EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0333

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
European Superleague Company, S.L. vs Fédération internationale de football association (FIFA) u Unión de Federaciones Europeas de Fútbol (UEFA).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil de Madrid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Suq intern – Regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali – Futbol professjonali – Entitajiet irregolati mid-dritt privat li għandhom setgħat regolatorji, ta’ kontroll, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ sanzjoni – Regoli dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet, il-parteċipazzjoni ta’ klabbs tal-futbol u ta’ plejers f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll l-isfruttament tad-drittijiet kummerċjali u tal-midja relatati mal-imsemmija kompetizzjonijiet – Eżerċizzju b’mod parallel ta’ attivitajiet ekonomiċi – Organizzazzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet – Sfruttament korrispondenti tad-drittijiet kummerċjali u tal-midja – Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tippreġudika l-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittivi – Eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE – Kundizzjonijiet – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Artikolu 56 TFUE – Ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova.
Kawża C-333/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1011

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (1)

Werrej


I. Ilkuntest ġuridiku

A. LIstatut talFIFA

A. IrRegolamenti għalLogħob Internazzjonali talFIFA

A. LIstatut talUEFA

I. Ilfatti li wasslu għallkawża prinċipali u ddomandi preliminari

A. Ilproġett ta’ Superleague

A. Ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

I. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

I. Fuq lammissibbiltà

A. Fuq ilkundizzjonijiet proċedurali ta’ adozzjoni taddeċiżjoni tarrinviju

A. Fuq ilkontenut taddeċiżjoni tarrinviju

A. Fuq irrealtà tattilwima u rrilevanza taddomandi magħmula lillQorti talĠustizzja

I. Fuq iddomandi preliminari

A. Osservazzjonijiet preliminari

1. Fuq issuġġett talkawża prinċipali

1. Fuq lapplikabbiltà taddritt talUnjoni għallisport u għallattività talassoċjazzjonijiet sportivi

1. Fuq lArtikolu 165 TFUE

A. Fuq lewwel salħames domanda, dwar irregoli talkompetizzjoni

1. Fuq lewwel domanda, dwar linterpretazzjoni talArtikolu 102 TFUE filpreżenza ta’ regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet talfutbol bejn ilklabbs kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

a) Fuq ilkunċett ta’ “abbuż minn pożizzjoni dominanti”

a) Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

a) Fuq ilklassifikazzjoni, bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti, ta’ regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet talfutbol bejn ilklabbs kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

1. Fuq ittieni domanda, dwar linterpretazzjoni talArtikolu 101(1) TFUE filpreżenza ta’ regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet talfutbol bejn ilklabbs kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

a) Fuq ilkunċett ta’ aġir li għandu l“għan” jew l“effett” li jippreġudika lkompetizzjoni u fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ tali aġir

1) Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

1) Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “effett” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

a) Fuq ilklassifikazzjoni, bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandha bħala “għan” irrestrizzjoni talkompetizzjoni, ta’ regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet talfutbol bejn ilklabbs kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

1. Fuq ittielet domanda, dwar linterpretazzjoni talArtikolu 101(1) TFUE u talArtikolu 102 TFUE filpreżenza ta’ aġir li jikkonsisti fittheddida ta’ sanzjonijiet kontra lklabbs u latleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati

1. Fuq ilħames domanda, dwar ilpossibbiltà li jiġu ġġustifikati regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

a) Fuq ilpossibbiltà li ċertu aġir speċifiku jitqies li ma jaqax taħt lArtikolu 101(1) TFUE u lArtikolu 102 TFUE

a) Fuq leżenzjoni prevista flArtikolu 101(3) TFUE

a) Fuq ilġustifikazzjoni oġġettiva fiddawl talArtikolu 102 TFUE

1. Fuq irraba’ domanda, dwar linterpretazzjoni talArtikoli 101 TFUE u 102 TFUE filpreżenza ta’ regoli dwar iddrittijiet marbuta malkompetizzjonijiet sportivi

a) Fuq iżżamma taddrittijiet marbuta malkompetizzjonijiet sportivi

a) Fuq lisfruttament taddrittijiet marbuta malkompetizzjonijiet sportivi

a) Fuq ilpossibbiltà ta’ ġustifikazzjoni

A. Fuq issitt domanda, dwar illibertajiet ta’ moviment

1. Fuq lidentifikazzjoni tallibertà ta’ moviment rilevanti

1. Fuq leżistenza ta’ ostakolu għallibertà li jiġu pprovduti servizzi

1. Fuq ilpossibbiltà ta’ ġustifikazzjoni

Fuq l ispejjeż


“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Suq intern – Regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali – Futbol professjonali – Entitajiet irregolati mid-dritt privat li għandhom setgħat regolatorji, ta’ kontroll, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ sanzjoni – Regoli dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet, il-parteċipazzjoni ta’ klabbs tal-futbol u ta’ plejers f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll l-isfruttament tad-drittijiet kummerċjali u tal-midja relatati mal-imsemmija kompetizzjonijiet – Eżerċizzju b’mod parallel ta’ attivitajiet ekonomiċi – Organizzazzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet – Sfruttament korrispondenti tad-drittijiet kummerċjali u tal-midja – Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tippreġudika l-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittivi – Eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE – Kundizzjonijiet – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Artikolu 56 TFUE – Ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑333/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil de Madrid (il-Qorti Kummerċjali ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

European Superleague Company SL,

vs

Fédération internationale de football association (FIFA),

Union des associations européennes de football (UEFA),

fil-preżenza ta’:

A22 Sports Management SL,

Real Federación Española de Fútbol (RFEF),

Liga Nacional de Fútbol Profesional (LNFP),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tal‑11 u tat‑12 ta’ Lulju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal European Superleague Company SL, minn J.‑L. Dupont, avocat, B. Irissarry Robina u M. Odriozola Alén, abogados,

–        għall-Fédération internationale de football association (FIFA), minn J. M. Baño Fos, abogado, M. Hoskins, barrister, u A. Pascual Morcillo, abogado,

–        għall-Union des associations européennes de football (UEFA), minn H. Brokelmann, abogado, B. Keane, avocat, S. Love, barrister, D. Slater u D. Waelbroeck, avocats,

–        għal A22 Sports Management SL, minn L. A. Alonso Díez, F. Giménez-Alvear Gutiérrez-Maturana, F. Irurzun Montoro, abogados, u M. Sánchez-Puelles González-Carvajal, procurador,

–        għar-Real Federación Española de Fútbol (RFEF), minn P. Callol García, abogado, B. González Rivero, procuradora, T. González Cueto u J. Manzarbeitia Pérez, abogados,

–        għal-Liga Nacional de Fútbol Profesional (LNFP), minn D. Crespo Lasso de la Vega, Y. Martínez Mata, M. Pajares Villarroya, J. Ramos Rubio u S. Rating, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Farver Kronborg, V. Pasternak Jørgensen, M. Søndahl Wolff u Y. Thyregod Kollberg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn S. Brittain, barrister,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères, P. Dodeller, T. Stehelin u N. Vincent, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo u S. L. Vitale, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn I. Neophytou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča, K. Pommere u I. Romanovska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Uri, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, E. Gyarmati u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn F. Koppensteiner, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Wiącek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, R. Capaz Coelho u C. Chambel Alves, bħala aġenti, assistiti minn J. L. da Cruz Vilaça, advogado,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Liţu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Sloven, minn A. Dežman Mušič u N. Pintar Gosenca, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Drugda u B. Ricziová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn O. Simonsson, M. Salborn Hodgson u H. Shev, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Islandiż, minn J. B. Bjarnadóttir, bħala aġent, assistita minn G. Bergsteinsson, avocat,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn F. Bersgø, L.‑M. Moen Jünge, O. S. Rathore u P. Wennerås, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, M. Mataija, G. Meessen, C. Urraca Caviedes u H. van Vliet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, minn naħa, u tal-Artikoli 45, 49, 56 u 63 TFUE, min-naħa l-oħra.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, European Superleague Company SL (iktar ’il quddiem “ESLC”) u, min-naħa l-oħra, il-Fédération internationale de football association (FIFA) u l-Union des associations européennes de football (UEFA) dwar talba intiża sabiex jiġi ddikjarat li l-FIFA u l-UEFA kisru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, sabiex jiġi ordnat il-waqfien ta’ dan il-ksur kif ukoll sabiex jiġu adottati diversi ordnijiet fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      LIstatut talFIFA

1        Il-FIFA hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat li għandha s-sede tagħha fl-Isvizzera. Skont l-Artikolu 2 tal-istatut tagħha, fl-edizzjoni tiegħu ta’ Settembru 2020 li għaliha tirreferi d-deċiżjoni tar-rinviju (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-FIFA”), hija għandha bħala għan, b’mod partikolari, “li torganizza l-kompetizzjonijiet internazzjonali tagħha stess”, “li tistabbilixxi regoli u dispożizzjonijiet li jirregolaw il-futbol u l-kwistjonijiet relatati miegħu, u li tiżgura l-osservanza tagħhom”, kif ukoll “li tikkontrolla l-futbol f’kull forma tiegħu permezz tal-adozzjoni tal-miżuri kollha li huma neċessarji jew li jistgħu jiġu rrakkomandati sabiex jiġi evitat il-ksur tal-[I]statut, tar-regolamenti, tad-deċiżjonijiet tal-FIFA u tal-[l]iġijiet tal-[l]ogħba”, fuq livell dinji.

2        Skont l-Artikoli 11 u 14 tal-Istatut tal-FIFA, kull “assoċjazzjoni responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-kontroll tal-futbol” f’pajjiż partikolari tista’ ssir membru tal-FIFA bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li tkun diġà membru ta’ waħda mis-sitt konfederazzjonijiet kontinentali rrikonoxxuti mill-FIFA u msemmija fl-Artikolu 22 ta’ dan l-Istatut, li fosthom hemm l-UEFA, kif ukoll li timpenja ruħha minn qabel li tikkonforma, inter alia, mal-Istatut, mar-regolamenti, mad-direttivi u mad-deċiżjonijiet tal-FIFA kif ukoll ma’ dawk tal-konfederazzjoni kontinentali li din l-assoċjazzjoni tkun diġà membru tagħhom. Fil-prattika, bħalissa iktar minn 200 assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol huma membri tal-FIFA. F’din il-kwalità, huma għandhom, bis-saħħa tal-Artikoli 14 u 15 tal-Istatut tal-FIFA, l-obbligu, b’mod partikolari, li jaraw li l-membri tagħhom jew l-affiljati tagħhom josservaw l-Istatut, ir-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet tal-FIFA, kif ukoll li jiżguraw li dawn ikunu osservati mill-atturi kollha tal-futbol, b’mod partikolari mill-kampjonati professjonali, mill-klabbs u mill-plejers.

3        L-Artikolu 20 ta’ dan l-Istatut, intitolat “L-istatus tal-klabbs, tal-kampjonati u ta’ gruppi oħra ta’ klabbs”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-klabbs, il-kampjonati jew gruppi oħra ta’ klabbs affiljati ma’ assoċjazzjoni membru għandhom ikunu subordinati għaliha u għandhom jiġu rrikonoxxuti minnha. Il-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawn il-gruppi huma stipulati fl-Istatut tal-assoċjazzjoni membru, u l-Istatut u r-regolamenti rispettivi tagħhom għandhom jiġu approvati minnha.”

4        L-Artikolu 22 tal-imsemmi Statut, intitolat “Konfederazzjonijiet”, jgħid, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-assoċjazzjonijiet membri li jappartjenu għall-istess kontinent huma miġbura fi ħdan il-konfederazzjonijiet segwenti rrikonoxxuti mill‑FIFA:

[…]

c)      Union des Associations Européennes de Football – UEFA

[…]

Ir-rikonoxximent mill-FIFA ta’ kull konfederazzjoni jimplika rispett reċiproku totali tal-awtorità ta’ xulxin fil-qasam istituzzjonali rispettiv tagħha ta’ kompetenzi kif stabbilit f’dan l-Istatut.

[…]

3.      Kull konfederazzjoni għandha d-drittijiet u l-obbligi segwenti:

a)      li tosserva u tiżgura li jiġu osservati l-[i]statuti, ir-regolamenti u d‑deċiżjonijiet tal-FIFA;

b)      li tikkollabora mill-qrib mal-FIFA f’kull qasam biex jintlaħaq l‑għan imsemmi fl-Artikolu 2 u biex jiġu organizzati kompetizzjonijiet internazzjonali;

c)      li torganizza l-kompetizzjonijiet interni tagħha stess bejn il-klabbs, b’konformità mal-kalendarju internazzjonali tal-logħob;

d)      li torganizza il-kompetizzjonijiet internazzjonali kollha tagħha b’konformità mal-kalendarju internazzjonali tal-logħob;

e)      li tiżgura li l-ebda lig internazzjonali jew kwalunkwe grupp ta’ klabbs jew ta’ ligs bħal dawn ma jkunu fformati mingħajr il‑kunsens tagħha jew dak tal-FIFA;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-FIFA, il-korpi tal-FIFA jinkludu b’mod partikolari “korp leġiżlattiv”, imsejjaħ il-“Kungress”, li jikkostitwixxi l-“korp suprem” tagħha, “korp strateġiku u ta’ superviżjoni”, imsejjaħ il-“Kunsill”, kif ukoll “korp eżekuttiv, operattiv u amministrattiv”, imsejjaħ is-“Segretarjat Ġenerali”.

6        L-Artikolu 67 ta’ dan l-Istatut, intitolat “Drittijiet fuq il-kompetizzjonijiet u l-avvenimenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-FIFA, l-assoċjazzjonijiet membri tagħha u l-konfederazzjonijiet huma s-sidien oriġinali tad-drittijiet kollha li joriġinaw mill‑kompetizzjonijiet u minn avvenimenti oħra li jaqgħu taħt il‑ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom, mingħajr ebda restrizzjoni dwar il‑kontenut, il-ħin, il-post jew il-liġi. B’mod partikolari, dawn id-drittijiet jinkludu kull tip ta’ drittijiet patrimonjali ta’ kull tip, id-drittijiet ta’ reġistrazzjoni, ta’ riproduzzjoni u ta’ xandir awdjoviżiv, id-drittijiet multimedjali, id-drittijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni kif ukoll id-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali bħad-drittijiet fuq is-sinjali distintivi u d-drittijiet tal-awtur.

2.      Il-Kunsill għandu jiddetermina t-tip ta’ sfruttament u l-portata tal-użu ta’ dawn id-drittijiet u jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali għal dan l-għan. Il-Kunsill huwa liberu li jiddeċiedi jekk għandux l-intenzjoni li jisfrutta dawn id-drittijiet waħdu jew ma’ partijiet terzi, jew li jiddelega l-isfruttament tagħhom lil partijiet terzi.”

7        L-Artikolu 68 tal-imsemmi Statut, intitolat “Awtorizzazzjoni ta’ xandir”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-FIFA, l-assoċjazzjonijiet membri tagħha u l-konfederazzjonijiet huma esklużivament kompetenti biex jawtorizzaw ix-xandir tal-logħob u ta’ avvenimenti li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom fuq mezzi, b’mod partikolari awdjoviżivi, u dan mingħajr ebda restrizzjoni dwar il-post, il‑kontenut, il-ħin, l-aspetti tekniċi u l-aspetti legali.”

8        Skont l-Artikolu 71 tal-Istatut tal-FIFA, intitolat “Kompetizzjonijiet u logħob internazzjonali”:

“1.      Il-Kunsill għandu jkun responsabbli mill-ħruġ ta’ regolamenti għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet u logħob internazzjonali li jinvolvu timijiet rappreżentattivi, ligs, klabbs u/jew timijiet improvizzati. L-ebda logħba jew kompetizzjoni ma għandha ssir mingħajr l‑awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA, tal-konfederazzjonijiet u/jew tal‑assoċjazzjoni membru kkonċernata. Il-modalitajiet huma rregolati mir‑[r]egoli tal-logħob internazzjonali.

2.      Il-Kunsill jista’ jistipula dispożizzjonijiet relatati ma’ dawn il‑logħob u kompetizzjonijiet.

3.      Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-kriterji għall-awtorizzazzjoni ta’ formazzjonijiet li ma humiex koperti mir-[r]egoli tal-logħob internazzjonali.

4.      Minkejja l-kompetenzi ta’ awtorizzazzjoni previsti fir-[r]egoli tal‑logħob internazzjonali, il-FIFA tista’ tieħu deċiżjoni finali dwar l‑awtorizzazzjoni ta’ kwalunkwe logħba jew kompetizzjoni internazzjonali.”

9        L-Artikolu 72 ta’ dan l-Istatut, intitolat “Kuntatti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kwalunkwe plejer jew tim affiljat ma’ assoċjazzjoni membru jew ma’ membru ta’ konfederazzjoni provviżorju ma jistax jilgħab logħob jew jagħmel kuntatti sportivi ma’ plejers jew timijiet li ma humiex affiljati ma’ assoċjazzjoni membri jew membru ta’ konfederazzjoni provviżorju, mingħajr l-approvazzjoni tal-FIFA.”

10      L-Artikolu 73 tal-imsemmi Statut, intitolat “Awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“Kull assoċjazzjoni, lig jew klabb li jappartjenu għal assoċjazzjoni membru ma jistgħux jissieħbu ma’ assoċjazzjoni membru oħra jew jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet fit-territorju tagħha ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Fil-każijiet kollha hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni taż-żewġ assoċjazzjonijiet membri, tal-konfederazzjoni kkonċernata jew tal-konfederazzjonijiet ikkonċernati u tal-FIFA.”

A.      IrRegolamenti għalLogħob Internazzjonali talFIFA

1        L-Artikolu 1 tar-Regolamenti għal-Logħob Internazzjonali tal-FIFA, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ mill‑1 ta’ Mejju 2014, jipprovdi li l-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa li jipprevedi l-awtorizzazzjonijiet, il-komunikazzjonijiet u r-rekwiżiti l-oħra li huma applikabbli għall-organizzazzjoni ta’ logħob jew ta’ kompetizzjonijiet bejn timijiet affiljati ma’ assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol differenti li huma membri tal-FIFA, għall-organizzazzjoni ta’ logħob jew ta’ kompetizzjonijiet bejn timijiet affiljati mal-istess assoċjazzjoni nazzjonali meta dawn jilagħbu kontra pajjiż terz, kif ukoll għall-organizzazzjoni ta’ logħob jew ta’ kompetizzjonijiet li jinvolvu plejers jew timijiet li ma humiex affiljati ma’ assoċjazzjoni nazzjonali.

2        Skont l-Artikolu 2 ta’ dawn ir-regolamenti, il-logħob internazzjonali u l-kompetizzjonijiet internazzjonali kollha jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-logħob fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet organizzati mill FIFA jew minn waħda mill-konfederazzjonijiet kontinentali rrikonoxxuti minnha.

3        Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija regolamenti, il-logħob internazzjonali kollu għandu jiġi awtorizzat, skont il-każ, mill-FIFA, mill-konfederazzjoni kontinentali kkonċernata u/jew mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol membri tal-FIFA li magħhom huma affiljati t-timijiet parteċipanti jew li fit-territorju tagħhom dan il-logħob għandu jintlagħab.

4        Skont l-Artikoli 7 u 10 tal-istess regolamenti, kull “logħba internazzjonali tal-ewwel kategorija”, iddefinita bħala kull logħba bejn żewġ timijiet li huma l-ewwel timijiet li jirrappreżentaw żewġ assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol membri tal-FIFA, għandha tiġi awtorizzata kemm mill-FIFA kif ukoll mill-konfederazzjoni kontinentali u mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali kkonċernati. Għall-kuntrarju, bis-saħħa tal-Artikoli 8 u 11 tar-Regolament għal-Logħob Internazzjonali tal-FIFA, kull “logħba internazzjonali tat-tieni kategorija”, iddefinita bħala kull logħba li tinvolvi l-ewwel tim li jirrappreżenta assoċjazzjoni nazzjonali waħda, tim ieħor li jirrappreżenta tali assoċjazzjoni nazzjonali, tim kompost minn plejers irreġistrati ma’ diversi klabbs tal-istess assoċjazzjoni nazzjonali, jew inkella t-tim ewlieni ta’ klabb li jopera fl-aqwa diviżjoni ta’ assoċjazzjoni nazzjonali, għandha tiġi awtorizzata biss mill-konfederazzjonijiet kontinentali u mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali kkonċernati.

A.      LIstatut talUEFA

1        L-UEFA hija wkoll assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat li għandha s-sede tagħha fl-Isvizzera.

2        L-Artikolu 2(1) tal-Istatut tal-UEFA jipprovdi li l-għanijiet tal-UEFA huma:

“a)      li tindirizza l-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-futbol Ewropew;

b)      il-promozzjoni tal-futbol fl-Ewropa fi spirtu ta’ paċi, ta’ fehim u ta’ fair play, mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq il-politika, is-sess, ir-reliġjon, ir-razza jew kwalunkwe raġuni oħra;

c)      il-monitoraġġ u l-kontroll tal-iżvilupp tal-futbol fl-Ewropa fil-forom kollha tiegħu;

d)      li tipprepara u li torganizza kompetizzjonijiet internazzjonali u tournaments internazzjonali tal-futbol fil-forom kollha tiegħu fuq livell Ewropew […];

e)      li ma tħallix li l-metodi jew il-prattiki jipperikolaw ir-regolarità tal-logħob jew tal-kompetizzjonijiet jew iwasslu għal abbużi fil-futbol;

f)      il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-istandards etiċi u tal-governanza tajba fil-futbol Ewropew;

g)      li jiġi żgurat li l-valuri sportivi dejjem jieħdu preċedenza fuq l-interessi kummerċjali;

h)      id-distribuzzjoni mill-ġdid tad-dħul mill-futbol skont il-prinċipju ta’ solidarjetà u l-appoġġ għall-investiment mill-ġdid fil-livelli u fis-setturi kollha tal-futbol, b’mod partikolari tal-futbol bażiku;

i)      li tippromwovi l-unità fost l-assoċjazzjonijiet membri tagħha fi kwistjonijiet relatati mal-futbol Ewropew u dak dinji;

j)      li tissalvagwardja l-interessi kollettivi tal-assoċjazzjonijiet membri tagħha;

k)      li tiżgura li l-interessi tad-diversi partijiet interessati fil-futbol Ewropew (kampjonati, klabbs, plejers, partitarji) jiġu kkunsidrati b’mod xieraq;

l)      li taġixxi bħala vuċi rappreżentattiva tal-familja tal-futbol Ewropew kollh kemm hi;

m)      li żżomm relazzjonijiet tajba u li tikkoopera mal-FIFA u mal-konfederazzjonijiet l-oħra rrikonoxxuti mill-FIFA;

n)      li tiżgura li r-rappreżentanti tagħha fil-FIFA jaġixxu b’mod leali u fi spirtu ta’ solidarjetà Ewropea;

o)      li tirrikonċilja l-interessi tal-assoċjazzjonijiet membri tagħha, li tarbitra t-tilwim li jqum bejniethom u li tassistihom fi kwistjonijiet partikolari meta jitolbuha tagħmel dan.”

3        Skont l-Artikolu 5 ta’ dan l-Istatut, kull assoċjazzjoni stabbilita f’pajjiż Ewropew irrikonoxxut bħala Stat indipendenti mill-maġġoranza tal-membri tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) u li hija responsabbli għall-organizzazzjoni tal-futbol f’dak il-pajjiż tista’ ssir membru tal-UEFA. Bis-saħħa tal-Artikolu 7a tal-imsemmi Statut, tali kwalità timplika l-obbligu, għall-assoċjazzjonijiet ikkonċernati, li josservaw l-Istatut, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-UEFA kif ukoll li jiżguraw l-osservanza, f’pajjiżhom, mill-kampjonati professjonali li huma suġġetti għalihom kif ukoll mill-klabbs u mill-plejers. Fil-prattika, bħalissa iktar minn 50 assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol huma membri tal-UEFA.

4        Skont l-Artikoli 11 u 12 tal-istess Statut, il-korpi tal-UEFA jinkludu b’mod partikolari “korp suprem”, imsejjaħ il-“Kungress”, u “Kumitat Eżekuttiv”.

5        L-Artikolu 49 tal-Istatut tal-UEFA, intitolat “Kompetizzjonijiet”, jipprevedi:

“1.      L-UEFA waħedha tiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni u l-kanċellazzjoni ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali fl-Ewropa li fihom jieħdu sehem l-assoċjazzjonijiet u/jew il-klabbs tagħhom. Il-kompetizzjonijiet tal-FIFA ma humiex ikkonċernati minn din id-dispożizzjoni.

[…]

3.      Il-logħbiet, il-kompetizzjonijiet jew it-tournaments internazzjonali li ma humiex organizzati mill-UEFA iżda li jintlagħbu fit-territorju tal-UEFA jeħtieġu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA u/jew tal-UEFA u/jew tal-assoċjazzjonijiet membri kompetenti, skont ir-regolamenti li jirregolaw il-logħbiet internazzjonali tal-FIFA u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni addizzjonali adottati mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA.”

6        L-Artikolu 51 ta’ dan l-Istatut, intitolat “Relazzjonijiet ipprojbiti”, jipprovdi:

“1.      Ir-raggruppamenti jew l-alleanzi bejn assoċjazzjonijiet membri tal-UEFA jew bejn ligs jew klabbs affiljati direttament jew indirettament ma’ assoċjazzjonijiet membri differenti tal-UEFA ma jistgħux jiġu fformati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-UEFA.

2.      Il-membri tal-UEFA jew il-ligs u l-klabbs affiljati tagħhom ma jistgħux jilagħbu jew jorganizzaw logħbiet barra mit-territorju tagħhom stess mingħajr il-permess tal-assoċjazzjonijiet membri.”

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża prinċipali u ddomandi preliminari

A.      Ilproġett ta’ Superleague

1        ESLC hija kumpannija rregolata mid-dritt privat stabbilita fi Spanja. Din ġiet ikkostitwita fuq l-inizjattiva ta’ grupp ta’ klabbs tal-futbol professjonali li huma stess huma stabbiliti, skont il-każ, fi Spanja (Club Atlético de Madrid, Fútbol Club Barcelona u Real Madrid Club de Fútbol), fl-Italja (Associazione Calcio Milan, Football Club Internazionale Milano u Juventus Football Club) u fir-Renju Unit (Arsenal Football Club, Chelsea Football Club, Liverpool Football Club, Manchester City Football Club, Manchester United Football Club u Tottenham Hotspur Football Club). Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, hija għandha l-għan li timplimenta proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali ġdida tal-futbol professjonali bl-isem ta’ “Superleague”. Għal dan l-għan, hija stabbilixxiet jew ipprevediet li tistabbilixxi tliet kumpanniji oħra bl-intenzjoni li jieħdu ħsieb, l-ewwel waħda, il-ġestjoni finanzjarja, sportiva u dixxiplinari tas-Superleague ladarba din tiġi stabbilita, it-tieni waħda, l-isfruttament tad-drittijiet tal-midja marbuta ma’ din il-kompetizzjoni u, it-tielet waħda, l-isfruttament tal-assi kummerċjali l-oħra marbuta mal-imsemmija kompetizzjoni.

2        A22 Sports Management SL hija wkoll kumpannija rregolata mid-dritt privat stabbilita fi Spanja. Hija tippreżenta ruħha bħala kumpannija li għandha bħala għan il-provvista ta’ servizzi marbuta mal-istabbiliment kif ukoll mal-ġestjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol professjonali, u b’mod iktar partikolari tal-proġett ta’ Superleague.

3        Fir-rigward tat-tnedija ta’ dan il-proġett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, qabelxejn, li l-klabbs tal-futbol professjonali li kkostitwixxew ESLC kellhom l-intenzjoni li jistabbilixxu kompetizzjoni internazzjonali ġdida tal-futbol li kienet tinvolvi, minn naħa, bejn tnax u ħmistax-il klabb tal-futbol professjonali li kellhom l-istatus ta’ “membri permanenti” u, min-naħa l-oħra, numru li għadu ma ġiex iddefinit ta’ klabbs tal-futbol professjonali li kellhom l-istatus ta’ “klabbs ikkwalifikati” u li kellhom jintgħażlu skont proċess partikolari.

4        Sussegwentement, l-imsemmi abbozz kien ibbażat fuq ftehim bejn l-azzjonisti u l-investiment li jipprevedi, minn naħa, il-konklużjoni ta’ numru ta’ kuntratti li jorbtu kull wieħed mill-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw jew li jistgħu jipparteċipaw fis-Superleague mat-tliet kumpanniji kkostitwiti jew li ser jiġu kkostitwiti permezz ta’ ESLC, u li kellhom l-għan li jippreċiżaw, b’mod partikolari, il-modalitajiet li bihom dawn il-klabbs kellhom jittrasferixxu lil ESLC id-drittijiet tagħhom tal-midja jew dawk kummerċjali fuq din il-kompetizzjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni għal tali trasferiment. Min-naħa l-oħra, kienet prevista l-konklużjoni ta’ numru ta’ kuntratti bejn dawn it-tliet kumpanniji, bl-għan li tiġi kkoordinata l-provvista tas-servizzi neċessarji għall-ġestjoni tas-Superleague, għall-isfruttament tad-drittijiet ittrasferiti lil ESLC u għall-għoti lill-klabbs parteċipanti tal-fondi għad-dispożizzjoni ta’ ESLC. It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-fondi kien huwa stess previst f’ittra li permezz tagħha JP Morgan AG impenjat ruħha li tagħti lil ESLC, permezz ta’ self tranżitorju ta’ ammont massimu ta’ madwar EUR 4 biljun, għajnuna finanzjarja u sussidju infrastrutturali intiżi sabiex jippermettu l-istabbiliment tas-Superleague u l-finanzjament provviżorju tagħha, sakemm jiġi organizzat il-ħruġ ta’ bonds fis-swieq tal-kapital.

5        Fl-aħħar nett, il-ftehim bejn l-azzjonisti u l-investiment inkwistjoni kien jissuġġetta l-istabbiliment tas-Superleague u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi neċessarji għal dan l-għan għal kundizzjoni sospensiva li tikkonsisti fil-kisba jew tar-rikonoxximent, mill-FIFA jew mill-UEFA, ta’ din il-kompetizzjoni internazzjonali u tal-konformità tagħha mar-regoli adottati minn dawn iż-żewġ entitajiet, jew tal-għoti, mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti, ta’ protezzjoni legali li tippermetti lill-klabbs tal-futbol professjonali li għandhom l-istatus ta’ membri permanenti tal-imsemmija kompetizzjoni li jipparteċipaw fiha mingħajr ma dan jaffettwa l-appartenenza jew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, fil-kampjonati professjonali jew fil-kompetizzjonijiet internazzjonali li fihom huma kienu involuti sa dak iż-żmien. Għal dan l-għan, l-imsemmi ftehim kien jipprevedi b’mod partikolari li l-FIFA u l-UEFA kellhom jiġu informati dwar il-proġett ta’ Superleague.

A.      Ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

1        Il-kawża prinċipali toriġina minn azzjoni fil-qasam kummerċjali, flimkien ma’ talba għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji mingħajr dibattitu kontradittorju (inaudita parte), li tressqet minn ESLC quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de Madrid (il-Qorti Kummerċjali ta’ Madrid, Spanja) u li hija indirizzata kontra l-FIFA u l-UEFA.

2        Skont il-qorti tar-rinviju, il-preżentata ta’ din l-azzjoni saret wara t-tnedija tal-proġett ta’ Superleague minn ESLC kif ukoll l-oppożizzjoni tal-FIFA u tal-UEFA għal dan il-proġett.

3        F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, fl‑21 ta’ Jannar 2021, il-FIFA u s-sitt konfederazzjonijiet kontinentali rrikonoxxuti minnha, fosthom l-UEFA, ippubblikaw dikjarazzjoni li fiha huma, l-ewwel nett, esprimew ir-rifjut tagħhom li jirrikonoxxu s-Superleague, it-tieni nett, ħabbru li kull klabb tal-futbol professjonali u kull plejer li jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni internazzjonali kien ser ikun eskluż minn dawk organizzati mill-FIFA u mill-UEFA u, it-tielet nett, enfasizzat li l-kompetizzjonijiet internazzjonali kollha tal-futbol kellhom jiġu organizzati jew awtorizzati mill-entitajiet kompetenti, kif previsti mill-istatuti tal-FIFA u tal-konfederazzjonijiet kontinentali. Din id-dikjarazzjoni kien fiha b’mod partikolari s-silta li ġejja:

“Wara spekulazzjonijiet reċenti mill-mezzi tax-xandir dwar il-ħolqien minn ċerti klabbs Ewropej ta’ ‘Super Leage’ Ewropea magħluqa, il-FIFA u s-sitt konfederazzjonijiet […] jixtiequ jirrepetu u jenfasizzaw mingħajr ambigwità li tali kompetizzjoni ma hija rrikonoxxuta la mill-FIFA u lanqas mill-konfederazzjoni kkonċernata. Minħabba f’hekk, kull klabb jew plejer li jipparteċipa f’tali kompetizzjoni jiġi mċaħħad mid-dritt li jipparteċipa fi kwalunkwe kompetizzjoni organizzata mill-FIFA jew mill-konfederazzjoni tagħha.

Skont l-istatuti tal-FIFA u tal-konfederazzjonijiet, il-kompetizzjonijiet kollha għandhom jiġu organizzati jew irrikonoxxuti mill-korp kompetenti fil-livell rispettiv tagħhom, mill-FIFA fuq livell internazzjonali u mill-konfederazzjoni kkonċernata fuq livell kontinentali.”

4        Barra minn hekk, fit‑18 ta’ April 2021, ġiet ippubblikata stqarrija mill-UEFA, mill-assoċjazzjonijiet Ingliżi, Spanjoli u Taljani tal-futbol kif ukoll minn uħud mill-kampjonati professjonali li jaqgħu taħthom, fejn kien indikat b’mod partikolari li “l-klabbs ikkonċernati ser ikunu pprojbiti milli jipparteċipaw f’kull kompetizzjoni oħra fuq livell nazzjonali, Ewropew jew dinji, u l-plejers tagħhom jistgħu jiġu rrifjutati l-possibbiltà li jirrappreżentaw it-tim nazzjonali tagħhom”.

5        Fid‑19 u fl‑20 ta’ April 2021, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet suċċessivament li l-azzjoni ta’ ESLC kienet ammissibbli u adottat, bħala miżura kawtelatorja u mingħajr dibattitu kontradittorju, numru ta’ ordnijiet intiżi, essenzjalment, sabiex iwasslu lill-FIFA, lill-UEFA u, permezz tagħhom, lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħhom sabiex jastjenu, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, minn kull aġir li jista’ jostakola jew iwaqqaf l-istabbiliment tas-Superleague u l-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali kif ukoll tal-plejers fil-futbol, u b’mod partikolari minn kull miżura dixxiplinari, minn kull sanzjoni kif ukoll minn kull theddida għall-adozzjoni ta’ tali miżuri jew sanzjonijiet li jikkonċernaw lill-klabbs jew lill-plejers.

6        Insostenn tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, dik il-qorti tirrileva essenzjalment, fl-ewwel lok, li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-attività sportiva ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet ta’ moviment (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497) u r-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, u tas‑26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il‑Kummissjoni, T‑193/02, EU:T:2005:22).

7        Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tqis li ż-żewġ attivitajiet ekonomiċi distinti iżda komplementari li jikkostitwixxu s-suq ikkonċernat f’dan il-każ, minn perspettiva materjali u ġeografika, huma l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni, minn naħa, u l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet, kemm fir-rigward ta’ drittijiet patrimonjali, ta’ drittijiet ta’ reġistrazzjoni, ta’ riproduzzjoni u ta’ xandir awdjoviżiv, ta’ drittijiet oħra tal-midja, ta’ drittijiet ta’ natura kummerċjali kif ukoll ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, min-naħa l-oħra.

8        Fit-tielet lok, hija tqis li l-FIFA u l-UEFA ilhom iżommu, għal żmien twil, pożizzjoni ta’ monopolju ekonomiku u kummerċjali, u għalhekk ta’ dominanza, fis-suq ikkonċernat, li tippermettilhom jaġixxu b’mod indipendenti minn kull kompetizzjoni potenzjali, li tagħmilhom imsieħba obbligatorji għal kull entità li diġà topera jew li tixtieq tidħol, b’mod jew ieħor, f’dan is-suq u li timponi fuqhom responsabbiltà partikolari fil-qasam taż-żamma tal-kompetizzjoni.

9        F’dan ir-rigward, hija tosserva, qabel kollox, li l-pożizzjoni dominanti li jgawdu minnha l-FIFA u l-UEFA taqa’ mhux biss fuq l-impriżi li jistgħu jkunu jixtiequ jikkompetu bejniethom billi jorganizzaw kompetizzjonijiet internazzjonali oħra tal-futbol iżda wkoll, permezz tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħhom, fuq l-atturi l-oħra kollha tal-futbol, bħall-klabbs tal-futbol professjonali jew il-plejers, sitwazzjoni li l-Qorti Ġenerali kienet diġà ħadet nota tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il‑Kummissjoni, T‑193/02, EU:T:2005:22). Sussegwentement, hija tippreċiża li l-pożizzjoni dominanti tal-FIFA u tal-UEFA fis-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata mhux biss fuq monopolju ekonomiku u kummerċjali iżda wkoll u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq kollox fuq l-eżistenza ta’ setgħat regolatorji, ta’ kontroll, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni li jippermettu lill-FIFA u lill-UEFA jirregolaw, b’mod imperattiv u komplet, il-kundizzjonijiet li fihom l-atturi l-oħra kollha preżenti f’dan is-suq jistgħu jeżerċitaw attività ekonomika hemmhekk. Fl-aħħar nett, hija tesponi li l-għaqda ta’ dawn l-elementi kollha toħloq, fil-prattika, ostakolu għad-dħul li huwa kważi impossibbli għall-kompetituri potenzjali tal-FIFA u tal-UEFA li jegħlbu. B’mod partikolari, dawn huma kkonfrontati bir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel applikabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol u għall-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers fihom, kif ukoll bir-regoli ta’ approprjazzjoni u ta’ sfruttament esklużiv tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet.

10      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-aġir tal-FIFA u tal-UEFA jikkostitwixxix, f’żewġ aspetti, abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE.

11      Dwar dan il-punt, hija tiddikjara, minn naħa, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 51 u 52, kif ukoll tas‑16 ta’ Diċembru 2020, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni, T‑93/18, EU:T:2020:610, punt 70) jirriżulta li l-fatt li assoċjazzjoni sportiva, li teżerċita attività ekonomika ta’ organizzazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi tingħata, b’mezz leġiżlattiv jew regolatorju, is-setgħa li tinnomina b’mod parallel, de jure jew de facto, l-impriżi l-oħra awtorizzati jimplimentaw tali kompetizzjonijiet, mingħajr ma din is-setgħa tkun suġġetta għal limiti, obbligi u kontroll xierqa, jagħti lil din l-assoċjazzjoni sportiva vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha, billi jippermettilha kemm li tipprekludi l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għas-suq kif ukoll li tiffavorixxi l-attività ekonomika tagħha stess.

12      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li l-FIFA u l-UEFA qegħdin jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ir-regoli li dawn iż-żewġ entitajiet adottaw, fil-kwalità tagħhom ta’ assoċjazzjonijiet u bis-saħħa tas-setgħat regolatorji u ta’ kontroll li huma attribwixxew lilhom infushom, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol, jippermettulhom jipprekludu d-dħul ta’ impriżi potenzjalment kompetituri f’dan is-suq, u dan iktar u iktar peress li dawn is-setgħat jingħaqdu mas-setgħat ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni li jagħtuhom il-possibbiltà li jobbligaw kemm lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħha kif ukoll lill-atturi l-oħra tal-futbol, b’mod partikolari lill-klabbs tal-futbol professjonali u lill-plejers, sabiex josservaw il-monopolju tagħhom fl-imsemmi suq. Barra minn hekk, l-istatuti tal-FIFA u tal-UEFA ma jipprevedux dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u, b’mod iktar wiesa’, tas-setgħat ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni li huma jingħaqdu magħhom hija esklużivament iggwidata minn għanijiet ta’ interess ġenerali u mhux minn interessi kummerċjali jew finanzjarji marbuta mal-attività ekonomika li dawn iż-żewġ entitajiet iwettqu b’mod parallel. Fl-aħħar nett, l-imsemmija regoli u l-imsemmija setgħat ma humiex limitati minn kriterji materjali u minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex jiżguraw in-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom, ta’ natura li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-FIFA u tal-UEFA. Il-miżuri mħabbra minn dawn iż-żewġ entitajiet f’dan il-każ, wara t-tnedija tal-proġett ta’ Superleague, juru din is-sitwazzjoni.

13      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-FIFA u l-UEFA jiksrux ukoll l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE billi japproprijaw għalihom infushom, permezz tal-istatuti, id-drittijiet legali u ekonomiċi kollha marbuta mal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol li huma organizzati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll billi jirriżervaw għalihom infushom l-isfruttament esklużiv ta’ dawn id-drittijiet. Fil-fatt, ir-regoli adottati mill-FIFA fir-rigward ta’ dan jagħtu lilha, lill-UEFA u lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħha l-istatus ta’ “detenturi oriġinali” tal-imsemmija drittijiet, u konsegwentement iċaħħdu lill-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw f’tali kompetizzjonijiet mis-sjieda tagħhom jew jobbligawhom iċeduhom lil dawn iż-żewġ entitajiet. Minbarra dan, dawn ir-regoli jingħaqdu mar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u, b’mod iktar wiesa’, mas-setgħat regolatorji, ta’ stħarriġ, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni li għandhom barra minn hekk il-FIFA u l-UEFA sabiex jagħlqu s-suq ikkonċernat għall-impriżi kollha potenzjalment kompetituri jew, tal-inqas, sabiex jiddiswaduhom milli jidħlu f’dan is-suq, billi jillimitaw il-possibbiltà tagħhom li jisfruttaw id-diversi drittijiet marbuta mal-kompetizzjonijiet inkwistjoni.

14      Fil-ħames lok, dik il-qorti tosserva li l-aġir tal-FIFA u tal-UEFA huwa wkoll ta’ natura li jikser il-projbizzjoni tal-akkordji stabbiliti fl-Artikolu 101 TFUE.

15      F’dan ir-rigward, hija tqis, l-ewwel nett, li l-Artikoli 20, 22, 67, 68 u 71 sa 73 tal-Istatut tal-FIFA, l-Artikoli 49 u 51 tal-Istatut tal-UEFA kif ukoll l-artikoli rilevanti tar-Regolament għal-Logħob Internazzjonali tal-FIFA jirriflettu d-deċiżjoni, meħuda minn kull waħda minn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u applikabbli, b’mod partikolari, fit-territorju tal-Unjoni, li jikkoordinaw, billi jissuġġettawh għal ċerti regoli u għal ċerti kundizzjonijiet komuni, l-aġir tagħhom u dak tal-impriżi li huma direttament jew indirettament membri tagħhom fis-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs kif ukoll tal-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta magħhom. Fil-fatt, indipendentement mir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni li jinsabu f’dawn l-artikoli, dawn jinkludu dispożizzjonijiet differenti intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tagħhom kemm mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tal-FIFA u tal-UEFA kif ukoll mill-klabbs tal-futbol professjonali li huma membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet nazzjonali jew li huma affiljati magħhom.

16      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżami tal-kontenut tar-regoli inkwistjoni, tal-kuntest ekonomiku u legali li jagħmlu parti minnu, tal-għanijiet li huma jsegwu u, f’dan il-każ, tal-miżuri ta’ implimentazzjoni mħabbra mill-FIFA u mill-UEFA fil‑21 ta’ Jannar u fit‑18 ta’ April 2021 juri li dawn ir-regoli jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Filwaqt li tirrepeti f’dan ir-rigward l-elementi kollha diġà msemmija fil-kuntest tal-analiżi tagħha dwar l-Artikolu 102 TFUE, hija żżid, b’mod iktar ġenerali, li l-problema ta’ kompetizzjoni quddiemha tirriżulta, b’mod definittiv, mill-fatt li l-FIFA u l-UEFA huma kemm impriżi li jimmonopolizzaw is-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs, b’mod partikolari fit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll tal-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet, kif ukoll assoċjazzjonijiet irregolati mid-dritt privat li għandhom, bis-saħħa tal-istatuti tagħhom stess, setgħat regolatorji, ta’ kontroll, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni applikabbli għall-atturi l-oħra kollha tal-futbol, kemm jekk huma operaturi ekonomiċi jew sportivi. Fil-fatt, billi huma fl-istess ħin “leġiżlatur u parti”, il-FIFA u l-UEFA jinsabu manifestament f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi ta’ natura li twassalhom sabiex jużaw is-setgħat tagħhom ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ sanzjoni sabiex jipprekludu l-istabbiliment ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol li ma jagħmlux parti mis-sistema tagħhom, u għalhekk sabiex jostakolaw kull kompetizzjoni potenzjali fis-suq.

17      Fis-sitt u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ sanzjoni adottati mill-FIFA u mill-UEFA kif ukoll il-miżuri mħabbra f’dan il-każ minn dawn iż-żewġ entitajiet fil‑21 ta’ Jannar u fit‑18 ta’ April 2021 jippreġudikawx, fl-istess ħin, il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema li jgawdu minnha l-plejers li huma jew li jistgħu jiġu impjegati mill-klabbs tal-futbol professjonali li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bħas-Superleague, il-libertajiet li jiġu pprovduti servizzi u ta’ stabbiliment li jibbenefikaw minnhom kemm dawn il-klabbs kif ukoll l-impriżi li joffru servizzi oħra marbuta mal-organizzazzjoni u mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet, kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital meħtieġ għall-istabbiliment ta’ dawn tal-aħħar.

18      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, b’mod partikolari, li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li regoli ta’ oriġini pubblika jew privata li jistabbilixxu sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għandhom mhux biss ikunu ġġustifikati minn għan ta’ interess ġenerali iżda għandhom ukoll ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika b’mod partikolari li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandha l-entità kompetenti sabiex tagħti tali awtorizzazzjoni għandu jkun irregolat minn kriterji trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Issa, f’dan il-każ, dawn id-diversi rekwiżiti ma humiex issodisfatti, kif jirriżulta mill-elementi differenti invokati fil-kuntest tal-analiżi mwettqa fir-rigward tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil de Madrid (il‑Qorti Kummerċjali ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi artikolu jipprojbixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jikkonsisti f’li l-FIFA u l-UEFA jistabbilixxu fl-istatuti tagħhom (b’mod partikolari, l-Artikoli 22 u 71 sa 73 tal-Istatuti tal-FIFA, l-Artikoli 49 u 51 tal-Istatuti tal-UEFA, kif ukoll kwalunkwe artikolu simili inkluż fl-istatuti tal-assoċjazzjonijiet membri u l-ligs nazzjonali) li hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel minn dawn l-entitajiet, li taw lilhom infushom il-kompetenza esklużiva sabiex jorganizzaw jew jawtorizzaw kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ klabbs fl-Ewropa, sabiex entità terza tistabbilixxi kompetizzjoni ġdida ta’ klabbs pan-Ewropea bħas-Superliga, b’mod partikolari fejn ma teżisti ebda proċedura rregolata, ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, u fid-dawl ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali li jaffettwa lill-FIFA u lill-UEFA?

2)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi artikolu jipprojbixxi lill-FIFA u lill-UEFA milli jirrikjedu fl-istatuti tagħhom (b’mod partikolari l-Artikoli 22 u 71 sa 73 tal-Istatuti tal-FIFA, l-Artikoli 49 u 51 tal-Istatuti tal-UEFA, kif ukoll kwalunkwe artikolu simili inkluż fl-istatuti tal-assoċjazzjonijiet membri u l-ligs nazzjonali) awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dawn l-entitajiet, li taw lilhom infushom il-kompetenza esklużiva sabiex jorganizzaw jew jawtorizzaw kompetizzjonijiet internazzjonali fl-Ewropa, sabiex entità terza tkun tista’ toħloq kompetizzjoni ta’ klabbs pan-Ewropea bħas-Superliga, b’mod partikolari fejn ma teżisti ebda proċedura rregolata, ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, u fid-dawl ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali li jaffettwa lill-FIFA u lill-UEFA?

3)      [L-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 102 TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imsemmija artikoli jipprojbixxu aġir mill-FIFA, mill-UEFA, mill-assoċjazzjonijiet membri tagħhom u/jew mil-ligs nazzjonali li jikkonsisti fit-theddida li jiġu adottati sanzjonijiet kontra l-klabbs li jipparteċipaw fis-Superliga u/jew il-plejers tagħhom, minħabba d-deterrent li tali sanzjonijiet jistgħu joħolqu? Jekk jiġu adottati s-sanzjonijiet li jinvolvu esklużjoni minn kompetizzjonijiet jew projbizzjoni mill-parteċipazzjoni f’logħob ta’ timijiet nazzjonali, tali sanzjonijiet, jekk ma kinux ibbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, ikunu jikkostitwixxu ksur tal-[Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE]?

4)      [L-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 102 TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 67 u 68 tal-Istatuti tal-FIFA huma inkompatibbli ma’ dawn l-artikoli sa fejn dawn jidentifikaw lill-UEFA u lill-federazzjonijiet nazzjonali membri tagħha bħala ‘sidien oriġinali tad-drittijiet kollha li joriġinaw mill-kompetizzjonijiet [...] taħt il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom’ [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jċaħħad lill-klabbs parteċipanti u lil kwalunkwe organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet alternattivi mis-sjieda oriġinali ta’ dawn id-drittijiet u jagħtu lilhom infushom responsabbiltà esklużiva għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom?

5)      Jekk il-FIFA u l-UEFA, bħala entitajiet li taw lilhom infushom il-kompetenza esklużiva sabiex jorganizzaw u jawtorizzaw kompetizzjonijiet ta’ klabbs tal-futbol internazzjonali fl-Ewropa, kellhom jipprojbixxu jew jopponu, abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-istatuti tagħhom, l-iżvilupp tas-Superliga, l-Artikolu 101 TFUE jkollu jiġi interpretat fis-sens li dawn ir-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-eċċezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, abbażi tal-fatt li l-produzzjoni hija sostanzjalment limitata, il-ħolqien ta’ prodotti alternattivi għal dawk offruti mill-FIFA/UEFA fis-suq huwa prekluż u l-innovazzjoni hija ristretta, billi formats u arranġamenti oħrajn huma preklużi, u b’dan il-mod tiġi eliminata kompetizzjoni potenzjali fis-suq u tiġi limitata l-għażla tal-konsumatur? Tali restrizzjoni tkun tibbenefika minn ġustifikazzjoni oġġettiva li tkun tagħmilha possibbli li jitqies li ma hemmx abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE?

6)      L-Artikoli 45, 49, 56 u/jew 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, billi tirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA u l-UEFA għall-istabbiliment, minn operatur ekonomiku ta’ Stat Membru, ta’ kompetizzjoni ta’ klabbs pan-Ewropea bħas-Superliga, dispożizzjoni bħal dik inkluża fl-Istatuti tal-FIFA u tal-UEFA (b’mod partikolari, l-Artikoli 22 u 71 sa 73 tal-Istatuti tal-FIFA, l-Artikoli 49 u 51 tal-Istatuti tal-UEFA, kif ukoll kwalunkwe artikolu simili inkluż fl-istatuti tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali membri [u] il-ligs nazzjonali) tikkostitwixxi restrizzjoni kuntrarja għal xi libertà [ta’ moviment] [i]rrikonoxxuta f’dawn id-dispożizzjonijiet?”

I.      Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

1        Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Juzgado de lo Mercantil de Madrid (il-Qorti Kummerċjali ta’ Madrid) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta din il-kawża għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ dik it-talba, hija semmiet, minn naħa, in-natura sinjifikattiva u sensittiva, minn perspettiva ekonomika u soċjali, tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn din it-tilwima u dawn id-domandi jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, hija esponiet li l-imsemmija domandi saru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali li diġà tat lok għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji u li għandhom ċerta natura ta’ urġenza, fid-dawl tad-danni li l-eżistenza tagħhom hija invokata mill-klabbs tal-futbol professjonali li kkostitwixxew ESLC u, b’mod iktar wiesa’, tal-konsegwenzi prattiċi u finanzjarji li l-pandemija tal-COVID‑19 ikkawżat għas-settur tal-futbol, b’mod partikolari fit-territorju tal-Unjoni.

2        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad dik it-talba minħabba li ċ-ċirkustanzi invokati insostenn tagħha ma kinux jiġġustifikaw, fihom infushom, li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

3        Fil-fatt, dik il-proċedura tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex iwieġeb għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja, li l-eżistenza tagħha għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali speċifiċi għall-kawża li fir-rigward tagħha titressaq talba għal proċedura mħaffa (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Diċembru 2017, M. A. et, C‑661/17, EU:C:2017:1024, punt 17, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punt 22).

4        Issa, in-natura sinjifikattiva u sensittiva, minn perspettiva ekonomika u soċjali, ta’ tilwima u tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta magħha, f’qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ urġenża straordinarja u, konsegwentement, in-neċessità li tintuża l-proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2019, M.V. et, C‑760/18, EU:C:2019:170, punt 18, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punt 24).

5        Barra minn hekk, il-fatt li tilwima tkun urġenti u li l-qorti nazzjonali kompetenti ikollha tagħmel kull sforz sabiex tiżgura s-soluzzjoni rapida tagħha ma jiġġustifikax, fih innifsu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża għal deċiżjoni preliminari korrispondenti għal din il-proċedura, fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punti 26 sa 29). Fil-fatt, hija qabel kollox il-qorti nazzjonali adita b’dik it-tilwima, li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa l-kwistjonijiet konkreti għall-partijiet u li tqis li huwa neċessarju li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tadotta, fl-istennija tad-deċiżjoni tagħha, il-miżuri provviżorji adegwati kollha sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li hija stess tintalab tagħti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punt 33), kif barra minn hekk għamlet il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ.

I.      Fuq lammissibbiltà

1        Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, waħda miż-żewġ intervenjenti fil-kawża prinċipali li sostniethom, l-Irlanda kif ukoll il-Gvern Franċiż u l-Gvern Slovakk ikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħha.

2        L-argumenti li huma jressqu dwar dan is-suġġett huma, essenzjalment, ta’ tliet tipi. Dawn jinkludu, l-ewwel nett, argumenti ta’ natura proċedurali bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ngħatat, minn naħa, wara l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji mingħajr dibattitu kontradittorju, u għalhekk mingħajr ma l-partijiet fil-kawża prinċipali nstemgħu minn qabel, kif madankollu kienu jeżiġu d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern applikabbli, u, min-naħa l-oħra, mingħajr ma l-qorti tar-rinviju tkun iddeċidiet dwar it-talba tal-konvenuti fil-kawża prinċipali intiża sabiex hija tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qrati Svizzeri. It-tieni nett, huma invokati argumenti ta’ natura formali li l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura sa fejn din ma tippreżentax b’mod suffiċjentement preċiż u ddettaljat il-kuntest ġuridiku u fattwali li fih il-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din is-sitwazzjoni hija partikolarment problematika f’kawża li għandha natura kumplessa li essenzjalment tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, din hija ta’ natura li tipprekludi lill-persuni kkonċernati milli jieħdu pożizzjoni b’mod effettiv fuq il-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi. It-tielet nett, huma mressqa argumenti ta’ natura materjali dwar in-natura ipotetika tat-talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn ma teżistix tilwima reali li t-trattament tagħha jista’ jirrendi neċessarja kwalunkwe deċiżjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali sitwazzjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-ebda talba fil-forma debita għall-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ Superleague ma kienet għadha ġiet ippreżentata lill-FIFA u lill-UEFA, u mill-fatt li dan il-proġett kien għadu vag u fi stadju bikri kemm fid-data li fiha ġie mħabbar kif ukoll f’dik meta ġiet ippreżentata l-azzjoni li wasslet għall-kawża prinċipali.

3        Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Rumen ikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tielet sas-sitt domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għal raġunijiet li huma, essenzjalment, analogi għal dawk invokati sabiex tiġi kkontestata l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħha, jiġifieri li ma humiex suffiċjentement issostanzjati jew li huma ipotetiċi. L-elementi prinċipali mressqa f’dan il-kuntest jirrigwardaw l-assenza ta’ relazzjoni fattwali jew legali reali jew suffiċjentement spjegata, fid-deċiżjoni tar-rinviju, bejn, minn naħa, it-tilwima fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, ir-regoli tal-FIFA dwar l-approprjazzjoni u l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta mal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol (ir-raba’ domanda) kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet ta’ moviment (is-sitt domanda).

A.      Fuq ilkundizzjonijiet proċedurali ta’ adozzjoni taddeċiżjoni tarrinviju

1        Fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qrati nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għal dik id-deċiżjoni sakemm din ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt intern (sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 1982, Reina, 65/81, EU:C:1982:6, punt 7, u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 70).

2        F’dan il-każ, għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina għal liema regoli ta’ proċedura d-dritt intern jissuġġetta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni tar-rinviju fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, miżuri kawtelatorji ġew adottati preċedentement mingħajr dibattitu kontradittorju, u lanqas li tivverifika jekk dik id-deċiżjoni tteħditx konformement ma’ dawn ir-regoli.

3        Barra minn hekk, fid-dawl tal-argumenti invokati minn uħud mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li huwa possibbli għal qorti nazzjonali li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja kemm fil-kuntest ta’ proċedura ta’ natura urġenti, bħalma hija proċedura li għandha bħala suġġett l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji jew ta’ miżuri provviżorji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann-La Roche, 107/76, EU:C:1977:89, punti 1 u 4, kif ukoll tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 20), kif ukoll f’dak ta’ proċedura li ma hijiex ta’ natura kontradittorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1971, Politi, 43/71, EU:C:1971:122, punti 4 u 5, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster, C‑66/20, EU:C:2021:670, punt 37), sakemm il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 267 TFUE jkunu ssodisfatti u sakemm tali talba tosserva r-rekwiżiti kollha applikabbli għall-forma tagħha kif ukoll għall-kontenut tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punti 23 u 24).

A.      Fuq ilkontenut taddeċiżjoni tarrinviju

1        Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari stipulata fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali b’punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meħtieġa sabiex jiddeċiedu tilwim pendenti quddiemhom. Skont ġurisprudenza stabbilita, li hija issa riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, hekk kif jistipula l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi r-raġunijiet li wasslu sabiex il-qorti tar-rinviju jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi, bħall-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 83, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punti 23 u 24).

2        Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 1982, Holdijk et, 141/81 sa 143/81, EU:C:1982:122, punt 7, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 31).

3        F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tippreżenta, b’mod iddettaljat, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, dik id-deċiżjoni tesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tqis li kien neċessarju li tagħmel dawn id-domandi kif ukoll ir-rabta li tgħaqqad, fil-fehma tagħha, l-Artikoli 45, 49, 56, 63, 101 u 102 TFUE mal-kawża prinċipali, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistabbilixxi fiha, b’mod ċar u preċiż, l-elementi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tifformula hija stess ċerti evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali u legali.

4        B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li jirrigwardaw, minn naħa, is-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iddefinit bħala dak tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni dominanti li jokkupaw il-FIFA u l-UEFA, jippermettu li wieħed jifhem ir-realtà tar-relazzjoni eżistenti, fil-kuntest hekk iddefinit, bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali u r-raba’ domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-finijiet tal-applikazzjoni potenzjali ta’ dan l-artikolu għar-regoli tal-FIFA dwar l-approprjazzjoni u l-isfruttament tad-drittijiet inkwistjoni.

5        Barra minn hekk, il-kontenut tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja juri l-fatt li l-awturi tagħhom ma kellhom l-ebda diffikultà sabiex jifhmu l-kuntest fattwali u legali tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sabiex jifhmu s-sens u l-portata tad-dikjarazzjonijiet fattwali li fuqhom huma bbażati, sabiex jifhmu r-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju qieset li kien neċessarju li tagħmilhom kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex jieħdu pożizzjoni b’mod komplet u utli dwar dan is-suġġett.

A.      Fuq irrealtà tattilwima u rrilevanza taddomandi magħmula lillQorti talĠustizzja

1        Hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja fil-futur, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din it-tilwima, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għal dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punti 15 u 18, kif ukoll tas‑7 ta’ Frar 2023, Confédération paysanne et (Mutaġenesi każwali in vitro), C‑688/21, EU:C:2023:75, punti 32 u 33).

2        F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, flimkien mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li d-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punti 28 sa 32 ta’ din is-sentenza juru n-natura reali tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, dawn l-istess dikjarazzjonijiet kif ukoll dawk imsemmija fil-punti 33 sa 46 tal-imsemmija sentenza juru li l-fatt li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-kuntest, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE ma huwiex manifestament nieqes minn rabta mar-realtà u mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

3        B’mod partikolari, għalkemm huwa minnu li teżisti kontroversja bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar il-possibbiltà, għal dik il-qorti, li tapplika, b’mod parallel mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, artikoli dwar il-libertajiet ta’ moviment, fid-dawl tal-kliem li bihom huma fformulati t-talbiet li bihom ġiet adita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li, kif fakkar il-Gvern Spanjol waqt is-seduta, l-imsemmija qorti tidher, f’dan l-istadju, li qieset li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħmel dan, peress li l-istħarriġ tal-fondatezza ta’ din il-pożizzjoni ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4        Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha.

I.      Fuq iddomandi preliminari

1        Permezz tal-ewwel ħames domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, dwar il-projbizzjoni tal-akkordji antikompetittivi u tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti, sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ma’ dawn iż-żewġ artikoli ta’ sett ta’ regoli adottati mill-FIFA kif ukoll mill-UEFA.

2        Permezz tas-sitt domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45, 49, 56 u 63 TFUE, dwar il-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, sabiex tiddeċiedi, b’mod parallel, dwar il-kompatibbiltà tal-istess regoli ma’ dawn l-erba’ artikoli.

3        Il-kawża li fil-kuntest tagħha saru dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja toriġina minn rikors ta’ impriża li tilmenta, essenzjalment, li r-regoli adottati mill-FIFA u mill-UEFA, fid-dawl tan-natura tagħhom, tal-kontenut tagħhom, tal-għanijiet tagħhom, tal-kuntest konkret tagħhom u tal-implimentazzjoni li tista’ ssir tagħhom, jipprekludu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet. B’mod iktar speċifiku, din l-impriża ssostni li, wara t-tnedija tal-proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali tal-futbol ġdida li hija għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi, il-FIFA u l-UEFA kisru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE billi indikaw li huma kellhom l-intenzjoni jimplimentaw l-imsemmija regoli u billi enfasizzaw il-konsegwenzi konkreti li tali implimentazzjoni jista’ jkollha għall-kompetizzjoni kkonċernata kif ukoll għall-klabbs u għall-plejers parteċipanti.

4        Fid-dawl kemm tal-kontenut tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tan-natura tat-tilwima li fil-kuntest tagħha tqajmu, qabel ma jiġu eżaminati dawn id-domandi għandhom jiġu fformulati tliet sensiliet ta’ osservazzjonijiet preliminari.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq issuġġett talkawża prinċipali

1        Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw esklużivament sett ta’ regoli li permezz tagħhom il-FIFA u l-UEFA għandhom l-intenzjoni li jirregolaw, minn naħa, l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ ċerti kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers fihom u, min-naħa l-oħra, l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet.

2        F’dan ir-rigward, qabel kollox, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-domandi jirriżulta li r-regoli kkonċernati jinsabu fl-Artikoli 22, 67, 68 u 71 sa 73 tal-Istatut tal-FIFA kif ukoll fl-Artikoli 49 sa 51 tal-Istatut tal-UEFA. Madankollu, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dawn ir-regoli huma biss inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali sa fejn huma jkunu applikabbli għall-kompetizzjonijiet internazzjonali “li jinvolvu” jew “li fihom jieħdu sehem” il-klabbs, skont it-terminoloġija użata rispettivament fl-Artikolu 71(1) tal-Istatut tal-FIFA u fl-Artikolu 49(1) tal-Istatut tal-UEFA. Filwaqt li huma wkoll huma kklassifikati bħala “kompetizzjonijiet bejn il-klabbs” fl-Artikolu 22(3)(c) tal-Istatut tal-FIFA, dawn il-kompetizzjonijiet jagħmlu parti mill-kategorija iktar wiesgħa tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol imsejħa “tat-tieni kategorija” li huma msemmija fl-Artikoli 8 u 11 tar-Regolament għal-Logħob Internazzjonali tal-FIFA u li jaqgħu taħt il-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li għalih jirreferu dawn l-artikoli.

3        Konsegwentement, ma humiex inkwistjoni, fil-kawża prinċipali u għalhekk f’din il-kawża, ir-regoli adottati mill-FIFA u mill-UEFA f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali oħra tal-futbol, bħal dawk li fihom jipparteċipaw esklużivament timijiet li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tal-FIFA u tal-UEFA, it-tieni nett, il-parteċipazzjoni ta’ timijiet jew ta’ plejers f’dawn il-kompetizzjonijiet u, it-tielet nett, l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn tal-aħħar.

4        Ma hemm inkwistjoni, a fortiori, f’dan il-każ, la r-regoli li setgħu ġew adottati mill-FIFA u mill-UEFA fir-rigward ta’ attivitajiet oħra, u lanqas id-dispożizzjonijiet tal-Istatuti tal-FIFA u tal-UEFA li jirrigwardaw il-funzjonament, l-organizzazzjoni, l-għanijiet jew inkella l-eżistenza stess ta’ dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet, filwaqt li għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, filwaqt li għandha awtonomija legali li tippermettilhom jadottaw regoli dwar, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet fid-dixxiplina tagħhom, l-iżvolġiment tajjeb tagħhom u l-parteċipazzjoni tal-atleti fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 67 u 68, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 60), tali assoċjazzjonijiet ma jistgħux, b’dan il-mod, jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 81 u 83, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 52).

5        Madankollu, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti bl-ebda mod ma tipprekludi li d-dispożizzjonijiet bħal dawk li jirrigwardaw l-organizzazzjoni jew il-funzjonament tal-FIFA u tal-UEFA jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-eżami li din ser tintalab twettaq sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, sa fejn dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa ġġustifikat sabiex jiġu applikati l-artikoli tat-Trattat FUE li dwarhom dik il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-interpretazzjoni li tinsab f’din is-sentenza.

6        Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm it-tilwima fil-kawża prinċipali toriġina minn azzjoni mressqa minn kumpannija li ħabbret it-tnedija ta’ proġett ta’ kompetizzjoni internazzjonali ġdida tal-futbol imsejħa “Superleague”, u minkejja li t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna speċifikament l-aġir konkret li permezz tiegħu l-FIFA u l-UEFA rreaġixxew għal din it-tnedija, il-ħames domandi l-oħra ta’ dik il-qorti jirrigwardaw, min-naħa tagħhom, ir-regoli tal-FIFA u tal-UEFA li fuqhom kien ibbażat dan l-aġir (jiġifieri dawk dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet ta’ din in-natura u l-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali jew tal-plejers fihom) kif ukoll regoli oħra li għandhom relazzjoni, skont l-imsemmija qorti, mas-suq ikkonċernat kif iddefinit minnha (jiġifieri dawk relatati mal-approprjazzjoni u mal-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet).

7        Dawn id-domandi, ikkunsidrati flimkien, huma għalhekk intiżi sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk dawn id-diversi regoli, sa fejn jistgħu jiġu implimentati fir-rigward ta’ kull kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs organizzata jew prevista fit-territorju tal-Unjoni, bħal dik li t-tnedija mħabbra tagħha tat lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux, fid-dawl tan-natura tagħhom, tal-kontenut tagħhom, tal-għanijiet tagħhom u tal-kuntest konkret tagħhom, ksur tal-Artikoli 45, 56, 49, 63, 101 u 102 TFUE.

8        F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tar-risposti tagħha għad-domandi kollha li sarulha, il-karatteristiċi rilevanti kollha tar-regoli tal-FIFA u tal-UEFA li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif iċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju u mfakkra mill-partijiet kollha fil-kawża prinċipali.

9        Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix, min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45, 56, 49, 63, 101 u 102 TFUE sabiex tiddeċiedi, f’sens jew ieħor, dwar il-kompatibbiltà tal-proġett ta’ Superleague stess ma’ dawn id-diversi artikoli tat-Trattat FUE.

10      Barra minn hekk, il-karatteristiċi ta’ dan il-proġett ma humiex ta’ rilevanza partikolari fil-kuntest tar-risposti li għandhom jingħataw għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ sas-sitt domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-għan tagħhom. Minbarra dan, sa fejn dawn il-karatteristiċi huma diskussi b’mod qawwi mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tillimita ruħha, f’dan ir-rigward, li tippreċiża, sa fejn ikun meħtieġ, sa fejn dawn jistgħu jkunu rilevanti, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju.

1.      Fuq lapplikabbiltà taddritt talUnjoni għallisport u għallattività talassoċjazzjonijiet sportivi

1        Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45, 56, 49, 63, 101 u 102 TFUE fil-kuntest ta’ tilwima li tikkontesta r-regoli li ġew adottati minn żewġ entitajiet li, skont l-istatuti rispettivi tagħhom, għandhom il-kwalità ta’ assoċjazzjonijiet irregolati mid-dritt privat responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-kontroll tal-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs kif ukoll l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet.

2        F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn l-eżerċizzju ta’ sport jikkostitwixxi attività ekonomika, huwa jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli għal tali attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 4, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 27).

3        Huma biss ċerti regoli speċifiċi li, minn naħa, ġew adottati esklużivament għal raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika u li, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw kwistjonijiet li jikkonċernaw biss l-isport bħala tali għandhom jitqiesu bħala estranji għal kull attività ekonomika. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw l-esklużjoni ta’ plejers barranin mill-kompożizzjoni ta’ timijiet li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw il-pajjiż tagħhom jew li jirrigwardaw l-iffissar tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni użati għall-għażla tal-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet fuq bażi individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 8; tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 76 u 127, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 43, 44, 63, 64 u 69).

4        Bl-eċċezzjoni ta’ dawn ir-regoli speċifiċi, ir-regoli li l-assoċjazzjonijiet sportivi jadottaw sabiex jirregolaw ix-xogħol imħallas jew il-provvista ta’ servizzi ta’ plejers professjonali jew semiprofessjonali u, b’mod iktar wiesa’, ir-regoli li, filwaqt li ma jirregolawx formalment dan ix-xogħol jew din il-provvista ta’ servizzi, għandhom effett dirett fuq l-imsemmi xogħol jew fuq l-imsemmija provvista ta’ servizzi jistgħu jaqgħu taħt l-Artikoli 45 u 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punti 5, 17 sa 19 u 25; tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 75, 82 sa 84 u 87; tat‑12 ta’ April 2005, Simutenkov, C‑265/03, EU:C:2005:213, punt 32, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 28 u 30).

5        Bl-istess mod, ir-regoli adottati minn tali assoċjazzjonijiet jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 28), kif ukoll taħt l-Artikolu 63 TFUE.

6        Fl-aħħar nett, dawn ir-regoli u, b’mod iktar wiesa’, l-aġir tal-assoċjazzjonijiet li adottawhom, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 30 sa 33), li jimplika li dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “impriżi” fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jew li r-regoli inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

7        B’mod iktar ġenerali, peress li tali regoli jaqgħu għalhekk taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, huma għandhom, fil-każ fejn jistabbilixxu rekwiżiti applikabbli għall-individwi, ikunu maħsuba u implimentati b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punti 60, 65 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

8        Issa, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm jekk jirriżultaw mill-FIFA jew mill-UEFA, ma jifformawx parti minn dawk li għalihom tista’ tiġi applikata l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li għandha tibqa’ limitata għall-għan proprju tagħha u li ma tistax tiġi invokata sabiex teskludi kull attività sportiva mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt ekonomiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1976, Donà, 13/76, EU:C:1976:115, punti 14 u 15, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 26).

9        Għall-kuntrarju, l-ewwel nett, ir-regoli dwar l-eżerċizzju, minn assoċjazzjoni sportiva, ta’ setgħat fil-qasam tal-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ kompetizzjonijiet sportivi, li l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom jikkostitwixxu, kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, attività ekonomika għall-impriżi li jwettquhom jew li għandhom l-intenzjoni li jwettquhom, jaqgħu, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 28). Għall-istess raġuni, huma jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet ta’ moviment.

10      It-tieni nett, ir-regoli li ġew adottati mill-FIFA u mill-UEFA sabiex jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers fil-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs jaqgħu wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, minkejja li ma jirregolaw formalment la l-kundizzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ provvista ta’ servizzi tal-plejers u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ servizzi jew, b’mod iktar ġenerali, tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħhom mill-klabbs tal-futbol professjonali, dawn ir-regoli għandhom jitqiesu li għandhom effett dirett, skont il-każ, fuq dan ix-xogħol, fuq din il-provvista ta’ servizzi jew fuq l-eżerċizzju ta’ din l-attività ekonomika, peress li dawn neċessarjament jinfluwenzaw il-possibbiltà li għandhom il-plejers u l-klabbs li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet inkwistjoni.

11      It-tielet nett, ir-regoli li ġew adottati mill-FIFA sabiex tirregola l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta mal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol għandhom l-għan stess li jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li huma detenturi ta’ dawn id-drittijiet jistgħu jisfruttawhom jew jiddelegaw l-isfruttament tagħhom lil impriżi terzi, peress li tali attivitajiet huma ta’ natura ekonomika. Barra minn hekk, huma għandhom effett dirett fuq il-kundizzjonijiet li fihom dawn l-impriżi terzi jew impriżi oħra jistgħu jittamaw li jisfruttaw l-imsemmija drittijiet jew li jiġu ttrasferiti jew konċessi dawn id-drittijiet lilhom, taħt kwalunkwe forma, sabiex iwettqu attivitajiet ta’ intermedjazzjoni (bħall-bejgħ mill-ġdid tad-drittijiet inkwistjoni lil xandara televiżivi u lil fornituri oħra ta’ servizzi tal-midja) jew finali (bħax-xandir jew it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ ċerti logħbiet fuq it-televiżjoni jew permezz tal-internet) li huma wkoll ta’ natura ekonomika.

12      Dawn id-diversi attivitajiet ekonomiċi ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ispettaklu sportiv, tax-xandir tiegħu u tat-tqegħid ta’ reklamar huma, barra minn hekk, komplementari, jew saħansitra marbuta, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 56 u 57, kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 33).

13      Għaldaqstant, ir-regoli kollha tal-FIFA u tal-UEFA li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 45, 49, 56, 63, 101 u 102 TFUE.

1.      Fuq lArtikolu 165 TFUE

1        Il-partijiet kollha fil-kawża prinċipali u numru kbir ta’ gvernijiet li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja esprimew ruħhom, f’sens differenti, dwar il-konsegwenzi li jistgħu jintrabtu mal-Artikolu 165 TFUE fil-kuntest tar-risposti li għandhom jingħataw lid-diversi domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2        F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 165 TFUE għandu jinftiehem fid-dawl tal-Artikolu 6(e) TFUE li jipprevedi li l-Unjoni għandha kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ vokazzjonali, taż-żgħażagħ u tal-isport. Fil-fatt, l-Artikolu 165 TFUE jikkonkretizza din id-dispożizzjoni billi jippreċiża kemm l-għanijiet li huma assenjati lill-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma kkonċernati kif ukoll il-mezzi li jistgħu jintużaw sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

3        Għalhekk, fir-rigward tal-għanijiet li huma assenjati lill-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-isport, l-Artikolu 165 TFUE jistabbilixxi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat kif ukoll il-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu, u, fl-aħħar inċiż tal-paragrafu 2 tiegħu, li l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam hija intiża sabiex tiżviluppa d-dimensjoni Ewropea tal-isport, billi tippromwovi l-ekwità u l-ftuħ fil-kompetizzjonijiet sportivi kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport, u billi tipproteġi l-integrità fiżika u morali tal-atleti, b’mod partikolari tal-persuni l-iktar żgħażagħ fosthom.

4        Fir-rigward tal-mezzi li jistgħu jintużaw sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, l-Artikolu 165 TFUE jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Unjoni għandha trawwem il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport u, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew il-Kunsill li jiddeċiedi waħdu fuq proposta tal-Kummissjoni jistgħu jadottaw, rispettivament, inċentivi jew rakkomandazzjonijiet.

5        It-tieni nett, kif jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 165 TFUE kif ukoll minn dik tal-Artikolu 6(e) TFUE, l-awturi tat-Trattati riedu jagħtu lill-Unjoni, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kompetenza ta’ appoġġ, li tippermettilha tmexxi mhux “politika”, kif previst minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE, iżda “azzjoni” f’diversi oqsma speċifiċi, fosthom l-isport. L-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu għalhekk bażi legali li tawtorizza lill-Unjoni teżerċita din il-kompetenza ta’ appoġġ, fil-kundizzjonijiet u fil-limiti li huma jistabbilixxu, li fosthom hemm, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, l-esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari adottati fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, l-imsemmija kompetenza ta’ appoġġ tippermetti lill-Unjoni tadotta atti legali bl-uniku għan li tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 6 TFUE.

6        Korrelattivament, u kif jirriżulta wkoll mill-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 165 TFUE, b’mod partikolari mill-inklużjoni tiegħu fit-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li hija ddedikata għall-“politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni”, u mhux fl-ewwel parti ta’ dan it-trattat, li tinkludi dispożizzjonijiet ta’ prinċipju li fosthom hemm, taħt it-Titolu II, “[d]ispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali” dwar, inter alia, il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra kull diskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumaturi, dan l-artikolu ma jikkostitwixxix dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ natura trażversali.

7        Minn dan isegwi li, għalkemm l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi u l-għanijiet differenti elenkati fl-Artikolu 165 TFUE meta jadottaw, abbażi ta’ dan l-artikolu u fil-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, miżuri ta’ inkoraġġiment jew rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-isport, dawn id-diversi elementi u għanijiet kif ukoll dawn il-miżuri ta’ inkoraġġiment u rakkomandazzjonijiet ma għandhomx jiġu integrati jew meħuda inkunsiderazzjoni b’mod vinkolanti fl-applikazzjoni tar-regoli li dwar l-interpretazzjoni tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm jekk dawn jikkonċernaw il-libertajiet ta’ moviment tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital (Artikoli 45, 49, 56 u 63 TFUE) jew ir-regoli tal-kompetizzjoni (Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE). B’mod iktar wiesa’, l-Artikolu 165 TFUE lanqas ma jista’ jitqies li huwa regola speċjali li tneħħi l-isport mid-dispożizzjonijiet kollha jew minn parti minnhom tad-dritt primarju tal-Unjoni li jistgħu jiġu applikati għalih jew li teħtieġ li jingħatalu trattament partikolari fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni.

8        It-tielet nett, xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrilevat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività sportiva għandha importanza soċjali u edukattiva kunsiderevoli, li issa hija riflessa fl-Artikolu 165 TFUE, għall-Unjoni kif ukoll għaċ-ċittadini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punti 33 u 34).

9        Barra minn hekk, din l-attività għandha karatteristiċi partikolari li, filwaqt li jikkonċernaw b’mod speċjali l-isport tad-dilettanti, jistgħu wkoll jinsabu fl-eżerċizzju tal-isport bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 33).

10      Fl-aħħar nett, tali karatteristiċi jistgħu possibbilment jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra u sakemm dawn ikunu rilevanti, fl-applikazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE u 101 TFUE, filwaqt li jiġi osservat, madankollu, li dan it-teħid inkunsiderazzjoni jista’ jsir biss fil-kuntest u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet kif ukoll tal-kriterji ta’ applikazzjoni previsti f’kull wieħed minn dawn l-artikoli. L-istess evalwazzjoni tapplika fir-rigward tal-Artikoli 49, 56, 63 u 102 TFUE.

11      B’mod partikolari, meta jiġi sostnut li regola adottata minn assoċjazzjoni sportiva tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema jew għal akkordju antikompetittiv, il-karatterizzazzjoni ta’ din ir-regola bħala ostakolu jew bħala akkordju antikompetittiv għandha, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq eżami konkret tal-kontenut tal-imsemmija regola fil-kuntest reali li fih din tkun ser tiġi implimentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 98 sa 103; tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 61 sa 64, kif ukoll tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punti 48 sa 50). Tali eżami jista’ jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni, pereżempju, tan-natura, tal-organizzazzjoni jew anki tal-funzjonament tal-isport ikkonċernat u, b’mod iktar speċifiku, tal-livell ta’ professjonalizzazzjoni tiegħu, tal-mod kif dan jiġi eżerċitat, tal-mod kif jinteraġixxu l-atturi differenti li jipparteċipaw fih kif ukoll tar-rwol li għandhom l-istrutturi jew l-organi responsabbli għalih fil-livelli kollha, li bihom l-Unjoni trawwem il-kooperazzjoni, skont l-Artikolu 165(3) TFUE.

12      Barra minn hekk, meta tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ostakolu għall-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, l-assoċjazzjoni li tkun adottat ir-regola inkwistjoni għandha l-possibbiltà li turi n-natura ġġustifikata, neċessarja u proporzjonata tagħha fid-dawl ta’ ċerti għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma leġittimi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 104), li jiddependu huma stess mill-karatteristiċi tal-isport ikkonċernat.

13      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament id-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni, u sussegwentement dik dwar il-libertajiet ta’ moviment.

A.      Fuq lewwel salħames domanda, dwar irregoli talkompetizzjoni

1        L-ewwel żewġ domandi jirrigwardaw, essenzjalment, il-mod kif regoli bħal dawk tal-FIFA u tal-UEFA, dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs kif ukoll dwar il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-atleti f’dawn il-kompetizzjonijiet, għandhom jinftiehmu fid-dawl, minn naħa, tal-Artikolu 102 TFUE u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 101(1) TFUE.

2        It-tielet domanda tirrigwarda l-mod kif l-implimentazzjoni mħabbra ta’ dawn ir-regoli, fil-forma tad-dikjarazzjoni u tal-istqarrija msemmija fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-istess artikoli.

3        Ir-raba’ domanda tikkonċerna, min-naħa tagħha, il-mod kif wieħed jifhem, fid-dawl tal-imsemmija artikoli, ir-regoli bħal dawk li ġew adottati mill-FIFA dwar id-drittijiet ta’ sfruttament tal-imsemmija kompetizzjonijiet.

4        Il-ħames domanda, li saret fil-każ li r-regoli msemmija fit-tliet punti preċedenti ta’ din is-sentenza għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti li jaqa’ taħt l-Artikolu 102 TFUE jew akkordju antikompetittiv ipprojbit mill-Artikolu 101(1) TFUE, hija intiża sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk dawn ir-regoli jistgħux madankollu jiġu aċċettati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 102 TFUE jew fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE.

5        Fid-dawl tal-portata ta’ dawn id-diversi domandi, għandu preliminarjament jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE huma applikabbli għal kull entità li teżerċita attività ekonomika u li għandha, bħala tali, tiġi kklassifikata bħala impriża, indipendentement mill-forma ġuridika tagħha kif ukoll mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21; tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 38, kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 20 u 21).

6        Konsegwentement, dawn l-artikoli huma applikabbli, b’mod partikolari, għal entitajiet li huma kkostitwiti fil-forma ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom bħala għan, skont l-istatuti tagħhom, l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ sport partikolari, sa fejn dawn l-entitajiet jeżerċitaw attività ekonomika relatata ma’ dan l-isport, billi joffru oġġetti jew servizzi, u sa fejn għandhom jiġu kklassifikati, f’dan ir-rigward, bħala “impriżi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 22, 23 u 26).

7        Barra minn hekk, l-Artikolu 101 TFUE huwa applikabbli wkoll għal entitajiet li, minkejja li ma jikkostitwixxux neċessarjament huma stess impriżi, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”.

8        F’dan il-każ, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali u tad-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE huma applikabbli għall-FIFA u għall-UEFA sa fejn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet jeżerċitaw attività ekonomika doppja li tikkonsisti, kif jirriżulta mill-punti 34, 90 u 92 ta’ din is-sentenza, fl-organizzazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll fl-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet, u li dawn għandhom jiġu kklassifikati, f’dan ir-rigward, bħala “impriżi”. Barra minn hekk, l-Artikolu 101 TFUE japplika għalihom peress li l-imsemmija assoċjazzjonijiet għandhom bħala membri tagħhom assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma stess jistgħu jiġu kklassifikati bħala “impriżi” sa fejn dawn jeżerċitaw attività ekonomika marbuta mal-organizzazzjoni u mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fuq livell nazzjonali kif ukoll mal-isfruttament ta’ drittijiet marbuta magħhom, jew li huma stess għandhom bħala membri jew affiljati tagħhom entitajiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala tali, bħal klabbs tal-futbol.

9        Fit-tieni lok, b’differenza mill-Artikolu 102 TFUE, li jirrigwarda biss l-aġir unilaterali ta’ impriżi li għandhom, individwalment jew jekk ikun il-każ kollettivament, pożizzjoni dominanti, l-Artikolu 101 TFUE huwa intiż sabiex ikopri forom differenti ta’ aġir li għandhom bħala punt komuni l-fatt li dawn jirriżultaw mill-involviment ta’ diversi impriżi, jiġifieri l-“ftehimiet bejn impriżi”, il-“prattiki miftiehma” u d-“deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tagħhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punti 34 sa 36).

10      F’din il-kawża, l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal entità bħall-FIFA jew bħall-UEFA tippreżumi, fost kundizzjonijiet oħra, li jintwera li din l-entità għandha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari. Issa, f’dan il-każ, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tqis li kull waħda minn dawn iż-żewġ entitajiet għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll fl-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet. Għaldaqstant, huwa abbażi ta’ din il-premessa fattwali u legali, li barra minn hekk hija inkontestabbli fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-FIFA u l-UEFA huma l-uniċi assoċjazzjonijiet li jorganizzaw u jikkummerċjalizzaw tali kompetizzjonijiet fuq livell dinji u Ewropew, b’differenza mis-sitwazzjoni li tipprevali fir-rigward ta’ dixxiplini sportivi oħra, li għandha tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

11      Fir-rigward tal-Artikolu 101(1) TFUE, l-applikazzjoni tiegħu fil-preżenza ta’ entitajiet bħall-FIFA jew bħall-UEFA timplika li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “ftehim”, ta’ “prattika miftiehma” jew ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”, li jistgħu huma stess ikunu ta’ natura differenti u jippreżentaw ruħhom f’forom differenti. B’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni li tikkonsisti fl-adozzjoni jew fl-implimentazzjoni ta’ regoli li għandhom effett dirett fuq il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika tal-impriżi li huma direttament jew indirettament membri tagħha tista’ tikkostitwixxi tali “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 64, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 42 sa 45). F’dan il-każ, huwa fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ dan it-tip li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, jiġifieri dawk li jikkonsistu, għall-FIFA u għall-UEFA, fl-adozzjoni ta’ regoli dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs, dwar il-kontroll tal-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll dwar is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ parteċipazzjoni.

12      Fit-tielet u l-aħħar lok, peress li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw kemm l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-Artikolu 102 TFUE, għandu jitfakkar li l-istess aġir jista’ jagħti lok għal ksur kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni minn dawn iż-żewġ artikoli, anki jekk dawn isegwu għanijiet differenti u għandhom kamp ta’ applikazzjoni distint. L-imsemmija artikoli jistgħu għalhekk jiġu applikati fl-istess ħin meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, EU:C:1989:140, punt 37; tas‑16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punt 33, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 146). Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod konsistenti, filwaqt li jiġu osservati, madankollu, il-karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzaw kull wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli.

1.      Fuq lewwel domanda, dwar linterpretazzjoni talArtikolu 102 TFUE filpreżenza ta’ regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet talfutbol bejn ilklabbs kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

1        Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ regoli mill-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma dawn is-setgħat ikunu limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

2        Madankollu, kif jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tar-regoli li għalihom tirreferi din id-domanda kif ukoll mill-affermazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju li fuqhom hija bbażata l-imsemmija domanda, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw mhux biss l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs iżda wkoll il-possibbiltà, għall-klabbs tal-futbol professjonali u għall-plejers, li jipparteċipaw f’tali kompetizzjonijiet. Kif jirriżulta wkoll minn dawn l-affermazzjonijiet, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija regoli huwa, barra minn hekk, akkumpanjat minn sanzjonijiet applikabbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu l-ksur, li huma sanzjonijiet li jinkludu, kif issemmi t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u kif fakkru l-partijiet kollha fil-kawża prinċipali, l-esklużjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali mill-kompetizzjonijiet kollha organizzati mill-FIFA u mill-UEFA, il-projbizzjoni imposta fuq il-plejers milli jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs jew anki l-projbizzjoni, għalihom, milli jipparteċipaw f’logħob bejn timijiet li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol.

3        Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ regoli mill-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma dawn id-diversi setgħat ikunu limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

a)      Fuq ilkunċett ta’ “abbuż minn pożizzjoni dominanti”

1        Skont l-Artikolu 102 TFUE, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern, jew f’parti sostanzjali tiegħu, ikun inkompatibbli mas-suq intern u jkun ipprojbit.

2        Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu huwa intiż li jevita li jsir użu ħażin tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, billi jiġi ssanzjonat l-aġir ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq il-mertu u għalhekk jista’ jikkawża dannu dirett lil dawn tal-aħħar, jew li jostakola jew joħoloq distorsjoni ta’ din il-kompetizzjoni u għalhekk jista’ jikkawżalhom dannu indirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 22 u 24; tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 20, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 41 u 44).

3        Jikkostitwixxi aġir bħal dan dak l-aġir li, f’suq fejn il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà mdgħajjef, preċiżament wara l-preżenza ta’ impriża waħda jew iktar f’pożizzjoni dominanti, jostakola, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu bejn l-impriżi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punti 174 u 177; tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 24, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 68).

4        Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 102 TFUE la huwa intiż li jipprekludi lill-impriżi milli jiksbu, fuq mertu tagħhom stess, pożizzjoni dominanti f’suq wieħed jew iktar u lanqas li jiżgura li l-impriżi kompetituri li huma inqas effikaċi minn dawk li għandhom tali pożizzjoni jibqgħu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 21; tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 133, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 73).

5        Għall-kuntrarju, il-kompetizzjoni fuq il-mertu tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, twassal għat-tmiem jew għall-marġinalizzazzjoni ta’ impriżi kompetituri li huma inqas effikaċi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi f’termini, b’mod partikolari, ta’ prezz, ta’ produzzjoni, ta’ għażla, ta’ kwalità jew ta’ innovazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 22; tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 134, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 45).

6        A fortiori, filwaqt li jpoġġi fuq l-impriżi f’pożizzjoni dominanti r-responsabbiltà partikolari li ma jikkawżawx preġudizzju, bl-aġir tagħhom, lil kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern, l-Artikolu 102 TFUE ma jinkriminax l-eżistenza stess ta’ pożizzjoni dominanti, iżda biss l-abbuż tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 23, u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 188).

a)      Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

1        Sabiex ikun jista’ jitqies, f’każ partikolari, li aġir għandu jiġi kklassifikat bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti”, huwa neċessarju, bħala regola ġenerali, li jintwera li, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu bejn l-impriżi, dan l-aġir għandu l-effett attwali jew potenzjali li jirrestrinġi din il-kompetizzjoni billi jeskludi impriżi kompetituri daqstant effikaċi mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 25), jew billi jipprekludi l-iżvilupp tagħhom f’dawn is-swieq, minkejja li jista’ jiġi osservat li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu kemm dawk fejn il-pożizzjoni dominanti tinżamm kif ukoll dawk, konnessi jew relatati, fejn l-imsemmi aġir jista’ jipproduċi l-effetti attwali jew potenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni, C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punti 25 sa 27; tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 84 sa 86, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 76).

2        Din il-prova, li tista’ timplika l-użu ta’ tabelli ta’ analiżi differenti skont it-tip ta’ aġir li huwa inkwistjoni f’każ partikolari, għandha madankollu tiġi prodotta, fil-każijiet kollha, billi jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 18, kif ukoll tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations, C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 40), irrispettivament minn jekk dawn jikkonċernawx dan l-aġir innifsu, is-suq jew is-swieq inkwistjoni jew il-funzjonament tal-kompetizzjoni fih jew fihom. Barra minn hekk, l-imsemmija prova għandha tkun intiża sabiex tistabbilixxi, billi tibbaża ruħha fuq elementi ta’ analiżi u provi preċiżi u konkreti, li l-imsemmi aġir għandu, tal-inqas, il-kapaċità li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations, C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 42, 65 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

3        Lil hinn mis-sempliċi aġir li għandu l-effett attwali jew potenzjali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq il-mertu billi jeskludi impriżi kompetituri daqstant effikaċi mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati, jista’ wkoll jiġi kklassifikat bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti” dak l-aġir li jintwera li għandu jew l-effett attwali jew potenzjali, jew anki l-għan, li jipprekludi fi stadju preliminari, permezz tal-istabbiliment ta’ ostakoli għad-dħul jew permezz ta’ miżuri oħra ta’ esklużjoni jew ta’ mezzi oħra differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu, impriżi potenzjalment kompetituri anki jekk sempliċement ikollhom aċċess għal dan is-suq jew dawn is-swieq u, b’dan il-mod, li jimpedixxi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq għad-detriment tal-konsumaturi, billi jillimita l-produzzjoni, l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi alternattivi jew anki l-innovazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 154 sa 157).

4        Għalhekk, għalkemm ma huwiex ipprojbit bħala tali li Stat Membru jagħti lil impriża, permezz ta’ leġiżlazzjoni jew regolament, drittijiet esklużivi jew speċjali f’suq, tali sitwazzjoni ma għandhiex madankollu tkun tali li tippermetti lil din l-impriża li tisfrutta b’mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti li tirriżulta minnha, pereżempju billi teżerċita d-drittijiet inkwistjoni b’mod li jipprekludi lil impriżi potenzjalment kompetituri milli jaċċedu għas-suq ikkonċernat jew għal swieq konnessi jew relatati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 14, kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C‑18/88, EU:C:1991:474, punti 17 sa 19 u 24). Tali rekwiżit japplika, iktar u iktar, meta tali drittijiet jagħtu lill-imsemmija impriża s-setgħa li tiddetermina jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet impriżi oħra huma awtorizzati jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 38 u 51).

5        Fil-fatt, iż-żamma jew l-iżvilupp mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern jista’ jiġi ggarantit biss jekk l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-impriżi tkun żgurata. Issa, il-fatt li impriża li teżerċita attività ekonomika partikolari tingħata s-setgħa li tiddetermina, de jure jew anki de facto, liema impriżi oħra huma wkoll awtorizzati jeżerċitaw din l-attività kif ukoll li tiffissa l-kundizzjonijiet li fihom din tal-aħħar tista’ tiġi eżerċitata jqegħidha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi u jagħtiha vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha, billi jippermettilha li tipprekludihom milli jidħlu fis-suq ikkonċernat jew li tiffavorixxi l-attività tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C‑18/88, EU:C:1991:474, punt 25; tat‑12 ta’ Frar 1998, Raso et, C‑163/96, EU:C:1998:54, punti 28 u 29, kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 51 u 52) kif ukoll, b’dan il-mod, li jiġi prekluż l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq il-mertu għad-detriment tal-konsumaturi, billi jiġu limitati l-produzzjoni, l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi alternattivi jew anki l-innovazzjoni.

6        Konsegwentement, l-għoti ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali li jagħtu tali setgħa lill-impriża kkonċernata, jew l-eżistenza ta’ sitwazzjoni analoga fis-swieq rilevanti, għandu jkun suġġett għal limiti, għal obbligi u għal stħarriġ li jistgħu jeskludu r-riskju ta’ abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha minn din tal-aħħar, sabiex ma tiksirx, hija stess, l-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 106 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 53).

7        B’mod iktar speċifiku, meta l-impriża kkonċernata għandha s-setgħa li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom impriżi potenzjalment kompetituri jistgħu jaċċedu għas-suq jew li tiddeċiedi każ b’każ dwar dan is-suġġett, permezz ta’ deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni minn qabel jew rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ tali aċċess, din is-setgħa għandha, sabiex ma tiksirx, permezz tal-eżistenza tagħha stess, l-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 106 TFUE, tkun irregolata minn kriterji materjali trasparenti, ċari u preċiżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 84 sa 86, 90, 91 u 99), li jippermettu li jiġi evitat li din tkun tista’ tintuża b’mod arbitrarju. Dawn il-kriterji għandhom ikunu xierqa sabiex jiżguraw l-eżerċizzju nondiskriminatorju ta’ tali setgħa u sabiex jippermettu kontroll effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 99).

8        Barra minn hekk, is-setgħa inkwistjoni għandha tkun irregolata minn modalitajiet proċedurali trasparenti u nondiskriminatorji fir-rigward, b’mod partikolari, tat-termini applikabbli għall-preżentazzjoni ta’ talba għal awtorizzazzjoni minn qabel u tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwarha. F’dan ir-rigward, it-termini stabbiliti ma għandhomx ikunu tali li jkunu ta’ detriment għall-impriżi potenzjalment kompetituri billi jipprekluduhom milli jaċċedu b’mod effettiv għas-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 86 u 92) u, b’mod definittiv, li b’hekk jillimitaw il-produzzjoni, l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi alternattivi u l-innovazzjoni.

9        Rekwiżiti identiċi għal dawk imfakkra fit-tliet punti preċedenti ta’ din is-sentenza huma iktar u iktar meħtieġa meta huwa permezz tal-aġir awtonomu tagħha, u mhux minħabba l-għoti ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali minn Stat Membru li impriża f’pożizzjoni dominanti tpoġġi lilha nnifisha fis-sitwazzjoni li tkun tista’ tipprekludi impriżi potenzjalment kompetituri milli jaċċedu għal suq partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C‑18/88, EU:C:1991:474, punt 20). Dan jista’ jkun il-każ meta din l-impriża jkollha setgħa regolatorja, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni li tippermettilha tawtorizza jew tikkontrolla dan l-aċċess, u għalhekk mezz differenti minn dawk li normalment jistgħu jkunu disponibbli għall-impriżi u li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu bejniethom.

10      Konsegwentement, tali setgħa għandha bl-istess mod tkun suġġetta għal limiti, għal obbligi u għal kontroll li jeskludu r-riskju ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, sabiex ma jinkisirx l-Artikolu 102 TFUE.

a)      Fuq ilklassifikazzjoni, bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti, ta’ regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet talfutbol bejn ilklabbs kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

1        F’dan il-każ, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-FIFA u l-UEFA jeżerċitaw it-tnejn li huma attività ekonomika ta’ organizzazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol kif ukoll l-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet. Għaldaqstant, dawn l-assoċjazzjonijiet jikkostitwixxu t-tnejn li huma, f’dan ir-rigward, impriżi. Barra minn hekk, it-tnejn li huma għandhom pożizzjoni dominanti, jew monopolju, fis-suq korrispondenti.

2        Sussegwentement, mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-regoli li fir-rigward tagħhom dik il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jinsabu fl-istatuti li ġew adottati mill-FIFA u mill-UEFA, fil-kwalità tagħhom ta’ assoċjazzjonijiet u bis-saħħa tas-setgħat regolatorji u ta’ kontroll li huma attribwixxew lilhom infushom, u li dawn jagħtu lil dawn iż-żewġ entitajiet mhux biss is-setgħa li jawtorizzaw il-ħolqien u l-organizzazzjoni, minn impriża terza, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll dik li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet.

3        Fl-aħħar nett, skont id-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dawn id-diversi setgħat la huma rregolati minn kriterji materjali u lanqas minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva u nondiskriminatorja tagħhom.

4        F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza jirriżulta li assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għal dixxiplina sportiva, bħall-FIFA u bħall-UEFA, jistgħu jadottaw, jimplimentaw u jiżguraw l-osservanza ta’ regoli dwar mhux biss, b’mod ġenerali, l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet internazzjonali f’din id-dixxiplina, f’dan il-każ il-futbol professjonali, iżda wkoll, b’mod iktar partikolari, l-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers fihom.

5        Fil-fatt, dan l-isport, li fl-Unjoni għandu importanza kunsiderevoli mhux biss soċjali u kulturali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, u tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 40), iżda wkoll fir-rigward tal-midja, huwa kkaratterizzat, fost karatteristiċi speċifiċi oħra, mill-fatt li jagħti lok għall-organizzazzjoni ta’ diversi kompetizzjonijiet kemm fuq il-livell Ewropew kif ukoll fuq dak nazzjonali, li fihom huma msejħa jipparteċipaw numru kbir ta’ klabbs u numru kbir ta’ plejers. Barra minn hekk, huwa kkaratterizzat, bħal ċertu sport ieħor, mill-fatt li l-parteċipazzjoni f’dawn il-kompetizzjonijiet hija rriżervata għal timijiet li kisbu ċerti riżultati sportivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 132), peress li l-iżvolġiment tal-imsemmija kompetizzjonijiet huwa bbażat fuq il-konfrontazzjoni u l-eliminazzjoni progressiva ta’ dawn it-timijiet. Konsegwentement, dan huwa essenzjalment ibbażat fuq il-mertu sportiv, li jista’ jiġi ggarantit biss jekk it-timijiet kollha preżenti jikkonfrontaw lil xulxin f’kundizzjonijiet regolatorji u tekniċi omoġenji, li jiżguraw ċerta ugwaljanza tal-opportunitajiet.

6        Dawn id-diversi karatteristiċi speċifiċi jippermettu li jiġi kkunsidrat li huwa leġittimu li l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol professjonali jiġu suġġetti għal regoli komuni intiżi sabiex jiggarantixxu l-omoġeneità u l-koordinazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet fi ħdan kalendarju ġenerali kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, sabiex jippromwovu, b’mod adegwat u effettiv, iż-żamma ta’ kompetizzjonijiet sportivi bbażati fuq l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-mertu. Barra minn hekk, huwa leġittimu li tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir-regoli komuni permezz ta’ regoli bħal dawk stabbiliti mill-FIFA u mill-UEFA f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-imsemmija kompetizzjonijiet kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-klabbs u tal-plejers fihom.

7        Peress li tali regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ parteċipazzjoni huma għalhekk leġittimi fil-kuntest speċifiku tal-futbol professjonali u tal-attivitajiet ekonomiċi li għalihom l-eżerċizzju ta’ dan l-isport jagħti lok, la l-adozzjoni tagħhom u lanqas l-implimentazzjoni tagħhom ma jistgħu jiġu kklassifikati, bħala prinċipju u b’mod ġenerali, bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti” (ara, b’analoġija, fir-rigward ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 64).

8        L-istess japplika għas-sanzjonijiet imposti b’mod aċċessorju għal dawn ir-regoli, peress li tali sanzjonijiet huma leġittimi, fil-prinċipju tagħhom, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-imsemmija regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 44).

9        Min-naħa l-oħra, l-ebda waħda mill-karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzaw il-futbol professjonali ma tista’ tippermetti l-adozzjoni u, a fortiori, l-implimentazzjoni ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ parteċipazzjoni li, b’mod ġenerali, ma humiex suġġetti għal limiti, għal obbligi u għal kontroll li jeskludu r-riskju ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, u li, b’mod iktar partikolari, ma humiex limitati minn kriterji materjali u minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex jiggarantixxu n-natura trasparenti, oġġettiva, preċiża u nondiskriminatorja tagħhom, minkejja li dawn jagħtu lill-entità li hija mitluba timplimentahom is-setgħa li tipprekludi kull impriża kompetitriċi milli taċċedi għas-suq. Tali regoli għandhom jitqiesu li jiksru l-Artikolu 102 TFUE, kif jirriżulta mill-punti 134 sa 138 ta’ din is-sentenza.

10      Bl-istess mod, fl-assenza ta’ kriterji materjali u ta’ modalitajiet proċedurali li jiżguraw in-natura trasparenti, oġġettiva, preċiża, nondiskriminatorja u proporzjonata tas-sanzjonijiet stabbiliti b’mod aċċessorju għal dawn ir-regoli, tali sanzjonijiet għandhom jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jiksru l-Artikolu 102 TFUE sa fejn dawn għandhom natura diskrezzjonali. Fil-fatt, tali sitwazzjoni tagħmilha impossibbli li jiġi vverifikat, b’mod trasparenti u oġġettiv, jekk l-implimentazzjoni tagħhom każ b’każ hijiex iġġustifikata u proporzjonata fid-dawl tal-karatteristiċi konkreti tal-proġett ikkonċernat ta’ kompetizzjoni internazzjonali bejn il-klabbs.

11      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-FIFA u l-UEFA ma jgawdux minn monopolju legali u li impriżi kompetituri jistgħu, teoretikament, joħolqu kompetizzjonijiet ġodda li ma humiex suġġetti għar-regoli adottati u applikati minn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-pożizzjoni dominanti tal-FIFA u tal-UEFA fis-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs hija tali li, fil-prattika, huwa, fl-istat attwali, impossibbli li tinħoloq, b’mod vijabbli, kompetizzjoni barra mill-ekosistema tagħhom, fid-dawl tal-kontroll li huma jeżerċitaw, direttament jew permezz tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħhom, fuq il-klabbs, fuq il-plejers u fuq tipi oħra ta’ kompetizzjonijiet, bħal dawk organizzati fuq livell nazzjonali.

12      F’dan il-każ, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tikklassifika r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, wara li tkun wettqet il-verifiki addizzjonali li jistgħu jidhrulha neċessarji.

13      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex ikun jista’ jitqies li r-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet sportivi u tal-parteċipazzjoni f’dawn il-kompetizzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma rregolati minn kriterji materjali trasparenti, oġġettivi u preċiżi kif ukoll minn modalitajiet proċedurali trasparenti u nondiskriminatorji li ma jostakolawx aċċess effettiv għas-suq, jeħtieġ, b’mod partikolari, li dawn il-kriterji u dawn il-modalitajiet ikunu ġew stabbiliti, f’forma aċċessibbli, qabel ma l-imsemmija regoli jiġu implimentati. Barra minn hekk, sabiex l-imsemmija kriterji u l-imsemmija modalitajiet ikunu jistgħu jitqiesu bħala nondiskriminatorji, huwa neċessarju, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li entitajiet bħall-FIFA u bħall-UEFA jeżerċitaw huma stess diversi attivitajiet ekonomiċi fis-suq ikkonċernat mir-regoli tagħhom ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ parteċipazzjoni, li dawn l-istess kriterji u modalitajiet ma jissuġġettawx l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet terzi kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-klabbs u tal-plejers fihom għal rekwiżiti li huma differenti minn dawk applikabbli għall-kompetizzjonijiet organizzati u kkummerċjalizzati mill-entità li tieħu d-deċiżjonijiet, jew li jkunu identiċi jew simili iżda impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu ssodisfatti fil-prattika minn impriża li ma għandhiex l-istess kwalità ta’ assoċjazzjoni jew li ma għandhiex l-istess setgħat bħal din l-entità u li għalhekk tinsab f’sitwazzjoni differenti minnha. Fl-aħħar nett, sabiex is-sanzjonijiet imposti b’mod aċċessorju għal regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ parteċipazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunux diskrezzjonali, huma għandhom ikunu rregolati minn kriterji li għandhom mhux biss ikunu, huma wkoll, trasparenti, oġġettivi, preċiżi u nondiskriminatorji, iżda għandhom jiggarantixxu wkoll li dawn is-sanzjonijiet jiġu ddeterminati, f’kull każ konkret, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura, tat-tul kif ukoll tal-gravità tan-nuqqas ikkonstatat.

14      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ regoli mill-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma dawn id-diversi setgħat ikunu limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

1.      Fuq ittieni domanda, dwar linterpretazzjoni talArtikolu 101(1) TFUE filpreżenza ta’ regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet talfutbol bejn ilklabbs kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

1        Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jkollha bħala għan jew effett li tipprevjeni l-kompetizzjoni l-adozzjoni u l-implimentazzjoni, direttament jew permezz tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħhom, ta’ regoli mill-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, mingħajr ma din is-setgħa tkun limitata minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva u nondiskriminatorja tagħhom.

2        Madankollu, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju li fuqhom hija bbażata din id-domanda, u għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti fil-punt 121 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, permezz tal-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jkollha bħala għan jew effett li tipprevjeni l-kompetizzjoni l-adozzjoni u l-implimentazzjoni, direttament jew permezz tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħhom, ta’ regoli mill-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma dawn id-diversi setgħat ikunu limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

a)      Fuq ilkunċett ta’ aġir li għandu l“għan” jew l“effett” li jippreġudika lkompetizzjoni u fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ tali aġir

1        Fl-ewwel lok, l-Artikolu 101(1) TFUE jiddikjara inkompatibbli mas-suq intern u jipprojbixxi l-ftehimiet kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

2        F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi biss lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi bħal dawk li huma inkorporati fir-regoli tal-FIFA u tal-UEFA li għalihom hija tirreferi għandhom “bħala għan jew riżultat” li “jipprevjenu” l-kompetizzjoni.

3        Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju turi wkoll b’mod ċar ir-raġunijiet li wasslu lil dik il-qorti tqis li dawn id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jistgħu, barra minn hekk, jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4        Fit-tieni lok, sabiex ikun jista’ jitqies, f’każ partikolari, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li jintwera jew li dan l-aġir għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew li dan l-aġir għandu tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, paġna 359, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 31).

5        Għal dan l-għan, għandu jsir, fl-ewwel lok, eżami tal-għan tal-aġir inkwistjoni. Fil-każ fejn, fi tmiem tali eżami jirriżulta li dan l-aġir għandu għan antikompetittiv, ma huwiex neċessarju li jsir eżami tal-effett tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, huwa biss fil-każ fejn l-imsemmi aġir ma jistax jitqies li għandu tali għan antikompetittiv li huwa neċessarju li jsir, fit-tieni lok, eżami ta’ dan l-effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, paġna 359, kif ukoll tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 16 u 17).

6        L-eżami li għandu jsir huwa differenti skont jekk l-aġir inkwistjoni għandux bħala “għan” jew bħala “effett” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li kull wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti huwa suġġett għal sistema legali u probatorja distinta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63).

1)      Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “għan” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

1        Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif miġbura fil-qosor, b’mod partikolari, fis-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 78), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67), il-kunċett ta’ “għan” antikompetittiv, filwaqt li ma jikkostitwixxix, kif jirriżulta mill-punti 158 u 159 ta’ din is-sentenza, eċċezzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “effett” antikompetittiv, għandu madankollu jiġi interpretat b’mod strett.

2        Għalhekk, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jirreferi esklużivament għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li ma huwiex neċessarju eżami tal-effetti tagħhom. Fil-fatt, ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, paġna 359; tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 78, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67).

3        Fost it-tipi ta’ aġir li għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali hemm, qabelxejn, ċertu aġir kollużorju partikolarment dannuż fir-rigward tal-kompetizzjoni, bħall-kartelli orizzontali li jwasslu għall-iffissar tal-prezzijiet, għal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew għat-tqassim tal-klijentela. Fil-fatt, dawn it-tipi ta’ aġir huma ta’ natura li jwasslu għal żieda fil-prezzijiet jew għal tnaqqis fil-produzzjoni u, għalhekk, fil-provvista, li jwasslu għal użu ħażin tar-riżorsi, għad-detriment tal-impriżi utenti u tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punti 17 u 33; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 32).

4        Mingħajr ma neċessarjament jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni, tipi oħra ta’ aġir jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, f’ċerti każijiet, bħala li għandhom għan antikompetittiv. Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, għal ċerti tipi ta’ ftehim orizzontali minbarra l-kartelli, pereżempju dawk li jwasslu għall-esklużjoni ta’ impriżi kompetituri mis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 76, 77, 83 sa 87 u 101, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punti 113 u 114), jew anki għal ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il‑Kummissjoni, 45/85, EU:C:1987:34, punt 41).

5        Sabiex jiġi ddeterminat, f’każ partikolari, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jippreżentawx, min-natura tagħhom stess, grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa neċessarju li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-kontenut tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika inkwistjoni, it-tieni nett, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jagħmlu parti minnu u, it-tielet nett, l-għanijiet li huma intiżi li jilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 79).

6        F’dan ir-rigward, qabelxejn, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqa’ l-aġir inkwistjoni, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-setturi jew tas-swieq inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 80). Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati u a fortiori li jintwerew l-effetti ta’ dan l-aġir fuq il-kompetizzjoni, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali kif ukoll negattivi jew pożittivi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 158 u 159 ta’ din is-sentenza.

7        Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet segwiti mill-aġir inkwistjoni, għandhom jiġu ddeterminati l-għanijiet oġġettivi li dan l-aġir huwa intiż li jilħaq fir-rigward tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-impriżi involuti aġixxew mingħajr l-intenzjoni suġġettiva li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punti 64 u 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

8        Fl-aħħar nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha msemmija fit-tliet punti preċedenti ta’ din is-sentenza għandu, fi kwalunkwe każ, juri r-raġunijiet preċiżi li għalihom l-aġir inkwistjoni jippreżenta grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni, li jiġġustifikaw li jiġi kkunsidrat li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 69).

1)      Fuq ilkaratterizzazzjoni tależistenza ta’ aġir li għandu bħala “effett” ilprevenzjoni, irrestrizzjoni jew iddistorsjoni talkompetizzjoni

1        Il-kunċett ta’ aġir li għandu “effett” antikompetittiv jinkludi, min-naħa tiegħu, kull aġir li ma jistax jitqies li għandu “għan” antikompetittiv, bil-kundizzjoni li jintwera li dan l-aġir għandu bħala effett attwali jew potenzjali li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, u dan b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 77, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 117).

2        Għal dan l-għan, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih isseħħ fl-assenza tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, paġna 360, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 118), billi jiġi ddefinit is-suq jew is-swieq li fihom dan l-aġir huwa intiż li jipproduċi l-effetti tiegħu, imbagħad billi jiġu kkaratterizzati dawn tal-aħħar, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali. Dan l-eżami jimplika huwa stess li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

a)      Fuq ilklassifikazzjoni, bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandha bħala “għan” irrestrizzjoni talkompetizzjoni, ta’ regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet talfutbol bejn ilklabbs kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

1        F’dan il-każ, mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, qabelxejn, li r-regoli tal-FIFA u tal-UEFA li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu lil dawn iż-żewġ entitajiet mhux biss is-setgħa li jawtorizzaw il-ħolqien u l-organizzazzjoni ta’ kull kompetizzjoni tal-futbol fit-territorju tal-Unjoni, u għalhekk b’mod partikolari ta’ kull kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs li tkun prevista minn impriża terza, iżda wkoll dik li tikkontrolla l-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet.

2        Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kontenut tar-regoli tal-FIFA, mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn jipprevedu, l-ewwel nett, li l-ebda kampjonat internazzjonali jew grupp ieħor analogu ta’ klabbs jew ta’ kampjonati ma jista’ jiġi fformat mingħajr il-kunsens ta’ din l-entità u tal-assoċjazzjoni jew tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li tagħhom dawn il-klabbs jew dawn il-kampjonati huma membri. It-tieni nett, l-ebda logħba jew kompetizzjoni ma tista’ sseħħ mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA, tal-UEFA u ta’ din l-assoċjazzjoni jew ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet. It-tielet nett, l-ebda plejer jew tim affiljat ma’ assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol membru tal-FIFA jew tal-UEFA ma jista’ jilgħab logħba jew ikollu kuntatt sportiv ma’ plejer ieħor jew ma’ tim ieħor mhux affiljat, mingħajr il-kunsens tal-FIFA. Ir-raba’ nett, l-assoċjazzjonijiet, il-kampjonati jew il-klabbs li jappartjenu għal assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol li hija membru tal-FIFA jistgħu jaffiljaw ruħhom ma’ assoċjazzjoni membru oħra jew jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha biss b’mod eċċezzjonali u bl-awtorizzazzjoni tal-FIFA, tal-UEFA u taż-żewġ assoċjazzjonijiet inkwistjoni.

3        Min-naħa tagħhom, ir-regoli tal-UEFA jipprevedu, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-ewwel nett, li din l-entità għandha tiddeċiedi waħedha dwar l-organizzazzjoni u t-tneħħija, fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha, ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali li fihom jipparteċipaw assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħha jew klabbs li huma affiljati ma’ dawn tal-aħħar, bl-eċċezzjoni tal-kompetizzjonijiet li huma organizzati mill-FIFA. It-tieni nett, il-logħob, il-kompetizzjonijiet jew it-tournaments internazzjonali li ma humiex organizzati mill-UEFA iżda li jintlagħbu fit-territorju tagħha jeħtieġu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA, tal-UEFA u/jew tal-assoċjazzjonijiet membri kkonċernati, skont ir-Regolament għal-Logħob Internazzjonali tal-FIFA. It-tielet nett, l-ebda raggruppament jew alleanza bejn il-kampjonati jew il-klabbs direttament jew indirettament affiljati ma’ assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tal-UEFA ma jistgħu jiġu fformati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-UEFA.

4        Barra minn hekk, l-ebda waħda mis-setgħat li għandhom għalhekk il-FIFA u l-UEFA ma hija, skont il-qorti tar-rinviju, limitata minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva u nondiskriminatorja tagħhom, bħal dawk imsemmija fil-punt 151 ta’ din is-sentenza.

5        Sussegwentement, mill-punti 142 sa 149 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, għalkemm in-natura speċifika tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol u l-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet fit-territorju tal-Unjoni jippermettu li jitqiesu li huma leġittimi, fil-prinċipju tagħhom, regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel bħal dawk li għadhom kif tfakkru, dawn l-elementi ta’ kuntest ma jistgħux, min-naħa l-oħra, jiġġustifikaw l-assenza ta’ kriterji materjali u ta’ modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi ggarantita n-natura trasparenti, oġġettiva, preċiża u nondiskriminatorja ta’ tali regoli.

6        Fl-aħħar nett, anki jekk l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tista’ tkun immotivata mit-tfittxija ta’ ċerti għanijiet leġittimi, bħal dak li jiġu osservati l-prinċipji, il-valuri u r-regoli tal-logħob li fuqhom huwa bbażat il-futbol professjonali, xorta jibqa’ l-fatt li dawn jissuġġettaw għas-setgħat ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ sanzjoni tal-entitajiet li adottawhom, fil-kwalità tagħhom ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kull kompetizzjoni internazzjonali tal-futbol minbarra dawk li dawn iż-żewġ entitajiet jorganizzaw b’mod parallel, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Issa, b’dan il-mod, dawn ir-regoli jagħtu lill-imsemmija entitajiet is-setgħa li jawtorizzaw, li jikkontrollaw jew li jikkundizzjonaw l-aċċess ta’ kull impriża potenzjalment kompetitriċi fis-suq ikkonċernat, u li jiddeterminaw kemm il-livell ta’ kompetizzjoni li jista’ jeżisti f’dan is-suq kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi eżerċitata din il-kompetizzjoni potenzjali. F’dan ir-rigward, l-imsemmija regoli huma ta’ natura li jippermettu, jekk mhux li kull impriża kompetitriċi tiġi eskluża mill-imsemmi suq, anki jekk daqstant effikaċi, tal-inqas li jkunu limitati l-ħolqien u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet alternattivi jew ġodda fir-rigward tal-format jew tal-kontenut tagħhom. B’dan il-mod, dawn huma, barra minn hekk, ta’ natura li jċaħħdu lill-klabbs tal-futbol professjonali u lill-plejers minn kull possibbiltà li jipparteċipaw f’dawn il-kompetizzjonijiet, minkejja li dawn jistgħu, pereżempju, joffru format innovattiv, filwaqt li josservaw il-prinċipji, il-valuri u r-regoli kollha tal-logħob li fuqhom huwa bbażat dan l-isport. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn ir-regoli huma ta’ natura li jċaħħdu lill-ispettaturi u lit-telespettaturi minn kull possibbiltà li jattendu l-imsemmija kompetizzjonijiet jew li jaraw ix-xandir tagħhom.

7        Barra minn hekk, sa fejn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs huma akkumpanjati minn regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll dwar is-sanzjonijiet li din il-parteċipazzjoni tista’ tagħti lok għalihom, għandu jingħad ukoll li dawn huma, evidentement, ta’ natura li jsaħħu l-għan antikompetittiv li huwa inerenti għal kull mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li ma għandux limiti, obbligi u kontroll li jkunu jistgħu jiżguraw in-natura trasparenti, oġġettiva, preċiża u nondiskriminatorja tiegħu. Fil-fatt, huma jsaħħu l-ostakolu għad-dħul li jirriżulta minn tali mekkaniżmu, billi jipprekludu kull impriża organizzatriċi ta’ kompetizzjoni potenzjalment kompetitriċi milli tuża r-riżorsi disponibbli fis-suq, jiġifieri l-klabbs u l-plejers, peress li dawn tal-aħħar jesponu ruħhom, f’każ ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni li ma tkunx irċeviet l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA u tal-UEFA, għal sanzjonijiet li, kif ġie rrilevat fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, la huma limitati minn ebda kriterju materjali u lanqas minn xi modalità proċedurali li tiżgura n-natura trasparenti, oġġettiva, preċiża, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

8        Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jitqies li, fil-każ fejn dawn ma humiex limitati minn kriterji materjali u minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex jiggarantixxu n-natura trasparenti, oġġettiva, preċiża, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom, bħal dawk imsemmija fil-punt 151 ta’ din is-sentenza, regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ parteċipazzjoni u ta’ sanzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, min-natura tagħhom stess, grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni u għalhekk għandhom l-għan li jipprekluduha. Għaldaqstant, dawn jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti attwali jew potenzjali tagħha.

9        Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi bl-għan li tipprevjeni l-kompetizzjoni l-adozzjoni u l-implimentazzjoni, direttament jew permezz tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tagħhom, ta’ regoli mill-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma dawn id-diversi setgħat ikunu limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

1.      Fuq ittielet domanda, dwar linterpretazzjoni talArtikolu 101(1) TFUE u talArtikolu 102 TFUE filpreżenza ta’ aġir li jikkonsisti fittheddida ta’ sanzjonijiet kontra lklabbs u latleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati

1        Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 102 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi ta’ natura antikompetittiva jew abbuż minn pożizzjoni dominanti l-fatt, għal entitajiet bħall-FIFA u bħall-UEFA, li jitħabbar pubblikament li ser jiġu imposti sanzjonijiet fuq kull klabb tal-futbol professjonali u fuq kull plejer li jipparteċipa f’kompetizzjoni tal-futbol bejn il-klabbs li ma rċevietx l-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom, meta dawn is-sanzjonijiet ma humiex limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

2        Fid-dawl tar-risposti mogħtija għaż-żewġ domandi preċedenti, u b’mod iktar partikolari tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 148 u 177 ta’ din is-sentenza, li minnhom jirriżulta li tali tħabbir pubbliku jikkostitwixxi l-implimentazzjoni ta’ regoli li jiksru kemm l-Artikolu 102 TFUE kif ukoll l-Artikolu 101(1) TFUE u li għalhekk jaqa’ wkoll taħt il-projbizzjonijiet stabbiliti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, ma hemmx lok li tingħata risposta, b’mod awtonomu, għal din id-domanda.

1.      Fuq ilħames domanda, dwar ilpossibbiltà li jiġu ġġustifikati regoli dwar lawtorizzazzjoni minn qabel talkompetizzjonijiet kif ukoll dwar ilparteċipazzjoni talklabbs u talatleti f’dawn ilkompetizzjonijiet

1        Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata qabel ir-raba’ domanda peress li din tirrigwarda l-istess regoli tal-FIFA u tal-UEFA bħal dawk imsemmija fl-ewwel tliet domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(3) TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 102 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-regoli li permezz tagħhom l-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjonijiet, taħt piena ta’ sanzjonijiet, jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni jew jitqiesu li huma ġġustifikati.

a)      Fuq ilpossibbiltà li ċertu aġir speċifiku jitqies li ma jaqax taħt lArtikolu 101(1) TFUE u lArtikolu 102 TFUE

1        Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi li huma partijiet f’dan il-ftehim jew li huma suġġetti għall-osservanza ta’ dik id-deċiżjoni ma jaqgħux neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu wħud minn dawn il-ftehimiet u wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jista’ jwassal sabiex jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn huma ġġustifikati mit-tfittxija ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li, fihom infushom, ma humiex ta’ natura antikompetittiva, it-tieni nett, li l-mezzi konkreti li jintużaw sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan l-għan u, it-tielet nett, li, anki jekk jirriżulta li dawn il-mezzi għandhom l-effett inerenti li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni, tal-inqas potenzjalment, tal-kompetizzjoni, dan l-effett inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni. Din il-ġurisprudenza tista’ tapplika, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli adottati minn assoċjazzjoni bħal assoċjazzjoni professjonali jew assoċjazzjoni sportiva, sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet ta’ natura etika jew deontoloġika u, b’mod iktar wiesa’, sabiex jiġi limitat l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jekk l-assoċjazzjoni kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet li għadhom kif tfakkru huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97; tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 42 sa 48, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 93, 96 u 97).

2        B’mod iktar partikolari, fil-qasam tal-isport, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrileva, fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, li r-regoli antidoping adottati mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, minkejja li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-atleti u għandhom l-effett inerenti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni potenzjali bejniethom billi jiddefinixxu limitu li lil hinn minnu l-preżenza ta’ nandrolone tikkostitwixxi doping, bl-għan li jiġi ssalvagwardjat l-iżvolġiment ġust, integrat u oġġettiv tal-kompetizzjoni sportiva, li jiġu żgurati l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-atleti, li tkun protetta s-saħħa tagħhom kif ukoll li tiġi żgurata l-osservanza tal-valuri etiċi li huma fil-qalba tal-isport, li fosthom hemm il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 43 sa 55).

3        Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 183 ta’ din is-sentenza ma tapplikax fil-preżenza ta’ aġir li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk joriġinax jew le minn tali assoċjazzjoni u indipendentement mill-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi spjegat, jikser min-natura tiegħu stess l-Artikolu 102 TFUE, kif jirriżulta barra minn hekk diġà, impliċitament iżda neċessarjament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 53).

4        Peress li, minn naħa, l-assenza ta’ intenzjoni suġġettiva ta’ prevenzjoni, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u t-tfittxija ta’ għanijiet possibbilment leġittimi lanqas ma huma determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u peress li, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod koerenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 183 ta’ din is-sentenza lanqas ma tista’ tapplika fil-preżenza ta’ aġir li, mhux talli ma kienx limitat li jkollu bħala “effett” inerenti li jirrestrinġi, tal-inqas potenzjalment, il-kompetizzjoni billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, iżda jippreżenta, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, grad ta’ noċività li jiġġustifika li jiġi kkunsidrat li dan l-aġir għandu bħala “għan” stess il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha. Għalhekk, huwa biss jekk jirriżulta, wara eżami tal-aġir li huwa inkwistjoni f’każ partikolari, li dan l-aġir ma għandux bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li għandu jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk dan jistax jaqa’ taħt din il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 69; tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 49, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 51, 53, 56 u 57).

5        Fir-rigward ta’ aġir li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa għalhekk biss skont l-Artikolu 101(3) TFUE u sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni li jista’ jingħata l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

6        F’dan il-każ, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u tar-risposti li ngħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, għall-ewwel tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 183 ta’ din is-sentenza ma tapplikax fil-preżenza ta’ regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

a)      Fuq leżenzjoni prevista flArtikolu 101(3) TFUE

1        Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 101(3) TFUE jirriżulta li kull ftehim, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew kull prattika miftiehma li jirriżultaw li jmorru kontra l-Artikolu 101(1) TFUE, sew jekk minħabba l-għan tagħhom kif ukoll jekk minħabba l-effett antikompetittiv tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 38, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 230), filwaqt li jiġi osservat li dawn il-kundizzjonijiet huma iktar stretti minn dawk imsemmija fil-punt 183 ta’ din is-sentenza.

2        Skont l-Artikolu 101(3) TFUE, il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni, f’każ partikolari, huwa suġġett għal erba’ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑515/06 P, C‑513/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 95), li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni għandhom jippermettu żieda fl-effiċjenza, billi jikkontribwixxu jew għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, jew billi jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku. It-tieni nett, għandu jiġi stabbilit, bl-istess mod, li parti ekwa tal-profitt li jirriżulta minn din iż-żieda fl-effiċjenza hija rriżervata għall-utenti. It-tielet nett, il-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prattika inkwistjoni ma għandhomx jimponu fuq l-impriżi parteċipanti restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli sabiex tinkiseb tali żieda fl-effiċjenza. Ir-raba’ nett, dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika ma għandhomx jagħtu lill-impriżi parteċipanti l-possibbiltà li jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

3        Hija l-parti li tinvoka tali eżenzjoni li għandha turi, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jkun hemm benefiċċju minnha huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 45, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑515/06 P, C‑513/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 82). Fil-każ fejn dawn l-argumenti u dawn il-provi jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tirrifjutahom b’mod konvinċenti, fl-assenza ta’ tali konfutazzjoni, jista’ jiġi konkluż li l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-parti li tinvoka l-Artikolu 101(3) TFUE huwa ssodisfatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑213/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 79, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑515/06 P, C‑513/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 83).

4        B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni mfakkra fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, iż-żieda fl-effiċjenza li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma għandhom jippermettu li titwettaq ma tikkorrispondix għal kwalunkwe vantaġġ li l-impriżi parteċipanti jistgħu jiksbu minn dan il-ftehim, minn din id-deċiżjoni jew minn din il-prattika fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom, iżda biss għall-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi li l-imsemmi ftehim, l-imsemmija deċiżjoni jew l-imsemmija prattika, ikkunsidrati speċifikament, jippermettu li jinkisbu, fis-settur jew setturi jew fis-suq jew swieq ikkonċernati. Barra minn hekk, sabiex din l-ewwel kundizzjoni tkun tista’ titqies li ġiet issodisfatta, jeħtieġ mhux biss li tiġi stabbilita r-realtà u l-portata ta’ din iż-żieda fl-effiċjenza, iżda wkoll li jintwera li dawn huma ta’ natura li jikkumpensaw l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-ftehim, mid-deċiżjoni jew mill-prattika inkwistjoni fil-livell tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, paġna 502, u tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 232, 234 u 236, kif ukoll, b’analoġija, tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 43).

5        Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, din timplika li għandu jiġi stabbilit li ż-żieda fl-effiċjenza li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni għandhom jippermettu li tinkiseb għandha effett favorevoli fuq l-utenti kollha, kemm jekk ikunu kummerċjanti, konsumaturi intermedjarji jew konsumaturi finali, fid-diversi setturi jew swieq ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 70, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 236 u 242).

6        Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-aġir li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE huwa antikompetittiv minħabba l-għan, jiġifieri għandu grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni, u fejn huwa, barra minn hekk, ta’ natura li jaffettwa kategoriji differenti ta’ utenti jew ta’ konsumaturi, għandu jiġi ddeterminat jekk dan l-aġir għandux u, jekk ikun il-każ, sa fejn għandu, minkejja n-noċività tiegħu, effett favorevoli fuq kull waħda minnhom.

7        Fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ parteċipazzjoni u ta’ sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex ta’ natura li jkollhom influwenza favorevoli fuq il-kategoriji differenti ta’ “utenti” li huma, b’mod partikolari, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, il-klabbs professjonali jew tad-dilettanti, il-plejers professjonali jew dilettanti, il-plejers żgħażagħ kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, il-konsumaturi, kemm jekk huma spettaturi jew telespettaturi.

8        Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, għalkemm tali regoli jistgħu jidhru li huma leġittimi, fil-prinċipju tagħhom, billi jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji, tal-valuri u tar-regoli tal-logħba li fuqhom huwa bbażat il-futbol professjonali, b’mod partikolari n-natura miftuħa u meritokratika tal-kompetizzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll billi jiżguraw ċerta forma ta’ ridistribuzzjoni in solidum fi ħdan il-futbol, l-eżistenza ta’ tali għanijiet, anki jekk huma ta’ min ifaħħarhom, ma teżentax lill-assoċjazzjonijiet li adottaw dawn ir-regoli mill-obbligu li jistabbilixxu, quddiem il-qorti tar-rinviju, li t-tfittxija tal-imsemmija għanijiet tirriżulta f’żieda fl-effiċjenza reali u kwantifikabbli, minn naħa, u li din tikkumpensa l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-livell tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra.

9        Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni mfakkra fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, dwar in-natura indispensabbli jew neċessarja tal-aġir inkwistjoni, din timplika li jiġi evalwat u mqabbel l-impatt rispettiv ta’ dan l-aġir u tal-miżuri alternattivi realment prevedibbli, sabiex jiġi ddeterminat jekk iż-żieda fl-effiċjenza mistennija mill-imsemmi aġir tistax titwettaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax twassal sabiex issir, jekk ikun opportun, għażla bejn tali aġir u tali miżuri alternattivi fil-każ li dawn tal-aħħar ma jkunux jidhru inqas restrittivi għall-kompetizzjoni.

10      Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni mfakkra fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, il-verifika tal-osservanza tagħha, f’każ partikolari, timplika li jsir eżami tal-elementi ta’ natura kwantitattiva u kwalitattiva li jikkaratterizzaw il-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-setturi jew fis-swieq ikkonċernati, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jagħtux lill-impriżi parteċipanti l-possibbiltà li jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. B’mod partikolari, fil-preżenza ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ ftehim li għalih aderixxew kollettivament xi impriżi, il-parti tas-suq sinjifikattiva ħafna miżmuma minnhom tista’ tikkostitwixxi, fost ċirkustanzi rilevanti oħra u fil-kuntest ta’ analiżi globali tagħhom, indikatur tal-possibbiltà li dik id-deċiżjoni jew dak il-ftehim jagħtu lill-impriżi parteċipanti, fid-dawl tal-kontenut tagħhom u tal-għan jew tal-effett tagħhom, li jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva, li hija raġuni li teskludi waħedha l-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE. Ċirkustanza oħra tista’ tkun marbuta mal-fatt dwar jekk tali deċiżjoni jew tali ftehim, filwaqt li jneħħu forma ta’ kompetizzjoni effettiva jew kanal ta’ aċċess għas-suq, iħallux oħrajn jissussistuhom jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1986, Metro vs Il‑Kummissjoni, 75/84, EU:C:1986:399, punti 64, 65 u 88).

11      Sabiex jiġi ddeterminat jekk din ir-raba’ kundizzjoni hijiex osservata f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, il-fatt li, kif ġie rrilevat, b’mod partikolari, fil-punti 174 sa 179 ta’ din is-sentenza, ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ parteċipazzjoni u ta’ sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex irregolati minn kriterji materjali u minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi ggarantita n-natura trasparenti, oġġettiva, preċiża u nondiskriminatorja tagħhom. Issa, għandu jitqies li tali sitwazzjoni tista’ tippermetti lill-entitajiet li adottaw dawn ir-regoli jipprekludu kull kompetizzjoni fis-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni.

12      B’mod iktar ġenerali, l-eżami tad-diversi kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 190 ta’ din is-sentenza jista’ jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet u l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur jew tas-setturi jew tas-swieq ikkonċernati mill-ftehim, mid-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew mill-prattika miftiehma inkwistjoni, jekk dawn il-partikolaritajiet u dawn il-karatteristiċi jkunu deċiżivi fir-rigward tar-riżultat ta’ dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑515/06 P, C‑513/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 103, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 236).

a)      Fuq ilġustifikazzjoni oġġettiva fiddawl talArtikolu 102 TFUE

1        B’mod koerenti ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 101(3) TFUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 102 TFUE jirriżulta li impriża li għandha pożizzjoni dominanti tista’ tiġġustifika aġir li jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 40, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 46).

2        B’mod partikolari, tali impriża tista’ turi, għal dan l-għan, jew li l-aġir tagħha huwa oġġettivament neċessarju, jew li l-effett ta’ esklużjoni li jwassal għalih jista’ jiġi bbilanċjat, jew anki maqbuż, permezz ta’ żieda fl-effiċjenza li minnha jibbenefikaw ukoll il-konsumaturi (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 41, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 46 u 86).

3        Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din l-alternattiva, mill-punt 147 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-istabbiliment, mill-FIFA u mill-UEFA, ta’ regoli diskrezzjonali ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol bejn il-klabbs, ta’ kontroll tal-parteċipazzjoni tal-klabbs u tal-plejers f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll ta’ sanzjoni fl-ebda każ ma jista’ jitqies, fid-dawl preċiżament ta’ din in-natura diskrezzjonali, bħala oġġettivament iġġustifikata minn neċessitajiet ta’ natura teknika jew kummerċjali, b’differenza minn dak li jista’ jkun il-każ jekk dawn ir-regoli kienu limitati minn kriterji materjali u minn modalitajiet proċedurali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni, ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità li huma imposti f’dan il-qasam. Għaldaqstant, għandu jitqies li dawn ir-regoli, kontrolli u sanzjonijiet għandhom, minn perspettiva oġġettiva, l-għan li jirriżervaw lil dawn l-entitajiet l-organizzazzjoni ta’ kull kompetizzjoni ta’ dan it-tip, bir-riskju li tiġi eliminata kull kompetizzjoni min-naħa ta’ impriża terza, b’tali mod li tali aġir jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE u mhux iġġustifikat minn neċessità oġġettiva.

4        Fir-rigward tat-tieni parti tal-imsemmija alternattiva, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha turi, l-ewwel nett, li l-aġir tagħha jista’ jippermetti żieda fl-effiċjenza, billi jistabbilixxi r-realtà u l-portata tagħha, it-tieni nett, li tali żieda fl-effiċjenza tinnewtralizza l-effetti dannużi probabbli ta’ dan l-aġir għall-kompetizzjoni u għall-interessi tal-konsumaturi fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati, it-tielet nett, li l-imsemmi aġir huwa indispensabbli għat-twettiq ta’ din iż-żieda fl-effiċjenza u, ir-raba’ nett, li ma jeliminax kompetizzjoni effettiva billi jneħħi t-totalità jew il-parti l-kbira tas-sorsi eżistenti tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 42).

5        Bl-istess mod bħal fil-każ tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE, din il-ġustifikazzjoni teżiġi li l-impriża li tinvokaha turi, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tibbenefika minnha huma ssodisfatti.

6        F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, wara li tkun qiegħdet lill-partijiet f’pożizzjoni li jissodisfaw l-oneru tal-prova impost fuqhom, kif imfakkar fil-punt 191 ta’ din is-sentenza.

7        Madankollu, għandu jiġi osservat, fir-rigward tar-raba’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li huma applikabbli kemm fil-kuntest tal-Artikolu 101(3) TFUE kif ukoll f’dak tal-Artikolu 102 TFUE, li, fid-dawl tan-natura ta’ dawn ir-regoli – li jissuġġettaw l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kull kompetizzjoni tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA u tal-UEFA mingħajr ma din is-setgħa tkun akkumpanjata minn kriterji materjali u minn modalitajiet proċedurali xierqa – u tal-pożizzjoni dominanti, anki monopolistika, li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, hija miżmuma minn dawn iż-żewġ entitajiet fis-suq ikkonċernat, għandu jitqies li l-imsemmija regoli jagħtu lill-imsemmija entitajiet il-possibbiltà li jipprekludu kull kompetizzjoni f’dan is-suq, kif indikat fil-punt 199 ta’ din is-sentenza.

8        Barra minn hekk, għandu jitfakkar li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda mill-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punti 190 u 204 ta’ din is-sentenza huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż li regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE jew jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

9        Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 101(3) TFUE u l-Artikolu 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-regoli li permezz tagħhom l-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjonijiet, taħt piena ta’ sanzjonijiet, jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE jew jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE biss jekk jintwera, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal dawn il-finijiet ikunu ssodisfatti.

1.      Fuq irraba’ domanda, dwar linterpretazzjoni talArtikoli 101 TFUE u 102 TFUE filpreżenza ta’ regoli dwar iddrittijiet marbuta malkompetizzjonijiet sportivi

1        Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li, minn naħa, jindikaw lil dawn l-assoċjazzjonijiet bħala d-detenturi oriġinali tad-drittijiet kollha li jistgħu jirriżultaw minn kompetizzjonijiet li jaqgħu taħt il-“ġurisdizzjoni” tagħhom, inklużi d-drittijiet marbuta ma’ kompetizzjoni li tkun organizzata minn impriża terza, u li, min-naħa l-oħra, jattribwixxu lill-imsemmija assoċjazzjonijiet setgħa esklużiva fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn id-drittijiet.

2        F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-FIFA u l-UEFA sostnew b’insistenza li r-regoli tad-dritt privat Svizzeru li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju – u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 67(1) kif ukoll l-Artikolu 68(1) tal-Istatut tal-FIFA – għandhom jinftiehmu, sa fejn dawn jirrigwardaw id-drittijiet li jistgħu jirriżultaw minn kompetizzjonijiet, minn logħob u minn avvenimenti oħra li jaqgħu taħt il-“ġurisdizzjoni” tal-FIFA u tal-UEFA, fis-sens li huma applikabbli mhux għall-kompetizzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni territorjali u s-setgħat rispettivi ta’ dawn iż-żewġ entitajiet iżda biss għall-kompetizzjonijiet li, fosthom, huma organizzati mill-imsemmija entitajiet, bl-esklużjoni ta’ dawk li jistgħu jiġu organizzati minn entitajiet jew impriżi terzi. Skont l-interpretazzjoni tagħhom stess ta’ dawn ir-regoli, il-FIFA u l-UEFA għalhekk fl-ebda każ ma jistgħu jippretendu li huma d-detenturi tad-drittijiet li jistgħu jirriżultaw minn kompetizzjonijiet li jkunu organizzati minn tali entitajiet jew impriżi terzi.

3        F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li tosserva, kif għamlet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jinftiehmu b’mod ieħor fid-dawl tad-diversi tifsiriet li jista’ jkollu t-terminu “ġurisdizzjoni”, u li dawn ir-regoli jistgħu, għalhekk, jiġu emendati sabiex ineħħu kull ambigwità possibbli f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tirrispondi għal din id-domanda billi tieħu l-interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti bħala premessa kif ukoll billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rabta ta’ komplementarjetà li tgħaqqad ir-regoli inkwistjoni mar-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ parteċipazzjoni u ta’ sanzjoni li huma s-suġġett tad-domandi preċedenti. Tali risposta hija, konsegwentement, bla ħsara għal dik li tista’ tingħata għall-kwistjoni distinta dwar jekk l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jipprekludux regoli li permezz tagħhom entità bħall-FIFA tindika lilha nnifisha jew tindika entità bħall-UEFA bħala d-detentriċi oriġinali tad-drittijiet kollha li jistgħu jirriżultaw mill-kompetizzjonijiet li, filwaqt li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom u s-setgħat rispettivi tagħhom, huma organizzati minn entitajiet jew impriżi terzi.

a)      Fuq iżżamma taddrittijiet marbuta malkompetizzjonijiet sportivi

1        Skont l-Artikolu 345 TFUE, it-Trattati UE u FUE bl-ebda mod ma jippreġudikaw l-iskema tal-proprjetà fl-Istati Membri.

2        Minn dan isegwi li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE ma jistgħux jitqiesu li jipprekludu, fil-prinċipju tagħhom stess, regoli bħall-Artikoli 67 u 68 tal-Istatut tal-FIFA sa fejn dawn ir-regoli jindikaw lil din l-entità u lill-UEFA bħala d-detenturi oriġinali tad-drittijiet kollha li jistgħu jirriżultaw minn kompetizzjonijiet tal-futbol professjonali bejn il-klabbs li dawn jorganizzaw fit-territorju tal-Unjoni, bl-appoġġ indispensabbli tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers li jipparteċipaw f’dawn il-kompetizzjonijiet.

3        Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli mill-qorti tar-rinviju għandhom jieħdu bħala punt tat-tluq il-fatt li l-iskema ta’ proprjetà tad-drittijiet li għalihom japplikaw tali regoli tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor u li għalhekk huwa qabel kollox fid-dawl tad-dritt applikabbli fil-qasam tal-proprjetà u tal-proprjetà intellettwali li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tas-sens li għandu jingħata lill-kunċett ta’ “żamma oriġinali” li għalih jirreferu dawn ir-regoli, kif irrilevaw, essenzjalment, numru kbir ta’ gvernijiet li intervjenew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, uħud minnhom esponew li dan il-kunċett għandu jiġi analizzat, f’dak li jikkonċernahom u sabiex ikun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħhom applikabbli fil-qasam tal-proprjetà u tal-proprjetà intellettwali, bħala “trasferiment volontarju” jew bħala “trasferiment obbligatorju” ta’ drittijiet mill-klabbs tal-futbol professjonali lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, fil-mument tal-affiljazzjoni tagħhom magħhom, ikkompletat b’trasferiment sussegwenti ta’ dawn l-istess drittijiet lill-FIFA u lill-UEFA, fil-mument tal-adeżjoni ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet ma’ dawn tal-aħħar.

4        Madankollu, din il-kawża ma tirrigwardax din il-kwistjoni, li l-eżami tagħha jimplika li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jikkostitwixxi dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi billi tistabbilixxi d-dritt għall-proprjetà u d-dritt tal-proprjetà intellettwali, mingħajr madankollu ma tagħti lil dawn id-drittijiet natura assoluta jew intanġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 56), kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat fir-rigward tad-drittijiet li huma speċifikament inkwistjoni f’dan il-każ (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, FIFA vs Il‑Kummissjoni, C‑204/11 P, EU:C:2013:477, punt 110, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, UEFA vs Il‑Kummissjoni, C‑201/11 P, EU:C:2013:519, punt 102).

a)      Fuq lisfruttament taddrittijiet marbuta malkompetizzjonijiet sportivi

1        Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 102 TFUE jipprekludux ir-regoli li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju sa fejn dawn ma jirrigwardawx iż-żamma oriġinali tad-drittijiet li jistgħu jirriżultaw mill-kompetizzjonijiet tal-futbol professjonali bejn il-klabbs organizzati mill-FIFA u mill-UEFA, iżda jirrigwardaw l-isfruttament kummerċjali ta’ dawn id-drittijiet, mill-punti 115, 117, 118, 139 u 140 ta’ din is-sentenza jirriżulta qabelxejn li tali regoli jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod parallel, minn naħa, bħala “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, bħala aġir li joriġina minn “impriża” f’“pożizzjoni dominanti” u li jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ setgħa regolatorja, u għalhekk minn mezz differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu bejn l-impriżi.

2        Sussegwentement, l-Artikolu 101(1)(b) TFUE u l-Artikolu 102(b) TFUE jipprojbixxu espressament id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki abbużivi li jikkonsistu fil-prevenzjoni jew fir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni billi jillimitaw jew billi jikkontrollaw, fost parametri oħra tal-kompetizzjoni, il-produzzjoni u s-swieq, bi ħsara għall-konsumaturi.

3        Issa, kif osservaw, b’mod partikolari, uħud mill-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni, l-għan stess tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa, kif jixhed l-eżami tal-kontenut tagħhom, li jissostitwixxu, b’mod imperattiv u komplet, mekkaniżmu ta’ sfruttament esklużiv u kollettiv tad-drittijiet kollha li jistgħu jirriżultaw mill-kompetizzjonijiet tal-futbol professjonali bejn il-klabbs organizzati mill-FIFA u mill-UEFA, fil-forom kollha tagħhom, b’kull mod ieħor ta’ sfruttament li jista’ jintgħażel liberament, fl-assenza ta’ dawn ir-regoli, mill-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw fil-logħob organizzat fil-kuntest ta’ dawn il-kompetizzjonijiet, kemm jekk dan il-mod ta’ sfruttament ikun individwali, bilaterali jew anki multilaterali.

4        Fil-fatt, regoli bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 67 u 68 tal-Istatut tal-FIFA jirriżervaw lil din l-assoċjazzjoni, f’termini ċari u preċiżi, is-setgħa esklużiva li tiddetermina, b’mod regolatorju, il-kundizzjonijiet ta’ sfruttament u ta’ użu, minnha stess jew minn terz, ta’ dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, huma jirriżervaw lill-FIFA u lill-UEFA s-setgħa esklużiva li jawtorizzaw ix-xandir ta’ logħob jew ta’ avvenimenti, inklużi dawk marbuta mal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs, fuq mezzi awdjoviżivi jew oħrajn, mingħajr restrizzjoni ta’ post, ta’ kontenut, ta’ data jew ta’ mezzi tekniċi.

5        Barra minn hekk, dawn ir-regoli jissuġġettaw għal tali setgħat, fi kliem li huwa wkoll inekwivoku, l-integralità tal-imsemmija drittijiet, kemm fir-rigward ta’ drittijiet patrimonjali, ta’ drittijiet ta’ reġistrazzjoni, ta’ riproduzzjoni u ta’ xandir awdjoviżiv, ta’ drittijiet multimedjali, ta’ drittijiet ta’ marketing u ta’ promozzjoni jew anki ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

6        B’dan il-mod, l-imsemmija regoli jippermettu lill-FIFA u lill-UEFA li jikkontrollaw b’mod sħiħ il-provvista ta’ drittijiet marbuta mal-kompetizzjonijiet bejn il-klabbs li huma jorganizzaw u, konsegwentement, li jimpedixxu kull kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol professjonali, fir-rigward tad-drittijiet marbuta mal-logħbiet li fihom dawn jipparteċipaw. Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-mod ta’ funzjonament kompetittiv tas-suq bl-ebda mod ma huwa teoretiku iżda huwa għall-kuntrarju reali u konkret, u li, pereżempju, sal‑2015 dan kien jeżisti fi Spanja, fir-rigward tad-drittijiet awdjoviżivi marbuta mal-kompetizzjonijiet organizzati mill-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol ikkonċernata.

7        Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-diversi drittijiet li jistgħu jirriżultaw mill-kompetizzjonijiet tal-futbol professjonali bejn il-klabbs jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ dħul li jista’ jirriżulta minn dawn il-kompetizzjonijiet, b’mod partikolari mill-FIFA u mill-UEFA, bħala l-organizzaturi tagħhom, kif ukoll mill-klabbs tal-futbol professjonali, li mingħajrhom l-imsemmija kompetizzjonijiet ma jkunux jistgħu jseħħu. Dawn id-drittijiet jinsabu għalhekk fil-qalba tal-attività ekonomika li għaliha jagħtu lok tali kompetizzjonijiet, u l-bejgħ tagħhom huwa, għalhekk, intrinsikament marbut mal-organizzazzjoni tagħhom.

8        F’dan ir-rigward, il-monopolju li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħtu lill-entità li stabbilixxiethom, jiġifieri lill-FIFA, kif ukoll lill-UEFA, fil-qasam tal-isfruttament u tal-kummerċjalizzazzjoni tad-drittijiet, jikkoinċidi mal-kontroll assolut li dawn l-entitajiet għandhom fuq l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, permezz tar-regoli li huma s-suġġett tal-ewwel tliet domandi tal-qorti tar-rinviju, u jsaħħaħ il-portata ġuridika, ekonomika u prattika ta’ dawn ir-regoli.

9        It-tieni nett, indipendentement mill-attività ekonomika li jagħtu lok għaliha, id-drittijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meqjusa bħala tali, jikkostitwixxu element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattati UE u FUE għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu u li jżommu, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-drittijiet ta’ trade mark li huma proprjetarji tagħhom il-klabbs tal-futbol professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punti 47 u 48). Fil-fatt, dawn jikkostitwixxu drittijiet, legalment protetti u li għandhom valur ekonomiku rispettiv tagħhom, li jiġu sfruttati kummerċjalment f’forom differenti prodott jew servizz preeżistenti, f’dan il-każ logħba jew serje ta’ logħbiet li matulhom klabb partikolari jikkonfronta lil klabb partikolari ieħor jew lil klabbs partikolari oħra.

10      Għaldaqstant, dan huwa parametru ta’ kompetizzjoni li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jneħħu mill-kontroll tal-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet bejn il-klabbs organizzati mill-FIFA u mill-UEFA.

11      It-tielet nett, b’differenza mill-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fil-veru sens tal-kelma, li hija attività ekonomika ta’ natura “orizzontali” li tinvolvi biss l-entitajiet jew l-impriżi li huma attwalment jew potenzjalment organizzaturi tagħhom, il-kummerċjalizzazzjoni tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet hija ta’ natura “vertikali” sa fejn din tinvolvi, min-naħa tal-provvista, dawn l-istess entitajiet jew impriżi u, min-naħa tat-talba, impriżi li jixtiequ jixtru dawn id-drittijiet, jew bl-għan li jinbiegħu mill-ġdid lix-xandara televiżivi u lil fornituri oħra ta’ servizzi tal-midja (negozju) jew li jxandru l-logħbiet huma stess permezz ta’ diversi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u diversi mezzi, bħat-televiżjoni lineari jew on-demand, bħar-radjofonija, bħall-internet, bħat-tagħmir tat-telefonija ċellulari u bħal mezzi oħra emerġenti. Barra minn hekk, dawn id-diversi xandara jistgħu huma stess ibigħu l-ispazju jew il-ħin lil impriżi li huma attivi f’setturi ekonomiċi oħra, għal finijiet ta’ reklamar jew ta’ sponsorizzazzjoni, sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jqiegħdu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom matul ix-xandir tal-kompetizzjonijiet.

12      Għalhekk, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-għanijiet li huma intiżi oġġettivament li jilħqu fir-rigward tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jagħmlu parti minnu, regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura mhux biss li jimpedixxu kull kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol professjonali li huma affiljati mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tal-FIFA u tal-UEFA, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-diversi drittijiet marbuta mal-logħob li fihom dawn jipparteċipaw, iżda wkoll li jaffettwaw il-funzjonament tal-kompetizzjoni għad-detriment ta’ impriżi terzi li joperaw f’numru ta’ swieq tal-midja downstream għal din il-kummerċjalizzazzjoni, bi ħsara għall-konsumaturi u għat-telespettaturi.

13      B’mod partikolari, tali regoli jistgħu jippermettu liż-żewġ entitajiet li lilhom huma jagħtu monopolju f’dan il-qasam, fil-forma ta’ kontroll totali tal-offerta, li jitolbu prezzijiet ta’ bejgħ eċċessivi u għalhekk abbużivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 250, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703, punti 28 u 29), li fil-preżenza tagħhom ix-xerrejja attwali jew potenzjali ta’ drittijiet għandhom biss a priori setgħa ta’ negozjar limitata, fid-dawl tal-pożizzjoni fundamentali u inevitabbli li jokkupaw il-kompetizzjonijiet u l-logħob tal-futbol professjonali bejn il-klabbs, bħala prodotti attraenti li jistgħu jattiraw u jżommu l-lealtà ta’ udjenza wiesgħa matul is-sena kollha, fil-pakkett ta’ programmi u ta’ xandiriet li x-xandara jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom u, b’mod iktar ġenerali, lit-telespettaturi. Barra minn hekk, billi jobbligaw lix-xerrejja kollha attwali jew potenzjali ta’ drittijiet li jixtru mingħand żewġ bejjiegħa li kull wieħed minnhom jipproponi firxa ta’ prodotti esklużivi ta’ kull offerta alternattiva u li jibbenefikaw minn immaġni kif ukoll minn reputazzjoni qawwija ħafna, dawn jistgħu jwasslu lil dawn ix-xerrejja attwali jew potenzjali sabiex jistandarzizzaw l-aġir tagħhom fis-suq u l-offerta tagħhom lill-klijenti tagħhom stess, u b’hekk iwasslu għal tnaqqis fl-għażla u fl-innovazzjoni bi ħsara għall-konsumaturi u għat-telespettaturi.

14      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu, sa fejn jissostitwixxu, b’mod imperattiv u komplet, mekkaniżmu ta’ sfruttament esklużiv tad-drittijiet kollha li jistgħu jirriżultaw mill-kompetizzjonijiet tal-futbol professjonali bejn il-klabbs organizzati mill-FIFA u mill-UEFA b’kull mod ieħor ta’ sfruttament li jista’ jintgħażel liberament fl-assenza tagħhom, bħala li għandhom “bħala għan” il-prevenzjoni jew ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fid-diversi swieq ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, u bħala li jikkostitwixxu “abbuż” minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, sakemm in-natura ġġustifikata tagħhom ma tkunx stabbilita. Dan japplika iktar u iktar meta tali regoli jingħaqdu ma’ regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ parteċipazzjoni u ta’ sanzjoni bħal dawk li huma s-suġġett tad-domandi preċedenti.

a)      Fuq ilpossibbiltà ta’ ġustifikazzjoni

1        Fir-rigward tal-punt dwar jekk tali regoli jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha, imfakkra fil-punti 190 u 204 ta’ din is-sentenza, li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE u sabiex jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi rrilevat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt, wara li tkun qiegħdet lill-partijiet fil-kawża prinċipali f’pożizzjoni li jissodisfaw l-oneru tal-prova impost fuqhom rispettivament.

2        Madankollu, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, diversi gvernijiet u l-Kummissjoni sostnew li dawn ir-regoli jippermettu li jkun hemm żieda fl-effiċjenza, billi jikkontribwixxu għat-titjib kemm tal-produzzjoni kif ukoll tad-distribuzzjoni. Fil-fatt, billi jippermettu lix-xerrejja attwali jew potenzjali jinnegozjaw ix-xiri ta’ drittijiet ma’ żewġ bejjiegħa esklużivi, qabel kull waħda mill-kompetizzjonijiet internazzjonali jew Ewropej organizzati minn dawn tal-aħħar, huma jnaqqsu b’mod kunsiderevoli l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni tagħhom kif ukoll l-inċertezza li jkunu kkonfrontati biha kieku kellhom jinnegozjaw każ b’każ mal-klabbs parteċipanti, li l-pożizzjoni u l-interessi rispettivi tagħhom jistgħu jvarjaw fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Barra minn hekk u fuq kollox, dawn jippermettu lil dawn ix-xerrejja attwali jew potenzjali li jkollhom aċċess, taħt kundizzjonijiet determinati u applikati b’mod koerenti fuq livell internazzjonali jew Ewropew, għal drittijiet inkomparabbilment iktar attraenti minn dawk li jistgħu jiġu proposti lilhom b’mod konġunt mill-klabbs li jipparteċipaw f’logħba jew oħra partikolari, fid-dawl tal-fatt li dawn id-drittijiet igawdu mill-fama tal-FIFA jew tal-UEFA u jirrigwardaw, jekk mhux it-totalità ta’ waħda mill-kompetizzjonijiet organizzati minnhom, tal-inqas sett komplet ta’ logħbiet iskedati għad-diversi stadji ta’ din il-kompetizzjoni (logħob ta’ klassifikazzjoni, logħob ta’ gruppi u fażi finali).

3        Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet fil-kawża prinċipali, tiddetermina l-portata ta’ din iż-żieda fl-effiċjenza u, fil-każ li r-realtà u l-portata tagħha jiġu stabbiliti, tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk tali żieda fl-effiċjenza tkunx ta’ natura li tikkumpensa l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-livell tal-kompetizzjoni.

4        It-tieni nett, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, diversi gvernijiet u l-Kummissjoni sostnew li parti ekwa tal-profitt li jidher li jirriżulta miż-żieda fl-effiċjenza kkawżata mir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rriżervata għall-utenti. Għalhekk, il-profitt miksub mill-bejgħ iċċentralizzat tad-diversi drittijiet marbuta mal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs organizzati mill-FIFA u mill-UEFA huwa allokat, b’mod sinjifikattiv, għal finanzjamenti jew għal proġetti intiżi sabiex jiżguraw ċerta forma ta’ ridistribuzzjoni in solidum fi ħdan il-futbol, għall-benefiċċju mhux biss tal-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw f’dawn il-kompetizzjonijiet iżda wkoll ta’ dawk li ma jipparteċipawx fihom, tal-klabbs tad-dilettanti, tal-plejers professjonali, tal-futbol tan-nisa, tal-plejers żgħażagħ kif ukoll ta’ kategoriji oħra ta’ atturi tal-futbol. Bl-istess mod, it-titjib tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni li jġib miegħu dan il-bejgħ iċċentralizzat u r-ridistribuzzjoni in solidum tal-profitt li huwa jippermetti li jiġi ġġenerat jibbenefikaw, b’mod definittiv, lill-partitarji, lill-konsumaturi li huma t-telespettaturi u, b’mod iktar wiesa’, liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jipprattikaw il-futbol fil-livell tad-dilettanti.

5        Dawn l-argumenti jidhru prima facie konvinċenti fid-dawl tal-karatteristiċi essenzjali tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs organizzati fuq livell dinji jew Ewropew. Fil-fatt, il-funzjonament tajjeb, is-sostenibbiltà u s-suċċess tagħhom huma bbażati fuq iż-żamma ta’ bilanċ u fuq il-preżervazzjoni ta’ ċerta ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn il-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw fihom, fid-dawl tar-rabta ta’ interdipendenza li tgħaqqad lil dawn tal-aħħar, kif jirriżulta mill-punt 143 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, dawn il-kompetizzjonijiet jiddependu fuq klabbs tal-futbol professjonali iżgħar u fuq klabbs tal-futbol tad-dilettanti li, filwaqt li ma jipparteċipawx fihom, jinvestu fil-livell lokali fir-reklutaġġ u fit-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ b’talent, li wħud minnhom ser isiru professjonisti u jistgħu jittamaw li jingħaqdu ma’ klabb li jipparteċipa fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 41 sa 45). Fl-aħħar nett, il-funzjonament in solidum tal-futbol, bil-kundizzjoni li jkun reali, huwa ta’ natura li jsaħħaħ il-funzjoni edukattiva u soċjali tiegħu fl-Unjoni.

6        Madankollu, għandu jiġi stabbilit b’mod reali u konkret il-profitt li l-bejgħ iċċentralizzat tad-drittijiet relatati mal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs joħloq għal kull kategorija ta’ utenti – inklużi mhux biss il-klabbs professjonali u tad-dilettanti kif ukoll l-atturi l-oħra tal-futbol, iżda wkoll l-ispettaturi u t-telespettaturi.

7        Għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-provi, b’mod partikolari ta’ natura kontabbli u finanzjarja, li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet fil-kawża prinċipali, sa fejn l-argumenti inkwistjoni, li huma relatati mas-solidarjetà “orizzontali” bejn il-klabbs li jipparteċipaw fl-imsemmija kompetizzjonijiet jew mas-solidarjetà “vertikali” mad-diversi atturi oħra tal-futbol, huma fil-fatt issostanzjati fid-dawl tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

8        It-tielet nett, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex indispensabbli sabiex jippermettu li tinkiseb iż-żieda fl-effiċjenza msemmija preċedentement u sabiex tiġi żgurata r-ridistribuzzjoni in solidum ta’ parti ekwa tal-profitt li jirriżulta minnhom lill-utenti kollha, kemm jekk huma atturi tal-futbol professjonali jew dilettanti, kif ukoll spettaturi jew telespettaturi.

9        F’dak li jirrigwarda, ir-raba’ nett, il-punt dwar jekk ir-regoli inkwistjoni jħallux fis-seħħ kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, għandu jiġi osservat li, filwaqt li jeliminaw kull kompetizzjoni min-naħa tal-provvista, dawn ir-regoli min-naħa l-oħra ma jidhrux, fihom infushom, li jeliminaw il-kompetizzjoni min-naħa tad-domanda. Fil-fatt, filwaqt li jistgħu jimponu fuq ix-xerrejja attwali jew potenzjali l-ħlas ta’ prezz ogħla sabiex jakkwistaw drittijiet, u għalhekk li jnaqqsu n-numru ta’ xerrejja li jistgħu jagħmlu dan, jew li jinċentivawhom jingħaqdu flimkien, dawn jippermettu lil dawn tal-aħħar jaċċedu għal prodott iktar attraenti kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll ta’ immaġni, li għalih il-kompetizzjoni hija qawwija fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ għażla li huwa jokkupa fil-firxa ta’ programmi jew ta’ xandiriet li jistgħu jiġu offruti lill-klijenti u, b’mod iktar wiesa’, lit-telespettaturi.

10      Madankollu, ir-realtà u l-importanza konkreta ta’ din il-kompetizzjoni jistgħu jiġu evalwati mill-qorti tar-rinviju biss billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi reali li fihom il-FIFA tirregola l-isfruttament u tikkummerċjalizza d-diversi drittijiet (awdjoviżivi, multimedjali, ta’ marketing jew oħrajn) marbuta mal-kompetizzjonijiet, abbażi tal-Artikoli 67 u 68 tal-Istatut tagħha. Fl-assenza ta’ kompetizzjoni bejn il-bejjiegħa u għalhekk “tal-prodotti”, l-imsemmija kompetizzjoni tista’ tiġi żgurata, fost elementi oħra, permezz tal-użu ta’ proċedura ta’ rkant, ta’ selezzjoni jew ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, li twassal għal teħid ta’ deċiżjoni imparzjali u li b’hekk tippermetti lix-xerrejja attwali jew potenzjali jikkompetu b’mod effettiv u mingħajr distorsjoni “għall-prodotti”. Din tista’ tiddependi wkoll fuq it-tul taż-żmien li matulu dawn id-drittijiet ikunu proposti, in-natura esklużiva jew mhux esklużiva tagħhom, il-portata ġeografika tagħhom, in-numru ta’ logħbiet (settijiet) u t-tip ta’ logħbiet (logħob ta’ klassifikazzjoni, logħob ta’ gruppi jew logħob eliminatorju) li huma jippermettu li jixxandru kif ukoll il-kundizzjonijiet legali, tekniċi u finanzjarji l-oħra kollha li fihom l-imsemmija drittijiet jistgħu jinxtraw. Lil hinn minn dawn il-parametri legali, il-kompetizzjoni tista’ tiddependi wkoll min-numru ta’ xerrejja attwali jew potenzjali, mill-pożizzjonijiet tas-suq rispettivi tagħhom u mir-rabtiet li jistgħu possibbilment jeżistu kemm bejniethom kif ukoll ma’ atturi oħra tal-futbol, bħall-klabbs tal-futbol professjonali, impriżi oħra jew anki l-FIFA u l-UEFA stess.

11      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ma jipprekludux regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, sa fejn dawn jindikaw lil dawn l-assoċjazzjonijiet bħala d-detenturi oriġinali tad-drittijiet kollha li jistgħu jirriżultaw minn kompetizzjonijiet li jaqgħu taħt il-“ġurisdizzjoni” tagħhom, meta dawn ir-regoli japplikaw biss għal kompetizzjonijiet organizzati mill-imsemmija assoċjazzjonijiet, bl-esklużjoni ta’ dawk li jistgħu jiġu organizzati minn entitajiet jew impriżi terzi;

–        jipprekludu tali regoli sa fejn jattribwixxu lil dawn l-istess assoċjazzjonijiet setgħa esklużiva fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni tad-drittijiet inkwistjoni, sakemm ma jintweriex, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex dawn ir-regoli jkunu jistgħu jibbenefikaw, skont l-Artikolu 101(3) TFUE, minn eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

A.      Fuq issitt domanda, dwar illibertajiet ta’ moviment

1        Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45, 49, 56 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli li permezz tagħhom l-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjonijiet ta’ futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjonijiet, taħt piena ta’ sanzjonijiet, meta dawn ir-regoli ma jkunux limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

1.      Fuq lidentifikazzjoni tallibertà ta’ moviment rilevanti

1        Meta qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet ta’ moviment, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar miżura li taqa’ simultanjament taħt diversi minn dawn il-libertajiet, u meta jirriżulta li, fid-dawl tal-għan tagħha, din il-miżura hija marbuta b’mod predominanti ma’ waħda mill-imsemmija libertajiet u b’mod sekondarju mal-oħrajn, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita, bħala prinċipju, l-eżami tagħha għal-libertà kkonċernata prinċipalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 47, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punti 50 u 51).

2        F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital. Madankollu, ir-regoli li fuqhom dik il-qorti hija mitluba tiddeċiedi fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali għandhom bħala għan, fl-ewwel lok, li jissuġġettaw l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kull kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA u tal-UEFA, u għalhekk li kull impriża li tixtieq teżerċita tali attività ekonomika fi kwalunkwe Stat Membru tkun dipendenti fuq l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. Għalkemm huwa minnu li dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel huma akkumpanjati minn regoli li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’dawn il-kompetizzjonijiet, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu, għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, li huma sekondarji meta mqabbla ma’ tal-ewwel, fis-sens li huma jkunu anċillari għalihom.

3        Għalhekk, ir-regoli tal-FIFA u tal-UEFA inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu li huma marbuta, b’mod predominanti, mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li taħtha jaqgħu s-servizzi kollha li ma humiex proposti b’mod stabbli u kontinwu minn stabbiliment fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 53).

4        F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tillimita l-eżami tagħha għall-Artikolu 56 TFUE.

1.      Fuq leżistenza ta’ ostakolu għallibertà li jiġu pprovduti servizzi

1        L-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kemm favur il-fornituri kif ukoll favur id-destinatarji ta’ tali servizzi, jipprekludi kull miżura, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni, li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ din il-libertà billi tipprojbixxi, tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-attività ta’ dawn il-fornituri fl-Istati Membri minbarra dawk fejn ikunu stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 51, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland, C‑482/18, EU:C:2020:141, punti 25 u 26).

2        F’dan il-każ, dan huwa l-każ tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, sa fejn dawn ir-regoli ma humiex, skont id-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex jiżguraw in-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom, huma jippermettu lill-FIFA u lill-UEFA jikkontrollaw, b’mod diskrezzjonali, il-possibbiltà għal kull impriża terza li torganizza u li tikkummerċjalizza l-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni, il-possibbiltà għal kull klabb tal-futbol professjonali li jipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll, indirettament, il-possibbiltà għal kull impriża oħra li tipprovdi servizzi marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija kompetizzjonijiet, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 175 u 176 tal-konklużjonijiet tiegħu.

3        B’dan il-mod, dawn ir-regoli huma ta’ natura mhux biss li jostakolaw jew li jirrendu inqas attraenti d-diversi attivitajiet ekonomiċi kkonċernati, iżda li jipprekluduhom, billi jillimitaw l-aċċess ta’ kull operatur ġdid għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 34, kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine, C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 62).

4        Minn dan isegwi li l-imsemmija regoli jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE.

1.      Fuq ilpossibbiltà ta’ ġustifikazzjoni

1        Miżuri ta’ oriġini mhux statali jistgħu jiġu ammessi, minkejja li jostakolaw libertà ta’ moviment stabbilita mit-Trattat FUE, jekk jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li l-adozzjoni tagħhom hija ġġustifikata minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali, ta’ natura mhux purament ekonomika, u, it-tieni nett, li huma josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li huma kapaċi jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 104, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 48). Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kundizzjoni dwar l-adegwatezza ta’ tali miżuri, għandu jitfakkar li dawn jistgħu jitqiesu li huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan invokat biss jekk dawn jissodisfaw verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 61, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 178).

2        Bl-istess mod bħal fil-każ ta’ miżuri li joriġinaw mill-Istat, huwa l-awtur tal-miżuri ta’ oriġini mhux statali inkwistjoni li għandu juri li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi huma osservati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 54, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 77).

3        F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punti 142 sa 144 u 196 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-adozzjoni ta’ regoli dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs u dwar il-parteċipazzjoni ta’ klabbs tal-futbol professjonali kif ukoll tal-plejers f’dawn il-kompetizzjonijiet tista’ tiġi ġġustifikata, fil-prinċipju tagħha stess, minn għanijiet ta’ interess ġenerali li jiġi żgurat, qabel ma jiġu organizzati tali kompetizzjonijiet, li dawn jiġu organizzati skont il-prinċipji, il-valuri u r-regoli tal-logħba li fuqhom huwa bbażat il-futbol professjonali, b’mod partikolari l-valuri ta’ ftuħ, ta’ mertu u ta’ solidarjetà, iżda wkoll li dawn il-kompetizzjonijiet jintegraw ruħhom, b’mod materjalment omoġenju u temporalment ikkoordinat, fis-“sistema organizzata” ta’ kompetizzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali li tikkaratterizza dan l-isport.

4        Madankollu, dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali regoli meta dawn ma jkunux akkumpanjati minn kriterji materjali u minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex jiggarantixxu n-natura trasparenti, oġġettiva, preċiża u nondiskriminatorja tagħhom, kif jirriżulta mill-punti 147, 175, 176 u 199 ta’ din is-sentenza.

5        Fil-fatt, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel bħal dik li dawn ir-regoli jistabbilixxu tkun tista’ titqies li hija ġġustifikata, din għandha, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’tali mod li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija tagħti lill-korp awtorizzat sabiex jagħti jew jirrifjuta din l-awtorizzazzjoni minn qabel ikun limitat sabiex jiġi evitat li din is-setgħa tintuża b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 35, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 65).

6        F’dan il-każ, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju mfakkra fil-punt 248 ta’ din is-sentenza, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li jistgħu jitqiesu li huma ġġustifikati minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali.

7        Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda hija li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludu regoli li permezz tagħhom l-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjonijiet ta’ futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjonijiet, taħt piena ta’ sanzjonijiet, meta dawn ir-regoli ma jkunux limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

 Fuq lispejjeż

1        Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ regoli mill-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma dawn id-diversi setgħat ikunu limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

2)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi bl-għan li tipprevjeni l-kompetizzjoni l-adozzjoni u l-implimentazzjoni, direttament jew permezz tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri, ta’ regoli mill-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, li jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u li jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma dawn id-diversi setgħat ikunu limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

3)      L-Artikolu 101(3) TFUE u l-Artikolu 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-regoli li permezz tagħhom l-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjonijiet, taħt piena ta’ sanzjonijiet, jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE jew jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE biss jekk jintwera, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal dawn il-finijiet ikunu ssodisfatti.

4)      L-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ma jipprekludux regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, sa fejn dawn jindikaw lil dawn l-assoċjazzjonijiet bħala d-detenturi oriġinali tad-drittijiet kollha li jistgħu jirriżultaw minn kompetizzjonijiet li jaqgħu taħt il-“ġurisdizzjoni” tagħhom, meta dawn ir-regoli japplikaw biss għal kompetizzjonijiet organizzati mill-imsemmija assoċjazzjonijiet, bl-esklużjoni ta’ dawk li jistgħu jiġu organizzati minn entitajiet jew impriżi terzi;

–        jipprekludu tali regoli sa fejn jattribwixxu lil dawn l-istess assoċjazzjonijiet setgħa esklużiva fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni tad-drittijiet inkwistjoni, sakemm ma jintweriex, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex dawn ir-regoli jkunu jistgħu jibbenefikaw, skont l-Artikolu 101(3) TFUE, minn eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u jitqiesu li huma ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

1)      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li permezz tagħhom l-assoċjazzjonijiet li huma responsabbli għall-futbol fuq livell dinji u Ewropew, u li jwettqu b’mod parallel diversi attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, jissuġġettaw għall-awtorizzazzjoni minn qabel tagħhom il-ħolqien, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs minn impriża terza, u jikkontrollaw il-parteċipazzjoni tal-klabbs tal-futbol professjonali u tal-plejers f’tali kompetizzjonijiet, taħt piena ta’ sanzjonijiet, meta dawn ir-regoli ma jkunux limitati minn kriterji materjali kif ukoll minn modalitajiet proċedurali xierqa sabiex tiġi żgurata n-natura trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata tagħhom.

Firem


1      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top