Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0393

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Frar 2023.
    Lufthansa Technik AERO Alzey GmbH vs Arik Air Limited et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 805/2004 – Titolu eżekuttiv Ewropew għal talbiet mhux ikkontestati – Artikolu 23(ċ) – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Kunċett.
    Kawża C-393/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:104

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    16 ta’ Frar 2023 ( *1 ) ( i )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 805/2004 – Titolu eżekuttiv Ewropew għal talbiet mhux ikkontestati – Artikolu 23(ċ) – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Kunċett”

    Fil-Kawża C‑393/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura mibdija minn

    Lufthansa Technik AERO Alzey GmbH

    fil-preżenza ta’:

    Arik Air Limited,

    Asset Management Corporation of Nigeria (AMCON),

    antstolis Marekas Petrovskis,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.-C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Lufthansa Technik AERO Alzey GmbH, minn F. Heemann, Rechtsanwalt, u A. Juškys, advokatas,

    għal Arik Air Limited, minn L. Augytė-Kamarauskienė, advokatė,

    għal Asset Management Corporation of Nigeria (AMCON), minn A. Banys, A. Ivanauskaitė u K. Švirinas, advokatai,

    għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, V. Kazlauskaitė-Švenčionienė u E. Kurelaitytė, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u S. Noë, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), kif ukoll tal-Artikolu 36(1) u tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-kumpannija tal-ajru Arik Air Limited u, min-naħa l-oħra, Lufthansa Technik AERO Alzey GmbH (iktar ’il quddiem “Lufthansa”) dwar talba għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija kontra Arik Air abbażi ta’ titolu eżekuttiv Ewropew maħruġ minn qorti Ġermaniża favur Lufthansa.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Ir‑Regolament Nru 805/2004

    3

    Il-premessi 8, 18 u 20 tar-Regolament Nru 805/2004 huma fformulati kif ġej:

    “(8)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Tampere, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra l-aċċess għall-infurzar fi Stat Membru li ma ikunx dak li fih kienet ingħatat is-sentenza jitħaffef u jiġi simplifikat billi jitneħħew xi miżuri intermedjarji li jkollhom jittieħdu qabel l-infurzar fl-Istat Membru li fih ikun qed jitfittex l-infurzar. Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] mill-qorti ta’ oriġini għandha, għall-finijiet ta’ l-infurzar, tiġi ttrattata daqslikieku kienet ingħatat fl-Istat Membru li fih ikun qed jitfittex l-infurzar. […]

    […]

    (18)

    Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Mmebri tiġġustifika l-istima mill-qorti ta’ Stat Membru wieħed li l-kondizzjonijiet kollha għaċ-ċertifikazzjoni ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar ikunu mħarsa biex jippermettu li sentenza għandha tkun infurzata fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr reviżjoni ġudizzjarja ta’ l-applikazzjoni kif imiss ta’ l-istandards minimi proċedurali fl-Istat Membru fejn għandha tiġu nfurzata s-sentenza.

    […]

    (20)

    L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati għandhom ikun bl-għażla għall-kreditur, li jista’ jagħżel is-sistema ta’ rikonoxximent u infurzar taħt ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 [Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] jew strumenti oħra tal-Komunità.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”:

    “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati li jippermetti, permezz tal-preskrizzjoni ta’ standards minimi, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, settlement tal-qrati u strumenti awtentiċi mal-Komunità kollha mingħajr ma ikun meħtieġ li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.”

    5

    Skont l-Artikolu 5 tar-regolament imsemmi, intitolat “Tneħħija ta’ exequatur”:

    “Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] fl-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzar u mingħajr il-possibbiltà ta’ xi opposizzjoni tar-rikonoxximent tagħha.”

    6

    L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Ħtiġiet għal ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew]”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) u fil-paragrafu (2) tiegħu:

    “1.   Sentenza dwar talba mhux kontestata mwassla fi Stat Membru għandha, ma’ l-applikazzjoni f’kull żmien tal-qorti ta’ oriġini, tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] jekk:

    (a)

    is-sentenza tkun tista’ tiġi nfurzata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini; u

    […]

    2.   Fejn sentenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar ittemm mill tibqa’ tista’ tiġi nfurzata jew l-infurzar tagħha ikun ġie sospiż jew limitat, ċertifikat li juri n-nuqqas ta’ limitazzjoni ta’ l-infurzar għandu, ma’ l-applikazzjoni f’kull żmien tal-qorti ta’ oriġini, jinħareġ, bl-użu tal-formola standard fl-Anness IV.”

    7

    L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 805/2004, intitolat “Korrezzjoni jew irtirar ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew]”, jistabbilixxi:

    “1.   Iċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għandu, fuq applikazzjoni mill-qorti ta’ oriġini, jiġi

    (a)

    korrett fejn, minħabba żball materjali, ikun hemm diskrepanza bejn is-sentenza u ċ-ċertifikat;

    (b)

    rtirat fejn ikun ċar li ikun ingħata bi żball, wara li jingħata kont tal-ħtiġiet preskritti f’dan ir-Regolament.

    2.   Il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tgħodd għall-korrezzjoni jew l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar.”

    8

    L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Effett taċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew]”, huwa fformulat kif ġej:

    “Iċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar għandu jkollu effett biss fil-limiti ta’ l-infurzabilità tas-sentenza.”

    9

    Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tiswija tan-non-konformità ma’ l-istandards minimi”:

    “1.   Jekk il-proċeduri fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġiet proċedurali kif stipulati fl-Artikoli 13 sa 17, dik in-non-konformità għandha tissewwa u s-sentenza tista’ tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] jekk:

    (a)

    Id-deċiżjoini tkun ġiet notifikata lid-debitur b’konformità mal-ħtiġiet skond l-Artikolu 13 kew l-Artikolu 14; u

    (b)

    ikun possibbli għad-debitur li jikkontesta s-sentenza permezz ta’ reviżjoni sħiħa u d-debitur ikun ġie debitament informat fi jew flimkien mas-sentenza dwar il-ħtiġiet proċedurali għal dik il-kontestazzjoni, inkluż l-isem u l-indirizz ta’ l-istituzzjoni li lilha għandu jibgħata u, fejn japplika, il-limitu ta’ żmien biex jagħmel dan;

    (ċ)

    id-debitur ikun naqas li jikkontesta s-sentenza skond il-ħtiġiet relevanti proċedurali.

    2.   Jekk il-proċeduri fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġiet proċedurali kif stipulati fl-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14, dik in-non-konformità għandha tissewwa jekk jiġi pprovat mill-komportament tad-debitur fil-proċeduri tal-qorti li jkun personalment irċieva d-dokument li għandu jiġi notifikat fi żmien biżżejjed biex jirranġa għad-difiża tiegħu.”

    10

    L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura ta’ infurzar” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċeduri ta’ infurzar għandhom ikunu regolati mill-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-infurzar.

    Sentenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għandha tiġi nfurzata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk tas-sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-infurzar.”

    11

    L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 805/2004, bit-titolu “Rifjut ta’ infurzar” jipprovdi:

    “1.   L-infurzar għandu, ma l-applikazzjoni mid-debitur, jiġi rifjutat mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-infurzar jekk is-sentenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija qabel f’xi Stat Membru jew pajjiż terz, kemm-il darba:

    a)

    dik is-sentenza mogħtija qabel involviet l-istess kawża ta’ azzjoni u kienet bejn l-istess partijiet; u

    b)

    is-sentenza mogħtija qabel kienet mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-infurzar jew tħares il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta’ l-infurzar; u

    (ċ)

    l-irrikonċiljabilità ma kienitx u ma setgħatx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċeduri tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini.

    2.   Taħt ebda ċirkostanzi ma għandha s-sentenza jew iċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta’ l-infurzar.”

    12

    Skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Twaqqif jew limitazzjoni ta’ l-infurzar”:

    “Fejn id-debitur ikun

    ikkontesta sentenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew], inkluża applikazzjoni għar-reviżjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 19, jew

    applika għall-korrezzjoni jew l-irtirar ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar skond l-Artikolu 10,

    il-qorti kompetenti jew awtorità fl-Istat Membru ta’ l-infurzar tista’, wara applikazzjoni mid-debitur:

    (a)

    tillimiti l-proċeduri ta’ infurzar għal miżuri protettivi; jew

    (b)

    tagħmel l-infurzar kondizzjonat fuq il-provvista ta’ dik il-garanzija hekk kif tista’ tistabbilixxi; jew

    (ċ)

    taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, twaqqaf il-proċeduri ta’ infurzar.”

    Ir‑Regolament Nru 1215/2012

    13

    L-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

    “Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.”

    14

    L-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “1.   Fil-każ ta’ talba għal rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza skont is-SubTaqsima 2 tat-Taqsima 3, il-Qorti fl-Istat Membru indirizzat tista’, fuq it-talba tal-persuna li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni:

    (a)

    tillimita l-proċedimenti tal-eżekuzzjoni għal miżuri kawtolatorji;

    (b)

    tissoġġetta l-eżekuzzjoni għall-għoti ta’ garanzija li hi tistabbilixxi; jew

    (c)

    tissospendi l-proċedimenti tal-eżekuzzjoni kollha kemm huma jew ta’ parti minnhom.

    2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru indirizzat għandha, fuq it-talba tal-persuna li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni, tissospendi l-proċedimenti tal-eżekuzzjoni fil-każ fejn l-eżegwibbiltà tas-sentenza tkun sospiża fl-Istat Membru tal-oriġini.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    15

    Fl‑14 ta’ Ġunju 2019, l-Amtsgericht Hünfeld (il-Qorti Distrettwali ta’ Hünfeld, il-Ġermanja) ħarġet ordni ta’ ħlas fir-rigward ta’ Arik Air għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 2 292 993.32 lil Lufthansa. Abbażi ta’ din l-ordni, din il-qorti ħarġet, fl‑24 ta’ Ottubru 2019, titolu eżekuttiv Ewropew u, fit‑2 ta’ Diċembru 2019, ċertifikat tat-titolu eżekuttiv Ewropew.

    16

    Uffiċjal ġudizzjarju fil-Litwanja (iktar ’il quddiem l-“uffiċjal ġudizzjarju”) intalab minn Lufthansa sabiex jeżegwixxi dan it-titolu eżekuttiv b’mod konformi ma’ dan iċ-ċertifikat.

    17

    Arik Air ressqet talba quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 805/2004, intiża għall-annullament taċ-ċertifikat tat-titolu eżekuttiv Ewropew u għall-waqfien tal-irkupru forzat tad-dejn, minħabba li l-atti proċedurali ġew innotifikati lilha mill-Amtsgericht Hünfeld (il-Qorti Distrettwali ta’ Hünfeld) b’mod irregolari, ħaġa li wasslet għan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu tagħha sabiex tikkontesta l-ordni ta’ ħlas maħruġa minn din il-qorti.

    18

    Arik Air ippreżentat ukoll, fil-Litwanja, lill-uffiċjal ġudizzjarju, talba għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni sakemm il-qorti Ġermaniża, adita barra minn hekk f’dan is-sens, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar it-talba għall-irtirar taċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew u għall-waqfien tal-irkupru forzat. L-imsemmi uffiċjal ġudizzjarju rrifjuta li jilqa’ din it-talba għal sospensjoni, billi qies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma kinitx tipprevedi l-possibbiltà li tintalab sospensjoni bbażata, bħal f’dan il-każ, fuq il-fatt li qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ġiet adita b’rikors kontra s-sentenza li għandha tiġi eżegwita.

    19

    Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ April 2020, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) issuġġettat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-titolu eżekuttiv Ewropew, tal‑24 ta’ Ottubru 2019, għad-depożitu minn Arik Air ta’ garanzija fl-ammont ta’ EUR 2000000. Din il-qorti sostniet li, fl-assenza ta’ ħlas ta’ din il-garanzija, it-talba għas-sospensjoni ta’ dan it-titolu ma tistax tintlaqa’, peress li Arik Air ma kinitx uriet li l-imsemmi titolu kien ingħata illegalment, u lanqas li t-termini għall-oppożizzjoni kienu nqabżu mingħajr ma kien hemm nuqqas min-naħa tagħha.

    20

    Arik Air ippreżentat quddiem il-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas, il-Litwanja) rikors kontra d-deċiżjoni tal-uffiċjal ġudizzjarju li tirrifjuta li tissospendi din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Ġunju 2020, din il-qorti ċaħdet din l-azzjoni.

    21

    Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Settembru 2020, il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja), li ddeċidiet fuq l-appell ippreżentat minn Arik Air, annullat id-digriet tal-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas), tal‑11 ta’ Ġunju 2020, u ddeċidiet li tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni sakemm tingħata s-sentenza definittiva tal-qorti Ġermaniża dwar it-talbiet ta’ Arik Air. Il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) qieset li, fid-dawl tar-riskju ta’ dannu sproporzjonat li jista’ jirriżulta mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni, it-tressiq ta’ azzjoni kontra ċ-ċertifikat tat-titolu eżekuttiv Ewropew quddiem il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini kien jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għas-sospensjoni ta’ din il-proċedura. Hija qieset ukoll, kuntrarjament għall-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas), li, fl-assenza ta’ informazzjoni li tikkonferma li l-garanzija stabbilita mill-qorti Ġermaniża kienet tħallset f’dan l-istadju tal-proċedura, ma kien hemm ebda raġuni sabiex jitqies li din l-aħħar qorti għandha tiddeċiedi dwar il-fondatezza tat-talba għas-sospensjoni tal-atti ta’ eżekuzzjoni.

    22

    Lufthansa ppreżentat quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju, appell ta’ kassazzjoni mid-digriet tal-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) tal‑25 ta’ Settembru 2020.

    23

    Din il-qorti tistaqsi, qabelxejn, dwar il-portata, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-estent tal-istħarriġ imwettaq mill-qrati jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004.

    24

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li mill-formulazzjoni stess ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni u tistaqsi dwar l-estent ta’ dan il-marġni. Hija tosserva, minn naħa, li l-espressjonijiet “ikkontesta sentenza” u “inkluża”, li jinsabu fl-imsemmi artikolu, jippreżumu li huma previsti r-rimedji ġudizzjarji kollha fl-Istat Membru ta’ oriġini, kundizzjoni li tidher li hija ssodisfatta f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li l-portata tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” għandha tiġi interpretata b’mod uniformi fl-Istati Membri.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, għalkemm proċeduri ġudizzjarji huma, f’dan il-każ, pendenti quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar is-sens, il-portata u l-prospetti ta’ suċċess ta’ dawn il-proċeduri. Għalhekk, għalkemm Arik Air issostni li hija qegħda teżerċita dritt għal azzjoni legali, Lufthansa tikkontesta l-fatt li din il-parti għandha tali dritt u tallega li din tfittex biss li ddewwem il-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi dwar l-estent tal-istħarriġ tal-proċedura li tiżvolġi fl-Istat Membru ta’ oriġini li għalih hija għandha eventwalment tkun obbligata tipproċedi.

    26

    Sussegwentement, l-imsemmija qorti tistaqsi, fid-dawl tal-użu tal-konġunzjoni “jew” li tinsab bejn il-miżuri differenti previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004 li l-qorti jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tadotta sabiex tissospendi jew tillimita l-eżekuzzjoni, jekk huwiex possibbli li diversi miżuri minn dawn jiġu applikati b’mod simultanju.

    27

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont ir-Regolament Nru 1215/2012, deċiżjoni ta’ sospensjoni tas-saħħa eżekuttiva adottata fl-Istat Membru ta’ oriġini għandha tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni konformement mal-obbligu ġenerali ta’ rikonoxximent tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iddefinit fl-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, obbligu distint ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni huwa wkoll imsemmi fl-Artikolu 44(2) tal-imsemmi regolament. Għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 805/2004 ma jispeċifikax jekk is-sospensjoni tas-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini għandhiex twassal għas-sospensjoni awtomatika tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fi Stat Membru ieħor jew jekk deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tkunx neċessarja għal dan il-għan. Għaldaqstant, hemm lok li wieħed isaqsi jekk sistema simili għal dik prevista mir-Regolament Nru 1215/2012 għandhiex tapplika fil-kuntest tar-Regolament Nru 805/2004.

    28

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament [Nru 805/2004], b’mod partikolari dak li tiġi aċċellerata u ssimplifikata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istati Membri kif ukoll dak ta’ protezzjoni effettiva tad-dritt għal smigħ xieraq, kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ previst fl-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004? X’inhu l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-infurzar sabiex jinterpretaw dan il-kunċett […]?

    2)

    Ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ineżami, marbuta ma’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat ta’ oriġini li hija intiża li tiddeċiedi kwistjoni dwar l-annullament ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li abbażi tagħha ngħata ordni Ewropew ta’ infurzar, għandhom jitqiesu rilevanti għad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004? Skont liema kriterji għandha tiġi evalwata l-proċedura ta’ appell fl-Istat Membru ta’ oriġini u liema livell ta’ eżawrjenza għandu jkollha l-evalwazzjoni tal-proċedura li sseħħ fl-Istat Membru ta’ oriġini li titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-infurzar?

    3)

    Liema huwa l-għan tal-evalwazzjoni meta tingħata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” li tinsab fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004: l-effett taċ-ċirkustanzi kkonċernati tat-tilwima għandu jiġi evalwat meta d-deċiżjoni ġudizzjarja tal-Istat ta’ oriġini tiġi kkontestata fl-Istat ta’ oriġini, il-vantaġġi u d-danni eventwali tal-miżura kkonċernata fl-Artikolu 23 [ta’ dan ir-regolament] għandhom jiġu analizzati, jew, il-kapaċità ekonomika tad-debitur sabiex jeżegwixxi d-deċiżjoni ġudizzjarja jew tabilħaqq ċirkustanzi oħra għandhom jiġu analizzati?

    4)

    Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004, huwa possibbli li fl-istess waqt jiġu applikati diversi miżuri previsti f’dan l-artikolu? Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija fil-pożittiv, fuq liema kriterji l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-infurzar għandhom jibbażaw ruħhom sabiex jiddeċiedu dwar il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tal-applikazzjoni ta’ diversi miżuri previsti?

    5)

    Is-sistema legali prevista fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament [Nru 1215/2012], għandha tapplika għal deċiżjoni ġudizzjarja tal-Istat ta’ oriġini dwar is-sospensjoni (jew kanċellament) tas-saħħa eżekuttiva, jew hija applikabbli sistema legali simili għal dik iddefinita fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda

    29

    Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004 u, b’mod partikolari, jekk humiex rilevanti u, sa fejn, ċirkustanzi marbuta mal-proċedura ġudizzjarja mressqa, fl-Istat Membru ta’ oriġini, kontra s-sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew jew kontra ċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata ta’ dan il-kunċett.

    30

    Skont l-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004, meta d-debitur ikun ikkontesta sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, inkluż it-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, jew ikun talab il-korrezzjoni jew l-irtirar taċ-ċertifikat tat-titolu eżekuttiv Ewropew konformement mal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, fuq talba tad-debitur, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

    31

    Għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma tinkludi l-ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda s-sens u l-portata li għandhom jingħataw lill-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, b’tali mod li, fid-dawl tar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dan il-kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Zinātnes parks, C‑347/20, EU:C:2022:59, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Il-fatt li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jagħmel riferiment għal-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għal dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ma jistax jinvalida din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, hekk kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 15 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-riferiment huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, u, b’mod partikolari tal-Artikolu 23 tiegħu, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ limitazzjoni jew ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fil-każ li jiġi ppreżentat rikors jew talba mid-debitur fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    33

    Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet intiżi mill-att li hija tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, BGL BNP Paribas, C‑548/18, EU:C:2019:848, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Fir-rigward, l-ewwel, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-użu tal-verb “tista’” u tal-aġġettiv “eċċezzjonali”, jirriżulta li, filwaqt li jħalli lill-qrati jew lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirregola din il-possibbiltà permezz tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi li huma kklassifikati minnu bħala “eċċezzjonali”, b’tali mod li din id-dispożizzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium, C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Madankollu, mill-użu, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, għandu jiġi dedott li dan ma kellux l-intenzjoni li jillimita l-portata tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004 biss għas-sitwazzjonijiet ta’ forza maġġuri, li jirriżultaw, bħala regola ġenerali, minn avvenimenti imprevedibbli u irreżistibbli li ġejjin minn kawża barranija għad-debitur.

    36

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi testwali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew għandha tiġi rriżervata għall-każijiet fejn it-tkomplija tal-eżekuzzjoni tesponi lid-debitur għal riskju reali ta’ dannu partikolarment gravi li l-kumpens tiegħu jkun impossibbli jew estremament diffiċli fil-każ li jintlaqa’ r-rikors jew tintlaqa’ t-talba mressqa fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    37

    Barra minn hekk, mill-qari tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta li l-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja, mibdija mid-debitur fl-Istat Membru ta’ oriġini, jew għall-finijiet li jikkontesta sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, jew għall-finijiet li tintalab il-korrezzjoni jew l-irtirar ta’ ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew, tikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżami mill-qorti jew mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-eżistenza taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali sabiex eventwalment tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ dan it-titolu.

    38

    It-tieni, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004, għandu jiġi osservat li, fl-istruttura ta’ dan ir-regolament, it-tneħħija tal-exequatur, prevista fl-Artikolu 5 tiegħu, hija bbażata fuq tqassim ċar tal-kompetenzi bejn il-qrati u l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, flimkien ma’ rekwiżiti li għandhom jiġu osservati kemm fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ sentenza dwar talba mhux ikkontestata kif ukoll waqt l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. Dan it-tqassim tal-kompetenzi jirriżulta mill-fatt li d-dejn u t-titolu eżekuttiv Ewropew li jikkonstata dan huma stabbiliti fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini filwaqt li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija rregolata, skont l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, mil-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    39

    Għalhekk, fl-Istat Membru ta’ oriġini, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza dwar talba mhux ikkontestata bħala titolu eżekuttiv Ewropew hija suġġetta għall-osservanza tar-regoli minimi previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 805/2004. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli jista’ jiġi rrimedjat biss quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat.

    40

    Min-naħa tagħhom, il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilhom mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 805/2004, huma awtorizzati jeżaminaw l-eżistenza ta’ elementi li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, jew il-limitazzjoni jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament.

    41

    Madankollu, l-ebda kontestazzjoni dwar is-sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini jew iċ-ċertifikazzjoni tagħha bħala titolu eżekuttiv Ewropew ma tista’ tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-qrati jew awtoritajiet. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 805/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 18 tiegħu, il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’kull wieħed minnhom għandha twassal sabiex kull qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ tqis li l-kundizzjonijiet kollha għaċ-ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew huma ssodisfatti b’tali mod li d-deċiżjoni dwar talba mhux ikkontestata jew iċ-ċertifikazzjoni tagħha fl-ebda każ ma tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fuq il-mertu fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    42

    Għalhekk, mill-istruttura tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta li l-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jeżaminaw, la direttament u lanqas indirettament fil-kuntest ta’ talba għal sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, tali sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini jew iċ-ċertifikazzjoni tagħha bħala titolu eżekuttiv Ewropew.

    43

    Fid-dawl ta’ dan it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati u l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, imwettaq mir-Regolament Nru 805/2004, il-qrati jew l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni limitat f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li fid-dawl tagħhom tista’ tintlaqa’ talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Għalhekk, waqt l-eżami ta’ tali talba u sabiex tiġi stabbilita n-natura eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi invokati insostenn tagħha mid-debitur, dawn il-qrati jew awtoritajiet għandhom jillimitaw ruħhom, wara li jikkonstataw l-eżistenza ta’ rikors jew ta’ talba fl-Istat Membru ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004, sabiex jibbilanċjaw l-interessi preżenti, jiġifieri l-interess tal-kreditur, li jikkonsisti fl-eżekuzzjoni immedjata tas-sentenza dwar il-kreditu tiegħu, u dak tad-debitur, li jikkonsisti fl-evitar ta’ dannu partikolarment gravi u irreparabbli jew diffiċilment reparabbli, bil-għan li jiġi identifikat il-bilanċ ġust intiż minn dan l-artikolu. Matul dan l-eżami, huwa eskluż, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-imsemmija qrati jew awtoritajiet iwettqu kwalunkwe evalwazzjoni, anki prima facie, tal-fondatezza tar-rikors jew tat-talba mressqa mid-debitur fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    44

    It-tielet, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” hija sostnuta mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004.

    45

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, moqri flimkien mal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, dan huwa intiż sabiex jiżgura l-moviment liberu b’mod partikolari tas-sentenzi dwar it-talbiet mhux ikkontestati, li jħaffef u li jissimplifika l-eżekuzzjoni tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ngħatat is-sentenza. Fid-dawl ta’ dan l-għan, l-interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet li jipprekludu l-eżekuzzjoni immedjata ta’ dawn is-sentenzi, previsti fl-Artikoli 21 u 23 tal-imsemmi regolament, tapplika wkoll.

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” inkluż fih, ikopri sitwazzjoni fejn it-tkomplija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, meta d-debitur ikun ressaq, fl-Istat Membru ta’ oriġini, azzjoni kontra din is-sentenza jew ikun ippreżenta talba għal korrezzjoni jew għal irtirar taċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew, tesponi lil dan id-debitur għal riskju reali ta’ dannu partikolarment gravi li l-kumpens tiegħu, fil-każ ta’ annullament tal-imsemmija sentenza jew ta’ korrezzjoni jew irtirar taċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew, ikun impossibbli jew estremament diffiċli. Dan il-kunċett ma jirreferix għal ċirkustanzi marbuta mal-proċedura ġudizzjarja mressqa fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra s-sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew jew kontra ċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    47

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-applikazzjoni simultanja tal-miżuri ta’ limitazzjoni, ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija jew ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni li huwa jipprevedi fil-punti (a), (b) u (ċ) tiegħu.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, taħt it-titolu “Twaqqif jew limitazzjoni ta’ l-infurzar”, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004 jelenka l-miżuri li jistgħu jiġu ordnati mill-qorti jew mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, fuq talba tad-debitur, jiġifieri l-limitazzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni għal miżuri kawtelatorji, l-issuġġettar tal-eżekuzzjoni għall-kostituzzjoni ta’ garanzija jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

    49

    Mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-miżuri previsti minnu huma marbuta bil-konġunzjoni “jew” li tista’, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, ikollha sens alternattiv jew kumulattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-użu ta’ din il-konġunzjoni għalhekk ma jurix l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta’ applikazzjoni simultanja tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004.

    50

    Għall-kuntrarju, l-istruttura ta’ dan l-artikolu u l-portata tal-miżuri previsti minnu jippermettu li jitqies li l-applikazzjoni simultanja tal-miżura ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004, minn naħa, u tal-miżura ta’ limitazzjoni ta’ din il-proċedura prevista fl-Artikolu 23(a) jew tal-miżura, prevista fl-imsemmi Artikolu 23(b), li tikkonsisti fl-obbligu tal-kreditur li jikkostitwixxi garanzija, min-naħa l-oħra, ma hijiex possibbli.

    51

    Fil-fatt, is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, ordnata fuq talba tad-debitur skont l-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004, tipprekludi, fid-dawl tal-effetti immedjati tagħha fuq it-tkomplija ta’ din il-proċedura, il-possibbiltà li din tiġi llimitata għal miżuri kawtelatorji fis-sens tal-Artikolu 23(a) ta’ dan ir-regolament. L-obbligu impost fuq il-kreditur li jipprovdi garanzija, skont l-Artikolu 23(b) tal-imsemmi regolament, huwa, min-naħa tiegħu, previst sabiex ikun jista’ jipproċedi immedjatament għall-eżekuzzjoni tad-dejn inkwistjoni, u dan jeskludi loġikament l-applikazzjoni simultanja tal-miżura ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

    52

    Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex eskluż li l-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ timponi fuq il-kreditur il-provvista ta’ garanzija bħala kundizzjoni għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ natura esklużivament kawtelatorja.

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-applikazzjoni simultanja tal-miżuri ta’ limitazzjoni u ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija li huwa jipprevedi fil-punti (a) u (b) tiegħu, iżda mhux l-applikazzjoni simultanja ta’ waħda minn dawn iż-żewġ miżuri ma’ dik ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni msemmija fil-punt (ċ) tiegħu.

    Fuq il‑ħames domanda

    54

    Il-ħames domanda, intiż għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 36(1) u tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, tirrigwarda l-effetti ta’ deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini, li tordna s-sospensjoni tas-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza dwar talba mhux ikkontestata ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, fuq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar sentenza, li nbdiet fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    55

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li, fid-data meta ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti Ġermaniża kompetenti kienet iddeċidiet, b’mod definittiv, dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-titolu eżekuttiv Ewropew tal‑24 ta’ Ottubru 2019, proċedura mibdija f’dan is-sens kienet, f’din id-data, pendenti quddiem din il-qorti, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li tingħata deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan it-titolu. Għaldaqstant, ma jidhirx li huwa manifest li risposta għall-ħames domanda ma tkunx utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima li hija adita biha. Minn dan isegwi li din id-domanda hija ammissibbli.

    56

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36(1) u tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-Regolament Nru 805/2004, li abbażi tiegħu nbdiet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni fil-kawża prinċipali, jirregola huwa stess, fl-Artikolu 6(2) tiegħu, il-każ tas-sospensjoni tan-natura eżekuttiva ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew.

    57

    Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-ħames domanda għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 805/2004.

    58

    Konsegwentement, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta n-natura eżekuttiva ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew tkun ġiet sospiża fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha, abbażi ta’ din id-deċiżjoni, tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija f’dan l-aħħar Stat.

    59

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta li ċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza dwar talba mhux ikkontestata bħala titolu eżekuttiv Ewropew hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom dik, stabbilita fl-Artikolu 6(1)(a) ta’ dan ir-regolament, marbuta man-natura eżekuttiva ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    60

    Skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, iċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew jipproduċi l-effetti tiegħu biss fil-limiti tas-saħħa eżekuttiva tal-imsemmija sentenza.

    61

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li titolu eżekuttiv Ewropew ma jistax jipproduċi effetti legali jekk is-saħħa eżekuttiva tas-sentenza ċċertifikata b’dan il-mod tkun ġiet sospiża fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    62

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 805/2004 jipprevedi li, meta sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew ma tibqax eżekuttiva jew meta n-natura eżekuttiva tagħha tkun ġiet sospiża jew limitata, jinħareġ ċertifikat li jindika s-sospensjoni jew il-limitazzjoni tas-saħħa eżekuttiva fuq talba indirizzata fi kwalunkwe mument lill-qorti ta’ oriġini, permezz tal-formola li tinsab fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament.

    63

    Konsegwentement, meta n-natura eżekuttiva tas-sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew tkun ġiet sospiża fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija f’dan l-Istat fil-każ ta’ preżentazzjoni taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 805/2004.

    64

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 805/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 11 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta n-natura eżekuttiva ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew tkun ġiet sospiża fl-Istat Membru ta’ oriġini u ċ-ċertifikat previst f’dan l-Artikolu 6(2) ikun ġie ppreżentat lill-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, din il-qorti għandha tissospendi, abbażi ta’ din id-deċiżjoni, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija f’dan l-aħħar Stat.

    Fuq l‑ispejjeż

    65

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” inkluż fih, ikopri sitwazzjoni fejn it-tkomplija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, meta d-debitur ikun ressaq, fl-Istat Membru ta’ oriġini, azzjoni kontra din is-sentenza jew ikun ippreżenta talba għal korrezzjoni jew għal irtirar taċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew, tesponi lil dan id-debitur għal riskju reali ta’ dannu partikolarment gravi li l-kumpens tiegħu, fil-każ ta’ annullament tal-imsemmija sentenza jew ta’ korrezzjoni jew irtirar taċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew, ikun impossibbli jew estremament diffiċli. Dan il-kunċett ma jirreferix għal ċirkustanzi marbuta mal-proċedura ġudizzjarja mressqa fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra s-sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew jew kontra ċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew.

     

    2)

    L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004

    għandu jiġi interpretat fis-sens:

    li jippermetti l-applikazzjoni simultanja tal-miżuri ta’ limitazzjoni u ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija li huwa jipprevedi fil-punti (a) u (b) tiegħu, iżda mhux l-applikazzjoni simultanja ta’ waħda minn dawn iż-żewġ miżuri ma’ dik ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni msemmija fil-punt (ċ) tiegħu.

     

    3)

    L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 805/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 11 tiegħu,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    meta n-natura eżekuttiva ta’ sentenza ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew tkun ġiet sospiża fl-Istat Membru ta’ oriġini u ċ-ċertifikat previst f’dan l-Artikolu 6(2) ikun ġie ppreżentat lill-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, din il-qorti għandha tissospendi, abbażi ta’ din id-deċiżjoni, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija f’dan l-aħħar Stat.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    ( i ) Fil-punti 21, 43 u 27 ta’ dan id-dokument saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.

    Top