Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0320

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-28 ta’ Settembru 2023.
    Ryanair DAC vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(2)(b) TFUE – Suq Svediż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Isvezja lil kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID 19 – Linji gwida temporanji tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Garanzija pubblika għal linja ta’ kreditu li tiġġedded – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża sabiex tirrimedja d-danni mġarrba minn vittma waħda – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi.
    Kawża C-320/21 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:712

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    28 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(2)(b) TFUE – Suq Svediż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Isvezja lil kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID 19 – Linji gwida temporanji tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Garanzija pubblika għal linja ta’ kreditu li tiġġedded – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża sabiex tirrimedja d-danni mġarrba minn vittma waħda – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi”

    Fil-Kawża C‑320/21 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑21 ta’ Mejju 2021,

    Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata inizjalment minn V. Blanc, F.-C. Laprévote, E. Vahida, avocats, I.-G. Metaxas‑Maranghidis, dikigoros, S. Rating, abogado, sussegwentement minn V. Blanc, F.-C. Laprévote, E. Vahida, avocats, I.-G. Metaxas‑Maranghidis, dikigoros, D. Perez de Lamo u S. Rating, abogados,

    rikorrenti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u F. Tomat, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn A.-L. Desjonquères, P. Dodeller, A. Ferrand u N. Vincent, bħala aġenti, sussegwentement minn A.‑L. Desjonquères u N. Vincent, bħala aġenti, u fl-aħħar minn A.‑L. Desjonquères, bħala aġent,

    Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat inizjalment minn O. Simonsson, H. Eklinder, J. Lundberg, C. Meyer-Seitz, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u A. Runeskjöld, bħala aġenti, sussegwentement minn O. Simonsson, H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u A. Runeskjöld, bħala aġenti,

    SAS AB, stabbilita fi Stokkolma (l‑Isvezja), irrappreżentata minn A. Lundmark u F. Sjövall, advokater,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.–C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu–Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Jannar 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Ryanair DAC titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (SAS, l-Isvezja; COVID-19) (T‑379/20, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:195), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2784 final tal‑24 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57061 (2020/N) – L-Isvezja– Kumpens għad-dannu kkawżat lil SAS SA mill-pandemija tal-COVID‑19, (ĠU 2020, C 220, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kkontestata

    2

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

    3

    Fil‑11 ta’ April 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C (2020) 2366 final, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) – L-Isvezja – COVID-19: skema ta’ garanziji għal self favur kumpanniji tal-ajru, li permezz tagħha hija awtorizzat, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ skema ta’ garanziji għal self lil ċerti kumpanniji tal-ajru (ĠU 2020, C 269, p. 1, iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna Svediża”), li r-Renju tal-Isvezja kien innotifika fit‑3 ta’ April 2020. Din l-iskema hija intiża li tipprovdi lill-kumpanniji tal-ajru, li huma importanti biex tiġi żgurata l-konnettività tal-Isvezja u li l-awtoritajiet Svediżi ħarġulhom liċenzja operattiva, likwidità biżżejjed, permezz ta’ garanzija pubblika, sabiex iżommu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom matul u wara l-pandemija tal-COVID-19.

    4

    Fil‑21 ta’ April 2020, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, ir-Renju tal-Isvezja nnotifika lill-Kummissjoni miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ garanzija fuq linja ta’ kreditu rinnovabbli ta’ ammont massimu ta’ 1.5 biljun krona Svediża (SEK) (madwar EUR 137 miljun) favur SAS AB (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”), peress li din il-kumpannija tal-ajru ltaqgħet ma’ diffikultajiet sabiex tikseb self mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna Svediża. Din il-miżura hija intiża sabiex tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

    5

    Fl‑24 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija ddikjarat il-miżura inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

    6

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2020, Ryanair ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    7

    Insostenn tar-rikors tagħha, Ryanair qajmet ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq li l-Kummissjoni kienet kisret ir-rekwiżit li l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma hijiex intiża li tirrimedja għad-danni mġarrba minn vittma waħda, it-tieni wieħed, fuq il-fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinitx ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u li l-Kummissjoni kienet qieset, b’mod żbaljat, li din il-miżura kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID-19, it-tielet wieħed, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet kisret diversi dispożizzjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ir-raba’ wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ ta’ tali proċedura u, il-ħames wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

    8

    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tagħti trattament imħaffef lil din il-proċedura u tal-importanza marbuta, kemm għal Ryanair kif ukoll għall-Kummissjoni u għar-Renju tal-Isvezja, għal tweġiba rapida fil-mertu, il-Qorti Ġenerali qieset li kellha tiġi eżaminata qabel kollox il-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

    9

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel sat-tielet u l-ħames motivi mqajma minn Ryanair bħala infondati. Fir-rigward tar-raba’ motiv, hija qieset, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda tal-ewwel sat-tielet motiv, li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

    It‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    10

    Permezz tal-appell tagħha, Ryanair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni kif ukoll lill-intervenjenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

    sussidjarjament,

    tannulla s-sentenza appellata,

    tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

    tirriżerva l-ispejjeż relatati mar-rikors fl-ewwel istanza u mal-appell.

    11

    Il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Isvezja u SAS jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    12

    Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

    Fuq l‑appell

    13

    Insostenn tal-appell tagħha, Ryanair tinvoka sitt aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li tiċħad l-argument tar-rikorrenti li l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma hijiex intiża li tikkumpensa d-danni mġarrba minn vittma waħda. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq distorsjoni manifesta tal-fatti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u l-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-ħsara kkawżata lil SAS mill-pandemija COVID-19. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi meta l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet l-argument ta’ Ryanair li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni nkiser b’mod mhux ġustifikat. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti meta ddeċidiet li tiċħad l-argument tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti meta ddeċidiet li ma teżaminax, fir-rigward tal-mertu, ir-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

    Fuq l‑ewwel aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    14

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 22 sa 27 tas-sentenza appellata, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet żball ta’ liġi sa fejn qieset b’mod żbaljat li għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE tista’ tkun intiża sabiex tirrimedja għad-danni subiti minn vittma waħda ta’ avveniment straordinarju, minkejja li kompetituri ta’ din il-vittma, bħall-appellanti, kienu wkoll affettwati minn dan l-avveniment.

    15

    Skont Ryanair, il-motivi stabbiliti fil-punti 23 u 24 tas-sentenza appellata ma jiġġustifikawx iċ-ċaħda tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Il-kwistjoni ma hijiex jekk ir-Renju tal-Isvezja kellux jagħti iktar għajnuna, iżda pjuttost jekk dan l-Istat Membru kellux jagħti kwalunkwe għajnuna lil SAS. Il-fatt li Stat Membru qatt ma jkun obbligat jagħti għajnuna ma jistax jiġġustifika li dan jagħti tali għajnuna bi ksur tal-bażi legali rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Bl-istess mod, il-kwistjoni hija lanqas jekk l-għajnuna tkopri id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju, iżda jekk din tingħatax lill-impriżi kompetituri kollha li joperaw f’suq partikolari li sofrew dan id-dannu jew lil wieħed biss, magħżul arbitrarjament, peress li dan l-aħħar każ ma jikkostitwixxix applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni.

    16

    Ryanair targumenta li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-fondatezza ta’ dan l-argument hija kkorroborata mill-formulazzjoni ċara u mill-istruttura tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, kif ukoll mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni preċedenti għall-pandemija tal-COVID-19. F’dan ir-rigward, l-għan stess ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-Istati Membri jaġixxu bħala “assiguraturi aħħarija” meta r-riskju marbut mad-diżastri naturali jew ma’ avvenimenti straordinarji oħra ma jkunx jista’ jiġi kopert mill-impriżi tas-suq. Dan huwa rwol ekonomiku fundamentali li għandu kull Stat. B’definizzjoni, din il-funzjoni ta’ “assiguratur aħħari” tippreżupponi li l-Istat joffri l-istess protezzjoni, barra minn hekk ugwali, lill-impriżi kollha esposti għar-riskju sottostanti. Stat li joffri l-protezzjoni tiegħu biss lil numru żgħir ta’ impriżi jew, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, lil impriża waħda, jaġixxi mhux bħala assiguratur aħħari, iżda għal raġunijiet oħra ta’ politika ġenerali, bħal raġunijiet ta’ politika industrijali.

    17

    Issa, skont Ryanair, it-tfittxija simultanja ta’ diversi għanijiet ta’ politika ġenerali minn Stat Membru permezz ta’ għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ddgħajjef ir-rabta diretta bejn l-avveniment straordinarju, id-danni u l-għajnuna mogħtija, peress li tali rabta tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din hija bbażata fuq loġika purament kumpensatorja.

    18

    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    19

    Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżura inkwistjoni ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jipprevedi tali kompatibbiltà fir-rigward tal-għajnuna “mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji”.

    20

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, peress li din hija deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-istess artikolu għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li jistgħu jiġu kkumpensati biss, skont dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, l-iżvantaġġi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra. Minn dan jirriżulta li għandha teżisti rabta diretta bejn il-ħsara kkawżata minħabba dawn l-avvenimenti straordinarji u l-għajnuna mill-Istat u li hija neċessarja evalwazzjoni preċiża kemm jista’ jkun tad-danni mġarrba mill-operaturi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Skont Ryanair, fil-każ fejn Stat Membru jiddeċiedi li jadotta miżuri ta’ appoġġ skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, huwa jkun obbligat li jagħmel dan fir-rigward tal-impriżi kollha ppreġudikati.

    22

    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, dan madankollu ma jfissirx li t-termini użati sabiex tiġi ddefinita d-deroga għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadha mill-effetti tagħha, deroga għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-għanijiet tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Fastweb (C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 40).

    23

    Issa, mill-kliem tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, moqrija fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, bl-ebda mod ma jirriżulta li hija biss għajnuna li tingħata lill-impriżi kollha kkonċernati mid-danni kkawżati, b’mod partikolari, minn avveniment straordinarju li tidher li tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, anki jekk din tingħata biss lil impriża waħda, għajnuna tista’, jekk ikun il-każ, tkun intiża sabiex tirrimedja dawn id-danni, u, b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, tissodisfa l-għan espressament imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni.

    24

    Għaldaqstant, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan imfittex mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li huwa intiż li jikkumpensa l-iżvantaġġi kkawżati direttament minn avveniment straordinarju, ma jeskludix li Stat Membru jista’, mingħajr ma dan ikun iddettat minn rieda li jiffavorixxi impriża fil-konfront tal-kompetituri tiegħu, jagħżel biss, għal raġunijiet oġġettivi, benefiċjarju wieħed ta’ miżura adottata skont din id-dispożizzjoni.

    25

    Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn parti kbira mill-effett utli tagħha. Fil-fatt, jekk din id-dispożizzjoni tagħti biss il-possibbiltà lil Stat Membru li jagħti għajnuna lill-vittmi kollha ta’ avveniment straordinarju mingħajr ma jkun jista’ jirriżerva din l-għajnuna għal numru limitat ta’ impriżi, jew saħansitra għal waħda biss, l-Istati Membri ħafna drabi jkunu skoraġġuti milli jużaw din il-possibbiltà minħabba l-ispejjeż li l-għoti, f’tali ċirkustanzi, ta’ għajnuna sinjifikattiva lill-impriżi ppreġudikati kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

    26

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma għandux jingħata l-interpretazzjoni sostnuta minn Ryanair, għaliex inkella jiġi ppreġudikat l-għan u l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

    27

    Madankollu, sa fejn Ryanair issostni, essenzjalment, insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, li Stat Membru li jagħti għajnuna, skont l-imsemmija dispożizzjoni, biss lil numru żgħir ta’ impriżi li ġew ippreġudikati mill-avveniment straordinarju, jew lil waħda minnhom biss, ma jsegwix l-għan fl-istess dispożizzjoni, jiġifieri li jirrimedja għad-danni kkawżati wara tali avveniment, iżda għanijiet ta’ politika ġenerali, barra minn hekk, li ddgħajjef ir-rabta diretta meħtieġa bejn id-danni kkawżati mill-avveniment straordinarju u l-għajnuna mogħtija, għandu jitfakkar, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li miżura ta’ għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa ta’ deroga skont l-Artikolu 107(2) TFUE biss jekk il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti, li jimplika, b’mod partikolari, li hija tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għan li jinsab fih u li hija tkun proporzjonata mal-għan imfittex.

    28

    Minn dan isegwi, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 17 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali li ma jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq intern miżuri ta’ għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE li, minkejja li huma intiżi li jirrimedjaw għad-danni subiti minħabba avveniment straordinarju, huma, fir-realtà, motivati minn kunsiderazzjonijiet arbitrarji jew estranji għal dan l-għan, bħar-rieda li tiġi ffavorita, għal raġunijiet mhux marbuta mal-imsemmi għan, impriża b’mod partikolari meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, b’mod partikolari impriża li kienet diġà tinsab f’diffikultà qabel ma seħħ l-avveniment inkwistjoni.

    29

    Għaldaqstant, jekk, fl-okkażjoni tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, il-Kummissjoni kellha tikkonstata, b’mod partikolari, li l-għażla tal-benefiċjarju ma hijiex konformi mal-għan intiż li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi kkawżati direttament, b’mod partikolari, minn avveniment straordinarju, imsemmi f’din id-dispożizzjoni u li għalhekk ma tissodisfax verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq, iżda għal kunsiderazzjonijiet oħra li huma barranin għaliha, l-imsemmija miżura ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tad-deroga stabbilita mill-imsemmija dispożizzjoni.

    30

    F’dan ir-rigward, għajnuna mogħtija abbażi tal-Artikolu 107(2) TFUE għandha tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, b’tali mod li għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 104, kif ukoll tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 49).

    31

    Madankollu, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi Ryanair, is-sempliċi fatt li għajnuna skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE tingħata biss lil impriża waħda, bħal f’dan il-każ lil SAS, fost diversi impriżi potenzjalment ippreġudikati mill-avveniment straordinarju inkwistjoni, ma jimplikax madankollu li din l-għajnuna neċessarjament tipprevedi għanijiet oħra bl-esklużjoni ta’ dak imfittex minn din id-dispożizzjoni jew li tingħata b’mod arbitrarju.

    32

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Ryanair ibbażat fuq il-fatt li l-għan tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE jippreżumi li l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi bħala “assiguratur aħħari”, peress li tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni la tirriżulta mill-formulazzjoni u lanqas mill-għan tagħha, imfakkra fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza.

    33

    Fl-aħħar nett, sa fejn Ryanair tinvoka prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni preċedenti għall-pandemija tal-COVID-19, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huwa, f’dan il-każ, fil-kuntest biss tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u, sussegwentement, tas-sentenza appellata, u mhux fid-dawl ta’ allegata prassi deċiżjonali preċedenti ta’ din l-istituzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen‑Anhalt vs Il‑Kummissjoni, C‑459/10 P, EU:C:2011:515, punt 50, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 114).

    34

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li Ryanair ma kellhiex raġun issostni li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi mis-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tibbenefika lill-impriżi kollha li ġarrbu danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19.

    35

    Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it‑tieni aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    36

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 31 sa 66 tas-sentenza appellata u li jinkludi tmien partijiet, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi u li manifestament żnaturat il-fatti, billi qieset b’mod żbaljat li l-miżura inkwistjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u li kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni mġarrba minn SAS minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    37

    Permezz tal-ewwel parti, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li miżura bħall-miżura inkwistjoni, li hija ta’ natura sussidjarja meta mqabbla mal-iskema ta’ għajnuna Svediża ddikjarata kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, setgħet tiġi awtorizzata skont il-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li t-Trattat FUE ma kienx jipprekludi applikazzjoni simultanja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kull waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

    38

    Din ir-raġuni hija, b’mod partikolari, żbaljata fid-dritt peress li, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ rabta diretta bejn id-danni u l-għajnuna, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jitqies li jaġixxi bħala “assiguratur aħħari”, skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, jekk ifittex fl-istess ħin — u bl-istess miżura — li jsegwi għan politiku differenti minn dak li jiġġustifika l-eżistenza tad-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali twassal sabiex “jingħaqdu” d-dispożizzjonijiet distinti tal-Artikolu 107(2)(b) u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE f’“reġim ta’ kriżi” wieħed, li l-bażijiet legali tiegħu jkunu interkambjabbli mingħajr distinzjoni.

    39

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, Ryanair issostni li, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni żbaljata tal-punti 40 u 41 tas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑73/03, EU:C:2004:711), sa fejn minnha ddeduċiet kriterju ta’ probabbiltà. Fil-fatt, meta l-miżura kkonċernata tkun intiża sabiex tkopri danni futuri, bħal f’dan il-każ, għandha titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna kollha li tista’ tkun ogħla mit-telf imġarrab mill-impriżi benefiċjarji, indipendentement mil-livell ta’ probabbiltà li jkun hemm kumpens żejjed għad-danni. L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa żejda ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi evitat li jingħata vantaġġ indebitu lill-impriża benefiċjarja, anki jekk temporanju.

    40

    Permezz tat-tielet parti, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-kriterju ta’ proporzjonalità li fuqu hija bbażata, sa fejn hija qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet immotivat b’mod korrett id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-metodu ta’ kalkolu tad-dannu mġarrab minn SAS adottat minn din l-istituzzjoni ma kienx suffiċjentement preċiż.

    41

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jidher li jirriżulta li għajnuna tista’ tiġi awtorizzata skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE biss abbażi ta’ metodu ta’ evalwazzjoni preċiż tad-danni mġarrba. F’dan il-każ, il-motiv li jinsab fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-Kummissjoni kienet iddefinixxiet bi preċiżjoni suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, metodu ta’ kalkolu intiż għall-evalwazzjoni tad-dannu, huwa irrikonċiljabbli mal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari l-paragrafu 35 tagħha, li jippreċiża li l-awtoritajiet Svediżi kienu impenjaw ruħhom li jippreżentaw sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, għall-approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, il-metodu li kien ser jintuża sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu. Il-miżura inkwistjoni għalhekk ma hija xejn ħlief ċekk vojt mogħti lil SAS għal iktar minn sena, jiġifieri sal-ewwel rapport dwar it-telf reali mġarrab minn din il-kumpannija tal-ajru.

    42

    Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju tagħha, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti sa fejn iddikjarat, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, li hija ma kienet ipproduċiet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-metodu ta’ kalkolu, kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, kien jippermetti l-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat ogħla mid-dannu realment imġarrab minn SAS. Skont l-appellanti, sabiex jiġi vverifikat jekk il-metodu ta’ kalkolu kienx jippreżenta f’dan il-każ tali riskju, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-applikazzjoni tiegħu “setgħetx” twassal għal kumpens żejjed. Issa, Ryanair ipproduċiet għadd ta’ provi li l-għajnuna lil SAS kienet tabilħaqq ogħla mit-telf. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest huwa kontradittorju. Għalhekk, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dannu, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, irrikonoxxiet l-importanza tal-ispejjeż varjabbli, li kellhom jiġu esklużi sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu, filwaqt li qieset, min-naħa l-oħra, li l-appellanti kellha tipproduċi l-prova li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar dawn l-ispejjeż seta’ jwassal għall-ħlas ta’ għajnuna ogħla mid-dannu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija imponiet sistematikament l-oneru tal-prova fuq l-appellanti u mhux fuq il-Kummissjoni.

    43

    Permezz tal-ħames parti, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma siltitx il-konsegwenzi tar-rikonoxximent, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, mill-fatt li l-metodu ddefinit mill-Kummissjoni ma kienx jippermetti li jiġi evitat li l-evalwazzjoni tad-danni tinkludi wkoll il-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet meħuda minn SAS mingħajr rabta diretta mal-pandemija tal-COVID‑19. Fuq dan il-punt ukoll il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova billi qieset li l-appellanti ma kinitx ipprovat li, fl-assenza ta’ din il-pandemija, id-dħul ta’ SAS kien probabbilment jonqos.

    44

    Permezz tas-sitt parti, Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, permezz ta’ sempliċi riferiment għall-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dannu mġarrab mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra li joperaw fl-Isvezja. Fil-fatt, il-prinċipju li l-għajnuna għandha tkun proporzjonata mad-dannu jimponi li dan jiġi evalwat mhux biss fir-rigward tal-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda wkoll f’dak tal-kompetituri tiegħu. Għalhekk, f’dan il-każ, kien hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-kumpanniji tal-ajru l-oħra li joperaw fl-Isvezja. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma tistax validament tafferma, kif għamlet fil-punti 8 u 84 tas-sentenza appellata, li l-miżura inkwistjoni kienet iġġustifikata fid-dawl tad-dannu ikbar imġarrab minn SAS minħabba s-sitwazzjoni kompetittiva tagħha u lanqas ma tista’ tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna meta mqabbla mad-dannu mġarrab minn din il-kumpannija.

    45

    Permezz tas-seba’ parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ġġustifikat il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għajnuna mogħtija mir-Renju tan-Norveġja fid-dawl tal-impenn tar-Renju tal-Isvezja li jitlob ir-rimbors tal-għajnuna ex post, fil-każ li l-miżura inkwistjoni, akkumulata ma’ oħrajn, inklużi dawk mogħtija minn awtoritajiet barranin, teċċedi d-dannu effettivament imġarrab minn SAS, filwaqt li l-Kummissjoni kellha immedjatament tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna mogħtija mir-Renju tan-Norveġja, peress li din kienet magħrufa fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    46

    Permezz tat-tmien parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ liġi sa fejn ċaħdet, fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, l-argument tagħha li l-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-fatt li SAS kienet l-unika kumpannija tal-ajru benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Tali evalwazzjoni hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iskema ta’ għajnuna tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat tagħha u jekk hijiex għalhekk proporzjonata.

    47

    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS isostnu li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    48

    Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, indirizzat kontra l-punti 34 u 35 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestati minn Ryanair, il-miżura inkwistjoni kellha natura “sussidjarja” meta mqabbla mal-iskema ta’ għajnuna Svediża awtorizzata preċedentement biss fis-sens li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għal din l-iskema ta’ għajnuna, preċedentement awtorizzata, biss setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna individwali, li l-miżura inkwistjoni kienet tagħmel parti minnha, li r-Renju tal-Isvezja kellu l-intenzjoni li jagħti lil dawn il-kumpanniji, sa fejn kien diffiċli għalihom li jaċċedu għall-kreditu fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija skema ta’ għajnuna. Apparti din il-karatteristika, il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għalhekk miżura ta’ għajnuna indipendenti mill-iskema ta’ għajnuna Svediża, li kienet is-suġġett ta’ notifika u ta’ deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal-Kummissjoni distinti minn din tal-aħħar.

    49

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, billi rreferiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, għall-“applikazzjoni konkomitanti” tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li fuqu kienet ibbażata l-miżura inkwistjoni, u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li fuqu kienet ibbażata l-iskema ta’ għajnuna Svediża, il-Qorti Ġenerali fl-ebda każ ma tissuġġerixxi li SAS kienet tibbenefika minn dawn iż-żewġ miżuri ta’ għajnuna distinti. Għall-kuntrarju, mill-punt 32 tas-sentenza appellata jirriżulta li SAS ma setgħetx tibbenefika kemm mill-miżura inkwistjoni kif ukoll mill-iskema ta’ għajnuna Svediża. Barra minn hekk, huwa paċifiku li hija ma kinitx ibbenefikat minn din l-iskema ta’ għajnuna.

    50

    B’hekk, billi għamlet riferiment għall-applikazzjoni konkomitanti ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali sempliċement ippreċiżat li ma kienx eskluż li diversi miżuri ta’ għajnuna jiġu adottati minn Stat Membru abbażi ta’ derogi differenti previsti fl-Artikolu 107(2) jew (3) TFUE, fir-rigward tal-istess avveniment, bħalma kien il-każ f’dan il-każ.

    51

    Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tas-sentenza appellata, avveniment bħall-pandemija tal-COVID-19 jista’ jiġi kklassifikat kemm bħala “avveniment straordinarju”, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, kif ukoll bħala avveniment li jagħti lok għal “disturb serju tal-ekonomija”, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

    52

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tas-sentenza appellata, it-Trattat FUE ma jipprekludix applikazzjoni simultanja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fis-sens indikat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kull waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

    53

    Fl-aħħar nett, sa fejn, insostenn ta’ din l-ewwel parti, Ryanair issostni, bħal fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, li l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jitqies li jaġixxi bħala “assiguratur aħħari”, kif jipprevedi l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, jekk ifittex, permezz tal-istess miżura, li jsegwi għan differenti minn dak imsemmi fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, mill-punt 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

    54

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li l-miżura inkwistjoni setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, minkejja li l-iskema ta’ għajnuna Svediża kienet ġiet iddikjarata kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

    55

    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    56

    It-tieni sat-tmien parti tat-tieni aggravju huma diretti kontra l-punti 39 sa 66 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, intiża sabiex tikkontesta l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni meta mqabbla mad-danni mġarrba minn SAS, b’mod partikolari sa fejn il-Kummissjoni awtorizzat kumpens żejjed possibbli għal dawn id-danni.

    57

    Għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn il-partijiet tat-tieni aggravju, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, li għajnuna mogħtija abbażi tal-Artikolu 107(2) TFUE għandha tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, b’tali mod li għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 104, kif ukoll tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 49).

    58

    Fir-rigward tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, jistgħu jiġu kkumpensati biss, skont din id-dispożizzjoni, l-iżvantaġġi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra.

    59

    Minn dan isegwi li l-għajnuna mogħtija ma tistax tkun ogħla mit-telf sostnut mill-benefiċjarji tagħha wara l-avveniment ikkonċernat, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑73/03, EU:C:2004:711), imsemmija fil-punt 40 tas-sentenza appellata.

    60

    F’dan ir-rigward, sa fejn, permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, introduċiet kriterju żbaljat ta’ probabbiltà, li huwa inkompatibbli mat-tagħlim tas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑73/03, EU:C:2004:711), għandu jiġi rrilevat li din il-parti hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali ma introduċietx tali kriterju. Fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat biss li, sa fejn l-ammont ta’ għajnuna jkun ogħla mid-danni sostnuti mill-benefiċjarju tagħha, din il-parti tal-għajnuna ma tistax tiġi ġġustifikata taħt l-imsemmija dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li, sabiex jiġi vverifikat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni approvatx kumpens żejjed għad-dannu realment imġarrab minn SAS, il-Qorti Ġenerali adottat tali kriterju u li għalhekk dan kellu effett fuq ir-riżultat ta’ dan l-eżami.

    61

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    62

    Sa fejn, permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, bi żball ta’ liġi sa fejn qieset, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ippreżentat metodu ta’ kalkolu suffiċjentement preċiż tad-dannu mġarrab minn SAS, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-punt 41 tagħha, li fil-kuntest tiegħu hija speċifikat l-elementi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni ta’ dan id-dannu. Huwa abbażi ta’ din id-deskrizzjoni ddettaljata li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt 45, ikkunsidrat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet, minn naħa, identifikat l-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu, jiġifieri t-telf ta’ dħul, l-ispejjeż varjabbli evitati u l-aġġustament tal-marġni ta’ profitt, kif ukoll il-perijodu li matulu dan id-dannu seta’ jseħħ u, min-naħa l-oħra, ippreċiżat li t-telf ta’ dħul kellu jiġi ddeterminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul kollu ta’ SAS, u mhux biss dak idderivat mit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni kienet ħadet nota tal-impenn tal-awtoritajiet Svediżi, minn naħa, li jikkwantifikaw ex post b’mod iddettaljat u konkret id-dannu mġarrab minn SAS kif ukoll l-ammont tal-għajnuna li hija finalment ibbenefikat minnha u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw li SAS tirrimborsa kumpens żejjed eventwali tal-imsemmi dannu.

    63

    Issa, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha relatati mad-determinazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS ikkunsidrati mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiddeċiedi, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari n-natura neċessarjament prospettiva tal-kwantifikazzjoni ta’ dan id-dannu u tal-ammont tal-għajnuna finalment mogħtija, id-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi espożizzjoni suffiċjentement preċiża tal-metodu ta’ kalkolu tal-imsemmi dannu.

    64

    Kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata għas-sempliċi raġuni li l-awtoritajiet Svediżi kienu, min-naħa tagħhom, impenjaw ruħhom li jissottomettu lill-Kummissjoni l-metodu ta’ kalkolu ddettaljat li jintuża sabiex jiġi kkwantifikat ex post id-dannu.

    65

    Sa fejn, fit-tieni lok, permezz ta’ din it-tielet parti, Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti sottomessi lilha, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, sabiex jiġu kkonstatati l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu evalwati dawn il-fatti (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn ta’ din il-parti, Ryanair ma tippreċiżax il-provi li l-Qorti Ġenerali żnaturat sabiex tasal għall-kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni kienet ippreżentat metodu ta’ kalkolu tad-dannu suffiċjentement preċiż u, a fortiori, ma turix kif dawn il-provi ġew żnaturati.

    69

    Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tieni aggravju ma hijiex fondata.

    70

    Permezz tar-raba’ u l-ħames parti ta’ dan l-aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti li jivvizzjaw il-punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata, li skonthom l-appellanti ma kienet ipproduċiet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi, l-ewwel, li l-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni jippermetti l-ħlas ta’ għajnuna ogħla mid-dannu realment imġarrab minn SAS, it-tieni, li t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnax-il xahar qabel l-introduzzjoni tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 seta’ jwassal lill-Kummissjoni sabiex tissopravaluta dan id-dannu u, it-tielet, li, fl-assenza ta’ din il-pandemija, id-dħul ta’ SAS probabbilment kien jonqos matul il-perijodu mix-xahar ta’ Marzu 2020 sax-xahar ta’ Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu mix-xahar ta’ Marzu 2019 sax-xahar ta’ Frar 2020.

    71

    Issa, sa fejn, insostenn ta’ dawn il-partijiet, Ryanair sempliċement tafferma li l-punti ta’ fatt li hija kienet ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali kienu ta’ natura li juru l-fondatezza ta’ dawn it-tliet argumenti, l-imsemmija parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, peress li, fl-assenza ta’ elementi konkreti li jippermettu li jiġi konkluż li seta’ kien hemm żnaturament tal-fatti, l-appellanti għandha l-intenzjoni, fir-realtà, li tikkontesta l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti li l-Qorti Ġenerali wettqet sabiex tiddeċiedi, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS.

    72

    Barra minn hekk, sa fejn Ryanair issostni li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova, li, fil-fehma tagħha, kellu jaqa’ fuq il-Kummissjoni, għandu jitfakkar li fil-prinċipju hija l-persuna li tallega fatti insostenn ta’ talba jew ta’ argument li għandha tipproduċi l-prova tar-realtà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2001, Brunnhofer, C‑381/99, EU:C:2001:358, punt 52, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Jannar 2008, Provincia di Ascoli Piceno u Comune di Monte Urano vs Apache Footwear et, C‑464/07 P(I), EU:C:2008:49, punt 9).

    73

    Huwa għalhekk mingħajr ma tikser il-prinċipji dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata li Ryanair ma kinitx ipproduċiet il-prova tal-fatti invokati insostenn tal-argument tagħha li jgħid li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS.

    74

    Konsegwentement, hemm lok li r-raba’ u l-ħames parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondati.

    75

    Is-sitt parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata, essenzjalment, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, meta eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tqis li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni mġarrba minn SAS minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u li hija ma kinitx tibbenefika minn kumpens żejjed tad-dannu tagħha, ċaħdet b’mod żbaljat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, l-argument ta’ Ryanair li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-danni mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra li joperaw fl-Isvezja.

    76

    F’dan id-dawl, fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, mill-punt 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan ma jistax ikun ogħla mit-telf sostnut mill-benefiċjarju tagħha. Meta, bħal f’dan il-każ, ikun hemm għajnuna individwali, hija għalhekk il-Kummissjoni li għandha tivverifika, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, jekk il-benefiċjarju jiksibx ammont ta’ għajnuna li jaqbeż id-dannu li huwa realment ġarrab minħabba l-avveniment straordinarju inkwistjoni.

    77

    Issa, fid-dawl ta’ tali evalwazzjoni fir-rigward ta’ kumpannija tal-ajru partikolari, il-fatt dwar jekk, jew sa liema punt, kumpanniji oħra wkoll sofrew danni minħabba l-istess avveniment, jidher b’mod ċar irrilevanti.

    78

    Barra minn hekk, mill-punti 22 sa 26 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, Ryanair issostni b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Istat Membru kkonċernat ma huwiex obbligat jieħu inkunsiderazzjoni d-danni kollha kkawżati mill-avveniment straordinarju inkwistjoni jew li jagħti l-benefiċċju tal-għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, abbażi ta’ dawn l-istess kunsiderazzjonijiet, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-awtorizzazzjoni li tingħata għajnuna għall-benefiċċju ta’ SAS biss ma kinitx suġġetta għall-prova, mill-Kummissjoni, li d-dannu kkawżat minn dan l-avveniment kien jippreġudika biss lil din l-impriża.

    79

    Fl-aħħar nett, Ryanair sempliċement tafferma li huwa kontradittorju li l-Qorti Ġenerali ġġustifikat in-neċessità tal-miżura inkwistjoni li tagħmel riferiment għas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ SAS, iżda ma ħaditx inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, mingħajr, madankollu, ma indikat b’mod preċiż l-argumenti legali insostenn ta’ din l-affermazzjoni.

    80

    Minn dan isegwi li s-sitt parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

    81

    Sa fejn Ryanair issostni, permezz tas-seba’ parti ta’ dan l-aggravju, li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kellha qabelxejn tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kumpens żejjed għad-dannu mġarrab minn SAS, l-għajnuna mogħtija mir-Renju tan-Norveġja, minflok ma kkuntentat ruħha b’evalwazzjoni ex post, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet fil-fatt ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna mogħtija mir-Renju tan-Norveġja, u li Ryanair ma ressqet ebda argument intiż li jikkontesta din il-konstatazzjoni.

    82

    Għaldaqstant, is-seba’ parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    83

    Permezz tat-tmien parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, u b’mod partikolari l-proporzjonalità tagħha, il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta għal SAS mill-fatt li hija kienet l-unika benefiċjarja ta’ din l-għajnuna.

    84

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 92), li għaliha l-Qorti Ġenerali rreferiet fil-punt 63 tas-sentenza appellata, hija, minkejja li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna illegali għall-finijiet tal-irkupru tagħha, rilevanti f’dan il-każ, sa fejn jista’ jiġi dedott mill-imsemmi punt 92 li l-vantaġġ li għajnuna tagħti lill-benefiċjarju tagħha ma jinkludix l-eventwali benefiċċju ekonomiku li dan il-benefiċjarju jikseb mill-operat ta’ dan il-vantaġġ.

    85

    Għalhekk, fil-każ tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri għajnuna fil-forma ta’ garanzija, l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil SAS, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ kumpens żejjed eventwali għad-danni mġarrba minn din il-kumpannija tal-ajru minħabba l-avveniment straordinarju inkwistjoni, jikkorrispondi, bħala prinċipju, hekk kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10) u kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, bid-differenza tar-rata mogħtija lil SAS flimkien ma’ jew fl-assenza tal-miżura inkwistjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni vantaġġ eventwali li SAS kienet tikseb indirettament minnu, bħall-vantaġġ kompetittiv allegat minn Ryanair.

    86

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġ kompetittiv li Ryanair allegat l-eżistenza tiegħu.

    87

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tmien parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, konsegwentement, dan l-aggravju huwa infondat kollu kemm hu.

    Fuq it‑tielet aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    88

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 70 sa 89 tas-sentenza appellata, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti billi ċaħdet l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza u billi ddeċidiet, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li kien iġġustifikat li l-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni jingħata biss lil SAS u li din ma kinitx tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    89

    F’dan ir-rigward, Ryanair issostni, permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali ma applikatx debitament il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, li huwa prinċipju essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Minkejja li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni, sa fejn din kienet tibbenefika biss lil SAS, setgħet tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, hija qieset b’mod żbaljat li tali diskriminazzjoni kellha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, minħabba li din id-dispożizzjoni kienet tikkostitwixxi dispożizzjoni partikolari prevista mit-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk tali diskriminazzjoni kinitx iġġustifikata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, fis-sens tal-Artikolu 52 TFUE, jew, fi kwalunkwe każ, jekk din kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati.

    90

    Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 sa 77 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-għan tal-miżura inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, li din il-miżura ma kellhiex l-għan li tippreżerva l-“konnettività” tal-Isvezja u l-“aċċessibbiltà intra-Skandinavu” jew l-ekonomija Svediża, li tikkostitwixxi interpretazzjoni eċċessivament formalistika tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni tikkontradixxi l-punt 82 tas-sentenza appellata. Skont Ryanair, huma wkoll żbaljati l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, li l-miżura inkwistjoni ma kellhiex l-għan taż-żamma tal-istruttura tas-suq u li d-diskriminazzjoni kienet inerenti għan-natura individwali tal-għajnuna.

    91

    Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi sa fejn qieset b’mod żbaljat, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni kienet iġġustifikata, peress li SAS, minħabba l-ishma tas-suq tagħha ikbar, kienet iktar ippreġudikata mir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19 mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra preżenti fl-Isvezja.

    92

    Issa, fl-ewwel lok, din il-ġustifikazzjoni ma tinsab imkien fid-deċiżjoni kkontestata. It-tieni, tali affermazzjoni essenzjalment twassal sabiex jiġi affermat li impriża li għandha sehem mis-suq sinjifikattiv tista’ tingħata l-għajnuna kollha mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ kompetizzjoni mhux distorta. It-tielet, sa fejn, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiġġustifika tali dritt ta’ SAS għall-għajnuna kollha minħabba li kienet “proporzjonalment, affettwata b’mod sinjifikattiv iktar mir-restrizzjonijiet milli kienet ir-rikorrenti”, din l-affermazzjoni hija “assurda u manifestament żbaljata”. Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-importanza relattiva tal-ammont tal-miżura inkwistjoni, ir-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li tqassim ta’ dan l-ammont bejn il-kumpanniji tal-ajru kollha preżenti fl-Isvezja ma kienx iċaħħad l-imsemmija miżura mill-effett utli tagħha. Issa, kriterju marbut ma’ tali “effett utli”, li ma ġiex ippreċiżat mill-Qorti Ġenerali, jaqa’ taħt “interpretazzjoni purament sui generis”. Fi kwalunkwe każ, tali analiżi ma kienet tidher imkien fid-deċiżjoni kkontestata.

    93

    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    94

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, Ryanair issostni, qabelxejn, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza appellata, identifikat b’mod żbaljat l-għan tal-miżura inkwistjoni, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, u li, b’mod żbaljat, qieset li dan l-għan ma kienx jikkonsisti fil-preżervazzjoni tal-“konnettività” tal-Isvezja u l-“aċċessibbiltà intra-Skandinava” jew tal-ekonomija Svediża.

    95

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li mill-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fil-punt intitolat “Għan tal-miżura”, jirriżulta espressament li dan l-għan jikkonsisti f’li “jingħata kumpens lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-preżervazzjoni tal-“konnettività” tal-Isvezja tal-“aċċessibbiltà intra-Skandinava” u tal-ekonomija Svediża, dawn l-aspetti jissemmew f’parti differenti tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fil-punt intitolat “Benefiċjarju”, li huwa intiż biss sabiex jiddeskrivi l-profil tal-impriża destinatarja tal-miżura inkwistjoni u mhux l-għan ta’ din il-miżura.

    96

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u lanqas ma żnaturat it-termini tad-deċiżjoni kkontestata meta qieset, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li l-għan tal-miżura inkwistjoni ma kinitx, fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, minbarra dak li tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, li tiġi ppreżervata l-“konnettività” tal-Isvezja kif ukoll l-“aċċessibbiltà intra-Skandinava” jew l-ekonomija Svediża.

    97

    Sa fejn Ryanair issostni, sussegwentement, l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-motivi li jinsabu, minn naħa, fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, fil-punt 82 tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan l-aħħar punt, il-Qorti Ġenerali lanqas ma kienet għadha twettaq l-eżami tal-għan tal-miżura inkwistjoni, imsemmi fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza, iżda dak tal-proporzjonalità tal-modalitajiet tal-għoti ta’ din il-miżura fid-dawl ta’ dan l-għan, li huwa s-suġġett tal-punti 80 sa 87 tal-imsemmija sentenza.

    98

    Fl-aħħar nett, sa fejn it-tieni parti tat-tielet aggravju tirrigwarda l-punt 76 tas-sentenza appellata, li fi tmiemu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li l-miżura inkwistjoni kellha bħala għan iż-żamma tal-istruttura tas-suq, din il-konstatazzjoni ma hija, għall-istess raġuni bħal dik imsemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, ivvizzjata minn ebda żball ta’ liġi.

    99

    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    100

    Permezz tal-aħħar argument imressaq fil-kuntest kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 77 u 80 tas-sentenza appellata, wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, b’mod iktar partikolari, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

    101

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegazzjoni ta’ Ryanair dwar l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali jidher li wettqet fil-punt 77 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, irid joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑208/16 P, EU:C:2018:506, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    102

    Huwa għalhekk fid-dawl ta’ miżuri li għandhom tali karatteristiċi, sa fejn dawn jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jippreġudikaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li l-Artikolu 107(1) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-inkompatibbiltà tagħhom mas-suq intern.

    103

    B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE jippreżupponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-vantaġġ ekonomiku, f’sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari jkun ta’ vantaġġ speċifiku għal impriża waħda jew iktar. Sabiex tagħmel dan, hija għandha turi, b’mod partikolari, li l-miżura kkonċernata tintroduċi distinzjonijiet bejn l-impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni paragunabbli. Għalhekk, jeħtieġ li l-vantaġġ jingħata b’mod selettiv u li dan ikun jista’ jqiegħed ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    104

    Meta, bħal f’dan il-każ, il-miżura kkonċernata titqies bħala għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    105

    Minn dan isegwi li, billi affermat, essenzjalment, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li, min-natura tagħha, għajnuna individwali tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-impriża benefiċjarja ta’ din l-għajnuna u l-impriżi l-oħra kollha li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni paragunabbli, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni Ryanair, dan il-punt 77 ma jistax jinftiehem fis-sens li l-Qorti Ġenerali tqis li għajnuna individwali li, fil-fehma tagħha, tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, hija għall-inqas kompatibbli mas-suq intern, peress li hija ppreċiżat espressament, fl-aħħar tal-imsemmi punt, li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu tali għajnuna, “sakemm il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 107 TFUE jkunu ssodisfatti”.

    106

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jipprevedi ċerti derogi mill-prinċipju, imsemmi fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern. Għaldaqstant, hija kompatibbli jew tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern għajnuna mill-Istat mogħtija għall-finijiet u skont ir-rekwiżiti previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet derogatorji, minkejja l-fatt li din għandha l-karatteristiċi u tipproduċi l-effetti msemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza.

    107

    Minn dan isegwi li, ħlief biex l-imsemmija dispożizzjonijiet derogatorji jiġu mċaħħda minn kull effett utli, għajnuna mill-Istat li tingħata b’mod konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri għall-finijiet ta’ għan irrikonoxxut fihom u fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju u proporzjonat għat-twettiq ta’ dan l-għan, ma tistax titqies inkompatibbli mas-suq intern biss fid-dawl tal-karatteristiċi jew tal-effetti, imsemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, li huma inerenti għal kull għajnuna mill-Istat, jiġifieri, b’mod partikolari, għal raġunijiet marbuta mal-fatt li l-għajnuna hija selettiva jew li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, EU:C:1977:51, punti 1415, kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 57).

    108

    Għalhekk, għajnuna ma tistax titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet li huma marbuta biss mal-fatt li l-għajnuna hija selettiva jew li toħloq distorsjoni jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni.

    109

    Madankollu, fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjoni ta’ Ryanair li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma applikatx, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, iżda eżaminat il-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għalhekk, għajnuna li, bħala tali jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    110

    Madankollu, f’dak li jirrigwarda speċifikament l-Artikolu 18 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li dan l-artikolu huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    111

    Peress li, kif tfakkar fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jipprevedi derogi mill-prinċipju, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, u għalhekk jirrikonoxxi, b’mod partikolari, differenzi fit-trattament bejn l-impriżi, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti minn dawn id-derogi, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala “dispożizzjonijiet partikolari” previsti mit-Trattati, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

    112

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE kien jikkostitwixxi tali dispożizzjoni partikolari u li kellu jiġi eżaminat biss jekk id-differenza fit-trattament ikkawżata mill-miżura inkwistjoni kinitx permessa taħt din id-dispożizzjoni.

    113

    Minn dan jirriżulta li d-differenzi fit-trattament li ġġib magħha l-miżura inkwistjoni ma għandhomx vantaġġ li jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-motivi stabbiliti fl-Artikolu 52 TFUE, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair.

    114

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-aħħar ilment tat-tieni parti u l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    115

    Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali tal-iżbalji ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti li hija wettqet meta eżaminat, b’mod partikolari fil-punti 84 sa 88 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, il-fondatezza tal-argument tal-appellanti, riprodott fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, li jgħid li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minn din il-miżura ma kinitx proporzjonata, sa fejn din tal-aħħar tagħti lil SAS l-għajnuna kollha intiża sabiex tirrimedja għad-dannu kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li SAS ġarrbet biss 35 % ta’ dan id-dannu.

    116

    F’dan ir-rigward, Ryanair issostni, permezz tal-ewwel ilment, essenzjalment, li billi affermat, b’mod partikolari fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li SAS, minħabba l-ishma tas-suq ikbar tagħha, kienet ġiet affettwata iktar mir-restrizzjonijiet imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra preżenti fl-Isvezja, il-Qorti Ġenerali ressqet ġustifikazzjoni li ma kinitx tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li ssostitwixxiet il-motivi tagħha għal dawk adottati mill-Kummissjoni insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

    117

    Issa, għalkemm huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement, bi tweġiba għall-argument tal-appellanti msemmi fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, fakkret il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod iktar partikolari, siltet konklużjonijiet mill-indikazzjonijiet li jinsabu fiha, mingħajr madankollu ma wettqet sostituzzjoni tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni.

    118

    Sa fejn, permezz tat-tielet ilment ta’ din it-tielet parti, l-appellanti tirreferi għall-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-ishma tas-suq ta’ SAS kienu “sinjifikattivament ogħla minn dawk tal-eqreb kompetitur tagħha” u li SAS kienet, “fi proporzjon, sinjifikattivament iktar affettwata minn dawn ir-restrizzjonijiet”, jiġifieri dawk imposti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma evalwazzjonijiet sovrani ta’ fatt li l-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, għamlet għal finijiet ta’ kompletezza.

    119

    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli, iktar u iktar peress li l-appellanti ma stabbilixxiet ebda żnaturament ta’ dawn il-fatti mill-Qorti Ġenerali.

    120

    Barra minn hekk, sa fejn Ryanair issostni insostenn tat-tieni u tat-tielet ilment ta’ din it-tielet parti, essenzjalment, li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-għajnuna kellha tinqasam bejn il-vittmi kollha tal-avveniment straordinarju inkwistjoni, proporzjonalment mad-danni mġarrba minnhom, dan ir-raġunament huwa bbażat fuq premessa żbaljata, kif jirriżulta mill-punti 21 sa 26 ta’ din is-sentenza.

    121

    Fir-rigward tar-raba’ lment tat-tielet parti tat-tielet aggravju tal-appellanti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa intiż li jikkontesta l-punt 87 tas-sentenza appellata, li huwa ta’ natura superfluwa fid-dawl tad-deċiżjoni tagħha, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li tgħid li d-differenza fit-trattament favur SAS ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dak l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    122

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq ir‑raba’ aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    123

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 94 sa 96 tas-sentenza appellata, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti u tal-provi meta ċaħdet it-tieni parti tat-tielet motiv tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, li permezz tagħha hija invokat ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    124

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li, billi affermat, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx stabbilixxiet kif in-natura esklużiva tal-miżura inkwistjoni, li bbenefikat minnha biss SAS, kienet “ta’ natura li tiddiswadiha milli tistabbilixxi ruħha fl-Isvezja jew milli tipprovdi servizzi minn u lejn dan il-pajjiż”, il-Qorti Ġenerali għażlet kriterju żbaljat sabiex tevalwa jekk din il-miżura kinitx tostakola jew tagħmilx inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. Skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali kellha pjuttost teżamina jekk il-miżura inkwistjoni kinitx ta’ natura li tiskoraġġixxi “kwalunkwe operatur interessat” u għalhekk, f’dan il-każ, kumpanniji tal-ajru oħra minbarra SAS li joperaw fl-Isvezja, milli jistabbilixxu ruħhom jew milli jipprovdu servizzi f’dan l-Istat Membru.

    125

    Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li, fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, hija wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt, konformement mal-kriterju rilevanti, li l-miżura inkwistjoni kienet tqiegħed fi żvantaġġ, fil-prattika, biss lit-trasportaturi tal-ajru li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju tal-Isvezja. Fil-fatt, hija pprovdiet diversi provi dwar l-effett restrittiv tagħha fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, billi naqset milli teżaminahom, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żnaturament tal-provi.

    126

    Permezz tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, Ryanair issostni li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 94 tas-sentenza appellata, hija wriet li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment ma kinitx iġġustifikata. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rreferiet b’mod globali għar-raġunament tagħha dwar l-Artikolu 107 TFUE fil-kuntest tal-Artikolu 18 TFUE, meta indirizzat restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fir-realtà, il-Qorti Ġenerali u, qabilha, il-Kummissjoni, kellhom jeżaminaw jekk ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi dedotta mill-miżura inkwistjoni kinitx iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, nondiskriminatorja, neċessarja u proporzjonata meta mqabbla mal-għan ta’ interess ġenerali mfittex. Issa, ir-rikorrenti identifikat punti ta’ fatt u ta’ liġi li juru li l-miżura inkwistjoni kellha effetti restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li la kienu neċessarji, la xierqa u lanqas proporzjonati fid-dawl tal-għan iddikjarat tagħha. Il-Qorti Ġenerali “ċaħdet din ir-realtà” u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi u żnaturat manifestament il-fatti.

    127

    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    128

    Sa fejn, permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali, fl-ewwel sentenza tal-punt 94 tas-sentenza appellata, użat kriterju żbaljat sabiex tevalwa jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tostakola jew kinitx tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt. Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, kif issostni Ryanair, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-oneru tal-prova impost fuqha, jirriżulta, hekk kif ġustament irrileva l-Gvern Franċiż fir-risposta tiegħu, mit-tieni sentenza ta’ dan il-punt, li tirreferi għall-punti 70 sa 89 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali analizzat il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru kollha preżenti fl-Isvezja, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat l-eżistenza ta’ effetti restrittivi ġenerali, u għalhekk effetti li jirriżultaw mhux esklużivament fir-rigward ta’ Ryanair, iżda tal-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw jew li jixtiequ joperaw fl-Isvezja.

    129

    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    130

    Permezz tat-tieni u tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li vvizzjat is-sentenza appellata bi żbalji ta’ liġi, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, sa fejn hija eżaminat biss il-fatt li l-miżura inkwistjoni kienet ta’ benefiċċju biss għal SAS, fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 107 TFUE, minflok ma vverifikat jekk din il-miżura kinitx iġġustifikata fid-dawl tal-motivi previsti mid-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment. Issa, Ryanair ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali punti ta’ fatt u ta’ liġi li juru ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    131

    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għaldaqstant, għajnuna li, bħala tali jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

    132

    Madankollu, minn naħa, hekk kif l-Avukat Ġenerali Pitruzzella rrileva, essenzjalment, fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effetti restrittivi li miżura ta’ għajnuna tagħti fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew fuq il-libertà ta’ stabbiliment ma jikkostitwixxux madankollu restrizzjoni pprojbita mit-Trattat, sa fejn jista’ jkun hemm effett inerenti għan-natura stess ta’ għajnuna mill-Istat, bħan-natura selettiva tagħha.

    133

    Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-modalitajiet ta’ għajnuna jkunu tant indissolubbilment marbuta mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati b’mod iżolat, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kollha kemm hi mas-suq intern għandu neċessarjament jiġi evalwat permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, EU:C:1977:51, punt 14, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 97).

    134

    Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 95 ta’ din is-sentenza, l-għażla ta’ SAS bħala benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni tagħmel parti mill-għan tagħha u, fi kwalunkwe każ, minkejja li din l-għażla kellha titqies bħala modalità tal-imsemmija miżura, Ryanair ma tikkontestax li tali modalità hija marbuta b’mod inseparabbli mal-imsemmi għan, li huwa li tikkumpensa parzjalment lil din l-impriża għad-dannu li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19. Minn dan isegwi li l-effett li jirriżulta mill-għażla ta’ SAS bħala benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni fis-suq intern ma jistax ikun is-suġġett ta’ eżami separat minn dak tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura ta’ għajnuna kollha kemm hi mas-suq intern permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE.

    135

    Mill-motivi preċedenti u minn dak li ġie rrilevat, b’mod partikolari, fil-punti 107 u 108 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, essenzjalment, li sabiex jiġi stabbilit li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi, minħabba li kienet tibbenefika biss lil SAS, ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-rikorrenti kellha turi, f’dan il-każ, li din il-miżura kienet tipproduċi effetti restrittivi li kienu jmorru lil hinn minn dawk li huma inerenti għal għajnuna mill-Istat mogħtija konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

    136

    Issa, l-argument imressaq minn Ryanair insostenn tat-tieni u t-tielet parti tar-raba’ aggravju intiż, fl-intier tiegħu, li jikkritika l-għażla ta’ SAS bħala l-unika benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni u l-konsegwenzi ta’ dik l-għażla, minkejja li din tal-aħħar hija inerenti għan-natura selettiva ta’ din il-miżura.

    137

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li din żnaturat dawn il-provi.

    138

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    Fuq il‑ħames aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    139

    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Ryanair issostni li, billi kkonstatat, fil-punti 99 u 100 tas-sentenza appellata, li r-raba’ motiv tagħha tar-rikors fl-ewwel istanza, dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kien imċaħħad mill-għan muri tagħha u ma kellux kontenut awtonomu, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti.

    140

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, dan l-aggravju kellu kontenut awtonomu, differenti mill-ewwel tliet motivi tar-rikors fl-ewwel istanza, peress li l-kriterju ta’ stħarriġ huwa differenti għall-istabbiliment ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, u jista’ jiġi ssodisfatt anki jekk ma jiġix stabbilit li l-eżami tal-Kummissjoni huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn żball ta’ liġi, argumenti li fuqhom huma bbażati dawn l-ewwel tliet motivi.

    141

    Bl-istess mod, ir-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ma ġiex imċaħħad mill-għan muri tiegħu, peress li l-prova tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni hija totalment differenti minn dik ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, Ryanair jidher li qajmet argumenti awtonomi f’dan ir-rigward, li juru, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma kellhiex data tas-suq dwar l-istruttura tas-settur tal-avjazzjoni u lanqas informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-ammont tad-danni kkawżati mill-kriżi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u tal-quantum tal-għajnuna mogħtija lil SAS. Minn dan jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, Ryanair kienet identifikat lakuni u nuqqasijiet fl-informazzjoni tal-Kummissjoni, li wrew diffikultajiet serji u li kienu jikkostitwixxu “kontenut awtonomu” meta mqabbel mal-motivi l-oħra.

    142

    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    143

    Meta rikorrenti titlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, essenzjalment hija tikkontesta l-fatt li din id-deċiżjoni ġiet meħuda mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tagħha. Sabiex it-talba għal annullament tagħha tintlaqa’, ir-rikorrenti tista’ tinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura nnotifikata, kien imissha qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-[Artikolu 108 TFUE] (ĠU 2015, L. 248, p. 9) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    144

    Huwa l-awtur ta’ tali talba li għandu juri li kienu jeżistu dubji dwar din il-kompatibbiltà, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE. Tali prova għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll fil-kontenut tagħha, minn sensiela ta’ indizji konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    145

    B’mod partikolari, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-fatt li din l-istituzzjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern, li kellu jwassalha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    146

    F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabelxejn, tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li r-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien nieqes minn kontenut awtonomu, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu, kif sostniet Ryanair fl-appell tagħha, li kieku l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt preċedenti, kienet ġiet ipprovata, id-deċiżjoni kkontestata setgħet tiġi annullata għal din ir-raġuni biss, anki jekk ma kienx ġie stabbilit, barra minn hekk, li l-evalwazzjonijiet magħmula fuq il-mertu mill-Kummissjoni kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 66).

    147

    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ diffikultajiet simili tista’ titfittex, b’mod partikolari, f’dawn l-evalwazzjonijiet u tista’, bħala prinċipju, tiġi stabbilita permezz ta’ motivi jew argumenti mressqa minn rikorrent sabiex jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, anki jekk l-eżami ta’ dawn il-motivi jew argumenti ma jwassalx għall-konklużjoni li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-mertu huma żbaljati fil-fatt jew fid-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punti 6366 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    148

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil‑punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Ryanair kien ibbażat, essenzjalment, fuq in-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari u fuq l-evalwazzjoni differenti tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, minn dan ir-rikors jirriżulta wkoll li, insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti, essenzjalment, irriproduċiet b’mod konċiż l-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi tal-imsemmi rikors, dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, jew irreferiet direttament għal dawn l-argumenti.

    149

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tqis, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li r-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien “nieqes minn kontenut awtonomu” meta mqabbel mal-ewwel tliet motivi tiegħu, fis-sens li, peress li eżaminat fil-mertu dawn l-aħħar motivi, inklużi l-argumenti bbażati fuq in-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni, hija ma kinitx obbligata tevalwa l-fondatezza tar-raba’ motiv ta’ dan ir-rikors b’mod separat, dan iktar u iktar peress li, kif il-Qorti Ġenerali, ukoll ġustament, irrilevat f’dan il-punt tas-sentenza appellata, Ryanair ma kinitx, permezz ta’ dan l-aħħar motiv, enfasizzat elementi speċifiċi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ eventwali “diffikultajiet serji” li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

    150

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat, barra minn hekk, jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta ddeċidiet, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv kien ta’ natura sussidjarja u li kien imċaħħad mill-għan muri tiegħu.

    151

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali żnaturat provi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tagħha tar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

    152

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq is‑sitt aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    153

    Permezz tas-sitt aggravju tagħha, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti sa fejn iddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punti 102 sa 115 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

    154

    Skont l-appellanti, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jagħti x’jifhem li l-kuntest fattwali li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-okkorrenza tal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt li din is-sitwazzjoni seta’ kellha fuq il-kwalità tal-abbozzar tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, jista’ jiskuża l-fatt li ċerti elementi kruċjali fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma neqsin, minkejja li kienu neċessarji għall-appellanti sabiex tkun taf ir-raġunament konkret li fuqu kienu bbażati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Tali interpretazzjoni laxka tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċaħħad l-obbligu ta’ motivazzjoni minn kull sens.

    155

    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    156

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 198 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    157

    Meta, b’mod iktar partikolari, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li tali deċiżjoni, li tittieħed f’termini qosra, għandha tinkludi biss, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 107 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li ma hemmx diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u li anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni li jipprevedi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm tali diffikultajiet, peress li l-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma hijiex suġġetta għal dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 199 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    158

    Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, imfakkra ġustament fil-punti 105 u 107 tas-sentenza appellata, li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

    159

    F’dan ir-rigward, sa fejn Ryanair tilmenta, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, naqqset ir-rekwiżiti relatati mal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl tal-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 li fih kienet ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jindika li, billi rreferiet, fil-punti 102 sa 115 tas-sentenza appellata, għall-kriżi marbuta ma’ din il-pandemija, il-Qorti Ġenerali riedet tiġġustifika permezz ta’ din iċ-ċirkustanza nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    160

    Sa fejn Ryanair tirreferi, min-naħa l-oħra, għal ċertu numru ta’ elementi speċifiċi li fuqhom il-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, ma ddeċidietx jew ma evalwatx fid-deċiżjoni kkontestata, bħall-konformità tal-miżura inkwistjoni mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-vantaġġ kompetittiv mogħti lil SAS, il-metodu ta’ kalkolu tad-dannu u tal-ammont tal-għajnuna, peress li r-raġunijiet preċiżi li għalihom SAS ġiet ittrattata fl-Isvezja b’mod differenti mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra li joperaw f’dan l-Istat Membru li sofrew danni kif ukoll is-sussidjarjetà tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tas-sistema ta’ għajnuna Svediża, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 108 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi eżaminat kull wieħed minn dawn l-elementi, ikkunsidrat li dawn jew ma kinux rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, jew li kien suffiċjentement fid-dritt li jsir riferiment għalihom f’din id-deċiżjoni sabiex ir-raġunament tal-Kummissjoni jinftiehem f’dan id-dawl.

    161

    Issa, ma jidhirx li, permezz ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 156 u 157 ta’ din is-sentenza, peress li din il-motivazzjoni tippermetti, f’dan il-każ, lil Ryanair tkun taf il-ġustifikazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħha, kif jirriżulta barra minn hekk mis-sentenza appellata.

    162

    Barra minn hekk, sa fejn l-argument imressaq fil-kuntest tas-sitt aggravju huwa intiż fir-realtà sabiex juri li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi ta’ evalwazzjoni insuffiċjenti jew ġuridikament żbaljata tal-Kummissjoni, dan l-argument, li jirrigwarda l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni pjuttost milli r-rekwiżit ta’ motivazzjoni bħala formalità essenzjali, għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 157 ta’ din is-sentenza.

    163

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

    164

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali żnaturat punti ta’ fatt, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, meta eżaminat il-ħames motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

    165

    Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    166

    Billi ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l‑ispejjeż

    167

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    168

    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-parti li rebħet. Peress li l-appellanti tilfet u l-Kummissjoni kif ukoll is-SAS talbu li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dan l-appell.

    169

    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja intervenjenti fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza u li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Ryanair DAC għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn SAS AB.

     

    3)

    Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top