Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0289

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Novembru 2022.
    IG vs Varhoven administrativen sad.
    Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ‐ Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Regola proċedurali nazzjonali li tipprevedi li rikors intiż sabiex jikkontesta l-konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni jsir mingħajr skop jekk id-dispożizzjoni tiġi mħassra matul il-proċedura.
    Kawża C-289/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:920

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    24 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Regola proċedurali nazzjonali li tipprevedi li rikors intiż sabiex jikkontesta l-konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni jsir mingħajr skop jekk id-dispożizzjoni tiġi mħassra matul il-proċedura”

    Fil-Kawża C‑289/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

    IG

    vs

    Varhoven administrativen sad,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ April 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal IG, minn G. Chernicherska u A. Slavchev, advokati,

    għall-Varhoven administrativen sad, minn A. Adamova-Petkova, T. Kutsarova-Hristova u M. Semov,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u G. Koleva, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IG u Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) dwar il-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minn IG minħabba deċiżjoni ta’ dik il-qorti nazzjonali, li kkonstatat li r-rikors ippreżentat minn IG kontra dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali ma għadx għandu skop wara l-emenda tad-dispożizzjoni kkontestata.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-Artikolu 9, intitolat “Arloġġi”, tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 113, p. 24), jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, il-klijent aħħari tal-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u tal-ilma sħun fid-djar jingħataw arloġġi individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum finali ta’ enerġija mill-klijent u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu.

    Tali arloġġi individwali bi prezz kompetittiv għandhom jiġu dejjem ipprovduti meta:

    (a)

    arloġġ eżistenti jinbidel, sakemm dan ma jkunx teknikament impossibbli jew ma jkunx kosteffettiv meta wieħed jikkunsidra l-iffrankar potenzjali stmat fuq tul ta’ żmien.

    (b)

    ssir konnessjoni ġdida f’bini ġdid jew f’bini li fih isiru rinnovazzjonijiet kbar, kif stipulat fid-Direttiva 2010/31/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 13)].

    […]

    3.   […]

    Fejn binjiet b’aktar minn appartament wieħed moqdija minn tisħin jew tkessiħ distrettwali, jew fejn is-sistemi komuni tagħhom ta’ tisħin jew tkessiħ għal tali binjiet ikunu prevalenti, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu regoli trasparenti dwar l-allokazzjoni tal-ispiża ta’ konsum termali jew tal-misħun f’tali bini biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-preċiżjoni tal-kontijiet tal-konsum individwali. Fejn ikun xieraq, tali regoli għandhom jinkludu linji gwida dwar il-mod ta’ allokazzjoni ta’ spejjeż tas-sħana u/jew tal-misħun li hu użat kif ġej:

    (a)

    misħun għall-ħtiġijiet domestiċi;

    (b)

    sħana mormija mill-installazzjoni tal-bini u għall-iskop tat-tisħin taż-żoni komuni (fejn it-taraġ u l-kurituri jkunu mgħammra b’radjaturi);

    (c)

    għall-iskop tat-tisħin ta’ appartamenti.”

    4

    L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jirrigwarda, skont it-titolu tiegħu, l-“Informazzjoni dwar il-kontijiet”.

    Id‑dritt Bulgaru

    Il‑Liġi dwar l‑Enerġija

    5

    L-Artikolu 155 taż-zakon za energetikata (il-Liġi dwar l-Enerġija, DV Nru 107 tad‑9 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jiddisponi:

    “(1)   […] Il-klijenti li jikkonsmaw l-enerġija termali f’kondominju għandhom iħallsu l-enerġija termali kkonsmata b’wieħed mill-modi li ġejjin, skont l-għażla tagħhom:

    1.

    […] 11‑il pagament b’rata fissa ta’ kull xahar u pagament ta’ regolarizzazzjoni ta’ kull xahar;

    2.

    pagamenti ta’ kull xahar ikkalkolati abbażi tal-konsum previst għall-proprjetà immobbli, u pagament ta’ regolarizzazzjoni ta’ kull xahar;

    3.

    skont il-konsum reali.

    (2)   […] L-impriża ta’ distribuzzjoni tas-sħana jew il-fornitur tal-enerġija termali għandhom jiffatturaw il-kwantità ta’ enerġija termali kkonsmata abbażi tal-konsum effettiv mill-inqas darba fis-sena.

    (3)   […] Ir-regoli għad-determinazzjoni tal-konsum previst u l-kumpens tas-somom imħallsa meta mqabbla mal-enerġija termali effettivament ikkonsmata għal kull klijent għandhom ikunu stabbiliti permezz ta’ [digriet] […]”

    Id‑Digriet dwar il‑Provvista tat‑Tisħin Distrettwali

    6

    L-Artikolu 61(1) tal-naredba no 16‑334 g. za toplocnabdyavaneto (id-Digriet Nru 16‑334 dwar il-Provvista tat-Tisħin Distrettwali) tas‑6 ta’ April 2007 (DV Nru 34 tal‑24 ta’ April 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-Provvista tat-Tisħin Distrettwali”), kien jiddisponi:

    “[…] Id-distribuzzjoni tal-konsum tal-enerġija termali f’kondominju għandu jsir […] skont ir-rekwiżiti ta’ dan id-digriet u tal-anness tiegħu.”

    7

    L-anness tad-Digriet dwar il-Provvista tat-Tisħin Distrettwali kien jistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu tad-distribuzzjoni tal-konsum tal-enerġija termali f’kondominji.

    Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva

    8

    L-Artikolu 156 tal-administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) (DV Nru 30 tal‑11 ta’ April 2006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva”), jiddisponi:

    “(1)   […] [B]il-qbil mal-konvenuti l-oħra u mal-partijiet ikkonċernati li jibbenefikaw mill-att ikkontestat, l-awtorità amministrattiva tista’ tirtira l-att kollu jew parti minnu jew tadotta dak li hija rrifjutat l-adozzjoni tiegħu.

    (2)   Il-kunsens tar-rikorrent huwa wkoll neċessarju għall-finijiet tal-irtirar tal-att wara li tinżamm l-ewwel seduta.

    (3)   L-att irtirat jista’ jiġi adottat għal darba oħra biss jekk ikun hemm ċirkustanzi ġodda.

    (4)   Jekk l-azzjoni kontra l-att tkun akkumpanjata b’talba għad-danni, il-proċedura fir-rigward ta’ din it-talba għandha tkompli.”

    9

    L-Artikolu 187 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jipprevedi:

    “(1)   L-azzjonijiet kontra atti regolatorji ta’ implimentazzjoni ma għandhom ikunu suġġetti għall-ebda terminu.

    (2)   Azzjoni kontra att regolatorju wara li tkun tressqet azzjoni għall-istess raġunijiet hija inammissibbli.”

    10

    L-Artikolu 195 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

    “(1)   Att regolatorju ta’ implimentazzjoni għandu jitqies li ġie annullat mill-jum tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

    (2)   Il-konsegwenzi legali ta’ att regolatorju ddikjarat null jew li jista’ jiġi annullat għandhom jittieħdu ex officio mill-awtorità kompetenti f’terminu massimu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ġudizzjarja.”

    11

    Skont l-Artikolu 204(3) tal-imsemmi kodiċi, meta d-dannu jkun ġie kkawżat minn att amministrattiv irtirat, l-illegalità ta’ dan tal-aħħar għandha tiġi kkonstatata mill-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat ir-rikors għad-danni.

    12

    L-Artikolu 221(4) tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej:

    “Meta l-awtorità amministrattiva, bil-kunsens tal-konvenuti l-oħra, tirtira l-att amministrattiv jew tadotta l-att li l-adozzjoni tiegħu ġiet irrifjutata, il-[Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] għandha tannulla, inkwantu vvizzjata b’irregolarità proċedurali, id-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fir-rigward ta’ dan l-att jew ta’ dan ir-rifjut u ttemm il-kawża.”

    Il‑Liġi dwar ir‑Responsabbiltà tal‑Istat u tal‑Komuni għad‑Danni Kkawżati

    13

    L-Artikolu 1 taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i na obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Komuni għad-Danni Kkawżati, DV Nru 60 tal‑5 ta’ Awwissu 1988) jipprevedi:

    “1.   […] L-Istat u l-komuni huma responsabbli għad-danni kkawżati lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn atti ġuridiċi illegali u atti jew ommissjonijiet illegali tal-korpi u tal-impjegati tagħhom fl-eżerċizzju tal-attività amministrattiva tagħhom […]

    2.   […] L-azzjonijiet imressqa taħt il-paragrafu 1 għandhom jiġu eżaminati skont il-proċedura amministrattiva prevista fil-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva […]”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    14

    IG ippreżenta rikors quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) kontra l-punt 6.1.1 tal-anness tad-Digriet dwar il-Provvista tat-Tisħin Distrettwali (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni”).

    15

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ April 2018, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin, laqgħet ir-rikors u annullat id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, għar-raġuni li din ma kinitx tippermetti li jintlaħaq l-għan, li jirriżulta mill-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2012/27, trasposti fid-dritt Bulgaru permezz tal-Artikolu 155(2) tal-Liġi dwar l-Enerġija, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, li jiġi ggarantit li l-enerġija termali tiġi ffatturata skont il-konsum effettiv.

    16

    Il-ministar na energetikata (il-Ministru għall-Enerġija, il-Bulgarija) ippreżenta appell, quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), bħala kulleġġ ġudikanti ta’ ħames Imħallfin, kontra d-deċiżjoni msemmija fil-punt preċedenti.

    17

    Permezz ta’ digriet ippubblikat fid-Darzhaven vestnik tal‑20 ta’ Settembru 2019, il-leġiżlatur Bulgaru emenda d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni.

    18

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2020, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), bħala kulleġġ ġudikanti ta’ ħames Imħallfin, ikkonstatat li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet ġiet emendata b’dispożizzjoni sussegwenti li tirregola l-istess relazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, dik il-qorti annullat id-deċiżjoni tagħha tat‑13 ta’ April 2018 u qieset li t-tilwima mressqa quddiemha kienet saret mingħajr skop. Skont l-imsemmija qorti, fid-dritt Bulgaru, il-possibbiltà li tittieħed azzjoni kontra atti regolatorji ta’ implimentazzjoni ma hija suġġetta għal ebda terminu, iżda tikkonċerna biss l-atti regolatorji fis-seħħ u mhux dawk li tħassru jew ġew emendati, li ma jaqgħux iktar taħt id-dritt fis-seħħ fil-mument meta l-qorti tiddeċiedi fuq il-mertu. Dik id-deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2020 hija definittiva.

    19

    Għalhekk, IG ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), kontra l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), sabiex jikseb kumpens għall-allegati danni materjali u morali li d-deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2020 ta’ din l-aħħar qorti kkawżatilha. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa jsostni li, permezz ta’ dik id-deċiżjoni, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet fis-seħħ u kellha effett għall-perijodu bejn id-data tal-preżentata tar-rikors tagħha u dik tat-tħassir ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, IG isostni li huwa kien ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll mid-dritt li jibbenefika mill-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-fondatezza tal-ġurisprudenza tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li tgħid li l-emenda ta’ att regolatorju hija ekwivalenti għall-irtirar tiegħu.

    20

    Min-naħa tagħha, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) issostni li deċiżjoni, bħad-deċiżjoni tagħha tal‑11 ta’ Frar 2020, li tikkonstata li t-tilwima mressqa quddiemha ma għadx għandha skop, ma teskludix li l-att inkwistjoni jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ta’ legalità. Fil-fatt, huwa possibbli li jiġi applikat l-Artikolu 204(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, li, bis-saħħa tiegħu, meta d-danni jkunu kkawżati minn att amministrattiv irtirat, il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat ir-rikors għad-danni hija kompetenti sabiex tikkonstata l-illegalità ta’ dan l-att. Konsegwentement, id-dritt ta’ IG għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa ggarantit, sa fejn dan dejjem jista’ titlob kumpens għad-danni li huwa jkun ġarrab minħabba l-adozzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tindika li hija meħtieġa interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta sabiex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. B’mod partikolari, dik il-qorti tistaqsi jekk l-emenda ta’ dispożizzjoni ta’ att regolatorju nazzjonali li kienet is-suġġett, qabel l-emenda tagħha, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata li n-natura tagħha tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, teżentax lill-qorti adita bl-istħarriġ ta’ dik id-deċiżjoni mill-obbligu tagħha li tevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, fil-forma tagħha qabel l-emenda tagħha. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll jekk il-fatt li, f’tali ċirkustanzi, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni titqies li ġiet irtirata jippermettix li jiġi konkluż li l-individwu li jkun ikkontesta l-legalità qabel dan l-irtirar ikun ibbenefika minn rimedju ġudizzjarju effettiv u jekk il-possibbiltà, prevista mid-dritt nazzjonali, li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali biss fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens għad-danni li dan l-individwu jkun ġarrab minħabba l-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali tikkostitwixxi tali azzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-qorti tar-rinviju tindika li għandha dubji f’dan ir-rigward, peress li l-istess dispożizzjoni nazzjonali, fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-emenda tagħha, ser tkompli tirregola r-relazzjonijiet legali li nħolqu matul il-perijodu li fih hija kienet fis-seħħ, filwaqt li att amministrattiv irtirat ma jipproduċi l-ebda effett legali.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-emenda ta’ dispożizzjoni ta’ att normattiv tad-dritt nazzjonali, li fir-rigward tagħha ngħatat, qabel din l-emenda, deċiżjoni minn qorti tal-appell fis-sens li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi ksur ta’ norma effettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, teżenta lill-qorti tal-kassazzjoni mill-obbligu li tistħarreġ id-dispożizzjoni li kienet applikabbli sal-emenda, b’mod partikolari mill-perspettiva ta’ jekk din id-dispożizzjoni kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni?

    2)

    Il-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni titqies li tħassret jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju effettiv għall-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (f’dan il-każ mill-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva [2012/27], u b’mod partikolari tikkostitwixxi tali rimedju l-possibbiltà, prevista fid-dritt nazzjonali, li l-evalwazzjoni tal-konformità tad-dispożizzjoni nazzjonali qabel l-emenda mad-dispożizzjoni tad-dritt Ewropew titwettaq biss fil-każ li l-qorti tiġi adita b’kawża konkreta li fiha jintalbu danni minħabba din id-dispożizzjoni u dan fir-rigward biss tal-persuna li tkun fetħet il-kawża?

    3)

    Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, huwa permess li d-dispożizzjoni inkwistjoni tibqa’ tirregola r-relazzjonijiet pubbliċi fil-perijodu bejn l-adozzjoni tagħha u l-emenda tagħha fir-rigward ta’ grupp indefinit ta’ persuni li ma fetħux kawża għal kumpens quddiem qorti, u għalhekk ma tkunx twettqet evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali qabel l-emenda mad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ dawn il-persuni?”

    Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

    23

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) issostni, l-ewwel, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din it-talba ma tinkludix l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li tali rabta hija, fi kwalunkwe każ, nieqsa.

    24

    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll li tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet din il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Għalhekk, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, miġbura fil-qosor fil-punti 14 sa 21 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li din il-qorti hija adita b’rikors għad-danni, ippreżentat minn IG, intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minn dan tal-aħħar minħabba l-ommissjoni tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li tiddeċiedi fl-aħħar istanza fuq ir-rikors għal annullament tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ppreżentat minn IG.

    27

    Skont dawn l-istess indikazzjonijiet, insostenn ta’ dan ir-rikors għal annullament, IG sostna li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/27, ħaġa li, barra minn hekk, ġiet deċiża mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin, fid-deċiżjoni tagħha tat‑13 ta’ April 2018, li laqgħet dan ir-rikors. Il-qorti tar-rinviju tesponi wkoll li, insostenn tar-rikors għad-danni tagħha, IG isostni li, billi ddeċidiet, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali Bulgaru, li r-rikors għal annullament tiegħu kien sar mingħajr skop wara t-tħassir tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), bħala kulleġġ ġudikanti ta’ ħames Imħallfin, kisret id-dritt tal-Unjoni, peress li kisret id-dritt ta’ IG għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkawża d-dannu allegatament imġarrab minn IG, li għalih dan tal-aħħar qiegħed ifittex il-kumpens quddiem il-qorti tar-rinviju.

    28

    Dawn l-indikazzjonijiet jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejnu u, b’mod partikolari, ir-regoli proċedurali tad-dritt Bulgaru li wasslu lill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), bħala kulleġġ ġudikanti ta’ ħames Imħallfin, sabiex tiddeċiedi li r-rikors għal annullament ta’ IG ma kienx għad għandu skop, li, skont dan tal-aħħar, ikkawżalu dannu.

    29

    Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

    30

    It-tieni, fir-rigward tal-argument tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li jgħid li, essenzjalment, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li hija intiża sabiex tikkontesta l-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni ta’ dik il-qorti tal‑11 ta’ Frar 2020, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minn IG minħabba din l-aħħar deċiżjoni li, skont IG, tikser id-dritt tal-Unjoni. Issa, ir-rikonoxximent tal-prinċipju li l-Istat jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, minħabba d-deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, ma għandux fih innifsu l-konsegwenza li jikkontesta l-awtorità ta’ res judicata ta’ tali deċiżjoni (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 39).

    31

    Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

    32

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola proċedurali ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, meta dispożizzjoni tad-dritt intern kkontestata permezz ta’ rikors għal annullament minħabba li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni titħassar u ma tibqax, għalhekk, ikollha effetti fil-futur, it-tilwima titqies li ma għadx għandha skop, b’tali mod li ma jkunx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni.

    33

    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-proċeduri tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm, madankollu, dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (il-prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270), punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta ma jirrikjedix, bħala tali, l-eżistenza ta’ rimedju awtonomu intiż, prinċipalment, sabiex jikkontesta l-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, sakemm jeżisti rimedju ġudizzjarju wieħed jew iktar li jippermettu, b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 47, u tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 96).

    35

    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu minnhom jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu żgurati mill-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilha, peress li dan il-prinċipju huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 54).

    36

    Issa, l-ewwel u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-każ ta’ Stat Membru li għażel li jipprevedi, fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, rimedju awtonomu, li jippermetti li jintalab l-annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li jipprevedi li, fil-każ ta’ tħassir ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikors għal annullament għandu jitqies li ma għadx għandu skop, b’tali mod li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuqu.

    37

    Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, huwa neċessarju li jiġi evalwat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza, jekk tali leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    38

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, regola proċedurali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi ma’ dan il-prinċipju sa fejn tapplika mingħajr distinzjoni għal kull rikors għal annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali, tkun xi tkun il-bażi tiegħu, u mhux biss għar-rikorsi bbażati fuq in-natura tad-dispożizzjoni kkontestata li allegatament tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

    39

    F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-regola proċedurali li wasslet lill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tiddeċiedi li r-rikors għal annullament ta’ IG ma kienx għad għandu skop ma huwiex esklużivament applikabbli għar-rikorsi għal annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali bbażati fuq motivi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa fil-fatt il-każ.

    40

    Bla ħsara għal din il-verifika, tali regola proċedurali nazzjonali tidher li hija konformi mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

    41

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju ta’ effettività ta’ regola proċedurali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, ċertament, li t-tħassir ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma għandux l-istess effett, fid-dritt, bħall-annullament tagħha.

    42

    Fil-fatt, filwaqt li t-tħassir ta’ tali dispożizzjoni għandu effett biss fil-futur (ex nunc), b’tali mod li ma jqegħidx inkwistjoni n-natura kweżita tal-effetti legali prodotti mid-dispożizzjoni mħassra fuq sitwazzjonijiet eżistenti, l-annullament ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali topera b’mod retroattiv (ex tunc), bħala prinċipju, mid-data tal-adozzjoni tagħha, b’tali mod li l-effetti prodotti minnha fuq sitwazzjonijiet eżistenti jisparixxu sa minn din l-istess data.

    43

    Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi rrilevat ukoll li ma huwiex eskluż li t-tħassir, matul il-proċedura, ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li rikorrent jitlob l-annullament tagħha jipproduċi, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, l-istess effetti legali bħall-annullament li huwa jkun talab.

    44

    Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk, permezz tar-rikors għal annullament tiegħu, dan ir-rikorrent ikollu l-intenzjoni biss li jikseb li d-dispożizzjoni kkontestata ma tipproduċix, fil-futur, effetti legali li huwa jikkunsidra bħala dannużi, filwaqt li l-effetti possibbilment diġà prodotti mill-istess dispożizzjoni ma jikkonċernawhx.

    45

    Għalhekk, fil-każ previst fiż-żewġ punti preċedenti, ma jistax jitqies li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-qorti adita b’rikors għal annullament kontra d-dispożizzjoni mħassra tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, minħabba li dan ir-rikors ma għadx għandu skop. Fil-fatt, ikun eċċessiv, f’tali sitwazzjoni, li l-qorti nazzjonali kompetenti tintalab tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża, filwaqt li, minħabba t-tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata, ir-rikorrent ikun diġà kiseb ir-riżultat li huwa xtaq jikseb permezz tal-preżentata tar-rikors għal annullament tiegħu.

    46

    Madankollu, huwa wkoll possibbli li, billi jitlob l-annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali, rikorrent ifittex li jikseb ukoll dak tal-effetti legali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li jikkawżawlu preġudizzju. F’tali każ, is-sempliċi tħassir tal-imsemmija dispożizzjoni ma jkollux bħala konsegwenza t-tneħħija ta’ dawn l-effetti fil-passat u l-applikazzjoni, f’tali sitwazzjoni, ta’ dispożizzjoni proċedurali nazzjonali li bis-saħħa tagħha tintemm il-kawża minħabba li ma għadx għandha skop tista’ ċċaħħad lir-rikorrent minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    47

    Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata għas-sempliċi raġuni li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-Istat Membru kkonċernat ma kienx obbligat jipprevedi, fid-dritt intern tiegħu, rimedju awtonomu intiż sabiex jikkontesta l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, jew li dan id-dritt intern jipprevedi rikors għal kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

    48

    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-individwi għandhom jagħżlu, minn fost ir-rimedji differenti possibbilment previsti mid-dritt intern, dak li huma jqisu li jikkorrispondi bl-aħjar mod mal-għanijiet tagħhom u li għalih huma jiddedikaw il-mezzi tagħhom.

    49

    Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li individwu li jqis ruħu li kien leż mill-effetti li rriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li allegatament tmur kontra direttiva jiddeċiedi, għall-finijiet tat-tħassir ta’ dawn l-effetti, li jippreżenta rikors għal annullament kontra din id-dispożizzjoni, meta tali rimedju jkun previst mid-dritt intern, iktar milli rikors għad-danni kontra l-Istat Membru kkonċernat.

    50

    Fil-fatt, l-annullament tad-dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-direttiva inkwistjoni jwassal ukoll għall-eliminazzjoni, b’mod retroattiv, tal-effetti legali li din id-dispożizzjoni tkun ipproduċiet, ħaġa li dan l-individwu jqis li jista’ jkun preferibbli għal danni possibbli dovuti mill-Istat Membru kkonċernat, bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba dawn l-effetti legali.

    51

    Għalhekk mill-motivi li jinsabu fil-punti 48 sa 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ rikorrent ċittadin ta’ Stat Membru li d-dritt intern tiegħu ma jipprevedix rimedju awtonomu intiż, prinċipalment, sabiex jikkontesta l-konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ individwi fi Stat Membru ieħor li d-dritt proċedurali intern tiegħu jipprevedi tali rikors li, madankollu, jista’ jitqies li ma għadx għandu skop fil-każ ta’ tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata.

    52

    F’dan l-aħħar każ, id-deċiżjoni li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-każ ta’ tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata, mingħajr ma jkun possibbli għar-rikorrent li juri li, minkejja dan it-tħassir, huwa għad għandu interess fl-annullament tal-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lil dan ir-rikorrent mid-dritt tal-Unjoni.

    53

    Il-possibbiltà, għall-imsemmi rikorrent, li jippreżenta, f’tali każ, rikors għad-danni ġdid kontra l-Istat Membru kkonċernat, intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-effetti li rriżultaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata u, għal dan l-għan, li jiġi deċiż, din id-darba b’mod inċidentali, li din id-dispożizzjoni hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit id-dritt tal-istess rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ma huwiex eskluż li dan jirriżulta f’inkonvenjenzi proċedurali għalih, f’termini, b’mod partikolari, ta’ spejjeż, ta’ dewmien u ta’ regoli ta’ rappreżentazzjoni, li jkunu ta’ natura tali li jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 51).

    54

    Dan jirriskja a fortiori li jkun il-każ jekk it-tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata u l-konstatazzjoni tat-telf tal-iskop tar-rikors intiż għall-annullament tiegħu jseħħu fi stadju avvanzat tal-proċedura, bħalma kien il-każ hawnhekk, fejn it-telf tas-suġġett tat-tilwima jkun ġie kkonstatat fl-istanza ta’ kassazzjoni.

    55

    Minn dan isegwi li, għalkemm il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva rrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni ma jistax jipprekludi, fil-każijiet kollha, li rikors għal annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali li allegatament tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jiġi kkunsidrat bħala li ma għadx għandu skop fil-każ ta’ tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata, huwa jipprekludi, mill-banda l-oħra, l-għeluq tal-proċedura għal tali raġuni mingħajr ma l-partijiet ikunu jistgħu jinvokaw minn qabel l-interess possibbli tagħhom sabiex titkompla l-proċedura u, għaldaqstant, mingħajr ma din id-deċiżjoni tieħu inkunsiderazzjoni tali interess.

    56

    Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-prinċipju ta’ effettività kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola proċedurali ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, meta dispożizzjoni tad-dritt intern ikkontestata permezz ta’ rikors għal annullament minħabba li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni titħassar u ma tibqax, għalhekk, ikollha effetti fil-futur, it-tilwima titqies li ma għadx għandha skop b’tali mod li ma jkunx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni, mingħajr ma l-partijiet ikunu setgħu preċedentement jsostnu l-interess possibbli tagħhom fit-tkomplija tal-proċedura u mingħajr ma jkun ġie kkunsidrat tali interess.

    Fuq it‑tielet domanda

    57

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l‑ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-prinċipju ta’ effettività kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola proċedurali ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, meta dispożizzjoni tad-dritt intern ikkontestata permezz ta’ rikors għal annullament minħabba li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni titħassar u ma tibqax, għalhekk, ikollha effetti fil-futur, it-tilwima titqies li ma għadx għandha skop b’tali mod li ma jkunx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni, mingħajr ma l-partijiet ikunu setgħu preċedentement jsostnu l-interess possibbli tagħhom fit-tkomplija tal-proċedura u mingħajr ma jkun ġie kkunsidrat tali interess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top