EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0399

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Settembru 2022.
IRnova AB vs FLIR Systems AB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Svea Hovrätt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Punt 4 tal-Artikolu 24 – Ġurisdizzjoni esklużiva – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità ta’ privattivi – Kamp ta’ applikazzjoni – Applikazzjoni għal privattiva ppreżentata u privattiva maħruġa fi Stat terz – Kwalità ta’ inventur – Proprjetarju tad-dritt fuq invenzjoni.
Kawża C-399/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:648

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Punt 4 tal-Artikolu 24 – Ġurisdizzjoni esklużiva – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità ta’ privattivi – Kamp ta’ applikazzjoni – Applikazzjoni għal privattiva ppreżentata u privattiva maħruġa fi Stat terz – Kwalità ta’ inventur – Proprjetarju tad-dritt fuq invenzjoni”

Fil-Kawża C‑399/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

IRnova AB

vs

FLIR Systems AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IRnova AB, minn P. Kenamets u F. Lüning, jur. kand.,

għal FLIR Systems AB, minn J. Melander u O. Törngren, advokater,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Gustafsson u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IRnova AB u FLIR Systems AB dwar id-determinazzjoni tal-persuna li għandha titqies li hija l-proprjetarja tad-dritt fuq invenzjonijiet koperti minn applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati u minn privattivi maħruġa f’pajjiżi terzi.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Brussell Ia

3

Il-premessa 34 tar-Regolament Brussell Ia tgħid li:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)], ir-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni [tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4

L‑Artikolu 1 ta’ dan ir‑regolament jistabbilixxi li:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi, id-drittijiet fuq proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali jew minn relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli bħala li għandhom effetti komparabbli għal dawk taż-żwieġ;

(b)

falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi;

(c)

sigurtà soċjali;

(d)

arbitraġġ;

(e)

obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ parentela, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;

(f)

testmenti u suċċessjoni, inklużi obbligi tal-manteniment li jirriżultaw minħabba mewt.”

5

Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi għaxar taqsimiet. L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, li jagħmel parti mit-Taqsima 6 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Ġurisdizzjoni esklużiva”:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

[…]

(4)

fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili li jridu jiġu depożitati jew reġistrati, indipendentement minn jekk il-kwistjoni titqajjem permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, tkun seħħet jew tkun meqjusa li seħħet taħt it-termini ta’ strument tal-Unjoni jew ta’ konvenzjoni internazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għal l-ġurisdizzjoni tal-Uffiċju Ewropew tal-Privattivi skont il-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’Munich fil‑5 ta’ Ottubru 1973, il-qrati ta’ kull Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ xi privattiv Ewropew mogħti għal dak l-Istat Membru;

[…]”

Id‑dritt Svediż

Il‑Liġi dwar il‑Privattivi (1967:837)

7

L-Artikolu 17 tal-patentlagen (1967:837) (il-Liġi dwar il-Privattivi (1967:837)) jgħid li:

“Jekk xi ħadd isostni quddiem l-amministrazzjoni tal-privattivi li d-dritt leġittimu għall-invenzjoni jappartjeni lilu u jekk ikun hemm dubju, l-amministrazzjoni tal-privattivi tista’ tagħti lir-rikorrent ċertu terminu sabiex jippreżenta ruħu quddiem qorti, li fin-nuqqas tiegħu dan l-ilment ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti tal-applikazzjoni għal privattiva.

Jekk tilwima li tikkonċerna d-dritt leġittimu għall-invenzjoni tkun pendenti quddiem il-qrati, l-applikazzjoni għal privattiva tista’ tiġi sospiża sakemm din it-tilwima tiġi deċiża b’mod definittiv mill-qorti.”

8

L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Jekk xi ħadd jista’ jistabbilixxi quddiem l-amministrazzjoni tal-privattivi li d-dritt leġittimu għall-invenzjoni jappartjeni lilu, l-imsemmija amministrazzjoni għandha tittrasferixxi l-applikazzjoni f’isimu, jekk huwa jressaq talba għal dan il-għan. Il-benefiċjarju tat-trasferiment għandu jħallas miżata ta’ preżentazzjoni ġdida.

Meta tkun saret talba għat-trasferiment ta’ talba, it-talba ma tistax tiġi kklassifikata, miċħuda jew aċċettata qabel ma din it-talba tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva.”

9

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmija liġi:

“Meta privattiva tkun inħarġet lil persuna differenti minn dik li kellha dritt għaliha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1, il-qorti, jekk din il-persuna tressaq kawża għal dan il-għan, għandha titrasferixxi l-privattiva lilha. Id-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 52, dwar it-termini mogħtija sabiex tinbeda l-azzjoni, huma applikabbli.

[…]”

10

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 65 tal-istess liġi jistabbilixxi li:

“Il-Patent- och marknadsdomstolen [il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali, l-Isvezja] hija l-qorti kompetenti fl-oqsma koperti minn din il-liġi. L-istess japplika fil-qasam tad-dritt leġittimu fuq invenzjoni li tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal privattiva.

[…]”

Il‑Liġi (1978:152) dwar il‑Ġurisdizzjoni tal‑Qrati Svediżi fir‑rigward ta’ Ċerti Azzjonijiet fil‑Qasam tad‑Dritt tal‑Privattivi (1978:152)

11

Il-lagen (1978:152) om svensk domstols behörighet i vissa mål på patenträttens område m.m. (il-Liġi (1978:152) dwar il-Ġurisdizzjoni tal-Qrati Svediżi fir-rigward ta’ Ċerti Azzjonijiet fil-Qasam tad-Dritt tal-Privattivi) hija bbażata fuq il-protokoll dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet dwar id-dritt għall-kisba tal-privattiva Ewropea (protokoll dwar ir-rikonoxximent) tal‑5 ta’ Ottubru 1973, li huwa anness mal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata fil‑5 ta’ Ottubru 1973.

12

L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jistabbilixxi li:

“Fir-rigward tal-kawżi mressqa kontra l-proprjetarju ta’ applikazzjoni għal privattiva Ewropea intiża li jiġi invokat id-dritt fuq l-invenzjoni li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal privattiva inkwistjoni fl-Isvezja jew fi Stat kontraenti ieħor li huwa marbut bil-Protokoll dwar ir-rikonoxximent li huwa anness mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi tal‑5 ta’ Ottubru 1973, l-Artikoli 2 sa 6 u l-Artikolu 8 huma applikabbli. L-espressjoni ‘Stat kontraenti’ tfisser, f’dan il-każ, Stat li huwa marbut bl-imsemmi protokoll.”

13

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi:

“L-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jitressqu quddiem il-qrati Svediżi

1.

jekk il-konvenut ikun iddomiċiljat fl-Isvezja,

2.

jekk ir-rikorrent ikun iddomiċiljat fl-Isvezja u jekk il-konvenut ma jkunx iddomiċiljat fi Stat kontraenti,

3.

jekk il-partijiet stipulaw, permezz ta’ ftehim bil-miktub jew permezz ta’ ftehim verbali kkonfermat bil-miktub, li kull rikors kellu jitressaq quddiem il-qrati Svediżi.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

14

IRnova u FLIR Systems, attivi fis-settur tat-teknoloġija infrared, huma kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-Isvezja. Fil-passat huma żammew relazzjonijiet kummerċjali.

15

Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, IRnova ppreżentat rikors quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali) intiż, b’mod partikolari, sabiex jiġi kkonstatat li hija setgħet tinvoka dritt leġittimu fuq l-invenzjonijiet koperti minn applikazzjonijiet għal privattiva internazzjonali, ikkompletati, sussegwentement, permezz ta’ applikazzjonijiet għal privattiva Ewropea, Amerikana u Ċiniża, ippreżentati minn FLIR matul is-snin 2015 u 2016, kif ukoll permezz ta’ privattivi Amerikani maħruġa lil FLIR abbażi ta’ dawn l-applikazzjonijiet tal-aħħar.

16

Insostenn ta’ dan ir-rikors, IRnova kienet sostniet, essenzjalment, li dawn l-invenzjonijiet kienu twettqu minn wieħed mill-impjegati tagħha, b’tali mod li dan kellu jitqies bħala l-inventur tagħhom jew, tal-inqas, bħala l-koinventur. Għaldaqstant, IRnova sostniet li, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li timpjega u għalhekk bħala aventi kawża tal-inventur, hija kellha titqies li hija l-proprjetarja tal-imsemmija invenzjonijiet. Madankollu, FLIR, mingħajr ma akkwistat dawn ta’ l-aħħar jew mingħajr ma kellha d-dritt tagħmel dan taħt titolu ieħor, ippreżentat l-applikazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti f’isimha stess.

17

Il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali) iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ta’ IRnova dwar l-invenzjonijiet koperti mill-applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej. Min-naħa l-oħra, hija ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dak relatat mad-dritt allegat tagħha fuq l-invenzjonijiet koperti mill-applikazzjonijiet għal privattivi Ċiniżi u Amerikani ppreżentati minn FLIR kif ukoll mill-privattivi Amerikani maħruġa lil din tal-aħħar, għar-raġuni, essenzjalment, li r-rikors dwar id-determinazzjoni tal-inventur ta’ dawn l-invenzjonijiet tal-aħħar għandu rabta mar-reġistrazzjoni u mal-validità tal-privattivi. Issa, fid-dawl ta’ din ir-rabta, it-tilwima inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, b’tali mod li l-qrati Svediżi ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tagħha.

18

IRnova appellat kontra din id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja).

19

Skont din il-qorti, it-tilwima li tressqet quddiemha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia, peress li hija intiża li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dritt leġittimu fuq invenzjoni u għalhekk għandha natura ċivili u kummerċjali. Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Svediżi sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima intiża li tiġi kkonstatata l-eżistenza tad-dritt fuq invenzjoni li jirriżulta mill-kwalità allegata ta’ inventur jew ta’ koinventur. Fil-fehma tagħha, il-punt 4 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi”, ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu r-reġistrazzjoni tkun intalbet jew tkun seħħet. Din il-ġurisdizzjoni esklużiva hija ġġustifikata mill-fatt, minn naħa, li dawn il-qrati huma l-iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-każijiet li fihom tilwima tkun tirrigwarda l-validità ta’ privattiva jew l-eżistenza tal-preżentata jew tar-reġistrazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-ħruġ ta’ privattivi jimplika l-intervent tal-amministrazzjoni nazzjonali, li jindika li l-għoti ta’ privattiva jaqa’ taħt l-eżerċizzju tas-sovranità nazzjonali. Madankollu, minkejja li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tilwima li tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar min huwa l-proprjetarju ta’ dritt għal privattiva ma taqax taħt l-imsemmija ġurisdizzjoni esklużiva, din il-ġurisprudenza ma tipprovdix indikazzjonijiet diretti dwar l-applikabbiltà ta’ dan il-punt 4 tal-Artikolu 24 f’dan il-każ.

20

F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, huwa possibbli li jitqies li t-tilwima li tressqet quddiemha għandha rabta mar-reġistrazzjoni jew mal-validità tal-privattiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, sabiex jiġi identifikat il-proprjetarju tad-dritt fuq l-invenzjonijiet koperti mill-applikazzjonijiet għal privattiva jew mill-privattivi inkwistjoni, għandu, skont din il-qorti, jiġi ddeterminat l-inventur ta’ dawn l-invenzjonijiet. Tali eżami jimplika interpretazzjoni tal-invokazzjonijiet tal-privattiva kif ukoll analiżi tal-kontribuzzjoni rispettiva tad-diversi inventuri allegati għall-imsemmija invenzjonijiet. Għalhekk, id-determinazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt fuq invenzjoni tista’ tagħti lok għal evalwazzjoni, fid-dawl tad-dritt sostantiv tal-privattivi, intiża li tistabbilixxi liema kontribuzzjoni għax-xogħlijiet ta’ żvilupp wasslet għan-novità jew għall-attività inventiva, u tqajjem kwistjonijiet dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-privattivi tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-applikant għal privattiva ma għandux dritt jippreżenta applikazzjoni għal privattiva jikkostitwixxi raġuni għal invalidità.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Azzjoni li hija intiża tikseb konstatazzjoni ta’ rikonoxximent ta’ dritt ikbar fir-rigward ta’ invenzjoni, fuq il-bażi tal-kwalità ta’ inventur jew ta’ koinventur skont applikazzjonijiet ta’ privattiva nazzjonali u ta’ privattivi rreġistrati fi Stat terz, hija suġġetta għal ġurisdizzjoni esklużiva għall-finijiet tal-Artikolu 24(4) [tal-punt 4 tal-Artikolu 24] tar-Regolament [Brussell Ia]?”

Fuq id‑domanda preliminari

22

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Landespolizeidirektion Steiermark (Tul massimu tal-kontroll fil-fruntieri interni), C‑368/20 u C‑369/20, EU:C:2022:298, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, għalkemm id-domanda tirrigwarda l-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna l-eżistenza ta’ dritt leġittimu fuq invenzjonijiet koperti minn applikazzjonijiet għal privattiva nazzjonali u minn privattivi rreġistrati f’pajjiż terz, minn dak li ġie espost fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rikors li l-qorti tar-rinviju hija adita bih jirrigwarda biss il-ġurisdizzjoni tal-qrati Svediżi sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ dritt leġittimu fuq invenzjonijiet koperti minn applikazzjonijiet għal privattivi Ċiniżi u Amerikani kif ukoll minn privattivi Amerikani.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal tilwima intiża li tiddetermina, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-allegata kwalità ta’ inventur jew ta’ koinventur, jekk persuna hijiex il-proprjetarja tad-dritt fuq invenzjonijiet koperti minn applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati u minn privattivi maħruġa f’pajjiżi terzi.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni legali li jkollha element barrani li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia.

26

Fil-fatt, il-kawża prinċipali qamet bejn żewġ kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-istess Stat Membru u hija intiża li tiddetermina l-proprjetarju ta’ dritt li tnissel ukoll fl-Isvezja, jiġifieri dritt fuq l-invenzjonijiet koperti mill-applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati u mill-privattivi maħruġa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-uniku element barrani ta’ din it-tilwima jinsab fil-fatt li din tikkonċerna, b’mod partikolari, applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati u privattivi maħruġa f’pajjiżi terzi, jiġifieri ċ-Ċina u l-Istati Uniti. Dan l-element barrani madankollu ma jinsabx fit-territorju ta’ Stat Membru.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikazzjoni stess tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) teħtieġ l-eżistenza ta’ element barrani (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C‑281/02, EU:C:2005:120, punt 25).

28

Għalkemm dan l-element jirriżulta ħafna drabi mid-domiċilju tal-konvenut, jista’ jirriżulta wkoll mis-suġġett tal-kawża. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li n-natura internazzjonali tar-relazzjoni ġuridika inkwistjoni ma għandhiex neċessarjament tirriżulta mill-involviment, minħabba l-mertu tal-kawża jew id-domiċilju rispettiv tal-partijiet f’din tal-aħħar, ta’ diversi Stati kontraenti. L-involviment ta’ Stat kontraenti u ta’ Stat terz, minħabba, pereżempju, id-domiċilju tar-rikorrent u tal-konvenut fl-ewwel Stat, u l-lokalizzazzjoni tal-fatti kontenzjużi fit-tieni Stat, jista’ wkoll jagħti natura internazzjonali lir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni, peress li din is-sitwazzjoni hija ta’ natura li tqajjem, fl-Istat kontraenti, kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-ordinament internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C‑281/02, EU:C:2005:120, punt 26).

29

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 34 tar-Regolament Brussell Ia, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni u dawk tar-Regolament Nru 44/2001 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Brussell I”), li ssostitwixxietha, tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia, li huwa stess issostitwixxa r-Regolament Brussell I, meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et, C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Mejju 2021, Vereniging van Effectenbezitters, C‑709/19, EU:C:2021:377, punt 23). Din il-kontinwità għandha wkoll tiġi żgurata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dawn l-istrumenti legali.

30

Dan premess, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, sa fejn il-kawża prinċipali bejn żewġ partijiet privati tkun tirrigwarda l-eżistenza ta’ dritt leġittimu fuq l-invenzjonijiet, din it-tilwima taqa’ taħt il-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell Ia. Barra minn hekk, l-imsemmija kawża ma taqax taħt materji esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, imsemmija fl-Artikolu 1(2) tiegħu.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li sitwazzjoni legali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkollha element barrani li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia.

32

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia japplikax għal tilwima, bħal dik fil-kawża prinċipali, intiża li tiddetermina, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-allegata kwalità ta’ inventur jew ta’ koinventur, jekk persuna hijiex il-proprjetarja tad-dritt fuq invenzjonijiet koperti minn applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati u minn privattivi maħruġa f’pajjiżi terzi.

33

Skont din id-dispożizzjoni, għandhom ġurisdizzjoni esklużiva, irrispettivament mid-domiċilju tal-partijiet, fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità tal-privattivi, trade marks, disinni u mudelli, u ta’ drittijiet analogi oħra li jagħtu lok għal preżentata jew għal reġistrazzjoni, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-preżentata jew ir-reġistrazzjoni tkun intalbet, seħħet jew meqjusa li seħħet taħt it-termini ta’ strument tal-Unjoni jew ta’ konvenzjoni internazzjonali.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità tal-privattivi tingħata biss lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-preżentata jew ir-reġistrazzjoni ta’ privattiva tkun intalbet, seħħet jew meqjusa li seħħet.

35

F’dan il-każ, kif diġà ġie osservat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjonijiet għall-privattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ippreżentati u l-privattivi kkonċernati nħarġu mhux fi Stat Membru, iżda f’pajjiżi terzi, jiġifieri fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina. Issa, peress li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia ma jipprevedix din is-sitwazzjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax titqies li hija applikabbli għall-kawża prinċipali.

36

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix tilwima “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li din tiġi rriżervata, konformement mal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, għall-qrati li għandhom prossimità materjali u ġuridika mar-reġistru, peress li dawn il-qrati jkunu l-iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-każijiet li fihom il-validità tad-dritt ikkonċernat, jew anki l-eżistenza stess tal-preżentata jew tar-reġistrazzjoni tiegħu, hija kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Hanssen Beleggingen, C‑341/16, EU:C:2017:738, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fil-fatt, peress li dan il-punt 4 tal-Artikolu 24 jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-punt 4 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Brussell I, li huwa stess jirrifletti l-istruttura tal-punt 4 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif diġà ġie osservat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi żgurata kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Hanssen Beleggingen, C‑341/16, EU:C:2017:738, punt 30).

38

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ proċeduri “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, huwa kunċett awtonomu intiż li jiġi applikat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, EU:C:1983:326, punt 19; tat‑13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 14, u tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Hanssen Beleggingen, C‑341/16, EU:C:2017:738, punt 31).

39

Dan il-kunċett ma għandux jiġi interpretat f’sens iktar wiesa’ milli meħtieġ mill-għan tiegħu, peress li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia għandu l-effett li jċaħħad lill-partijiet mill-għażla tal-qorti li altrimenti huma jkollhom u, f’ċertu każijiet, li jiġu mħarrka quddiem qorti li ma hija l-qorti tad-domiċilju ta’ ebda waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-punt 4 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kif ukoll il-punt 4 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Brussell I, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 25, kif ukoll tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Hanssen Beleggingen, C‑341/16, EU:C:2017:738, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, ir-regola speċifika ta’ ġurisdizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et, C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 38).

40

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jitqiesu li huma tilwimiet “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, il-kawżi li fihom l-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun inħarġet il-privattiva tkun iġġustifikata mill-fatt li dawn il-qrati jkunu l-iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-każijiet li jirrigwardaw il-validità jew ir-revoka ta’ privattiva, l-eżistenza tal-preżentata jew tar-reġistrazzjoni tagħha, jew inkella l-invokazzjoni ta’ dritt ta’ prijorità abbażi ta’ preżentata preċedenti. Jekk, għall-kuntrarju, tilwima ma tkunx tirrigwarda l-validità ta’ privattiva jew l-eżistenza tal-preżentata jew tar-reġistrazzjoni tagħha, din it-tilwima ma taqax taħt din id-dispożizzjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, EU:C:1983:326, punti 2425; tat‑13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punti 1516, kif ukoll tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Hanssen Beleggingen, C‑341/16, EU:C:2017:738, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma taqax taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, tilwima li tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar min huwa l-proprjetarju tad-dritt għal privattiva jew tilwima intiża li tiddetermina jekk persuna kinitx ġiet irreġistrata korrettament fir-reġistru bħala proprjetarju ta’ trade mark (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, EU:C:1983:326, punt 26, u tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Hanssen Beleggingen, C‑341/16, EU:C:2017:738, punti 35 sa 3743). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kwistjoni dwar taħt liema patrimonju personali jaqa’ dritt ta’ proprjetà intellettwali ma għandhiex, bħala regola ġenerali, konnessjoni materjali jew ġuridika mal-post tar-reġistrazzjoni ta’ dan id-dritt (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Hanssen Beleggingen, C‑341/16, EU:C:2017:738, punti 37).

42

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-eżistenza tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal privattiva jew il-ħruġ ta’ privattiva, il-validità jew ir-revoka ta’ privattiva, jew l-invokazzjoni ta’ dritt ta’ prijorità abbażi ta’ preżentata preċedenti, iżda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk FLIR għandhiex titqies li hija l-proprjetarja tad-dritt fuq l-invenzjonijiet ikkonċernati jew fuq parti minnhom.

43

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li l-kwistjoni dwar lil min jappartjenu l-invenzjonijiet ikkonċernati, li tinkludi dik dwar min huwa l-inventur, ma tikkonċernax l-applikazzjoni għal dritt ta’ proprjetà intellettwali jew dan id-dritt bħala tali, iżda s-suġġett tagħhom. Issa, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li l-kwistjoni dwar taħt liema patrimonju personali jaqa’ dritt ta’ proprjetà intellettwali ma għandhiex, bħala regola ġenerali, konnessjoni materjali jew ġuridika mal-post tar-reġistrazzjoni ta’ dan id-dritt li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia, din il-kunsiderazzjoni tgħodd ukoll, tal-inqas, meta din il-kwistjoni tkun tirrigwarda biss is-suġġett tal-imsemmi dritt, jiġifieri l-invenzjoni.

44

It-tieni, għandu jiġi osservat li l-identifikazzjoni tal-inventur, li jikkostitwixxi s-suġġett uniku tal-kawża prinċipali, hija kwistjoni preliminari u, għaldaqstant, distinta minn dik dwar l-eżistenza tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal privattiva jew dwar il-ħruġ ta’ din tal-aħħar.

45

Lanqas ma tikkonċerna l-validità ta’ tali preżentata, peress li hija intiża biss li tiddetermina d-dritt fuq l-invenzjonijiet inkwistjoni stess. Il-fatt li, kif osservat il-qorti tar-rinviju, l-assenza ta’ dritt fuq invenzjoni tista’ tikkostitwixxi raġuni għall-invalidità ta’ din l-applikazzjoni huwa għalhekk irrilevanti għal dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni sabiex jittieħdu konjizzjoni ta’ kawżi li jirrigwardaw il-kwalità ta’ inventur.

46

It-tielet, il-kwistjoni preliminari dwar l-identifikazzjoni tal-inventur hija wkoll distinta minn dik tal-validità tal-privattiva maħruġa inkwistjoni, peress li din tal-aħħar ma hijiex is-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, anki jekk din l-identifikazzjoni timplika, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, eżami tal-invokazzjonijiet tal-applikazzjoni għal privattiva jew tal-privattiva inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni ta’ kull kollaboratur għat-twettiq tal-invenzjoni kkonċernata, dan l-eżami ma jirrigwardax in-natura brevettabbli ta’ din tal-aħħar.

47

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-fatt li eżami tal-invokazzjonijiet tal-privattiva jew tal-applikazzjoni għal privattiva inkwistjoni jista’ jitwettaq fid-dawl tad-dritt sostantiv tal-privattivi tal-pajjiż li fit-territorju tiegħu tkun ġiet ippreżentata din l-applikazzjoni jew tkun inħarġet din il-privattiva lanqas ma jimponi l-applikazzjoni tar-regola tal-ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita fil-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia.

48

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li tilwima li tirrigwarda l-kontrafazzjoni ta’ privattiva timplika wkoll analiżi fil-fond tal-portata tal-protezzjoni mogħtija minn din il-privattiva fid-dawl tad-dritt tal-privattivi tal-pajjiż li fit-territorju tiegħu tkun inħarġet din il-privattiva. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-assenza ta’ konnessjoni materjali jew ġuridika mitluba mal-post tar-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni, tali tilwima ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru, iżda, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, taħt il-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, EU:C:1983:326, punt 23 u tat‑13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 16).

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li l-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal tilwima intiża li tiddetermina, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-allegata kwalità ta’ inventur jew ta’ koinventur, jekk persuna hijiex il-proprjetarja tad-dritt fuq invenzjonijiet koperti minn applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati u minn privattivi maħruġa f’pajjiżi terzi.

Fuq l‑ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma japplikax għal tilwima intiża li tiddetermina, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-allegata kwalità ta’ inventur jew ta’ koinventur, jekk persuna hijiex il-proprjetarja tad-dritt fuq invenzjonijiet koperti minn applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati u minn privattivi maħruġa f’pajjiżi terzi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Top