Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0355

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
    Perfumesco.pl sp. z o.o., sp. k. vs Procter & Gamble International Operations SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Artikolu 10 – Miżuri korrettivi – Distruzzjoni ta’ merkanzija – Kunċett ta’ ‘ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali’ – Merkanzija li għandha trade mark tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-355/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:791

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Artikolu 10 – Miżuri korrettivi – Distruzzjoni ta’ merkanzija – Kunċett ta’ ‘ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali’ – Merkanzija li għandha trade mark tal-Unjoni Ewropea”

    Fil-Kawża C‑355/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

    Perfumesco.pl sp. z o.o. sp.k.

    vs

    Procter & Gamble International Operations SA,

    fil-preżenza ta’:

    Rzecznik Praw Obywatelskich,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, S. Rodin, u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Perfumesco.pl sp. z o.o. sp.k., minn T. Snażyk, radca prawny,

    għal Procter & Gamble International Operations SA, minn D. Piróg u A. Rytel, adwokaci,

    għal Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, S. L. Kalėda, P.‑J. Loewenthal u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Perfumesco.pl sp. z o.o. sp.k. u Procter & Gamble International Operations SA (iktar ’il quddiem “Procter & Gamble”) dwar azzjoni intiża għad-distruzzjoni ta’ merkanzija minħabba allegat ksur tad-drittijiet mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt internazzjonali

    3

    L-Artikolu 46 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ, li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim ta’ Marakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), intitolat “Rimedji oħra”, jipprevedi:

    “Sabiex joħolqu ostakli effettivi kontra l-ksur ta’ regolamenti, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw li l-oġġetti li sabu li kisru r-regolamenti, mingħajr ebda kumpens, mormi barra mill-kanali tal-kummerċ b’mod li jkunu evitati danni lid-detentur tad-dritt, jew, jinqerdu kemm-il darba dan ma jmurx kontra l-ħtiġijiet kostituzzjonali eżistenti. L-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw li materjali u għodda użati b’mod predominanti fil-ħolqien ta’ l-oġġetti miksura jkunu, mingħajr kumpens ta’ kull tip, eliminati ‘l barra mill-kanali ta’ kummerċ f’ċertu mod sabiex hekk jitnaqqsu r-riskji ta’ iktar ksur. Fil-kunsiderazzjoni ta’ ċertu talbiet, għandhom jitqiesu l-bżonn għall-proporzjonalità bejn is-serjetà tal-ksur u r-rimedji ordnati kif ukoll bħall-interessi tal-partijiet terzi. Dwar oġġetti ta’ trademark falza, l-eliminazzjoni sempliċi tat-trademark imwaħħla kontra l-liġi m’għandhiex tkun biżżejjed, għajr f’każi eċċezzjonali, sabiex jippermettu r-rilaxx ta’ l-oġġetti fil-kanali ta’ kummerċ.”

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 2004/48

    4

    Il-premessi 3 sa 5, 7, 9, 10 u 17 tad-Direttiva 2004/48 jiddikjaraw:

    “(3)

    […] mingħajr mezz effettiv għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skorraġiti u l-investiment jonqos. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali, li llum tinsab fil-parti l-kbira bħala parti mill-acquis communautaire, hija applikkata b’mod effettiv fil-Komunità. Għalhekk, il-mezzi ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ta’ importanza kbira għas-suċċess tas-Suq Intern.

    (4)

    Fuq livell internazzjonali, l-Istati Membri, kif wkoll il-Komunità hija nnifsha fir-rigward ta’ ħwejjeġ li huma kompetenza tagħha, huma marbuta bil-[Ftehim TRIPs].

    (5)

    Il-ftehim TRIPS fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma l-istandards komuni applikabbli fuq livell internazzjonali u implimentati mill-Istati Membri kollha. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim TRIPS.

    […]

    (7)

    Mill-konsultazzjonijiet miżmuma mill-Kummissjoni [Ewropea] joħroġ li, fl-Istati Membri, u minkejja il-Ftehim TRIPS, għad hemm disparitajiet kbar fir-rigward tal-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Per eżempju, l-arranġamenti biex jiġu applikati miżuri proviżorji, li huma użati b’mod partikolari biex jippreservaw evidenza, il-kalkulazzjoni ta’ ħsarat jew l-arranġamenti biex jiġu applikati mandati, ivarjaw fil-wisa’ minn Stat Membru wieħed għall-ieħor. F’xi Stati Membri, m’hemmx miżuri, proċeduri u rimedji bħalma hu d-dritt għall-informazzjoni u r-revokazzjoni ta’ l-oġġetti mis-suq li fuqhom ikun inkiser id-dritt, bl-ispejjeż imorru għal min ikun kiser id-dritt.

    […]

    (9)

    […] Infurzar effettiv tal-liġi sostantiva fuq il-proprjetà intellettwali għandhom ikunu assigurati b’azzjoni speċifika fuq livell tal-Komunità. Taqrib tal-liġi fl-Istati Membri f’dan il-qasam, hija għalhekk ħtieġa essenzali għall-funzjonament xieraq tas-suq intern.

    (10)

    L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

    […]

    (17)

    Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.”

    5

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skont l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

    6

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligu Ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

    7

    L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Il-miżuri korrettivi”, jipprovdi:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għal xi ħsara dovuta lid-detentur tad-dritt minħabba l-kontravvenzjoni, u mingħajr kumpens ta’ l-ebda tip, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordnaw, fuq it-talba ta’ l-applikant, li l-miżuri xierqa għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ l-oġġetti misjuba li jiksru d-dritt għall-proprjetà intellettwali u, f’każijiet xierqa, fir-rigward ta’ materjali u strumenti prinċipalment użati biex joħolqu jew jimmanifatturaw dawk l-oġġetti. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:

    (a)

    revokazzjoni tal-mezzi tal-kummerċ;

    (b)

    it-tneħħija definittiva tal-mezzi kummerċjali; jew

    (ċ)

    destruzzjoni.

    2.   L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jordnaw li dawk il-miżuri mwettqa għandhom jitħallsu mill-kontravventur, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet partikolari biex ma jsirx hekk.

    3.   Waqt il-kunsiderazzjoni għall-miżuri korrettivi, il-bżonn ta’ proporzjonalità bejn il-gravità tal-kontravvenzjoni u r-rimedji ordnati kif wkoll l-interessi tal-partijiet terzi għandhom jiġu kkunsidrati.”

    Ir‑Regolament (KE) Nru 207/2009

    8

    Ir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”), tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, permezz tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 207/2009 jibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar.

    9

    L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”, kien jipprevedi:

    “1.   Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

    2.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

    (a)

    is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

    […]

    3.   Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:

    (a)

    it-twaħħil ta’ sinjal mal-oġġetti jew mal-imballaġġ ta’ dawk l-oġġetti;

    (b)

    l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

    (c)

    l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti taħt is-sinjal;

    […]

    4.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu wkoll id-dritt li jimpedixxi li, fil-proċess normali tan-negozju, kull parti terza ddaħħal oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera hemmhekk, fejn dawn l-oġġetti, inkluż l-imballaġġ tagħhom, joriġinaw minn pajjiżi terzi u jkollhom trademark mingħajr awtorizzazzjoni li tkun identika għat-trademark tal-UE rreġistrata fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti, jew li ma tkunx tista’ tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik it-trademark.

    Id-dritt tal-proprjetarju ta’ trademark tal-UE skont l-ewwel subparagrafu għandu jiskadi jekk, matul il-proċedimenti biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur tat-trademark tal-UE, mibdija f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU 2013, L 181, p. 15)], tingħata evidenza mid-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti li l-proprjetarju tat-trademark tal-UE ma jkollux id-dritt li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-oġġetti fil-pajjiż destinatarju finali.”

    10

    L-Artikolu 102 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sanzjonijiet”, kien jipprovdi:

    “1.   Meta l-qorti tat-trademarks tal-UE ssib li l-konvenut għamel ksur jew hedded li jagħmel ksur tad-drittijiet fi trademark tal-UE, hija għandha, sakemm ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor, toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu għamlu ksur jew li jkunu heddu li jagħmlu ksur tad-drittijiet fi trademark tal-UE. Għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri skont il-liġi nazzjonali li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.

    2.   Il-qorti tat-trademarks tal-UE tista’ wkoll tapplika miżuri jew ordnijiet disponibbli skont il-liġi applikabbli li jkun jidhrilha xieraq fiċ-ċirkostanzi tal-każ.”

    Id‑dritt Pollakk

    11

    L-Artikolu 286 tal-ustawa – Prawo własności przemysłowej (il-Liġi dwar il-Proprjetà Industrijali), tat‑30 ta’ Ġunju 2000 (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 286), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proprjetà Industrijali”), jipprovdi:

    “Is-sąd [(il-qorti)] adita b’kawża rigward ksur tad-drittijiet tista’ tiddeċiedi, fuq talba tal-proprjetarju, dwar il-prodotti mmanifatturati jew immarkati b’mod illegali bħala li jappartjenu lill-persuna li wettqet il-ksur kif ukoll dwar il-mezzi u l-materjali użati sabiex jiġu mmanifatturati jew immarkati. Hija tista’ b’mod partikolari tordna li jiġu rtirati mis-suq, mogħtija lid-detentur tad-dritt sa ammont ta’ flus allokat favurih, jew li jiġu meqruda. Fid-deċiżjoni tagħha, is-sąd [(il-qorti)] għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u -interessi ta’ terzi.”

    It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    12

    Procter & Gamble hija manifattur ta’ prodotti tal-fwieħa. Bis-saħħa ta’ kuntratt dwar ħruġ ta’ liċenzji mogħti minn HUGO BOSS Trade Mark Management GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “HUGO BOSS TMM”), hija kienet l-unika waħda awtorizzata sabiex tagħmel użu mit-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea HUGO BOSS (iktar ’il quddiem it-“trade mark HUGO BOSS”) kif ukoll li tibda u tkompli f’isimha proprju azzjonijiet marbuta ma’ ksur tad-drittijiet fuq din. Din it-trade mark ġiet irreġistrata għall-prodotti li ġejjin, li jaqgħu taħt il-klassi 3, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat:

    “Sprejs tal-fwieħa; fwejjaħ, deodoranti għall-ġisem; sapun; oġġetti għall-kura tal-ġisem u tas-sbuħija”.

    13

    Sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jittestjaw il-prodotti bit-trade mark HUGO BOSS, HUGO BOSS TMM tqiegħed mingħajr ħlas għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħa u tad-distributuri li hija awtorizzat kampjuni ta’ prodotti jew “testers”, esklużivament għal finijiet ta’ preżentazzjoni u ta’ promozzjoni ta’ prodotti kożmetiċi, fi fliexken identiċi għal dawk użati għall-finijiet tal-bejgħ tagħhom taħt it-trade mark HUGO BOSS. L-ippakkjar estern tagħhom huwa ta’ kulur ċar uniformi u fuqu hemm indikat b’mod viżibbli li dawn il-kampjuni ma humiex intiżi għall-bejgħ, pereżempju permezz ta’ waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin: “not for sale” (mhux intiż għall-bejgħ), “demonstration” (dimostrazzjoni) jew “tester” (tester). L-imsemmija kampjuni ma jitqiegħdux fis-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) la minn HUGO BOSS TMM u lanqas bil-kunsens tagħha.

    14

    Perfumesco.pl ilha teżerċita, sa minn Jannar 2012, attivitajiet kummerċjali ta’ bejgħ bl-ingrossa ta’ prodotti tal-fwieħa fil-kuntest ta’ ħanut online. Hija tibgħat b’mod regolari listi ta’ prezzijiet lil bejjiegħa ta’ prodotti kożmetiċi online, filwaqt li tipproponi b’mod partikolari għall-bejgħ kampjuni ta’ prodotti tal-fwejjaħ bit-trade mark HUGO BOSS u li għandhom il-kliem “Tester”, filwaqt li tindika li dawn il-kampjuni ma humiex differenti f’termini ta’ riħa mill-prodott normali. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li Perfumesco.pl la tneħħi u lanqas tgħatti l-barcodes li jidhru fuq l-ippakkjar estern tal-prodotti li għandhom din it-trade mark u li, billi tafda lill-kontraenti tagħha fir-rigward tal-oriġini regolari tal-prodotti li hija tixtri, hija ma tivverifikax l-oriġini tagħhom u ma tikkontrollax jekk dawn il-barcodes tneħħewx.

    15

    Fit‑28 ta’ Lulju 2016, b’eżekuzzjoni ta’ digriet kawtelatorju, marixxall tal-qorti pproċeda fil-Polonja sabiex jissekwestra fwejjaħ, eaux de toilette u ilma mfewħa li l-ippakkjar tagħhom kellu t-trade mark HUGO BOSS, jiġifieri testers li ma humiex intiżi għall-bejgħ, prodotti indikati minn kodiċi li jindikaw, skont id-dikjarazzjoni ta’ Procter & Gamble, li kienu intiżi mill-manifattur sabiex jitqiegħdu fis-suq barra mit-territorju taż-ŻEE u prodotti li l-barcodes tagħhom kienu tneħħew jew ġew mgħottija.

    16

    Adita minn Procter & Gamble, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2017, imponiet, b’mod partikolari, fuq Perfumesco.pl id-distruzzjoni tal-eaux de toilette u tal-ilma mfewħa li l-ippakkjar tagħhom kellu t-trade mark HUGO BOSS, b’mod partikolari testers, li ma kinux tqiegħdu fis-suq taż-ŻEE minn HUGO BOSS TMM jew bil-kunsens tagħha.

    17

    Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) ċaħdet l-appell ippreżentat minn Perfumesco.pl. Din il-qorti indikat b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea setgħet tieħu l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli li kienu jidhrulha xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-każ u li din id-dispożizzjoni kienet tippermetti l-applikazzjoni tal-Artikolu 286 tal-Liġi dwar il-Proprjetà Industrijali. Hija qieset li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) kienet applikat dan l-aħħar artikolu mingħajr ma wettqet żball.

    18

    L-ewwel nett, hija kkunsidrat li, skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 286 tal-Liġi dwar il-Proprjetà Industrijali kien japplika biss jekk il-prodotti kienu ġew immanifatturati jew immarkati b’mod illegali u li dan ma kienx il-każ fit-tilwima mressqa quddiemha. Fil-fatt, Procter & Gamble ma kkontestatx li l-fwejjaħ maqbuda kienu prodotti oriġinali, iżda sostniet li HUGO BOSS TMM ma kinitx tat il-kunsens tagħha għat-tqegħid fis-suq fiż-ŻEE u li Perfumesco.pl ma kinitx ipprovat l-eżistenza ta’ tali kunsens.

    19

    Sussegwentement, hija qieset li dan l-Artikolu 286 kellu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48, li huwa jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Pollakk, u li għandu jitqies li kull merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà industrijali kienet immanifatturata b’mod illegali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 286.

    20

    Fl-aħħar nett, hija rrilevat li fwejjaħ maqbuda kellhom stikers tal-masking, li jipprekludu l-identifikazzjoni tar-reġjun ġeografiku li għalih kienu intiżi, u li kienu twaħħlu kodiċi tal-masking minflok il-kodiċi ta’ sigurtà mneħħija. Hija ppreċiżat li, anki jekk ma kienx hemm provi li t-tneħħija ta’ dawn l-aħħar kodiċi kienet l-att ta’ Perfumesco.pl., din tal-aħħar kellha tkun taf, bħala professjonist tal-fwejjaħ, li l-prodotti kienu tqiegħdu fis-suq minkejja l-oriġini dubjuża tagħhom. Hija rrilevat ukoll li t-testers kienu tqiegħdu għall-bejgħ minn Perfumesco.pl., li kellha tkun kompletament konxja tal-assenza ta’ kunsens ta’ HUGO BOSS TMM għat-tqegħid fis-suq tagħhom fiż-ŻEE.

    21

    Perfumesco.pl ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 286 tal-Liġi dwar il-Proprjetà Industrijali. F’dan ir-rigward, hija ssostni li Procter & Gamble tallega l-assenza ta’ kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark HUGO BOSS għat-tqegħid fis-suq tal-merkanzija maqbuda fit-territorju taż-ŻEE, mingħajr ma tikkontesta li dawn huma prodotti oriġinali.

    22

    Din il-qorti tosserva li l-qrati fuq il-mertu aditi bil-kawża prinċipali ġibdu l-attenzjoni għall-kliem tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48 u applikaw interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 286 tal-Liġi dwar il-Proprjetà Industrijali. Hija tikkonstata li, skont dawk il-qrati, dan l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48 jikkonċerna l-merkanzija li jinstab li tikser dritt tal-proprjetà intellettwali u li, għaldaqstant, id-distruzzjoni tal-merkanzija tista’ tiġi ordnata, inkluż meta din ma tkunx ġiet “immanifatturata jew immarkata” b’mod illegali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    23

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, minn naħa, diversi argumenti, ukoll aċċettati fid-duttrina, isostnu interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 286 tal-Liġi dwar il-Proprjetà Industrijali, b’mod partikolari l-fatt li l-emenda ta’ dan l-artikolu li seħħet fl‑2007 kienet tirriżulta mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/48. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-obbligu li ssir interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 286 għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġusitizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 10 tad-Direttiva [2004/48], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li skontha miżura ta’ protezzjoni fil-forma ta’ distruzzjoni ta’ oġġetti tikkonċerna esklużivament oġġetti mmanifatturati illegalment jew immarkati illegalment u ma tistax tiġi applikata fil-konfront ta’ oġġetti mqiegħda fis-suq illegalment fit-territorju taż-[ŻEE], li fir-rigward tagħhom ma jistax jiġi kkonstatat li dawn ġew immanifatturati illegalment jew immarkati illegalment?”

    Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

    25

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja) u l-Kummissjoni jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju, jiġifieri s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin tal-Awla Ċivili, hijiex, fid-dawl tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin li jifformaw din tal-aħħar, “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    26

    Minn naħa, l-Ombudsman huwa tal-opinjoni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li din toriġina minn korp li ma huwiex stabbilit mil-liġi u li la huwa indipendenti u lanqas imparzjali.

    27

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma tallega b’mod ċar li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, tosserva li l-att ta’ ħatra għas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ta’ kull wieħed mit-tliet imħallfin li jifformaw il-qorti tar-rinviju ġie adottat mill-President tar-Repubblika tal-Polonja wara proċedura mmexxija f’ċirkustanzi identiċi għal dawk li wasslu b’mod partikolari għall-ħatra tal-imħallef li ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235).

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu tar-rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ biss taħt id-dritt tal-Unjoni, u għalhekk sabiex jiġi evalwat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan l-organu, jekk huwiex permanenti, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, minn dan l-organu, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 43, u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 66).

    29

    L-indipendenza tal-imħallfin tal-Istati Membri hija ta’ importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni minn diversi aspetti. B’mod partikolari, din l-indipendenza hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li hija inkorporata mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss minn korp, inkarigat biex japplika d-dritt tal-Unjoni, li jissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jippreżupponu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korp, il-ħatra, it-tul ta’ żmien fil-funzjoni kif ukoll ir-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tiegħu, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà ta’ dan il-korp fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi kunfliġġenti (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 52, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 67 u 71).

    31

    F’dan il-każ, ma hemm l-ebda dubju li, bħala tali, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tinsab fost il-qrati Pollakki ordinarji.

    32

    Issa, sa fejn talba għal deċiżjoni preliminari toħroġ minn qorti nazzjonali, għandu jiġi preżunt li din tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 69).

    33

    Madankollu din il-preżunzjoni tapplika biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallfin li jifformaw il-qorti tar-rinviju neċessarjament jippermettu li jiġu ssodisfatti l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 74).

    34

    Barra minn hekk, l-imsemmija preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata meta deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija minn qorti nazzjonali jew internazzjonali twassal sabiex jitqies li l-qorti jew il-qrati li jikkostitwixxu l-qorti tar-rinviju ma għandhomx il-kwalità ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-istess japplika jekk ikun hemm, lil hinn mis-sitwazzjoni personali tal-imħallef jew tal-imħallfin li formalment jippreżentaw talba skont l-Artikolu 267 TFUE, elementi oħra li għandu jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-qorti tar-rinviju li dawn l-imħallfin jagħmlu parti minnha u b’hekk jikkontribwixxu sabiex jiġu ppreġudikati l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ din il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 72 u 75).

    35

    F’dan il-każ, ma ġie ppreżentat ebda element konkret u preċiż li jippermetti li tiġi kkonfutata, fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-preżunzjoni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġejja minn organu li jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

    36

    Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id‑domanda preliminari

    37

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li miżura ta’ protezzjoni li tikkonsisti fid-distruzzjoni ta’ merkanzija ma tistax tiġi applikata għal merkanzija li ġiet immanifatturata u li fuqha tqiegħdet trade mark tal-Unjoni Ewropea, bil-kunsens tal-proprjetarju tagħha, iżda li tqiegħdet fis-suq taż-ŻEE mingħajr il-kunsens tiegħu.

    38

    Għalhekk, il-kunċett ta’ “ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali” għandu jiġi interpretat fis-sens ta’ dan l-Artikolu 10(1).

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li hija tagħmel parti minnu u l-għanijiet imfittxija mill-att li minnu hija tagħmel parti. L-istorja leġiżlattiva ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, KRONE – Verlag, C‑65/20, EU:C:2021:471, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw “li l-awtoritajiet [ġudizzjarji] kompetenti jistgħu jordnaw, fuq it-talba ta’ l-applikant, li l-miżuri xierqa għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ l-oġġetti misjuba li jiksru d-dritt għall-proprjetà intellettwali”. Fost dawn il-miżuri tinsab dik prevista fl-Artikolu 10(1) (ċ), jiġifieri d-distruzzjoni tal-merkanzija.

    41

    Għalhekk, mill-kliem tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tillimitax l-applikazzjoni tal-miżuri korrettivi li hija tipprevedi għal ċerti tipi ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha, waqt l-eżami ta’ talba għal miżuri korrettivi, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li għandu jkun hemm proporzjonalità bejn il-gravità tal-ksur u l-miżuri korrettivi ordnati, kif ukoll l-interessi ta’ terzi. Għalhekk, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jiddeċiedu dwar il-miżura li għandha tiġi adottata f’kull każ partikolari.

    42

    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/48 hija kkorroborata kemm mill-kuntest li fih jinsab dan l-artikolu kif ukoll mill-għanijiet ta’ din id-direttiva.

    43

    Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/48, mill-premessi 4 u 5 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li l-Istati Membri kollha kif ukoll l-Unjoni nfisha, għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, huma, fuq il-livell internazzjonali, marbuta mill-Ftehim TRIPs, li jinkludi b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar il-mezzi ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jikkostitwixxu regoli komuni applikabbli fuq il-livell internazzjonali u implimentati fl-Istati Membri kollha.

    44

    Dan l-Artikolu 10 jittrasponi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni l-Artikolu 46 tal-Ftehim TRIPs, li jipprovdi li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu “jordnaw li l-oġġetti li sabu li kisru r-regolamenti, mingħajr ebda kumpens, [jintremew] barra mill-kanali tal-kummerċ […]”. Għalhekk, dan l-Artikolu 46 ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal kategorija speċifika ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-kuntrarju, huwa jkopri, minħabba l-formulazzjoni ġenerali ħafna tiegħu, il-merkanzija kollha li fir-rigward tagħha jkun ġie kkonstatat li hija tikkawża ksur, ikun x’ikun, ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. Il-fatt li l-aħħar sentenza tal-imsemmi Artikolu 46 tipprevedi obbligi speċifiċi li jikkonċernaw l-“oġġetti ta’ trademark falza” jikkonferma din l-analiżi.

    45

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan segwit permezz tad-Direttiva 2004/48, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa jikkonsisti fil-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 131, u tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development, C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 39) u, kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ din id-direttiva, din hija intiża għal applikazzjoni effettiva tad-dritt sostantiv tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni.

    46

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma humiex intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti, minn naħa, fir-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, fil-ksur ta’ dawn tal-aħħar, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, jwaqqfu jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 61).

    47

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti mill-Istati Membri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għalkemm il-premessa 10 ta’ din id-direttiva ssemmi, f’dan il-kuntest, l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u “omoġenju” tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, jibqa’ l-fatt li l-imsemmija direttiva tapplika, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, mingħajr preġudizzju għall-mezzi previsti jew li jistgħu jiġu previsti, b’mod partikolari, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm dawn il-mezzi jkunu iktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet. F’dan ir-rigward, mill-premessa 7 tal-istess direttiva jirriżulta mingħajr ambigwità li l-kunċett ta’ “mezz” użat huwa ta’ natura ġenerika u jinkludi l-miżuri li jippermettu l-waqfien tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Stowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa, C‑367/15, EU:C:2017:36, punt 22).

    48

    Konsegwentement, u kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2004/48 tistabbilixxi standard minimu għar-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jipprevedu miżuri iktar protettivi (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson,C‑481/14, EU:C:2016:419, punti 36 u 40). Min-naħa l-oħra, huma ma jistgħux jipprevedu miżuri inqas protettivi, billi jirrestrinġu, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-miżuri previsti minn din id-direttiva għal ċerti tipi ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li huwa previst “kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat”.

    49

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/48 jirrigwarda l-merkanzija kollha li fir-rigward tagħha jkun ġie kkonstatat li hija tikkawża ksur, ikun x’ikun, ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, mingħajr ma teskludi a priori l-applikazzjoni tal-miżura korrettiva ta’ distruzzjoni, prevista f’dan l-Artikolu 10(1)(ċ), fil-każ ta’ wħud minn dawn l-istanzi ta’ ksur.

    50

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda d-drittijiet mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea.

    51

    Għalkemm id-Direttiva 2004/48 ma tinkludi ebda definizzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48 (ĠU 2005, L 94, p. 37), tispeċifika li, skont din l-istituzzjoni, id-drittijiet tat-trade marks huma fost dawn id-drittijiet. Mis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474), jirriżulta wkoll li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proprjetà intellettwali”, fis-sens tad-Direttiva 2004/48.

    52

    Id-drittijiet mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-proprjetarju tagħha jissemmew fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009.

    53

    B’mod partikolari, skont l-Artikolu 9(3)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, dan il-proprjetarju jista’ jipprojbixxi t-twaħħil ta’ din it-trade mark fuq prodott jew fuq l-imballaġġ tiegħu u l-Artikolu 9(3)(b) u (c) ta’ dan ir-regolament jippermettilu li jipprojbixxi, essenzjalment, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti taħt l-imsemmija trade mark.

    54

    Konsegwentement, peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti li għandhom jiddeterminaw, każ b’każ, il-miżura li, fost dawk previsti fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48, tista’ tiġi imposta minħabba ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, ma jistax jitqies li l-miżura korrettiva li tikkonsisti fid-distruzzjoni ta’ merkanzija, imsemmija f’dan l-Artikolu 10(1)(ċ), hija applikabbli biss fil-każ ta’ ksur tad-dritt mogħti mill-Artikolu 9(3)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u li l-applikazzjoni tagħha hija eskluża fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 9(3)(b) jew (c) ta’ dan ir-regolament.

    55

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li miżura ta’ protezzjoni li tikkonsisti fid-distruzzjoni ta’ merkanzija ma tistax tiġi applikata għal merkanzija li ġiet immanifatturata u li fuqha tqiegħdet trade mark tal-Unjoni Ewropea, bil-kunsens tal-proprjetarju tagħha, iżda li tqiegħdet fis-suq taż-ŻEE mingħajr il-kunsens tiegħu.

    Fuq l‑ispejjeż

    56

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li miżura ta’ protezzjoni li tikkonsisti fid-distruzzjoni ta’ merkanzija ma tistax tiġi applikata għal merkanzija li ġiet immanifatturata u li fuqha tqiegħdet trade mark tal-Unjoni Ewropea, bil-kunsens tal-proprjetarju tagħha, iżda li tqiegħdet fis-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mingħajr il-kunsens tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top