EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0365

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Marzu 2023.
Proċeduri kriminali kontra MR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Bamberg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 55(1)(b) – Eċċezzjoni applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem – Reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra essenzjali tal-Istat Membru – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kompatibbiltà ta’ dikjarazzjoni nazzjonali li tipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Organizzazzjoni kriminali – Reati kontra l-patrimonju.
Kawża C-365/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:236

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 55(1)(b) – Eċċezzjoni applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem – Reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra essenzjali tal-Istat Membru – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kompatibbiltà ta’ dikjarazzjoni nazzjonali li tipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Organizzazzjoni kriminali – Reati kontra l-patrimonju”

Fil-Kawża C‑365/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bamberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2021, fil-proċeduri kriminali kontra

MR

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Bamberg

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, D. Gratsias, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MR, minn S. Buhlmann u F. Ufer, Rechtsanwälte,

għal Generalstaatsanwaltschaft Bamberg, minn N. Goldbeck, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, F. Halabi, M. Hellmann u U. Kühne, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Augustin, A. Posch, J. Schmoll u K. Steininger, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u minn M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1) tal- Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”), fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, min-naħa l-oħra, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 54 u 55 tal-KIFS kif ukoll tal-Artikoli 50 u 52 tal-Karta.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija, fil-Ġermanja, kontra MR għall-formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali u frodi fl-investimenti finanzjarji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il‑KIFS

3

Il-KIFS ġiet konkluża sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 19, Vol 2, p. 3).

4

L-Artikoli 54 sa 56 tal-KIFS jinsabu fil-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III tagħha, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Pulizija u Sigurtà”. L-Artikolu 54 tal-KIFS jipprevedi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

5

L-Artikolu 55 tal-KIFS jipprevedi:

“1.   Parti Kontraenti tista’, meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni, tiddikjara li hija m’hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f’wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

[…]

(b)

meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà nazzjonali jew kontra

interessi li huma ugwalment essenzali ta’ dik il-Parti Kontraenti;

[…]

2.   Parti Kontraenti li tkun għamlet dikjarazzjoni li tirrigwarda l-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tispeċifika l-kategoriji ta’ reati li fir-rigward tagħhom din l-eċċezzjoni tista’ tapplika

[…]”

6

L-Artikolu 56 tal-KIFS jistabbilixxi:

“Jekk tinġieb prosekuzzjoni oħra f’Parti Kontraenti kontra persuna li l-kawża tagħha, fir-rigward ta’ l-istess azzjonijiet, tkun inqatgħat finalment f’Parti Kontraenti oħra, kull perjodu tat-teħid tal-libertà fil-Parti Kontraenti ta’ l-aħħar li jirriżulta minn dawk l-azzjonijiet għandu jitnaqqas minn kull penali imposta. Safejn dan ikun possibbli taħt il-liġi nazzjonali, penalitajiet li ma jinvolvux teħid ta’ liberta’ għandhom jitqiesu wkoll”

Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI

7

Il-Premessa 1 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI ta’ l-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42), hija fformulata kif ġej:

“ L-għan tal-Programm ta’ l-Aja huwa li jtejjeb il-kapaċità komuni ta’ l-Unjoni [Ewropea] u ta’ l-Istati Membri bil-għan, fost oħrajn, li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata transnazzjonali. Dan l-objettiv għandu jiġi persegwit, b’mod partikolari, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ leġislazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm koperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri ta’ l-[Unjoni] sabiex jiġu miġġielda l-perikoli u l-proliferazzjoni ta’ organizzazzjonijiet kriminali u sabiex ikun hemm risposta effettiva għall-aspettattivi taċ-ċittadini u tal-ħtiġijiet proprji ta’ l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-punt 14 tal-konlużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 jiddikjara li ċ-ċittadini ta’ l-Ewropa jistennew li l-[Unjoni], filwaqt li tiggarantixxi r-rispett għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, tadotta approċċ aktar effettiv konġunt lejn il-problemi transkonfinali bħall-kriminalità organizzata.”

8

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali”:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li wieħed jew iż-żewġ tipi, li ġejjin, ta’ mġiba relatati ma’ organizzazzjoni kriminali jkunu meqjusa bħala reati:

(a)

l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li, bi ħsieb u b’għarfien jew ta’ l-għan u ta’ l-attività ġenerali ta’ l-organizzazzjoni kriminali jew ta’ l-intenzjoni tagħha li twettaq ir-reati in kwistjoni, tieħu sehem attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni, inklużi l-forniment ta’ informazzjoni jew ta’ mezzi materjali, ir-reklutaġġ ta’ membri ġodda u kull forma ta’ finanzjament ta’ l-attivitajiet tagħha, bl-għarfien li tali parteċipazzjoni se tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni;

(b)

l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li tikkonsisti fi ftehim ma’ persuna waħda jew aktar li għandha titwettaq attività, li jekk imwettqa, tkun tikkonsisti fit-twettiq ta’ reati imsemmija fl-Artikolu 1, anki jekk dik il-persuna ma tiħux sehem fl-eżekuzzjoni attwali ta’ l-attività.”

9

L-Artikolu 3 tal-istess ftehim, bit-titolu “Pieni”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li:

(a)

ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2(a) jkun punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin; jew

(b)

ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2(b) ikun punibbli bl-istess terminu massimu ta’ priġunerija bħar-reat li lejh ikun mmirat il-ftehim, jew b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li jista’ jiġi meqjus bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li reati msemmija fl-Artikolu 2, kif determinati minn dan l-Istat Membru, ikunu mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali.”

Id‑dritt Ġermaniż

10

Waqt ir-ratifika tal-KIFS, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat dikjarazzjoni (BGBl. 1994 II, p. 631), skont l-Artikolu 55(1) tagħha, li jipprevedi, b’mod partikolari, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KIFS meta, skont l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, il-fatti msemmija fis-sentenza barranija jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikolu 129 tas-Strafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem is-“StGB”).

11

Dan l-Artikolu 129 tas-StGB, intitolat “Formazzjoni ta’ organizzazzjonijiet kriminali”, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“(1)

Kull min jifforma organizzazzjoni jew jipparteċipa bħala membru f’organizzazzjoni li l-għanijiet jew l-attivitajiet tagħha huma intiżi għat-twettiq ta’ reati ssanzjonati b’piena ta’ priġunerija massima ta’ mill-inqas sentejn jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn ħames snin jew multa. Kull min jappoġġja tali organizzazzjoni jew jirrekluta membri jew sostenituri għal tali organizzazzjoni jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tliet snin jew multa.

(2)

Organizzazzjoni hija assoċjazzjoni strutturata ta’ iktar minn żewġ persuni, stabbilita biex teżisti għal żmien itwal, indipendentement minn jekk għandhiex rwoli formalment iddefiniti għall-membri tagħha, sħubija kontinwa jew struttura elaborata u li l-għan tagħha huwa t-tfittxija ta’ interess komuni superjuri.

[…]

(5)

Fil-każijiet partikolarment serji msemmija fl-ewwel sentenza tas-subparagrafu (1), il-piena hija priġunerija għal tul ta’ bejn sitt xhur u ħames snin. Ikun tipikament każ partikolarment gravi meta l-awtur ikun wieħed mill-mexxejja jew mill-persuni li joperaw minn wara l-kwinti tal-organizzazzjoni.”

12

L-Artikolu 129 tas-StGB, intitolat “Organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi barra mill-pajjiż; Konfiska”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Artikoli 129 u 129a japplikaw ukoll għall-organizzazzjonijiet stabbiliti barra mill-pajjiż. Jekk ir-reat jikkonċerna organizzazzjoni li tinsab barra mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, dan japplika biss jekk jitwettaq fil-kuntest ta’ attività eżerċitata fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-liġi jew jekk l-awtur jew il-vittma huwa Ġermaniż jew jinsab fil-Ġermanja. Fil-każijiet imsemmija fit-tieni sentenza, ir-reat jiġi ppersegwit biss bl-awtorizzazzjoni tal-Bundesministerium der Justiz und für Verbraucherschutz [(il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, il-Ġermanja)]. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata għall-każ partikolari jew, b’mod ġenerali, ukoll għall-prosekuzzjoni ta’ ksur futur relatat ma’ organizzazzjoni speċifika. Sabiex jiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni, il-Ministeru jeżamina jekk il-aspirazzjonijiet tal-organizzazzjoni humiex diretti kontra l-valuri fundamentali ta’ ordni pubbliku li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem jew kontra l-koeżistenza paċifika tal-popli u jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jidhrux kundannabbli.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

MR, ċittadin Iżraeljan, residenti fl-aħħar lok fl-Awstrija, ġie kkundannat b’mod definittiv, fl-1 ta’ Settembru 2020, mil-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija) għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin għal frodi kummerċjali gravi u ħasil tal-flus.

14

MR skonta parti minn din il-piena u sussegwentement ibbenefika minn sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tul li kien fadal mid-29 ta’ Jannar 2021. Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, MR tqiegħed f’detenzjoni fl-Awstrija, għall-finijiet tal-konsenja tiegħu b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ, fil-11 ta’ Diċembru 2020, mill-Amtsgericht Bamberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bamberg, il-Ġermanja) għall-formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali u t-twettiq ta’ frodi tal-investimenti. Fl-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ detenzjoni, fit-18 ta’ Mejju 2021, huwa tqiegħed f’detenzjoni amministrattiva għall-finijiet ta’ tneħħija lejn l-Iżrael, fejn kien jinsab fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

15

Skont dan il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra MR, huwa akkużat li implimenta, flimkien ma’ persuni oħra akkużati, sistema ta’ investiment frawdolenti, li fil-kuntest tagħha investituri li jinsabu f’diversi pajjiżi Ewropej, fosthom il-Ġermanja u l-Awstrija, ġew offruti lilhom investimenti vantaġġużi permezz tal-internet. Fir-realtà, is-somom imħallsa ġew approprjati indebitament għall-benefiċċju, b’mod partikolari, ta’ MR, li aġixxa bħala wieħed mill-mexxejja tal-organizzazzjoni kriminali inkwistjoni.

16

B’digriet tat-8 ta’ Marzu 2021, ir-rikors ta’ MR kontra dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll kontra l-mandat ta’ arrest nazzjonali li jikkostitwixxi l-bażi tiegħu, ġie miċħud mil-Landgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Bamberg, il-Ġermanja) minħabba li, peress li l-kundanna ta’ MR għal-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna) kienet ingħatat għal frodi mwettqa għad-detriment tal-persuni leżi residenti fl-Awstrija, filwaqt li fil-preżent MR kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali quddiem il-Landgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Bamberg), tal-għadd ta’ frodi mwettqa kontra persuni leżi residenti fil-Ġermanja, il-fatti kkonċernati minn dawn iż-żewġ proċeduri kienu differenti, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, previst fl-Artikolu 54 tal-KIFS, ma kienx applikabbli.

17

Sussidjarjament, il-Landgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Bamberg) irreferiet għall-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, filwaqt li ppreċiżat li MR kien segwit għal ksur imsemmi fl-Artikolu 129 tas-StGB, li huwa kopert mid-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-mument tar-ratifika tal-KIFS.

18

MR adixxa lill-Oberlandesgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bamberg, il-Ġermanja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, b’talba għal eżami mill-ġdid ta’ dan id-digriet.

19

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk il-fatti li għalihom MR ġie kkundannat fl-Awstrija humiex jew le l-istess bħal dawk li għalihom huwa mħarrek fil-Ġermanja.

20

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 54 tal-KIFS ma huwiex neċessarjament rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża li tressqet quddiemha. Fil-fatt, MR qed issir prosekuzzjoni kontra tiegħu għall-formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali. Issa, dan il-ksur, previst fl-Artikolu 129 tas-StGB, huwa kopert mid-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 55(1) tal-imsemmija konvenzjoni abbażi ta’ dawk li għalihom, skont l-Artikolu 55(1) (b) tagħha, Stat Membru għandu l-fakultà li jindika li ma huwiex marbut mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KIFS meta l-fatti msemmija fis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali ta’ dak l-Istat Membru.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ksur imsemmi f’dan l-Artikolu 129 tas-StGB huwa, bħala prinċipju, ksur dirett kontra interessi essenzjali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Is-sempliċi eżistenza ta’ organizzazzjonijiet kriminali tikkostitwixxi perikolu potenzjali għall-paċi pubblika ta’ intensità differenti minn dik li tirriżulta minn atti kriminali individwali minħabba t-theddida serja li l-kriminalità organizzata toħloq fuq il-komunità. Għalhekk, huwa irrilevanti, sabiex jiġi evalwat jekk organizzazzjoni kriminali tipperikolax is-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru kkonċernat, li din l-organizzazzjoni kriminali twettaq esklużivament reati kontra l-patrimonju mingħajr ma ssegwi, barra minn hekk, għan politiku, ideoloġiku, reliġjuż jew filosofiku u lanqas ma tfittex li teżerċita influwenza fuq il-politika, il-media, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja jew l-ekonomija permezz ta’ mezzi żleali.

22

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-dikjarazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS tqum biss sa fejn jiġi stabbilit, minn qabel, li l-possibbiltà prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni hija fiha nnifisha kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bamberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 55 tal-[KIFS] huwa kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-[Karta] u jibqa’ validu, sa fejn jawtorizza l-eċċezzjoni mill-prinċipju ne bis in idem, li parti kontraenti tista’, fil-mument tar-ratifikazzjoni, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, tiddikjara li ma hijiex marbuta mal-Artikolu 54 tal-KIFS, meta l-fatti msemmija fis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà tal-Istat jew interessi oħra ugwalment essenzjali ta’ din il-parti kontraenti?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikoli 54 u 55 tal-KIFS u l-Artikoli 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprekludu interpretazzjoni mill-qrati Ġermaniżi tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-mument tar-ratifikazzjoni tal-KIFS fir-rigward tal-Artikolu 129 [tas-StGB], li tipprovdi li din id-dikjarazzjoni tkopri wkoll organizzazzjonijiet kriminali – bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li jwettqu esklużivament ksur kontra l-patrimonju u li, barra minn hekk, ma jfittxu ebda għan politiku, ideoloġiku, reliġjuż jew filosofiku u lanqas ma jfittxu li jeżerċitaw influwenza fuq il-politika, il-midja, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja jew l-ekonomija permezz ta’ mezzi żleali?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24

Il-qorti tar-rinviju talbet sabiex din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussidjarjament, din il-qorti talbet ukoll li l-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, it-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2021, il-Ħames Awla ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba, peress li l-kundizzjonijiet tal-urġenza previsti fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura ma kinux issodisfatti.

26

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fid-9 ta’ Lulju 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba.

27

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa.

28

Issa, minn naħa, l-inċertezza legali li taffettwa persuna rikjesta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Diċembru 2015, Vilkas, C-640/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:862, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Min-naħa l-oħra, il-fatt li talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika li kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa u l-fatt li l-persuna kkonċernata ma tinsabx f’detenzjoni jikkostitwixxi raġuni sabiex ma tilqax talba għal proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2018, Minister for Justice and Equality, C‑508/18 u C‑509/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:766, punti 1113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

30

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem prevista fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, hija għandha wkoll inċertezzi fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-proċeduri li għalihom huwa suġġett ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt dan il-prinċipju.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi prinċipju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, dan il-prinċipju, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 54 tal-KIFS, jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Għaldaqstant, dan l-aħħar artikolu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, li huwa jiżgura l-osservanza tal-kontenut essenzjali tiegħu (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

L-Artikolu 50 tal-Karta jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”. B’hekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28).

34

Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, mill-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 50 jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 31).

35

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet imqajma mill-partijiet ikkonċernati kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll matul is-seduta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 50, huwa dak tal-identità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu għal-liberazzjoni jew għall-kundanna definittiva tal-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, dan l-artikolu jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi pieni kriminali fi tmiem proċeduri differenti mressqa għal dan il-għan (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-kundizzjoni “idem” teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex intiż li japplika meta l-fatti inkwistjoni ma jkunux identiċi, iżda biss simili (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 129 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Issa, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala sett ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sa fejn jimplikaw l-istess awtur u huma marbuta b’mod indissoċjabbli bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-fatti, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddetermina jekk il-fatti li huma s-suġġett tal-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex l-istess bħal dawk li ġew definittivament deċiżi mill-qrati Awstrijaċi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-imsemmija qorti elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-identiċità tal-fatti (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ifforma u pparteċipa f’organizzazzjoni kriminali ta’ dimensjoni transkonfinali, li kienet topera skont modus operandi ssofistikat u li l-aġir tagħha kkawża danni finanzjarji lil eluf ta’ vittmi, fejn il-persuni leżi jirrisjedu, b’mod partikolari, fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

41

Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie kkundannat b’mod definittiv fl-Awstrija għal “frodi kummerċjali gravi u ħasil tal-flus”.

42

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti importanza partikolari lill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, kif tirrifletti d-Deċiżjoni Qafas 2008/841 li hija stabbilita għalih. Fil-fatt, l-ewwel premessa tagħha tindika, b’mod partikolari, li huwa neċessarju li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi indirizzat il-perikolu li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet kriminali u l-proliferazzjoni tagħhom kif ukoll sabiex jiġu sodisfatti b’mod effettiv l-aspettattivi taċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas jimponu fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji, minn naħa, sabiex ċerti tipi ta’ aġir marbuta ma’ organizzazzjoni kriminali jitqiesu li huma reati u, min-naħa l-oħra, sabiex, b’mod partikolari, dawn ir-reati jkunu punibbli b’piena ta’ priġunerija massima ta’ bejn sentejn u ħames snin.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tilwima pendenti quddiemha taqax taħt l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, b’mod partikolari, sa fejn il-kundanna diġà mogħtija kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali mil-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna) ġiet imposta fuq il-bażi tal-istess fatti bħal dawk li bihom huwa akkużat abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra tiegħu mill-Amtsgericht Bamberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bamberg), jew, pjuttost, kif ġie invokat mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, imsemmija waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biss fir-rigward ta’ atti ta’ frodi mwettqa kontra persuni leżi residenti fl-Awstrija, u mhux dawk għad-detriment ta’ persuni residenti fil-Ġermanja. Fit-tieni każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni preċedenti definittiva Awstrijaka dwar ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienet tirrigwarda l-istess fatti bħal dawk koperti mill-proċeduri mibdija kontrih fil-Ġermanja. L-iktar l-iktar jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmija deċiżjoni preċedenti kkunsidrat fatti simili li, madankollu, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-kundizzjoni “idem” hija ssodisfatta, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

44

Huwa bla ħsara għal dawn l-osservazzjonijiet preliminari li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel domanda

45

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sa fejn jippermetti lil Stat Membru jiddikjara li ma huwiex marbut bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KIFS meta l-fatti msemmija fis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali ta’ dan l-Istat Membru, l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS huwiex validu fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta.

46

Kif tfakkar fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 54 tal-KIFS, li ġie inkorporat fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU 1997, C 340, p. 93), jistabbilixxi, bħall-Artikolu 50 tal-Karta, il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

47

Għaldaqstant, il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, għal Stat Membru li jagħmel eċċezzjoni għal dan il-prinċipju meta l-fatti msemmija fis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali ta’ dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit minn dan l-Artikolu 50 tal-Karta.

48

Madankollu, tali limitazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet għall-imsemmija drittijiet u għall-imsemmija libertajiet biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn.

50

F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għandha titqies li hija prevista mil-liġi, peress li tirriżulta mill-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 57).

51

Għalkemm ir-rekwiżit li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-interferenza f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, dan ir-rekwiżit jitħallat fil-parti l-kbira mar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u huwa għalhekk li dan għandu jiġi eżaminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

It-tieni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta meta din il-limitazzjoni tkun tikkonsisti biss f’li tippermetti prosekuzzjoni u pieni ulterjuri fir-rigward tal-istess atti biex jintlaħaq għan distint (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 43).

53

F’dan ir-rigward, skont il-kliem stess tal-Artikolu 55(1) (b) tal-KIFS, l-eċċezzjoni li din id-dispożizzjoni tipprevedi għal dan il-prinċipju tapplika biss meta l-fatti koperti mis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru li jkollu intenzjoni jagħmel użu minn din l-eċċezzjoni.

54

Mingħajr ma huwa neċessarju, f’dan il-każ, li jiġi ddefinit b’mod eżawrjenti dak li jkopri l-kunċett ta’ “sigurtà tal-Istat”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, dan għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi assimilat, kif osserva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma’ dak ta’ “sigurtà nazzjonali”, li huwa, b’mod partikolari, imsemmi fl-Artikolu 4(2) TUE.

55

Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà bil-prevenzjoni u r-repressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament lis-soċjetà, lill-popolazzjoni jew lill-Istat bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 135, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet u Telekom Deutschland, C‑793/19 u C‑794/19, EU:C:2022:702, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Minn dan isegwi li, minbarra l-gravità partikolari tagħhom, ir-reati li fir-rigward tiegħu, sa fejn jippreġudika s-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat, l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS jawtorizza li ssir eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jaffettwa lil dan l-Istat Membru nnifsu. L-istess japplika għar-reati kontra l-interessi l-oħra tal-Istat Membru, imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li għandhom ikunu essenzjali għal dan l-Istat Membru bl-istess mod bħalma hija s-sigurtà tiegħu, dawn l-interessi l-oħra għandhom ikollhom importanza simili għal din tal-aħħar u, għaldaqstant, għandhom ikunu wkoll inerenti għall-imsemmi Stat Membru.

57

Konsegwentement, l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, sa fejn jipprevedi l-possibbiltà għal Stat Membru li jagħmel eċċezzjoni għall-imsemmi prinċipju biss għal reati kontra s-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali ta’ dan l-Istat Membru, josserva l-kontenut essenzjali ta’ dan l-istess prinċipju, sa fejn dan jippermetti lill-imsemmi Stat Membru jissanzjona r-reat li jaffettwah huwa stess u, b’dan il-mod, li jfittex għanijiet li huma neċessarjament differenti minn dawk li fir-rigward tagħhom il-persuna akkużata tkun diġà ġiet iġġudikata fi Stat Membru ieħor.

58

It-tielet, fid-dawl tal-importanza tar-ripressjoni tat-theddid għas-sigurtà jew għal interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru kkonċernat, il-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem prevista fl-Artikolu 55(1) (b) tal-KIFS tissodisfa għan ta’ interess ġenerali.

59

Ir-raba’, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-limitazzjonijiet li jistgħu b’mod partikolari jiġu imposti minn atti tad-dritt tal-Unjoni għal drittijiet u għal libertajiet stabbiliti fil-Karta ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet leġittimi mfittxija jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, filwaqt li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jiġi segwit mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jkun irrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din il-miżura ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa. B’hekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-gravità tal-indħil ikkawżat minn tali limitazzjoni u filwaqt li jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali segwit minn din il-limitazzjoni hija proporzjonat ma’ din il-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali ta’ repressjoni minn Stat Membru tal-ksur tas-sigurtà tiegħu jew ta’ interessi oħra tiegħu li jkunu essenzjali wkoll.

61

Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura u tal-gravità partikolari ta’ tali ksur, l-importanza ta’ dan l-għan ta’ interess ġenerali teċċedi dik tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki jekk gravi. Sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti l-oħra previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali għan jista’, għaldaqstant, jiġġustifika miżuri li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali li ma humiex awtorizzati sabiex jinvestigaw u jissanzjonaw il-ksur kriminali b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 136, kif ukoll tal-5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ miżura li tikkonsisti fil-possibbiltà għal Stat Membru li jiddikjara li ma huwiex marbut bil-prinċipju ta’ ne bis in idem sabiex jinvestiga u jissanzjona fatti li, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ sentenza barranija, jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà tiegħu jew kontra interessi oħra tiegħu li jkunu essenzjali wkoll. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, minħabba l-għan speċifiku tiegħu, l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS jawtorizza biss eċċezzjonijiet materjalment limitati għal dan il-prinċipju.

63

Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura strettament neċessarja tal-eċċezzjoni għall-imsemmi prinċipju prevista f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Artikolu 55(2) tal-KIFS jeżiġi li Stat Membru li jkun għamel dikjarazzjoni dwar l-eċċezzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 55(1)(b) jispeċifika l-kategoriji ta’ reati li għalihom tista’ tapplika din l-eċċezzjoni. Huwa għalhekk meħtieġ mill-Istati Membri li jixtiequ jinvokaw l-imsemmija eċċezzjoni li jadottaw regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-individwi jipprevedu liema atti jew ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ġodda, anki jekk ikunu diġà s-suġġett ta’ sentenza barranija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 51).

64

Sussegwentement, l-Artikolu 56 tal-KIFS jipprevedi li, jekk Stat Membru jibda proċeduri legali ġodda kontra persuna li tkun ġiet definittivament iġġudikata għall-istess fatti minn Stat Membru ieħor, minn naħa, kull perijodu ta’ priġunerija skontata fit-territorju ta’ dan tal-aħħar minħabba l-imsemmija fatti għandu jitnaqqas mis-sanzjoni li tiġi eventwalment imposta u, min-naħa l-oħra, li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jippermettu dan, sanzjonijiet differenti minn dawk li jċaħħdu l-libertà li jkunu diġà ġew infurzati.

65

Għalhekk, il-fakultà, prevista fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, li ssir eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem hija marbuta ma’ regoli ta’ natura li jiggarantixxu li l-obbligi li jirriżultaw minn dan, għall-persuni kkonċernati, ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 58 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 54).

66

Minn dan isegwi li tali fakultà ma tmurx lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex Stat Membru jkun jista’ jissanzjona l-ksur tas-sigurtà tiegħu jew ta’ interessi oħra tiegħu li huma essenzjali wkoll.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta.

Fuq it-tieni domanda

68

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, moqri flimkien mal-Artikolu 50 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni mill-qrati ta’ Stat Membru tad-dikjarazzjoni magħmula minn dan tal-aħħar skont l-Artikolu 55(1) tal-KIFS li skontha dan l-Istat Membru ma huwiex marbut bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KIFS fir-rigward tar-reat tal-formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali, meta l-organizzazzjoni kriminali li fiha pparteċipat il-persuna mħarrka tkun wettqet esklużivament reati kontra l-patrimonju.

69

Sa fejn, permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 55(1) tal-KIFS, Stat Membru għandu l-intenzjoni li jimplementa l-possibbiltà li jagħmel eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem, previst fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, billi jindika li, għar-reati msemmija, huwa marbut biss bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KIFS, tali dikjarazzjoni tista’ tikkonforma mal-Artikolu 50 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti għal dan il-għan mill-KIFS, li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jiggarantixxu il-kompatibbiltà ta’ tali għażla ma’ dan l-Artikolu 50 tal-Karta.

70

Għalhekk, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li, lil hinn mill-kwistjoni tal-portata tar-reat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti esposti fil-punt 63 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-mument tar-ratifikazzjoni tal-KIFS, għamlet dikjarazzjoni ppubblikata fil-Bundesgesetzblatt (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) fejn indikat, skont l-Artikolu 55(2) tal-KIFS, li hija ma hijiex marbuta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KIFS, b’mod partikolari, meta l-fatti msemmija mis-sentenza barranija kienet jikkostitwixxu ksur previst fl-Artikolu 129 tas-StGB.

71

Għaldaqstant, jidher li ġew adottati regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-individwi jipprevedu li l-fatti li jirrigwardaw il-formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ġodda anki jekk ikunu diġà s-suġġett ta’ sentenza barranija, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżistenza ta’ tali regoli ma tistax tiġi kkontestata minħabba li, kif issostni b’mod partikolari r-Repubblika tal-Awstrija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, huma jeħtieġu li jsiru riċerki li jeħtieġu ċerta perizja legali.

73

Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li, minn naħa, il-persuna kkonċernata jkollha, minbarra l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni li tingħata mill-qrati nazzjonali u li, min-naħa l-oħra, din il-persuna jkollha tirrikorri għal pariri ta’ kjarifika sabiex tevalwa l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jikkontesta n-natura ċara u preċiża tar-regoli dwar l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punti 3943).

74

Bil-benefiċċju ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jiġi enfasizzat li l-prosekuzzjoni mmexxija b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, b’applikazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, jista’ jkollhom biss l-għan, skont din id-dispożizzjoni, li jissanzjonaw il-ħsara għas-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali ta’ dan l-Istat Membru. Konsegwentement, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk huwiex possibbli li d-dikjarazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 55(1) tal-KIFS, tiġi interpretata b’tali mod li l-proċeduri mibdija abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni josservaw ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-reat, bħall-ispjunaġġ, it-tradiment jew l-attakki serji fuq il-funzjonament tal-awtoritajiet pubbliċi, li, min-natura tagħhom stess, huma marbuta mas-sigurtà jew ma’ interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru kkonċernat, jaqa’ taħt l-ewwel kap tal-eċċezzjoni prevista f’dan l-Artikolu 55(1) (b) tal-KIFS.

76

Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni huwa limitat neċessarjament għal tali ksur. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li proċeduri għal reati li l-elementi kostituttivi tagħhom ma jinkludux speċifikament preġudizzju għas-sigurtà jew għal interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru jistgħu wkoll jaqgħu taħt din l-istess eċċezzjoni, meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom twettaq il-ksur, jista’ jiġi debitament stabbilit li l-għan tal-prosekuzzjoni għall-fatti inkwistjoni huwa intiż li jirreprimu theddid għal din is-sigurtà jew għal dawn l-interessi oħra li huma wkoll essenzjali.

77

It-tieni, sa fejn jikkonċernaw is-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru kkonċernat, il-proċeduri mibdija, fir-rigward ta’ ksur imsemmi f’dikjarazzjoni li timplementa l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 55(1) (b) tal-KIFS, għandhom, kif jirriżulta mill-punti 55, 56, 61 u 62 ta’ din is-sentenza, jirrigwardaw fatti li jaffettwaw, b’gravità partikolari, l-Istat Membru kkonċernat innifsu.

78

Issa, kull organizzazzjoni kriminali ma tippreġudikax, neċessarjament u bħala tali, is-sigurtà jew l-interessi l-oħra li huma essenzjali wkoll, tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, ir-reat ta’ formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali abbażi tal-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem prevista f’dan l-Artikolu 55(1)(b) biss għall-organizzazzjonijiet li l-aġir tagħhom, minħabba elementi li jiddistingwuhom, jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu tali theddid.

79

F’dan il-kuntest, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ir-rilevanza li għandu jingħata lill-fatt li organizzazzjoni kriminali twettaq esklużivament reati kontra l-patrimonju, mingħajr ma ssegwi ebda għan politiku, ideoloġiku, reliġjuż jew filosofiku u lanqas ma tfittex li teżerċita influwenza fuq il-politika, il-media, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja jew l-ekonomija b’mezzi żleali.

80

F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi ppreċiżat li, fi kwalunkwe każ, l-elementi msemmija fil-punt preċedenti li jirrigwardaw l-għanijiet imfittxija jew l-influwenza mixtieqa, ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex organizzazzjoni kriminali tiġi kklassifikata bħala li neċessarjament tippreġudika s-sigurtà jew l-interessi l-oħra essenzjali wkoll tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tad-danni li l-attivitajiet tiegħu kkawżaw lil dan l-Istat Membru.

81

Sussegwentement, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, organizzazzjoni kriminali li twettaq esklużivament reati kontra l-patrimonju tippreġudika s-sigurtà jew l-interessi l-oħra li huma essenzjali wkoll ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, sabiex l-aġir ta’ din l-organizzazzjoni kriminali jkun jista’ jitqies bħala li jikkonsisti f’tali theddida, dan ir-reat għandu, irrispettivament mill-intenzjoni effettiva tal-imsemmija organizzazzjoni u minbarra l-ksur tal-ordni pubbliku li jinvolvi kull ksur, jaffettwa l-Istat Membru nnifsu.

82

Issa, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li, minkejja l-portata tal-ksur tal-beni tal-persuni leżi, l-aġir tal-organizzazzjoni kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu l-effett li jippreġudika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnifisha, b’tali mod li l-aġir ta’ din l-organizzazzjoni kriminali ma jidhirx li jaqa’ taħt ir-reati kontra s-sigurtà tal-Istat jew ta’ oħrajn fost l-interessi essenzjali tiegħu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, moqri flimkien mal-Artikolu 50 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix l-interpretazzjoni mill-qrati ta’ Stat Membru tad-dikjarazzjoni magħmula minn dan tal-aħħar skont l-Artikolu 55(1) tal-KIFS li abbażi tagħha dan l-Istat Membru ma huwiex marbut bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KIFS, sa fejn jirrigwarda r-reat ta’ formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali, fejn l-organizzazzjoni kriminali li fiha pparteċipat il-persuna mħarrka tkun wettqet esklussivament reati kontra l-patrimonju, sakemm tali prosekuzzjoni tkun immirata, inkunsiderazzjoni tal-azzjonijiet ta’ dik l-organizzazzjoni, biex tissanzjona theddida għas-sigurtà jew għal interessi oħra li huma essenzjali wkoll ta’ dak l-Istat Membru

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 55(1)(b) tal-tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

2)

L-Artikolu 55(1)(b) tal-tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, moqri flimkien mal-Artikolu 50 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix l-interpretazzjoni mill-qrati ta’ Stat Membru tad-dikjarazzjoni magħmula minn dan tal-aħħar skont l-Artikolu 55(1) ta’ din il-konvenzjoni li abbażi tagħha dan l-Istat Membru ma huwiex marbut bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-imsemmija konvenzjoni, sa fejn jirrigwarda r-reat ta’ formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali, fejn l-organizzazzjoni kriminali li fiha pparteċipat il-persuna mħarrka tkun wettqet esklussivament reati kontra l-patrimonju, sakemm tali prosekuzzjoni tkun immirata, inkunsiderazzjoni tal-azzjonijiet ta’ dik l-organizzazzjoni, biex tissanzjona theddida għas-sigurtà jew għal interessi oħra li huma essenzjali wkoll tal-imsemmi Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top