tmiem proċeduri kriminali, għas-sempliċi raġuni li d-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni jkun ġie formalment akkużat fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali.

40

L-Artikolu 48(1) tal-Karta huwa intiż li tiggarantixxi lil kull persuna li ma tkunx indikata jew ittrattata bħala ħatja ta’ reat qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Rubach, C‑344/08, EU:C:2009:482, punt 31).

41

Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tipprekludix, bħala prinċipju, li sanzjoni ta’ natura kriminali tiġi imposta minn awtorità amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 35), l-imsemmija dispożizzjoni tiġi, min-naħa l-oħra, miksura meta awtorità amministrattiva tadotta sanzjoni ta’ natura kriminali mingħajr ma tkun ikkonstatat, minn qabel, il-ksur ta’ regola tad-dritt stabbilita minn qabel u mingħajr ma tkun tat lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà tiskolpa ruħha, peress li l-persuna għandha tingħata l-benefiċċju tad-dubju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il-Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punti 234235237, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Barra minn hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta jirrikjedi li kull destinatarju ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali jkollu rimedju li jippermetti l-istħarriġ ta’ din is-sanzjoni minn qorti li għandha ġurisdizzjoni sħiħa (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 32 sa 35), fejn dan ir-rimedju jippermetti, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat li l-awtorità amministrattiva ma kisritx il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza.

43

Minn dan isegwi li, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li miżura ta’ sospensjoni, bħal dik imsemmija fil-punt 39 tas-sentenza preżenti, tikkostitwixxi sanzjoni kriminali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 48(1) tal-Karta, kieku l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit f’din id-dispożizzjoni, jipprekludi l-adozzjoni ta’ tali miżura, anki jekk ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni dwar il-ħtija kriminali tal-persuna hekk issanzjonata.

44

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 48(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa tista’ tiġi sospiża amministrattivament, sakemm jintemmu l-proċeduri kriminali, għas-sempliċi raġuni li d-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni jkun ġie akkużat formalment akkużat fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali, jekk din is-sospensjoni tikkostitwixxi sanzjoni ta’ natura kriminali.

Fuq it‑tieni domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

45

Sa fejn il-Gvern Taljan jidher li jsostni li t-tieni domanda hija inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju ma wrietx b’mod suffiċjenti kif il-fatti li taw lok għaż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma identiċi, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

46

Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-kliem tat-tieni domanda jirriżulta b’mod ċar li, skont din il-qorti, iż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati minħabba l-istess fatti kkonstatati waqt it-tfittxija fil-bini ta’ Dual Prod, peress li dawn wasslu sabiex ikun hemm suspett li din il-kumpannija wettqet reati kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.

47

Il-kwistjoni dwar jekk tali evalwazzjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 50 tal-Karta taqa’, min-naħa tagħha, taħt l-eżami, fil-mertu, tat-tieni domanda preliminari.

Fuq il‑mertu

48

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li sanzjoni tiġi imposta fuq persuna ġuridika li kienet diġà suġġetta, għall-istess fatti, għal sanzjoni tal-istess natura, iżda għal tul differenti.

49

Qabelxejn għandu jiġi rrilevata li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għaldaqstant, it-tieni domanda hija utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali biss jekk kull waħda miż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun ta’ natura kriminali, fis-sens ta’ dan l-artikolu, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-kriterji żviluppati fil-punti 27 sa 37 tas-sentenza preżenti.

51

Bla ħsara għal din il-kjarifika, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28).

52

L-ewwel, fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, din teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi, u mhux biss simili. L-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sa fejn jinvolvu l-istess awtur u huma marbuta b’mod inseparabbli bejniethom ratione temporis et ratione loci (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punti 36 sa 37).

53

Fil-każ ineżami, jidher, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju stess, li ż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni imposti fuq Dual Prod huma marbuta ma’ fatti materjali identiċi, jiġifieri dawk li ġew ikkonstatati waqt it-tfittxija fil-bini ta’ din il-kumpannija.

54

Il-fatt li t-tieni miżura ta’ sospensjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġiet ordnata minħabba li Dual Prod ġiet akkużata formalment fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ma huwiex ta’ natura li jbiddel tali konstatazzjoni peress li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-proċedura kriminali hija intiża preċiżament sabiex tissanzjona l-istess fatti li ġew ikkonstatati matul din it-tfittxija.

55

Fir-rigward, it-tieni, tal-kundizzjoni “bis”, għandu jitfakkar li, sabiex deċiżjoni tkun tista’ titqies li tkun ġiet deċiża b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għat-tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 29).

56

Fil-każ ineżami, fir-rigward, minn naħa, tan-natura definittiva tad-deċiżjoni li imponiet l-ewwel miżura ta’ sospensjoni fuq Dual Prod, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura, b’mod iktar partikolari, li d-deċiżjoni ġudizzjarja li naqqset għal tmien xhur il-perijodu ta’ tali miżura ta’ sospensjoni kienet, fi kwalunkwe każ, kisbet l-awtorità ta’ res judicata fid-data li fiha ngħatat it-tieni miżura ta’ sospensjoni fir-rigward ta’ Dual Prod.

57

Għal dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-mertu tal-kawża, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem jirriżulta li, meta sanzjoni tkun ġiet imposta mill-awtorità kompetenti bħala konsegwenza tal-aġir imputat lill-persuna kkonċernata, jista’ raġonevolment jitqies li l-awtorità kompetenti kienet wettqet, minn qabel, evalwazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi tal-kawża u dwar in-natura illegali tal-aġir tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 98).

58

Jekk, wara eżami tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 49 sa 57 tas-sentenza preżenti, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 50 tal-Karta japplika għall-kawża prinċipali, il-kumulu taż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50.

59

Madankollu, limitazzjoni bħal din tista’ wkoll tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 40).

60

F’każ bħal dan, fit-tieni lok, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet kollha li fihom l-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw id-dritt fundamentali, iggarantit fl-Artikolu 50 tagħha, humiex osservati fil-każ ineżami.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-imsemmija drittijiet u għall-imsemmija libertajiet biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

62

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-possibbiltà li jiġu akkumulati ż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tidher li hija prevista mil-liġi, jiġifieri fl-Artikolu 369(3)(b) u (c) tal-Kodiċi tat-Taxxi Rumen.

63

Min-naħa l-oħra, tali possibbiltà li jiġu akkumulati l-proċeduri u s-sanzjonijiet tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess reat jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 43). Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kundizzjoni ma tidhirx li hija ssodisfatta fil-każ ineżami.

64

F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li huma eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni huma, fil-każ ineżami, issodisfatti, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, qabelxejn, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija intiża, b’mod ġenerali, li tiggarantixxi l-ġbir korrett tad-dazji tas-sisa u l-ġlieda kontra l-frodi u l-abbużi.

65

Fid-dawl tal-importanza ta’ dan l-għan ta’ interess ġenerali, kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jista’ jkun iġġustifikat meta dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ikunu jirrigwardaw, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementari li jkollhom bħala skop, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ikkonċernat (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 52).

66

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitwettqu għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu minn din il-leġiżlazzjoni, fejn huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas oneruża u li l-inkonvenjenzi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 48).

67

Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, għandu jiġi evalwat, b’mod iktar partikolari, jekk jeżistux regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, jekk iż-żewġ proċeduri jkunux tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u jekk is-sanzjoni imposta, skont il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tkunx ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tar-reati mwettqa (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li l-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jurix li, waqt l-evalwazzjoni tat-tieni miżura ta’ sospensjoni imposta fuq Dual Prod, l-awtorità amministrattiva kompetenti ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ewwel miżura ta’ sospensjoni li kienet diġà ġiet imposta fuq din il-kumpannija, li huwa ta’ natura li jaffettwa l-proporzjonalità ta’ din it-tieni miżura ta’ sospensjoni, fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta.

69

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, għalkemm iż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li huma sanzjonijiet ta’ natura kriminali, l-Artikolu 50 tal-Karta jista’ jipprekludi li Dual Prod tkun is-suġġett tat-tieni miżura ta’ sospensjoni, li l-legalità tagħha hija kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, aspett li għandu jiġi vverifikat minn din tal-aħħar.

70

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, anki jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju tqis li tal-inqas waħda miż-żewġ miżuri ta’ sospensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix sanzjoni kriminali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, u li, għaldaqstant, dan l-artikolu ma jista’, fl-ebda każ, jipprekludi l-kumulu ta’ dawn iż-żewġ sanzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-għoti tat-tieni miżura ta’ sospensjoni għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

71

Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li jintlaħaq b’mod effettiv l-għan imfittex mid-dritt intern, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u għandu jkollhom l-inqas preġudizzju għall-għanijiet u għall-prinċipji l-oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża f’dan ir-rigward li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MONO, C‑326/20, EU:C:2022:7, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

F’dan ir-rigward, il-fatt li miżura ta’ sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, imposta fuq persuna ġuridika ssuspettata li kisret ir-regoli li jiżguraw il-ġbir korrett tad-dazji tas-sisa, tkompli tipproduċi l-effetti tagħha matul il-proċeduri kriminali kollha mibdija kontra din il-persuna ġuridika, anki meta din il-proċedura tkun diġà eċċediet tul raġonevoli, jista’ jindika preġudizzju sproporzjonat għad-dritt leġittimu tal-imsemmija persuna ġuridika li teżerċita l-attività intraprenditorjali tagħha.

73

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li sanzjoni ta’ natura kriminali, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni li tirregola il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, tiġi imposta fuq persuna ġuridika li tkun diġà kienet is-suġġett, għall-istess fatti, ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali li tkun saret definittiva sakemm:

il-possibbiltà li dawn iż-żewġ sanzjonijiet jiġu akkumulati tkun prevista mil-liġi;

il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess reat jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet differenti;

dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet jkollhom għanijiet komplementari li għandhom bħala skop, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir illegali kkonċernat;

jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxewx b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u li s-sanzjoni imposta, skont il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tar-reati mwettqa.

Fuq l‑ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera bħala maħżen tat-taxxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa tista’ tiġi sospiża amministrattivament, sakemm tintemm proċedura kriminali, għas-sempliċi raġuni li d-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni jkun ġie akkużat formalment fil-kuntest ta’ din il-proċedura kriminali, jekk din is-sospensjoni tikkostitwixxi sanzjoni ta’ natura kriminali.

 

2)

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li sanzjoni ta’ natura kriminali, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, tiġi imposta fuq persuna ġuridika li tkun diġà kienet is-suġġett, għall-istess fatti, ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali li tkun saret definittiva sakemm:

il-possibbiltà li dawn iż-żewġ sanzjonijiet jiġu akkumulati tkun prevista mil-liġi;

il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess reat jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet differenti;

dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet jkollhom għanijiet komplementari li għandhom bħala skop, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir illegali kkonċernat;

jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxewx b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u li s-sanzjoni imposta, skont il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tar-reati mwettqa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top