EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0372

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ Frar 2023.
Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland KdöR vs Bildungsdirektion für Vorarlberg.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status tal-Knejjes u tal-assoċjazzjonijiet jew tal-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(1) TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Restrizzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Sussidji għal skola privata – Talba mressqa minn soċjetà reliġjuża stabbilita fi Stat Membru ieħor – Stabbiliment irrikonoxxut minn din is-soċjetà bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż.
Kawża C-372/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:59

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ Frar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status tal-Knejjes u tal-assoċjazzjonijiet jew tal-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(1) TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Restrizzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Sussidji għal skola privata – Talba mressqa minn soċjetà reliġjuża stabbilita fi Stat Membru ieħor – Stabbiliment irrikonoxxut minn din is-soċjetà bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż”

Fil-Kawża C‑372/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland KdöR

vs

Bildungsdirektion für Vorarlberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland KdöR, minn M. Krömer, u P. Krömer, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u F. Werni, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn T. Machovičová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, M. Mataija u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 17 u 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland KdöR (il-Knisja Ħielsa tal-Avventisti tas-Seba’ Jum fil-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“Knisja Ġermaniża tal-Avventisti”) u l-Bildungsdirektion für Vorarlberg (id-Direttorat għall-Edukazzjoni ta’ Vorarlberg, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità kompetenti”) dwar sussidju mitlub minn skola privata li din il-Knisja tirrikonoxxi u ssostni bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż.

Il‑kuntest ġuridiku Awstrijak

L‑AnerkennungsG

3

L-Artikolu 1 tal-Gesetz betreffend die gesetzliche Anerkennung von Religionsgesellschaften (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent Legali ta’ Soċjetajiet Reliġjużi), tal‑20 ta’ Mejju 1874 (RGBl., 68/1874, iktar ’il quddiem l-“AnerkennungsG”), jipprovdi:

“Membri ta’ denominazzjoni reliġjuża li ma kinitx preċedentement irrikonoxxuta mil-liġi għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala soċjetà reliġjuża sakemm:

1.

xejn fid-duttrina reliġjuża tagħhom, fil-funzjoni reliġjuża tagħhom, fl-istatuti tagħhom, kif ukoll fl-isem li huma jagħżlu għalihom innifishom ma huwa illegali jew kuntrarju għall-moralità;

2.

l-istabbiliment u l-eżistenza ta’ mill-inqas komunità reliġjuża waħda stabbilita skont ir-rekwiżiti ta’ din il-liġi huma żgurati.”

Il‑BekGG

4

L-Artikolu 11 tal-Bundesgesetz über die Rechtspersönlichkeit von religösen Bekenntnisgemeinschaften (il-Liġi Federali dwar l-Istatus Legali tal-Komunitajiet Reliġjużi Rreġistrati (BGBl. I, 19/1998), kif ippubblikata fil-BGBl. I, 78/2011 (iktar ’il quddiem il-“BekGG”), intitolat “Rekwiżiti supplimentari sabiex komunità reliġjuża tiġi rrikonoxxuta konformement mal-AnerkennungsG”, jipprovdi li:

“Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-[AnerkennungsG], sabiex tiġi rrikonoxxuta, il-komunità reliġjuża trid tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti.

1.   Il-komunità reliġjuża:

a)

trid tkun eżistiet għal mill-inqas 20 sena fl-Awstrija, li minnhom 10 snin ikunu f’forma organizzata, u mill-inqas 5 snin bħala komunità reliġjuża b’personalità ġuridika skont dan l-att; jew

b)

trid tkun integrata b’mod organizzattiv u dottrinali f’soċjetà reliġjuża attiva internazzjonalment li ilha teżisti għal mill-inqas 100 sena u li diġà kienet attiva fl-Awstrija f’forma organizzata għal mill-inqas 10 snin; jew

c)

trid tkun integrata b’mod organizzattiv u dottrinali f’soċjetà reliġjuża attiva internazzjonalment li ilha teżisti għal mill-inqas 200 sena, u

d)

għandu jkollha bħala membri mill-inqas tnejn minn kull elf tal-popolazzjoni tal-Awstrija kif iddeterminata fl-aħħar ċensiment. Jekk il-komunità reliġjuża ma tistax tipprovdi din il-prova mid-data taċ-ċensiment, hija għandha tipprovdiha f’kull forma oħra xierqa.

[…]

3.   Il-komunità ta’ fidi għandu jkollha dispożizzjoni tajba lejn is-soċjetà u l-Istat.

4.   Hija ma għandhiex toħloq disturb illegali fir-relazzjonijiet mal-Knejjes u s-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti mil-liġi u ma’ komunitajiet reliġjużi oħra eżistenti”.

Il‑PrivSchG

5

Skont l-Artikolu 17 tal-Bundesgesetz über das Privatschulwesen (Privatschulgesetz) (il-Liġi Federali dwar l-Iskejjel Privati), tal‑25 ta’ Lulju 1962 (BGBl., 244/1962), kif emendata (BGBl. I, 35/2019) (iktar ’il quddiem il-“PrivSchG”), dwar id-dritt għall-għoti ta’ sussidji tal-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż:

“(1)   Il-Knejjes u s-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti legalment għandhom jingħataw sussidji għall-ispejjeż tal-persunal għall-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż li għandhom status ta’ dritt pubbliku skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

(2)   L-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż għandhom jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment għall-iskejjel amministrati mill-Knejjes u mis-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti legalment, u mill-istituzzjonijiet tagħhom, kif ukoll għall-iskejjel amministrati minn assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u fondi li huma rrikonoxxuti bħala skejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż mill-awtorità superjuri kompetenti ta’ knisja (soċjetà reliġjuża).”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

6

Il-Knisja Ġermaniża tal-Avventisti, li għandha l-istatus ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku fil-Ġermanja, ma tibbenefikax mill-istatus ta’ Knisja rrikonoxxuta skont id-dritt Awstrijak.

7

Mis-sena skolastika 2016/2017, din il-Knisja rrikonoxxiet, bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż, skola li tinsab fl-Awstrija, amministrata minn assoċjazzjoni awtorizzata li lilha hija tagħti s-sostenn tagħha fil-forma, b’mod partikolari, ta’ sussidji, ta’ provvista ta’ materjal pedagoġiku u ta’ taħriġ kontinwu tal-għalliema. L-imsemmija Knisja ressqet, quddiem l-awtorità kompetenti, talba għal sussidju għar-remunerazzjoni tal-persunal ta’ din l-iskola, abbażi tal-Artikolu 17 tal-PrivSchG, billi invokat l-Artikolu 56 TFUE, sabiex tibbenefika mit-trattament irriżervat għall-Knejjes u għas-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti skont id-dritt Awstrijak.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2019, l-awtorità kompetenti ċaħdet din it-talba abbażi tal-Artikolu 17(1) u (2) tal-PrivSchG, li hija tikkunsidra biss applikabbli għall-Knejjes u għas-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti skont id-dritt Awstrijak. Il-Knisja Ġermaniża tal-Avventisti għalhekk ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020.

9

Din il-qorti tqis li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lir-Repubblika tal-Awstrija tirrikonoxxi Knisja jew soċjetà reliġjuża rrikonoxxuta minn qabel fi Stat Membru ieħor. Konsegwentement, il-fatt li tali Knisja jew soċjetà reliġjuża tirrikonoxxi bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż skola privata, stabbilita fl-Awstrija, ma jippermettix lil din il-Knisja jew soċjetà tinvoka l-Artikolu 17 tal-PrivSchG sabiex tikseb, għal din l-iskola, sussidji intiżi sabiex jirremuneraw il-persunal tagħha.

10

Huwa kontra dik is-sentenza li l-Knisja Ġermaniża tal-Avventisti ppreżentat appell għal reviżjoni ordinarju quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

11

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti tindika li l-Knejjes u s-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti b’mod partikolari abbażi tal-AnerkennungsG u tal-BekGG huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li jgawdu minn drittijiet speċjali u huma inkarigati minn kompiti, b’mod partikolari fil-qasam tat-tagħlim, li permezz tagħhom huma jipparteċipaw fil-ħajja pubblika nazzjonali. L-imsemmija qorti tippreċiża li l-Artikolu 17 tal-PrivSchG jirriżerva għal dawn il-Knejjes u soċjetajiet reliġjużi biss il-benefiċċju ta’ sussidji għall-iskejjel privati li huma jirrikonoxxu bħala skejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż.

12

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

13

F’dan ir-rigward, hija tfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 17 TFUE, l-għoti ta’ sussidji lill-iskejjel privati ta’ Knejjes u ta’ soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti minn Stat Membru jaqa’ biss taħt ir-relazzjonijiet bejn dan l-Istat Membru u l-imsemmija Knejjes u soċjetajiet reliġjużi u li l-Unjoni għandha tibqa’ newtrali fir-rigward ta’ dawn ir-relazzjonijiet. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 30 sa 33 tas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43), li dan l-Artikolu 17 TFUE ma jimplikax li differenza fit-trattament stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

14

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 105), l-iskola privata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija ffinanzjat, essenzjalment, minn fondi privati, teżerċita attività ekonomika li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi. Madankollu, peress li din l-iskola hija amministrata minn assoċjazzjoni rreġistrata fl-Awstrija, din il-provvista ta’ servizzi ma hijiex ta’ natura transkonfinali, ħlief jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-talba għal sussidju għall-imsemmija skola tressqet minn Knisja stabbilita u rrikonoxxuta fil-Ġermanja.

15

Din il-qorti tistaqsi, sussegwentement, jekk il-Knisja Ġermaniża tal-Avventisti tistax tinvoka l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE, sabiex tibbenefika mill-istess trattament bħall-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż tal-Knejjes jew ta’ soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti mil-liġi fl-Awstrija, li l-attivitajiet tagħhom ta’ tagħlim huma ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi pubbliċi u li, konsegwentement, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti.

16

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-Knisja Ġermaniża tal-Avventisti milli tibbenefika minn sussidji għal skola privata li tinsab fl-Awstrija, kuntrarjament għall-Knejjes u għas-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxix ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita mill-Artikolu 56 TFUE. Din il-qorti tenfasizza li tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn hija intiża sabiex tikkompleta s-sistema ta’ edukazzjoni pubblika permezz ta’ skejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż ta’ Knejjes jew ta’ soċjetajiet reliġjużi suffiċjentement irrappreżentati fl-Awstrija, sabiex tippermetti lill-ġenituri jagħżlu b’iktar faċilità l-edukazzjoni ta’ wliedhom skont it-twemmin reliġjuż tagħhom, għandha għan leġittimu. Hija tqis ukoll li din il-leġiżlazzjoni tista’ titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sitwazzjoni li fiha soċjetà reliġjuża li hija rrikonoxxuta u stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea tressaq, fi Stat Membru ieħor, talba għal sussidju għal stabbiliment ta’ tagħlim skolastiku privat, li jinsab f’dan l-aħħar Stat Membru, li hija rrikonoxxiet inkwantu skola bbażata fuq twemmin reliġjuż u li hija operata fi Stat Membru ieħor minn assoċjazzjoni rreġistrata skont id-dritt tal-Istat Membru l-ieħor taqa’, fid-dawl tal-Artikolu 17 TFUE, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 56 TFUE?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi, bħala prerekwiżit għas-sussidjar ta’ skejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż, li l-applikant ikun irrikonoxxut bħala knisja jew soċjetà reliġjuża taħt id-dritt nazzjonali?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu l-effett li jneħħi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sitwazzjoni li fiha Knisja, assoċjazzjoni jew komunità reliġjuża li għandha l-istatus ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku fi Stat Membru u li tirrikonoxxi u ssostni fi Stat Membru ieħor, bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż, skola privata, titlob l-għoti ta’ sussidju għal din l-iskola li huwa rriżervat lill-Knejjes, lill-assoċjazzjonijiet u lill-komunitajiet reliġjużi rrikonoxxuti skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru ieħor.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, għalkemm l-Artikolu 17(1) TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni, mill-Istati Membri, tar-relazzjonijiet tagħhom mal-Knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 58, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 50), din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata sabiex jiġu esklużi, b’mod ġenerali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-attività tal-Knejjes jew tal-assoċjazzjonijiet u tal-komunitajiet reliġjużi meta din tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi bi ħlas fuq suq partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 4347).

20

Fit-tieni lok, il-korsijiet mogħtija minn stabbilimenti edukattivi ffinanzjati essenzjalment minn fondi privati jikkostitwixxu servizzi, peress li l-għan ta’ dawn l-istabbilimenti huwa li joffru tali servizzi bi ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Wirth, C‑109/92, EU:C:1993:916, punt 17, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 105).

21

Min-naħa l-oħra, il-korsijiet mogħtija minn stabbiliment edukattiv li jintegra sistema ta’ edukazzjoni pubblika, iffinanzjati, totalment jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi, ma jikkostitwixxux attività ekonomika. Fil-fatt, billi jistabbilixxi u billi jżomm sistema ta’ edukazzjoni pubblika bħal din, l-Istat Membru ma għandux l-intenzjoni li jeżerċita attivitajiet bi ħlas, iżda jwettaq il-missjoni tiegħu fil-konfront tal-populazzjoni tiegħu fil-qasam soċjali, kulturali u edukattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Wirth, C‑109/92, EU:C:1993:916, punt 15, u tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 39).

22

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-iskola Awstrijaka rrikonoxxut u sostnuta mill-Knisja Ġermaniża tal-Avventisti bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż hija skola privata li l-korsijiet tagħha huma ffinanzjati l-iktar minn fondi privati, b’tali mod li, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, din l-iskola għandha titqies li teżerċita attività ekonomika, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

23

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li s-sussidju mitlub, ladarba jingħata, jippermetti li l-iskola privata kkonċernata titqies bħala stabbiliment iffinanzjat minn fondi pubbliċi li, bħala tali, ma jeżerċitax iktar attività ekonomika, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 20 u 21 tas-sentenza preżenti, huwa irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-unika aspett li huwa importanti huwa li l-iskola li għaliha jintalab is-sussidju tkun tista’ titqies li teżerċita attività ekonomika fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 44).

24

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijak, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed. Fil-fatt, fil-każ ineżami, il-Knisja Ġermaniża tal-Avventisti titlob sussidju lill-awtoritajiet Awstrijaċi għal skola li tinsab fl-Awstrija, li hija tirrikonoxxi u ssostni bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż. Għaldaqstant, dan l-element transkonfinali jimplika li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-moviment liberu, bħala prinċipju, japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47).

25

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux l-effett li jneħħi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sitwazzjoni li fiha Knisja, assoċjazzjoni jew komunità reliġjuża li għandha l-istatus ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku fi Stat Membru u li tirrikonoxxi u ssostni fi Stat Membru ieħor, bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż, skola privata, titlob l-għoti ta’ sussidju għal din l-iskola, li huwa rriżervat lill-Knejjes, lill-assoċjazzjonijiet u lill-komunitajiet reliġjużi rrikonoxxuti skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

Fuq it‑tieni domanda

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-iskola li għaliha l-Knisja Ġermaniża tal-Avventisti titlob sussidju tinsab fl-Awstrija u hija amministrata minn assoċjazzjoni rreġistrata f’dan l-Istat Membru, li tiżgura preżenza stabbli u kontinwa fit-territorju tiegħu. Għaldaqstant, tali sitwazzjoni taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE u mhux taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 59).

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ sussidji pubbliċi, intiżi għall-iskejjel privati rrikonoxxuti bħala skejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż, bil-kundizzjoni li l-Knisja jew is-soċjetà reliġjuża li tippreżenta t-talba għal sussidju għal tali skola tkun irrikonoxxuta skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż meta din il-Knisja jew din is-soċjetà reliġjuża tkun irrikonoxxuta skont id-dritt tal-Istat Membru tal-oriġini.

28

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE jipprovdi li, fil-kuntest tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom jiġu pprojbiti. Din id-dispożizzjoni tipprekludi għaldaqstant kwalunkwe miżura nazzjonali li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 11, u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 61).

29

Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, applikabbli f’dan il-qasam, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet apparenti, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat. Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li kriterji bħall-post ta’ oriġini jew ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat Membru jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi, jikkostitwixxu, fir-rigward tal-effett prattiku tagħhom, l-ekwivalenti ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, ipprojbita mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 1974, Sotgiu, 152/73, EU:C:1974:13, punt 11, u tal‑20 ta’ Jannar 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑155/09, EU:C:2011:22, punt 45).

30

Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba għal sussidju msemmija fl-Artikolu 17 tal-PrivSchG hija miftuħa biss għall-Knejjes jew għas-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti mil-liġi Awstrijaka, jiġifieri dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tal-AnerkennungsG u fl-Artikolu 11 tal-BekGG.

31

Sa fejn dawn il-kundizzjonijiet jeżiġu, b’mod ġenerali, preżenza, ta’ tul varjabbli, ta’ Knejjes jew ta’ soċjetajiet reliġjużi fl-Awstrija, kif ukoll numru ta’ membri ugwali għal mill-inqas tnejn minn kull elf tal-popolazzjoni tal-Awstrija, dawn jistgħu jiġu ssodisfatti b’mod iktar faċli mill-Knejjes jew is-soċjetajiet reliġjużi stabbiliti fl-Awstrija. L-imsemmija kundizzjonijiet huma għalhekk ta’ natura li jiżvantaġġaw il-Knejjes u s-soċjetajiet reliġjużi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jirrikonoxxu u jsostnu, bħala skejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż, skejjel privati li jinsabu fl-Awstrija. Fil-fatt, dawn il-Knejjes u dawn is-soċjetajiet reliġjużi ma jistgħux jibbenefikaw minn sussidji favur dawn l-iskejjel għall-finijiet tal-ħlas tar-remunerazzjoni tal-għalliema neċessarja għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ tagħlim tal-imsemmija istituzzjonijiet.

32

Konsegwentement, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

33

Madankollu, tali restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata bil-kundizzjoni, fl-ewwel lok, li tkun iġġustifikata minn għan espressament imsemmi fl-Artikolu 52(1) TFUE jew minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fit-tieni lok, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 65).

34

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni inkwistjoni, l-espożizzjoni tal-motivi tal-PrivSchG, iċċitata mill-qorti tar-rinviju, tindika li l-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż jikkompletaw is-sistema ta’ edukazzjoni pubblika, li hija bbażata fuq iktar minn twemmin reliġjuż wieħed, billi jippermettu lill-ġenituri jagħżlu b’iktar faċilità l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom skont it-twemmin reliġjuż tagħhom.

35

Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-emenda tal-BekGG, għal dak li jikkonċerna l-kriterji għar-rikonoxximent tal-Knejjes u tas-soċjetajiet reliġjużi skont l-AnerkennungsG, jirriżulta li dawk li huma rrikonoxxuti mil-liġi Awstrijaka jibbenefikaw minn għajnuna pubblika materjali, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni, inkwantu dawn jikkontribwixxu għall-benesseri tal-persuni. Fil-fatt, il-kisba tal-istatus ta’ Knisja jew ta’ soċjetà reliġjuża rrikonoxxuta skont id-dritt Awstrijak tinvolvi obbligi, fosthom dak li tingħata edukazzjoni reliġjuża.

36

Il-qorti tar-rinviju, l-istess bħall-Gvern Awstrijak, tqis li din il-leġiżlazzjoni, billi tikkompleta s-sistema ta’ edukazzjoni pubblika bbażati fuq iktar minn twemmin reliġjuż wieħed permezz ta’ skejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż, tippermetti effettivament lill-ġenituri jagħżlu l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom skont it-twemmin reliġjuż tagħhom u għalhekk isegwu għan leġittimu. Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali għan, li jingħaqad ma’ dak li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ taħriġ, li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala “raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali” (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri, C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 46, u tal‑14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C‑386/04, EU:C:2006:568, punt 45), jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif jirriżulta mill-punt 33 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex, minn naħa, xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li hija tfittex u, min-naħa l-oħra, li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

38

Fl-aħħar nett, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li għandha tiddetermina jekk u sa fejn din tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li ntalbet tagħti lil dik il-qorti risposta utli li tippermettilha tagħti deċiżjoni, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub li għandha quddiemha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punti 7273).

39

Fil-każ ineżami, fir-rigward tal-kapaċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li ssegwi, b’mod koerenti u sistematiku, l-għan leġittimu kkonċernat, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-modifikazzjoni tal-BekGG jirriżulta li r-rikonoxximent tal-Knejjes u tas-soċjetajiet reliġjużi, skont l-AnerkennungsG, jippreżupponi li dawn ikollhom ċertu daqs sabiex l-azzjonijiet tagħhom ma jkunux limitati għall-membri tagħhom. Huwa aċċettat li, meta n-numru minimu ta’ membri ta’ Knisja jew ta’ soċjetà reliġjuża previst minn din il-leġiżlazzjoni jintlaħaq, il-portata tal-effetti pożittivi tal-azzjonijiet tagħha, b’mod partikolari fil-qasam tat-tagħlim, tmur lil hinn mill-kuntest strett tal-komunità tal-membri. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tal-għoti ta’ sussidji pubbliċi lill-iskejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż biss ta’ Knejjes u ta’ soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti skont id-dritt Awstrijak hija intiża sabiex tiggarantixxi li dawn l-iskejjel ikunu indirizzati għal parti sinjifikattiva tal-popolazzjoni li tista’ tagħżel din l-offerta ta’ tagħlim supplimentari għal dik proposta mill-iskejjel pubbliċi.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li ma kinitx xierqa sabiex tippermetti lill-ġenituri jagħżlu l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom skont it-twemmin reliġjuż tagħhom, fil-kuntest ta’ tagħlim ibbażati fuq iktar minn twemmin reliġjuż wieħed li huwa ta’ kwalità, għan li, kif tfakkar fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, huwa leġittimu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

41

Għal dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(1) TFUE jimponi fuq l-Unjoni l-obbligu li tosserva u li ma tippreġudikax l-istatus tal-Knejjes u tal-assoċjazzjonijiet jew tal-komunitajiet reliġjużi fi ħdan l-Istati Membri, peress li l-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni, minn dawn l-Istati Membri, tar-relazzjonijiet tagħhom magħhom (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 58, u tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 50). Għaldaqstant, f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TFUE, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil Stat Membru jirrikonoxxi l-istatus li minnu jibbenefikaw l-imsemmija Knejjes, assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi skont id-dritt ta’ Stati Membri oħrajn.

42

Għal dak li jirrigwarda l-kisba tal-istatus ta’ Knisja jew ta’ soċjetà reliġjuża rrikonoxxuta skont id-dritt Awstrijak, l-Artikolu 11 tal-BekGG jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet alternattivi. L-ewwel, Knisja jew soċjetà reliġjuża preżenti fit-territorju Awstrijak għal mill-inqas 20 sena tista’ tibbenefika minn dan l-istatus. It-tieni, tista’ tibbenefika mill-imsemmi status, anki mingħajr preżenza minn qabel fit-territorju Awstrijak, il-Knisja jew is-soċjetà reliġjuża li tkun integrata fuq il-livell ta’ organizzazzjoni u ta’ duttrina fi ħdan soċjetà reliġjuża attiva fuq livell internazzjonali eżistenti għal mill-inqas 200 sena. It-tielet, jekk tali soċjetà tkun ilha attiva fuq livell internazzjonali għal mill-inqas 100 sena, hija għandha tkun attiva fl-Awstrija taħt forma organizzata għal mill-inqas għaxar snin sabiex il-Knisja jew is-soċjetà reliġjuża li tkun integrata fiha fuq il-livell ta’ organizzazzjoni u ta’ duttrina tkun tista’ tibbenefika mill-istatus inkwistjoni.

43

Tali alternattivi, li huma intiżi sabiex ikopru s-sitwazzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent ta’ Knisja jew ta’ soċjetà reliġjuża jista’ jikkontribwixxi għan-natura bbażati fuq iktar minn twemmin reliġjuż wieħed tas-sistema ta’ edukazzjoni nazzjonali, ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan identifikat fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, li huwa li jippermetti lill-ġenituri jkunu jistgħu jagħżlu l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom skont it-twemmin reliġjuż tagħhom.

44

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mar-rappreżentattività, fi ħdan il-popolazzjoni nazzjonali, tal-Knisja jew tas-soċjetà reliġjuża li tkun tixtieq tiġi rrikonoxxuta skont id-dritt Awstrijak, it-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1)(d) tal-BeKGG tipprovdi li meta ma jkunx possibbli li tiġi prodotta l-prova li huma jiġbru flimkien numru ta’ membri ugwali għal mill-inqas tnejn minn kull elf tal-popolazzjoni tal-Awstrija mid-data tal-aħħar ċensiment, din il-prova tkun tista’ tiġi prodotta taħt kull forma oħra xierqa. Tali dispożizzjoni, inkwantu mhux sempliċement tipprevedi metodu wieħed ta’ prova, turi wkoll ir-rieda tal-leġiżlatur Awstrijak li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ sussidji pubbliċi intiżi għall-iskejjel privati rrikonoxxuti bħala skejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż bil-kundizzjoni li l-Knisja jew is-soċjetà reliġjuża li tippreżenta l-applikazzjoni għal sussidju għal tali skola tkun irrikonoxxuta skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż meta din il-Knisja jew is-soċjetà reliġjuża tkun irrikonoxxuta skont id-dritt tal-Istat Membru tal-oriġini tagħha.

Fuq l‑ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux l-effett li jneħħi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sitwazzjoni li fiha Knisja, assoċjazzjoni jew komunità reliġjuża li għandha l-istatus ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku fi Stat Membru u li tirrikonoxxi u ssostni fi Stat Membru ieħor, bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż, skola privata, titlob l-għoti ta’ sussidju għal din l-iskola, li huwa rriżervat lill-Knejjes, lill-assoċjazzjonijiet u lill-komunitajiet reliġjużi rrikonoxxuti skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

 

2)

L-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ sussidji pubbliċi intiżi għall-iskejjel privati rrikonoxxuti bħala skejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż bil-kundizzjoni li l-Knisja jew is-soċjetà reliġjuża li tippreżenta l-applikazzjoni għal sussidju għal tali skola tkun irrikonoxxuta skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż meta din il-Knisja jew is-soċjetà reliġjuża tkun irrikonoxxuta skont id-dritt tal-Istat Membru tal-oriġini tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top