Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0335

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Settembru 2022.
    Vicente vs Delia.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Sevilla.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Prattiki kummerċjali żleali fir-rigward tal-konsumaturi – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċedura sommarja għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat – Natura eventwalment inġusta tal-klawżoli inklużi fi ftehim ta’ onorarji – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ stħarriġ mill-qorti – Artikolu 4(2) – Portata tal-eċċezzjoni – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Prattika kummerċjali qarrieqa – Kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu li jipprojbixxi lil dan tal-aħħar milli jirrinunzja ruħu, mingħajr l-għarfien jew kontra l-opinjoni tal-avukat, taħt piena ta’ sanzjoni finanzjarja.
    Kawża C-335/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:720

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    22 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Prattiki kummerċjali żleali fir-rigward tal-konsumaturi – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċedura sommarja għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat – Natura eventwalment inġusta tal-klawżoli inklużi fi ftehim ta’ onorarji – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ stħarriġ mill-qorti – Artikolu 4(2) – Portata tal-eċċezzjoni – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Prattika kummerċjali qarrieqa – Kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu li jipprojbixxi lil dan tal-aħħar milli jirrinunzja ruħu, mingħajr l-għarfien jew kontra l-opinjoni tal-avukat, taħt piena ta’ sanzjoni finanzjarja”

    Fil-Kawża C‑335/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no10 bis de Sevilla (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 10a ta’ Sevilla, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

    Vicente

    vs

    Delia,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, J.–C. Bonichot u O. Spineanu–Matei (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 304, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”), u tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Sur Vicente, avukat, u s-Sinjura Delia, il-klijenta tiegħu, insegwitu tan-nuqqas ta’ ħlas tal-onorarji mitluba minħabba servizzi legali pprovduti lil din tal-aħħar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 93/13

    3

    Il-wieħed u għoxrin u r-raba’ u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 huma fformulati kif ġej:

    “Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur […]

    […]

    Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi […]”

    4

    L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

    2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

    6

    Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    7

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    Id-Direttiva 2005/29

    8

    L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

    “B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

    a) jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

    jew

    b) jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.”

    9

    L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

    2.   Prattika kummerċjali għandha titqies wkoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew ma jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

    Id-dritt Spanjol

    10

    L-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji hija rregolata mil-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi Nru 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575, iktar ’il quddiem il-“LEC”).

    11

    L-Artikolu 34 tal-LEC, dwar il-“kontijiet tal-miżati tal-avukati”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Wara li l-fattura tkun ġiet ippreżentata u ddikjarata ammissibbli mir-Reġistratur, dan tal-aħħar għandu jordna lill-mandant iħallas is-somma jew jikkontesta l-fattura abbażi tal-fatt li s-somma ma hijiex dovuta, f’terminu ta’ għaxart ijiem, taħt piena ta’ sekwestru jekk il-mandant ma jħallasx u ma jippreżentax kontestazzjoni.

    Jekk, f’dan it-terminu, il-mandant ikun ippreżenta kontestazzjoni, ir-Reġistratur għandu jagħti lill-avukat terminu ta’ tlett ijiem sabiex jiddeċiedi dwar din il-kontestazzjoni. Sussegwentement, ir-Reġistratur għandu jeżamina l-fattura tal-onorarji u l-atti proċedurali, kif ukoll id-dokumenti ppreżentati u għandu, fi żmien għaxart ijiem, jagħti deċiżjoni motivata li tistabbilixxi s-somma li għandha titħallas lill-avukat. Din is-somma tiġi maqbuda jekk il-ħlas ma jsirx fi żmien ħamest ijiem min-notifika.

    Id-deċiżjoni motivata skont il-paragrafu preċedenti ma hija suġġetta għal ebda appell, iżda b’ebda mod ma tippreġudika s-sentenza li sussegwentement tista’ tingħata fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja.”

    12

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tal-LEC ġie ddikjarat antikostituzzjonali u annullat mis-sentenza 34/2019 tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) tal‑14 ta’ Marzu 2019 (BOE Nru 90, tal‑15 ta’ April 2019, p. 39549, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Nru 34/2019”).

    13

    L-Artikolu 35 tal-LEC, intitolat “Onorarji tal-avukati”, kien jipprovdi:

    “1.   L-avukati jistgħu jitolbu mingħand il-parti li huma jiddefendu l-ħlas tal-onorarji dovuti lilhom fil-kawża billi jippreżentaw fattura ddettaljata u billi jiddikjaraw espressament li dawn l-onorarji huma dovuti lilhom u li għadhom ma tħallsux […]

    2.   Fuq preżentazzjoni ta’ din it-talba, ir-Reġistratur għandu jitlob lid-debitur iħallas din is-somma jew jikkontesta l-fattura f’terminu ta’ għaxart ijiem, taħt piena ta’ sekwestru jekk il-mandant ma jħallasx il-fattura u ma jippreżentax kontestazzjoni.

    Jekk, f’dan it-terminu, titressaq kontestazzjoni fir-rigward tal-onorarji fuq il-bażi li dawn ma humiex dovuti, għandhom japplikaw it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(2).

    Jekk jiġu kkontestati minħabba li huma eċċessivi, ir-Reġistratur għandu jagħti lill-avukat terminu ta’ tlett ijiem sabiex jiddeċiedi dwar din il-kontestazzjoni. Jekk l-avukat ma jaċċettax it-tnaqqis tal-onorarji li tintalab lilu, ir-Reġistratur għandu jirrevedi dawn l-onorarji minn qabel, skont l-Artikolu 241 et seq., ħlief jekk l-avukat jipproduċi prova tal-eżistenza ta’ stima tal-kost bil-miktub aċċettata mill-persuna li tippreżenta l-kontestazzjoni, u tingħata deċiżjoni motivata li tistabbilixxi s-somma dovuta, taħt piena li tiġi ssekwestrata jekk il-ħlas ma jsirx fi żmien ħamest ijiem min-notifika.

    Din id-deċiżjoni motivata ma hijiex suġġetta għal appell, madankollu, bl-ebda mod ma tippreġudika s-sentenza li tista’ tingħata sussegwentement fl-ambitu tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja.

    3.   Jekk, fit-terminu stabbilit, id-debitur tal-onorarji ma jippreżentax kontestazzjoni, il-fattura tkun suġġetta għal eżekuzzjoni forzata fl-ammont tas-somma li hija tindika, flimkien mal-ispejjeż tal-irkupru.”

    14

    Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tal-LEC, il-frażi “u t-tielet subparagrafu” ġiet iddikjarata antikostituzzjonali u annullata permezz tas-sentenza Nru 34/2019. L-istess kien japplika għar-raba’ subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 35(2).

    15

    L-Artikolu 206 tal-LEC, intitolat “Tipi ta’ deċiżjonijiet”, jinsab fil-Kapitolu VIII tagħha, intitolat “Id-deċiżjonijiet proċedurali”. Dan l-artikolu jipprovdi:

    “[…]

    2.   Id-deċiżjonijiet tar-Reġistraturi huma indikati bħala ‘miżuri inċidentali’ u ‘deċiżjonijiet motivati’.”

    […]”

    16

    Skont l-Artikolu 454a tal-LEC, intitolat “Rikorsi għal reviżjoni”:

    “1.   […]

    “Id-deċiżjonijiet motivati li jtemmu l-proċedura jew li jipprekludu l-prosekuzzjoni tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal rikors dirett għal reviżjoni. Dan ir-rikors ma għandux effett sospensiv, u fl-ebda każ ma huwa possibbli li wieħed jaġixxi kontra dak li ġie deċiż.

    Huwa wkoll possibbli li jiġi ppreżentat rikors dirett għal reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet motivati fil-każijiet espressament previsti.

    2.   Ir-rikors għal reviżjoni għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħamest ijiem permezz ta’ nota li ssemmi d-difett li jivvizzja d-deċiżjoni motivata. Meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, ir-Reġistratur, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jiddikjara r-rikors ammissibbli billi jagħti lill-partijiet l-oħra terminu komuni ta’ ħamest ijiem sabiex jikkontestawh jekk iqisu li dan ikun opportun.

    Jekk il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors ma jkunux issodisfatti, il-qorti għandha tiddikjarah inammissibbli billi tagħti deċiżjoni motivata.

    Mal-iskadenza tat-terminu ta’ kontestazzjoni, il-qorti għandha tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet f’terminu ta’ ħamest ijiem, u dan irrispettivament minn jekk ġewx ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub jew le. Id-deċiżjonijiet dwar l-ammissibbiltà jew l-inammissibbiltà ma humiex suġġetti għal appell.

    3.   Id-digriet li jiddeċiedi r-rikors għal reviżjoni jista’ jiġi appellat biss meta jtemm il-proċedura jew jipprekludi t-tkomplija tiegħu.”

    17

    Wara l-annullament parzjali tal-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, imsemmija fil-punti 12 u 14 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet motivati tar-Reġistratur li ma setgħux jiġu kkontestati jistgħu issa jkunu s-suġġett ta’ rikors għal reviżjoni abbażi tal-Artikolu 454a tal-LEC.

    18

    Skont l-Artikolu 517(2) tal-LEC:

    “Għall-eżekuzzjoni huma adattati biss it-titoli segwenti:

    […]

    9.

    id-deċiżjonijiet proċedurali u dokumenti oħra li jistgħu jiġu eżegwiti skont din il-liġi jew liġi oħra.”

    19

    Intitolat “Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet proċedurali jew arbitrali jew tal-ftehim ta’ medjazzjoni”, l-Artikolu 556 tal-LEC jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Għalkemm it-titolu eżekuttiv huwa deċiżjoni proċedurali jew ta’ arbitraġġ ta’ kundanna jew ftehim ta’ medjazzjoni, il-konvenut għall-eżekuzzjoni jista’, fi żmien għaxart ijiem wara n-notifika tad-digriet ta’ eżekuzzjoni, jikkontesta dan bil-miktub billi jinvoka l-ħlas jew l-osservanza tad-dispożittiv tas-sentenza, tas-sentenza ta’ arbitraġġ jew tal-ftehim, li għandu jipproduċi prova dokumentali tiegħu.

    Huwa wkoll possibbli li ssir oppożizzjoni tad-dekadenza tal-azzjoni eżekuttiva kif ukoll tal-ftehimiet jew tranżazzjonijiet li jkunu ġew konklużi sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni, sa fejn dawn il-ftehimiet u tranżazzjonijiet ikunu jinsabu f’att notarili.”

    20

    L-Artikolu 557 tal-LEC, intitolat “Oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni ta’ titoli eżekuttivi li ma humiex ġudizzjarji jew arbitrali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Meta l-eżekuzzjoni ssir fuq il-bażi ta’ titoli previsti fil-punti 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 517(2), kif ukoll fuq il-bażi ta’ dokumenti oħra li għandhom saħħa eżekuttiva previsti fil-punt 9 tal-Artikolu 517(2), il-konvenut għall-eżekuzzjoni jista’ jressaq oppożizzjoni biss, fit-terminu u l-forma previsti fl-artikolu preċedenti, sa fejn jinvoka waħda mir-raġunijiet segwenti:

    […]

    7) preżenza ta’ klawżoli inġusti fit-titolu.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    21

    Fid‑9 ta’ Frar 2017, is-Sinjura Delia, minn naħa, u s-Sinjuri Augusto kif ukoll Vicente, fil-kwalità tagħhom ta’ avukati, min-naħa l-oħra, ftiehmu dwar ittra ta’ missjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-eżami, l-ilment extraġudizzjarju u, jekk neċessarju, l-ilment ġudizzjarju, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-redazzjoni u l-preżentata ta’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-klawżoli inġusti inklużi f’kuntratt ta’ self konkluż, fis‑26 ta’ Novembru 2003, mis-Sinjura Delia, bħala konsumatriċi, ma’ stabbiliment bankarju.

    22

    L-ittra tal-missjoni kienet tinkludi klawżola li skontha “meta jiffirma l-ittra ta’ missjoni, il-klijent jintrabat li jsegwi l-istruzzjonijiet tal-uffiċċju u, jekk jirrinunzja ruħu għal kwalunkwe raġuni qabel it-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja jew jekk jikkonkludi ftehim mal-bank, mingħajr l-għarfien jew kontra l-parir tal-uffiċċju, huwa jkollu jħallas l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskala tal-Kamra tal-Avukati ta’ Sevilla għall-iffissar tal-ispejjeż relatati mar-rikors relatat mal-annullament u mal-ammont” (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ rinunzja”).

    23

    Is-Sinjura Delia rrikorriet għal dan l-uffiċċju tal-avukati permezz ta’ reklamar fuq in-network soċjali li fih ma ssemmietx il-klawżola ta’ rinunzja għall-atti, peress li l-persuna kkonċernata kienet ġiet informata biss bil-prezz tas-servizzi legali. Għalhekk ma huwiex stabbilit, f’dan il-każ, li s-Sinjura Delia kienet taf bil-klawżola ta’ rinunzja qabel l-iffirmar tal-ittra ta’ missjoni.

    24

    Qabel il-preżentata tar-rikors għal invalidità, fit‑22 ta’ Frar 2017 is-Sinjur Vicente ressaq ilment extraġudizzjarju quddiem l-istabbiliment bankarju inkwistjoni, li insegwitu tiegħu dan tal-aħħar ippropona, direttament lis-Sinjura Delia, fit‑2 ta’ Ġunju 2017, il-ħlas lura ta’ somma ta’ EUR 870.67 għall-ammonti mħallsa indebitament skont klawżola ta’ rata minima li tinsab fil-kuntratt ta’ self. Is-Sinjura Delia ddeċidiet li taċċetta din l-offerta. Madankollu, ma hemm l-ebda prova tad-data eżatta li fiha din tal-aħħar informat lis-Sinjur Vicente li huwa kien irċieva r-risposta tal-bank u lanqas dwar jekk dan tal-aħħar tahiex il-parir, f’dak il-mument, li ma taċċettax din il-proposta.

    25

    Ir-rikors intiż għall-annullament tal-klawżola ta’ rata minima, tat‑22 ta’ Mejju 2017 u ffirmat mis-Sinjur Vicente u aġenta legali, ġie rreġistrat mal-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de Primera Instancia no10 bis de Sevilla (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 10a ta’ Sevilla, Spanja), fit‑12 ta’ Ġunju 2017.

    26

    Permezz ta’ faks tat‑13 ta’ Ġunju 2017, is-Sinjur Vicente indika lill-klijenta tiegħu li ma jaqbilx mal-proposta tal-istabbiliment bankarju, filwaqt li enfasizza li kien ġie ppreżentat rikors kontra dan tal-aħħar.

    27

    Fil‑25 ta’ Settembru 2017, l-aġenta legali informat lill-qorti tar-rinviju bir-rinunzja tal-azzjoni tas-Sinjura Delia għar-raġuni li din tal-aħħar kienet kisbet sodisfazzjon extraġudizzjarju, filwaqt li ppreċiżat li din ir-rinunzja kienet immotivata mill-fatt li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-avukat tagħha u wara l-preżentata tar-rikors, il-klijenta tagħhom kienet aċċettat din it-tranżazzjoni. Konsegwentement, ir-Reġistratur ta’ din il-qorti ta deċiżjoni motivata li ttemm il-proċedura.

    28

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fit‑13 ta’ Novembru 2017, is-Sinjur Vicente adixxa lir-Reġistratur tal-qorti tar-rinviju bi proċedura għall-ħlas ta’ onorarji kontra s-Sinjura Delia, li kienet tirrigwarda somma ta’ EUR 1 105.50 mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud, jiġifieri total ta’ EUR 1 337.65, li l-kalkolu tagħha ġie stabbilit kif ġej:

    “Bażi ta’ kontijiet: EUR 18 000.00. Riżultat wara l-applikazzjoni tal-iskala: [EUR] 2 211.00;

    […] 50 % skont il-preżentata tar-rikors: [EUR]1 105.50”.

    29

    Bħala ġustifikazzjoni għall-ammont mitlub, it-talba kienet akkumpanjata minn dokument intitolat “Ftehim dwar l-onorarji”, li jirreferi għar-regoli applikabbli fil-qasam tal-onorarji professjonali tal-Kamra tal-Avukati ta’ Sevilla.

    30

    Is-Sinjura Delia, assistita minn avukat maħtur ex officio, ikkontestat dawn l-onorarji minħabba li ma kinux dovuti. Fil-fatt, hija ma ġietx informata bl-eżistenza tal-klawżola ta’ rinunzja għall-atti, b’mod li hija għandha tħallas biss, bħala onorarji, 10 % tal-ammont irċevut mingħand il-bank sellief, jiġifieri EUR 105.35, somma li tħallset. Is-Sinjura Delia invokat ukoll, f’din l-okkażjoni, in-natura inġusta tal-klawżola ta’ rinunzja għall-atti.

    31

    Permezz ta’ deċiżjoni motivata tal‑15 ta’ Ottubru 2020, ir-Reġistratur tal-qorti tar-rinviju ċaħad din il-kontestazzjoni u stabbilixxa l-ammont dovut mis-Sinjura Delia bħala onorarji tal-avukat għal EUR 1 337.65, billi ta terminu għall-ħlas ta’ ħamest ijiem, taħt piena ta’ sekwestru. Il-kwistjoni dwar in-natura inġusta tal-klawżola ta’ rinunzja ma ġietx eżaminata minn dan ir-Reġistratur.

    32

    Fit‑2 ta’ Frar 2021, is-Sinjura Delia ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni motivata quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors li ġie ddikjarat ammissibbli u kkomunikat lis-Sinjur Vicente. Dan tal-aħħar ippreżenta risposta intiża għaċ-ċaħda tar-rikors u għall-kundanna tas-Sinjura Delia għall-ispejjeż.

    33

    Din il-qorti tiddubita li r-regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji huma konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, mill-prinċipju ta’ effettività u mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

    34

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tippreċiża li, skont id-dritt Spanjol, l-avukati għandhom tliet mezzi proċedurali sabiex jitolbu ġudizzjarjament il-ħlas tal-onorarji dovuti lilhom: il-proċedura ġudizzjarja ordinarja, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas jew il-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji, imsemmija fl-Artikolu 35 tal-LEC, li tikkostitwixxi proċedura sommarja għall-garanziji limitati. Din l-aħħar proċedura taqa’ taħt il-kompetenza tar-Reġistratur tal-qorti li kienet ġiet adita bil-proċedura ġudizzjarja li kkawżat l-onorarji li l-ħlas tagħhom huwa s-suġġett tal-ilment.

    35

    Għalhekk, il-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji taqa’, inizjalment, taħt il-kompetenza ta’ reġistratur, jiġifieri awtorità li, skont is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126), u s-sentenza Nru 34/2019, ma għandhiex funzjonijiet ġudizzjarji. Skont l-Artikolu 35 tal-LEC, l-onorarji jistgħu jiġu kkontestati minħabba li ma humiex dovuti jew li huma eċċessivi, peress li d-deċiżjoni mogħtija fi tmiem tali kontestazzjoni mir-reġistratur hija kklassifikata, fl-Artikolu 206 tal-LEC, bħala “deċiżjoni motivata”. Wara s-sentenza Nru 34/2019, din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett, fit-tieni lok, ta’ rikors għal reviżjoni, skont l-Artikolu 454a tal-LEC.

    36

    Għaldaqstant, minkejja li l-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji skont l-Artikolu 35 tal-LEC tirrigwarda kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu li, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Šiba (C‑537/13, EU:C:2015:14), taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, il-possibbiltà li din il-proċedura titressaq quddiem qorti hija suġġetta għall-preżentata ta’ rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni motivata tar-Reġistratur. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura sommarja ta’ dan ir-rikors għal reviżjoni u tal-possibbiltà li tintuża proċedura ġudizzjarja ordinarja, konformement mal-Artikolu 35(2) tal-LEC, il-qorti ma tistax tipproċedi għal stħarriġ ex officio tal-eventwali natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratt ta’ servizzi legali, peress li l-eżami minn din il-qorti huwa, bħala prinċipju, limitat għall-portata tad-deċiżjoni motivata adottata mir-Reġistratur. Is-sistema ta’ produzzjoni tal-provi hija wkoll limitata għall-provi dokumentali diġà prodotti quddiem dan ir-Reġistratur.

    37

    Fir-rigward tal-possibbiltà, għall-konsumatur, li jirrikorri għall-proċedura ġudizzjarja ordinarja, skont l-Artikolu 35(2) tal-LEC, sabiex isostni d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju tesponi li mis-sentenza Nru 34/2019 jirriżulta li din il-proċedura ma tirrimedjax in-natura mhux ġudizzjarja tal-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji għaliex hija ma tipprekludix id-deċiżjonijiet motivati tar-Reġistratur li jiffissaw l-onorarji tal-avukat milli jipproduċu l-effetti tagħhom.

    38

    Fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tar-Reġistratur, din il-qorti tippreċiża li għalkemm din il-fażi tiżvolġi taħt l-istħarriġ ta’ qorti, il-konsumatur jista’ madankollu jressaq oppożizzjoni biss għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 556 tal-LEC, li fosthom ma hemmx l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fit-titolu li abbażi tiegħu ngħatat din id-deċiżjoni.

    39

    Skont il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest ta’ rikors għal reviżjoni tad-deċiżjoni motivata tar-Reġistratur, bħal dak li hija adita biha, hija għandha, fid-dawl tan-natura sommarja skont l-Artikolu 35 tal-LEC, tikkonferma jew tirrevoka d-deċiżjoni motivata tar-Reġistratur. F’dan il-kuntest, hija ma għandhiex teżamina l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt konkluż mill-avukat u l-klijent tiegħu.

    40

    Konsegwentement, l-imsemmija qorti għandha dubji, qabelxejn, dwar il-kompatibbiltà ta’ tali sistema proċedurali mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu, għall-qorti, li twettaq tali stħarriġ, jekk ikun hemm bżonn ex officio. Fil-fatt, minn naħa, fil-kuntest tal-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji, ir-Reġistratur ma jeżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji u ma huwiex kompetenti sabiex iwettaq dan l-istħarriġ. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ rikors għal reviżjoni tad-deċiżjoni motivata tar-Reġistratur, lanqas ma huwa previst li l-qorti twettaq tali eżami. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, jekk huwiex il-kompitu tagħha, minkejja dawn ir-regoli proċedurali, li tipproċedi ex officio għall-imsemmi stħarriġ, peress li hija ma tistax tillimita ruħha li tannulla d-deċiżjoni motivata u tibgħat lura l-kawża lir-Reġistratur sabiex huwa jagħmel dan, peress li dan tal-aħħar ma għandux kompetenza li jagħmel dan.

    41

    Sa fejn, f’dan il-każ, hija obbligata teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżola ta’ rinunzja għall-atti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussegwentement, dwar jekk din il-klawżola taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jew jekk għandhiex pjuttost in-natura ta’ klawżola ta’ kumpens jew ta’ klawżola penali li l-eventwali natura inġusta tagħha tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti. Madankollu, anki jekk klawżola bħall-klawżola ta’ rinunzja kellha titqies li taqa’ taħt is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza bejn il-prezz u s-servizzi pprovduti bħala korrispettiv, ikun hemm lok li jiġi eżaminat jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ trasparenza. F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li l-klawżola ta’ rinunzja ma tipprevedix ammont determinat jew metodu ta’ kalkolu tal-onorarji mitluba, iżda sempliċement tirreferi għall-iskala indikattiva stabbilita mill-Kamra tal-Avukati ta’ Sevilla. Madankollu, il-portata tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-ordni professjonali kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom ma hijiex ovvja.

    42

    Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, xejn ma jindika li l-iskala indikattiva li serviet għall-kalkolu tal-onorarji mitluba mis-Sur Vicente hija pubblika u lanqas ma huwa stabbilit li s-Sinjura Delia kienet ġiet informata bil-kontenut tagħha.

    43

    Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-inklużjoni ta’ klawżola f’kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu, bħall-klawżola ta’ rinunzja għall-atti, li tirreferi għall-iskala ta’ kamra tal-avukati, li ma hijiex imsemmija fl-offerta kummerċjali u lanqas fl-informazzjoni preliminari tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, tistax tiġi kklassifikata bħala prattika kummerċjali żleali, fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no10 bis de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 10a ta’ Sevilla) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Proċedura sommarja għall-irkupru ta’ onorarji mibdija minn avukat li ma tippermettix lill-qorti teżamina ex officio jekk il-klawżoli inklużi fil-kuntratt mal-konsumatur humiex inġusti, peress li l-proċedura ma tipprovdix għall-intervent mill-qorti fi kwalunkwe stadju tal-iżvolġiment tagħha, ħlief meta l-klijent jikkontesta t-talba u wieħed mill-partijiet sussegwentement jappella mid-deċiżjoni finali tal-Letrado de la Administración de Justicia (ir-Reġistratur), hija konformi mad-[Direttiva 93/13] u mal-prinċipju ta’ effettività tagħha, moqrija flimkien mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta?

    2)

    Il-fatt li, f’dan it-tip ta’ proċedura sommarja, kwalunkwe stħarriġ tal-klawżoli inġusti mill-qrati, ex officio jew fuq talba minn parti, issir fil-kuntest ta’ rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni mogħtija minn korp mhux ġudizzjarju bħal-Letrado de la Administración de Justicia (ir-Reġistratur), u li l-qrati bħala prinċipju għandhom jillimitaw l-kunsiderazzjoni tagħhom esklużivament għal dak li kien is-suġġett tad-deċiżjoni u ma jistgħux jeżaminaw provi ħlief provi dokumentali diġà prodotti mill-partijiet, huwa konformi mad-[Direttiva 93/13] Direttiva 93/13 u mal-prinċipju ta’ effettività tagħha, moqrija flimkien mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta?

    3)

    Klawżola inkluża f’kuntratt bejn avukat u konsumatur, bħal dik inkwistjoni, li tipprovdi għall-ħlas ta’ onorarji fil-każ speċifiku li l-klijent ma jkomplix il-proċedura ġudizzjarja qabel ma tintemm jew jasal għal ftehim mal-entità, mingħajr l-għarfien jew kontra l-parir tal-uffiċċju tal-avukati, għandha titqies li taqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, fuq il-bażi li hija klawżola prinċipali ta’ kuntratt li tirrigwarda s-suġġett tal-kuntratt, f’dan il-każ, il-prezz?

    4)

    Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, tali klawżola, li tiffissa l-onorarji b’riferiment għall-iskala ta’ onorarji ta’ Kamra tal-Avukati, li tistabbilixxi regoli differenti li għandhom jiġu applikati skont kull każ partikolari, u li ma ssemmewx fl-informazzjoni preċedenti, għandha titqies bħala ċara u li tinftiehem skont l-imsemmi Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13?

    5)

    Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv, l-inklużjoni f’kuntratt konkluż bejn avukat u konsumatur ta’ klawżola bħal dik inkwistjoni, li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukat billi sempliċement tagħmel riferiment għal skala ta’ onorarji ta’ Kamra tal-Avukati, li tistabbilixxi regoli differenti li għandhom jiġu applikati skont kull każ partikolari, u li ma ssemmewx fl-offerta kummerċjali jew fl-informazzjoni preċedenti, għandha titqies bħala prattika kummerċjali żleali fis-sens tad-[Direttiva 2005/29]?”

    Fuq l-ammissibbiltà

    45

    Il-Gvern Spanjol jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel sat-tielet u tal-ħames domanda. Skont dan il-Gvern, l-ewwel domanda hija ta’ natura ipotetika sa fejn din tikkonċerna sitwazzjoni li fiha ma jkunx ġie ppreżentat rikors għal reviżjoni. Fir-rigward tat-tieni domanda, l-imsemmi Gvern jinvoka n-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti fir-rigward tal-portata tal-limitazzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-portata tal-eżami li l-qorti twettaq bħala prinċipju fil-kuntest ta’ rikors għal reviżjoni. Fl-opinjoni tal-istess Gvern, risposta għat-tielet u għall-ħames domanda la tidher neċessarja u lanqas rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-domandi preliminari jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhomx x’jaqsmu mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Fir-rigward tan-natura ipotetika tal-ewwel domanda u tan-natura lakunarja tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju insostenn tat-tieni domanda, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-ewwel domanda ma għandhiex tali natura sa fejn għandha tinftiehem f’sens wiesa’, jiġifieri bħala li hija intiża sabiex tevalwa, essenzjalment, il-kompatibbiltà mad-Direttiva 93/13 tal-assenza ta’ setgħa ta’ stħarriġ ex officio, mill-qorti, tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur. Min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju dwar it-tieni domanda jippermettu li tiġi ddeterminata b’mod suffiċjenti l-portata tagħha.

    48

    Fir-rigward tat-tielet u tal-ħames domanda, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    49

    Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tat-tielet domanda, li kieku tingħata risposta li l-qorti tar-rinviju hija marbuta teżamina n-natura inġusta tal-klawżola tal-irtirar, hija jkollha tevalwa jekk tali klawżola taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29, li hija s-suġġett tal-ħames domanda, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din hija neċessarja “sabiex tiġi deċiża l-kawża inkwistjoni”. Hija għalhekk tirrigwarda l-eżami tal-eventwali natura inġusta tal-klawżola ta’ rinunzja, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, li l-qorti tar-rinviju għandha tipproċedi fil-każ ta’ risposta f’dan is-sens għall-ewwel sat-tielet domanda.

    50

    Konsegwentement, l-ewwel sat-tielet u l-ħames domanda huma ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    51

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali relatata ma’ proċedura sommarja għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat li permezz tagħha t-talba mressqa kontra l-klijent konsumatur tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja, peress li l-intervent ta’ qorti jkun previst biss fl-istadju tal-kuntratt, u dan mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun ġiet ippreżentata kontra din id-deċiżjoni, mingħajr ma l-qorti adita f’din l-istanza ma tkun tista’ tisħarreġ, jekk neċessarju ex officio, jekk il-klawżoli inklużi fil-kuntratt li jkun ta lok għall-onorarji mitluba humiex ta’ natura inġusta u lanqas ma tkun tista’ tilqa’, mill-partijiet, provi oħra għajr il-provi dokumentali li jkunu diġà ġew prodotti quddiem l-awtorità mhux ġudizzjarja.

    52

    Għandu jitfakkar, qabelxejn, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-professjonist tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, mhux konness mal-partijiet fil-kuntratt, peress li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, f’diversi okkażjonijiet u billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn il-proċeduri jaqgħu, għalhekk, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali fir-rigward tar-regoli proċedurali tad-dritt Spanjol li jirregolaw il-proċedura għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

    54

    Madankollu, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-regoli ddettaljati proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed li huwa suġġett għall-interrogazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ din id-dispożizzjoni fit-totalità tal-proċedura, tal-iżvolġiment u tal-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Għandu jiġi nnotat ukoll li għalkemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal sabiex tissostitwixxi kompletament il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu madankollu jiġi analizzat jekk jeżistix, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-proċedura nazzjonali kkonċernata, riskju sinjifikattiv li, fil-proċeduri mibdija mill-professjonisti u li fihom il-konsumaturi huma konvenuti, dawn tal-aħħar ikunu skoraġġuti milli jsostnu d-drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 54 u 56).

    57

    Meta l-intervent ta’ qorti u l-eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ u professjonist huma previsti biss, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, fi stadju proċedurali avvanzat, pereżempju, dak tal-oppożizzjoni kontra ordni diġà maħruġa, jew, bħal fil-kawża prinċipali, waqt ir-rikors għal reviżjoni ppreżentat kontra d-deċiżjoni motivata tar-Reġistratur, dan l-intervent jista’ jżomm l-effett utli tad-Direttiva 93/13 biss jekk il-konsumatur ma jkunx skoraġġut milli jinvoka d-drittijiet tiegħu, bħala applikant jew konvenut, f’dan l-istadju proċedurali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C‑448/17, EU:C:2018:745, punti 46 u 51).

    58

    Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, li jiġu previsti modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti jimplika rekwiżit ta’ dritt għal rimedju effettiv, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandha tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi.

    60

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza, jekk huwa jqis li l-onorarji mitluba mill-avukat tiegħu ma humiex dovuti jew huma eċċessivi, il-konsumatur jista’ jikkontestahom quddiem ir-Reġistratur tal-qorti nazzjonali li kienet ġiet adita bil-proċedura ġudizzjarja li tat lok għal dawn l-onorarji. Ir-Reġistratur għandu jagħti deċiżjoni motivata li tiffissa s-somma dovuta, taħt piena ta’ sekwestru. Għalkemm ir-Reġistratur iwettaq ċerti verifiki dwar dawn l-onorarji, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, bħala awtorità mhux ġudizzjarja, ma huwiex kompetenti sabiex jevalwa jekk klawżola tal-kuntratt li minnu jirriżultaw dawn l-onorarji hijiex inġusta fir-rigward tad-Direttiva 93/13.

    61

    Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni motivata tar-reġistratur, mill-Artikolu 454a tal-LEC jirriżulta li dan tal-aħħar għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħamest ijiem u ma jkunx sospensiv. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li l-qorti adita b’tali rikors ma għandhiex il-possibbiltà li twettaq eżami tan-natura inġusta eventwali tal-klawżoli inklużi fil-kuntratt li ta lok għall-onorarji mitluba, peress li l-istħarriġ tagħha huwa limitat għas-suġġett tad-deċiżjoni tar-Reġistratur. Barra minn hekk, is-sistema ta’ amministrazzjoni tal-provi hija wkoll limitata għall-provi dokumentali diġà prodotti quddiem ir-Reġistratur.

    62

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol ikkontesta l-portata tal-LEC kif ippreżentata mill-qorti tar-rinviju. Skont dan il-Gvern, din il-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi ebda limitazzjoni espliċita dwar il-possibbiltà, għall-qorti, li teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli jew li tikkonċerna l-amministrazzjoni tal-provi fil-kuntest ta’ rikors għal reviżjoni.

    63

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, filwaqt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif ġiet esposta lilha mill-imsemmija qorti (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-karatteristiċi tar-rikors għal reviżjoni previst mil-LEC, kif esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari tan-natura limitata tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti fuq id-deċiżjoni motivata tar-Reġistratur, tal-projbizzjoni magħmula lil din il-qorti milli tipproċedi, ex officio jew fuq talba ta’ parti, għal eżami tan-natura inġusta eventwali tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt abbażi tal-onorarji mitluba, kif ukoll tas-sistema ta’ amministrazzjoni tal-provi li tidher li timpedixxi lil parti milli tipproduċi provi oħra minbarra dawk ipprovduti diġà quddiem ir-Reġistru sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, jista’ jiġi konkluż li jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikun dissważ milli jinvoka dawn id-drittijiet fil-kuntest ta’ rikors għal reviżjoni.

    65

    Il-qorti tar-rinviju madankollu tiddikjara li, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ordinarja jew tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, il-konsumatur għandu l-possibbiltà li jinvoka l-eventwali natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt konkluż mal-avukat tiegħu u li abbażi tagħha huwa jitlob il-ħlas ta’ onorarji.

    66

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja msemmija fl-Artikolu 34(2) u fl-Artikolu 35(2) tal-LEC, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax b’mod ċar li l-introduzzjoni ta’ din il-proċedura mill-konsumatur ikollha effett sospensiv tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni motivata tar-Reġistratur jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja adottata wara rikors għal reviżjoni li jikkonferma din id-deċiżjoni, b’mod li l-qorti adita b’tali proċedura tkun tista’ teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat qabel l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

    67

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-intervent ta’ qorti fl-istadju tal-eżekuzzjoni, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni motivata tar-Reġistratur, li l-qorti tar-rinviju tqis li tali deċiżjonijiet għandhom jiġu kklassifikati bħala “deċiżjonijiet proċedurali”, b’tali mod li, fl-istadju tal-eżekuzzjoni tagħhom taħt is-sistema tal-Artikolu 556 tal-LEC, il-konsumatur ma jistax jinvoka n-natura eventwalment inġusta ta’ ċerti klawżoli li jinsabu fit-titolu eżekuttiv.

    68

    Fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal reviżjoni, din tidher li hija suġġetta għal motivi ta’ oppożizzjoni previsti fl-Artikolu 556 tal-LEC, fid-dawl tan-natura ġudizzjarja tagħha, fejn il-konvenut għall-eżekuzzjoni jista’ biss jinvoka, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni nieqsa minn effett sospensiv, l-eżekuzzjoni tal-obbligu, tad-dekadenza tal-azzjoni tal-eżekuzzjoni jew it-tranżazzjoni bejn il-partijiet.

    69

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, li la l-proċedura ġudizzjarja ordinarja u lanqas il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ma jidhru li jippermettu li jiġi rrimedjat ir-riskju li l-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni li jinvoka d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 fil-kuntest ta’ rikors għal reviżjoni.

    70

    Konsegwentement, id-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta, tipprekludi sistema proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din is-sistema ma tippermettix l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu, la fl-istadju tal-kontestazzjoni tal-onorarji mitluba, fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-proċedura li tiżvolġi quddiem ir-Reġistratur tal-qorti li kienet ġiet adita bil-proċedura ġudizzjarja li wasslet għall-onorarji inkwistjoni, u lanqas b’rikors għal reviżjoni li jista’ jiġi introdott quddiem qorti kontra d-deċiżjoni tar-Reġistratur.

    71

    Madankollu, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jsostnu li interpretazzjoni konformi tas-sistema proċedurali nazzjonali, ta’ natura li tippermetti lill-qorti adita b’rikors għal reviżjoni tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt li fuqha huwa bbażat l-ilment dwar l-onorarji hija possibbli, fatt li lanqas ma jeskludi l-qorti tar-rinviju.

    72

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tissuġġerixxi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li jista’ jitqies li l-onorarji li jirriżultaw minn klawżola inġusta “ma humiex dovuti”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tal-LEC. Fi kwalunkwe każ, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali hija possibbli u li din hija ta’ natura li tippermettilha tipproċedi ex officio għall-istħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżola ta’ rinunzja għall-atti, hija għandha tibbenefika korrelattivament mill-possibbiltà li tadotta ex officio miżuri istruttorji għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Għaldaqstant, hija din il-qorti li għandha teżamina sa fejn is-sistema proċedurali nazzjonali tista’ tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 93/13 u li tislet minnha l-konsegwenzi, billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax id-dispożizzjonijiet jew il-ġurisprudenza nazzjonali kollha li jipprekludu l-obbligu tal-qorti, li jirriżulta mir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, li teżamina ex officio jekk id-dispożizzjonijiet miftiehma bejn il-partijiet humiex ta’ natura inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    75

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali relatata ma’ proċedura sommarja għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat li permezz tagħha t-talba mressqa kontra l-klijent konsumatur tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja, peress li l-intervent ta’ qorti jkun previst biss fl-istadju tal-kuntratt, u dan mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun ġiet ippreżentata kontra din id-deċiżjoni, mingħajr ma l-qorti adita f’din l-istanza ma tkun tista’ tistħarreġ, jekk neċessarju ex officio, jekk il-klawżoli inklużi fil-kuntratt li jkun ta lok għall-onorarji mitluba humiex ta’ natura inġusta u lanqas ma tkun tista’ tilqa’, mill-partijiet, provi oħra għajr il-provi dokumentali li jkunu diġà ġew prodotti quddiem l-awtorità mhux ġudizzjarja.

    Fuq it-tielet domanda

    76

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu li tipprovdi li l-klijent jintrabat li jsegwi l-istruzzjonijiet ta’ dan l-avukat, li ma jaġixxix mingħajr jew kontra l-parir tiegħu u li ma jirtirax huwa stess il-proċedura ġudizzjarja li jkun assenja l-iżvolġiment tagħha lill-imsemmi avukat, taħt piena ta’ sanzjoni finanzjarja, taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

    77

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ tal-mertu tal-klawżoli inġusti, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. Din l-eċċezzjoni tirrigwarda, fl-ewwel lok, il-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt u, fit-tieni lok, dawk li jirrigwardaw l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-beni li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra.

    78

    Fir-rigward tal-kategorija ta’ klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-klawżoli għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-provvisti essenzjali ta’ dan il-kuntratt, bl-esklużjoni tal-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, is-servizzi prinċipali huma dawk elenkati fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, peress li l-klawżola ta’ rinunzja hija intiża pjuttost li tissanzjona l-aġir tal-klijent li jaġixxi kontra l-pariri tal-avukat tiegħu. Għaldaqstant, din il-klawżola ma taqax taħt din il-kategorija.

    79

    Fir-rigward tal-kategorija ta’ klawżoli kuntrattwali li jirrigwardaw l-adegwatezza bejn il-prezz u s-servizz, din lanqas ma tkopri l-klawżola tar-rinunzja għall-atti, sa fejn tali klawżola ma tipprevedix remunerazzjoni għal servizz ipprovdut, iżda sempliċement tissanzjona l-ksur ta’ obbligu kuntrattwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 58).

    80

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu li tipprovdi li l-klijent jintrabat li jsegwi l-istruzzjonijiet ta’ dan l-avukat, li ma jaġixxix mingħajr l-għarfien jew kontra l-opinjoni tiegħu u li ma jirtirax huwa stess il-proċedura ġudizzjarja li huwa jkun assenja dan l-avukat, taħt piena ta’ penalità finanzjarja.

    Fuq ir-raba’ domanda

    81

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

    Fuq il-ħames domanda

    82

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2005/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-inklużjoni, fil-kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu, ta’ klawżola li tipprevedi penali finanzjarja imposta fuq dan tal-aħħar jekk jirtira huwa stess mill-proċedura ġudizzjarja li jkun assenja lill-imsemmi avukat, peress li din il-klawżola tagħmel riferiment għall-iskala ta’ ordni professjonali u la tkun issemmiet fl-offerta kummerċjali u lanqas fil-kuntest tal-informazzjoni minn qabel għall-konklużjoni tal-kuntratt, tista’ titqies bħala prattika kummerċjali żleali, fis-sens ta’ din id-direttiva.

    83

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, qabelxejn, jitfakkar li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi, billi juża formolazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    84

    Sussegwentement, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 2(c) tagħha, din id-direttiva tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali ta’ impriżi fil-konfront ta’ konsumaturi, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ kwalunkwe prodott jew servizz. Skont l-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva, huma żleali, b’mod partikolari, il-prattiki qarrieqa, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tagħha.

    85

    Fl-aħħar, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29, prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi u għaċ-ċirkustanzi kollha tagħha u għal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, hija tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, b’kunsiderazzjoni għall-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali b’għarfien tal-kawża u għaldaqstant twasslu jew tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li altrimenti ma kienx jieħu.

    86

    F’dan il-każ, l-inklużjoni f’kuntratt konkluż bejn l-avukat u l-klijent tiegħu ta’ klawżola bħall-klawżola ta’ rinunzja, mingħajr ma din tkun issemmiet fl-offerta kummerċjali jew fil-kuntest tal-informazzjoni minn qabel tal-konklużjoni tal-kuntratt, tikkostitwixxi a priori ommissjoni ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni importanti jew ta’ ħabi ta’ tali informazzjoni ta’ natura li tinfluwenza d-deċiżjoni meħuda mill-konsumatur li jintrabat f’din ir-relazzjoni kuntrattwali. Fil-fatt, mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-klawżola tirreferi, għall-kalkolu tal-penalità kuntrattwali li hija tipprevedi, għall-iskala tal-Kamra Professjonali tal-Avukati ta’ Sevilla li l-kontenut tagħha huwa diffiċilment aċċessibbli u komprensibbli u, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-imsemmija klawżola, li l-konsumatur huwa obbligat iħallas sanzjoni kuntrattwali li tista’ tilħaq ammont sinjifikattiv, jew saħansitra sproporzjonat meta mqabbel mal-prezz tas-servizzi pprovduti abbażi ta’ dan il-kuntratt. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

    87

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-inklużjoni, f’kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu, ta’ klawżola li tipprevedi penali finanzjarja imposta fuq dan tal-aħħar jekk huwa stess jirtira mill-proċedura ġudizzjarja li huwa jkun assenja lill-imsemmi avukat, peress li din il-klawżola tagħmel riferiment għall-iskala ta’ ordni professjonali u la tkun issemmiet fl-offerta kummerċjali u lanqas fil-kuntest tal-informazzjoni minn qabel għall-konklużjoni tal-kuntratt, tista’ titqies bħala prattika kummerċjali “qarrieqa” fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, sa fejn twassal lill-konsumatur medju jieħu deċiżjoni kummerċjali li altrimenti ma kienx jieħu, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

    Fuq l-ispejjeż

    88

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    għandha tiġi interpretata fis-sens li:

    tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali relatata ma’ proċedura sommarja għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat li permezz tagħha t-talba mressqa kontra l-klijent konsumatur tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja, peress li l-intervent ta’ qorti jkun previst biss fl-istadju tal-kuntratt, u dan mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun ġiet ippreżentata kontra din id-deċiżjoni, mingħajr ma l-qorti adita f’din l-istanza ma tkun tista’ tistħarreġ, jekk neċessarju ex officio, jekk il-klawżoli inklużi fil-kuntratt li jkun ta lok għall-onorarji mitluba humiex ta’ natura inġusta u lanqas ma tkun tista’ tilqa’, mill-partijiet, provi oħra għajr il-provi dokumentali li jkunu diġà ġew prodotti quddiem l-awtorità mhux ġudizzjarja.

     

    2)

    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, kif emendata bid-Direttiva 2011/83,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu li tipprovdi li l-klijent jintrabat li jsegwi l-istruzzjonijiet ta’ dan l-avukat, li ma jaġixxix mingħajr l-għarfien jew kontra l-opinjoni tiegħu u li ma jirtirax huwa stess il-proċedura ġudizzjarja li huwa jkun assenja dan l-avukat, taħt piena ta’ penalità finanzjarja.

     

    3)

    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

    għandha tiġi interpretata fis-sens li:

    l-inklużjoni, f’kuntratt konkluż bejn avukat u l-klijent tiegħu, ta’ klawżola li tipprevedi penali finanzjarja imposta fuq dan tal-aħħar jekk huwa stess jirtira mill-proċedura ġudizzjarja li huwa jkun assenja lill-imsemmi avukat, peress li din il-klawżola tagħmel riferiment għall-iskala ta’ ordni professjonali u la tkun issemmiet fl-offerta kummerċjali u lanqas fil-kuntest tal-informazzjoni minn qabel għall-konklużjoni tal-kuntratt, tista’ titqies bħala prattika kummerċjali “qarrieqa” fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, sa fejn twassal lill-konsumatur medju jieħu deċiżjoni kummerċjali li altrimenti ma kienx jieħu, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top