EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0349

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Frar 2023.
HYA et vs Spetsializirana prokuratura.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar tad-data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Direttiva 2002/58 – Artikolu 15(1) – Limitazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-interċettazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna tal-konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat serju intenzjonat – Prassi skont liema d-deċiżjoni hija mfassla skont mudell ta’ test stabbilit minn qabel u nieqes minn motivi individwalizzati – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-349/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:102

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Frar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar tad-data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Direttiva 2002/58 – Artikolu 15(1) – Limitazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-interċettazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna tal-konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat serju intenzjonat – Prassi skont liema d-deċiżjoni hija mfassla skont mudell ta’ test stabbilit minn qabel u nieqes minn motivi individwalizzati – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑349/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

HYA,

IP,

DD,

ZI,

SS,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IP, minn H. Georgiev, advokat,

għal DD, minn V. Vasilev, advokat,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Irlandiż, minn M. Browne, D. Fennelly, Barrister-at-Law, A. Joyce u M. Lane, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Georgieva, H. Kranenborg, P.‑J. Loewenthal u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra HYA, IP, DD, ZI u SS minħabba parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat ta’ delinkwenti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2002/58

3

Il-Premessa 11 tad-Direttiva 2002/58 tiddikjara:

“Bħad-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċettazzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali [, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)] hekk kif interpretati mid-deċi\jonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-[KEDB].”

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [(ĠU 2002, L 108, p. 33)].”

5

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”

6

L-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) [TUE].”

Ir‑Regolament (UE) 2016/679

7

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1):

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]”

8

L-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Ir-referenzi għad-Direttiva [95/46/KE] mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Ir-referenzi għall-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit b’dan ir-Regolament.”

Id‑dritt Bulgaru

9

L-Artikolu 121(4) tal-Kostituzzjoni Bulgara jipprevedi li “l-atti ġudizzjarji għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet”.

10

L-Artikolu 34 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprevedi li “kull att tal-qorti għandu jkun fih […] motivazzjoni […]”.

11

L-Artikolu 172 tan-NPK huwa fformulat kif ġej:

“(1)   L-awtoritajiet responsabbli għall-istadju preliminari tal-proċeduri jistgħu jagħmlu użu minn metodi investigattivi speċjali […] li għandhom iservu sabiex jirreġistraw l-attivitajiet tal-persuni ssorveljati […]

(2)   Metodi investigattivi speċjali għandhom jintużaw fejn dan huwa neċessarju għall-investigazzjoni ta’ reati kriminali intenzjonati serji msemmija fl-ewwel Kapitolu, it-Taqsimiet I, II, IV, V, VIII u IX tat-Tieni Kapitolu, it-Taqsima III tat-Tielet Kapitolu, it-Taqsimiet I sa VII tal-Ħames Kapitolu, it-Taqsimiet II sa IV tas-Sitt Kapitolu, it-Tmien Kapitolu, il-Kapitolu Tmienja ‘a’, il-Kapitolu Disgħa (‘a’), it-Taqsimiet I sa IV tal-Ħdax il-Kapitolu, it-Tnax-il Kapitolu, it-Tlettax-il Kapitolu u l-Erbatax-il Kapitolu, kif ukoll għall-ksur imsemmi fit-tieni ipoteżi tal-Artikolu 219(4), fl-Artikolu 220(2), fl-Artikolu 253, fl-Artikolu 308(2) u (3) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 308(5), fl-Artikolu 321, fl-Artikolu 321bis, fl-Artikolu 356k u fl-Artikolu 393 tal-parti speċjali tan-Nakazatelen kodeks [(il-Kodiċi Kriminali)], fejn il-ġabra tal-informazzjoni neċessarja hija impossibbli bi kwalunkwe mod ieħor, jew hemm diffikultajiet eċċezzjonali”.

12

Skont l-Artikolu 173 tan-NPK:

“(1)   Sabiex jintużaw il-metodi investigattivi speċjali fl-istadju preliminari tal-proċeduri, il-prosekutur pubbliku li jissorvelja għandu jissottometti lill-qorti talba bil-miktub li tiddikjara r-raġunijiet. Qabel ma jippreżenta t-talba, dan għandu jinforma lill-kap amministrattiv tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ikkonċernat dwar dan.

(2)   It-talba għandha tinkludi:

1.

informazzjoni dwar ir-reat kriminali li l-investigazzjoni tiegħu teħtieġ l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali;

2.

deskrizzjoni tal-azzjonijiet li ttieħdu u l-eżitu tagħhom;

3.

informazzjoni dwar il-persuni jew il-postijiet li għalihom japplikaw il-metodi investigattivi speċjali;

4.

il-metodi operattivi li għandhom japplikaw;

5.

it-tul ta’ żmien tal-użu mitlub u r-raġunijiet għalfejn huwa mitlub dan it-tul;

6.

ir-raġunijiet li għalihom id-data neċessarja ma tistax tinġabar mod ieħor jew tista’ tinġabar biss b’diffikultà estrema.”

13

L-Artikolu 174(3) u (4) tan-NPK jipprevedi:

“(3)   Awtorizzazzjoni għall-użu ta’ metodi investigattivi speċjali fi proċeduri fil-ġurisdizzjoni tal-Ispetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija)] għandha tingħata minn qabel mill-President tagħha […]

(4)   L-awtorità indikata fil-punti 1 sa 3 għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat […]”

14

L-Artikolu 175 tan-NPK huwa fformulat kif ġej:

“[…]

(3)   It-terminu għall-applikazzjoni ta’ metodi investigattivi speċjali ma għandux jaqbeż:

1.

għoxrin jum fil-każijiet tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taz-zakon za spetsialnite razuznavatelni sredstva (il-Liġi dwar il-Metodi Investigattivi Speċjali);

2.

xahrejn fil-każijiet l-oħra.

(4)   Fil-każ ta’ bżonn, it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż konformement mal-Artikolu 174:

1.

b’għoxrin jum, mingħajr ma jista’ jeċċedi total ta’ sittin jum fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 3;

2.

mingħajr ma jista’ jeċċedi total ta’ sitt xhur fil-każijiet imsemmija fil-punt (2) tal-paragrafu 3”.

15

L-Artikolu 3(1) taż-zakon za spetsialnite razuznavatelni sredstva (il-Liġi dwar il-Metodi Investigattivi Speċjali) tat‑8 ta’ Ottubru 1997 (DV Nru 95 tal‑21 ta’ Ottubru 1997, p. 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZSRS”), jipprovdi:

“Metodi investigattivi speċjali għandhom jintużaw fejn dan huwa neċessarju sabiex jipprevjenu u jiskopru reati kriminali intenzjonati serji msemmija fl-ewwel Kapitolu, it-Taqsimiet I, II, IV, V, VIII u IX tat-Tieni Kapitolu, it-Taqsima III tat-Tielet Kapitolu, it-Taqsimiet I sa VII tal-Ħames Kapitolu, it-Taqsimiet II sa IV tas-Sitt Kapitolu, it-Tmien Kapitolu, il-Kapitolu Tmienja ‘a’, il-Kapitolu Disgħa (‘a’), it-Taqsimiet I sa IV tal-Ħdax il-Kapitolu, it-Tnax-il Kapitolu, it-Tlettax-il Kapitolu u l-Erbatax-il Kapitolu, kif ukoll għall-ksur imsemmi fit-tieni ipoteżi tal-Artikolu 219(4), fl-Artikolu 220(2), fl-Artikolu 253, fl-Artikolu 308(2) u (3) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 308(5), fl-Artikolu 321, fl-Artikolu 321bis, fl-Artikolu 356k u fl-Artikolu 393 tal-parti speċjali tal-[Kodiċi Kriminali], fejn il-ġabra tal-informazzjoni neċessarja hija impossibbli b’xi metodu ieħor jew hemm diffikultajiet eċċezzjonali.”

16

L-Artikolu 6 taz-ZSRS jipprevedi:

“Fil-każ ta’ smigħ, permezz tal-użu ta’ mezzi tekniċi, b’mod tas-smigħ jew mod ieħor, il-komunikazzjonijiet […] telefoniċi […] tal-persuni kkontrollati jiġu interċettati.”

17

L-Artikolu 11 taz-ZSRS huwa fformulat kif ġej:

“Fl-implimentazzjoni tal-metodi operattivi, prova hija kkostitwita permezz […] ta’ reġistrazzjoni awdjo […] fuq mezz fiżiku.”

18

Il-punt (1) tal-Artikolu 12(1) taz-ZSRS jistipula:

“Metodi investigattivi speċjali għandhom jintużaw għal persuni li fir-rigward tagħhom hemm informazzjoni u bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li huma qegħdin jippreparaw, iwettqu jew wettqu kwalunkwe mir-reati kriminali intenzjonati serji indikati fl-Artikolu 3(1)”.

19

L-Artikolu 13(1) taz-ZSRS huwa fformulat kif ġej:

“Id-dritt li jintalab l-użu tal-metodi investigattivi speċjali u li tintuża l-informazzjoni miġbura permezz tagħhom kif ukoll il-mezzi ta’ prova materjali huwa, b’osservanza tal-kompetenza tagħhom:

1.

tad-Direttorat Ġenerali ‘Pulizija Nazzjonali’, id-Direttorat Ġenerali ‘Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata’, id-Direttorat Ġenerali ‘Pulizija mal-Fruntieri’, id-Direttorat ‘Sigurtà Interna’, id-Direttorati Reġjonali tal-Ministeru għall-Intern, id-direttorati speċjalizzati (bl-esklużjoni tad-Direttorat ‘Operazzjonijiet Tekniċi’), id-direttorati territorjali u l-unitajiet territorjali indipendenti mill-aġenzija statali ‘sigurtà nazzjonali’;

2.

tas-servizzi tal-‘informazzjoni militari’ u l-‘pulizija militari’ (fi ħdan il-Ministru għad-Difiża);

3.

tal-aġenzija statali ‘informazzjoni’.”

20

Skont il-punt (7) tal-Artikolu 14(1) taz-ZSRS:

“L-użu ta’ metodi investigattivi speċjali jeħtieġ talba bil-miktub motivata mill-kap amministrattiv rilevanti tal-awtoritajiet indikati fl-Artikolu 13(1) jew il-prosekutur pubbliku li jissorvelja, jew, skont il-każ, mill-awtorità indikata fl-Artikolu 13(3), u fil-każ tad-direttorat indikat fil-punt (7) tal-Artikolu 13(1), mid-direttur tiegħu, li fiha […] r-raġunijiet għalfejn il-ġabra tal-informazzjoni neċessarja jew hija impossibbli bi kwalunkwe mod ieħor, jew hemm diffikultajiet eċċezzjonali għall-kollezzjoni tagħha.”

21

L-Artikolu 15(1) taz-ZSRS jipprevedi:

“Il-kapijiet tal-awtoritajiet indikati fl-Artikolu 13(1) jew il-prosekutur pubbliku li jissorvelja, u, fil-każ tad-direttorat indikat fil-punt (7) tal-Artikolu 13(1), il-President tal-Kummissjoni għall-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u għall-Konfiska ta’ Assi miksuba b’mod Illegali, għandhom jissottomettu t-talba lill-Presidenti tas-Sofiyski gradski sad [(il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija)], lill-qrati reġjonali jew militari rilevanti, lill-Ispetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)], jew lil Viċi-President li huwa awtorizzat minnhom, li għandhom, fi żmien 48 siegħa, jawtorizzaw bil-miktub l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali jew jirrifjutaw l-użu tagħhom, u jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22

Bejn l‑10 ta’ April u l‑15 ta’ Mejju 2017, l-Ispetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija) ressaq quddiem il-President tal-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) seba’ talbiet għall-awtorizzazzjoni sabiex jintużaw metodi investigattivi speċjali bl-għan li jinstemgħu u jiġu rreġistrati, jew saħansitra ssorveljati u ttraċċati, il-konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ IP, ta’ DD, ta’ ZI u ta’ SS, erba’ persuni ssuspettati li wettqu reati serji (iktar ’il quddiem it-“talbiet għal interċettazzjonijiet telefoniċi”).

23

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li kull waħda minn dawn it-talbiet għal interċettazzjoni telefonika kienet tiddeskrivi b’mod speċifiku, iddettaljat u motivat is-suġġett tat-talba, l-isem u n-numru tat-telefon tal-persuna kkonċernata, ir-rabta eżistenti bejn dan in-numru u din il-persuna, il-provi miġbura sa dak iż-żmien u r-rwol preżunt li kellha l-persuna kkonċernata fil-fatti kriminali. In-neċessità li jsiru l-interċettazzjonijiet telefoniċi mitluba sabiex jinġabru provi fir-rigward tal-attività kriminali li hija s-suġġett tal-investigazzjoni kif ukoll ir-raġunijiet u l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-impossibbiltà li tinġabar din l-informazzjoni permezz ta’ mezzi oħra kienu mmotivati wkoll b’mod speċifiku.

24

Il-President tal-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) laqa’ kull waħda minn dawn it-talbiet fl-istess jum tal-preżentata tagħhom u konsegwentement ħareġ seba’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għall-interċettazzjonijiet telefoniċi (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjonijiet għall-interċettazzjonijiet telefoniċi”).

25

Skont l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), il-qorti tar-rinviju, l-awtorizzazzjonijiet għall-interċettazzjonijiet telefoniċi jikkorrispondu għal mudell stabbilit minn qabel intiż sabiex ikopri l-każijiet kollha possibbli ta’ awtorizzazzjoni, mingħajr ebda riferiment għaċ-ċirkustanzi fattwali u legali, bl-eċċezzjoni tat-tul li matulu l-użu tal-metodi investigattivi speċjali kien awtorizzat.

26

B’mod partikolari, dawn l-awtorizzazzjonijiet sempliċement isemmu li d-dispożizzjonijiet legali li jsemmu huma osservati, mingħajr ma jidentifikaw l-awtorità fl-oriġini tat-talbiet għal interċettazzjonijiet telefoniċi u mingħajr ma jindikaw l-isem u n-numru tat-telefon ta’ kull persuna kkonċernata, ir-reat jew ir-reati msemmija fl-Artikolu 172(2) tan-NPK u fl-Artikolu 3(1) taz-ZSRS, l-indizji li jippermettu li jiġi ssuspettat it-twettiq ta’ wieħed jew iktar minn dawn ir-reati jew anki l-kategoriji ta’ persuni u ta’ postijiet, imsemmija fl-Artikolu 12 taz-ZSRS, li għalihom ġie awtorizzat l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li dawn l-awtorizzazzjonijiet ma jesponux l-argumenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat li juru, abbażi tal-Artikolu 172 tan-NPK u tal-Artikolu 14 taz-ZSRS, l-impossibbiltà li tinġabar l-informazzjoni mixtieqa permezz ta’ metodu differenti mill-interċettazzjonijiet telefoniċi u lanqas ma jispeċifikaw, fid-dawl tal-Artikolu 175 tan-NPK, jekk it-terminu indikat għall-użu ta’ dawn it-tekniki huwiex stabbilit għall-ewwel darba jew jekk din hijiex estensjoni tat-terminu u abbażi ta’ liema ipoteżi u ta’ liema argumenti ġie deċiż dan it-terminu.

27

Abbażi tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet, uħud mill-konverżazzjonijiet imwettqa minn IP, DD, ZI u SS ġew irreġistrati u maħżuna konformement mal-Artikolu 11 taz-ZSRS.

28

Fid‑19 ta’ Ġunju 2020, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat akkuża lil dawn l-erba’ persuni kif ukoll lill-ħames persuna, HYA, b’parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat ta’ delinkwenti intiżi, bl-għan ta’ arrikkiment, li jgħaddu klandestinament ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-fruntieri Bulgari, sabiex jgħinuhom jidħlu illegalment fit-territorju Bulgaru kif ukoll sabiex jirċievu jew jagħtu tixħim marbut ma’ dawn l-attivitajiet. Fost l-akkużati, hemm tliet uffiċjali tal-pulizija tal-fruntieri tal-ajruport ta’ Sofija.

29

Adita bil-mertu tal-kawża, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kontenut tal-konverżazzjonijiet irreġistrati għandu importanza diretta sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-atti ta’ akkuża ta’ IP, ta’ DD, ta’ ZI u ta’ SS.

30

Hija tispjega li huwa l-kompitu tagħha li, minn qabel, tistħarreġ il-validità tal-proċedura li wasslet għall-awtorizzazzjonijiet għall-interċettazzjonijiet telefoniċi. F’dan il-kuntest, jista’ jitqies li l-fatt li dawn l-awtorizzazzjonijiet ġew redatti konformement ma’ mudell ta’ test stabbilit minn qabel u nieqes minn raġunijiet individwalizzati ma jippermettilhiex tivverifika r-raġunijiet adottati b’mod konkret mill-qorti li tat l-imsemmija awtorizzazzjonijiet. Għall-kuntrarju, huwa possibbli wkoll li jiġi kkunsidrat li, billi laqgħet it-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-qorti li ħarġet l-awtorizzazzjonijiet għall-interċettazzjonijiet telefoniċi aċċettat kompletament ir-raġunijiet għal dawn it-talbiet u laqgħathom.

31

Mingħajr ma tiddubita mill-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-interċettazzjonijiet telefoniċi, kif tirriżulta b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tan-NPK u taz-ZSRS, fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk prattika nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali wara talba motivata tal-awtoritajiet kriminali hija ssodisfatta meta din id-deċiżjoni, imfassla skont mudell stabbilit minn qabel u mingħajr raġunijiet individwalizzati, sempliċement tindika li r-rekwiżiti previsti minn din il-leġiżlazzjoni, imsemmija minnha, huma osservati, hijiex konformi mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-premessa 11 tagħha.

32

B’mod partikolari, din il-qorti tenfasizza li deċiżjonijiet ġudizzjarji bħall-awtorizzazzjonijiet għall-interċettazzjonijiet telefoniċi jillimitaw, fir-rigward tal-persuni fiżiċi kkonċernati, id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Hija għandha wkoll dubji dwar il-konformità ta’ tali prattika fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

33

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali interpretata fis-sens li r-reġistrazzjonijiet ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi awtorizzati minn deċiżjoni ġudizzjarja mhux motivata jistgħu madankollu jintużaw bħala prova fil-kuntest tal-proċedura kriminali.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1), tal-Artikolu 5(1) u tal-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58 […] jippermetti prassi tal-qrati nazzjonali fi proċeduri kriminali, li permezz tagħha l-qorti tawtorizza s-sorveljanza, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna ta’ konversazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni suspettati permezz ta’ mudell ġenerali ta’ test imfassal minn qabel li fih huwa sempliċement affermat, mingħajr ebda individwalizzazzjoni, li d-dispożizzjonijiet legali huma osservati?

(2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva, jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata fis-sens li l-informazzjoni rċevuta wara tali awtorizzazzjoni tintuża sabiex tiġi pprovata l-akkuża?”

35

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li xi wħud mill-kawżi kriminali mressqa quddiem din il-qorti tal-aħħar, inkluża l-kawża prinċipali, ġew ittrasferiti lilha minn din id-data.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

36

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Istati Membri jimplimentaw, abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, miżuri leġiżlattivi li jidderogaw mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, il-protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati taqa’ taħt l-imsemmija direttiva biss sa fejn il-miżuri inkwistjoni jimponu obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ tali komunikazzjonijiet, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, li sar applikabbli permezz tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 96104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Skont dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, il-kunċett ta’ pproċessar jinkludi b’mod partikolari l-fatt, għal tali fornituri, li jagħtu l-aċċess għall-komunikazzjonijiet u d-data jew li jittrażmettu dawn tal-aħħar lill-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-metodi investigattivi speċjali użati fit-tilwima fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, l-interċettazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 taz-ZSRS, kellhomx bħala effett li jimponu tali obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri kkonċernati u jekk, għaldaqstant, it-tilwima fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58. Għaldaqstant għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tirrispondi għall-ewwel domanda biss sa fejn it-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-Artikolu 15(1) tagħha.

39

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li abbażi tagħha d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jawtorizzaw l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali wara talba motivata tal-awtoritajiet kriminali huma redatti permezz ta’ test stabbilit minn qabel u nieqes minn motivi individwalizzati, li sempliċement jindikaw, minbarra t-tul ta’ validità ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, li r-rekwiżiti previsti minn din il-leġiżlazzjoni, li l-imsemmija deċiżjonijiet isemmu, huma osservati.

40

L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ network pubblika ta’ komunikazzjonijiet u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku relatat magħhom. Dan il-prinċipju huwa rifless fil-projbizzjoni li wieħed jisma’, jinterċetta jew jaħżen il-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatat magħhom, jew li jissuġġettahom għal kwalunkwe mezz ieħor ta’ interċettazzjoni jew ta’ sorveljanza mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, ħlief fis-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva.

41

Dan l-artikolu tal-aħħar jipprevedi għalhekk li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex jillimitaw il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi previsti fl-Artikolu 5 tal-istess direttiva, b’mod partikolari, meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, fi ħdan soċjetà demokratika, sabiex jiġu żgurati l-prevenzjoni, it-tfittxija, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Dan jippreċiża wkoll li dawn il-miżuri leġiżlattivi kollha għandhom jittieħdu fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi drittijiet, libertajiet u prinċipji stabbiliti mill-Karta.

42

F’dan ir-rigward, il-miżuri leġiżlattivi li jirregolaw l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jistgħux sempliċement jeżiġu li dan l-aċċess jissodisfa l-għan imfittex mill-istess miżuri leġiżlattivi, iżda għandhom jipprevedu wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-ipproċessar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Tali miżuri u kundizzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 6(1) u (2) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet proċedurali msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza għandhom jittieħdu b’osservanza tad-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi, bħalma jsegwi mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Dan id-dritt jeżiġi li kull deċiżjoni ġudizzjarja tkun motivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency, C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 5253 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għaldaqstant, meta miżura leġiżlattiva adottata skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tipprevedi li limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu adottati permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, dan l-Artikolu 15(1), moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li tali deċiżjonijiet għandhom ikunu motivati.

46

Fil-fatt, bħalma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf il-motivi ta’ deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, jew mill-qari ta’ dik id-deċiżjoni, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ jekk tadixxix, jew le, għall-finijiet ta’ stħarriġ ġudizzjarju, lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jsegwi li, skont il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari l-Artikolu 34 u l-Artikolu 174(4) tan-NPK kif ukoll l-Artikolu 15(1) taz-ZSRS, moqrija flimkien mal-Artikolu 121(4) tal-Kostituzzjoni, kull deċiżjoni ġudizzjarja intiża sabiex tawtorizza l-użu tal-metodi investigattivi speċjali għandha tkun motivata.

48

Madankollu, l-ewwel domanda saret fid-dawl mhux tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tan-NPK u taz-ZSRS adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, iżda ta’ prattika ġudizzjarja nazzjonali li timplimenta dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, li abbażi tagħha d-deċiżjonijiet intiżi sabiex jawtorizzaw l-użu tal-metodi investigattivi speċjali huma motivati permezz ta’ mudell ta’ test stabbilit minn qabel, intiż sabiex ikopri l-każijiet possibbli kollha ta’ awtorizzazzjoni, u nieqsa minn motivi individwalizzati. Tali deċiżjonijet huma adottati f’kuntest proċedurali speċifiku.

49

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fid-dritt Bulgaru, id-deċiżjoni li tawtorizza l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali hija adottata fi tmiem proċedura intiża li tippermetti, fir-rigward ta’ persuna li huwa leġittimu li jiġi preżunt li hija qiegħda tipprepara, twettaq jew wettqet reat kriminali intenzjonali serju, ġbir effikaċi u rapidu ta’ data li ma tistax tinġabar b’mezzi oħra għajr il-metodi investigattivi speċjali mitluba jew li jistgħu jinġabru biss b’diffikultà estrema.

50

Fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, l-awtoritajiet awtorizzati li jitolbu l-użu ta’ tali metodi, fis-sens tal-Artikolu 173(1) u (2) tan-NPK u tal-Artikolu 13(1) taz-ZSRS, għandhom, konformement mal-Artikolu 173(2) tan-NPK u mal-punt 7 tal-Artikolu 14(1) taz-ZSRS, jippreżentaw bil-miktub lill-qorti kompetenti talba motivata u ddettaljata li tesponi l-ksur li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni, il-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u r-riżultati tagħhom, id-data li tidentifika l-persuna jew il-post koperti mit-talba, il-metodi operattivi li għandhom japplikaw, it-tul previst tas-sorveljanza u l-motivi li għalihom huwa mitlub dan it-tul kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom l-użu ta’ dawn il-metodi huwa indispensabbli għall-investigazzjoni.

51

Mis-sistema legali ta’ din il-proċedura jsegwi li l-qorti li toħroġ l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ metodi investigattivi speċjali tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi ta’ talba motivata u ddettaljata li l-kontenut tagħha, previst mil-liġi, għandu jippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni humiex issodisfatti.

52

Għalhekk, din il-prattika tidħol fil-kuntest ta’ miżuri leġiżlattivi, adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jipprevedu l-possibbiltà li jittieħdu deċiżjonijiet ġudizzjarji motivati li għandhom l-effett li jillimitaw il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data dwar it-traffiku, stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. F’din il-perspettiva, hija intiża li timplimenta l-obbligu ta’ motivazzjoni previst minn dawn il-miżuri leġiżlattivi konformement mar-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta msemmi fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva permezz tar-riferiment għall-Artikolu 6(1) u (2) TUE.

53

F’dan ir-rigward, peress li, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, il-qorti kompetenti eżaminat il-motivi ta’ talba ddettaljata bħal dik imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, u peress li hija tqis, fi tmiem l-eżami tagħha, li din it-talba hija ġġustifikata, għandu jitqies li, billi ffirmat test stabbilit minn qabel skont mudell li jindika li r-rekwiżiti legali huma osservati, din il-qorti vvalidat il-motivi tat-talba filwaqt li żgurat ruħha mill-osservanza tar-rekwiżiti legali.

54

Fil-fatt, bħalma tindika l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ikun artifiċjali li jintalab li l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ metodi investigattivi speċjali tinkludi motivazzjoni speċifika u ddettaljata, meta t-talba li fir-rigward tagħha tingħata din l-awtorizzazzjoni diġà tinkludi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tali motivazzjoni.

55

Min-naħa l-oħra, ladarba l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata li metodi investigattivi speċjali jkunu ġew applikati fil-konfront tagħha, l-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jimponi li din il-persuna tkun, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, f’pożizzjoni li tifhem il-motivi li għalihom ġie awtorizzat l-użu ta’ dawn il-metodi, sabiex tkun tista’, jekk ikun il-każ, tikkontesta din l-awtorizzazzjoni b’mod utli u effettiv. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll għal kull qorti, bħal b’mod partikolari l-qorti kriminali li tiddeċiedi fuq il-mertu, li, skont il-kompetenzi tagħha, għandha tivverifika, ex officio jew fuq it-talba tal-persuna kkonċernata, il-legalità tal-imsemmija awtorizzazzjoni.

56

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kuntest tal-prattika msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta u tad-Direttiva 2002/58 hijiex iggarantita. Għal dan l-għan, hija dik il-qorti li għandha tivverifika jekk kemm il-persuna li lilha ġew applikati metodi investigattivi speċjali kif ukoll il-qorti inkarigata li tivverifika l-legalità tal-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ dawn il-metodi humiex f’pożizzjoni li jifhmu l-motivi ta’ din l-awtorizzazzjoni.

57

Għalkemm din il-verifika għandha titwettaq esklużivament mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun qiegħda tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu, jekk ikun il-każ, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Victorinox, C‑179/21, EU:C:2022:353, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat, peress li l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ metodi investigattivi speċjali hija adottata abbażi ta’ talba motivata u ddettaljata tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li l-persuni msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza jista’ jkollhom aċċess mhux biss għad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, iżda wkoll għat-talba tal-awtorità li tkun talbet din l-awtorizzazzjoni.

59

Barra minn hekk, sabiex l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jiġi osservat, huwa importanti, bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn l-istess persuni jkunu jistgħu jifhmu faċilment u mingħajr ambigwità, permezz ta’ qari flimkien mal-awtorizzazzjoni sabiex jintużaw metodi investigattivi speċjali u tat-talba motivata li takkumpanjaha, ir-raġunijiet preċiżi li għalihom ingħatat din l-awtorizzazzjoni fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jikkaratterizzaw il-każ individwali li fuqu hija bbażata t-talba, bl-istess mod kif għandu jirriżulta b’mod imperattiv minn tali qari flimkien mat-tul ta’ validità tal-imsemmija awtorizzazzjoni.

60

Meta d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sempliċement, bħal f’dan il-każ, tindika l-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni u tiddikjara li d-dispożizzjonijiet legali, li hija ssemmi, huma osservati, huwa essenzjali li t-talba ssemmi b’mod ċar l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex kemm il-persuna kkonċernata kif ukoll il-qorti inkarigata li tivverifika l-legalità tal-awtorizzazzjoni mogħtija jkunu f’pożizzjoni li jifhmu li, abbażi biss ta’ din l-informazzjoni, il-qorti li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni, billi adottat il-motivazzjoni li tinsab fit-talba, waslet għall-konklużjoni li r-rekwiżiti legali kollha kienu osservati.

61

Jekk qari flimkien mat-talba u mal-awtorizzazzjoni sussegwenti ma jippermettix li wieħed jifhem, b’mod faċli u inekwivoku, il-motivi ta’ din l-awtorizzazzjoni, ikollu għalhekk jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma huwiex osservat.

62

Għandu jiżdied ukoll li, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet li jinsabu fil-Karta għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, aspett li ma jipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estensiva.

63

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem isegwi li l-indikazzjoni ta’ motivi, anki fil-qosor, tikkostitwixxi garanzija essenzjali kontra s-sorveljanza abbużiva sa fejn tali indikazzjoni biss tippermetti li jiġi żgurat li l-qorti eżaminat b’mod korrett it-talba għal awtorizzazzjoni u l-provi prodotti u vverifikat verament jekk is-sorveljanza mitluba tikkostitwixxix indħil iġġustifikat u proporzjonat fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem madankollu rrikonoxxiet, fir-rigward ta’ żewġ sentenzi tal-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), li l-assenza ta’ motivi individwalizzati ma tistax awtomatikament twassal għall-konklużjoni li l-qorti li ħarġet l-awtorizzazzjoni ma eżaminatx korrettament it-talba (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2022, Ekimdzhiev et vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2022:0111JUD007007812, punti 313 u 314 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Jannar 2015, Dragojević vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2015:0115JUD006895511), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma tistax timmina l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 58 sa 61 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, sabiex tasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 8 tal-KEDB kien ġie miksur, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’din is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata setgħetx, permezz ta’ qari flimkien tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u tat-talba għal sorveljanza, tifhem il-motivi adottati mill-qorti istruttorja, iżda l-kwistjoni, distinta, tal-possibbiltà li tiġi rrimedjata a posteriori l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni.

65

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prassi nazzjonali skont liema d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jawtorizzaw l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali wara talba motivata u ddettaljata tal-awtoritajiet kriminali huma redatti permezz ta’ test stabbilit minn qabel u mingħajr motivi individwalizzati, iżda sempliċement jindikaw, minbarra l-perijodu tal-validità tal-awtorizzazzjoni, li r-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni li jsemmu dawn id-deċiżjonijiet huma osservati, bil-kundizzjonijiet li r-raġunijiet preċiżi li għalihom il-qorti kompetenti qieset li r-rekwiżiti legali kienu osservati fir-rigward tal-elementi fattwali u ġuridiċi li jikkaratterizzaw il-każ ineżami jkunu jistgħu jiġu inferiti b’mod faċli u mingħajr ambigwità minn qari flimkien tad-deċiżjoni u tat-talba għal awtorizzazzjoni, u din tal-aħħar għandha tiġi magħmula aċċessibbli, wara l-awtorizzazzjoni mogħtija, lill-persuna li kontra tagħha ġie awtorizzat l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali.

Fuq it‑tieni domanda

66

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix prassi nazzjonali skont liema d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jawtorizzaw l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali wara talba motivata u ddettaljata tal-awtoritajiet kriminali huma redatti permezz ta’ test stabbilit minn qabel u mingħajr motivi individwalizzati, iżda sempliċement jindikaw, minbarra l-perijodu tal-validità tal-awtorizzazzjoni, li r-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni li jsemmu dawn id-deċiżjonijiet huma osservati, bil-kundizzjonijiet li r-raġunijiet preċiżi li għalihom il-qorti kompetenti qieset li r-rekwiżiti legali kienu osservati fir-rigward tal-elementi fattwali u ġuridiċi li jikkaratterizzaw il-każ ineżami jkunu jistgħu jiġu inferiti b’mod faċli u mingħajr ambigwità minn qari flimkien tad-deċiżjoni u tat-talba għal awtorizzazzjoni, u din tal-aħħar għandha tiġi magħmula aċċessibbli, wara l-awtorizzazzjoni mogħtija, lill-persuna li kontra tagħha ġie awtorizzat l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top