Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0405

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
    FV vs NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR d.d.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Višje sodišče v Mariboru.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) u Artikolu 8 – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt – Rekwiżit ta’ bona fide tal-bejjiegħ jew tal-fornitur – Possibbiltà li jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak previst mid-Direttiva.
    Kawża C-405/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:793

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) u Artikolu 8 – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt – Rekwiżit ta’ bona fide tal-bejjiegħ jew tal-fornitur – Possibbiltà li jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak previst mid-Direttiva”

    Fil-Kawża C‑405/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Višje sodišče v Mariboru (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

    FV

    vs

    NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR d.d.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn M. Ilešič li qed jaġixxi fil-funzjoni ta’ President tal-Awla, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal FV, minn R. Preininger, odvetnik,

    għall-Gvern Sloven, minn B. Jovin Hrastnik, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Rous Demiri u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) kif ukoll tal-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 304, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, FV, konsumatriċi, u, min-naħa l-oħra, NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR d.d., stabbiliment bankarju rregolat mid-dritt Sloven, dwar kuntratt ta’ kreditu u atti legali relatati ma’ dan il-kuntratt.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    It-tnax u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13 huma fformulati kif ġej:

    “[…] kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;

    […]

    Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha.”

    4

    L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

    5

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]”

    6

    L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

    7

    L-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13 jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Meta Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, kif ukoll bi kwalunkwe modifika sussegwenti, b’mod partikolari fejn dawk id-dispożizzjonijiet:

    jestendu l-valutazzjoni tal-karattru inġust għat-termini kuntrattwali negozjati individwalment jew għall-adegwatezza tal-prezz jew ir-remunerazzjoni; jew

    ikun fihom listi ta’ termini tal-kuntratt li għandhom jitqiesu bħala inġusti.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi u l-kummerċjanti, fost affarijiet oħra fuq sit elettroniku apposta.”

    Id‑dritt Sloven

    8

    L-Artikolu 24 taż-Zakon o varstvu potrošnikov (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi) (Uradni list RS, Nru 98/04, verżjoni kkonsolidata, iktar ’il quddiem iż-“ZVPot”) jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “1.   Klawżoli kuntrattwali għandhom jitqiesu li huma inġusti jekk:

    dawn joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, jew

    dawn jagħmlu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ detriment indebitu għall-konsumatur, jew

    dawn jagħmlu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt differenti b’mod ċar minn dak li l-konsumatur seta’ leġittimament jistenna, jew

    jiksru l-prinċipju ta’ bona fide u ta’ lealtà.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    9

    Fid‑19 ta’ Settembru 2007, NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR u l-omm ta’ FV ikkonkludew kuntratt ta’ kreditu. Peress li din tal-aħħar mietet, FV intrabtet, fil‑21 ta’ Lulju 2014, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ adeżjoni tad-dejn, li tħallas il-bilanċ li kien għad fadal mill-kuntratt ta’ kreditu lill-konvenuta fil-kawża prinċipali. Permezz ta’ dan il-kuntratt tal-aħħar, id-debitriċi sselfet ammont ta’ 149220 franki Svizzeri (CHF) (madwar EUR 89568 fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu), li kellu jiġi rrimborsat f’terminu ta’ 240 xahar.

    10

    L-imsemmi kuntratt ta’ kreditu ma jinkludix dispożizzjonijiet fir-rigward tar-rata tal-kambju applikabbli. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 12 ta’ dan il-kuntratt, ir-riskju tar-rata tal-kambju huwa assunt kompletament mid-debitriċi.

    11

    Il-qorti tar-rinviju tindika li, f’dan il-każ, ir-riskju tar-rata tal-kambju mmaterjalizza, peress li d-debitriċi kien għad trid tirrimborsa lill-konvenuta fil-kawża prinċipali, fid‑29 ta’ Jannar 2018, l-ammont ta’ EUR 72 049.58.

    12

    Fid‑9 ta’ April 2018, FV ippreżentat rikors quddiem l-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor, is-Slovenja) intiż sabiex tiġi kkonstatata b’mod partikolari n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi invokat il-bdil tar-rata tal-kambju bejn l-euro u l-frank Svizzeru. Wara ċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors minn din il-qorti, FV ippreżentat appell quddiem il-Višje sodišče v Mariboru (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor, is-Slovenja), il-qorti tar-rinviju.

    13

    Skont din il-qorti, ir-riżoluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha tiddependi, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 24(1) taż-ZVPot huwiex konformi mal-kliem u mal-għanijiet tad-Direttiva 93/13. B’mod iktar konkret, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jistax jiġi traspost fid-dritt nazzjonali b’tali mod li l-kundizzjonijiet ta’ “buona fede” u ta’ “żbilanċ sinifikanti” jkunu distinti u indipendenti waħda mill-oħra, b’tali mod li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li hija adita biha, hija ma għandhiex bżonn teżamina jekk il-konvenuta fil-kawża prinċipali aġixxietx in bona fide.

    14

    Il-qorti tar-rinviju tqis li mill-qari flimkien tal-premessi 12 u 16 tad-Direttiva 93/13 kif ukoll tal-Artikoli 8 u 8a tagħha jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi minn dak iggarantit minn din id-direttiva u li, f’dan il-każ, tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni. Issa, fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 ma ġewx ikkomunikati mir-Repubblika tas-Slovenja lill-Kummissjoni.

    15

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ebda interpretazzjoni ċara tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, li abbażi tagħha hija tista’ tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali hijiex konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva, ma tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li minn diversi deċiżjonijiet tal-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jinqraw bħala kumulattivi, fatt li jmur kontra l-interessi tal-konsumatur u joffri protezzjoni tiegħu inferjuri għal dik iggarantita mid-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tqis li tali pożizzjoni ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, filwaqt li tawtorizza lill-qrati supremi nazzjonali jiddefinixxu b’mod iktar preċiż il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja stess iddefinixxiet, ma tippermettilhomx li jipprekludu lill-qrati inferjuri milli jiggarantixxu lill-konsumaturi l-effett sħiħ tad-Direttiva 93/13 kif ukoll rimedju ġudizzjarju effettiv sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Višje sodišče v Mariboru (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [93/13], moqri flimkien mal-Artikoli 8 u 8a tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-‘buona fede’ u tal-‘[i]żbilanċ sinifikanti’ bħala alternattivi (kundizzjonijiet distinti, awtonomi u indipendenti waħda mill-oħra) b’tali mod li sabiex jiġi deċiż il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali huwa biżżejjed li jkunu jeżistu fatti determinanti li jirriżultaw minn waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet?”

    Fuq id-domanda preliminari

    17

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali meta toħloq, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, mingħajr madankollu ma twettaq l-eżami, f’tali każ, tar-rekwiżit ta’ “bona fide”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1).

    18

    Għandu jiġi ppreċiżat qabelxejn li d-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmu li jiżgura li kull klawżola kuntrattwali li ma ġietx innegozjata b’mod individwali tista’ tiġi mistħarrġa sabiex tiġi evalwata n-natura possibbilment inġusta tagħha. F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi proprji tal-każ inkwistjoni, tali klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza stabbiliti minn din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, EU:C:2019:930, C‑419/18 u C‑483/18, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 klawżola kuntrattwali konkluża bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, hija tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu minn dan il-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur.

    20

    Filwaqt li jirreferi għall-kunċetti ta’ “bona fide” u ta’ “żbilanċ sinjifikattiv” għad-detriment tal-konsumatur bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 madankollu jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland, C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, “żbilanċ sinjifikattiv” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ qbil f’dan is-sens bejn il-partijiet. Huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista fid-dritt nazzjonali fis-seħħ. Bl-istess mod, għal dan il-għan, jidher rilevanti li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab dan il-konsumatur fid-dawl tal-mezzi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland, C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Barra minn hekk, l-eżami tal-eżistenza ta’ eventwali “żbilanċ sinjifikattiv” ma jistax ikun limitat għal evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva, ibbażata fuq paragun bejn l-ammont totali tat-tranżazzjoni li hija s-suġġett tal-kuntratt, minn naħa, u l-ispejjeż li għalihom huwa responsabbli l-konsumatur skont din il-klawżola, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, żbilanċ sinjifikattiv jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab il-konsumatur, bħala parti fil-kuntratt ikkonċernat, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa jislet minn dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew inkella tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu addizzjonali, li ma huwiex previst mir-regoli nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland, C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit ta’ “bona fide”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, huwiex osservat, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tal-premessa 16 ta’ din id-direttiva, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan il-għan jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, billi jittratta b’mod leali u ġust mal-konsumatur, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta l-klawżola inkwistjoni wara negozjati individwali (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżit ta’ “bona fide”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, huwa element li jippermetti li jiġi vverifikat jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur ittrattax b’mod leali u ġust mal-konsumatur, li tiegħu għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi. Jirriżulta wkoll minn din il-premessa li, fl-evalwazzjoni tal-bona fide, għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-saħħa tal-pożizzjonijiet ta’ negozjar rispettivi tal-partijiet, għall-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur ikun ġie mħeġġeġ bi kwalunkwe mezz biex jaqbel mat-terminu, kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti fuq ordni speċjali tal-konsumatur.

    25

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-kunċett ta’ “bona fide” huwa inerenti għall-eżami tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (digriet tas‑17 ta’ Novembru 2021, Unión de Créditos Inmobiliarios, C‑79/21, mhux ippubblikat, EU:C:2021:945, punt 38).

    26

    Konsegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża kkonċernata, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza possibbli tar-rekwiżit ta’ bona fide u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li ż-żewġ elementi msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża kkonċernata, evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-kriterji li huma speċifiċi għalihom, sabiex jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk il-klawżola inkwistjoni hijiex ta’ natura inġusta, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi abbażi ta’ dawn il-kriterji ma teskludix li teżisti rabta bejniethom.

    28

    Għalhekk, in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, kif meħtieġ fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola li hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel abbażi tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑609/19, EU:C:2021:469, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk hija tistax, skont il-leġiżlazzjoni Slovena, tiddeċiedi dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali mingħajr ma teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur aġixxiex in bona fide. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza, għad-detriment tal-konsumatur, ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt tistax tkun suffiċjenti, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi stabbilita n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li skont il-premessa 12 tad-Direttiva 93/13, din tipproċedi biss għal armonizzazzjoni parzjali u minima tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà, fl-osservanza tat-Trattat FUE, li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minnhom, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli ma’ dan it-Trattat, sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Sussegwentement, għandu jitfakkar li d-Direttiva 93/13 hija trasposta fl-ordinament ġuridiku Sloven miż-ZVPot. Għalhekk, l-Artikolu 24(1) taż-ZVPot jipprevedi erba’ każijiet, konnessi bil-konġunzjoni “jew”, li fihom klawżola kuntrattwali titqies li hija inġusta. Fost dawn il-każijiet, hemm dak tal-ħolqien tal-klawżola kuntrattwali, għad-detriment tal-konsumatur, ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt (l-ewwel inċiż) u dak tal-ksur permezz tal-klawżola kuntrattwali tal-prinċipju ta’ bona fide u ta’ lealtà (ir-raba’ inċiż).

    32

    F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Sloven dwar il-kunċett ta’ “prinċipju ta’ bona fide u ta’ lealtà”, għandu jiġi enfasizzat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, b’tali mod li l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali invokata mill-gvern ta’ Stat Membru jew minn parti fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment) C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ “bona fide”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 16 ta’ din id-direttiva.

    34

    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri huma liberi, bħala prinċipju, li jestendu l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Lovasné Tóth, C‑34/18, EU:C:2019:764, punt 47), sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tiżgura livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumaturi u ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Condominio di Milano, via Meda, C‑329/19, EU:C:2020:263, punt 37).

    35

    Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issegwi l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ggarantit mid-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, hija tista’ tiżgura lill-konsumaturi, konformement mal-Artikolu 8 tad-direttiva, livell ta’ protezzjoni effettiva ogħla minn dak stabbilit minnha, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza nazzjonali fil-qasam.

    36

    Barra minn hekk, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet Sloveni kienu informawha bir-regoli rilevanti, dwar il-kriterji u l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax, f’dan il-każ, ikollha effett fuq l-interpretazzjoni mitluba.

    37

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali meta din toħloq, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, mingħajr madankollu ma jitwettaq l-eżami, f’tali każ, tar-rekwiżit ta’ “bona fide”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1).

    Fuq l‑ispejjeż

    38

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

     

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

     

    ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali meta din toħloq, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, mingħajr madankollu ma jitwettaq l-eżami, f’tali każ, tar-rekwiżit ta’ “bona fide”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1).

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.

    Top