This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0397
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 13 October 2022.#HUMDA Magyar Autó-Motorsport Fejlesztési Ügynökség Zrt. v Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága.#Request for a preliminary ruling from the Fővárosi Törvényszék.#Request for a preliminary ruling – Harmonisation of fiscal legislation – Common system of value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Sales which are not subject to VAT – VAT unduly invoiced and paid – Liquidation of the provider – Refusal by the tax authority to refund to the customer VAT improperly paid – Principles of effectiveness, tax neutrality and non-discrimination.#Case C-397/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
HUMDA Magyar Autó-Motorsport Fejlesztési Ügynökség Zrt. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Bejgħ mhux suġġett għall-VAT – VAT iffatturata indebitament u mħallsa – Stralċ tal-fornitur – Rifjut tar-rimbors mill-awtorità fiskali lir-riċevitur tal-VAT imħallsa indebitament – Prinċipji ta’ effettività, ta’ newtralità fiskali u ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C-397/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
HUMDA Magyar Autó-Motorsport Fejlesztési Ügynökség Zrt. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Bejgħ mhux suġġett għall-VAT – VAT iffatturata indebitament u mħallsa – Stralċ tal-fornitur – Rifjut tar-rimbors mill-awtorità fiskali lir-riċevitur tal-VAT imħallsa indebitament – Prinċipji ta’ effettività, ta’ newtralità fiskali u ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C-397/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:790
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Bejgħ mhux suġġett għall-VAT – VAT iffatturata indebitament u mħallsa – Stralċ tal-fornitur – Rifjut tar-rimbors mill-awtorità fiskali lir-riċevitur tal-VAT imħallsa indebitament – Prinċipji ta’ effettività, ta’ newtralità fiskali u ta’ nondiskriminazzjoni”
Fil-Kawża C‑397/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura
HUMDA Magyar Autó-Motorsport Fejlesztési Ügynökség Zrt.
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal HUMDA Magyar Autó-Motorsport Fejlesztési Ügynökség Zrt., minn Gy. Hajdu, ügyvéd, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u B. R. Kissné Berta, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Talabér-Ritz u V. Uher, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn HUMDA Magyar Autó-Motorsport Fejlesztési Ügynökség Zrt. (iktar ’il quddiem “Humda”) u Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appelli”) dwar iċ-ċaħda, minn din tal-aħħar, tat-talba ta’ Humda għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li kienet ġiet iffatturata lilha bi żball fuq tranżazzjoni li ma hijiex suġġetta għall-VAT fl-Ungerija u marbuta ma’ beni li jinsab fi Stat Membru ieħor. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-Artikolu 167 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi: “Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.” |
4 |
L-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-tranżazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
|
5 |
L-Artikolu 183 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Fejn, għal perijodu partikolari ta’ taxxa, l-ammont ta’ tnaqqis jeċċedi l-ammont tal-VAT dovuta, l-Istati Membri jistgħu, skond il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw, jew jagħmlu rifużjoni jew imexxu l-eċċess ’il quddiem għall-perijodu li jmiss. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu rifużjoni jew li jmexxu ”l quddiem jekk l-ammont ta’ l-eċċess hu insinifikanti.” |
Id‑dritt Ungeriż
6 |
L-Artikolu 2(a) tal-általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény (il-Liġi Nru CXXVII tal‑2007 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud) [Magyar Közlöny 2007/155. (XI.16)], fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali jipprovdi: “Huma suġġetti għat-taxxa prevista minn din il-liġi:
[…]” |
7 |
L-Artikolu 39 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1) Il-post tal-provvista ta’ servizzi direttament marbuta ma’ proprjetà immobbli huwa l-post fejn tkun tinsab il-proprjetà. 2) Il-provvista ta’ servizzi direttament marbuta ma’ proprjetà immobbli msemmija fil-paragrafu 1 tinkludi b’mod partikolari: is-servizzi ta’ aġenti u esperti ta’ proprjetà immobbli, is-servizzi ta’ ospitalità kummerċjali, it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu relatati mal-użu ta’ proprjetà immobbli, kif ukoll il-provvisti intiżi sabiex jippreparaw jew jikkoordinaw l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.” |
8 |
L-Artikolu 64(3) tal-adózás rendjéről szóló 2017. évi CL. törvény (il‑Liġi Nru CL tal‑2017 dwar il-kodiċi ta’ proċedura fiskali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ proċedura fiskali”), jipprovdi: “B’deroga mill-paragrafu 1, jeħtieġ, bil-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli ma tressaqx it-talba għall-għoti ta’ rimbors fid-dikjarazzjoni fiskali li tagħlaq l-istralċ (stralċ issemplifikat) jew ix-xoljiment volontarju (xoljiment volontarju ssemplifikat), li titħallas il-VAT li jkun intalab ir-rimbors tagħha fi żmien tletin jum mir-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni, iżda mhux iktar kmieni mill-iskadenza tagħha, fejn dan it-terminu jiżdied għal ħamsa u erbgħin ġurnata meta l-ammont tal-VAT li jista’ jiġi rkuprat jaqbeż il-miljun [Forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 2500)], meta din il-persuna taxxabbli tkun ħallset kompletament, fil-ġurnata ta’ meta ssir id-dikjarazzjoni, l-ammont, taxxa inkluża, tal-korrispettiv indikat fil-fattura ta’ kull tranżazzjoni – li t-twettiq tagħha huwa kkonfermat mill-fattura (jew il-fatturi) li abbażi tagħha (jew tagħhom) hija teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha għall-perijodu taxxabbli kkunsidrat – li hija l-bażi legali għall-ġbir tat-taxxa, jew li d-dejn tagħha sparixxa b’mod ieħor qabel din id-data, u li l-imsemmija persuna taxxabbli tikkonferma fid-dikjarazzjoni tagħha li din il-kundizzjoni hija ssoddisfatta. Jekk kontroll fiskali fir-rigward tal-persuna taxxabbli li tkun suġġetta għal stralċ jibda matul dan il-perijodu, jew ikun diġà pendenti, fir-rigward tal-għajnuna baġitarja mitluba, it-terminu għall-għoti tal-għajnuna mill-baġit għandu jiġi kkalkolat mid-data li fiha d-deċiżjoni mogħtija fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-kontroll issir definittiva. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-korrispettiv jitqies li tħallas meta n-nuqqas ta’ ħlas jirriżulta esklużivament minn garanzija ta’ eżekuzzjoni prevista minn qabel fil-kuntratt.” |
9 |
L-Artikolu 65(1) tal-kodiċi ta’ proċedura fiskali jistabbilixxi: “Meta l-amministrazzjoni fiskali twettaq ħlas tardiv, hija għandha tħallas, għal kull ġurnata ta’ dewmien, interessi b’rata ekwivalenti għal dik ta’ penali ta’ dewmien. Madankollu, anki fil-każ ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni, ma humiex dovuti interessi meta t-talba (dikjarazzjoni) tkun inġustifikata għall-ammont ta’ iktar minn 30 % tas-somma mitluba (iddikjarata) jew meta n-nuqqas ta’ rimbors ikun dovut għal nuqqas ta’ diliġenza tal-persuna taxxabbli jew tal-persuna obbligata tikkomunika l-informazzjoni neċessarja.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
10 |
Il-kumpannija li Humda kienet issuċċediet fid-dritt kienet talbet lil “BHA” Bíró Hűtéstechnikai és Acélszerkezetgyártó Ipari Kft. (iktar ’il quddiem “BHA”) sabiex din tal-aħħar tipprovdilha servizzi fil-kuntest tal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-istand Ungeriża tal-espożizzjoni universali li nżammet matul is-sena 2015 f’Milano (l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“provvista ta’ servizzi inkwistjoni”). Fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, BHA kienet ħarġet disa’ fatturi li jinkludu l-VAT, għal ammont totali ta’ HUF 486620000 (madwar EUR 1230500). Dawn il-fatturi tħallsu mill-kumpannija li lilha Humda ssuċċediet u BHA għaddiet il-VAT iffatturata lill-amministrazzjoni fiskali Ungeriża. Waqt kontroll, din tal-aħħar ikkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, il-VAT inkwistjoni ma kinitx dovuta fl-Ungerija, peress li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni kienet relatata ma’ beni li kien jinsab fl-Italja. Għaldaqstant, il-VAT inkwistjoni kienet ġiet iffatturata bi żball. |
11 |
Humda, sabiex tirkupra s-somma li tikkorrispondi għall-VAT imħallsa indebitament, ressqet quddiem in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-budapesti Adó- és Vámigazgatóság (Id-Direttorat tat-Taxxi u tad-Dwana Reġjonali ta’ Budapest-Tramuntana, li taqa’ taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) talba intiża għar-rimbors tas-somma ta’ HUF 126248760 (madwar EUR 320000), li tikkorrispondi għall-ammont ta’ din il-VAT, kif ukoll għall-ħlas tal-interessi relatati ma’ dan l-ammont. Skont Humda, anki jekk hija għandha titlob ir-rimbors ta’ din is-somma mingħand l-emittent tal-fattura fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, li sussegwentement għandha tirregolarizza s-sitwazzjoni tagħha quddiem l-awtorità fiskali kompetenti, f’dan il-każ, hija qiegħda tiffaċċja l-fatt li BHA kienet suġġetta għal proċedura ta’ stralċ mill-qorti u li, skont l-istralċjarju tagħha, id-dejn ta’ Humda ma jistax jiġi rkuprat. |
12 |
Peress li din it-talba kif ukoll ir-rikors sussegwenti quddiem id-Direttorat tal-Appelli ġew miċħuda, Humda adixxiet lill-qorti tar-rinviju, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), fejn titlob, essenzjalment, il-bidla jew l-annullament tad-deċiżjoni adottata mid-Direttorat tal-Appelli. L-imsemmija talba hija, skont l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, essenzjalment ibbażata fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2017, Farkas (C‑564/15, EU:C:2017:302), u tal‑11 ta’ April 2019, PORR Építési Kft. (C‑691/17, EU:C:2019:327). |
13 |
Id-Direttorat tal-Appelli jsostni li dawn is-sentenzi ma humiex rilevanti, peress li, f’dan il-każ, il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni ma twettqitx fit-territorju Ungeriż u ma tatx dritt għal tnaqqis fir-rigward ta’ Humda. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma xtaqitx teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis. Issa, fis-sentenzi invokati minn din il-kumpannija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-ħlas indebitu tal-VAT mill-benefiċjarju ta’ servizzi lill-fornituri fir-rigward ta’ fattura maħruġa bi żball abbażi tar-regoli tat-taxxa ordinarja, filwaqt li t-tranżazzjoni li kienet tirrigwarda din il-fattura kienet taqa’ taħt is-sistema tal-awtolikwidazzjoni. Id-Direttorat tal-Appelli jsostni li, sa fejn il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-VAT, ir-rimbors mitlub minn Humda ma jistax isir. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl tal-imsemmija sentenzi, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli kif ukoll il-prassi amministrattiva nazzjonali humiex kompatibbli mad-Direttiva tal-VAT u, b’mod iktar partikolari, mal-prinċipji ta’ effettività, ta’ newtralità tal-VAT u ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, f’dan il-każ, l-irkupru tal-VAT imħallsa indebitament huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ dritt ċivili, peress li, l-ewwel, BHA, fil-frattemp, kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ, it-tieni, l-istralċjarju ta’ din tal-aħħar iddikjara li ma kienx possibbli għalih li jemenda l-fattura maħruġa dak iż-żmien minn BHA, it-tielet, din tal-aħħar ma talbitx ir-rimbors tat-taxxa ċivili mħallsa indebitament, ir-raba’, Humda madankollu bdiet proċedura ċivili kontra l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża, il-ħames, huwa inkontestabbli li l-VAT tħallset lit-teżor pubbliku, u s-sitta, kull suspett ta’ frodi huwa eskluż. |
15 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-ipoteżi li Humda hija awtorizzata tressaq direttament talba għal rimbors quddiem l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża, din tal-aħħar hijiex obbligata tħallas interessi moratorji fuq is-somma li hija s-suġġett ta’ dan ir-rimbors u, fl-affermattiv, liema huma t-termini li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
17 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva tal-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità tal-VAT, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha persuna taxxabbli li persuna taxxabbli oħra tkun ipprovditilha servizz ma tistax titlob, direttament mingħand l-amministrazzjoni fiskali, ir-rimbors tal-ammont korrispondenti għall-VAT li ġiet iffatturata lilha indebitament minn dan il-fornitur u li dan tal-aħħar kien ħallas lit-Teżor pubbliku, meta l-irkupru ta’ dan l-ammont mingħand l-imsemmi fornitur huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli minħabba l-fatt li dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ proċedura għal stralċ. |
18 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, li huwa fil-qalba tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa żgurat mill-mekkaniżmu tad-dritt għal tnaqqis intiż sabiex jeħles kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu u jiggarantixxi, konsegwentement, in-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, huma stess suġġetti għall-VAT (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2021, C‑521/19, EU:C:2021:527, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ċertament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax espressament li Humda kienet tibbenefika minn dritt għal tnaqqis tal-VAT iffatturata u mħallsa bi żball. Madankollu, peress li, fl-ewwel u fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, għandu jiġi kkunsidrat, bla ħsara għall-verifika mill-imsemmija qorti, li Humda jew il-kumpannija li hija ssuċċediet kellha dritt għal tnaqqis ta’ din il-VAT. |
19 |
Din il-premessa magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ dispożizzjoni, fid-Direttiva tal-VAT, dwar l-aġġustament, mill-emittent tal-fattura, tal-VAT iffatturata indebitament, huma, bħala prinċipju, l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom din il-VAT tista’ tiġi aġġustata (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punt 38, kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult, C‑835/18, EU:C:2020:520, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Sabiex tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, il-possibbiltà ta’ aġġustament ta’ kull taxxa ffatturata indebitament, ladarba l-persuna li toħroġ il-fattura turi li hija aġixxiet in bona fides (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult, C‑835/18, EU:C:2020:520, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, minn naħa, il-fornitur li ħallas il-VAT bi żball lill-awtoritajiet fiskali jista’ jitlob ir-rimbors tagħha u, min-naħa l-oħra, il-persuna li tirċievi s-servizzi tista’ teżerċita azzjoni ċivili għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament kontra dan il-fornitur, tosserva l-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ effettività. Fil-fatt, sistema bħal din tippermetti lil dak li jirċievi s-servizzi, li jkun sostna l-piż tal-VAT iffatturata bi żball, li jikseb ir-rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punt 39). |
22 |
Jekk ir-rimbors tal-VAT issir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza tal-fornitur, il-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ effettività jeżiġu li l-Istati Membri jipprevedu l-istrumenti neċessarji sabiex jippermettu lil min ħallas il-VAT jirkupra din il-VAT indebitament iffatturata u mħallsa, b’mod partikolari billi jindirizza t-talba tiegħu għal rimbors direttament lill-awtorità tat-taxxa (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punt 41, u tal‑11 ta’ April 2019, PORR Építési Kft., C‑691/17, EU:C:2019:327, punt 48). |
23 |
B’hekk, l l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-għodda u l-metodi proċedurali neċessarji biex dak li jirċievi s-servizzi jkun jista’ jirkupra t-taxxa ffatturata indebitament sabiex jirrispettaw il-prinċipju ta’ effettività (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punt 41). |
24 |
Bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet preliminari esposti fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, minn naħa, li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni kienet tirrigwarda proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-VAT tħallset bi żball. Issa, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, EU:C:2007:167), il-provvista ta’ servizzi lanqas ma kienet suġġetta għall-VAT fl-Istat Membru kkonċernat, peress li dawn kienu ġew ipprovduti fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, minn din it-talba jirriżulta li, f’dan il-każ, la kien hemm abbuż u lanqas frodi, peress li l-fornitur u d-destinatarju tas-servizzi kienu t-tnejn li huma in bona fides. Minn dan jirriżulta li, fil-kawża prinċipali bħal fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ma jeżistix riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali u huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli għal dak li jirċievi s-servizzi li jikseb, min-naħa tal-fornitur, ir-rimbors tal-VAT, imħallsa indebitament peress li dan, sadanittant, kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ. |
25 |
Kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, in-natura transponibbli għal din il-kawża tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, EU:C:2007:167), ma tistax tiġi kkontestata minħabba li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax id-dritt għal tnaqqis tal-persuna li tirċievi s-servizzi. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni tali differenza, iżda esprimiet ruħha f’termini ġenerali. Barra minn hekk, bħal f’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienu jikkonċernaw provvista mhux suġġetta għall-VAT fl-Istat Membru li fih din it-taxxa kienet ġiet iffatturata u mħallsa fil-baġit tiegħu. |
26 |
Madankollu, għandu jingħad ukoll li l-Istati Membri għandhom dritt li mal-obbligi formali tal-persuni taxxabbli jinkludu sanzjonijiet ta’ natura li jinċentivaw lil dawn tal-aħħar josservaw l-imsemmija obbligi bil-għan li jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT, u li, għalhekk, sanzjoni amministrattiva ta’ natura pekunjarja tista’ tiġi applikata kontra persuna taxxabbli li t-talba tagħha għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament hija r-riżultat tan-negliġenza rispettiva tagħha (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult, C‑835/18, EU:C:2020:520, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, jekk jitqies li kien hemm negliġenza min-naħa tal-persuna taxxabbli, fatt li għandu jiġi kkonstatat mill-qrati nazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu juża mezzi li, filwaqt li jippermettu li jintlaħaq b’mod effettiv l-għan intiż mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkawżaw l-inqas preġudizzju possibbli għall-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT. Għalhekk, fid-dawl tal-pożizzjoni li dan il-prinċipju għandu fis-sistema komuni tal-VAT, jidher li sanzjoni, li tikkonsisti f’rifjut assolut tad-dritt għar-rimbors tal-VAT iffatturata b’mod żbaljat u mħallsa indebitament, hija sproporzjonata (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult, C‑835/18, EU:C:2020:520, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Għandu jitfakkar ukoll li, ċertament, il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali hija għan rikonoxxut u inkoraġġut mid-Direttiva tal-VAT. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv. Konsegwentement, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt għar-rimbors tal-VAT indebitament iffatturata u mħallsa jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan id-dritt huwa invokat b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Astone, C‑332/15, EU:C:2016:614, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Madankollu, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif applikata mill-amministrazzjoni fiskali Ungeriża, twassal, fil-fatt, sabiex jiġi rrifjutat lill-persuna li takkwista s-servizzi, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda u fl-assenza ta’ riskju ta’ frodi jew ta’ abbuż min-naħa tal-persuni taxxabbli kkonċernati, ir-rimbors tal-VAT iffatturata u mħallsa indebitament. Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni hija sproporzjonata. |
30 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva tal-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità tal-VAT, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha persuna taxxabbli li persuna taxxabbli oħra tkun ipprovditilha servizz ma tistax titlob, direttament mingħand l-amministrazzjoni fiskali, ir-rimbors tal-ammont korrispondenti għall-VAT li ġiet iffatturata lilha indebitament minn dan il-fornitur u li dan tal-aħħar ħallas lit-Teżor pubbliku, meta l-irkupru tal-ammont ta’ din il-VAT imħallsa indebitament lill-imsemmi fornitur huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli minħabba l-fatt li dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ u anke meta dawn il-persuni taxxabbli ma jistgħu jiġu akkużati b’ebda frodi jew abbuż, b’tali mod li ma jeżistix riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali għal dan l-Istat Membru. |
Fuq it‑tielet domanda
31 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva tal-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn persuna taxxabbli li persuna taxxabbli oħra tkun ipprovditilha servizz tista’ titlob direttament mingħand l-amministrazzjoni fiskali r-rimbors tal-ammont li jikkorrispondi għall-VAT li ġiet iffatturata lilha indebitament minn dan il-fornitur u li dan tal-aħħar kien ħallas lit-Teżor pubbliku, din l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tħallas interessi fuq dan l-ammont u, fl-affermattiv, għal liema perijodu u skont liema modalitajiet. |
32 |
Fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas ta’ interessi, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li meta Stat Membru jkun ġabar taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-individwi għandhom id-dritt għar-rimbors mhux biss tat-taxxa indebitament miġbura, iżda wkoll għall-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Dan jinkludi wkoll it-telf ikkostitwit min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ somom ta’ flus wara l-ġbir prematur tat-taxxa. Għalhekk, il-prinċipju tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jirrestitwixxu bl-interessi l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn dan l-aħħar dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprovdi għall-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitħallsu tali interessi, b’mod partikolari r-rata u l-metodu tal-kalkolu ta’ dawn l-interessi (interessi sempliċi u interessi komposti). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom iħarsu l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jiġifieri, huma la għandhom ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt intern u lanqas għandhom ikunu implementati b’mod li jagħmlu prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża eżiġiet il-ħlas tal-VAT inkwistjoni mhux bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda b’applikazzjoni tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-VAT li jipprovdi li “[i]l-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura”, b’tali mod li hija dovuta l-VAT iffatturata bi żball. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-VAT imsemmija fuq fattura għandha titħallas mill-emittent ta’ dik il-fattura, inkluż fin-nuqqas ta’ kull tranżazzjoni taxxabbli reali (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, EN.SA., C‑712/17, EU:C:2019:374, punt 26). |
35 |
Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, f’dan il-każ, il-VAT inġabret “bi ksur tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et (C‑591/10, EU:C:2012:478), b’tali mod li ebda tagħlim ma jista’ jinsilet mill-imsemmija sentenza fir-rigward tal-interessi eventwali li għandhom jitħallsu mill-amministrazzjoni fiskali f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. |
36 |
Għaldaqstant, peress li jeżisti, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel żewġ domandi, obbligu impost fuq l-Istati Membri li jipprevedu possibbiltà ta’ aġġustament jew ta’ rimbors tal-VAT iffatturata u mħallsa bi żball lil persuna taxxabbli li għandha dritt għal tnaqqis tal-VAT hekk imħallsa jekk, b’mod partikolari, ma jkunx hemm riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali għall-Istat Membru kkonċernat, u li tali rimbors ta’ kreditu tal-VAT jista’, fid-dawl tan-natura tiegħu, jiġi pparagunat ma’ “eċċess tal-VAT” fis-sens tal-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jsir riferiment għal din l-aħħar dispożizzjoni. |
37 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki jekk l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT ma jipprevedix obbligu li jitħallsu interessi fuq l-eċċess tal-VAT li għandu jiġi rrimborsat u lanqas jispeċifika l-mument li minnu tali interessi huma dovuti, il-prinċipju ta’ newtralità tas-sistema fiskali tal-VAT jeżiġi li t-telf finanzjarju ġġenerat minħabba rimbors ta’ eċċess ta’ VAT imwettaq lil hinn minn terminu raġonevoli jiġi kkumpensat permezz tal-ħlas ta’ interessi moratorji (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, technoRent International et, C‑844/19, EU:C:2021:378, punt 40). |
38 |
Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-fatt li r-rimbors tal-VAT mill-fornitur ta’ servizz li ffatturaha bi żball huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli minħabba l-fatt li dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ, il-persuna taxxabbli benefiċjarja tal-provvista ta’ servizz li ħallset VAT indebita ssostni, fl-istennija tar-rimbors tal-imsemmija VAT, dannu finanzjarju minħabba l-indisponibbiltà tas-somma li tikkorrispondi għall-ammont ta’ din it-taxxa. F’tali ċirkustanzi, jekk l-amministrazzjoni fiskali ma tirrimborsax din il-VAT imħallsa indebitament f’terminu raġonevoli wara li tkun ġiet adita b’talba f’dan is-sens minn din il-persuna taxxabbli bbażata fuq il-fatt li l-irkupru tas-somma mħallsa indebitament lill-fornitur ta’ servizz huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli, minn dan jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
39 |
Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-interessi għar-rimbors tal-VAT iffatturata indebitament u mħallsa, mill-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT f’dan ir-rigward, dawn il-modalitajiet jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, stabbiliti mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
40 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, l-uniku prinċipju inkwistjoni f’dan il-każ, dan tal-aħħar jeżiġi li r-regoli nazzjonali dwar b’mod partikolari l-kalkolu tal-interessi eventwalment dovuti ma jwasslux sabiex iċaħħdu lill-persuna taxxabbli minn kumpens xieraq għat-telf ikkawżat minn rimbors tal-VAT li ma jseħħx f’terminu raġonevoli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali. |
41 |
Hemm lok li jitfakkar, madankollu, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm l-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll il-qrati nazzjonali inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, technoRent International et, C‑844/19, EU:C:2021:378, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), skont il-każ billi tingħata interpretazzjoni konformi tad-dritt intern. |
42 |
L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali jeżiġi li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu sabiex tevalwa sa liema punt dan ikun jista’ jiġi applikat mingħajr ma jwassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, technoRent International et, C‑844/19, EU:C:2021:378, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Għaldaqstant, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu, għall-qorti nazzjonali, li tirreferi għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa llimitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, inkluż il-prinċipju ta’ ċertezza legali, u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, technoRent International et, C‑844/19, EU:C:2021:378, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan il-każ, hija b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk huwiex possibbli li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi twettaq, skont il-każ, applikazzjoni mutatis mutandis tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar dritt. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn persuna taxxabbli li persuna taxxabbli oħra tkun ipprovditilha servizz tista’ titlob direttament mingħand l-amministrazzjoni fiskali r-rimbors tal-ammont li jikkorrispondi għall-VAT li ġiet iffatturata lilha indebitament minn dan il-fornitur u li dan tal-aħħar kien ħallas lit-Teżor pubbliku, din l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tħallas interessi fuq dan l-ammont jekk hija ma tkunx ħallset dan ir-rimbors f’terminu raġonevoli wara li tkun intalbet dan ir-rimbors. Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-interessi fuq dan l-ammont jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, stabbiliti mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, peress li r-regoli nazzjonali relatati b’mod partikolari mal-kalkolu tal-interessi eventwalment dovuti ma għandhomx iwasslu sabiex iċaħħdu lill-persuna taxxabbli minn kumpens xieraq għat-telf ikkawżat mir-rimbors tardiv tal-istess ammont. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha sabiex tiżgura l-effett sħiħ ta’ dan l-Artikolu 183 billi tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Reġistratur |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.